KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fis‑27 ta’ Ottubru 2022 ( 1 )

Kawża C‑470/21

La Quadrature du Net,

Fédération des fournisseurs d’accès à Internet associatifs,

Franciliens.net,

French Data Network

vs

Premier ministre,

Ministère de la Culture

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/58/KE – Artikolu 15(1) – Fakultà għall-Istati Membri li jillimitaw il-portata ta’ ċerti drittijiet u obbligi – Obbligu ta’ stħarriġ minn qabel minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti mogħnija b’setgħa vinkolanti – Data dwar l-identità ċivili li tikkorrispondi għal indirizz IP”

I. Introduzzjoni

1.

Il-kwistjoni taż-żamma u tal-aċċess għal ċerta data tal-utenti tal-internet hija kwistjoni ta’ attwalità permanenti u hija s-suġġett ta’ ġurisprudenza reċenti iżda diġà abbundanti tal-Qorti tal-Ġustizzja.

2.

Din il-kawża tagħti l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tittratta mill-ġdid din il-kwistjoni, fil-kuntest imġedded tal-ġlieda kontra l-ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intelettwali mwettqa esklużivament onlajn.

II. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Id‑dritt tal‑Unjoni

3.

Il-premessi 2, 6, 7, 11, 22, 26 u 30 tad-Direttiva 2002/58/KE ( 2 ) jipprovdu li:

“2.

Din id-Direttiva tfittex li tirrispetta d-drittijiet fondamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea [iktar ’il quddiem il-“Karta”]. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura r-rispett sħiħ tad-drittijiet stipulati fl-Artikoli 7 u 8 ta’ dik il-Karta.

[…]

6.

L-Internet qed jaqleb l-istrutturi tas-suq tradizzjonali billi jipprovdi infrastruttura komuni u globali għat-twassil ta’ medda wiesgħa ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika. Servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament fuq l-Internet jiftħu possibiltajiet ġodda għal min jużahom iżda ukoll riskji ġodda għal data personali u privatezza tagħhom.

7.

Fil-każ ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjoni, dispożizzjonijiet speċifiċi legali, regolatorji, u tekniċi għandhom jsiru sabiex ikunu protetti d-drittijiet u libertajiet fondamentali tal-persuni naturali u l-interessi leġittimi tal-persuni legali, b’mod partikolari fir-rigward tal-kapaċità li dejjem tiżdied tal-ħażna awtomatizzata u l-ipproċessar tad-data li għandha x’taqsam ma’ l-abbonati u l-utenti.

[…]

(11)

Bħad-Direttiva 95/46/KE ( 3 ), din id-Direttiva ma tittrattax kwistjonijiet dwar il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fondamentali relatati ma’ l-attivitajiet li mhumiex regolati mil-liġi Komunitarja. Għaldaqstant ma tbiddilx il-bilanċ eżistenti bejn id-dritt ta’ l-individwu għall-privatezza u l-possibbiltà għall-Istati Membri li jieħdu l-miżuri msemmijin fl-Artikolu 15(1) ta’ din id-Direttiva, neċessarji għall-protezzjoni tas-sigurtà pubblika, difiża, sigurta ta’ l-Istat (li tinkludi il-ġid ekonomiku ta’ l-Istat meta l-attivitajiet huma ta’ materja ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-infurzar tal-liġi kriminali. Konsegwenetement, din id-Direttiva ma taffetwax l-abbiltà ta’ l-Istati Membri li jwettqu l-interċezzjoni legali ta’ komunikazzjoni elettronika, jew li jieħdu miżuri oħra, jekk neċessarji għal kwalunkwe wieħed minn dawn l-iskopijiet u skond il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali[, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950], hekk kif interpretati mid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Dawn il-miżuri għandhom jkunu xierqa, strettament proporzjonali għall-iskop maħsub kif ukoll neċessarji fi ħdan soċjetà demokratika u għandhom ikunu suġġetti għal salvagwardji adegwati skond il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali.

[…]

(22)

Il-projbizzjoni tal-]a\na [ħażna] tal-komunikazzjonijiet u d-data dwar it-traffiku relatati minn persuni minbarra l-utenti jew mingħajr il-kunsens tagħhom mhix maħsuba li tipprojbixxi ħażna awtomatika, intermedja u temporanja ta’ din l-informazzjoni sa fejn dan isir għall-iskop uniku li titwettaq it-trasmissjoni fin-network tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u sakemm l-informazzjoni ma tinħażinx għal żmien itwal milli huwa meħtieġ għat-trasmissjoni u għall-iskopijiet tal-ġestjoni tat-traffiku, u li matul iż-żmien tal-ħażna tibqa’ garantita l-kunfidenzjalità. […]

[…]

(26)

