Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
2 ta’ Lulju 2026 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tal-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa li jiddestabilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina – Regolament (UE) Nru 833/2014 – Artikolu 2f(1) – Kunċett ta’ ‘operatur’ – Projbizzjoni li jixxandar kontenut li joriġina minn persuni ġuridiċi, minn entitajiet jew minn korpi elenkati fl-Anness XV tar-Regolament Nru 833/2014 – Xandir ta’ dan il-kontenut minn persuni fiżiċi f’sit internet li jiġġenera biss dħul taħt il-forma ta’ kontribuzzjonijiet volontarji”
Fil-Kawża C‑67/25,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Saarbrücken (il-Qorti Reġjonali ta’ Saarbrücken, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Diċembru 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑31 ta’ Jannar 2025, fil-proċeduri kriminali kontra
R,
N,
K,
fil-preżenza ta’:
Staatsanwaltschaft Saarbrücken,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn I. Jarukaitis, President tal-Awla, M. Condinanzi, N. Jääskinen, R. Frendo (Relatriċi) u A. Kornezov, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: R. Norkus,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għas-Staatsanwaltschaft Saarbrücken, minn A. Hammer,
– għal R, minn A.‑M. Kalmes u J. Schmidt, Rechtsanwälte,
– għal K, minn A.‑M. Kalmes, Rechtsanwältin,
– għall-Gvern Estonjan,, minn H. Hirsik u M. Kriisa, bħala aġenti,
– għall-Gvern Franċiż, minn E. Timmermans u B. Travard, bħala aġenti,
– għall-Gvern Latvjan, minn J. Davidoviča u K. Pommere, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Carpus‑Carcea u M. Kellerbauer, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑12 ta’ Frar 2026,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2f(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal‑31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 229, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2014, L 246, p. 59 u fil-ĠU 2022, L 114, p. 214), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/350 tas‑6 ta’ Ottubru 2022 (ĠU 2022, L 65, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 833/2014”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra tliet persuni fiżiċi, R, N, u K, għal atti li jistgħu jikkostitwixxu ksur tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 2f(1) tar-Regolament Nru 833/2014.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolament Nru 833/2014,
3 Skont l-Artikolu 2f(1) tar-Regolament Nru 833/2014:
“Għandu jkun ipprojbit għall-operaturi li jxandru jew jgħinu, jiffaċilitaw jew inkella li jagħtu kontribut biex jixxandar kwalunkwe kontenut mill-persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness XV, inkluż permezz tat-trażmissjoni jew id-distribuzzjoni bi kwalunkwe mezz bħal cable, satellita, IP-TV, fornituri ta’ servizzi tal-internet, pjattaformi jew applikazzjonijiet ta’ video-sharing tal-internet, kemm jekk ġodda kif ukoll jekk installati minn qabel.”
4 Fl-Anness XV ta’ dan ir-regolament, intitolat “Lista ta’ persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmija fl-artikolu 2f”, jidher, b’mod partikolari, l-isem “RT – Russia Today Germany”.
Ir-Regolament 2022/350
5 Il-premessi 4 sa 10 tar-Regolament 2022/350 jiddikjaraw:
“(4) Fil-konklużjonijiet tiegħu tal‑24 ta’ Frar 2022, il-Kunsill Ewropew ikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna. [...] Il-Kunsill Ewropew appella [lill-Federazzjoni Russa] u lill-formazzjonijiet armati appoġġati mir-Russja biex iwaqqfu l-kampanja ta’ diżinformazzjoni tagħhom.
(5) Fil-konklużjonijiet tiegħu tal‑10 ta’ Mejju 2021, il-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] enfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ aktar ir-reżiljenza tal-Unjoni [Ewropea] u tal-Istati Membri kif ukoll il-kapaċità tagħhom li jiġġieldu theddid ibridu, inkluża d-diżinformazzjoni, filwaqt li jiġi żgurat l-użu koordinat u integrat ta’ għodod eżistenti u ġodda possibbli għall-ġlieda kontra t-theddid ibridu fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri, u risponsi possibbli fil-qasam tat-theddid ibridu inkluż, inter alia, għal operazzjonijiet ta’ interferenza u influwenza barranija, li jistgħu jkopru miżuri preventivi kif ukoll l-impożizzjoni ta’ kostijiet fuq atturi statali u mhux statali ostili.
(6) Il-Federazzjoni Russa impenjat ruħha f’kampanja sistematika u internazzjonali ta’ manipulazzjoni tal-media u distorsjoni tal-fatti sabiex issaħħaħ l-istrateġija tagħha ta’ destabbilizzazzjoni tal-pajjiżi ġirien tagħha u tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. B’mod partikolari, il-propaganda mmirat ripetutament u konsistentement lill-partiti politiċi Ewropej, speċjalment matul il-perijodi elettorali, kif ukoll immirat lis-soċjetà ċivili, lil dawk il-persuni li jfittxu l-ażil, lill-minoranzi etniċi Russi, lill-minoranzi tal-ġeneru u lill-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi fl-Unjoni u fl-Istati Membri tagħha.
