|
23.2.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 46/12 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/108/PESK
tat-22 ta' Frar 2010
li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika tal-Moldova
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 28, 31(2) u 33 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fil-15 ta' Frar 2007, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2007/107/PESK (1) li taħtar lis-Sur Kálmán MIZSEI bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) fir-Repubblika tal-Moldova. |
|
(2) |
Fis-16 ta' Frar 2009, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2009/132/PESK (2) li testendi l-mandat tar-RSUE sat-28 ta' Frar 2010. |
|
(3) |
Il-mandat tar-RSUE għandu jiġi estiż sal-31 ta' Awwissu 2010. Madankollu, il-mandat tar-RSUE jista' jiġi tterminat qabel, jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk, fuq rakkomandazzjoni tar- Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ) wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni li tistabbilixxi s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna. |
|
(4) |
Ir-RSUE ser jimplementa l-mandat tiegħu fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' tagħmel ħsara lill-objettivi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea
Il-mandat tas-Sur Kálmán MIZSEI bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) fir-Repubblika tal-Moldova huwa b'dan estiż sal-31 ta' Awwissu 2010. Il-mandat tar-RSUE jista' jiġi tterminat qabel, jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk, fuq rakkomandazzjoni tar-RGħ wara għad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni li tistabbilixxi s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.
Artikolu 2
Objettivi ta' politika
1. Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi ta' politika tal-Unjoni Ewropea (UE) fir-Repubblika tal-Moldova. Dawn l-objettivi jinkludu li:
|
(a) |
jikkontribwixxi għal soluzzjoni paċifika tal-kunflitt tat-Transnistrija u għall-implimentazzjoni ta’ tali riżoluzzjoni abbażi ta’ soluzzjoni vijabbli, b'rispett għas-sovranità u l-integrità territorjali tar-Repubblika tal-Moldova fi ħdan il-fruntieri internazzjonalment rikonoxxuti tagħha; |
|
(b) |
jikkontribwixxi għat-tisħiħ tad-demokrazija, l-istat ta' dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali għaċ-ċittadini kollha tar-Repubblika tal-Moldova; |
|
(c) |
jippromwovi r-relazzjonijiet tajba u mill-qrib bejn ir-Repubblika tal-Moldova u l-Unjoni abbażi ta’ valuri u interessi komuni u kif stabbiliti fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV); |
|
(d) |
jassisti fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u ta’ armi u ta' merkanzija oħra, mir-Repubblika tal-Moldova u li jgħaddu minnha; |
|
(e) |
jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-istabbiltà u l-kooperazzjoni fir-reġjun; |
|
(f) |
isaħħaħ l-effikaċja u l-viżibbiltà tal-Unjoni fir-Repubblika tal-Moldova u fir-reġjun; |
|
(g) |
isaħħaħ l-effikaċja tal-kontrolli tal-fruntiera u dawk doganali u s-sorveljanza tal-attivitajiet fil-fruntiera fir-Repubblika tal-Moldova u fl-Ukrajna tul il-fruntiera komuni tagħhom, b'attenzjoni partikolari għat-taqsima Transnistrijana, notevolment permezz ta' Missjoni tal-Fruntiera tal-UE. |
