2013D0463 — MT — 27.03.2014 — 001.001
Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu
|
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL tat-13 ta’ Settembru 2013 dwar l-approvazzjoni ta’ programm ta’ aġġustament makroekonomiku għal Ċipru u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/236/UE (ĠU L 250, 20.9.2013, p.40) |
Emendat bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
No |
page |
date |
||
|
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2014 |
L 91 |
40 |
27.3.2014 |
|
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
tat-13 ta’ Settembru 2013
dwar l-approvazzjoni ta’ programm ta’ aġġustament makroekonomiku għal Ċipru u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/236/UE
(2013/463/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b’diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom ( 1 ), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(2) u (5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:|
(1) |
Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 japplika għal Stati Membri li diġà qed jirċievu assistenza finanzjarja, inklużi dawk mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES), fil-mument tad-dħul fis-seħħ tiegħu. |
|
(2) |
Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 jistabbilixxi r-regoli għall-approvazzjoni ta’ programmi ta’ aġġustament makroekonomiku għall-Istati Membri li jirċievu għajnuna finanzjarja; jeħtieġ li dawk ir-regoli jkunu konsistenti mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà. |
|
(3) |
Fuq talba tal-25 ta’ Ġunju 2012 minn Ċipru għal għajnuna finanzjarja mill- MES, fil-25 ta’ April 2013 il-Kunsill iddeċieda permezz tad-Deċiżjoni 2013/236/UE ( 2 ) li Ċipru kellu jimplimenta b’mod rigoruż programm ta’ aġġustament makroekonomiku. |
|
(4) |
Fl-24 ta’ April 2013 il-Bord tal-Gvernaturi tal-MES iddeċieda li jagħti, fil-prinċipju, sostenn ta’ stabbiltà lil Ċipru u approva l-Memorandum ta’ Qbil dwar il-Kundizzjonalità Speċifika tal-Politika Ekonomika (minn hawn’ il quddiem il-“MtQ”) u l-iffirmar tiegħu mill-Kummissjoni f’isem il-MES. |
|
(5) |
F’konformità mal-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni 2013/236/UE, il-Kummissjoni, f’kollaborazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew (BCE) u fejn adatt, mal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), għamlet l-ewwel analiżi biex tevalwa l-progress fl-implimentazzjoni tal-miżuri miftiehma kif ukoll l-effikaċja u l-impatt ekonomiku u soċjali tagħhom. Bħala konsegwenza ta’ din l-analiżi, sar aġġornament għall-programm ta’ aġġustament makroekonomiku attwali, li jirrifletti l-passi li ħadu l-awtoritajiet Ċiprijotti sat-tieni kwart tal-2013. |
|
(6) |
Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 472/2013 programm ta’ aġġustament makroekonomiku issa għandu jiġi adottat fil-forma ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill. Fl-interess taċ-ċarezza u ċ-ċertezza legali, il-programm għandu jkun adottat mill-ġdid fuq il-bażi tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 472/2013. Is-sustanza tal-programm għandha tibqa’ identika għal dik approvata bid-Deċiżjoni 2013/236/UE, iżda għandhom jiġu inkorporati wkoll ir-riżultati tal-analiżi mwettqa skont l-Artikolu 1(2) ta’ dik id-Deċiżjoni. Fl-istess ħin, id-Deċiżjoni 2013/236/UE għandha tiġi revokata. |
|
(7) |