Id-data dwar l-abbonati li tiġi pproċessata fin-networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi biex jiġu stabbiliti l-konnessjonijiet u tiġi trasmessa l-informazzjoni ikun fihom informazzjoni dwar il-ħajja privata ta’ persuni naturali u jikkonċernaw id-dritt għar-rispett tal-korrispondenza tagħhom jew jikkonċernaw l-interessi leġittimi ta’ persuni legali. Dawn id-data jistgħu jinħażnu biss sa fejn huma meħtieġa g]all-provvista tas-servizz u għall-iskop tal-kontijiet u l-ħlas ta’ l-interkonnessjoni, u għal żmien limitat. Kull proċessar ulterjuri ta’ dawn id-data […] jista jiġi permess biss jekk l-abbonat ikun qabel ma’ dan fuq il-ba\i [bażi] ta’ informazzjoni preċiża u sħiħa mogħtija mill-provditur ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli pubblikament dwar it-tipi ta’ proċessar ulterjuri li bi ħsiebu jagħmel u dwar id-dritt ta’ l-abbonat li ma jagħtix jew li jirtira l-kunsens tiegħu/tag]ha [tagħha] għal tali proċessar. […]

[…]

(30)

Sistemi għall-provvista ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika għandhom ikunu diżinjati li jillimitaw l-ammont ta’ data personali meħtieġa għall-minimu strettament possibbli. […]”

4.

Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”:

“[…]

Għandhom jgħoddu wkoll dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)

‘utent’ tfisser kull persuna naturali li tuża servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, għal skopijiet privati jew ta’ negozju, mingħajr ma tkun neċessarjament abbonat għal dan is-servizz;

b)

‘Data dwar it-traffiku’ tfisser data pproċessata għall-iskopijiet li titntbagħat komunikazzjoni fuq network ta’ komunikazzjoni elettonika jew biex isir il-kont għaliha;

c)

‘data dwar is-sit’ tfisser data pproċessata f’network ta’ komunikazzjoni elettronika jew minn servizz ta’ komunikazzjoni elettronika, li tindika il-pożizzjoni ġeografika tat-tagħmir terminali ta’ utent ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament;

d)

‘komunikazzjoni’ tfisser informazzjoni skambjata jew mibgħuta bejn numru finit ta’ partijiet permezz ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament. Dan ma jinkludix informazzjoni mibgħuta bħala parti minn servizz ta’ xandir lill-pubbliku fuq network ta’ komunikazzjoni elettronika, ħlief sa fejn l-informazzjoni tista’ tkun relatata ma’ l-abbonat jew utent identifikabbli li jirċievi l-informazzjoni;

[…]”

5.

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Servizzi konċernati” jipprovdi li:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali f’konnessjoni mal-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi pubblikament disponibbli f’networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi fil-Komunità, inklużi n-networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi li jsostnu l-ġbir tad-data u l-apparat ta’ identifikazzjoni.”

6.

L-Artikolu 5 tal-istess direttiva, intitolat “Konfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet”, jipprovdi li:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u data dwar it-traffiku relatati permezz ta’ network ta’ komunikazzjoni pubblika u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, permezz ta’ liġijiet nazzjonali. Partikolarment għandhom jipprojbixxu s-smigħ, tapping, ħażna jew modi oħrajn ta’ interċettazzjoni jew sorveljanza ta’ komunikazzjonijiet u d-data dwar it-traffiku relatati minn persuni minbarra l-utenti, mingħajr il-kunsens ta’ l-utenti konċernati, ħlief fejn legalment awtorizzati li jagħmlu dan skond l-Artikolu 15(1). Dan il-paragrafu m’għandux jipprevjeni l-ħażna teknika li hija meħtieġa biex tintbagħat komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-prinċijpju tal-kunfidenzjalità.

[…]

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħżin tal-informazzjoni, jew il-ksib tal-aċċess għall-informazzjoni diġà maħżuna, fit-tagħmir terminali ta’ abbonat jew utent huma permessi biss bil-kondizzjoni li l-abbonat jew l-utent ikkonċernati ikunu taw il-kunsens tagħhom, wara li jkunu ġew provduti b’informazzjoni ċara u komprensiva skont id-Direttiva [95/46], dwar inter alia l-għanijiet tal-ipproċessar mill-kontrollur tad-data. Dan ma jimpedixxi l-ebda ħżin jew aċċess tekniku għall-għan esklużiv ta’ implimentazzjoni tat-trażmissjoni ta’ komunikazzjoni fuq network ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, jew kif strettament meħtieġ sabiex il-fornitur ta’ servizz tal-informazzjoni tas-soċjetà espliċitament mitlub mill-abbonat jew l-utent biex jipprovdi s-servizz.”

7.

Skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Data dwar it-traffiku”:

“1.   Data dwar it-traffiku relatata ma’ abbonati u utenti ipproċessat u maħżun mill-provditur ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet jew servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament għandhom jitħassru jew jiġu magħmula anonimi meta m’għadhomx aktar meħtieġa għall-iskop tat-trasmissjoni ta’ komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2, 3 u 5 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 15(1).

2.   Data dwar it-traffiku meħtieġa biex isiru l-kontijiet ta’ l-abbonati u ħlasijiet ta’ interkonnessjoni jistgħu jiġu proċessati. Tali proċessar huwa permissibbli biss sat-tmiem tal-perjodu li fih il-kont jista’ legalment jiġi kkontestat jew il-ħlas jiġi persegwit.

[…]”

8.

