KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERAI

PIKAMÄE

ippreżentati fid‑29 ta’ Settembru 2022 ( 1 )

Kawżi magħquda C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P

Ir-Renju ta’ Spanja (C‑649/20 P),

Lico Leasing SA u

Pequeños y Medianos Astilleros Sociedad de Reconversión SA (C‑658/20 P)

vs

Il-Kummissjoni Ewropea (C‑649/20 P u C‑658/20 P)

u

Caixabank SA

u partijiet oħra

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

(C‑662/20 P)

“Appelli – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107(1) TFUE – Għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Spanjoli favur ċerti gruppi ta’ interess ekonomiku (GIE) u l-investituri tagħhom – Skema fiskali applikabbli għal ċerti ftehimiet ta’ lokazzjoni-finanzjament għall-akkwist ta’ bastimenti (skema fiskali ta’ leasing fiskali) – Selettività – Irkupru tal-għajnuna – Vantaġġ indirett”

1.

Dawn il-kawżi magħquda għandhom bħala suġġett l-appelli ppreżentati rispettivament mir-Renju ta’ Spanja (Kawża C‑649/20 P), minn Lico Leasing SA u Pequeños y Medianos Astilleros Sociedad de Reconversión SA (iktar ’il quddiem “PYMAR”) (Kawża C‑658/20 P) u minn Caixabank SA et (Kawża C‑662/20 P) kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑23 ta’ Settembru 2020, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (T‑515/13 RENV u T‑719/13 RENV, EU:T:2020:434) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ippreżentat mir-Renju ta’ Spanja intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/200/UE tas‑17 ta’ Lulju 2013 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.21233 C/11 (ex NN/11, ex CP 137/06) mogħtija minn Spanja [–] Reġim tat-taxxa [Skema fiskali] applikabbli għal ċerti ftehimiet ta’ lokazzjoni finanzjarja magħruf ukoll bħala s-Sistema [skema] Spanjola tat-Taxxa tal-Lokazzjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”) ( 2 ), u dak ta’ Lico Leasing u PYMAR intiż, prinċipalment, għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni, sussidjarjament, għall-annullament tal-ordni ta’ rkupru tal-għajnuna mill-Istat u, b’mod iktar sussidjarju, għall-annullament tal-ordni ta’ rkupru għal dak li jikkonċerna l-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna inkompatibbli li għandu jiġi rkuprat.

2.

Din hija t-tieni darba li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba teżamina din l-iskema fiskali Spanjola, li kienet is-suġġett ta’ saga ġudizzjarja vera quddiem il-qrati tal-Unjoni sa mill‑2013, u li tippreżenta ruħha f’forma partikolari inkwantu l-implimentazzjoni tagħha tiddependi mill-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali estiża min-naħa tal-amministrazzjoni fiskali.

3.

Skont it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jikkonċentraw fuq l-aggravji tal-appelli li jqajmu kwistjonijiet legali kumplessi ħafna u li huma importanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli fuq l-għajnuna mill-Istat, jiġifieri dawk li jirrigwardaw il-metodu ta’ analiżi tas-selettività u l-interpretazzjoni tal-ġurisprudenza dwar il-vantaġġ indirett għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata mingħand il-benefiċjarji diretti tagħha.

I. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

4.

Wara lmenti li kkritikaw il-fatt li l-iskema Spanjola ta’ leasing fiskali, kif applikata għal ċerti ftehimiet ta’ lokazzjoni-finanzjament għall-akkwist ta’ bastimenti (iktar ’il quddiem is-“SSLF”), kienet tippermetti lill-kumpanniji tat-tbaħħir li jakkwistaw bastimenti mibnija minn tarzni Spanjoli billi jibbenefikaw minn prezzijiet imnaqqsa b’20 % sa 30 %, il-Kummissjoni Ewropea fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE permezz tad-Deċiżjoni C(2011) 4494 finali, tad‑29 ta’ Ġunju 2011 ( 3 ).

5.

Matul din il-proċedura, il-Kummissjoni kkonstatat li s-SSLF kienet intużat, sad-data tad-deċiżjoni, għal tranżazzjonijiet li jinvolvu l-kostruzzjoni ta’ bastimenti mit-tarzni u l-akkwist tagħhom minn kumpanniji tat-tbaħħir kif ukoll il-finanzjament ta’ dawn it-tranżazzjonijiet permezz ta’ struttura legali u finanzjarja ad hoc implimentata minn bank. Is-SSLF kienet tinvolvi, għal kull ordni ta’ bastiment, kumpannija tat-tbaħħir, tarzna, bank, kumpannija ta’ lokazzjoni-bejgħ u grupp ta’ interess ekonomiku (GIE), ikkostitwit mill-bank u mill-investituri li jixtru ishma f’dan il-GIE. Dan tal-aħħar kien jikri l-bastiment mingħand kumpannija ta’ lokazzjoni-bejgħ sa mill-bidu tal-kostruzzjoni tal-bastiment u jikrieh imbagħad lill-kumpannija tat-tbaħħir abbażi ta’ kuntratt ta’ noleġġ mingħajr ekwipaġġ. Il-GIE kien jintrabat li jixtri l-bastiment fi tmiem il-kuntratt ta’ lokazzjoni-bejgħ, filwaqt li l-kumpannija tat-tbaħħir kienet tintrabat li tixtrieh fi tmiem il-kuntratt ta’ noleġġ mingħajr ekwipaġġ. Skont id-deċiżjoni kontenzjuża, din l-iskema ta’ ppjanar tat-taxxa kienet intiża li tiġġenera vantaġġi fiskali favur investituri miġbura fi ħdan GIE fiskalment trasparenti u sabiex tittrasferixxi parti minn dawn il-vantaġġi lill-kumpannija tat-tbaħħir fil-forma ta’ tnaqqis fuq il-prezz tal-bastiment.

6.

Il-Kummissjoni kkonstatat li t-tranżazzjonijiet imwettqa taħt is-SSLF kienu jiġbru ħames miżuri previsti f’diversi dispożizzjonijiet tar-Real Decreto Legislativo 4/2004, por el que se aprueba el texto refundido de la Ley del Impuesto sobre Sociedades (id-Digriet Leġiżlattiv Irjali 4/2004, li Japprova t-Test Rivedut tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji), tal-5 ta’ Marzu 2004 (iktar ’il quddiem it-“TRLIS”) ( 4 ), u tar-Real Decreto 1777/2004, por el que se aprueba el Reglamento del Impuesto sobre Sociedades (id-Digriet Irjali 1777/2004, li Japprova r-Regolament dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji), tat‑30 ta’ Lulju 2004 (iktar ’il quddiem ir-“RIS”) ( 5 ). Dawn il-ħames miżuri kienu jikkonsistu i) fid-deprezzament aċċellerat tal-assi mikrija, previst fl-Artikolu 115(6) tat-TRLIS; ii) fl-applikazzjoni diskrezzjonali tad-deprezzament antiċipat tal-assi mikrija li tirriżulta mill-Artikolu 48(4) u mill-Artikolu 115(1) tat-TRLIS kif ukoll mill-Artikolu 49 tar-RIS; iii) fid-dispożizzjonijiet li jirrigwarda il-GIE; iv) fis-sistema ta’ tassazzjoni fuq it-tunnellaġġ prevista fl-Artikoli 124 sa 128 tat-TRLIS, u v) fid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 50(3) tar-RIS.

7.

Skont l-Artikolu 115(6) tat-TRLIS, id-deprezzament aċċellerat tal-assi mikrija kien jibda fid-data meta l-attiv ikun jista’ jiffunzjona, jiġifieri mhux qabel ma l-attiv jiġi kkonsenjat lill-kerrej u dan jibda jużah. Madankollu, skont l-Artikolu 115(11) tat-TRLIS, il-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Finanzi jista’, fuq talba tal-kerrej, jiffissa data preċedenti għall-bidu tad-deprezzament. L-Artikolu 115(11) tat-TRLIS kien jimponi żewġ kundizzjonijiet ġenerali għal dan id-deprezzament antiċipat. Il-kundizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-GIE kienu jinsabu fl-Artikolu 48(4) tat-TRLIS. Il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 115(11) tat-TRLIS kienet spjegata fid-dettall fl-Artikolu 49 tar-RIS.

8.

Is-sistema tat-tassazzjoni fuq it-tunnellaġġ ġiet awtorizzata matul is-sena 2002 bħala għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern skont il-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għat-trasport marittimu, tal‑5 ta’ Lulju 1997 (ĠU 1997, C 205, p. 5), kif emendati fis‑17 ta’ Jannar 2004 (ĠU 2004, C 13, p. 3) permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2002) 582 final tas‑27 ta’ Frar 2002 dwar l-għajnuna mill-Istat N 736/2001 mogħtija minn Spanja – Sistema għall-intaxxar tal-kumpanniji tat-trasport marittimu fuq it-tunnellaġġ (ĠU 2004, C 38, p. 4). Taħt din is-sistema, l-impriżi rreġistrati f’wieħed mir-reġistri tal-kumpanniji tat-tbaħħir li kisbu awtorizzazzjoni mill-awtorità fiskali għal dan il-għan jiġu ntaxxati mhux skont il-qliegħ u t-telf tagħhom, imma abbażi tat-tunnellaġġ. Il-leġiżlazzjoni Spanjola tippermetti lill-GIE li jkunu rreġistrati f’wieħed minn dawn ir-reġistri, minkejja li ma humiex kumpanniji tat-tbaħħir.

9.

L-Artikolu 125(2) tat-TRLIS jipprovdi proċedura speċjali għall-bastimenti li jkunu diġà mixtrija fil-mument li huma jgħaddu għas-sistema ta’ tassazzjoni fuq it-tunnellaġġ u għall-bastimenti użati mixtrija meta l-impriża kienet diġà tibbenefika minn din is-sistema. Normalment meta wieħed japplika din is-sistema, l-eventwali qligħ kapitali jiġi ntaxxat bis-sistema ta’ tassazzjoni fuq it-tunnellaġġ u t-tassazzjoni tal-qligħ kapitali, għalkemm ittardjat, jitqies li seħħ meta l-bastiment jinbiegħ jew jiġi skrappjat. Madankollu, b’deroga minn din id-dispożizzjoni, l-Artikolu 50(3) tar-RIS kien jipprovdi li, meta l-bastimenti jinxtraw permezz tal-opzjoni ta’ xiri fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ lokazzjoni-bejgħ approvat minn qabel mill-awtoritajiet fiskali, huma jitqiesu bħala bastimenti ġodda u mhux użati fis-sens tal-Artikolu 125(2) tat-TRLIS, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li huma kienu diġà ġew iddeprezzati, b’mod li l-qligħ kapitali eventwali ma kienx intaxxat. Din id-deroga, li ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni, kienet applikata biss għall-kuntratti ta’ lokazzjoni-bejgħ speċifiċi approvati mill-awtoritajiet fiskali fil-kuntest ta’ talbiet għall-applikazzjoni tad-deprezzament antiċipat skont l-Artikolu 115(11) tat-TRLIS, jiġifieri għall-bastimenti reċentement mibnija u mikrija, mixtrija permezz ta’ tranżazzjonijiet li jaqgħu taħt is-SSLF u, b’eċċezzjoni waħda, li joħorġu mit-tarzni Spanjoli.

10.

Bl-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri kollha, il-GIE kien jirċievi l-vantaġġi fiskali f’żewġ stadji. Fl-ewwel stadju, id-deprezzament antiċipat u aċċellerat tal-bastiment akkwistat b’lokazzjoni-bejgħ kien applikat taħt is-sistema normali tat-taxxa fuq il-kumpanniji, li kien iwassal għal telf kbir għall-GIE, li, minħabba t-trasparenza fiskali tal-GIE, seta’ jitnaqqas mid-dħul proprju tal-investituri pro rata skont il-parteċipazzjoni tagħhom fil-GIE. Filwaqt li dan id-deprezzament antiċipat u aċċellerat tal-ispiża tal-bastiment jiġi sussegwentement ikkumpensat normalment biż-żieda fit-taxxi li jridu jitħallsu meta l-bastiment jiġi kompletament iddepprezzat jew meta l-bastiment jinbiegħ bi qligħ kapitali, l-iffrankar fiskali li jirriżulta mit-trasferiment tat-telf inizjali lill-investituri ġie kkonservat, fit-tieni stadju, grazzi għall-fatt li l-GIE kien jgħaddi taħt is-sistema ta’ tassazzjoni fuq it-tunnellaġġ, li kienet tippermetti li jiġi eżentat totalment il-qligħ li jirriżulta mill-bejgħ tal-bastiment lill-kumpannija tat-tbaħħir.

11.