Il-Kummissjoni, f’kollaborazzjoni mal-BĊE u mal-FMI, għamlet l-ewwel analiżi biex tevalwa l-progress fl-implimentazzjoni tal-miżuri miftiehma kif ukoll l-effikaċja u l-impatt ekonomiku u soċjali tagħhom. Bħala riżultat, il-MtQ ġie aġġornat fl-oqsma tar-riforma tas-settur finanzjarju, il-politika fiskali u r-riformi strutturali, b’mod partikolari fir-rigward ta’ (i) pjan direzzjonali għar-rilassament gradwali tal-kontrolli tal-kapital, (ii) l-istabbiliment tal-qafas legali għal struttura ġdida ta’ governanza biex timmaniġġja s-sehem tal-Istat fis-settur tal-kreditu għall-koperattivi, (iii) pjan ta’ azzjoni kontra l-ħasil tal-flus, (iv) skema ta’ kumpens għal fondi ta’ providenza u fondi għall-irtirar li kellhom depożiti fis-Cyprus Popular Bank, (v) l-iżgurar li l-fondi nazzjonali neċessarji jibqgħu disponibbli biex ikopru l-kontribuzzjonijiet nazzjonali għal proġetti ffinanzjati mill-Fondi Strutturali u minn fondi oħra tal-UE, (vi) il-komunikazzjoni tad-dettalji dwar ir-riforma ppjanata tal-assistenza pubblika, u (vii) il-preparazzjoni ta’ proposti politiċi dettaljati għal politiki ta’ attivazzjoni u t-teħid ta’ azzjoni rapida biex jinħolqu opportunitajiet għaż-żgħażagħ u jitjiebu l-prospetti tagħhom li jsibu impjieg. L-implimentazzjoni ta’ riformi komprensivi u ambizzjużi f’oqsma finanzjarji, fiskali u strutturali għandha tissalvagwradja s-sostenibbiltà, fuq perjodu ta’ żmien medju, tad-dejn pubbliku Ċiprijott. |
|
(8) |
Matul l-implimentazzjoni tal-pakkett komprensiv ta’ politika ta’ Ċipru, il-Kummissjoni għandha tipprovdi konsulenza politika addizzjonali kif ukoll assistenza teknika f’oqsma speċifiċi. Stat Membru soġġett għal programm ta’ aġġustament makroekonomiku li jesperjenzja kapaċità amministrattiva insuffiċjenti għandu jfittex assistenza teknika mill-Kummissjoni, li tista’ tikkostitwixxi, għal dak l-iskop, gruppi ta’ esperti. |
|
(9) |
L-awtoritajiet Ċiprijotti għandhom jfittxu l-opinjonijiet, skont ir-regoli u l-prattika nazzjonali attwali, tal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-preparazzjoni, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Sabiex ikun iffaċilitat ir-ritorn tal-ekonomija Ċiprijotta lejn perkors ta’ tkabbir sostenibbli u ta’ sostenibbilta fiskali u finanzjarja, Ċipru għandu jimplimenta b’mod rigoruż il-programm ta’ aġġustament makroekonomiku (il-“programm”), li l-elementi prinċipali tiegħu huma stabbiliti fl-Artikolu 2 ta’ din id-Deċiżjoni.
2. Il-Kummissjoni,f’kollaborazzjoni mal-BĊE, u fejn adatt, mal-FMI, għandha timmonitorja l-progress ta’ Ċipru fl-implimentazzjoni tal-programm. Ċipru għandu jikkoopera bis-sħiħ mal-Kummissjoni u mal-BĊE. B’mod partikolari huwa għandu jipprovdilhom l-informazzjoni kollha li huma jqisu neċessarja għall-monitoraġġ tal-programm. L-awtoritajiet Ċiprijotti għandhom jikkonsultaw ex ante il-Kummissjoni, il-BĊE u l-FMI dwar l-adozzjoni ta’ politiki li mhumiex inklużi f’din id-Deċiżjoni iżda li jista’ jkollhom impatt materjali fuq il-kisba tal-objettivi tal-programm.
3. Il-Kummissjoni, f’kollaborazzjoni mal-BĊE u, fejn xieraq, mal-FMI, għandha teżamina mal-awtoritajiet Ċiprijotti kwalunkwe tibdiliet u aġġornamenti għall-programm li jistgħu jkunu meħtieġa sabiex jittieħed kont kif xieraq, inter alia, kwalunkwe lakuna sinifikanti bejn il-previżjonijiet makroekonomiċi u fiskali u ċ-ċifri reali (inkluż tal-qgħad), effetti konsekwenzjali negattivi kif ukoll xokkijiet makroekonomiċi u finanzjarji.
Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni mingħajr xkiel tal-programm, u bħala għajnuna biex l-iżbilanċi jiġu kkoreġuti b’mod sostenibbli, il-Kummissjoni għandha tipprovdi konsulenza u gwida kontinwa dwar ir-riformi fiskali, strutturali u tas-swieq finanzjarji.
Il-Kummissjoni għandha regolarment tivvaluta l-impatt ekonomiku tal-programm u għandha tirrakkomanda l-korrezzjonijiet neċessarji bil-għan li jissaħħaħ it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, tinkiseb il-konsolidazzjoni fiskali meħtieġa, u jiġu minimizzati impatti soċjali dannużi. Il-programm ta’ aġġustament makroekonomiku, inkluż l-objettivi tiegħu u d-distribuzzjoni mistennija tal-isforz ta’ aġġustament, għandu jsir pubbliku.
Artikolu 2
1. L-objettivi ġenerali tal-programm għandhom ikunu: li tiġi restawrata s-solidità tal-pożizzjoni tas-settur bankarju Ċiprijott; li jitkompla l-proċess ta’ konsolidazzjoni fiskali li għadu għaddej; u li jiġu implimentati riformi strutturali li jsostnu l-kompetittività u t-tkabbir sostenibbli u bbilanċjat. Il-programm għandhu jindirizza r-riskji speċifiċi li joriġinaw f’Ċipru għall-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro u jkollu l-għan li terġa’ tiġi stabbilita malajr sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika solida u sostenibbli u li tiġi restawrata l-kapaċità tiegħu li jiffinanzja lilu nnifsu għal kollox fis-swieq finanzjarji internazzjonali. Il-programm għandu iqis debitament ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill indirizzati lil Ċipru skont l-Artikoli 121, 126, 136 u 148 tat-Trattat kif ukoll l-azzjonijiet ta’ Ċipru biex jikkonforma magħhom, filwaqt li jimmira biex iwessa, isaħħaħ u japprofondixxi l-miżuri ta’ politika rikjesti.
2. Ċipru għandu jissokta b’konsolidazzjoni fiskali konsistenti mal-obbligi tiegħu skont il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv permezz ta’ miżuri permanenti ta’ kwalità għolja filwaqt li jiġi minimizzat l-impatt fuq gruppi vulnerabbli.
3. Sabiex sal-2016 id-defiċit jitnaqqas għal inqas minn 3 % tal-PDG, Ċipru għandu jkun lest li jieħu miżuri addizzjonali ta’ konsolidazzjoni. B’mod speċifiku, f’każ ta’ prestazzjoni insuffiċjenti minn intrjoti jew minħabba bżonnijiet ta’ nfiq soċjali ogħla minħabba effetti makroekonomiċi negattivi, il-Gvern Ċirpijott għandu jkun lest li jieħu miżuri addizzjonali biex jippreserva l-objettivi tal-programm, inkluż permezz tat-tnaqqis fl-infiq diskrezzjonarju, filwaqt li jimminimizza l-impatt fuq gruppi vulnerabbli. Matul il-perjodu tal-programm, l-introjtu miġbur li jeċċedi l-previżjonijiet fil-programm, inkluż kwalunkwe profitti ta’ natura eċċezzjonali, għandu jitfaddal jew jintuża biex jitnaqqas id-dejn. Min-naħa l-oħra, prestazzjoni aħjar milli mistenni, sal-punt li din titqies permanenti, tista’ tnaqqas il-ħtieġa għal miżuri addizzjonali fis-snin ta’ wara.