L-Artikolu 15(1) ta’ din id-Direttiva 2002/58, intitolat “Applikazzjoni ta’ xi disposizzjonijet tad-Direttiva [95/46]” jipprovdi li:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislativi biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikolu 5, l-Artikolu 6, l-Artikolu 8(1), (2), (3) u (4), u l-Artikolu 9 ta’ din id-Direttiva meta tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjeta’ demokratika biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali (i.e. is-sigurtà ta’ l-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika, u l-prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva tad-Direttiva [95/46]. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu, inter alia, jadottaw miżuri leġislativi li jipprovdu għaż-żamma ta’ l-informazzjoni għal perjodu limitat iġġustifikat għarr-raġunijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu. Il-miżuri kollha msemmija f’dan il-paragrafu għandhom ikunu skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea”.

B.   Id‑dritt Franċiż

1. Il‑code de la propriété intellectuelle (il‑Kodiċi tal‑Proprjetà Intellettwali)

9.

L-Artikolu L. 331-12 tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali, fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“KPI”), jipprovdi li:

“L-Awtorità Għolja għad-Distribuzzjoni tax-Xogħlijiet u għall-Protezzjoni tad-Drittijiet fuq l-Internet [iktar ’il quddiem il-’Hadopi’] hija awtorità pubblika indipendenti”.

10.

L-Artikolu L. 331-13 tal-KSI jistipula:

“Il-[Hadopi] għandu jkollha:

[…]

2° Missjoni ta’ protezzjoni [tax-xogħlijiet u oġġetti li magħhom hemm marbutin drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati fuq in-networks ta’ komunikazzjoni elettronika] kontra ksur ta’ dawn id-drittijiet imwettqa fuq in-networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi użati għall-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni online lill-pubbliku; […]”.

11.

Skont l-Artikolu L. 331-15 ta’ dan il-kodiċi:

“Il-[Hadopi] hija komposta minn kulleġġ u minn kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet. […]

[…]

Fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom, il-membri tal-kulleġġ u tal-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet ma jirċievu struzzjonijiet minn ebda awtorità.”

12.

L-Artikolu L. 331-17 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi li:

“Il-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet hija responsabbli biex tieħu l-miżuri previsti fl-Artikolu L. 331-25.”

13.

Skont l-Artikolu L. 331-21 tal-istess kodiċi:

“Għall-eżerċizzju, mill-kummissjoni għall-protezzjonijiet tad-drittijiet, tas-setgħat tagħha, il-[Hadopi] għandha membri tal-persunal tas-servizz pubbliku li jkunu ħadu ġurament, li jkunu awtorizzati mill-President [tagħha] taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti b’digriet mill-Conseil d’État [il-Kunsill tal-Istat, Franza]. […]

Il-membri tal-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-membri tal-persunal imsemmija fl-ewwel paragrafu jirċievu t-talbiet imressqa lill-imsemmija kummissjoni fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu L. 331-24. Huma għandhom jipproċedu bl-eżami tal-fatti.

Huma jistgħu, minħabba l-ħtiġijiet tal-proċedura, jiksbu kull dokument, indipendentement mill-għamla tiegħu, inkluż id-data maħżuna u pproċessata mill-operaturi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi skont l-Artikolu L. 34-1 tal-code des postes et des communications électroniques [il-Kodiċi tal-Posta u tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi] u mill-fornituri msemmija fl-Artikolu 6(I)(1) u 6(I)(2) tal-loi no 2004-575 du 21 juin 2004 pour la confiance dans l’économie numérique [il-Liġi Nru 2004-575 tal‑21 ta’ Ġunju 2004 għall-Fiduċja fl-Ekonomija Diġitali].

Huma jistgħu jiksbu wkoll kopja tad-dokumenti msemmija fil-paragrafu preċedenti.

Huma jistgħu, b’mod partikolari, jiksbu mingħand l-operaturi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi l-identità, l-indirizz postali, l-indirizz elettroniku u d-dettalji telefoniċi tal-abbonat li l-aċċess tiegħu għas-servizzi ta’ komunikazzjoni online lill-pubbliku ntuża għal skopijiet ta’ riproduzzjoni, ta’ rappreżentazzjoni, ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni jew ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet jew ta’ oġġetti protetti mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarji tad-drittijiet […] meta din l-awtorizzazzjoni tkun meħtieġa.”

14.

L-Artikolu L. 331-24 tal-KPI jipprovdi li:

“Il-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet taġixxi fuq talba tal-membri tal-persunal li jkunu ħadu ġurament u ġew approvati […] li jinħatru minn:

–

l-organi ta’ difiża professjonali kkostitwiti regolarment;

–

l-organi ta’ ġestjoni kollettiva;

–

iċ-Ċentru nazzjonali taċ-ċinema u tal-immaġni li tiċċaqlaq.

Il-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet tista’ taġixxi wkoll fuq il-bażi ta’ informazzjoni li tiġi trażmessa lilha mill-prokuratur tar-Repubblika.

Hija ma tistax tkun adita b’fatti li jmorru lura iktar minn sitt xhur.”

15.