(7) Sabiex tiġġustifika u tappoġġa l-aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna, il-Federazzjoni Russa impenjat ruħha f’azzjonijiet ta’ propaganda kontinwi u miftiehma mmirati lejn is-soċjetà ċivili fl-Unjoni u l-pajjiżi ġirien, li jgħawwġu u jimmanipulaw b’mod gravi l-fatti.
(8) Dawk l-azzjonijiet ta’ propaganda għaddew minn għadd ta’ mezzi tal-media taħt il-kontroll permanenti dirett jew indirett tat-tmexxija tal-Federazzjoni Russa. Tali azzjonijiet jikkostitwixxu theddida sinifikanti u diretta għall-ordni pubbliku u s-sigurtà tal-Unjoni.
(9) Dawk il-mezzi tal-media huma essenzjali u strumentali biex imexxu ‘l quddiem u jappoġġaw l-aggressjoni kontra l-Ukrajna, u għad-destabbilizzazzjoni tal-pajjiżi ġirien tagħha.
(10) Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, u b’reazzjoni għall-azzjonijiet [tal-Federazzjoni Russa] li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, huwa meħtieġ, b’mod konsistenti mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali [tal-Unjoni Ewropea], b’mod partikolari mad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni kif rikonoxxut fl-Artikolu 11 tagħha, li jiġu introdotti aktar miżuri restrittivi biex jiġu sospiżi b’mod urġenti l-attivitajiet tax-xandir ta’ tali mezzi tal-media fl-Unjoni, jew diretti lejn l-Unjoni. Dawn il-miżuri jenħtieġ li jinżammu sakemm tintemm l-aggressjoni kontra l-Ukrajna, u sakemm il-Federazzjoni Russa, u l-mezzi tal-media assoċjati tagħha, jieqfu jwettqu azzjonijiet ta’ propaganda kontra l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.”
Ir-Regolament 2024/1745
6 Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1745 tal‑24 ta’ Ġunju 2024 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 2024/1745, rettifiki fil-ĠU L, 2024/90435, fil-ĠU L, 2024/90606, fil-ĠU L, 2024/90647 u fil-ĠU L, 2025/90057) daħħal, fir-Regolament Nru 833/2014, l-Artikolu 3r, li l-paragrafu 4 tiegħu jipprevedi dan li ġej:
“Sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-projbizzjonijiet [li jiġu pprovduti servizzi ta’ tagħbija mill-ġdid fit-territorju tal-Unjoni għall-finijiet ta’ operazzjonijiet ta’ trażbord ta’ gass naturali llikwifikat, li joriġina fir-Russja jew esportat mir-Russja, kif ukoll li jiġi pprovduti, direttament jew indirettament, assistenza teknika, servizzi ta’ senserija, finanzjament jew għajnuna finanzjarja b’rabta mal-projibizzjoni li jiġu pprovduti tali servizzi ta’ tagħbija mill-ġdid], l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jistabbilixxu regoli u gwida fil-livell nazzjonali. Tali regoli u gwida għandhom jinkludu rekwiżiti msaħħa ta’ diliġenza dovuta b’mod partikolari għall-identifikazzjoni ta’ servizzi ta’ tagħbija mill-ġdid ipprovduti għall-fini ta’ operazzjonijiet ta’ trażbord, filwaqt li [jittieħed inkunsiderazzjoni] l-pajjiż ta’ reġistrazzjoni tal-operaturi ekonomiċi involuti.”
Id-dritt Ġermaniż
7 Skont il-punt 1(b) tal-Artikolu 18(1) tal-Außenwirtschaftsgesetz (il-Liġi dwar il-Kummerċ Barrani) tas‑6 ta’ Ġunju 2013 (BGBl. 2013 I, p. 1482), fil-verżjoni tagħha li tapplika għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kummerċ Barrani”), kull persuna li tikser projbizzjoni li jixxandru, jiġu trażmessi, jixxerrdu jew jiġu pprovduti servizzi, prevista f’att legali tal-Komunitajiet Ewropej jew tal-Unjoni direttament applikabbli, liema att ikun ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u li bih tiġi implimentata sanzjoni ekonomika adottata mill-Kunsill fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, tista’ teħel piena ta’ priġunerija ta’ bejn tliet xhur u ħames snin.
8 Skont il-punt 2 tal-Artikolu 18(7) tal-Liġi dwar il-Kummerċ Barrani, persuna li tkun aġixxiet f’kapaċità professjonali fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 18 tista’ teħel piena ta’ priġunerija ta’ mill-inqas sena.