4. Ċipru għandu jżomm l-implimentazzjoni tajba ta’ ondi Strutturali u fondi oħra tal-UE, fir-rigward tal-miri baġitarji tal-programm. Sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-fondi tal-UE, il-Gvern Ċiprijott għandu jiżgura li l-fondi nazzjonali meħtieġa jibqgħu disponibbli biex ikopru kontribuzzjonijiet nazzjonali, inkluża nefqa mhux eliġibbli, taħt il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej u (il-FEŻR, il-FSE, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-FAEŻR u l-FES/FEMS) fil-qafas tal-perjodi ta’ programmazzjoni 2007-2013 u 2014-20, filwaqt li jitqies il-finanzjament disponibbli mill-Bank Ewropew tal-Investiment. L-awtoritajiet għandhom jiżguraw li l-kapaċità istituzzjonali għall-implimentazzjoni tal-programmi attwali u futuri tiġi mtejba u li jkunu disponibbli r-riżorsi umani xierqa tal-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni u tal-korpi ta’ implimentazzjoni.
5. Bil-għan li tiġi rrestawrata l-istabbiltà tas-settur finanzjarju tiegħu, Ċipru għandu: ikompli jimplimenta r-ristrutturar tas-settur bankarju u s-setturi tal-istituzzjoni ta’ kreditu kooperattiv, ikompli jsaħħaħ is-sorveljanza u r-regolamentazzjoni, ikompli r-riforma tal-qafas ta’ ristrutturazzjoni tad-dejn u gradwalment ineħħi restrizzjonijiet kapitali skont li-pjan ta’ direzzjoni tiegħu, filwaqt li jħares l-istabbiltà finanzjarja. Il-programm jipprevedi dawn il-miżuri u r-riżultati:
(a) li jiġi żgurat li s-sitwazzjoni tal-likwidità tas-settur bankarju tiġi ssorveljata mill-qrib. Restrizzjonijiet temporanji fuq il-moviment ħieles tal-kapital (inter alia, limiti fuq il-ġbid ta’ flus kontanti, fuq il-pagamenti u fuq it-trasferimenti) jiġu mmonitorjati mill-qrib. L-għan huwa li l-kontrolli jibqgħu fis-seħħ biss sakemm ikunu strettament meħtieġa sabiex jipprevjenu riskji serji u immedjati għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. L-implimentazzjoni tal-pjan ta’ direzzjoni għal rilassament gradwali ta’ miżuri restrittivi tkompli, b’kont meħud ukoll tas-sitwazzjoni tal-likwidità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Titfassal strateġija ta’ komunikazzjoni mmirata tajjeb bl-għan li jikkomunikaw regolarment informazzjoni dwar dak il-pjan ta’ direzzjoni u l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tas-settur bankarju.
Il-finanzjament u l-pjanijiet kapitali mingħand il-banek domestiċi li jiddependu fuq il-finanzjament mill-bank ċentrali jew li jirċievu għajnuna mill-Istat għandhom jirriflettu b’mod realistiku t-tnaqqis antiċipat fl-ingranaġġ finanzjarju fis-settur bankarju, u jnaqqsu d-dipendenza fuq is-self mill-banek ċentrali, filwaqt li jiġu evitati bejgħ taħt emerġenza ta’ assi u kriżi tal-kreditu;
(b) l-adattament tar-rekwiżiti ta’ kapital minimu, filwaqt li jitqiesu l-parametri ta’ valutazzjoni tal-karta tal-bilanċ u tal-ittestjar tal-istress madwar l-Unjoni;
(c) jiġi żgurat li kwalunkwe pjan ta’ ristrutturar jiġi formalment approvat taħt ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat, qabel tiġi pprovduta xi għajnuna mill-Istat. Banek b’defiċit ta’ kapital jistgħu, jekk miżuri oħrajn ma jkunux biżejjed, jitolbu għajnuna għar-rikapitalizzazzjoni mill-Istat skont il-proċeduri ta’ għajnuna mill-Istat. Banek bi pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni jirrapportaw il-progress fl-implimentazzjoni tagħhom tal-pjanijiet;
(d) jiżguraw li jinħoloq reġistru ta’ kreditu u li jkun operazzjonali, li l-qafas regolatorju kurrenti fuq l-indeboliment u l-forniment tal-assi, u dwar it-trattament ta’ kollateral fi provvedimenti jiġi emendat, kif meħtieġ, u li r-regoli tal-Unjoni dwar ir-rekwiżiti ta’ kapital u self mhux produttiv jiġu implimentati f’waqthom;
