|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/17 |
9.1.2025 |
ID-DEĊIŻJOINI Nru 2/2024 TAL-KUMITAT KONĠUNT TAL-KONVENZJONI REĠJONALI DWAR IR-REGOLI PREFERENZJALI TAL-ORIĠINI PAN-EWRO-MEDITERRANJI
tat-12 ta’ Diċembru 2024
li temenda d-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Konġunt sabiex jiġu inklużi dispożizzjonijiet tranżizzjonali għall-emendi tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli tal-oriġini preferenzjali pan-Ewro-Mediterranji applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2025 [2025/17]
IL-KUMITAT KONĠUNT,
Wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini (1) pan-Ewro-Mediterranji u b’mod partikolari l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 4(3), il-punt (a), tagħha,
Billi:
|
(1) |
Il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (il-“Konvenzjoni”) qablu dwar l-emenda tal-Konvenzjoni sabiex jipprevedu sett ġdid ta’ regoli tal-oriġini modernizzati u aktar flessibbli. Id-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Konġunt (2) dwar l-emenda tal-Konvenzjoni, li tistabbilixxi regoli tal-oriġini riveduti, kienet adottata fis-7 ta’ Diċembru 2023, u se tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2025 (ir-“regoli riveduti tal-Konvenzjoni”). |
|
(2) |
Il-Partijiet Kontraenti qablu li d-dispożizzjonijiet tranżitorji huma meħtieġa biex jiġi ċċarat it-trattament preferenzjali li għandu jingħata għall-oġġetti esportati minn Parti Kontraenti qabel id-dħul fis-seħħ tar-regoli riveduti tal-Konvenzjoni u importati lejn Parti Kontraenti oħra wara d-dħul fis-seħħ ta’ dawk ir-regoli. |
|
(3) |
Il-provi tal-oriġini maħruġa jew li jsiru qabel l-1 ta’ Jannar 2025 f’Parti Kontraenti f’konformità mar-regoli għall-applikazzjoni fakultattiva tal-Konvenzjoni sakemm iiġu konklużi u jidħlu fis-seħħ ir-regoli riveduti tal-Konvenzjoni jenħtieġ li jiġu aċċettati għat-trattament preferenzjali waqt l-importazzjoni wara l-1 ta’ Jannar 2025. |
|
(4) |
Il-provi tal-oriġini maħruġa jew li jsiru f’konformità mal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni, jew maħruġa f’konformità mal-protokolli li jikkonċernaw id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva li jippreċedu l-Konvenzjoni, qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-emenda tal-protokolli bilaterali bejn il-Partijiet Kontraenti biex tiġi inkluża r-referenza għall-Konvenzjoni kif emendata l-aħħar jenħtieġ li jiġu aċċettati għat-trattament preferenzjali waqt l-importazzjoni wara dik id-data. |
|
(5) |
Numru ta’ Partijiet Kontraenti indikaw li mhux se jkunu jistgħu jaġġornaw, qabel l-1 ta’ Jannar 2025, il-protokolli bilaterali tagħhom dwar ir-regoli tal-oriġini b’referenza għall-Konvenzjoni kif emendata l-aħħar, minħabba t-tul tal-proċeduri interni tagħhom. |
|
(6) |
Id-dewmien ta’ numru ta’ Partijiet Kontraenti fl-aġġornament tal-protokolli bilaterali biex jinkludu referenza għall-Konvenzjoni kif emendata l-aħħar, jista’ jwassal għal tfixkil fil-possibbiltajiet ta’ akkumulazzjoni attwali. |
|
(7) |
Il-Partijiet Kontraenti qablu li d-dispożizzjonijiet tranżitorji huma meħtieġa biex jiġu ppreżervati l-flussi kummerċjali abbażi tal-possibbiltajiet ta’ akkumulazzjoni attwali, sakemm jiġi finalizzat il-proċess tal-allinjament tal-protokolli bilaterali kollha b’referenza għall-Konvenzjoni kif emendata l-aħħar. L-Appendiċi I tal-Konvenzjoni kif applikabbli qabel l-emendi introdotti bid-Deċiżjoni Nru 1/2023 jenħtieġ li jiġi applikabbli, bħala miżura tranżitorji, bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni b’mod parallel mar-regoli riveduti tal-Konvenzjoni u l-akkumulazzjoni jenħtieġ li titħalla bejn is-settijiet ta’ regoli differenti meta jkun possibbli. |
|
(8) |
Il-Partijiet Kontraenti qablu li d-dispożizzjonijiet tranżitorji huma tekniċi fin-natura tagħhom u jenħtieġ li jiġu applikati malajr kemm jista’ jkun. Fejn possibbli skont il-leġiżlazzjoni interna tal-Partijiet Kontraenti, jenħtieġ li tiġi żgurata l-applikazzjoni proviżorja tad-dispożizzjonijiet tranżitorji.. |
|
(9) |
Il-Partijiet Kontraenti qablu li jemendaw id-Deċiżjoni Nru 1/2023 biex fir-regoli riveduti tal-Konvenzjoni jiġu inklużi d-dispożizzjonijiet tranżitorji li huma applikabbli għal perjodu ta’ sena mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-regoli riveduti tal-Konvenzjoni, jiġifieri għall-perjodumill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2025. |
|
(10) |
Jenħtieġ li kull Parti Kontraenti tieħu l-miżuri xierqa biex tiżgura li r-regoli riveduti tal-Konvenzjoni japplikaw b’mod effettiv billi jiġu allinjati l-protokolli bilaterali b’referenza għall-Konvenzjoni kif emendata l-aħħar sal-31 ta’ Diċembru 2025, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Id-Deċiżjoni Nru 1/2023 għandha tiġi emendata kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