Filwaqt li qieset li s-SSLF kellha tiġi deskritta bħala “skema”, il-Kummissjoni analizzat ukoll kull waħda mill-miżuri inkwistjoni individwalment. Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, hija ddeċidiet li, fost dawn il-miżuri, dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 115(11) tat-TRLIS (dwar id-deprezzament antiċipat tal-assi mikrija), dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni tas-sistema ta’ tassazzjoni fuq it-tunnellaġġ lill-impriżi, lill-bastimenti jew lill-attivitajiet mhux eliġibbli, u dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 50(3) tar-RIS (iktar ’il quddiem il-“miżuri fiskali inkwistjoni”) kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat lill-GIE u lill-investituri tagħhom, li ġiet mogħtija illegalment mir-Renju ta’ Spanja sa mill‑1 ta’ Jannar 2002, bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE. Il-Kummissjoni ddikjarat li l-miżuri fiskali inkwistjoni kienu inkompatibbli mas-suq intern, ħlief safejn il-miżura jew l-għajnuna kienet tikkorrispondi għal remunerazzjoni konformi mas-suq għall-intervent ta’ investituri finanzjarji u fejn din kienet ġiet ittrasferita lill-impriżi ta’ trasport marittimu li jistgħu jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tal-linji gwida marittimi. Hija ddeċidiet li r-Renju ta’ Spanja kellu jwaqqaf din l-iskema ta’ għajnuna inkwantu din hija inkompatibbli mas-suq intern u kellu jirkupra l-għajnuna inkompatibbli mingħand l-investituri tal-GIE li bbenefikaw minnha, mingħajr ma dawn l-benefiċjarji jistgħu jittrasferixxu l-obbligu tal-irkupru fuq persuni oħra. Madankollu, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma għandux isir l-irkupru tal-għajnuna mogħtija fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet ta’ finanzjament li għalihom l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kienu marbutin li jikkonċedu l-benefiċċju tal-miżuri b’att legalment vinkolanti adottat qabel it‑30 ta’ April 2007, li hija d-data tal-pubblikazzjoni f’Il‑Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tad-Deċiżjoni 2007/256/CE tagħha, tal‑20 ta’ Diċembru 2006, dwar l-iskema ta’ għajnuna pprovduta minn Franza abbażi tal-Artikolu 39 CA tal-kodiċi ġenerali tat-taxxi – Għajnuna mill-Istat C 46/04 (ex NN 65/04) (ĠU 2007, L 112, p. 41).

II. Il‑proċedura ta’ qabel l‑appell u s‑sentenza appellata

12.

Permezz ta’ rikorsi separati ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑25 ta’ Settembru u fit‑30 ta’ Diċembru 2013, ir-Renju ta’ Spanja, minn naħa, kif ukoll Lico Leasing SA u PYMAR, min-naħa l-oħra, ippreżentaw rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Iż-żewġ kawżi ngħaqdu għall-finijiet tas-sentenza.

13.

Permezz ta’ sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (T‑515/13 u T‑719/13, EU:T:2015:1004), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża. Adita b’appell mill-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju ta’ Spanja et (C‑128/16 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja et”, EU:C:2018:591), annullat sussegwentement dik is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, bagħtet lura l-kawża quddiem dik il-qorti, irriżervat l-ispejjeż u ordnat li l-partijiet intervenjenti fl-appell ibatu l-ispejjeż tagħhom.

14.

Fis-sentenza mogħtija wara li l-kawża ntbagħtet lura quddiemha, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ilment ibbażat fuq żball fl-eżami tas-selettività tas-SSLF billi ddeċidiet, essenzjalment, li l-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali estiża tal-amministrazzjoni fiskali biex tagħti awtorizzazzjoni għad-deprezzament antiċipat kienet suffiċjenti biex is-SSLF tiġi deskritta bħala selettiva fl-intier tagħha. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipji applikabbli għall-irkupru minħabba l-metodu ta’ kalkolu tal-għajnuna inkompatibbli, billi qieset li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball meta hija ordnat l-irkupru tal-għajnuna kollha mingħand l-investituri tal-GIE, minkejja li parti mill-vantaġġ kien ġiet ittrasferita lil terzi.

15.

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet imbagħad ir-rikorsi kollha.

III. It‑talbiet tal‑partijiet u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

16.

Permezz tal-appell tiegħu fil-Kawża C‑649/20 P, ir-Renju ta’ Spanja jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tiddeċiedi b’mod definittiv fuq il-kawża billi tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

17.

Il-Kummissjoni titlob li l-appell jiġi miċħud u li r-Renju ta’ Spanja jiġi kkundannat għall-ispejjeż.

18.

Permezz tal-appell tagħhom fil-Kawża C‑658/20 P, Lico Leasing u PYMAR jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

19.

Caixabank et jressqu talbiet fl-istess sens.

20.

Il-Kummissjoni titlob li l-appell jiġi miċħud u li Lico Leasing u PYMAR kif ukoll Caixabank et jiġu kkundannati għall-ispejjeż.

21.

Permezz tal-appell tagħhom fil-Kawża C‑662/20 P, Caixabank et jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża, b’mod partikolari l-Artikolu 1(1) tagħha, u, b’mod sussidjarju, l-Artikolu 4(1) tagħha u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

22.

Decal España SA, li ġiet aċċettata tintervjeni insostenn tat-talbiet ta’ Caixabank et permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑2 ta’ Awwissu 2021, tressaq talbiet fl-istess sens.

23.

Il-Kummissjoni titlob li l-appell jiġi miċħud bħala inammissibbli u, b’mod sussidjarju, bħala infondat, kif ukoll il-kundanna ta’ Caixabank et u ta’ Decal España għall-ispejjeż.

24.

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑26 ta’ April 2022, it-tliet kawżi (C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P) ingħaqdu, skont l-Artikolu 54 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

25.

Ir-Renju ta’ Spanja, Lico Leasing, Caixabank et, Decal España u l-Kummissjoni nstemgħu waqt is-seduta, li nżammet fil‑15 ta’ Ġunju 2022.

IV. Fuq l‑appell

26.

Skont it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jikkonċentraw fuq l-aggravju li jirrigwarda n-natura selettiva tal-għajnuna allegata (it-tieni aggravju fil-Kawża C‑649/20 P, l-ewwel aggravju fil-Kawża C‑658/20 P u l-ewwel aggravju fil-Kawża C‑662/20 P) u fuq id-determinazzjoni tal-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata (ir-raba’ aggravju fil-Kawża C‑649/20 P, ir-raba’ aggravju fil-Kawża C‑658/20 P u t-tielet aggravju fil-Kawża C‑662/20 P).

A.   Fuq it‑tieni aggravju fil‑Kawża C‑649/20 P, l-ewwel aggravju fil‑Kawża C‑658/20 P u l‑ewwel aggravju fil‑Kawża C‑662/20 P

1. Sunt qasir tal‑argumenti tal‑partijiet

27.

It-tieni aggravju mressaq mir-Renju ta’ Spanja fil-Kawża C‑649/20 P, kif ukoll l-ewwel aggravji mressqa minn Lico Leasing u PYMAR fil-Kawża C‑658/20 P, u minn Caixabank et fil-Kawża C‑662/20 P huma intiżi li jikkritikaw, f’diversi aspetti, l-analiżi tas-selettività tas-SSLF magħmula fis-sentenza appellata.

2. Fuq l‑ammissibbiltà

28.

Il-Kummissjoni tqis li dawn l-aggravji huma inammissibbli inkwantu jwasslu biex jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja b’tilwima iktar estiża minn dik li kellha konjizzjoni tagħha l-Qorti Ġenerali, inkwantu r-rikorrenti qatt ma allegaw fir-rikorsi tagħhom fl-ewwel istanza li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet ivvizzjata bi żball minħabba li l-Kummissjoni ma kinitx eżaminat is-selettività tas-SSLF permezz tal-analiżi fi tliet stadji, u lanqas li l-Kummissjoni kienet wettqet żball meta naqset milli tiddefinixxi l-qafas ta’ riferiment jew milli tagħmel paragun mal-operaturi li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli għall-benefiċjarji.

29.

Din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha, fl-opinjoni tiegħi, tiġi miċħuda.

30.

Għalkemm mill-ġurisprudenza stabbilita jirriżulta, fil-fatt, li l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell hija limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi u għall-argumenti ttrattati quddiem il-Qorti Ġenerali ( 6 ), jirriżulta minn ġurisprudenza daqstant stabbilita li l-appellant jista’, fl-appell tiegħu, jinvoka aggravji li jitnisslu mis-sentenza appellata stess u li huma intiżi biex jikkritikaw, fid-dritt, il-fondatezza tagħha ( 7 ).

31.

Jekk wieħed jippreżumi li l-aggravji inkwistjoni ma kinux ġew ittrattati fl-ewwel istanza, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punti 87 sa 102 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ttrattat il-punt dwar jekk il-Kummissjoni kinitx wettqet żball ta’ liġi meta astjeniet milli timplimenta analiżi fi tliet stadji. Kif ser nesponi f’iktar dettall fit-taqsima li ġejja ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti Ġenerali qieset, essenzjalment, fil-kuntest ta’ dan l-eżami, li hija setgħet tillimita ruħha biex tivverifika l-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali f’idejn l-amministrazzjoni fiskali biex tagħti l-awtorizzazzjoni li tirrigwarda d-deprezzament antiċipat, peress li tali eżistenza hija suffiċjenti biex tirrendi s-SSLF selettiva fl-intier tagħha. Għaldaqstant, minn dan jirriżulta li l-aggravji inkwistjoni jitnisslu mis-sentenza appellata.

32.

Meħud kont ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddikjara li t-tieni aggravju fil-Kawża C‑649/20 P, l-ewwel aggravju fil-Kawża C‑658/20 P u l-ewwel aggravju fil-Kawża C‑662/20 P huma ammissibbli.

3. Fuq il‑mertu

a) Fuq l‑assenza ta’ analiżi fi tliet stadji

33.

Jeħtieġ li jitfakkar, fl-ewwel lok, li, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ma għamlitx l-analiżi fi tliet stadji, meħtieġa biex għajnuna tiġi kklassifikata bħala selettiva, imma li hija kienet indikat li s-SSLF, ikkunsidrata fl-intier tagħha, kienet selettiva, minn naħa, minħabba s-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni fiskali sabiex tagħti l-awtorizzazzjoni obbligatorja għad-deprezzament antiċipat abbażi ta’ kundizzjonijiet li ma kinux preċiżi u, min-naħa l-oħra, minħabba l-fatt li l-amministrazzjoni fiskali kienet tawtorizza biss operazzjonijiet li jaqgħu taħt is-SSLF intiżi sabiex jiffinanzjaw bastimenti tat-tbaħħir. Fl-istess punt tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat sussegwentement li, waqt is-seduta, il-Kummissjoni kienet sostniet li l-eżistenza ta’ tali setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni fiskali kienet suffiċjenti fiha nnifisha sabiex tagħmel is-SSLF selettiva kollha kemm hi. Għaldaqstant hija ffokat l-analiżi tas-selettività tagħha, fil-punti 88 sa 102 tas-sentenza appellata, fuq din l-aħħar kwistjoni legali.

34.

Qabelxejn, jeħtieġ li jiġi osservat li din l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża hija kkritikata minn Caixabank (sostnuta minn Decal). Skont din tal-aħħar, il-Qorti Ġenerali qieset għaldaqstant li l-Kummissjoni, fil-premessa 156 ta’ din id-deċiżjoni, kienet ibbażat l-eżistenza tas-selettività fuq żewġ tipi ta’ raġunamenti alternattivi, jiġifieri wieħed ibbażat fuq l-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni fiskali u l-ieħor fuq in-natura settorjali tas-SSLF, b’mod li n-nuqqas ta’ analiżi fi tliet stadji ma jaffettwax l-eżistenza tal-imsemmija setgħa diskrezzjonali. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ppreżentat dawn iż-żewġ elementi mhux bħala żewġ raġunamenti alternattivi, imma bħala l-partijiet indissoċjabbli ta’ raġunament wieħed li jwassal għall-konklużjoni tas-selettività settorjali tas-SSLF. Għaldaqstant, Caixabank et isostnu li, meta ssostitwixxiet il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża b’dik tagħha, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

35.

Dan l-argument jidhirli li huwa bbażat fuq interpretazzjoni eċċessivament formali tad-deċiżjoni kontenzjuża.

36.

L-użu tal-kliem “minn naħa” u “min-naħa l-oħra” fil-punt 87 tas-sentenza appellata ma jfissirx, kif isostnu Caixabank et, li l-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni kienet ikkonstatat l-eżistenza tas-selettività skont iż-żewġ raġunamenti alternattivi.

37.

Għall-kuntrarju, dan il-punt tas-sentenza appellata jirriproduċi fedelment, essenzjalment, ir-raġunament legali li jirriżulta mill-premessa 156 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li jgħid li s-selettività tas-SSLF fl-intier tagħha tiddependi esklużivament mill-eżistenza ta’ evalwazzjoni diskrezzjonali tal-amministrazzjoni fiskali adita b’talba għall-awtorizzazzjoni biex tagħmel id-deprezzament antiċipat. Meħud kont ta’ din is-setgħa diskrezzjonali, li hija bbażata fuq il-kriterji vagi tal-leġiżlazzjoni li fuqha bbażat ruħha l-amministrazzjoni biex tagħti l-awtorizzazzjonijiet li jirrigwardaw id-deprezzament antiċipat, din il-premessa kienet tippreċiża li huma biss il-GIE li kienu jwettqu tranżazzjonijiet taħt is-SSLF intiżi li jiffinanzjaw bastimenti għat-tbaħħir li kellhom aċċess għall-vantaġġi fiskali kollha tas-SSLF. Konsegwentement, is-sempliċi eżistenza tal-imsemmija setgħa diskrezzjonali kienet suffiċjenti, skont id-deċiżjoni kontenzjuża, biex wieħed jasal għall-konklużjoni dwar is-selettività tas-SSLF.