(e) it-tħaffif tal-limitazzjonijiet fuq il-qbid ta’ kollateral. Dan jinkludi tħejjija ta’ leġiżlazzjoni abbażi tar-riforma komprensiva li jistabbilixxi qafas xieraq għall-proċeduri ta’ insolvenza korporattiva u personali, kif ukoll jiżgura t-tħaddim korrett u effettiv tal-oqfsa ta’ esklużjoni riveduta u ta’ insolvenza. Barra minn hekk, ladarba riformat, jiġi rivedut qafas ġuridiku ġdid għar-ristrutturar tas-settur privat tad-dejn u jiġu definiti miżuri addizzjonali kif meħtieġ;
(f) l-implimentazzjoni tal-istrateġija għall-istruttura futura, il-funzjonament u l-vijabbiltà tas-settur tal-istituzzjonijiet kooperattivi ta’ kreditu, kif imfassla mill-Bank Ċentrali ta’ Ċipru f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni, il-BĊE u l-FMI;
(g) it-tisħiħ tal-monitoraġġ fuq id-djun tas-settur korporattiv u dak domestiku u li jiġi stabbilit qafas ta’ ristrutturar immirat lejn id-dejn tas-settur privat sabiex ikun iffaċilitat self ġdid u jitnaqqsu l-limiti fuq il-kreditu; Il-politiki u l-prattiċi għall-ġestjoni tal-arretrati tal-banek jiġu riveduti u d-Direttiva għall-Ġestjoni tal-Arretrati u l-Kodiċi ta’ Kondotta jiġu emendati, kif meħtieġ. Miżuri amministrattivi li jistgħu jfixklu l-iffissar ta’ rati ta’ self bankarju ma jiġux introdotti;
(h) jitkompla t-tisħiħ tal-qafas kontra-l-ħasil tal-flus u jiġi implimentat pjan ta’ azzjoni li jiżgura l-applikazzjoni ta’ prattiċi mtejba fir-rigward tad-diliġenza dovuta tal-klijent u trasparenza tal-entitajiet, f’konformità mal-aħjar prattika;
(i) l-integrazzjoni tal-ittestjar-tal-istress f’superviżjoni regolari ta’ banek mhux-fil-post;
(j) l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti obbligatorji ta’ divulgazzjoni biex jiġi żgurat li l-banek jikkomunikaw regolarment lill-awtoritajiet u lis-swieq il-progress tagħhom fir-ristrutturar tal-operazzjonijiet tagħhom;
(k) l-iżgurar tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ ristrutturar li jsaħħu il-vijabilità tas-settur ta’ tal-kreditu tal-kooperattivi, wara l-istabbiliment tal-qafas ġuridiku għall-istruttura l-ġdida ta’ governanza għall-ġestjoni tas-sehem tal-Istat fis-settur; u
(l) l-iżgurar tar-reviżjoni tad-Direttiva għall-Governanza, li tispeċifika, fost kwistjonijiet oħrajn, l-interazzjoni bejn l-unitajiet ta’ verifika interna tal-banek u s-superviżuri tal-bank.
6. Matul l-2013, l-awtoritajiet Ċiprijotti għandhom jimplimentaw b’mod rigoruż il-Liġi tal-Baġit 2013 (kif emendata), inklużi l-miżuri permanenti addizzjonali adottati qabel ma jingħata l-ewwel żborż ta’ għajnuna finanzjarja, li għandu jammonta għal mill-inqas EUR 351 miljun (2,1 % tal-PGD). Ċipru jadotta l-miżuri li ġejjin:
(a) riforma tas-sistema fiskali tiegħu rigward vetturi bil-mutur, abbażi ta’ prinċipji favur l-ambjent u bil-għan li jkun hemm introjti addizzjonali fit-terminu medju;
(b) skema ta’ kumpens għal fondi ta’ providenza u tal-irtirar li kellhom depożiti fis-Cyprus Popular Bank, li tiżgura trattament komparabbli ma’ fondi simili fil-Bank of Cyprus, tqis il-likwidità u l-pożizzjoni attwarja ta’ kull fond u timminimizza l-impatt fuq id-defiċit pubbliku. Minħabba n-natura ta’ assistenza soċjali ta’ dawn il-fondi, l-objettiv tad-defiċit pubbliku għall-2013 jista’ jiġi rivedut biex jinkorpora l-impatt baġitarju ta’ din l-iskema; u
(c) implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri ta’ konsolidazzjoni adottati minn Diċembru 2012.