2. Ir-RSUE għandu jappoġġa l-ħidma tar-RGħ fir-Repubblika tal-Moldova u r-reġjun.
Artikolu 3
Mandat
1. Sabiex jinkisbu l-objettivi tal-politika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:
|
(a) |
isaħħaħ il-kontribut tal-Unjoni għar-riżoluzzjoni tal-kunflitt tat-Transnistrija skont l-objettivi miftiehma tal-politika tal-Unjoni u f’koordinazzjoni mill-qrib mal-OSCE, billi filwaqt li jirrappreżenta lill-Unjoni permezz tal-mezzi adatti u f’fora miftiehma u billi jiżviluppa u jżomm kuntatti mill-qrib mal-atturi rilevanti kollha; |
|
(b) |
jgħin fit-tħejjija, skont il-każ, tal-kontributi tal-Unjoni għall-implimentazzjoni ta’ riżoluzzjoni eventwali tal-kunflitt; |
|
(c) |
isegwi mill-qrib l-iżviluppi politiċi fir-Repubblika tal-Moldova, anke fir-reġjun Transnistrijan, billi jiżviluppa u jżomm kuntatti mill-qrib mal-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova u atturi domestiċi oħra, u joffri skont il-każ il-konsulenza u l-faċilitazzjoni tal-Unjoni; |
|
(d) |
jassisti fl-iżvilupp ulterjuri tal-politika tal-Unjoni lejn ir-Repubblika tal-Moldova u r-reġjun, b’mod partikolari fir-rigward tal-prevenzjoni ta’ kunflitti u r-riżoluzzjoni ta’ kunflitti; |
|
(e) |
permezz ta' grupp ta' appoġġ immexxi mill-Konsulent Politiku Anzjan għar-RSUE:
|
|
(f) |
jingħata kontribut fl-implimentazzjoni tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u tal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod partikolari fir-rigward tat-tfal u n-nisa f'żoni milquta mill-konflitt, speċjalment billi jiġu monitorjati u indirizzati l-iżviluppi f'dan ir-rigward. |
2. Għall-fini tat-twettiq tal-mandat tiegħu, ir-RSUE għandu jżomm vista ġenerali tal-attivitajiet kollha tal-Unjoni, partikolarment l-aspetti rilevanti tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-PEV.
Artikolu 4
Implimentazzjoni tal-mandat
1. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat waqt li jaġixxi taħt l-awtorità u tar-RGħ.
2. Il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) għandu jżomm kollegament privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt ta' kuntatt primarju tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u direzzjoni politika lir-RSUE fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.
Artikolu 5
Finanzjament
1. L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE fil-perijodu mill-1 ta' Marzu 2010 sal-31 ta' Awwissu 2010 għandu jkun ta' EUR 1 025 000.
2. In-nefqa ffinanzjata mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandha tkun eliġibbli mill-1 ta' Marzu 2010. In-nefqa għandha tiġi amministrata konformement mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.
3. L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli quddiem il-Kummissjoni għal kull infiq.
Artikolu 6
Struttura u kompożizzjoni tat-tim
1. Fil-limiti tal-mandat tiegħu u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-istruttura tat-tim tiegħu. It-tim għandu jinkludi t-tagħrif espert dwar kwistjonijiet speċifiċi ta' politika kif meħtieġ mill-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni infurmati fil-pront dwar il-kompożizzjoni tat-tim tiegħu.
2. L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jipproponu li l-issekondar ta' persunal sabiex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju tal-persunal li jkun issekondat minn Stat Membru jew minn istituzzjoni tal-Unjoni lir-RSUE għandu jiġi kopert mill-Istat Membru jew mill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernati. Esperti ssekondati mill-Istati Membri għas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jistgħu jiġu stazzjonati wkoll mar-RSUE. Il-persunal internazzjonali b'kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta' Stat Membru.
3. Il-persunal kollu ssekondat għandu jibqa' taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru jew l-istituzzjoni tal-Unjoni emittenti u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.
Artikolu 7
Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u l-persunal tiegħu
Il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla tfixkil tal-missjoni tar-RSUE u l-membri tal-persunal tiegħu għandhom jiġu miftehmin mal-parti/jiet ospitanti kif ikun jeħtieġ il-każ. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għal dan l-għan.
Artikolu 8
Sigurtà ta' informazzjoni klassifikata tal-UE
Ir-RSUE u l-membri tat-tim tiegħu għandhom jirrispettaw il-prinċipji u l-istandards ta' sigurtà minimi stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta' Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti tal-Kunsill rigward is-sigurtà (3), b'mod partikolari fil-ġestjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE.