38.

Minn dawn il-premessi jirriżulta li, iktar milli ssostitwixxiet il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża b’dik tagħha, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, biex tuża marġni ta’ diskrezzjoni leġittimu fl-interpretazzjoni ta’ din id-deċiżjoni ( 8 ).

39.

L-argument prinċipali tal-appellanti huwa li l-Qorti Ġenerali naqset milli tistabbilixxi l-qafas ta’ riferiment u li tagħmel analiżi fi tliet stadji rikjesta mill-Qorti tal-Ġustizzja, li tikkonsisti f’li tiġi identifikata s-sistema fiskali komuni, li jiġi evalwat jekk il-miżura kkonċernata għandhiex natura selettiva inkwantu tintroduċi differenzi bejn operaturi li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika paragunabbli u li jiġi eżaminat jekk l-Istat Membru stabbilixxiex li din il-miżura kienet iġġustifikata min-natura jew mill-istruttura tas-sistema li fiha hija taqa’.

40.

Ir-Renju ta’ Spanja jsostni b’mod partikolari li, b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali marret kontra s-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja et, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja eżiġiet, f’dik is-sentenza, li l-Qorti Ġenerali tevalwa s-selettività tas-SSLF permezz tal-analiżi fi tliet stadji.

41.

L-istess bħall-Kummissjoni, jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja ma riditx teżiġi tali analiżi.

42.

Qabelxejn, jeħtieġ li jitqiegħdu fil-kuntest tagħhom il-punti msemmija mir-Renju ta’ Spanja insostenn tat-teżi tiegħu. Fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja et, il-Qorti tal-Ġustizzja wieġbet għall-argument li jgħid li l-Qorti Ġenerali kienet iddeċidiet ħażin li l-vantaġġi fiskali mogħtija minħabba l-investimenti f’oġġett partikolari, bl-esklużjoni ta’ oġġetti oħra jew investimenti oħra, ma kinux selettivi fil-konfront tal-investituri peress li t-tranżazzjoni kienet miftuħa għal kull impriża.

43.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel iddikjarat, fil-punt 67 ta’ dik is-sentenza, li l-analiżi magħmula mill-Qorti Ġenerali kienet ibbażata fuq il-premessa żbaljata li tgħid li l-investituri, u mhux il-GIE, setgħu jiġu kklassifikati bħala benefiċjarji tal-vantaġġi li joħorġu mill-miżuri fiskali inkwistjoni u li għaldaqstant, kien fil-konfront tal-investituri biss li l-kundizzjoni dwar is-selettività kellha tiġi eżaminata. Hija kkonstatat imbagħad, fil-punti 68 sa 71 tal-imsemmija sentenza, li l-Qorti Ġenerali kienet, mill-bqija, għamlet evalwazzjoni żbaljata tas-selettività meta ddeċidiet li l-vantaġġi li rċevew l-investituri li pparteċipaw fit-tranżazzjonijiet taħt is-SSLF ma kinux selettivi minħabba li dawn it-tranżazzjonijiet kienu miftuħin, taħt l-istess kundizzjonijiet, għall-impriżi kollha mingħajr distinzjoni. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali kellha tipproċedi bl-analiżi fi tliet stadji li toħroġ mis-sentenza Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group et ( 9 ) billi tivverifika, b’mod partikolari, jekk il-Kummissjoni kinitx ikkonstatat li l-miżuri fiskali inkwistjoni kienu jintroduċu, bl-effetti konkreti tagħhom, trattament differenti bejn l-operaturi li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli fir-rigward tal-għan tas-SSLF.

44.

Fil-fehma tiegħi, minn dawn il-punti tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja et jirriżulta li l-analiżi fi tliet stadji ġiet meqjusa bħala indispensabbli peress li l-Qorti Ġenerali kienet identifikat lill-investituri bħala l-benefiċjarji tas-SSLF. Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mir-rabta stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja bejn tali identifikazzjoni (żbaljata) tal-benefiċjarji u l-iżball ta’ liġi marbut man-nuqqas ta’ analiżi fi tliet stadji, kif tixhed l-użu tal-espressjoni “[b]arra minn hekk” fil-bidu tal-punt 68 ta’ dik is-sentenza.

45.

Jeħtieġ, barra minn hekk, li jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet, fil-punt 58 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja et, li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli teżamina jekk is-sistema ta’ awtorizzazzjoni tad-deprezzament antiċipat tagħtix lill-amministrazzjoni fiskali setgħa diskrezzjonali tali li tiffavorixxi l-attivitajiet imwettqa mill-GIE li jipparteċipaw fis-SSLF jew li għandha bħala effett li tiffavorixxi tali attivitajiet. B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja riedet, jidhirli, tistieden espressament lill-Qorti Ġenerali tagħmel tali eżami, stedina li din laqgħet kompletament fil-punti 88 sa 102 tas-sentenza appellata.

46.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tal-metodu użat biex teżamina s-selettività, peress li osservat il-qafas ta’ analiżi mfakkar fil-punt ta’ hawn fuq.

47.

Għal dak li jikkonċerna l-argumenti tal-appellanti li jirrigwarda b’mod iktar ġenerali l-fatt li l-Qorti Ġenerali ma ċċensuratx in-nuqqas ta’ analiżi fi tliet stadji fid-deċiżjoni kontenzjuża, jeħtieġ li jiġi osservat qabelxejn li din l-analiżi kienet intiża li tikxef is-selettività moħbija bil-miżuri fiskali vantaġġużi li kull impriża tista’, fl-apparenza, tibbenefika minnhom. Hija tikkonsisti f’li jiġi stabbilit jekk l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ portata ġenerali tikkostitwixxix diskriminazzjoni mhux iġġustifikata bejn l-impriżi li jissodisfaw ir-rekwiżiti biex jiksbu l-vantaġġ u dawk li ma jissodisfawhomx.

48.

Id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Spanjola li tistabbilixxi l-miżuri tas-SSLF kienu jagħtu l-possibbiltà lill-GIE li jitolbu l-aċċess għall-benefiċċju tad-deprezzament antiċipat; huma kienu jippermettulhom li jirreġistraw lilhom infushom fir-reġistru speċjali tal-kumpanniji tat-tbaħħir – bil-kundizzjoni li jeżerċitaw attività li tinvolvi t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ terzi ta’ bastiment b’titolu ta’ noleġġ mingħajr ekwipaġġ – u li jakkwistaw għaldaqstant id-dritt li jħallsu t-taxxi tagħhom fil-kuntest tas-sistema ta’ tassazzjoni fuq it-tunnellaġġ; huma kienu jippermettulhom fl-aħħar nett li jiksbu l-benefiċċju tal-eżenzjoni fiskali tal-qligħ kapitali li jirriżulta mill-bejgħ tal-bastiment.

49.

Il-miżuri inkwistjoni jistgħu għaldaqstant jiġu interpretati, jidhirli, bħala li jappartjenu għall-kategorija tal-miżuri prima facie ġenerali. B’mod partikolari, jista’ jingħad li dawn il-miżuri kellhom bħala effett li jagħtu vantaġġ fiskali lil GIE minħabba biss li l-identità u l-istruttura tal-attivitajiet ta’ dawn tal-aħħar kienu ddefiniti skont l-insegwiment ta’ tali vantaġġ. Dan huwa għaldaqstant vantaġġ miftuħ, bħala prinċipju, għal kull operatur ekonomiku li jkun jixtieq ifittex strateġija ta’ ottimizzazzjoni fiskali, ħaġa li tagħmel neċessarja l-analiżi fi tliet stadji sabiex tiġi stabbilita l-eventwali natura selettiva tagħha.

50.

Madankollu, jiena tal-fehma li, f’dan il-każ, il-miżuri tas-SSLF ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala miżuri a priori ġenerali, għaliex il-fatt li wieħed jissodisfa l-kriterji biex ikun jista’ jibbenefika minnhom ma jwassalx sistematikament biex huwa jgawdi mill-vantaġġi fiskali previsti minn dawn il-miżuri. Kif rajna iktar ’il fuq, l-għoti ta’ dawn il-vantaġġi kien fil-fatt suġġett għall-ksib preċedenti minn dawn l-impriżi tal-awtorizzazzjoni biex jipproċedu bid-deprezzament antiċipat, li kienet mogħtija mill-amministrazzjoni fiskali skont is-setgħa diskrezzjonali estiża.

51.

Irregolata minn kriterji vagi u nieqsa minn kull natura oġġettiva, din is-setgħa diskrezzjonali kienet tippermetti lill-amministrazzjoni fiskali li tiddetermina l-benefiċjarji tad-deprezzament antiċipat jew il-kundizzjonijiet għal dan id-deprezzament, ħaġa li tippermetti li jitqies, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 10 ), li l-kriterju ta’ selettività huwa ssodisfatt.

52.

Minn dan isegwi, fil-fehma tiegħi, li l-analiżi fi tliet stadji, li tinkludi d-determinazzjoni tal-qafas ta’ riferiment (jew “taxxa normali” fil-qasam fiskali), ma hijiex iġġustifikata f’dan il-każ. Tali determinazzjoni hija fil-fatt neċessarja biss biex tiġi identifikata il-preżenza eventwali ta’ dispożittiv derogatorju għas-sistema ta’ tassazzjoni li tapplika għall-impriżi kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Issa, jidhirli li huwa evidenti li, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħti lill-amministrazzjoni fiskali setgħa diskrezzjonali bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, l-eżerċizzju ta’ tali setgħa tkun tidderoga neċessarjament minn kull qafas ta’ riferiment stabbilit preċedentement.

53.

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiżdied li, b’kuntrast ma’ dak li jsostnu l-appellanti, is-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża P bl-ebda mod ma tirrakkomanda l-analiżi fi tliet stadji fil-każ fejn l-għoti tal-vantaġġ fiskali jiddependi minn awtorizzazzjoni tal-amministrazzjoni nazzjonali kompetenti. Fil-fatt, għalkemm jidher li, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja inkorporat ir-raġunament tagħha dwar is-setgħa diskrezzjonali fit-tieni stadju (eżistenza ta’ deroga) u fit-tielet stadju (ġustifikazzjoni ta’ miżura a priori selettiva) ( 11 ), jibqa’ l-fatt li hija ma pproċedietx għad-determinazzjoni minn qabel tal-qafas ta’ riferiment, minkejja d-dubji espressi fuq dan is-suġġett mill-qorti nazzjonali fid-deċiżjoni ta’ rinviju tagħha ( 12 ).

54.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, jidhirli li din is-sensiela ta’ argumenti tal-appellanti għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

b) Fuq in‑nuqqas ta’ analiżi tal‑eżerċizzju tas‑setgħa diskrezzjonali tal‑amministrazzjoni fiskali.

55.

Fit-tieni lok, l-appellanti jikkontestaw l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jirrigwardaw is-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni fiskali biex tawtorizza id-deprezzament antiċipat. Huma jikkritikawha b’mod partikolari, essenzjalment, talli ma vverifikatx jekk, fil-fatt, din is-setgħa tal-amministrazzjoni fiskali kinitx wasslet, b’mod mhux iġġustifikat, biex ċerti operaturi jiġu ttrattati b’mod iktar favorevoli meta mqabbla ma’ dawk li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli.

56.

Qabelxejn, jeħtieġ li jingħata sunt tar-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali fil-punti rilevanti tas-sentenza appellata. Fil-punt 88 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali fakkret b’mod partikolari, fid-dawl tal-ġurisprudenza, li l-eżistenza ta’ sistema ta’ awtorizzazzjoni ma timplikax fiha nnifisha miżura selettiva u li, min-naħa l-oħra, meta l-awtoritajiet kompetenti għandhom setgħa diskrezzjonali estiża biex jiddeterminaw il-benefiċċjarji u l-kundizzjonijiet tal-miżura mogħtija, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa għandu għaldaqstant jitqies bħala li jiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produzzjonijiet meta mqabbla ma’ oħrajn, li jkunu jinsabu, fir-rigward tal-għan segwit, f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli.

57.

Imbagħad, wara li eżaminat, fil-punti 89 sa 100 tas-sentenza appellata, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari li jirregolaw is-sistema ta’ awtorizzazzjoni inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali wieġbet għal ċerti argumenti speċifiċi mqajma mill-partijiet.

58.