7. Matul l-2014, l-awtoritajiet Ċiprijotti jimplimentaw bis-sħiħ il-miżuri permanenti inklużi fil-Liġi tal-Baġit tal-2014 li jammontaw għal mill-inqas EUR 270 miljun. Huwa jiżguraw ukoll l-implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri ta’ konsolidazzjoni adottati sa minn Diċembru 2012.
7a. Għall-politika fiskali fl-2015-2016, l-awtoritajiet Ċiprijotti għandhom isegwu bilanċ ġenerali tal-gvern f’konformità mat-triq ta’ aġġustament li tirrispetta r-rakkomandazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (PDE).
8. Sabiex tkun żgurata s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, Ċipru għandu jimplimenta riformi strutturali fiskali, li jinkludu, inter alia, l-miżuri u riżultati li ġejjin:
(a) jekk ikun meħtieġ, aktar riformi fis-sistema tal-pensjonijiet tas-settur ġenerali u pubbliku biex tiġi żgurata l-vijabilità tas-sistema tal-pensjonijiet fuq terminu twil, filwaqt li tiġi indirizzata l-adegwatezza tal-pensjonijiet;
(b) jiġi kkontrollat it-tkabbir tan-nefqa fuq is-saħħa sabiex ikunu żgurati mezzi suffiċjenti għall-kura tas-saħħa fundamentali billi tissaħħaħ is-sostenibbiltà tal-istruttura ta’ finanzjament u l-effiċjenza tal-provvista tal-kura tas-saħħa pubblika; tiġi implimentata Sistema Nazzjonali tas-Saħħa, li s-sostenibbiltà finanzjarja tagħha tiġi żgurata filwaqt li tkun tipprovdi kopertura universali;
(c) titjib fl-effiċjenza tal-infiq pubbliku u tal-proċess baġitarju permezz ta’ qafas baġitarju effettiv fit-terminu medju bħala parti minn ġestjoni mtejba tal-finanzi pubbliċi, biex b’hekk jikkontribwixxi għall-isforzi ta’ konsolidazzjoni baġitarja filwaqt li jittieħed kont tal-ħtieġa li jiġu żgurati mezzi suffiċjenti għal politiki fundamentali, bħal l-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa. Dan il-qafas għandu jkun konformi għal kollox mad-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE ( 3 ) u t-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja, iffirmat fi Brussell fit-2 ta’ Marzu 2012;
(d) l-adozzjoni ta’ qafas legali u istituzzjonali adegwat għal Sħubiji Pubbliċi Privati mfassla b’mod konformi mal-aħjar prattika;
(e) it-tfassil ta’ programm biex tinkiseb sistema ta’ governanza korporattiva solida għal intrapriżi li huma proprjetà tal-Istat u semi-pubbliċi u l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ privatizzazzjoni bħala għajnuna biex tittejjeb l-effiċjenza ekonomika u tiġi restawrata s-sostenibbiltà tad-dejn;
(f) it-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ pjan komprensiv ta’ riforma biex tittejjeb l-effikaċja u l-effiċjenza tal-ġbir u l-amministrazzjoni tat-taxxi, inklużi miżuri biex jiġġieldu kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa u jissalvagwardjaw l-applikazzjoni sħiħa u f’waqtha ta’ liġijiet u standards li jirregolaw il-kooperazzjoni internazzjonali dwar it-taxxa u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar it-taxxa;