Skont l-Artikolu L. 331–25 ta’ dan il-kodiċi, dispożizzjoni li tirregola l-proċedura msejħa “risposta gradwata”:

“Meta tiġi adita b’fatti li huma suxxettibbli li jikkostitwixxu nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ddefinit fl-Artikolu L. 336-3 [tal-KPI], il-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet tista’ tibgħat lill-abbonat […] rakkomandazzjoni li tfakkru bid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L. 336-3, li tordnalu jirrispetta l-obbligu li dawn jiddefinixxu u jwissuh bis-sanzjonijiet li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikoli L. 335-7 u L. 335-71. Din ir-rakkomandazzjoni tinforma wkoll lill-abbonat fuq l-offerta legali ta’ kontenut kulturali online, fuq l-eżistenza ta’ mezzi ta’ sigurtà li jippermettu li jipprevjenu n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ddefinit fl-Artikolu L. 336-3 kif ukoll fuq il-perikli għall-iżvilupp tal-ħolqien artistiku u għall-ekonomija tas-settur kulturali tal-prattiki li ma jirrispettawx id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati.

F’każ ta’ repetizzjoni tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, f’terminu ta’ sitt xhur minn meta tintbagħat ir-rakkomandazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu, ta’ fatti li jistgħu jikkostitwixxu nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ddefinit fl-Artikolu L. 336-3, il-kummissjoni tista’ tibgħat rakkomandazzjoni ġdida li tinkludi l-istess informazzjoni bħal dik preċedenti bil-mezz elettroniku […] Hija għandha takkumpanja din ir-rakkomandazzjoni b’ittra li tintbagħat b’firma bħala prova jew kull mezz ieħor xieraq li jistabbilixxi l-prova tad-data tal-preżentazzjoni ta’ din ir-rakkomandazzjoni.

Ir-rakkomandazzjonijiet mibgħuta fuq il-bażi ta’ dan l-artikolu jsemmu d-data u l-ħin li fihom ġew ikkonstatati l-fatti li jistgħu jikkostitwixxu nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ddefinit fl-Artikolu L. 336-3. Min-naħa l-oħra, dawn ma jiżvelawx il-kontenut tax-xogħlijiet jew tal-oġġetti protetti kkonċernati b’dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Huma jindikaw id-dettalji telefoniċi, postali u elettroniċi fejn id-destinatarju tagħhom jista’ jibgħat, jekk jixtieq, osservazzjonijiet lill-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet u jikseb, jekk jagħmel talba espressa għal dan il-għan, preċiżazzjonijiet fuq il-kontenut tax-xogħlijiet jew tal-oġġetti protetti kkonċernati bin-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li bih ikun akkużat.”

16.

L-Artikolu L. 331-29 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi li:

“Huwa permess il-ħolqien, mill-[Hadopi], ta’ pproċessar awtomatizzat ta’ data ta’ natura personali li tirrigwarda lill-persuni li huma s-suġġett ta’ proċedura fil-kuntest ta’ din it-taqsima.

Dan l-ipproċessar għandu bħala għan l-implimentazzjoni, mill-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet, tal-miżuri previsti f’din it-taqsima, tal-atti kollha ta’ proċedura relatati u tal-modalitajiet biex jiġu informati l-organi ta’ difiża professjonali u tal-organi ta’ ġestjoni kollettiva tal-eventwali talbiet lill-awtorità ġudizzjarja kif ukoll tan-notifiki previsti fil-ħames paragrafu tal-Artikolu L. 335-7.

Id-digriet […] jistabbilixxi l-modalitajiet għall-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu. Huwa jippreċiża b’mod partikolari:

–

il-kategoriji ta’ data rreġistrata u ż-żmien ta’ żamma tagħha;

–

id-destinatarji awtorizzati li jirċievu l-komunikazzjoni ta’ din id-data, b’mod partikolari l-persuni li l-attività tagħhom hija li joffru aċċess għas-servizzi ta’ komunikazzjoni online lill-pubbliku;

–

il-kundizzjonijiet li taħthom il-persuni kkonċernati jistgħu jeżerċitaw, quddiem il-[Hadopi], id-dritt ta’ aċċess tagħhom għad-data li tikkonċernahom […]”

17.

L-Artikolu R. 331-37 tal-istess kodiċi jipprovdi:

“L-operaturi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi […] u l-fornituri […] huma obbligati jikkomunikaw, b’interkonnessjoni mal-ipproċessar awtomatizzat tad-data ta’ natura personali msemmija fl-Artikolu L. 331-29 jew bl-użu ta’ mezz ta’ reġistrazzjoni li jiżgura l-integrità u s-sigurtà tagħhom, id-data ta’ natura personali u l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 tal-Anness tad-[décret no 2010-236, du 5 mars 2010, relatif au traitement automatisé de données à caractère personnel autorisé par l’article L. 331-29 du (CPI) (id-Digriet Nru 2010-236 tal‑5 ta’ Marzu 2010 dwar l-ipproċessar awtomizzat ta’ data ta’ natura personali awtorizzat mill-Artikolu L. 331-29 tal-[KPI] imsejjaħ ‘Sistema ta’ ġestjoni tal-miżuri għall-protezzjoni tax-xogħlijiet fuq l-internet’ ( 4 )] […] f’terminu ta’ tmint ijiem wara t-trażmissjoni mill-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet, tad-data teknika neċessarja għall-identifikazzjoni tal-abbonat li l-aċċess tiegħu għas-servizzi ta’ komunikazzjoni online lill-pubbliku ntuża għal skopijiet ta’ riproduzzjoni, ta’ rappreżentazzjoni, ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni jew ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet jew oġġetti protetti mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarji tad-drittijiet […] meta dan ikun meħtieġ.