Il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
9 Il-Landgericht Saarbrücken (il-Qorti Reġjonali ta’ Saarbrücken, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju, ġiet adita fil-kuntest ta’ investigazzjoni kriminali kontra tliet persuni fiżiċi, R, N u K, issuspettati li pparteċipaw f’assoċjazzjoni kriminali, inkwantu allegatament xandru, f’erba’ okkażjonijiet fl‑2023, permezz tal-blog “Live‑Ticker”, aċċessibbli għall-pubbliku fis-sit internet www.traugott-ickeroth.com (iktar ’il quddiem is-“sit internet traugott‑ickeroth”), vidjows tal-istazzjon RT Germany. Billi x-xandiriet ta’ dan l-istazzjon huma suġġetti għall-projbizzjoni fuq ix-xandir prevista fl-Artikolu 2f(1) tar-Regolament Nru 833/2014, il-fatt li dawn il-vidjows saru aċċessibbli għall-pubbliku jikkostitwixxi, fil-Ġermanja, taħt il-Liġi dwar il-Kummerċ Barrani, reat punibbli b’sanzjonijiet kriminali.
10 R, li jippubblika, inter alia, kotba taħt il-psewdonimu “Traugott Ickeroth”, mibjugħa fuq il-pjattaforma tal-kummerċ online Amazon, allegatament irrikonoxxa, matul l-investigazzjoni, li kien responsabbli għad-disinn editorjali tas-sit internet traugott‑ickeroth.
11 Il-kontenut ippubblikat fis-sit internet kien aċċessibbli mingħajr ħlas. Madankollu, l-utenti kienu ġew imħeġġa, permezz ta’ sejħa għad-donazzjonijiet, isostnu finanzjarjament l-operat tal-imsemmi sit. B’hekk, bejn l‑1 ta’ April 2022 u t‑3 ta’ Awwissu 2023, R u N allegatament irċevew, fil-kontijiet rispettivi tagħhom, numru kbir ta’ ħlasijiet magħmula minn utenti b’rabta ma’ din is-sejħa għad-donazzjonijiet, li kienu jammontaw għal total ta’ EUR 60 038.65.
12 Il-qorti tar-rinviju għandha dubju jekk persuni fiżiċi bħal R, N u K jaqgħux fl-iskop tal-kunċett ta’ “operatur”, fis-sens tal-Artikolu 2f(1) tar-Regolament Nru 833/2014, hekk li l-projbizzjoni prevista fih tkun tista’ tiġi invokata kontrihom. Fil-fehma tagħha, l-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett ma hijiex tant ovvja hekk li jista’ jiġi eskluż kull dubju raġonevoli.
13 F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirreferi għad-dokument imħejji mis-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea, intitolat “Consolidated FAQs on the implementation of Council Regulation No 833/2014 and Council Regulation No 269/2014” (“FAQ ikkonsolidati dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 833/2014 u tar-Regolament tal-Kunsill Nru 269/2014”, iktar ’il quddiem il-“FAQ tal-Kummissjoni”), li jgħid li l-kunċett ta’ “operatur” ikopri kull persuna fiżika jew ġuridika jew kull entità li l-attività kummerċjali jew professjonali tagħha hija li xxandar, tippermetti jew tiffaċilita li jixxandar, jew, b’kull mod ieħor, tgħin sabiex jixxandar, kontenut mhux awtorizzat.
14 L-imsemmija qorti tosserva li, minn naħa, l-aċċess għas-sit internet traugott-ickeroth kien, bħala prinċipju, mingħajr ħlas, fis-sens li ma kienx jeħtieġ li l-utenti jipprovdu korrispettiv pekunjarju. Min-naħa l-oħra, l-użu ta’ dan is-sit internet ma kienx iffinanzjat minn riżorsi indipendenti mill-kontribuzzjonijiet volontarji tal-utenti, bħal dħul mir-reklami, li, madankollu, hija ħaġa komuni f’dan il-qasam. Għalhekk, l-attività ta’ R tista’ titqies bħala waħda ta’ natura purament privata.
15 Madankollu, l-istess qorti tirrileva li l-ġbir ta’ donazzjonijiet privati, li jikkostitwixxu donazzjonijiet fis-sens tad-dritt ċivili, jista’ jiġi kklassifikat bħala “attività professjonali”, fejn dan jiġi eżerċitat b’tali mod li l-benefiċjarji jirċievu somom kbar li jippermettulhom ikopru, tal-inqas parzjalment, l-ispejjeż għall-infiq ta’ kuljum. F’dan il-każ, is-sejħa għad-donazzjonijiet kienet maħsuba sabiex tiġġenera riżorsi finanzjarji sabiex is-sit internet traugott-ickeroth ikompli jopera, u, għaldaqstant, sabiex tikkostitwixxi sors ta’ dħul sostenibbli, u din hija karatteristika ta’ attività professjonali.
16 Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Landgericht Saarbrücken (il-Qorti Reġjonali ta’ Saarbrücken) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“ L-Artikolu 2f(1) tar-Regolament [Nru 833/2014] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-operaturi f’dan is-sens jinkludu wkoll persuni fiżiċi li joperaw sit internet u jiġġeneraw dħul unikament fil-forma ta’ kontribuzzjonijiet volontarji minn terzi (donazzjonijiet jew rigali)?”