Hija kkonstatat b’mod partikolari, kif kienet irrilevat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża, li din is-sistema kienet ibbażata fuq il-ksib ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, iktar minn fuq sempliċi komunikazzjoni, fuq il-bażi ta’ kriterji vagi, li jeżiġu interpretazzjoni mill-amministrazzjoni fiskali li ma kinitx ippubblikat linji gwida. Il-Qorti Ġenerali osservat sussegwentement li, skont dawn id-dispożizzjonijiet, l-amministrazzjoni fiskali kellha l-possibbiltà li titlob l-informazzjoni kollha u d-dokumenti kollha li hija kien jidhrilha xierqa, inkluż informazzjoni li tikkonċerna l-effetti pożittivi fuq l-ekonomika u l-impjieg fi Spanja li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ kostruzzjoni ta’ bastimenti. Il-Qorti Ġenerali rrilevat barra minn hekk li l-amministrazzjoni fiskali setgħet mhux biss tagħti jew tiċħad l-awtorizzazzjoni, imma wkoll tistabbilixxi l-bidu tad-deprezzament f’data differenti minn dik proposta mill-persuna taxxabbli, mingħajr ma tipprovdi preċiżazzjoni oħra. Minn dan kien jirriżulta marġni ta’ diskrezzjoni kbira f’idejn l-amministrazzjoni fiskali.

59.

Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet finalment, fil-punt 100 tas-sentenza appellata, li l-eżistenza ta’ dawn l-aspetti diskrezzjonali kienet ta’ natura li tiffavorixxi lill-benefiċjarji meta mqabbla ma’ persuni taxxabbli oħra li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli, inkwantu GIE oħra u impriżi oħra, attivi f’setturi oħra jew li għandhom forma oħra, setgħu ma jibbenefikawx mid-deprezzament antiċipat taħt l-istess kundizzjonijiet. Hija indikat ukoll li, fid-dawl tan-natura intrinsikament diskrezzjonali tad-dispożizzjonijiet li huma s-suġġett tal-eżami tagħha, ftit jimporta jekk l-applikazzjoni tagħhom kinitx de facto diskrezzjonali jew le.

60.

B’kuntrast ma’ dak li jsostni r-Renju ta’ Spanja, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali ma stabbilixxiet ebda distinzjoni bejn selettività de jure u selettività de facto. Iktar milli għamlet tali distinzjoni, hija riedet tippreċiża sempliċiment li, peress li n-natura selettiva tas-SSLF kienet ġiet irrikonoxxuta minħabba l-elementi diskrezzjonali li joħorġu mis-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel prevista mil-leġiżlazzjoni applikabbli, il-punt dwar jekk din is-sistema kinitx effettivament ġiet applikata b’mod diskrezzjonali fil-prattika kien irrilevanti.

61.

Din l-aħħar konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali ġiet ikkontestata b’mod vigoruż mill-appellanti, kemm fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom kif ukoll matul is-seduta, minħabba li s-sempliċi rikonoxximent legali ta’ setgħa diskrezzjonali f’idejn l-amministrazzjoni nazzjonali ma kienx jippermetti, skont il-ġurisprudenza, li tiġi preżunta n-natura selettiva ta’ skema ta’ għajnuna bħalma hija dik f’dan il-każ. Kull interpretazzjoni oħra tkun żbaljata u tikkostitwixxi, fil-fehma tagħhom, preċedent li jkollu effetti negattivi sistemiċi fuq id-dritt tal-għajnuna mill-Istat.

62.

Jeħtieġ li jiġi nnotat, f’dan l-istadju, li l-appellanti ma jikkontestawx l-analiżi li tgħid li s-SSLF tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna. Għalkemm huwa biss rarament li tidher fil-korp tad-deċiżjoni kontenzjuża u fis-sentenza appellata, billi l-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali ppreferew jindikaw is-SSLF bħala “sistema” magħmula minn diversi miżuri marbutin indissoċjabbilment flimkien, din il-klassifikazzjoni toħroġ evidentement mid-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni u mir-raġunament segwit fis-sentenza appellata.

63.

Jeħtieġ li dan jittieħed inkunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni tat-teżi tal-appellanti, ibbażata fuq is-sentenza P, li tgħid li jeħtieġ li tiġi analizzata l-applikazzjoni prattika tal-miżuri fiskali li jikkostitwixxu s-SSLF sabiex din tiġi kklassifikata, jekk ikun il-każ, bħala selettiva.

64.

Il-kuntest tal-kawża li wasslet għal din is-sentenza timmerita li tiġi mfakkar fil-qosor. Il-leġiżlazzjoni fiskali Finlandiża inkwistjoni kienet tipprovdi li t-telf subit minn kumpannija ma kienx deduċibbli, b’mod partikolari meta, matul is-sena ta’ defiċit jew wara, iktar min-nofs l-ishma tal-kumpannija kienu bidlu proprjetarju mhux permezz ta’ wirt jew testment. L-amministrazzjoni fiskali setgħet madankollu tawtorizza tali tnaqqis wara talba f’dan is-sens, għal raġunijiet partikolari, meta t-twettiq tal-attività tal-kumpannija kien jeżiġi dan. Ir-“raġunijiet partikolari” li jiġġustifikaw l-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni derogatorja kienu elenkati f’ittra ta’ gwida ppubblikata mill-imsemmija amministrazzjoni u kienu jinkludu, inter alia, il-“konsegwenzi partikolari fuq l-impjieg”.

65.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, essenzjalment, li meta l-amministrazzjoni kompetenti jkollha setgħa diskrezzjonali estiża sabiex tiddetermina l-benefiċjarji jew il-kundizzjonijiet tal-miżura mogħtija abbażi ta’ kriterji li ma jagħmlux parti mis-sistema fiskali inkwistjoni, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa għandu jitqies li jiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi meta mqabbla ma’ oħrajn, u hija żiedet li l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa ta’ evalwazzjoni hija ġġustifikata meta hija limitata bi kriterji oġġettivi li ma humiex barranin għall-imsemmija skema fiskali ( 13 ).

66.

Huwa minħabba l-eteroġeneità tal-kriterji li jifformaw is-setgħa tal-amministrazzjoni fiskali Finlandiża, kollha oġġettivi u inerenti għan-natura tal-iskema fiskali eżaminata bl-esklużjoni ta’ dak marbut mal-“konsegwenzi partikolari fuq l-impjiegi”, li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li huwa meħtieġ li tippreċiża fis-sentenza li n-natura selettiva tippreżumi “mhux biss l-għarfien tal-kontenut tar-regoli tad-dritt rilevanti, iżda teħtieġ ukoll l-eżami tal-portata tagħhom ibbażat fuq il-prassi amministrattiva u ġudizzjarja u fuq l-informazzjoni li tikkonċerna l-portata tal-kopertura personali ta’ dawn ir-regoli” ( 14 ).

67.

Din il-konstatazzjoni jidhirli li ġiet minn tal-inqas żviluppata fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Fútbol Club Barcelona ( 15 ).

68.

F’din is-sentenza il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni hija obbligata twettaq l-eżami tagħha fir-rigward tal-Artikolu 107(1) TFUE billi tpoġġi lilha nfisha fil-mument tal-adozzjoni tal-iskema inkwistjoni u billi tagħmel analiżi ex ante ( 16 ). B’mod iktar preċiż, il-Kummissjoni għandha turi, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-iskema fiskali “hija ta’ natura li tiffavorixxi lill-benefiċjarji tagħha billi tivverifika li din, ikkunsidrata globalment, tista’, fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi għaliha, twassal, fil-mument tal-adozzjoni tagħha, għal tassazzjoni inqas meta mqabbla ma’ dik li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-iskema ta’ tassazzjoni ġenerali” ( 17 ). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li l-eżami mwettaq mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 107(1) TFUE ma jistax jiffavorixxi lill-Istati Membri li jagħtu għajnuna bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE għad-detriment ta’ dawk li, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, jikkomunikaw l-għajnuna fl-istadju ta’ abbozz u jibqgħu lura milli jimplimentawha fl-istennija tad-deċiżjoni finali adottata mill-Kummissjoni. Għalkemm kien l-obbligu tal-Kummissjoni, fil-fatt, li tivverifika jekk il-vantaġġ selettiv immaterjalizzax ruħu fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni tal-prattika tal-amministrazzjoni fiskali fil-kuntest ta’ skema ta’ għajnuna bbażata fuq awtorizzazzjoni diskrezzjonali, l-Istat Membru kkonċernat ma setax jikkomunika l-miżuri li jaqgħu taħt tali skema fl-istadju ta’ abbozz. Huwa jkun min-naħa l-oħra obbligat jistenna l-implimentazzjoni tiegħu mill-amministrazzjoni fiskali, ħaġa li tippreżumi neċessarjament l-għoti ta’ għajnuna illegali qabel il-komunikazzjoni ( 18 ).

69.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżistenza ta’ obbligu għall-Kummissjoni li tevalwa l-iskemi ta’ għajnuna a posteriori, kif jirriżulta mill-interpretazzjoni proposta mill-appellanti, tmur kontra din il-ġurisprudenza, li hija intiża li tissalvagwardja wieħed mill-elementi fundamentali tas-sistema ta’ kontroll fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, jiġifieri l-obbligu ta’ komunikazzjoni stabbilit mit-Trattat ( 19 ).

70.

Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata, kif jagħmel ir-Renju ta’ Spanja fl-appell tiegħu, talli ma indikat ebda prattika amministrattiva li turi li l-possibbiltà tal-amministrazzjoni fiskali li tiffissa mument ieħor biex jibda d-deprezzament antiċipat jibbenefika speċifikament lill-GIE. Fil-fatt, kif spjegajt iktar ’il fuq, ir-riferiment għal prattika amministrattiva ma kienx neċessarju minħabba li s-sentenza appellata stabbilixxiet l-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali estiża tal-amministrazzjoni fiskali fid-dawl tal-awtorizzazzjoni tad-deprezzament antiċipat ( 20 ).

71.

Waqt is-seduta, Caixabank et sostnew li, għall-kuntrarju ta’ dak li jirriżulta mis-sentenza appellata, is-sentenza DM Transport ( 21 ) ma imponietx interpretazzjoni li tgħid li s-selettività ta’ skema ta’ għajnuna toħroġ mis-sempliċi eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali estiża. Skont l-interpretazzjoni li hija tagħti lil din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja riedet sempliċiment tgħid li l-eżistenza ta’ din is-setgħa hija suxxettibbli li tagħti lil miżura a priori ġenerali natura selettiva. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi nnotat li, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li tħalli f’idejn il-qorti tar-rinviju biex tistabbilixxi jekk is-setgħa tal-organu nazzjonali kompetenti biex tagħti faċilità ta’ ħlas li tikkonċerna l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali previsti mil-liġi Belġjana kinitx diskrezzjonali u, jekk dan ma kienx il-każ, li tistabbilixxi jekk din il-faċilità ta’ ħlas kinitx ta’ natura ġenerali jew selettiva ( 22 ). Din il-konstatazzjoni hija suffiċjenti, fil-fehma tiegħi, biex tinvalida l-interpretazzjoni ssuġġerita minn Caixabank et.

72.

Fl-aħħar nett, jidhirli li huwa evidenti li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni r-Renju ta’ Spanja fl-appell tiegħu, l-interpretazzjoni tas-selettività bħalma hija dik li nipproponi jien ma tinvolvi ebda inverżjoni tal-oneru tal-prova fis-sens li, kieku din tiġi ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni ma tibqax obbligata turi li skema fiskali hija selettiva minħabba l-effetti tagħha. Min-naħa l-oħra, mill-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata jirriżulta li l-Kummissjoni għandha turi li l-amministrazzjoni nazzjonali tgawdi minn setgħa diskrezzjonali li toħroġ mil-leġiżlazzjoni rilevanti, peress li l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa huwa, skont il-ġurisprudenza, neċessarjament selettiv fl-effetti tiegħu.

73.

Il-ġurisprudenza ċċitata minn Caixabank et fl-appell tagħhom, jiġifieri s-sentenzi mogħtija mill-Qorti Ġenerali u mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża MOL vs Il-Kummissjoni ( 23 ) u dawk mogħtija mill-Qorti Ġenerali f’ċerti kawżi li jikkonċernaw id-deċiżjonijiet bil-quddiem ta’ ċerti amministrazzjonijiet fiskali nazzjonali (“deċiżjonijiet dwar it-taxxa”), lanqas ma hija, fil-fehma tiegħi, suxxettibbli li tikkorrobora l-pożizzjoni tal-appellanti ( 24 ).

74.

Għal dak li jirrigwarda l-ewwel kawża, għalkemm huwa minnu li l-qrati tal-Unjoni ssanzjonaw in-nuqqas ta’ analiżi fattwali dwar l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni nazzjonali, jien enfasizzajt, fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża L-Irlanda vs Il-Kummissjoni, id-diffikultà li l-kriterji li joħorġu minn din il-kawża jiġu trasposti għal każijiet oħra, peress li l-implimentazzjoni ta’ dawn il-kriterji tippreżupponi li d-dispożizzjoni legali eżaminata tkun ikklassifikata bħala “dispożizzjoni fakultattiva tad-dritt nazzjonali li tipprevedi l-impożizzjoni ta’ piżijiet addizzjonali”, li ma huwiex il-każ hawnhekk ( 25 ). Għal dak li jirrigwarda l-kawżi li jirrigwardaw id-deċiżjonijiet fiskali bil-quddiem, analiżi fattwali tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tqieset neċessarja mill-Qorti Ġenerali għar-raġuni biss li dawn id-deċiżjonijiet kienu ġew ikklassifikati bħala miżuri individwali. Madankollu, kif ippreċiżajt iktar ’il fuq, in-natura tal-iskema ta’ għajnuna tas-SSLF ma hijiex ikkontestata f’din il-kawża.

75.

F’dawn il-kundizzjonijiet, it-tieni sensiela ta’ argumenti mressqa mill-appellanti għandhom, fil-fehma tiegħi, jiġu miċħuda bħala infondati.

c) Fuq in‑nuqqas ta’ eżami tas‑selettività tas‑SSLF fl‑intier tagħha

76.

Fit-tielet lok, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli, fil-punt 101 tas-sentenza appellata, ikkonkludiet dwar is-selettività tas-SSLF wara li eżaminat biss waħda mill-miżuri li jifformawha, mingħajr ma pproċediet, konsegwentement, b’analiżi tal-miżuri l-oħra li jikkostitwixxu s-SSLF u l-effetti li dawn kienu jipproduċu flimkien.

77.

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni l-ewwel eżaminat is-selettività tal-miżuri li jikkostitwixxu s-SSLF, u mbagħad dik tas-SSLF fl-intier tagħha. Fil-premessa 156 ta’ din id-deċiżjoni, hija qieset li l-vantaġġ mogħti minn din is-sistema kien selettiv inkwantu kien suġġett għas-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni fiskali fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tad-deprezzament antiċipat u fejn l-applikazzjoni ta’ miżuri oħra li jikkostitwixxu s-SSLF, jiġifieri l-iskema ta’ tassazzjoni fuq it-tunnellaġġ u n-nuqqas ta’ tassazzjoni tal-qligħ kapitali, kien jiddependi mill-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ din l-amministrazzjoni.

78.

Fil-punt 101 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, peress li waħda mill-miżuri li jippermettu li jibbenefikaw mis-SSLF fl-intier tagħha kienet selettiva, jiġifieri l-awtorizzazzjoni tad-deprezzament antiċipat, il-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball meta qieset, fid-deċiżjoni kontenzjuża, li s-sistema kienet selettiva fl-intier tagħha.

79.

Min-naħa tiegħi, ma narax kif wieħed jista’ jqis li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, tkun kemm tkun konċiża, hija nieqsa mir-rigorożità u tikkostitwixxi żball ta’ liġi, kif isostni r-Renju ta’ Spanja. Fid-dawl tar-relazzjoni ta’ dipendenza, ikkonstatata fid-deċiżjoni kontenzjuża u mhux ikkontestata mill-appellant, li torbot l-applikazzjoni tal-iskema ta’ tassazzjoni fuq it-tunnellaġġ u n-nuqqas ta’ tassazzjoni tal-qligħ kapitali mal-awtorizzazzjoni minn qabel biex wieħed jipproċedi għad-deprezzament antiċipat, li huwa l-vera “ċavetta ta’ aċċess” għall-vantaġġi fiskali li joħorġu mis-SSLF, jidhirli fil-fatt li huwa ċar li l-kritika tal-appellanti li tirrigwarda n-nuqqas ta’ eżami tas-selettività li tirrigwarda l-effetti prodotti b’mod konġunt mill-miżuri li jikkostitwixxu s-SSLF ma tistax tirnexxi. Minn dan jirriżulta li dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat.

d) Fuq in‑nuqqas ta’ eżami tal‑paragunabbiltà tas‑sitwazzjonijiet

80.

Fir-raba’ lok, ir-Renju ta’ Spanja u Caixabank et isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punt 100 tas-sentenza appellata, meta ma għamiltx paragun bejn is-sitwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt tal-impriżi li lilhom ngħata l-benefiċċju tal-miżura inkwistjoni u dawk tal-impriżi li huma esklużi minnu u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sentenza appellata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.

81.

Minn qari konġunt ta’ dawn l-argumenti jirriżulta li dawn huma bbażati fuq il-premessa li l-Kummissjoni kellha tqis li l-awtorizzazzjoni dwar id-deprezzament antiċipat kienet miżura a priori ġenerali u li n-natura eventwalment selettiva tagħha setgħet għaldaqstant tiġi kkonstatata biss fi tmiem l-analiżi fi tliet stadji. Madankollu u kif esponejt f’dawn il-konklużjonijiet, din il-miżura li tirregola l-aċċess għas-SSLF, u għall-vantaġġi fiskali li jirriżultaw minnha, tagħti lil-amministrazzjoni fiskali marġni diskrezzjonali waqt l-għoti ta’ din l-awtorizzazzjoni. Tali karatteristika timplika, skont il-ġurisprudenza, in-neċessità li jsir eżami, ta’ natura differenti, tas-selettività, li tirrigwarda biss il-portata tas-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni nazzjonali kompetenti. Jekk din is-setgħa tippermetti lill-amministrazzjoni li tistabbilixxi l-benefiċjarji u l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ din il-miżura, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa, dejjem skont il-ġurisprudenza, tiffavorixxi neċessarjament dawn il-benefiċjarji meta mqabbla ma’ kull impriża oħra li tinsab f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli, mingħajr ma huwa meħtieġ li tiġi identifikata l-eżistenza ta’ tali trattament favorevoli u li jiġi stabbilit li s-sitwazzjonijiet huma effettivament paragunabbli, kif jallegaw ir-Renju ta’ Spanja u Caixabank et.

82.

Minn dan isegwi li l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 100 tas-sentenza appellata ma fihiex żball ta’ liġi u ma hijiex ivvizzjata b’ebda nuqqas ta’ motivazzjoni. Fil-fatt, ma kienx l-obbligu tal-Qorti Ġenerali li tesponi r-raġunijiet li għalihom is-sitwazzjoni fattwali u legali tal-GIE, suġġetti għall-iskemi fiskali ordinarji fil-qasam tad-deprezzament, u dik tal-impriżi attivi f’settur differenti min-navigazzjoni fil-baħar kienu paragunabbli għal dik tal-GIE li jibbenefikaw mis-SSLF. In-natura selettiva ġiet stabbilita b’mod suffiċjenti fid-dritt mill-Qorti Ġenerali meta hija waslet, fil-punt 100 tas-sentenza appellata, għall-konklużjoni li l-aspetti diskrezzjonali tas-SSLF kienu ta’ natura li jiffavorixxu lill-benefiċjarji tal-miżuri inkwistjoni meta mqabbla ma’ kull persuna taxxabbli oħra li tinsab f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli.

83.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, dawn l-argumenti għandhom jiġu ddikjarati, fil-fehma tiegħi, bħala infondati.

e) Fuq l‑evalwazzjoni żbaljata tal‑portata tas‑setgħa diskrezzjonali tal‑amministrazzjoni fiskali u tal‑eżistenza ta’ ġustifikazzjoni minħabba n‑“natura jew l‑istruttura ġenerali tas‑sistema”

84.

Fl-aħħar nett, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta qieset li l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tad-deprezzament antiċipat kellha natura diskrezzjonali u nieqsa minn kundizzjonijiet oġġettivi ( 26 ). Inkwantu dan l-argument jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tikkonċerna s-setgħa li l-amministrazzjoni fiskali kellha waqt l-għoti ta’ din l-awtorizzazzjoni skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, ma hemmx dubju, fil-fehma tiegħi, li dan l-argument għandu jitqies bħala li huwa inammissibbli. Fil-fatt, jeħtieġ li jiġi osservat li, skont ġurisprudenza stabbilita, għal dak li jirrigwarda l-eżami, fil-kuntest ta’ appell, tal-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fid-dawl tad-dritt nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tivverifika jekk kienx hemm żnaturament ta’ dan id-dritt, fejn dan irid joħroġ b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi ( 27 ). Issa, ir-Renju ta’ Spanja ma invokax tali żnaturament tad-dritt nazzjonali. B’mod partikolari, ma sostniex u lanqas ma stabbilixxa li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet kunsiderazzjonijiet li jmorru manifestament kontra l-kontenut tal-Artikolu 49 tar-RIS jew li kienet tat lil din id-dispożizzjonijiet portata li hija manifestament ma kellhiex fid-dawl tal-atti l-oħra tal-proċess ( 28 ).

85.

Ir-Renju ta’ Spanja jikkritika wkoll lill-Qorti Ġenerali talli ċaħdet, essenzjalment, l-argument li jgħid li l-marġni ta’ diskrezzjoni li kellha l-amministrazzjoni fiskali f’dan il-każ kien iġġustifikat “minħabba n-natura jew l-istruttura ġenerali tas-sistema”, meta affermat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 49(6) tar-RIS, inkwantu jagħti lill-amministrazzjoni fiskali l-possibbiltà li tiffissa l-bidu tad-deprezzament f’data differenti minn dik proposta mill-persuna taxxabbli, ma tippermettix li jiġi żgurat li l-użu tagħha jkun limitat biss għas-sitwazzjonijiet ta’ ġlied kontra l-frodi ( 29 ).

86.

F’dan ir-rigward, dan l-appellant jafferma, essenzjalment, li, fin-nuqqas ta’ din il-possibbiltà f’idejn l-amministrazzjoni fiskali, l-impossibbiltà għal min jieħu l-kuntratt ta’ lokazzjoni-finanzjament li jibda jirkupra l-ispejjeż tal-oġġett qabel il-kunsinna tiegħu twassal għal distorsjoni finanzjarja minħabba n-nuqqas ta’ simetrija mal-kundizzjonijiet kuntrattwali, fejn dawn tal-aħħar jipprevedu li l-ħlasijiet kellhom isiru qabel ma l-oġġett jingħata għad-dispożizzjoni tal-akkwirent. Issa, ma narax kif tali affermazzjoni tista’ tinvalida l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 97 tas-sentenza appellata, li tgħid li l-formulazzjoni tal-Artikolu 49(6) tar-RIS ma tippermettix li jiġi żgurat li l-użu tiegħu jkun limitat biss għal sitwazzjonijiet ta’ ġlieda kontra l-frodi. Jeħtieġ li jiġi osservat, fuq dan is-suġġett, li l-Qorti Ġenerali kkonstatat barra minn hekk, fil-punt 94 tas-sentenza appellata, li l-karatteristiċi tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni kif iddefinita fl-Artikolu 115(11) tat-TRLIS u fl-Artikolu 49 tar-RIS ma kinux jillimitaw is-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni għall-verifika tal-kundizzjonijiet stabbiliti biex iservu loġika fiskali. Peress li n-natura infondata ta’ dan l-argument jidher ċar, nissuġġerixxi li dan jiġi miċħud.

f) Konklużjoni

87.

Peress li l-argumenti kollha għandhom jiġu miċħuda bħala infondanti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tieni aggravju fil-Kawża C‑649/20 P, l-ewwel aggravju fil-Kawża C‑658/20 P u l-ewwel aggravju fil-Kawża C‑662/20 P fl-intier tagħhom.

B.   Fuq ir-raba’ aggravju fil‑Kawża C‑649/20 P, ir-raba’ aggravju fil‑Kawża C‑658/20 P u t‑tielet aggravju fil‑Kawża C‑662/20 P

1. Sunt qasir tal‑argumenti tal‑partijiet

88.

Skont ir-raba’ aggravju tal-appell fil-Kawżi C‑649/20 P u C‑658/20 P, kif ukoll it-tielet aggravju tal-appell fil-Kawża C‑662/20 P, imressqa f’każ li ma jintlaqa’ ebda wieħed mill-aggravji preċedenti, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli ċaħdet, fil-punti 219 u 220 tas-sentenza appellata, il-motiv imressaq minn Lico Leasing u PYMAR, u sostnut b’mod partikolari minn Caixabank et, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji applikabbli għall-irkupru, minħabba l-metodu ta’ kalkolu tal-għajnuna inkompatibbli li, skonthom, iwassal biex jiġi ordnat l-irkupru tal-għajnuna kollha mingħand l-investituri tal-GIE, filwaqt li dawn kienu jibbenefikaw biss minn 10 % sa 15 % tal-vantaġġ li joħroġ mis-SSLF, peress li l-bqija ġie ttrasferit lill-kumpanniji tat-tbaħħir.

89.

Fil-kuntest ta’ dawn l-aggravji, l-appellanti jsostnu i) li l-Qorti Ġenerali ma osservatx il-loġika tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja et meta qieset li l-investituri kienu l-benefiċjarji diretti tal-għajnuna; ii) li l-irkupru tal-għajnuna kollha mingħand l-investituri tal-GIE jmur kontra l-prinċipju li jgħid li l-irkupru tal-għajnuna ma għandux in-natura ta’ sanzjoni; iii) li l-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li s-SSLF kienet sistema kkostitwita minn diversi miżuri, kif ukoll l-aspetti kuntrattwali tagħha u li hija ħadet inkunsiderazzjoni biss l-effetti fiskali ta’ ċerti miżuri minflok ħadet inkunsiderazzjoni l-uniku vantaġġ li rċevew effettivament l-investituri tal-GIE permezz tas-SSLF fl-intier tagħha, u iv) li, peress li kien irrikonoxxut li, billi aċċedew għas-SSLF, l-investituri tal-GIE kienu legalment obbligati jittrasferixxu 90 % mill-vantaġġ fiskali lil operaturi oħra, il-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali wettqu żball meta qiesu li t-trasferiment tal-vantaġġ ma kienx imputabbli lill-Istat minħabba li sar permezz ta’ kuntratti privati.