Artikolu 9
Aċċess għal informazzjoni u appoġġ loġistiku
1. L-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li r-RSUE jingħata aċċess għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.
2. Id-delegazzjoni tal-Unjoni u/jew l-Istati Membri, skont il-każ, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.
Artikolu 10
Sigurtà
Konformement mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà ta' persunal skjerat barra l-Unjoni f'kapaċità operazzjonali taħt it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, f'konformità mal-mandat tiegħu u s-sitwazzjoni ta' sigurtà fiż-żona ġeografika taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tiegħu, notevolment billi:
|
(a) |
jistabbilixxi pjan ta' sigurtà speċifiku għall-missjoni bbażat fuq il-gwida tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, li jinkludi miżuri ta' sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi għall-missjoni, li jirregola l-ġestjoni tal-moviment mingħajr periklu tal-persunal lejn, u ġewwa, iż-żona tal-missjoni, kif ukoll il-ġestjoni ta' inċidenti ta' sigurtà u li jinkludi pjan ta' kontinġenza u ta' evakwazzjoni tal-missjoni; |
|
(b) |
jiżgura li l-persunal kollu skjerat barra mill-Unjoni jkun kopert b'assigurazzjoni ta' riskju għoli kif meħtieġ mill-kondizzjonijiet fiż-żona tal-missjoni; |
|
(c) |
jiżgura li l-membri kollha tat-tim tiegħu li jridu jiġu skjerati barra l-Unjoni, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, ikunu ħadu taħriġ ta' sigurtà xieraq qabel u mal-wasla fiż-żona tal-missjoni, ibbażat fuq il-klassifikazzjoni ta' riskju mogħtija liż-żona ta' missjoni mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill; |
|
(d) |
jiżgura li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet kollha maqbula, magħmula wara valutazzjonijiet regolari ta' sigurtà, u jippreżenta lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta' sigurtà fil-qafas tar-rapport intermedju u tar-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-mandat. |
Artikolu 11
Rapportar
Ir-RSUE għandu jipprovdi regolarment lir-RGħ u lill-KPS b'rapporti bil-fomm u bil-miktub. Jekk ikun meħtieġ, ir-RSUE għandu jippreżenta rapport ukoll lill-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill. Rapporti regolari bil-miktub għandhom jiġu ċċirkolati permezz tan-netwerk COREU. Fuq ir-rakkomandazzjoni tar-RGħ jew tal-KPS, ir-RSUE jista’ jipprovdi rapporti lill-Kunsill Affarijiet Barranin.
Artikolu 12
Koordinazzjoni
1. Ir-RSUE għandu jippromwovi l-koordinazzjoni politika ġenerali tal-Unjoni. Huwa għandu jgħin biex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha tal-Unjoni fuq il-post jaġixxu b'mod koerenti biex jinkisbu l-objettivi ta' politika tal-Unjoni. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma' dawk tal-Presidenza u tal-Kummissjoni, kif ukoll dawk ta' RSUE oħrajn attivi fir-reġjun kif xieraq. Ir-RSUE għandu jipprovdi lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni b'aġġornamenti regolari.
2. Fuq il-post għandhom jinżammu kuntatti mill-qrib mal-Kap tad-delegazzjoni tal-Unjoni u mal-Kapijiet tal-Missjonijiet tal-Istati Membri. Huma għandhom jagħmlu mill-aħjar sabiex jgħinu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE għandu jikkollabora wkoll ma' atturi internazzjonali u reġjonali oħra fuq il-post.
Artikolu 13
Reviżjoni
L-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma' kontributi oħrajn mill-Unjoni lir-reġjun għandhom jiġu riveduti regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni tal-mandat lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni fit-tmiem tal-mandat.
Artikolu 14
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Hija għandha tapplika mill-1 ta' Marzu 2010.
Artikolu 15
Pubblikazzjoni
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Frar 2010.
Għall-Kunsill
Il-President
C. ASHTON
(1) ĠU L 46, 16.2.2007, p. 59.