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
17 Il-qorti tar-rinviju talbet li tingħata prijorità lil din il-kawża, skont l-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.
18 Permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Marzu 2025, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li ma jilqax din it-talba.
Fuq id-domanda preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
19 Mingħajr ma ssostni formalment li d-domanda preliminari hija inammissibbli, l-iStaatsanwaltschaft Saarbrücken (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Saarbrücken, il-Ġermanja) jikkontesta n-neċessità tagħha.
20 Fl-ewwel lok, huwa jsostni li deċiżjoni preliminari ma hijiex neċessarja, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, sabiex tiġi deċiża din il-kwistjoni u li l-qorti tar-rinviju lanqas ma hija obbligata tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens tat-tielet paragrafu ta’ dan l-Artikolu 267.
21 B’mod partikolari, minn naħa, l-imsemmija domanda ma hijiex is-suġġett prinċipali tat-tilwima fil-kawża prinċipali, liema tilwima tqajjem kwistjonijiet oħra ta’ fatt jew ta’ liġi li l-qorti tal-appell tista’ tevalwa b’mod differenti, hekk li ma jkunx opportun li titressaq talba għal deċiżjoni preliminari fl-istadju tal-ewwel istanza ġudizzjarja. Min-naħa l-oħra, għall-kuntrarju tal-fehma tal-qorti tar-rinviju, deċiżjoni preliminari lanqas ma hija neċessarja sabiex tiġi ddeterminata l-ġuriżdizzjoni tagħha, bħala awla speċjalizzata f’reati ekonomiċi, fuq ksur tal-Liġi dwar il-Kummerċ Barrani, billi din il-ġuriżdizzjoni ma tista’ tqajjem ebda dubju serju.
22 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 267 TFUE jagħti lill-qrati nazzjonali diskrezzjoni mill-iktar wiesgħa sabiex jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, fil-fehma tagħhom, kawża pendenti quddiemhom tkun tqajjem kwistjonijiet li jkunu jinvolvu, b’mod partikolari, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jkunu neċessarji għar-riżoluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiemhom u huma liberi li jeżerċitaw din id-diskrezzjoni f’kull stadju tal-proċedura li jidhrilhom xieraq (ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Jannar 1974, Rheinmühlen‑Düsseldorf, 166/73, EU:C:1974:3, punt 3, u tat‑12 ta’ Mejju 2021, Bundesrepublik Deutschland (Avviż aħmar tal-Interpol), C‑505/19, EU:C:2021:376, punt 49, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
23 Barra minn hekk, hija biss il-qorti nazzjonali adita bit-tilwima u li għandha terfa’ r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li tkun ser tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun hija tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, fejn id-domandi magħmula jkunu jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (ara s-sentenzi tad‑29 ta’ Novembru 1978, Redmond, 83/78, EU:C:1978:214, punt 25, kif ukoll tat‑30 ta’ Ottubru 2025, Mercedes-Benz Bank u Volkswagen Bank, C‑143/23, EU:C:2025:837, punt 48).
24 Dan ifisser li d-domandi li jikkonċernaw id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda relazzjoni mal-fatti jew mal-iskop tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun waħda ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-informazzjoni fattwali u legali neċessarja sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara s-sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 1999, Beck u Bergdorf, C‑355/97, EU:C:1999:391, punt 22, kif ukoll tat‑30 ta’ Ottubru 2025, Mercedes-Benz Bank u Volkswagen Bank, C‑143/23, EU:C:2025:837, punt 49).
25 F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-proċedura fil-kawża prinċipali tikkonċerna proċeduri kriminali mibdija kontra tliet persuni fiżiċi talli xandru, permezz ta’ sit internet aċċessibbli għall-pubbliku, kontenut tal-istazzjon RT Germany, liema stazzjon huwa inkluż fl-Anness XV tar-Regolament Nru 833/2014 u li x-xandir tiegħu huwa pprojbit mill-Artikolu 2f(1) ta’ dan ir-regolament. F’dawn iċ-ċirkustanzi, permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk persuna fiżika, li topera tali sit internet li jxandar dan il-kontenut u li minnu tagħmel biss dħul fil-forma ta’ kontribuzzjonijiet volontarji ta’ terzi, taqax fl-iskop tal-kunċett ta’ “operatur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.
26 B’hekk, ma huwiex ovvju li l-interpretazzjoni tar-Regolament 833/2014 mitluba permezz ta’ din id-domanda ma għandha ebda rabta mal-fatti jew mal-iskop tat-tilwima fil-kawża prinċipali jew li l-problema mqajma hija waħda ipotetika.