90.

Il-Kummissjoni ssostni li l-aggravji mressqa mir-Renju ta’ Spanja kif ukoll minn Lico Leasing u PYMAR huma inammissibbli minħabba li dawn tal-aħħar ma kinux ressquhom fl-ewwel istanza, u tikkontesta, fi kwalunkwe każ, l-argumenti kollha tal-appellanti miġbura fil-qosor iktar ’il fuq.

2. Fuq l‑ammissibbiltà

91.

Għal dak li jirrigwarda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tar-raba’ aggravju ta’ Lico Leasing u PYMAR fil-Kawża C‑658/20 P, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet adita, skont dan l-aggravju, b’tilwima iktar estiża minn dik li ħadet konjizzjoni tagħha l-Qorti Ġenerali, inkwantu l-appellanti kkontestaw għall-ewwel darba fl-appell tagħhom l-identità tal-benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni.

92.

Din l-affermazzjoni ma hijiex, fil-fehma tiegħi, konvinċenti. Iż-żewġ partijiet li fuqhom huwa bbażat dan l-aggravju jirrigwardaw, fil-fatt, l-eżistenza tal-benefiċjarji oħra meta mqabbla ma’ dawk li ġew identifikati fid-deċiżjoni kontenzjuża, bil-għan biss li jintwera li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonfermat id-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tal-irkupru tal-għajnuna kollha mingħand l-investituri tal-GIE. B’dan il-mod, Lico Leasing u PYMAR ma jikkontestawx għaldaqstant l-identità tal-benefiċjarji kif stabbilita fid-deċiżjoni kontenzjuża.

93.

Għal dak li jikkonċerna l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fir-rigward tar-raba’ aggravju tar-Renju ta’ Spanja fil-Kawża C‑649/20 P, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan l-appellant ma invoka quddiem il-Qorti Ġenerali ebda motiv li jikkontesta l-identità tal-benefiċjarji u lanqas allega li l-prinċipji li jirregolaw l-irkupru jipprekludu li jiġi ordnat l-irkupru tal-għajnuna kollha mingħand l-investituri tal-GIE. F’dan ir-rigward, ser nillimita ruħi biex infakkar li, skont ġurisprudenza llum stabbilita, meta l-Qorti Ġenerali tkun għaqdet żewġ kawżi u tkun tat sentenza waħda li twieġeb għall-motivi kollha ppreżentati mill-partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, kull waħda minn dawn il-partijiet tista’ tikkritika r-raġunamenti relatati ma’ motivi li, quddiem il-Qorti Ġenerali, ġew invokati biss mir-rikorrent fil-kawża l-oħra ( 30 ). F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali l-ewwel għaqdet il-Kawżi T‑515/13 RENV u T‑719/13 RENV, u mbagħad tat sentenza waħda li biha ħadet pożizzjoni fuq il-motivi kollha ppreżentati mill-partijiet fil-proċedura, ħaġa li timplika li r-Renju ta’ Spanja għandu dritt jikkritika r-raġunament tal-Qorti Ġenerali dwar it-tielet motiv imressaq minn Lico Leasing u PYMAR fir-rikorsi tagħhom fl-ewwel istanza.

94.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara r-raba’ aggravju fil-Kawża C‑658/20 P u r-raba’ aggravju fil-Kawża C‑649/20 P ammissibbli.

3. Fuq il‑mertu

95.

Jeħtieġ li jitfakkar li għalkemm Lico Leasing u PYMAR isostnu li t-tweġiba tal-Qorti Ġenerali għat-tielet aggravju mressaq fir-rikors tagħhom, li tinsab fil-punti 219 u 220 tas-sentenza appellata, fiha żball ta’ liġi, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li din it-tweġiba hija wkoll ivvizzjata bi żball ta’ motivazzjoni. Madankollu, jidhirli li l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jaqa’ fuq il-Qorti Ġenerali jikkostitwixxi prerekwiżit għall-eżami ta’ żball ta’ liġi.

96.

Permezz ta’ dan il-motiv, Lico Leasing u PYMAR kienu sostnew li d-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx konformi mal-prinċipji ġenerali li jirregolaw l-irkupru tal-għajnuna mill-Istat inkwantu kienet tidher li tordna l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni kollha mingħand l-investituri, filwaqt li parti mill-vantaġġ kien sistematikament ittrasferit lill-kumpanniji tat-tbaħħir. L-ordni ta’ rkupru kellu jirrigwarda biss, fil-fehma tagħhom, l-għajnuna biss li minnha kienu effettivament ibbenefikaw l-investituri.

97.

Fil-punti 219 u 220, il-Qorti Ġenerali wieġbet għal dan il-motiv kif ġej:

“219.

Fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni ddeċidiet f’dan il-każ li l-kumpanniji tat-tbaħħir ma kinux il-benefiċjarji tal-għajnuna, konklużjoni li ma hijiex is-suġġett ta’ din il-kawża, huwa konsegwentement li l-ordni ta’ rkupru kien jirrigwarda biss u kompletament lill-investituri, l-uniċi benefiċjarji tal-għajnuna kollha skont id-deċiżjoni kkontestata minħabba t-trasparenza tal-GIE. Skont il-loġika tagħha stess, id-deċiżjoni kkontestata ma wettqitx żball meta ordnat l-irkupru tal-għajnuna kollha mingħand l-investituri, minkejja li ttrasferixxew parti mill-vantaġġ lejn operaturi oħra peress li dawn ma kinux ikkunsidrati bħala benefiċjarji tal-għajnuna. Fil-fatt, skont id-deċiżjoni kkontestata, huma l-investituri li effettivament gawdew l-għajnuna peress li l-leġiżlazzjoni applikabbli ma kinitx timponi fuqhom it-trasferiment ta’ parti mill-għajnuna lil terzi..

220.

Għaldaqstant, l-ordni ta’ rkupru ma jistax jitqies bħala sanzjoni għall-investituri jew bħala miżura li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni favur il-kompetituri tagħhom, kif jallegaw Bankia et”.

98.

Min-naħa tiegħi, nammetti li ma nistax nasal biex nidentifika, f’dawn iż-żewġ punti, l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża għal dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata mill-investituri, li hija s-suġġett tat-tielet motiv imressaq minn Lico Leasing u PYMAR quddiem il-Qorti Ġenerali. Huwa evidenti, fil-fatt, li, għalkemm dan il-motiv ma kienx intiż li jikkontesta l-identità tal-benefiċjarji kif stabbilita fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali kienet obbligata, sabiex twieġeb għalih, li teżamina l-punt dwar jekk il-parti mill-vantaġġ fiskali ttrasferit lill-kumpanniji tat-tbaħħir setgħetx titqies bħala vantaġġ indirett li jirriżulta mill-applikazzjoni tas-SSLF.

99.

Min-naħa l-oħra, jidhirli li mill-qari tal-imsemmija punti tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv ta’ Lico Leasing u PYMAR billi llimitat ruħha li tikkonstata li l-fatt li l-kumpanniji tat-tbaħħir ma kinux il-benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni ma kienx ikkontestat, u li tfakkar il-loġika tad-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tal-motiv li jiġġustifika l-irkupru mingħand l-investituri biss.

100.

Jeħtieġ li jingħad ukoll li l-implimentazzjoni tal-analiżi rikjesta skont dan il-motiv ma kinitx prekluża mill-punti li fuqhom iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja et. Fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna l-irkupru tal-għajnuna inkompatibbli unikament mingħand l-investituri tal-GIE kienet irrilevanti għall-konklużjoni li tgħid li l-Qorti Ġenerali kienet eskludiet b’mod żbaljat li l-GIE jistgħu jkunu benefiċjarji ta’ dawn il-miżuri fiskali. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat imbagħad, fl-istess punt, li hija ma kinitx obbligata tiddeċiedi fuq il-legalità tal-imsemmija ordni ta’ rkupru fil-kuntest tal-appell li hija kienet adita bih.

101.

Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, is-sentenza appellata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

102.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li billi naqset milli twieġeb għat-tielet motiv tar-rikors ta’ Lico Leasing u PYMAR il-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni li hija għandha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sentenza appellata għandha tiġi parzjalment annullata.

V. Fuq ir‑rikors quddiem il‑Qorti Ġenerali

103.

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

104.

Jiena tal-fehma li dan huwa l-każ hawnhekk inkwantu, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi fattwali kollha neċessarji għad-deċiżjoni tagħha u li, min-naħa l-oħra, l-elementi kollha tat-tilwima kienu s-suġġett ta’ dibattitu kontradittorju quddiem il-Qorti Ġenerali. Ma jistax jiġi injorat, barra minn hekk, li l-bidu ta’ din il-vera saga ġudizzjarja tmur lura għall‑25 ta’ Settembru 2013, ħaġa li tagħmilha imperattiva, fl-interess tal-individwi kkonċernati, li wieħed jastjeni milli jibgħat lura mill-ġdid il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

105.

Għal dak li jirrigwarda t-tielet motiv imressaq minn Lico Leasing u PYMAR quddiem il-Qorti Ġenerali, li sunt tiegħu jinsab fil-punt 97 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jeħtieġ li jitfakkar, qabelxejn, li l-obbligu għall-Istati Membri li jħassru, permezz ta’ rkupru, għajnuna meqjusa mill-Kummissjoni bħala li kienet inkompatibbli mas-suq uniku huwa intiż, skont ġurisprudenza klassika, għall-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel l-għoti tal-għajnuna ( 31 ).

106.

Dan l-għan jintlaħaq meta l-għajnuna inkwistjoni, miżjuda skont il-każ bl-interessi moratorji, tkun ġiet rrestitwita mill-benefiċjarju jew, b’mod iktar preċiż, mill-impriżi li kellhom benefiċċju effettiv minnha ( 32 ). Dan jimplika li għandu jiġi vverifikat liema impriżi jibbenefikaw mill-effetti ekonomiċi li jirriżultaw mil-għoti tal-għajnuna.

107.

Minn dan isegwi li, meta impriża tittrasferixxi lil entità oħra parti mill-vantaġġ li jirriżulta minn miżura Statali, huwa neċessarju li ssir il-kwantifikazzjoni eżatta tal-għajnuna li tkun trid tiġi rkuprata mingħand din l-impriża, b’mod li din tal-aħħar titlef biss il-vantaġġ li kienet ibbenefikat minnu fir-rigward tal-kompetituri tagħha u li s-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel il-ħlas tal-għajnuna tiġi stabbilita mill-ġdid. L-irkupru ta’ ammont ogħla jdgħajjef il-pożizzjoni kompetittiva preċedenti tal-benefiċjarju tal-għajnuna u jkollu għaldaqstant natura ta’ sanzjoni, ħaġa li tkun inkompatibbli mal-prinċipju ġenerali li jirregola l-irkupru, kif espost iktar ’il fuq.

108.

F’dan il-każ, għandu jiġi ddeterminat jekk il-metodu kkonċepit mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża jwassalx biex l-investituri jkunu rikjesti jirrestitwixxu ammont ogħla minn dak li huma effettivament ibbenefikaw minnu minħabba l-għoti tal-għajnuna, peress li parti minn dan l-ammont ġie sistematikament ittrasferit minn dawn l-investituri lill-kumpanniji tat-tbaħħir.

109.

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi osservat li r-restituzzjoni tal-għajnuna hija limitata ġeneralment għall-benefiċċji diretti li jirriżultaw mill-għoti ta’ din l-għajnuna, mingħajr ma testendi għall-eventwali benefiċċji indiretti li joħorġu minn tali għoti. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, f’sensiela ta’ sentenzi, li vantaġġ jista’ jingħata lil impriżi differenti minn dawk li lilhom jiġu ttrasferiti direttament ir-riżorsi Statali.

110.

Jeħtieġ li jiġu eżaminati fil-qosor dawn is-sentenzi sabiex jiġu identifikati l-elementi li jawtorizzaw it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali “vantaġġ indirett”.

111.

