9.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 28/19


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/171

tat-2 ta’ Frar 2022

dwar it-talba għar-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Win It On The Pitch” skont ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2022) 630)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(2) u (3) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-30 ta’ Settembru 2021, ġiet ippreżentata talba lill-Kummissjoni għar-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Win It On The Pitch”.

(2)

L-inizjattiva kellha tliet objettivi, jiġifieri l-adozzjoni ta’ (1) rakkomandazzjoni tal-Kunsill biex tipproteġi l-mudell tal-futbol fl-Ewropa bbażat fuq il-valuri, is-solidarjetà, is-sostenibbiltà u l-kompetizzjonijiet miftuħa, billi tipprovdi qafas u linji gwida tal-UE għall-azzjoni tal-Istati Membri biex jipproteġu l-mudell tal-futbol fl-Ewropa, (2) linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE għall-isport, u (3) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni biex “jinbena l-aktar mudell b’saħħtu possibbli tal-isport Ewropew fil-ġejjieni, inkluża referenza għal dak li jistennew is-sostenituri u ċ-ċittadini tal-Kummissjoni Ewropea mill-isport fl-Ewropa”.

(3)

F’konformità mal-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2019/788, l-inizjattivi jistgħu jiġu rreġistrati meta jistiednu lill-Kummissjoni tipproponi att legali tal-Unjoni fil-qafas tas-setgħat tagħha għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati. Filwaqt li l-Kummissjoni għandha s-setgħa skont l-Artikolu 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li tadotta proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill kif indikat fl-objettiv 1 tal-inizjattiva, l-objettivi 2 u 3, kif abbozzati inizjalment, ma talbux lill-Kummissjoni tadotta “proposta għal att legali tal-Unjoni”. Dawn talbu biss lill-Kummissjoni biex tadotta linji gwida u komunikazzjoni tal-Kummissjoni.

(4)

Fis-27 ta’ Ottubru 2021, f’konformità mal-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) 2019/788, il-Kummissjoni infurmat lill-grupp ta’ organizzaturi bil-valutazzjoni tagħha li r-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 6(3)(a), (d) u (e) ta’ dak ir-Regolament ġew issodisfati u li r-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 6(3)(b) ma kienx applikabbli. Madankollu, il-Kummissjoni indikat ukoll li t-test tal-inizjattiva kif ifformulat fit-talba tat-30 ta’ Settembru 2021 ma ppermettilhiex tikkonkludi li ssodisfat ir-rekwiżit stabbilit fil-punt (c) tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2019/788.

(5)

Għaldaqstant ġiet ippreżentata verżjoni emendata tal-inizjattiva lill-Kummissjoni fit-3 ta’ Jannar 2022.

(6)

L-inizjattiva tistieden lill-Kummissjoni tadotta proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tipprovdi qafas u linji gwida tal-UE għall-azzjoni tal-Istati Membri biex jipproteġu l-mudell tal-futbol fl-Ewropa, biex jirrikonoxxu l-valur soċjali tal-isport fis-soċjetà Ewropea u n-natura speċifika tal-isport fir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE u biex isaħħu l-viżjoni tal-UE u l-politika fit-tul dwar il-futur u l-governanza tal-isport Ewropew.

(7)

L-anness jipprovdi aktar dettalji dwar is-suġġett, l-għan u l-isfond tal-inizjattiva. Barra minn hekk, l-organizzaturi taw aktar informazzjoni dwar l-inizjattiva tagħhom f’dokument addizzjonali.

(8)

Safejn l-inizjattiva tfittex l-adozzjoni ta’ rakkomandazzjoni tal-Kunsill li għandha l-għan li tikseb l-objettiv li l-Unjoni tikkontribwixxi għall-promozzjoni ta’ kwistjonijiet sportivi Ewropej, filwaqt li tqis in-natura speċifika tal-isport, l-istrutturi tiegħu bbażati fuq l-attività volontarja u l-funzjoni soċjali u edukattiva tiegħu, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tippreżenta proposta għal att legali abbażi tal-Artikolu 165 tat-Trattat.

(9)

Għal dawn ir-raġunijiet, l-ebda parti mill-inizjattiva ma taqa’ manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati.

(10)

Din il-konklużjoni hija mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni ta’ jekk il-kundizzjonijiet fattwali u sostantivi konkreti meħtieġa biex il-Kummissjoni taġixxi, inklużi l-konformità mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u sussidjarjetà u l-kompatibilità mad-drittijiet fundamentali, jkunux issodisfati f’dan il-każ.

(11)

Il-grupp ta’ organizzaturi pprovda evidenza xierqa li huwa jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2019/788 u ħatar il-persuni ta’ kuntatt f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(3) ta’ dak ir-Regolament.

(12)

L-inizjattiva la hija manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja u lanqas ma tmur manifestament kontra l-valuri tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u d-drittijiet stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(13)

L-inizjattiva intitolata “Win It On The Pitch” jenħtieġ għalhekk li tiġi reġistrata.

(14)

Il-konklużjoni li l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2019/788 huma ssodisfati bl-ebda mod ma timplika li l-Kummissjoni tikkonferma l-korrettezza fattwali tal-kontenut tal-inizjattiva, li hija r-responsabbiltà unika tal-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva. Il-kontenut tal-inizjattiva jesprimi biss il-fehmiet tal-grupp ta’ organizzaturi, u bl-ebda mod ma jista’ jitqies li jirrifletti l-fehmiet tal-Kummissjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej intitolata “Win It On The Pitch” għandha għalhekk tiġi reġistrata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva taċ-ċittadini intitolata “Win It On The Pitch”, irrappreżentat minn Ronan EVAIN u Martha MESTRE GENS VIDA DA CONCEIÇÃO li jaġixxu bħala persuni ta’ kuntatt.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Frar 2022.

Għall-Kummissjoni

Věra JOUROVÁ

Viċi President


(1)   ĠU L 130, 17.5.2019, p. 55.