27 Għaldaqstant, l-oġġezzjonijiet li qajjem l-iStaatsanwaltschaft Saarbrücken (l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Saarbrücken) dwar l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari, kif miġbura fil-qosor fil-punti 20 u 21 ta’ din is-sentenza, ma jistgħux jintlaqgħu.
28 Fit-tieni lok, dan tal-aħħar isostni li d-deċiżjoni li tinfetaħ il-fażi tas-sentenza quddiem l-awla kompetenti tal-qorti tar-rinviju għadha tista’ tkun is-suġġett ta’ “rikors immedjat” (sofortige Beschwerde), liema rikors jikkostitwixxi “rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt intern”, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, hekk li dik il-qorti ma hijiex obbligata, skont din id-dispożizzjoni, li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja.
29 F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-fatt li l-qorti tar-rinviju ma hijiex obbligata li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba li dawn id-deċiżjonijiet ikunu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rimedji ġudizzjarji taħt id-dritt nazzjonali, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, ma jaffettwax id-diskrezzjoni l-iktar wiesgħa tagħha sabiex tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, kif tfakkar fil-punt 22 ta’ din is-sentenza.
30 Fit-tielet u fl-aħħar lok, fil-fehma tal-iStaatsanwaltschaft Saarbrücken (l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Saarbrücken), ma huwiex essenzjali li titressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “operatur”, imsemmi fl-Artikolu 2f(1) tar-Regolament Nru 833/2014, billi l-metodi soliti ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni huma biżżejjed sabiex tiġi ppreċiżata l-portata tiegħu u billi s-sens ta’ din id-dispożizzjoni huwa wieħed ovvju.
31 Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li d-diskrezzjoni li titressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja hija tal-qorti nazzjonali u dan indipendentement mill-evalwazzjoni tal-partijiet fil-kawża prinċipali dwar jekk tali talba hijiex waħda opportuna jew le. Fil-fatt, qorti nazzjonali ma hija b’ebda mod ipprojbita li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja li, fil-fehma ta’ waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali, ir-risposta għaliha ma tkun tħalli ebda lok għal dubju raġonevoli. B’hekk, anki jekk jitqies li dan huwa l-każ, tali domanda ma ssirx b’daqshekk inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Diċembru 2011, Painer, C‑145/10, EU:C:2011:798, punti 64 u 65, kif ukoll tal‑24 ta’ Frar 2022, Viva Telecom Bulgaria, C‑257/20, EU:C:2022:125, punt 42).
32 Mill-kunsiderazzjonijiet kollha premessi jirriżulta li d-domanda preliminari hija ammissibbli.
Fuq il-mertu
33 Permezz tal-unika domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2f(1) tar-Regolament Nru 833/2014 għandux jiġi interpretat fis-sens li persuna fiżika, li topera sit internet u xxandar fih kontenut li joriġina minn persuni ġuridiċi, minn entitajiet jew minn organi elenkati fl-Anness XV ta’ dan ir-regolament u li mill-operat ta’ dan is-sit internet tagħmel biss dħul minn kontribuzzjonijiet volontarji ta’ terzi, fil-forma ta’ donazzjonijiet jew ta’ rigali, taqa’ fl-iskop tal-kunċett ta’ “operatur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.
34 F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni biss kliemha, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti tfittex li tilħaq (ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12, u tat‑12 ta’ Frar 2026, Stichting Koskea, C‑490/24, EU:C:2026:89, punt 23).
35 Fl-ewwel lok, sa fejn għandhom x’jaqsmu t-termini użati fl-Artikolu 2f(1) tar-Regolament Nru 833/2014, dan tal-aħħar jipprovdi li l-operaturi huma pprojbiti milli jxandru jew jippermettu jew jiffaċilitaw li jixxandar, jew, b’xi mod ieħor, jgħinu sabiex jixxandar, kontenut li joriġina mill-persuni ġuridiċi, mill-entitajiet jew mill-organi elenkati fl-Anness XV ta’ dan ir-regolament, inkluż permezz tat-trażmissjoni jew tad-distribuzzjoni bi kwalunkwe mezz, bħall-kejbil, is-satellita, IPTV, fornituri ta’ servizzi tal-internet, pjattaformi jew applikazzjonijiet internet, ġodda jew diġà installati, ta’ video-sharing.
36 Sa fejn għandu x’jaqsam, b’mod iktar speċifiku, il-kunċett ta’ “operatur” f’din id-dispożizzjoni, għandu jiġi kkonstatat li dan la huwa ddefinit minn din tal-aħħar u lanqas minn xi dispożizzjoni oħra tar-Regolament Nru 833/2014 u li din id-dispożizzjoni ma fiha ebda referenza għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tiegħu.