[…]”

18.

L-Artikolu R. 335-5 tal-KPI jipprovdi li:

“I. Jikkostitwixxi negliġenza grossolana, issanzjonat b’multa prevista għall-kontravvenzjonijiet tal-ħames klassi, il-fatt, mingħajr motiv leġittimu, li l-persuna li għandha dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ komunikazzjoni online lill-pubbliku, meta jkunu jinsabu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fit-Taqsima II:

1° Jew ma implimentatx metodu ta’ sigurtà għal dan l-aċċess;

2° Jew naqset mid-diliġenza fl-implimentazzjoni ta’ dan il-metodu.

II. Id-dispożizzjonijiet tat-taqsima I huma applikabbli biss meta jkunu ssodisfatti ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

1° Skont l-Artikolu L. 331-25 u bil-modi stabbiliti minn dan l-artikolu, il-persuna li għandha dritt ta’ aċċess tkun ingħatat rakkomandazzjoni mill-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet biex timplimenta metodu ta’ sigurtà tal-aċċess tagħha li jippermetti li jiġi prekluż l-użu mill-ġdid tal-aċċess għal finijiet ta’ riproduzzjoni, ta’ rappreżentazzjoni jew ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni jew ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet jew oġġetti protetti minn drittijiet tal-awtur jew minn drittijiet relatati mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarji tad-drittijiet […] meta din tkun meħtieġa;

19.

Fis-sena ta’ wara l-preżentazzjoni ta’ din ir-rakkomandazzjoni, dan l-aċċess jintuża mill-ġdid għall-finijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ din it-Taqsima II.”L-Artikolu L. 336-3 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi li:

“Il-persuna li għandha dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ komunikazzjoni online lill-pubbliku għandha l-obbligu li tiżgura li dan l-aċċess ma jkunx użat għal finijiet ta’ riproduzzjoni, ta’ rappreżentazzjoni, ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni jew ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet jew ta’ oġġetti protetti mid-drittijiet tal-awtur jew minn drittijiet relatati mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarji […] meta din tkun meħtieġa.

In-nuqqas, tal-persuna li għandha dritt ta’ aċċess, milli twettaq l-obbligu ddefinit fl-ewwel paragrafu ma għandux l-effett li jwassal għar-responsabbiltà kriminali tal-persuna kkonċernata […]”.

2. Id-digriet tal‑5 ta’ Marzu 2010

20.

Id-digriet tal‑5 ta’ Marzu 2010, fil-verżjoni applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, jipprovdi, fl-Artikolu 1 tiegħu:

“L-ipproċessar ta’ data ta’ natura personali msejjaħ ‘Sistema ta’ ġestjoni tal-miżuri għall-protezzjoni tax-xogħlijiet fuq l-internet’ għandu bħala għan l-implimentazzjoni, mill-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-[Hadopi]:

1° Tal-miżuri previsti mill-Ktieb III tal-parti leġiżlattiva tal-[KPI] (Titolu III, Kapitolu I, Taqsima 3(3)) u mill-Ktieb III tal-parti regolatorja tal-istess kodiċi (Titolu III, Kapitolu I, Taqsima 2(2));

2° Tar-riferimenti mill-prosekutur pubbliku tar-Repubblika ta’ fatti li jistgħu jikkostitwixxu l-ksur previst fl-Artikoli L. 335-2, L. 335-3, L. 335-4 u R. 335-5 tal-istess kodiċi kif ukoll tal-informazzjoni lill-organi ta’ difiża professjonali u tal-organi ta’ ġestjoni kollettiva ta’ dawn ir-riferimenti;

[…]”

21.

L-Artikolu 4 ta’ dan id-digriet jipprovi:

“I.- Għandhom aċċess dirett għad-data ta’ natura personali u għall-informazzjoni msemmija fl-anness ta’ dan id-digriet il-membri tal-persunal tas-servizz pubbliku li jkunu ħadu ġurament li jkunu awtorizzati mill-President tal-[Hadopi] skont l-Artikolu L. 331-21 tal-[KPI] u l-membri tal-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 1.

II. L-operaturi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u l-prestatarji msemmija fit-Taqsima 2 tal-anness ta’ dan id-digriet huma destinatarji:

–

tad-data teknika meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-abbonat;

–

tar-rakkomandazzjonijiet previsti fl-Artikolu L. 331-25 tal-[KPI] bil-għan li dawn jintbagħtu b’mod elettroniku lill-abbonati tagħhom;

–

tal-elementi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-pieni komplementari ta’ sospensjoni tal-aċċess għal servizz ta’ komunikazzjoni online lill-pubbliku li jkun inġieb għall-konjizzjoni tal-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet mill-prosekutur pubbliku tar-Repubblika.

III. L-organi ta’ difiża professjonali u l-organi ta’ ġestjoni kollettiva huma destinatarji ta’ informazzjoni dwar ir-riferiment lill-prosekutur pubbliku tar-Repubblika.

IV.- L-awtoritajiet ġudizzjarji huma destinatarji tal-proċessi verbali li jikkonstataw il-fatti li jistgħu jikkostitwixxu l-ksur previst fl-Artikoli L. 335-2, L. 335-3, L. 335-4, L. 335-7, R. 331-37, R. 331-38 u R. 335-5 tal-[KPI].