2. L-emendi msemmija fid-Deċiżjoni Nru 1/2023 għandhom jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2025.
Artikoli 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, fit-12 ta’ Diċembru 2024.
Għall-Kumitat Konġunt
Il-President
María Isabel GARCÍA CATALÁN
(2) Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Konġunt tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli tal-oriġini preferenzjali pan-Ewro-Mediterranji tas-7 ta’ Diċembru 2023 dwar l-emendar tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli tal-oriġini preferenzjali pan-Ewro-Mediterranji [2024/390] (ĠU L, 2024/390, 19.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/390/oj).
ANNESS
Artikolu Uniku
Emenda tad-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Konġunt tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-Regoli tal-Oriġini Preferenzjali pan-Ewro-Mediterranji
Fid-Deċiżjoni Nru 1/2023, l-Artikolu Uniku tal-Anness tiegħu huwa emendat kif ġej:
|
1. |
fil-punt (5), jiżdied l-Artikolu li ġej fl-Appendiċi I: “Artikolu 42 Dispożizzjonijiet tranżitorji 1. L-Appendiċi I tal-Konvenzjoni kif ippubblikat fil-ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4 għandu jkun applikabbli bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2025 b’mod parallel ma’ dan l-Appendiċi. 2. Il-provi tal-oriġini maħruġa jew li jsiru qabel l-1 ta’ Jannar 2025 f’konformità mar-regoli għall-applikazzjoni fakultattiva tal-Konvenzjoni sakemm tiġi konkluża u tidħol fis-seħħ l-emenda tal-Konvenzjoni (ir-“regoli tranżitorji tal-oriġini”) u ppreżentati wara dik id-data, fil-perjodu ta’ validità tagħhom, għandhom jiġu aċċettati għat-trattament preferenzjali waqt l-importazzjoni għal oġġetti li, sal-1 ta’ Jannar 2025, ikunu fi tranżitu jew ikunu se jitqiegħdu taħt proċedura speċjali fil-kontroll doganali. Dawn l-oġġetti jistgħu jintużaw għall-akkumulazzjoni kif previst fl-Artikolu 7. 3. F’każ ta’ dewmien fil-preżentazzjoni tal-provi tal-oriġini li inħarġu jew isiru qabel l-1 ta’ Jannar 2025 f’konformità mar-Regoli tranżitorji tal-oriġini, l-Artikolu 23(2) u (3) għandhom japplikaw għall-oġġetti msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. 4. Il-provi tal-oriġini maħruġa jew li jsiru f’konformità mal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni kif ippubblikat fil-ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4 jew maħruġa f’konformità mar-regoli tal-oriġini li jinsabu fil-protokolli li jippreċedu l-Konvenzjoni qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-emenda tal-protokolli bilaterali bejn il-Partijiet Kontraenti ħalli tiġi inkluża r-referenza għall-Konvenzjoni kif emendata l-aħħar, u ppreżentati wara dik id-data, għandhom jiġu aċċettati fil-perjodu ta’ validità tagħhom għat-trattament preferenzjali waqt l-importazzjoni għall-oġġetti li sa dik id-data jkunu fi tranżitu jew jitqiegħdu taħt proċedura speċjali fil-kontroll doganali. F’każijiet ta’ dewmien fil-preżentazzjoni ta’ dawn il-provi, għandu japplika l-Artikolu 23(2) u (3). 5. Il-provi tal-oriġini maħruġa jew li jsiru qabel l-1 ta’ Jannar 2026 f’konformità mal-paragrafu 1 u f’konformità mar-regoli tal-oriġini li jinsabu fil-protokolli li jippreċedu l-Konvenzjoni u ppreżentati wara dik id-data, fil-perjodu ta’ validità tagħhom, għandhom jiġu aċċettati għat-trattament preferenzjali waqt l-importazzjoni għal oġġetti li, sal-1 ta’ Jannar 2026, ikunu fi tranżitu jew ikunu se jitqiegħdu taħt proċedura speċjali fil-kontroll doganali. F’każijiet ta’ dewmien fil-preżentazzjoni ta’ dawn il-provi, għandu japplika l-Artikolu 23(2) u (3). 