37 Issa, hija ġurisprudenza stabbilita li d-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata tat-termini li għalihom id-dritt tal-Unjoni ma jagħti ebda definizzjoni u ma jirreferix għad-dritt tal-Istati Membri għandha tiġi stabbilita skont is-sens abitwali tagħhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum, u dan filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha tfittex li tilħaq (ara s-sentenzi tas‑27 ta’ Jannar 1988, Id‑Danimarka vs Il‑Kummissjoni, 349/85, EU:C:1988:34, punt 9, u tat‑12 ta’ Frar 2026, Stichting Koskea, C‑490/24, EU:C:2026:89, punt 24, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
38 Skont it-tifsira abitwali tiegħu fil-lingwaġġ ta’ kuljum, it-terminu “operatur” jirreferi, fost l-oħrajn, għal kull persuna fiżika jew ġuridika li topera tagħmir jew sett ta’ tagħmir, jew li xogħolha jkun li teżegwixxi ċerti operazzjonijiet tekniċi. Applikat għall-qasam tal-komunikazzjoni kif ukoll għal dak tax-xandir ta’ kontenut tal-media u diġitali, dan it-terminu jkopri kull persuna fiżika jew ġuridika responsabbli, direttament jew indirettament, sabiex tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tali kontenut jew sabiex tittrażmettih lill-pubbliku.
39 Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fl-Artikolu 2f(1) tar-Regolament Nru 833/2014, it-terminu “operatur” jintuża mingħajr l-aġġettiv “ekonomiku” fil-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari fil-verżjonijiet bil-lingwa Bulgara, bil-lingwa Spanjola, bil-lingwa Ġermaniża, bil-lingwa Ingliża, bil-lingwa Franċiża, bil-lingwa Kroata, bil-lingwa Taljana, bil-lingwa Latvjana, bil-lingwa Maltija, bil-lingwa Portugiża, bil-lingwa Rumena, bil-lingwa Slovakka u bil-lingwa Finlandiża. Dan ifisser li dan it-terminu jkopri l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi responsabbli għax-xandir tal-kontenut imsemmi fl-imsemmija dispożizzjoni, sew jekk in-natura tal-attività tagħhom tkun waħda ekonomika u sew jekk le.
40 Bl-istess mod, l-istess dispożizzjoni tipprojbixxi li jixxandar dan il-kontenut, b’mod partikolari, permezz ta’ “pjattaformi jew applikazzjonijiet ta’ video-sharing tal-internet” u dan ikopri l-metodi tax-xandir ġeneralment aċċessibbli mingħajr ħlas fil-kuntest ta’ attivitajiet li mhux neċessarjament jiġu eżerċitati bi ħlas.
41 Għaldaqstant, minn perspettiva letterali, il-kunċett ta’ “operatur”, fis-sens tal-Artikolu 2f(1) tar-Regolament Nru 833/2014, għandu jinftiehem fis-sens li jinkludi kull persuna fiżika jew ġuridika responsabbli sabiex ixxandar jew tagħmel disponibbli l-kontenut imsemmi f’din id-dispożizzjoni, inkluż fil-kuntest ta’ attività bla ħlas jew fil-kuntest tal-operat ta’ sit internet iffinanzjat minn kontribuzzjonijiet volontarji ta’ terzi.
42 Il-fatt li, skont il-FAQ tal-Kummissjoni, il-projbizzjoni prevista f’dan l-Artikolu 2f(1) tapplika “għal kull persuna, entità jew korp li jeżerċitaw attività kummerċjali jew professjonali li jxandru jew jippermettu jew jiffaċilitaw li jixxandar, jew, b’xi mod ieħor, jgħinu sabiex jixxandar, il-kontenut [imsemmi f’din id-dispożizzjoni]”, ma jwaqqax dubju fuq din l-evalwazzjoni.
43 Fil-fatt, minn naħa, kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-FAQ tal-Kummissjoni huwa biss dokument ta’ ħidma mħejji mid-dipartimenti tal-Kummissjoni, li ma għandu ebda saħħa vinkolanti u huwa maħsub sabiex jipprovdi sempliċi gwida dwar l-implimentazzjoni u l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 833/2014.
44 Min-naħa l-oħra, il-FAQ tal-Kummissjoni jintroduċi rekwiżit li ma jirriżultax mill-formulazzjoni tal-Artikolu 2f(1) tar-Regolament Nru 833/2014, billi jissuġġetta l-kunċett ta’ “operatur” għall-eżerċizzju ta’ attività “kummerċjali jew professjonali” u dan jirrestrinġi indebitament il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ din id-dispożizzjoni.
45 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-FAQ tal-Kummissjoni la jista’ jbiddel il-portata tal-miżuri restrittivi previsti fir-Regolament Nru 833/2014 u lanqas ma jista’ jkun deċiżiv għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 2f(1) tiegħu.
46 Fit-tieni lok, l-interpretazzjoni letterali tal-kunċett ta’ “operatur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, hija kkorroborata mill-kuntest normattiv ta’ din tal-aħħar.