Ir-rekord kriminali awtomatizzat jiġi aġġornat bl-eżekuzzjoni tal-piena ta’ sospensjoni.”

22.

L-anness tad-digriet tal‑5 ta’ Marzu 2010 jipprovdi li:

“Id-data ta’ natura personali u informazzjoni rreġistrata fl-ipproċessar imsejjaħ ‘Sistema ta’ ġestjoni tal-miżuri għall-protezzjoni tax-xogħlijiet fuq l-internet’ hija s-segwenti:

1° Data ta’ natura personali u informazzjoni provenjenti mill-organi ta’ difiża professjonali regolarment ikkostitwiti, mill-organi ta’ ġestjoni kollettiva, miċ-Ċentru nazzjonali taċ-ċinema u mill-immaġni animata kif ukoll dik provenjenti mill-prosekutur pubbliku tar-Repubblika:

Fir-rigward tal-fatti li jistgħu jikkostitwixxu nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ddefinit fl-Artikolu L. 336-3 tal-[KPI]:

Data u ħin tal-fatti;

Indirizz IP tal-abbonati kkonċernati;

Protokoll peer-to-peer użat;

Psewdonimu użat mill-abbonat;

Informazzjoni dwar ix-xogħlijiet jew oġġetti protetti kkonċernati mill-fatti;

Isem tal-fajl kif jidher fuq il-kompjuter tal-abbonat (jekk ikun il-każ);

Fornitur tal-aċċess għall-internet li miegħu kien sar l-abbonament għall-aċċess jew li pprovda r-riżorsa teknika IP.

[…]

2° Data ta’ natura personali u informazzjoni dwar l-abbonat miġbura mingħand l-operaturi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi […] u tal-prestatarji […]::

Kunjom, ismijiet;

Indirizz postali u indirizz elettroniku;

Dettalji tat-telefon;

Indirizz tal-istallazzjoni telefonika tal-abbonat;

Fornitur tal-aċċess għall-internet, li juża r-riżorsi tekniċi tal-fornitur tal-aċċess imsemmi fil-paragrafu 1, li miegħu abbonat iffirma kuntratt; numru tal-fajl;

Data tal-bidu tas-sospensjoni tal-aċċess għal servizz ta’ komunikazzjoni online lill-pubbliku.

[…]”

3. Il‑code des postes et des télécommunications (il‑Kodiċi tal‑Posta u tat‑Telekomunikazzjonijiet)

23.

L-Artikolu L. 34-1 tal-code des postes et des communications électroniques (il-Kodiċi tal-Posta u tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi), kif emendat bl-Artikolu 17 tal-Liġi Nru 2021-998 tat‑30 ta’ Lulju 2021 ( 5 ) (iktar ’il quddiem il-“KPKE”), jipprovdi, fil-paragrafu IIa tiegħu, li “l-operaturi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi huma obbligati li jżommu:

1° Għall-bżonnijiet tal-proċeduri kriminali, tal-prevenzjoni tat-theddid kontra s-sigurtà pubblika u tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, l-informazzjoni dwar l-identità ċivili tal-utent, sal-iskadenza ta’ terminu ta’ ħames snin b’effett minn tmiem il-validità tal-kuntratt tiegħu;

2° Għall-istess finijiet bħal dawk imsemmija fis-subparagrafu 1 ta’ dan il-paragrafu IIa, l-informazzjoni l-oħra pprovduta mill-utent waqt l-iffirmar ta’ kuntratt jew waqt il-ħolqien ta’ kont kif ukoll l-informazzjoni dwar il-ħlas sal-iskadenza ta’ terminu ta’ sena b’effett minn tmiem il-validità tal-kuntratt tiegħu jew mill-għeluq tal-kont tiegħu;

3° Għall-bżonnijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità u d-delinkwenza gravi, tal-prevenzjoni tat-theddid gravi kontra s-sigurtà pubblika u tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, id-data teknika li tippermetti li jiġi identifikat is-sors ta’ konnessjoni jew dawk li jirrigwardaw it-tagħmir terminali użat, sal-iskadenza ta’ terminu ta’ sena b’effett mill-konnessjoni jew mill-użu tat-tagħmir terminali.”

III. Il‑kawża prinċipali, id‑domandi preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

24.

Permezz ta’ rikors tat‑12 ta’ Awwissu 2019 u żewġ noti komplementari tat‑12 ta’ Novembru 2019 u tas‑6 ta’ Mejju 2021, La Quadrature du Net, il-Fédération des fournisseurs d’accès à Internet associatifs, il-Franciliens.net u l-French Data Network ippreżentaw quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) talba intiża għall-annullament tad-deċiżjoni impliċita li biha l-Prim Ministru ċaħad it-talba tagħhom għat-tħassir tad-digriet tal‑5 ta’ Marzu 2010, minkejja li dan id-digriet u d-dispożizzjonijiet li jikkostitwixxu l-bażi legali tiegħu mhux biss huma ta’ preġudizzju eċċessiv għad-drittijiet iggarantiti mill-Kostituzzjoni Franċiża, iżda jmorru wkoll kontra l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/58 kif ukoll kontra l-Artikoli 7, 8, 11, u 52 tal-Karta.

25.