6. Għall-fini ta’ verifika, l-Artikolu 33(2), l-Artikolu 34 u, meta applikabbli, l-Artikolu 35 għandhom ukoll japplikaw għall-provi tal-oriġini maħruġa jew li jsiru f’konformità mar-Regoli tranżitorji tal-oriġini u l-provi tal-oriġini maħruġa jew li jsiru skont il-protokolli li jippreċedu l-Konvenzjoni applikabbli qabel l-1 ta’ Jannar 2025. 7. Għall-fini ta’ verifika, l-Artikolu 33(2) u l-Artikolu 34 għandhom ukoll japplikaw jekk it-talba għal verifika tiġi ppreżentata qabel l-1 ta’ Jannar 2026 jew wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-emenda tal-protokolli bilaterali bejn il-Partijiet Kontraenti biex tiġi inkluża r-referenza għall-Konvenzjoni kif emendata l-aħħar, għall-provi tal-oriġini maħruġa jew li jsiru f’konformità mal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni kif ippubblikat fil-ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4 u l-protokolli li jippreċedu l-Konvenzjoni. 8. Kull erba’ xhur u permezz tal-Kummissjoni Ewropea, il-Partijiet Kontraenti għandhom jinnotifikaw lil xulxin bil-qagħda attwali fl-aġġornament tal-protokolli bilaterali tagħhom biex jinkludu r-referenza għall-Konvenzjoni kif emendata l-aħħar u bil-miżuri meħuda biex jiġi żgurat li r-regoli tal-Konvenzjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 1/2023 tal-Kumitat Konġunt jiġu applikati b’mod effettiv mill-1 ta’ Jannar 2026. 9. Iċ-ċertifikati tal-moviment EUR.1 maħruġa f’konformità ma’ dan l-Appendiċi għandhom jinkludu d-dikjarazzjoni bl-Ingliż “REVISED RULES” fil-Kaxxa 7. Dik id-dikjarazzjoni għandha tiżdied ukoll fi tmiem it-test tad-dikjarazzjoni tal-oriġini li ssir f’konformità ma’ dan l-Appendiċi. Dik id-dikjarazzjoni għandha tiġi inkluża fil-provi tal-oriġini sal-31 ta’ Diċembru 2025.” |
|
2. |
fil-punt (5), il-paragrafu li ġej jiżdied fl-Artikolu 8 fl-Appendiċi I: “1a. L-akkumulazzjoni prevista fl-Artikolu 7 tista’ tiġi applikata għall-oġġetti klassifikati taħt il-Kapitoli 1, 3, 16 (għall-prodotti tas-sajd ipproċessati) u 25 sa 97 tas-Sistema Armonizzata li jkunu kisbu status oriġinarju bl-applikazzjoni tar-regoli tal-oriġini skont l-Artikolu 42(1) u d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II kif ukoll bl-applikazzjoni tar-regoli tal-oriġini inklużi fil-protokolli rigward id-definizzjoni tal-kunċett “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva li jippreċedu l-Konvenzjoni dment li l-materjali u l-prodotti jkunu oriġinaw fil-Partijiet Kontraenti li għalihom hija possibbli l-akkumulazzjoni, kif notifikat fl-“Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji jew il-protokolli dwar ir-regoli tal-oriġini li jipprevedu l-akkumulazzjoni djagonali bejn il-Partijiet Kontraenti għal din il-Konvenzjoni”, kif emendat l-aħħar f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dan il-paragrafu għandu japplika għall-perjodu previst fl-Artikolu 31(1) għall-oġġetti koperti mill-provi tal-oriġini msemmija fl-Artikolu 42(4) u (5).” |
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/17/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)