47 Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjoni hija differenti minn dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament Nru 833/2014, li jirreferu b’mod espliċitu għal operaturi “ekonomiċi”. Dan huwa l-każ tal-Artikolu 3r(4) ta’ dan ir-regolament, introdott bir-Regolament 2024/1745, li, fil-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi tiegħu, b’mod partikolari fil-verżjonijiet bil-lingwa Bulgara, bil-lingwa Spanjola, bil-lingwa Ingliża, bil-lingwa Franċiża, bil-lingwa Kroata, bil-lingwa Taljana, bil-lingwa Latvjana, bil-lingwa Litwana, bil-lingwa Maltija, bil-lingwa Portugiża, bil-lingwa Rumena, bil-lingwa Slovakka u bil-lingwa Finlandiża, isemmi l-pajjiż ta’ reġistrazzjoni tal-“operaturi ekonomiċi kkonċernati” fil-kuntest tal-adozzjoni tar-regoli nazzjonali ta’ due diligence relatati mal-applikazzjoni tal-projbizzjoni fuq it-trażbord ta’ gass naturali llikwifikat, li joriġina mir-Russja jew esportat mir-Russja.
48 Dan ifisser li, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ miżura restrittiva biss għall-operaturi li jeżerċitaw attività ta’ natura ekonomika, huwa għamel dan b’mod espliċitu. Issa, huwa ċar li dan ma huwiex il-każ fl-Artikolu 2f(1) tar-Regolament Nru 833/2014, li fih il-kunċett ta’ “operatur” jirreferi biss għax-xandir tal-kontenut imsemmi f’din id-dispożizzjoni, ikun xi jkun l-istatus tal-operatur ikkonċernat u tkun xi tkun in-natura tal-attività tiegħu, ekonomika inkella le.
49 Għaldaqstant, fil-kuntest tal-Artikolu 2f(1) tar-Regolament Nru 833/2014, il-fatt li persuna teżerċita attività ta’ natura ekonomika, sew jekk tagħmel dħul u sew jekk le, ma jistax jikkostitwixxi kriterju rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk din il-persuna taqax fl-iskop tal-projbizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni.
50 Fit-tielet u fl-aħħar lok, l-interpretazzjoni spjegata fil-punt 41 ta’ din is-sentenza hija sostnuta wkoll mill-għan li jfittex li jilħaq ir-Regolament Nru 833/2014 u, b’mod partikolari, l-Artikolu 2f(1) tiegħu.
51 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni ġiet introdotta bir-Regolament 2022/350, adottat fl‑1 ta’ Marzu 2022, bħala reazzjoni immedjata, kif jiddikjaraw l-premessi 4 u 5 tiegħu, għall-aggressjoni militari mhux ipprovokata u mhux iġġustifikata li fetħet ġimgħa qabel il-Federazzjoni Russa kontra l-Ukraina. Sabiex jistabbilixxi l-projbizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni, il-Kunsill ibbaża ruħu fuq is-sejħa li għamel il-Kunsill Ewropew, fl‑24 ta’ Frar 2022, lill-Federazzjoni Russa sabiex ittemm il-kampanja tagħha ta’ informazzjoni falza, kif ukoll fuq il-konklużjonijiet tiegħu stess tal‑10 ta’ Mejju 2021, li jgħidu li huwa meħtieġ li tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-Unjoni u tal-Istati Membri, kif ukoll il-kapaċità tagħhom li jiġġieldu t-theddid ibridu, inkluż l-informazzjoni falza, u li jissaħħu r-risponsi potenzjali għat-theddid ibridu, inkluż l-indħil barrani u l-operazzjonijiet ta’ influwenza barranija.
52 Barra minn hekk, minn qari flimkien tal-premessi 6 sa 10 tar-Regolament 2022/350 jirriżulta li l-projbizzjoni fuq ix-xandir prevista fl-Artikolu 2f(1) tar-Regolament Nru 833/2014 għandha għan doppju. Minn naħa, hija tfittex li tipproteġi l-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika tal-Unjoni, mhedda mill-kampanja internazzjonali sistematika ta’ manipulazzjoni tal-media, ta’ distorsjoni tal-fatti u ta’ propaganda mmexxija mill-Federazzjoni Russa, permezz ta’ numru ta’ media mqiegħda taħt il-kontroll permanenti, dirett jew indirett, tal-mexxejja tagħha, u li l-għan tagħhom huwa li jiddestabbilizzaw il-pajjiżi ġirien, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, kif ukoll li jiġġustifikaw, isostnu u jgħaddu ’l quddiem l-aggressjoni militari kontra l-Ukraina. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija projbizzjoni taqbel mal-iskopijiet li jfittex li jilħaq il-mekkaniżmu ta’ rispons imwaqqaf mill-Unjoni permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi ġodda, bil-għan li ssir pressjoni addizzjonali fuq il-Federazzjoni Russa, sabiex din tal-aħħar ittemm l-aggressjoni militari tagħha kontra l-Ukraina u, b’mod iktar ġenerali, l-azzjonijiet u l-politiki tagħha li jiddestabbilizzaw dan il-pajjiż terz.