B’mod partikolari, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li d-digriet tal‑5 ta’ Marzu 2010 u d-dispożizzjonijiet li jikkostitwixxu l-bażi legali tiegħu jawtorizzaw l-aċċess għad-data ta’ konnessjoni b’mod sproporzjonat għall-ksur li jirrigwarda d-drittijiet tal-awtur imwettaq fuq l-internet li ma huwiex serju, mingħajr stħarriġ minn qabel min-naħa ta’ qorti jew minn awtorità li tagħti l-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità.

26.

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tenfasizza, l-ewwel nett, li l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-aħħar sentenza tagħha La Quadrature du Net et ( 6 ), iddeċidiet li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8, 11, u tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, ma jipprekludix miżuri leġiżlattivi li jipprevedu, għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, tal-ġlieda kontra l-kriminalità u tas-salvagwardja tas-sigurtà pubblika, iż-żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data li tirrigwarda l-identità ċivili tal-utenti ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi. Għaldaqstant, tali żamma ta’ din id-data hija possibbli, mingħajr terminu partikolari, għall-finijiet ta’ riċerka, ta’ konstatazzjoni u ta’ prosekuzzjoni tar-reati kriminali inġenerali.

27.

Minn dan, il-qorti tar-rinviju tiddeduċi li l-motiv imressaq mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali dwar l-illegalità tad-digriet tal‑5 ta’ Marzu 2010, inkwantu ġie adottat fil-kuntest tal-ġlieda kontra r-reati mhux serji, ma jistax ħlief jiġi miċħud.

28.

Din il-qorti tfakkar, sussegwentement, li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha Tele2 Sverige u Watson ( 7 ), iddeċidiet li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8, 11, u tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-protezzjoni u s-sigurtà tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni, b’mod partikolari l-aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data miżmuma, mingħajr ma tissuġġetta l-imsemmi aċċess għal stħarriġ minn qabel minn qorti jew minn awtorità amministrattiva indipendenti.

29.

Hija tirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Tele2 ( 8 ), ippreċiżat li, sabiex tiġi ggarantita, fil-prattika, l-osservanza sħiħa ta’ dawn il-kundizzjonijiet, huwa essenzjali li l-aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data miżmuma jkun, bħala prinċipju, ħlief f’każijiet urġenti debitament iġġustifikati, suġġett għal stħarriġ minn qabel imwettaq jew minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti, u li d-deċiżjoni ta’ din il-qorti jew ta’ din l-entità tingħata fuq talba motivata minn dawn l-awtoritajiet imressqa, b’mod partikolari, fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ prevenzjoni, ta’ skoperta jew ta’ prosekuzzjoni kriminali.

30.

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret dan ir-rekwiżit fis-sentenza La Quadrature du Net et ( 9 ), fir-rigward ta’ ġbir f’ħin reali ta’ data dwar il-konnessjoni mis-servizzi tal-intelliġenza, kif ukoll fis-sentenza Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi) ( 10 ), għal dak li jirrigwarda l-aċċess tal-awtoritajiet nazzjonali għad-data dwar il-konnessjoni.

31.

Din il-qorti tosserva, finalment, li, sa mill-ħolqien tagħha fl-2009, il-Hadopi bagħtet iktar minn 12.7 miljun rakkomandazzjoni lill-persuni li għandhom abbonament skont il-proċedura ta’ risposta gradwata prevista fl-Artikolu L 331-25 tal-KPI, li fosthom 827791 matul is-sena 2019 biss. Biex tagħmel dan, il-membri tal-persunal tal-kummissjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-Hadopi għandhom ikunu jistgħu jiġbru, kull sena, numru konsiderevoli ta’ data dwar l-identità ċivili tal-utenti kkonċernati. Hija ssostni li, fid-dawl tal-volum ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet, il-fatt li tissuġġetta dan il-ġbir għal stħarriġ minn qabel jirriskja li jrendi impossibbli l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet.

32.

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.

Id-data tal-identità ċivili li tikkorrispondi ma’ indirizz IP tinsab fost id-data relatata mat-traffiku jew ta’ lokalizzazzjoni suġġetta, bħala prinċipju, għall-obbligu ta’ stħarriġ minn qabel minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti li għandha setgħa vinkolanti?

2.

Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, u fid-dawl tas-sensittività dgħajfa tad-data relatata mal-identità ċivili tal-utenti, inkluża l-informazzjoni ta’ kuntatt tagħhom, id-Direttiva [2002/58], moqrija fid-dawl tal-[Karta], għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-ġbir ta’ din l-informazzjoni li tikkorrispondi mal-indirizz IP tal-utenti minn awtorità amministrattiva, mingħajr stħarriġ minn qabel minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti li għandha setgħa vinkolanti?

3.

Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, u fid-dawl tas-sensittività dgħajfa tad-data relatata mal-identità ċivili, tal-fatt li hija biss din id-data li tista’ tinġabar, unikament għall-bżonnijiet ta’ prevenzjoni ta’ ksur ta’ obbligi ddefiniti b’mod preċiż, limitattiv u restrittiv mid-dritt nazzjonali, u tal-fatt li stħarriġ sistematiku tal-aċċess għad-data ta’ kull utent minn qorti jew minn entità amministrattiva terza li għandha setgħa vinkolanti huwa tali li jikkomprometti t-twettiq tal-missjoni ta’ servizz pubbliku fdata lill-awtorità amministrattiva u li hija stess hija indipendenti, id-Direttiva [2002/58] tipprekludi li dan l-istħarriġ jitwettaq skont metodi adattati, bħal stħarriġ awtomatizzat, jekk ikun il-każ taħt is-superviżjoni ta’ servizz intern għall-organu li għandu garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità fir-rigward tal-aġenti inkarigati li jwettqu tali ġbir?”

