Official Journal L 236 , 23/09/2003 P. 0883 - 0884
II. IL-LEĠISLAZZJONI VETERINARJA U FITOSANITARJA 1. 31969 L 0464: Id-Direttiva tal-Kunsill 69/464/KEE tat- 8 ta' Diċembru 1969 dwar il-kontroll tal-marda tal-ġidri iswed fil-patata (ĠU L 323, 24.12.1969, p. 1). (a) Għal perijodu ta' 10 snin mid-data ta' l-adeżjoni l-Polonja għandha tillimita l-varjetajiet ta' patata mħawwla fil-Polonja għall-varjetajiet li huma resistenti għal kollox (fil-laboratorju u fl-għalqa) għal Synchytrium endobioticum (Schilbersky) Percival, l-aġent li jikkawża l-marda tal-ġidri iswed fil-patata. Matul dan il-perijodu fil-Polonja għandhom jittieħdu miżuri ta' protezzjoni addizzjonali li jissalvagwardjaw il-kummerċ fil-patata taż-żrigħu ta' l-ikel u fil-pjanti maħsuba għat-tħawwil li joriġinaw fil-Polonja, kemm fil-Polonja kif ukoll ma' Stati Membri oħra, sakemm ikun stabbilit li s-siti tal-każijiet antiki tal-marda tal-ġidri l-iswed m'għadx fihom sporangia ta' Synchytrium endobioticum (Schilbersky) Percival li tista' tgħix, jew li l-plottijiet ġew skedati b'mod ċar, jiġifieri mmarkati li huma kontaminati bil-Synchytrium endobioticum (Schilbersky) Percival, u sakemm l-implimentazzjoni ta' disposizzjonijiet addizzjonali jew iktar restrittivi bi qbil ma' l-Artikolu 9 tad-Direttiva 69/464/KEE ma tibqgħax neċessarja. It-tneħħija mill-iskeda tal-plottijiet għandha ssir skond l-istandard PM 3/59(1) "SYNCHYTRIUM ENDOBIOTICUM ta' l-EPPO: testijiet tal-ħamrija u t-tneħħija mill-iskeda tal-plottijiet li qabel kienu infestati". (b) Il-miżuri addizzjonali għandhom, filwaqt li jkun tenut kont tal-prinċipji xjentifiċi sodi, il-bijoloġija ta' l-organiżmu dannuż in kwistjoni u l-modi possibbli għad-disseminazzjoni tiegħu u in partikolari s-sistema tal-produzzjoni, it-tqegħid fuq is-suq u l-ipproċessar tal-pjanti riċevituri ta' dan l-organiżmu fil-Polonja, jinkludu dan li ġej: (i) Għall-patata taż-żrigħ: minbarra l-ħtiġiet tal-punt 18(1) ta' l-Anness IV.A.II tad-Direttiva 2000/29/KE [21], il-konformità ma' l-Artikolu 4 tad-Direttiva 69/464/KEE għandha tiġi żgurata permezz ta' verifika uffiċjali fil-livell tal-plot individwali li fuq ġiet prodotta l-patata taż-żrigħ. Minbarra dan, areas fejn hu magħruf li fihom jinsabu l-patotipi 2 u 3 għandhom ikunu esklużi mill-areas li minnhom il-patata taż-żrigħ hija eliġibbli għall-moviment għall-areas fil-Polonja fejn hu magħruf li fihom ma jinsabx Synchytrium endobioticum (Schilbersky) Percival jew għal Stati Membri ohra. "Area" tfisser il-livell ta' distrett (Powiat). (ii) Għal patata ta' l-ikel: (aa) areas fejn hu magħrufa li fihom jinsabu l-patotipi 2 u 3 għandhom ikunu esklużi mill-areas li minnhom il-patata taż-żrigħ hija eliġibbli għall-moviment għall-areas fil-Polonja fejn hu magħruf li fihom ma jinsabx Synchytrium endobioticum (Schilbersky) Percival jew għal Stati Membri ohra. (bb) fir-rigward tal-patata li toriġina f'areas għajr dawk imsemmija taħt (aa), din għandha jew: - toriġina f'area fejn hu magħruf li fiha ma jinsabx Synchytrium endobioticum (Schilbersky) Percival. "Area" tfisser il-livell ta' distrett (Powiat), jew - toriġina f'post ta' produzzjoni fejn hu magħruf li fih ma jinsabx Synchytrium endobioticum (Schilbersky) Percival, jew - tkun ta' varjetà resistenti għal mill-inqas patotip 1 ta' Synchytrium endobioticum (Schilbersky) Percival u, jekk imċaqilqa għal area fil-Polonja li permezz ta' stħarriġ hija determinata bħala ħielsa minn Synchytrium endobioticum (Schilbersky) Percival jew għal Stati Membri oħra, nħaslet jew tnaddfet b'mod ieħor, u hija ħielsa mill-ħamrija. (iii) Għal pjanti bl-egħruq, mħawwla jew intenzjonati għat-tħawwil, mkabbra fl-apert: minbarra l-ħtiġiet tal-punt 24(1) ta' l-Anness IV.A.II tad-Direttiva 2000/29/KE, il-konformità ma' l-Artikolu 4 tad-Direttiva 69/464/KEE għandha tiġi żgurata permezz ta' verifika uffiċjali fil-livell tal-plot individwali li fuqu ġew prodotti dawn il-pjanti. Minbarra dan, areas fejn hu magħruf li fihom jinsabu il-patotipi 2 u 3 għandhom ikunu esklużi mill-areas li minnhom il-pjanti huma eliġibbli għall-moviment għall-areas fil-Polonja fejn hu magħruf li fihom ma jinsabx Synchytrium endobioticum (Schilbersky) Percival jew għal Stati Membri ohra. "Area" tfisser il-livell ta' distrett (Powiat); (ċ) L-isem tal-varjetajiet tal-patata li huma resistenti għandu jkun skond testijiet ibbażati fuq il-Protokoll għall-Identifikazzjoni tal-Fungi tal-Kwarantina ta' l-Organizzazzjoni Ewropea u Mediterranja għall-Protezzjoni tal-Pjanti (EPPO). Ir-rikonoxximent uffiċjali ta' areas u postijiet ta' produzzjoni bħala ħielsa minn Synchytrium endobioticum (Schilbersky) Percival, għandu jkun skond l-Istandards Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji Nru. 4 dwar "Il-Ħtiġiet għall-istabbiliment ta' areas ħielsa minn organiżmi li jagħmlu l-ħsara" jew Nru. 10 dwar "Il-Ħtiġiet għall-istabbiliment ta' postijiet ta' produzzjoni ħielsa minn organiżmi li jagħmlu l-ħsara u siti ta' produzzjoni ħielsa minn organiżmi li jagħmlu l-ħsara" ta' l-Organizzazzjoni ta' l-Ikel u l-Agrikultura; (d) F'postjiet ta' produzzjoni fejn hu magħruf li ma jinsabx Synchytrium endobioticum (Schilbersky) Percival, kif hemm referenza fit-tieni inċiż tal-paragrafu (b)(ii)(bb), il-Kummissjoni tista' tawtorizza l-konklużjoni ta' ftehim individwali ma' l-awtoritajiet kompetenti Pollakki dwar il-produzzjoni ta' varjetajiet non-resistenti; (e) Il-Polonja tista' tiżgura, permezz tar-reġistrazzjoni tal-produtturi, id-depożiti, u ċ-ċentri tad-distribuzzjoni kollha tal-patata, li l-kunsinni kollha tal-patata jistgħu jkunu traċċati għad-distrett ta' l-oriġini tagħhom. Għal dak il-għan, in-numru tar-reġistru ta' dawn il-produtturi, id-depożiti, u ċ-ċentri tad-dispaċċ tal-patata għandu jkollu referenza għad-distretti fejn ġiet prodotta, mħażna, iggradata jew ippakkjata l-patata. Dan in-numru tar-reġistru għandu jidher fuq kull kunsinna ta' patata li toriġina mill-Polonja u mċaqilqa fil-Polonja jew għal Stati Membri oħra. (f) Il-Polonja għandha tissottometti rapporti annwali fuq ir-riżultati ta' l-istħarriġ li jsir rigward id-distribuzzjoni ta' Synchytrium endobioticum (Schilbersky) Percival fit-territorju tagħha. L-istħarriġ għandu jintemm sa l-aħħar tal-perijodu ta' 10 snin, u kull plot residwali jew dak ġdid possibilment infettat, flimkien maż-żona ta' sigurtàtagħhom, li għandha tkun kbira biżżejjed biex tiżgura l-protezzjoni ta' l-areas ta' madwarha, għandu jitneħħa mill-iskeda. Ir-rapporti annwali għandhom jinkludu listi ta' l-areas u l-postjiet ta' produzzjoni fejn hu magħruf li fihom ma jinsabx Synchytrium endobioticum (Schilbersky) Percival, kif hemm referenza fl-ewwel u t-tieni inċiż tal-paragrafu (b)(ii)(bb). (g) Qabel l-aħħar tal-perijodu ta' 10 snin, il-Kummissjoni għandha, in koperazzjoni ma' l-awtoritajiet Pollakki, teżamina s-sitwazzjoni fid-dawl ta' l-iżviluppi u tikkunsidra jekk humiex neċessarji aktar miżuri. Kull miżura bħal din għandha tiġi adottata skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2000/29/KE. 2. 31991 L 0414: Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal- 15 ta' Lulju 1991 li tikkonċerna it-tqegħid fuq is-suq ta' ċerti prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230 ta' l-19.8.1991, p. 1), kif l-aħħar emendata bi: - 32002 L 0081: Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/81/KE ta' l- 10.10.2002 (ĠU L 276, 12.10.2002, p. 28). B'deroga mill-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 91/414/KEE, il-Polonja tista' tipposponi, sal- 31 ta' Diċembru 2006 l-iktar tard, it-termini taż-żmien għall-provvista ta' l-informazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Anness II u l-Anness III għad-Direttiva 91/414/KEE dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li huma prodotti fil-Polonja u li jitqiegħdu fuq is-suq tat-territorju tal-Polonja esklussivament u li fihom 2,4-D, MCPA, carbendazim jew Mecoprop (MCPP), sakemm dawk l-ingredjenti f'dak iż-żmien jinsabu imniżżla fl-Anness I ta' dik id-Direttiva, u li l-kumpanniji li japplikaw effettivament bdew jaħdmu fuq il-ġenerazzjoni jew l-akkwist tad-data meħtieġa qabel l- 1 ta' Jannar 2003. 3. 3199 L 0105: Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/105/KE tat- 22 ta' Diċembru 1999 dwar it-tqegħid fuq is-suq ta' materjal reproduttiv tal-foresta (ĠU L 11, 15.1.2000, p. 17). B'deroga mill-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 1999/105/KE, il-Polonja tista tawtorizza t-tqegħid fuq is-suq sakemm dawn jiġu eżawriti tal-ħażniet tal-materjal reproduttiv tal-foresta li jkun akkumulat qabel 1 ta' Jannar 2004 li ma jikkonformax mad-disposizzjonijiet kollha tad-Direttiva. [21] Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE dwar miżuri ta' protezzjoni kontra l-introduzzjoni fil-Komunità ta' organiżmi dannużi għall-pjanti jew il-prodotti mill-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom fi ħdan il-Komunità (ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1). Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/36/KE (ĠU L 116, 3.5.2002, p. 16). --------------------------------------------------