53 Issa, interpretazzjoni tal-Artikolu 2f(1) tar-Regolament Nru 833/2014, bħal dik difiża minn K u R fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sens li l-projbizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni għandha tapplika biss għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jeżerċitaw attività kummerċjali bi skop ta’ lukru, tneħħi l-effett utli ta’ din il-projbizzjoni u tmur kontra l-għanijiet imfakkra fil-punt ta’ qabel ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, tali interpretazzjoni tippermetti lil operaturi li ma jagħmlu ebda dħul mill-operat tas-sit internet tagħhom ixandru liberament il-kontenut kopert mill-imsemmija dispożizzjoni, hekk li jikkontribwixxu b’mod attiv għal kampanji ta’ informazzjoni falza u ta’ destabbilizzazzjoni mmexxija minn media mqiegħda taħt il-kontroll permanenti, dirett jew indirett, tal-mexxejja tal-Federazzjoni Russa u, għaldaqstant, jheddu l-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika tal-Unjoni.
54 Għandu jiġi rrilevat ukoll, bħalma essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 60 u 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, bħala prinċipju, il-finanzjament ta’ siti internet, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, permezz ta’ kontribuzzjonijiet volontarji ta’ terzi jagħmilha inqas faċli li wieħed jittraċċja l-oriġini tal-finanzjamenti u, għaldaqstant, kwalunkwe influwenza eżerċitata fuq il-kontenut imxandar. Din il-konfigurazzjoni tista’ għalhekk tiffaċilita, direttament jew indirettament, l-indħil ta’ interessi barranin, inkluż ta’ Stati terzi, fix-xandir ta’ kontenut tal-media u tista’, għalhekk, iżżid ir-riskju li tali sit internet jintuża sabiex tixxerred il-kampanja ta’ propaganda mmexxija mill-Federazzjoni Russa li r-Regolament Nru 833/2014 ifittex li jipprojbixxi.
55 Barra minn hekk, ma tistax tiġi aċċettata l-interpretazzjoni difiża minn R li, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “operatur”, fis-sens tal-Artikolu 2f(1) tar-Regolament Nru 833/2014, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss attivitajiet tax-xandir eżerċitati tul ċertu perijodu, minbarra pubblikazzjonijiet iżolati u ta’ portata negliġibbli.
56 Għandu jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li la din id-dispożizzjoni u lanqas dan ir-regolament ma jipprevedu li, sabiex jiġi evalwat jekk persuna tkunx taqa’ fl-iskop ta’ dan il-kunċett ta’ “operatur”, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-portata jew it-tul tax-xandir li jkun sar. Tali interpretazzjoni tista’, fi kwalunkwe każ, tħeġġeġ li tiġi evitata l-imsemmija dispożizzjoni, billi jiġu fframmentati artifiċjalment l-attivitajiet li permezz tagħhom jixxandar il-kontenut kopert minn din tal-aħħar.
57 Fid-dawl ta’ dan, interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “operatur”, fis-sens tal-Artikolu 2f(1) tar-Regolament Nru 833/2014, li la tiddependi min-natura kummerċjali jew le tal-attività tax-xandir u lanqas mill-mod kif din tiġi ffinanzjata, u li ma hijiex suġġetta għall-portata jew għat-tul tax-xandir li jkun sar, biss tista’ ssarraf f’soluzzjoni konformi mal-għan li tfittex li tilħaq din id-dispożizzjoni—jiġifieri, li jiġi evitat li tixxandar il-propaganda mmexxija mill-Federazzjoni Russa u, għaldaqstant, li jiġu protetti l-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika tal-Unjoni.
58 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2f(1) tar-Regolament Nru 833/2014 għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna fiżika, li topera sit internet u xxandar fih kontenut li joriġina minn persuni ġuridiċi, minn entitajiet jew minn organi elenkati fl-Anness XV ta’ dan ir-regolament u li mill-operat ta’ dan is-sit internet tagħmel biss dħul li jirriżulta minn kontribuzzjonijiet volontarji ta’ terzi, fil-forma ta’ donazzjonijiet jew ta’ rigali, taqa’ fl-iskop tal-kunċett ta’ “operatur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.
Fuq l-ispejjeż
59 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 2f(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal‑31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/350 tal‑1 ta’ Marzu 2022,
għandu jiġu interpretati fis-sens li:
persuna fiżika, li topera sit internet u xxandar fih kontenut li joriġina minn persuni legali, minn entitajiet jew minn korpi elenkati fl-Anness XV tar-Regolament Nru 833/2014, kif emendat, u li mill-operat ta’ dan is-sit internet tagħmel biss dħul li jirriżulta minn kontribuzzjonijiet volontarji minn terzi, fil-forma ta’ donazzjonijiet jew rigali, taqa’ fl-iskop tal-kunċett ta’ “operatur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.