(g) riforma tas-sistema tat-taxxa fuq il-proprjetà immobbli;
(h) riforma tal-amministrazzjoni pubblika biex jittejbu l-funzjonament u l-kosteffettività tagħha, b’mod partikolari billi jiġi rivedut id-daqs, il-kundizzjonijiet tal-impjieg u l-organizzazzjoni funzjonali tas-servizz pubbliku sabiex ikun żgurat l-użu effiċjenti tar-riżorsi pubbliċi u l-provvista ta’ servizz ta’ kwalità lill-popolazzjoni;
(i) riformi tal-istruttura ġenerali u tal-livelli tal-benefiċċji soċjali, bil-għan li jsir użu effiċjenti tar-riżorsi u li jiġi żgurat bilanċ xieraq bejn l-assistenza soċjali u l-inċentivi biex wieħed jibda jaħdem. Ir-riforma ppjanata tal-assistenza pubblika għandha tiżgura li l-assistenza soċjali sservi bħala sistema ta’ protezzjoni biex jiġi żgurat introjtu minimu għal dawk li mhumiex kapaċi jiksbu livell bażiku ta’ għixien, filwaqt li jiġu salvagwardjati l-inċentivi biex wieħed jibda jaħdem; u
(j) isir awditu komprensiv tal-finanzi pubbliċi tiegħu sabiex, inter alia, jiġu evalwati r-raġunijiet li wasslu biex jiġu akkumulati livelli eċċessivi ta’ dejn.
9. Ċipru għandu jiżgura li s-sospensjoni tal-indiċjar tal-pagi fis-settur pubbliku usa’ jibqa’ fis-seħħ sat-tmiem tal-programm. Kwalunkwe bidla fil-paga minima għandha tkun f’konformità ma’ żviluppi ekonomiċi u fis-suq tax-xogħol, u għandha tkun adottata wara konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali.
10. Ċipru jiżgura l-implimentazzjoni tal-miżuri miftiehma biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati f’politiki ta’ attivazzjoni tiegħu. Ċipru jieħu azzjoni rapida biex joħloq opportunitajiet għaż-żgħażagħ u jtejjeb il-prospetti tagħhom li jsibu impjieg, skont l-objettivi tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ ( 4 ). Id-disinn, il-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-miżuri mmirati lejn iż-żgħażagħ ikunu integrati sewwa fis-sistema usa’ ta’ politiki ta’ attivazzjoni u jkunu koerenti mar-riforma tas-sistema ta’ assistenza soċjali u l-miri baġitarji miftiehma.
11. Ċipru jkun lest li jadotta kull emenda oħra meħtieġa għal leġiżlazzjoni speċifika għas-settur sabiex tiġi implimentata bis-sħiħ id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 5 ). L-awtoritajiet Ċiprijotti jsaħħu aktar it-tħaddim ta’ professjonijiet regolati. Il-qafas tal-kompetizzjoni jittejjeb billi jitjieb l-iffunzjonar tal-awtorità kompetenti għall-kompetizzjoni u billi jiġu msaħħa l-indipendenza u s-setgħat tal-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali.
12. Ċipru jiżgura li jitnaqqas id-dewmien fil-ħruġ ta’ titoli ta’ proprjetà li għadhom pendenti, jieħu azzjoni biex iżid il-pass tal-tneħħija ta’ piżijiet fuq it-titoli ta’ proprjetà li għandhom jiġu trasferiti għal xiri ta’ proprjetà immobbli, u jimplimenta skedi ta’ żmien garantiti għall-ħruġ ta’ ċertifikati tal-bini u t-titoli tal-proprjetà.