Fis-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni ( 33 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mitluba tevalwa skema ta’ tnaqqis fiskali, prevista mil-liġi li tirrigwarda t-taxxa fuq id-dħul, u li permezz tagħha kien ingħata tnaqqis fiskali lil kull persuna taxxabbli li tkun akkwistat ishma f’kumpanniji b’kapital azzjonarju li għandhom is-sede tagħhom kif ukoll it-tmexxija tagħhom fil-Länder ġodda jew f’Berlin (il-Ġermanja) u li għandhom iktar minn 250 impjegat. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkonkludiet, essenzjalment, li l-impriżi li għalihom tapplika din il-leġiżlazzjoni kienu jgawdu minn vantaġġ indirett inkwantu l-eventwali akkwist ta’ ishma mill-investituri f’dawn l-impriżi taħt kundizzjonijiet fiskalment iktar vantaġġużi kien isib l-oriġini tiegħu fir-rinunzja, min-naħa tal-Istat Membru kkonċernat, għal dħul fiskali li normalment huwa kien jirċievi. Hija kienet żiedet sussegwentement li l-interpożizzjoni ta’ deċiżjoni awtonoma min-naħa tal-investituri ma kellhiex bħala effett li telimina din ir-rabta, “peress li, f’termini ekonomiċi, il-modifika tal-kundizzjonijiet tas-suq li [kien] iġġenera l-imsemmi vantaġġ [kienet] il-konsegwenza tat-telf ta’ riżorsi fiskali min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi” ( 34 ).

112.

Fis-sentenza Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni ( 35 ), kien hemm leġiżlazzjoni li tipprevedi l-għoti ta’ sussidju lill-operaturi Olandiżi ta’ pompi tal-petrol li jinsabu, b’mod partikolari, matul il-fruntiera Ġermaniża sabiex inaqqsu d-diskrepanza bejn it-tariffi tad-dazji fis-seħħ fil-Pajjiżi l-Baxxi u dawk eżistenti fil-Ġermanja. Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li l-kumpanniji taż-żejt il-kbar kienu bbenefikaw għaldaqstant minn vantaġġ indirett minħabba l-eżistenza, f’ċerti kuntratti ta’ xiri esklużiv konklużi bejn dawn il-kumpanniji u l-imsemmija operaturi ta’ “klawżoli ta’ ftehim fuq il-prezz” li kienu jistipulaw, essenzjalment, li l-kumpannija taż-żejt terfa’ parti mill-ispejjeż għat-tnaqqis tal-prezz fil-pompa maqbul mill-operatur, inkwantu l-kundizzjonijiet tas-suq kienu ħolqu x-xewqa jew in-neċessità għal aġġustament ta’ dan it-tnaqqis. Dan il-vantaġġ indirett kellu l-oriġini tiegħu, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-għajnuna mogħtija taħt il-leġiżlazzjoni Olandiża inkwantu din il-leġiżlazzjoni kienet fil-prattika tirrendi inutli l-applikazzjoni tal-klawżoli ta’ ftehim fuq il-prezz ( 36 ).

113.

Fil-kawża Mediaset, il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja kienu kkonkludew li leġiżlazzjoni Taljana li tipprovdi għal sussidji favur il-konsumaturi għax-xiri ta’ dekoders diġitali terrestri kienet tagħti vantaġġ indirett lix-xandara terrestri minħabba li, bil-fatt li tħajjar lill-konsumaturi jibdlu mill-mod analog għall-mod diġitali, din il-leġiżlazzjoni kellha bħala effett li tillimita l-ispejjeż li dawn l-operaturi kellhom ibatu sabiex jiżviluppaw udjenza u tippermettilhom għaldaqstant li jikkonsolidaw il-pożizzjoni tagħhom fuq is-suq ( 37 ).

114.

Nosserva li, fil-punt 116 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, il-Kummissjoni qieset li minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex tivverifika l-eżistenza ta’ vantaġġ indirett, “l-effetti prevedibbli tal-miżura għandhom jiġu eżaminati minn perspettiva ex ante” u li “[v]antaġġ indirett huwa preżenti jekk il-miżura hija mfassla b’tali mod li tiggwida l-effetti sekondarji tagħha lejn impriżi identifikabbli jew gruppi ta’ impriżi” ( 38 ).

115.

Filwaqt li naqbel mal-interpretazzjoni tal-Kummissjoni, minn din il-ġurisprudenza niddeduċi wkoll li l-eżistenza ta’ tali vantaġġ joħroġ mill-kontenut tad-dispożizzjonijiet applikabbli (kawża Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni) jew minn dak ta’ dawn l-istess dispożizzjonijiet b’rabta mal-kuntest fattwali eżistenti (kawżi Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni u Mediaset). Dawn il-każijiet biss jiġġustifikaw, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, li wieħed iqis li l-effetti ekonomiċi sekondarji tar-rinunzja mill-Istat Membru għad-dħul fiskali li huwa normalment kien jirċievi jkunu orjentati lejn il-benefiċjarji indiretti tal-iskema eżaminata.

116.

Dan jimplika wkoll, fil-fehma tiegħi, li l-fatt li t-trasferiment ta’ parti mill-vantaġġ jew tal-vantaġġ kollu lill-benefiċjarji indiretti ma jkunx obbligatorju fil-liġi bl-ebda mod ma jwassal, minnu nnifsu, biex jeskludi l-imputabbiltà lill-Istat ta’ tali trasferiment.

117.

F’dan l-istadju, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-kontenut tal-miżuri li jikkostitwixxu s-SSLF, waħedha jew fil-kuntest fattwali li minnu tifforma parti, jippermettix li jiġi ddikjarat li s-SSLF hija kkonċepita b’mod li torjenta l-effetti sekondarji tagħha lejn il-kumpanniji tat-tbaħħir.

118.

It-tweġiba għal tali mistoqsija teżiġi qabelxejn li tittieħed inkunsiderazzjoni l-konfigurazzjoni singolari tas-SSLF, li hija komposta minn sensiela ta’ miżuri fiskali li l-applikazzjoni tagħhom tiddependi mill-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni fiskali waqt l-għoti ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva preċedenti u fuq katina ta’ kuntratti li jinkludu, fl-aħħar mill-aħħar, kuntratt li bih il-GIE jikru lill-kumpanniji tat-tbaħħir bastiment fil-kuntest ta’ noleġġ mingħajr ekwipaġġ, fejn dawn tal-aħħar jintrabtu li jixtru dan il-bastiment fi tmiem it-terminu previst.

119.

Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, jidhirli li l-istruttura kuntrattwali tas-SSLF taqa’ taħt il-kuntest fattwali eżistenti fis-sens tal-ġurisprudenza eżaminata iktar ’il fuq. L-intervent tal-Istat bl-għoti ta’ awtorizzazzjoni biex iseħħ id-deprezzament antiċipat, li huwa l-vera ċavetta ta’ aċċess għall-vantaġġi fiskali tas-SSLF, huwa, fil-fatt, il-korollarju inevitabbli tal-istabbiliment ta’ din l-istruttura.

120.

Kieku ntwera li tali struttura kuntrattwali fl-intier tagħha, inkluż il-kuntratt konkluż bejn il-GIE u l-kumpanniji tat-tbaħħir, kienet is-suġġett ta’ evalwazzjoni magħmula mill-amministrazzjoni fiskali għall-finijiet tal-eventwali għoti tal-imsemmija awtorizzazzjoni, kien isegwi li l-vantaġġ ekonomiku miksub mill-kumpanniji tat-tbaħħir kien isib l-oriġini tiegħu fir-rinunzja tal-Istat Spanjol milli jirċievi d-dħul fiskali dovut lilu.

121.

Issa, jidhirli li din l-evalwazzjoni ma tistax tinjora l-kuntest ġurisprudenzjali li fih hija għandha ssir. Il-ġurisprudenza dwar il-vantaġġ indirett titlob, fil-fehma tiegħi, li jiġi adottat il-qawl Ċiċerunjan “summum ius summa iniuria” (l-applikazzjoni eċċessiva tad-dritt twassal għall-inġustizzja), billi jiġi evitat kull formaliżmu superfluwu biex l-interpretazzjoni legali tkun tikkorrispondi għar-realtà ekonomika. Il-motivazzjoni li fuqha huwa bbażat dan l-approċċ qiegħda fir-rekwiżit li jiġi evitat kull tentattiv ta’ ksur tal-prinċipji li jirrigwardaw l-irkupru tal-għajnuna mill-Istat, kif ġew imfakkra hawn fuq.

122.

Dan ir-riskju jeżisti inkontestabbilment f’dan il-każ. Is-sempliċi implimentazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna li tagħti lill-amministrazzjoni fiskali setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-għażla tal-benefiċjarji u tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna, bħalma hija s-SSLF, tista’ tippermetti lill-Istati Membri li “jaħbu” l-eżistenza ta’ benefiċjarji indiretti u jevitaw għaldaqstant li parti mill-għajnuna jew l-għajnuna kollha tiġi rkuprata mingħandhom ( 39 ). Infakkar, f’dan ir-rigward, li l-prattika amministrattiva dwar l-awtorizzazzjoni biex iseħħ id-deprezzament antiċipat ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami taħt l-Artikolu 107 TFUE, inkwantu dan huwa element li min-natura tiegħu jiġi wara l-adozzjoni tas-SSLF ( 40 ).

123.

Dak li ntqal jimplika, fil-fehma tiegħi, li n-nuqqas ta’ obbligu legali fuq il-GIE li tittrasferixxi l-vantaġġ lill-kumpanniji tat-tbaħħir, u l-impossibbiltà li tittieħed inkunsiderazzjoni l-prattika amministrattiva dwar l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet għad-deprezzament antiċipat ma għandhomx neċessarjament jipprekludu li jiġi konkluż dwar l-imputabbiltà lill-Istat Spanjol tal-vantaġġ ekonomiku miksub mill-kumpanniji tat-tbaħħir minħabba l-ħlas lill-investituri miġbura f’GIE ta’ prezz ta’ xiri tal-bastiment li jinkludi skont ta’ 20 % sa 30 %.

124.

Ir-rekwiżit li jiġi evitat il-ksur tal-prinċipji li jirregolaw l-irkupru tal-għajnuna mill-Istat, enfasizzat qabel, għandu jwassal, fil-fatt, biex tiġi evitata tali interpretazzjoni billi jiġi rrikonoxxut li r-rabta bejn vantaġġ indirett u l-intervent Statali jista’ jiġi dedott minn numru ta’ indizji li jirrigwardaw l-adozzjoni u l-funzjonament tas-SSLF.

125.

Fl-ewwel lok, is-SSLF hija deskritta mill-Kummissjoni stess, fil-premess 12 tad-deċiżjoni kontenzjuża, bħala “skema ta’ ppjanar tat-taxxa, ġeneralment organizzata minn bank biex tiġġenera benefiċċji tat-taxxa għal investituri fi GIE trasparenti fir-rigward tat-taxxa u tittrasferixxi parti minn dawn il-benefiċċji tat-taxxa lill-kumpanija tat-tbaħħir fil-forma ta’ tnaqqis fuq il-prezz tal-bastiment. L-investituri tal-GIE jżommu l-benefiċċji li jibqa’ bħala remunerazzjoni għall-investiment tagħhom” ( 41 ). Dan it-trasferiment jidher għaldaqstant li huwa integrat sew fis-SSLF u li jikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet tagħha, fejn il-parti mill-vantaġġ fiskali li tibqa’ lill-investituri tal-GIE titqies bħala remunerazzjoni indispensabbli biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni fis-sistema bħala intermedjarji.

126.

Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi osservat li l-leġiżlazzjoni Spanjola tħalli marġni biex is-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni fiskali dwar l-awtorizzazzjoni tad-deprezzament antiċipat, li huwa ċ-ċavetta ta’ aċċess għall-vantaġġi fiskali li jirriżultaw mis-SSLF, tkun tista’ tiġi eżerċitata filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni t-termini tar-relazzjoni kuntrattwali bejn il-GIE u l-kumpanniji tat-tbaħħir. Skont l-Artikolu 49(4) tar-RIS, id-direttorat tal-finanzi responsabbli mill-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni fi ħdan il-Ministeru għall-Ekonomija kellu fil-fatt dritt jitlob l-informazzjoni u d-dokumenti kollha li huwa jqis neċessarji, ħaġa li timplika li d-dokumentazzjoni kollha dwar l-imsemmija relazzjoni kuntrattwali setgħet tagħmel parti mill-fajl li jkollha quddiemha l-amministrazzjoni fiskali. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni ammettiet, fil-punt 169 tad-deċiżjoni kontenzjuża li, bil-għan li tieħu deċiżjoni fuq l-għoti tal-awtorizzazzjoni dwar id-deprezzament antiċipat, l-amministrazzjoni fiskali Spanjola evalwat l-impatt ekonomiku tat-tranżazzjoni kollha.

127.

Fit-tielet lok, jeħtieġ li jiġi enfasizzat, fil-fehma tiegħi, li l-istruttura kuntrattwali kienet implimentata bl-inizjattiva tal-kumpanniji tat-tbaħħir li ftehmu ma’ tarzna biex jibnu bastiment, inkambju għal prezz ta’ xiri li jinkludi skont ta’ 85 - 90 % tal-vantaġġ fiskali li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-miżuri li jikkostitwixxu s-SSLF, u sussegwentement dawn l-istess kumpanniji tat-tbaħħir ħallsu dan il-prezz imnaqqas fil-kuntest tar-relazzjoni kuntrattwali tagħhom mal-GIE. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli raġonevoli li jitqies li l-eżami mwettaq mill-amministrazzjoni fiskali għall-finijiet tal-għoti tal-awtorizzazzjoni dwar id-deprezzament antiċipat ma injorax il-kuntratt bejn il-GIE u l-kumpanniji tat-tbaħħir, għaliex inkella kien jinjora l-loġika tal-istruttura kuntrattwali li kienet tikkostitwixxi, tal-inqas, il-prerekwiżit neċessarju biex wieħed jibbenefika mill-vantaġġi fiskali li joħorġu mis-SSLF.

