European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2581

1.10.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/2581

tat-23 ta’ Settembru 2024

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta’ Sħubija stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tal-Mekkaniżmu ta’ Medjazzjoni, ir-Regoli ta’ Proċedura u l-Kodiċi ta’ Kondotta

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”), ilu jiġi applikat b’mod proviżorju mill-1 ta’ Ġunju 2018 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2021.

(2)

L-Artikoli 319(3) u 335(2) tal-Ftehim jirrikjedu li l-Kumitat ta’ Sħubija jadotta, fl-ewwel laqgħa tiegħu wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, il-Mekkaniżmu ta’ Medjazzjoni, ir-Regoli ta’ Proċedura u l-Kodiċi ta’ Kondotta għall-proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim skont il-Kapitolu 13 tat-Titolu VI tal-Ftehim.

(3)

Il-Mekkaniżmu ta’ Medjazzjoni, ir-Regoli ta’ Proċedura u l-Kodiċi ta’ Kondotta ma ġewx adottati mill-ewwel laqgħa tal-Kumitat ta’ Sħubija fil-25 ta’ Settembru 2018.

(4)

Abbozz rivedut tal-Mekkaniżmu ta’ Medjazzjoni, ir-Regoli ta’ Proċedura u l-Kodiċi ta’ Kondotta tħejja mill-Partijiet u għandu jiġi adottat mill-Kumitat ta’ Sħubija.

(5)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat ta’ Sħubija fir-rigward tal-adozzjoni tal-Mekkaniżmu ta’ Medjazzjoni, ir-Regoli ta’ Proċedura u l-Kodiċi ta’ Kondotta.

(6)

Għalhekk jenħtieġ li l-pożizzjoni f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat ta’ Sħubija tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Sħubijamehmuż. Il-Mekkaniżmu ta’ Medjazzjoni, ir-Regoli ta’ Proċedura u l-Kodiċi ta’ Kondotta ser jikkomplementaw il-Ftehim u jenħtieġ li jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat ta’ Sħubija stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tal-Mekkaniżmu ta’ Medjazzjoni, ir-Regoli ta’ Proċedura u l-Kodiċi ta’ Kondotta għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Sħubija mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat ta’ Sħubija jistgħu jaqblu dwar korrezzjonijiet tekniċi żgħar fl-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Sħubija mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Wara l-adozzjoni tagħha, id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-addozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Settembru 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

FELDMAN Z.


(1)   ĠU L 23, 26.1.2018, p. 4.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2581/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)