13. Ċipru jemenda r-regoli dwar il-bejgħ sfurzat ta’ proprjetà ipotekata u jippermetti l-bejgħ bl-irkant privat fl-iqsar perjodu ta’ żmien possibbli. Il-pass ta’ pproċessar ta’ każijiet fil-qorti jitħaffef u l-ammont ta’ kawżi pendenti fil-qorti jkun eliminat sa tmiem il-programm. Ċipru jieħu inizjattivi biex isaħħaħ il-kompetittività fis-settur tat-turiżmu, billi jipprovdi pjan ta’ azzjoni konkret li jwassal għall-implimentazzjoni ta’ miri kwantifikati identifikati, inter alia fl-Istrateġija tat-Turiżmu għall-2011-2015 riveduta riċentament. Ċipru jimplimenta strateġija aero-politika li twassal għall-adattament tal-politika tal-avjazzjoni esterna ta’ Ċipru, b’kont meħud tal-politika esterna dwar l-avjazzjoni tal-UE u ftehimiet tal-UE b’rabta mal-avjazzjoni, filwaqt li tiġi żgurata biżżejjed il-konnettività tal-ajru.
14. Fis-settur tal-enerġija, Ċipru għandu jimplimenta b’mod sħiħ it-tielet pakkett tal-enerġija, minkejja l-Artikolu 44(2) tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 6 ) u l-Artikolu 49(1) tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 7 ). Ċipru għandu jikkunsidra jekk għandux jagħmel użu mid-derogi li hemm għad-dispożizzjoni tiegħu f’dawk l-Artikoli. B’mod parrallel, għandu jitfassal pjan ta’ żvilupp komprensiv għar-riorganizzazzjoni tas-settur tal-enerġija Ċiprijott. Dak il-pjan għandu jikkonsisti:
(a) fi pjan ta’ żvilupp għall-infrastruttura meħtieġa għall-isfruttament tal-gass naturali, filwaqt li jitqiesu l-alternattivi u r-riskji kummerċjali;
(b) sinteżi komprensiva tas-sistema regolatorja u l-organizzazzjoni tas-suq għas-settur ristrutturat tal-enerġija u tal-gass, inkluż qafas tal-bejgħ adatt għall-forniment tal-gass lil hinn mill-kosta mmirat biex jiġi massimizzat id-dħul; u
(c) fi pjan biex jiġi stabbilit qafas istituzzjonali għall-ġestjoni tar-riżorsi ta’ idrokarburi, inkluż fond tar-riżorsi, li għandu jirċievi u jiġġestixxi d-dħul pubbliku mill-isfruttament tal-gass lil hinn mill-kosta u li jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-aħjar prattiki rikonoxxuti internazzjonalment.
15. Ċipru jressaq talba aġġornata lill-Kummissjoni għal assistenza teknika matul il-perjodu tal-programm. It-talba tidentifika u tispeċifika l-oqsma ta’ assistenza teknika jew ta’ servizzi ta’ konsulenza li l-awtoritajiet Ċiprijotti jqisu essenzjali għall-implimentazzjoni tal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku tiegħu.
16. Fl-iżvilupp ta’ strateġija ta’ tkabbir komprensiv u koerenti li jippermetti r-rilanċ tal-eknomija, Ċipru jintegraha fil-qafas istituzzjonali nazzjonali tiegħu billi jsaħħaħ l-amministrazzjoni pubblika kontinwa, ir-riformi fil-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, impenji oħra fil-programm ta’ aġġustament makroekonomiku ta’ Ċipru u inizjattivi rilevanti tal-Unjoni billi jieħu kont tal-ftehim ta’ Sħubija għall-implimentazzjoni tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment.
Artikolu 3
Id-Deċiżjoni 2013/236/UE hija revokata.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta’ Ċipru.
( 1 ) ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1
( 2 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/236/UE tal-25 ta’ April 2013 indirizzata lil Ċipru dwar miżuri speċifiċi għall-kisba mill-ġdid ta’ stabbiltà finanzjarja u tkabbir sostenibbli (ĠU L 141, 28.5.2013, p. 32).
( 3 ) Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta’ Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41).
( 4 ) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2013 dwar l-Istabbiliment ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ (ĠU C 120, 26.4.2013, p. 1).
( 5 ) Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36).
( 6 ) Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 55).
( 7 ) Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 94).