128.

B’dan premess, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, limitata għal parti minn din l-istruttura kuntrattwali, ma jidhirx li tippermetti li turi b’mod sodisfaċenti l-effetti ekonomiċi tas-SSLF. Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li, kemm fir-risposta tagħha kif ukoll waqt is-seduta, il-Kummissjoni sostniet li l-ċirkustanzi tal-każ jixbhu lil dawk li kienu s-suġġett tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Aer Lingus u Ryanair Designated Activity ( 42 ).

129.

Fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mitluba tevalwa taxxa Irlandiża fuq il-kumpanniji tal-ajru. Din it-taxxa kienet tipprevedi żewġ rati distinti, jiġifieri EUR 2 għal kull passiġġier f’każ ta’ titjira lejn destinazzjoni li tinsab f’distanza massima ta’ 300 km mill-ajruport ta’ Dublin (l-Irlanda) u EUR 10 għal kull passiġġier fil-każijiet l-oħra kollha. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-restituzzjoni tal-vantaġġ prodott mill-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa kien jeżiġi l-irkupru mill-amministrazzjoni fiskali, mingħand il-kumpanniji tal-ajru benefiċjarji, tad-differenza bejn l-ammont tat-taxxa li kien ikollha titħallas għal kull waħda mit-titjiriet imwettqa u l-ammont effettivament imħallas, fejn il-benefiċċju ekonomiku li seta’ jittieħed mill-imsemmija kumpanniji permezz tal-użu ta’ dan il-vantaġġ huwa irrilevanti għall-finijiet tal-irkupru tal-għajnuna ( 43 ). Ir-raġuni li fuqha hija bbażata din il-konklużjoni kienet fil-fatt li l-eventwali riperkussjoni tal-vantaġġ fuq il-prezz tal-biljetti offruti lill-passiġġiera kienet tiddependi esklużivament fuq l-għażla kummerċjali magħmula mill-kumpanniji benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni.

130.

Issa, jekk din is-soluzzjoni tiġi trasposta għall-kawża li għandna quddiemna ikun ifisser li t-trasferiment mill-investituri tal-GIE lill-kumpanniji tat-tbaħħir ta’ parti mill-vantaġġ fiskali riċevut minħabba l-applikazzjoni tas-SSLF jitqies li rriżulta mill-għażla kummerċjali magħmula minn dawn l-investituri, li jkunu ddeċidew li jużaw dan il-vantaġġ billi joffru prezz ta’ xiri ta’ bastiment li jinkludi skont ta’ madwar 30%. Ma hemmx dubju, fil-fehma tiegħi, dwar in-natura żbaljata ta’ tali interpretazzjoni.

131.

Fil-fatt, u kif allega r-Renju ta’ Spanja waqt is-seduta, il-prezz attraenti mogħti mill-GIE lill-kumpanniji tat-tbaħħir għax-xiri tal-bastimenti ma kienx jirriżulta mill-eżerċizzju ġenwin tal-awtonomija kuntrattwali ta’ dawk tal-ewwel, inkwantu l-GIE kienu joperaw f’konfigurazzjoni li fiha l-vijabbiltà tal-bejgħ tal-bastiment kienet iddefinita minn qabel mill-istruttura kuntrattwali, b’mod partikolari mill-kuntratt tal-kostruzzjoni tal-bastiment konkluż minn qabel. Għaldaqstant, dawn il-GIE kienu sempliċiment responsabbli li jaqsmu l-vantaġġ fiskali li jirriżulta mis-SSLF b’mod li l-kumpanniji tat-tbaħħir jibbenefikaw minn parti minnu. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, meta l-Kummissjoni wettqet l-eżami tal-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża, hija identifikat ripetutament il-GIE bħala intermedjarji li jittrasferixxu parti mill-imsemmi vantaġġ lill-kumpanniji tat-tbaħħir ( 44 ).

132.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li l-parti mill-vantaġġ fiskali ttrasferit mill-GIE lill-kumpanniji tat-tbaħħir fil-kuntest tal-kuntratti privati konklużi bejniethom għandha titnaqqas mill-ammont li għandu jiġi rkuprat mill-investituri tal-GIE, u tilqa’ għaldaqstant it-tielet motiv imressaq minn Lico Leasing u PYMAR quddiem il-Qorti Ġenerali.

VI. Konklużjoni

133.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla parzjalment is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑23 ta’ Settembru 2020, Spanja et vs Il-Kummissjoni (T‑515/13 RENV u T‑719/13 RENV, EU:T:2020:434) inkwantu l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha fil-kuntest tat-tweġiba tagħha għat-tielet motiv imressaq minn Lico Leasing SA u Pequeños y Medianos Astilleros Sociedad de Reconversión SA, u tannulla parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/200/UE tas‑17 ta’ Lulju 2013 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.21233 C/11 (ex NN/11, ex CP 137/06) mogħtija minn Spanja [–] Reġim tat-taxxa [Skema fiskali] applikabbli għal ċerti ftehimiet ta’ lokazzjoni finanzjarja magħruf ukoll bħala s-Sistema [skema] Spanjola tat-Taxxa tal-Lokazzjoni, u, b’mod iktar preċiż, l-ordni ta’ rkupru għal dak li jikkonċerna l-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna inkompatibbli li għandha tiġi rkuprata.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU 2014, L 114, p. 1.

( 3 ) ĠU 2011, C 276, p. 5.

( 4 ) BOE Nru 61, tal‑11 ta’ Marzu 2004, p. 10951.

( 5 ) BOE Nru 189, tas‑6 ta’ Awwissu 2004, p. 37072.

( 6 ) Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, World Duty Free Group u Spanja vs Il-Kumissjoni (C‑51/19 P u C‑64/19 P, EU:C:2021:793, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 7 ) Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sigma Alimentos Exterior vs Il-Kummissjoni (C‑50/19 P, EU:C:2021:792, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 8 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il-Kummissjoni (C‑244/18 P, EU:C:2020:238, punti 104 u 105).

( 9 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016 (C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981).

( 10 ) Ara s-sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 1996, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑241/94, EU:C:1996:353, punt 23); tad‑29 ta’ Ġunju 1999, DM Transport (C‑256/97, EU:C:1999:332, punt 27), u tal‑1 ta’ Diċembru 1998, Ecotrade (C‑200/97, EU:C:1998:579, punt 40).

( 11 ) Sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, P (C‑6/12, iktar ’il quddiem is-“sentenza P”, EU:C:2013:525, punti 22 sa 27).

( 12 ) Ara s-sentenza P, punt 13.

( 13 ) Sentenza P, punti 24 sa 27.

( 14 ) Sentenza P, punt 20. Enfasi miżjuda minni.

( 15 ) Sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs Fútbol Club Barcelona (C‑362/19 P, iktar ’il quddiem is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Fútbol Club Barcelona, EU:C:2021:169).

( 16 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs Fútbol Club Barcelona, punt 86.

( 17 ) Sentenza Il‑Kummissjoni vs Fútbol Club Barcelona, punt 87.

( 18 ) Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Fútbol Club Barcelona, punti 92 u 93.

( 19 ) Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Fútbol Club Barcelona, punti 90 u 91.

( 20 ) Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata, kif jagħmel ukoll ir-Renju ta’ Spanja, talli ma indikat ebda dispożizzjoni regolamentari li turi li l-possibbiltà għall-amministrazzjoni fiskali li tiffissa mument ieħor biex jibda d-deprezzament antiċipat kienet tibbenefika speċifikament lill-GIE. Kif spjegajt iktar ’il fuq, ir-riferiment għal dispożizzjoni regolamentari li għandha tali kontenut ma kienx neċessarju peress li r-raġunament legali segwit fis-sentenza appellata ma huwiex ibbażat fuq ipotesi ta’ selettività de jure.

( 21 ) Sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 1999 (C‑256/97, EU:C:1999:332).

( 22 ) Sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 1999, DM Transport (C‑256/97, EU:C:1999:332, punti 27 u 28); skont il-Qorti tal-Ġustizzja, is-setgħa diskrezzjonali inkwistjoni għandha tippermetti lil dan l-organu “jiddetermina l-benefiċjarji jew il-kundizzjonijiet tal-miżura mogħtija”. F’dan ir-rigward, ara wkoll is-sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 1996, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑241/94, EU:C:1996:353, punti 23 u 24), u tal‑1 ta’ Diċembru 1998, Ecotrade (C‑200/97, EU:C:1998:579, punti 39 u 40).

( 23 ) Sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2013, MOL vs Il-Kummissjoni (T‑499/10, EU:T:2013:592), ikkonfermata mis-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, Il-Kummissjoni vs MOL (C‑15/14 P, EU:C:2015:362).

( 24 ) Sentenzi tal‑24 ta’ Settembru 2019, Il-Pajjiżi l-Baxxi et vs Il-Kummissjoni (T‑760/15 u T‑636/16, EU:T:2019:669); tal-24 ta’ Settembru 2019, Il-Lussemburgu u Fiat Chrysler Finance Europe vs Il-Kummissjoni (T‑755/15 u T‑759/15, EU:T:2019:670), kif ukoll tal‑15 ta’ Lulju 2020, L-Irlanda et vs Il-Kummissjoni (T‑778/16 u T‑892/16, EU:T:2020:338).

( 25 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża L-Irlanda vs Il-Kummissjoni (C‑898/19 P, EU:C:2021:1029, punt 192).

( 26 ) L-appellant jidhirli hawnhekk li jirreferi għall-punti 89 sa 96 tas-sentenza appellata.

( 27 ) Ara s-sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 2017, TV2/Danmark vs Il-Kummissjoni (C‑649/15 P, EU:C:2017:835, punti 49 u 50); tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Comunidad Autónoma de Galicia u Retegal vs Il-Kummissjoni (C‑70/16 P, EU:C:2017:1002, punt 72), kif ukoll tal‑20 ta’ Settembru 2018, Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑114/17 P, EU:C:2018:753, punt 75).

( 28 ) Sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck (C‑524/14 P, EU:C:2016:971, punt 21, u tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑81/16 P, EU:C:2017:1003, punt 43).

( 29 ) Huwa ċar li r-Renju ta’ Spanja qiegħed jirreferi għall-punt 97 tas-sentenza appellata.

( 30 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2014, Buono et vs Il-Kummissjoni (C‑12/13 P u C‑13/13 P, EU:C:2014:2284, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 31 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Aer Lingus u Ryanair Designated Activity (C‑164/15 P u C‑165/15 P, EU:C:2016:990, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 32 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Aer Lingus u Ryanair Designated Activity (C‑164/15 P u C‑165/15 P, EU:C:2016:990, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 33 ) Sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2000 (C‑156/98, EU:C:2000:467).

( 34 ) Sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑156/98, EU:C:2000:467, punti 26 u 27).

( 35 ) Sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2002 (C‑382/99, EU:C:2002:363).

( 36 ) Sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2002, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni (C‑382/99, EU:C:2002:363, punt 62).

( 37 ) Sentenzi tal‑15 ta’ Ġunju 2010, Mediaset vs Il-Kummissjoni (T‑177/07, EU:T:2010:233, punt 62), u tat‑28 ta’ Lulju 2011, Mediaset vs Il-Kummissjoni (C‑403/10 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:533, punti 76 u 77).

( 38 ) Avviż [Komunikazzjoni] tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, C 262, p. 1).

( 39 ) Irrid infakkar, f’dan ir-rigward, li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat ma tistax tkun tiddependi mit-teknika leġiżlattiva użata mill-Istati Membri. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, World Duty Free Group u Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑51/19 P u C‑64/19 P, EU:C:2021:793, punt 95).

( 40 ) Jeħtieġ li jiġi osservat li l-Kummissjoni osservat, fil-premessi 135 u 136 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li mill-eżempji pprovduti mill-awtoritajiet Spanjoli jirriżulta li t-talbiet għal awtorizzazzjoni ppreżentati mill-GIE kienu jiddeskrivu b’mod iddettaljat l-organizzazzjoni kollha tas-SSTL, kienu jipprovdu l-kuntratti kollha rilevanti u kienu jinkludu l-annessi li fihom kalkolu ddettaljat tal-vantaġġi fiskali totali u tal-mod ta’ tqassim bejn il-kumpannija tat-tbaħħir (jew l-elementi meħtieġa biex isir tali kalkolu), minn naħa, u l-GIE jew l-investituri tagħhom, min-naħa l-oħra.

( 41 ) Enfasi miżjud minni.

( 42 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016 (C‑164/15 P u C‑165/15 P, EU:C:2016:990).

( 43 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Aer Lingus u Ryanair Designated Activity (C‑164/15 P u C‑165/15 P, EU:C:2016:990, punt 92).

( 44 ) Ara, b’mod partikolari, il-punt 203 tad-deċiżjoni kontenzjuża.