33.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Franċiż, Estonjan, Svediż u dak Norveġiż, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Dawn l-istess partijiet, ħlief għall-Gvern Estonjan, Daniż u Finlandiż, kienu rrappreżentati fis-seduta li nżammet fil‑5 ta’ Lulju 2022.

IV. Analiżi

A.   Fuq l‑ewwel u t‑tieni domandi preliminari

34.

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda preliminari tagħha, li jeħtieġ, fil-fehma tiegħi, jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-aċċess, minn awtorità amministrattiva responsabbli mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati kontra ksur ta’ dawn id-drittijiet imwettqa fuq l-internet, għal data dwar l-identità ċivili li tikkorrispondi mal-indirizzi IP sabiex din l-awtorità tkun tista’ tidentifika l-proprjetarji ta’ dawn l-indirizzi ssuspettati li huma responsabbli għal dan il-ksur u tkun tista’ tieħu, jekk ikun il-każ, miżuri f’dan ir-rigward, mingħajr ma dan l-aċċess ikun suġġett għal stħarriġ minn qabel minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti.

1. Id‑delimitazzjoni tad‑domandi preliminari

a) Il‑ġbir minn qabel mill‑organi tad‑detenturi tal‑indirizzi IP

35.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-mekkaniżmu ta’ risposta gradwata inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinvolvi żewġ attivitajiet ta’ pproċessar ta’ data suċċessivi li jikkonsistu, l-ewwel wieħed, fil-ġbir minn qabel mill-organi tad-detenturi tal-indirizzi IP fuq in-networks peer-to-peer ta’ persuni li jiksru d-drittijiet tal-awtur u, t-tieni wieħed, f’li tiġi stabbilita r-rabta bejn dawn l-indirizzi IP u l-identità ċivili tal-persuni mill-Hadopi wara li tiġi mitluba, għall-finijiet tat-trażmissjoni ta’ rakkomandazzjoni lill-persuni li l-aċċess tagħhom għas-servizzi ta’ komunikazzjoni online lill-pubbliku ntuża bi ksur tar-regoli li jirrigwardaw id-drittijiet tal-awtur.

36.

L-ewwel u t-tieni domanda preliminari jirrigwardaw biss it-tieni pproċessar imwettaq mill-Hadopi.

37.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu madankollu li l-ewwel ipproċessar kellu jkun is-suġġett ta’ eżami mill-Qorti tal-Ġustizzja, inkwantu, jekk dawn l-indirizzi IP kienu nkisbu bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/58, l-użu tagħhom fil-kuntest tat-tieni pproċessar ikun neċessarjament kontra dawn id-dispożizzjonijiet.

38.

Tali raġunament ma jistax ikun konvinċenti. L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2002/58 jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għall-“ipproċessar ta’ data personali f’konnessjoni mal-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”. Issa, kif ippreċiża l-Gvern Franċiż waqt is-seduta, l-organi tad-detenturi tad-drittijiet jiksbu l-indirizzi IP inkwistjoni mhux mingħand il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, iżda direttament online, billi jikkonsultaw data disponibbli għall-pubbliku inġenerali.

39.

Għaldaqstant, jista’ jiġi kkonstatat biss li l-ġbir minn qabel tal-indirizzi IP mill-organi tad-detenturi tad-drittijiet ma jaqax taħt id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/58 u, kif tirrileva l-Kummissjoni, jista’ jiġi analizzat fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/679 ( 11 ). Tali analiżi jidhirli li teċċedi għaldaqstant il-kuntest tad-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, u dan iktar u iktar peress li l-qorti tar-rinviju ma tagħmel ebda preċiżazzjoni dwar il-ġbir minn qabel li tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħtiha risposta utli.

40.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena ser nikkonċentra l-analiżi tiegħi fuq il-punt tal-aċċess, mill-Hadopi, għad-data dwar l-identità ċivili li tikkorrispondi għal indirizz IP.

b) Ir‑rabta bejn l‑indirizzi IP u d‑data dwar l‑identità ċivili

41.

L-ewwel u t-tieni domanda preliminari jirrigwardaw “id-data tal-identità ċivili li tikkorrispondi ma’ indirizz IP”, li skont il-qorti tar-rinviju hija ta’ sensittività dgħajfa. Din il-qorti tirreferi esklużivament, fid-deċiżjoni tagħha, għall-punti tas-sentenza Quadrature du Net et li jirrigwardaw iż-żamma tad-data dwar l-identità ċivili.

42.

Huwa minnu li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel distinzjoni bejn is-sistema ta’ żamma u ta’ aċċess għall-indirizzi IP u s-sistema ta’ żamma u ta’ aċċess għad-data li tirrigwarda l-identità ċivili tal-utenti ta’ mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, fejn din it-tieni sistema hija inqas stretta mill-ewwel waħda ( 12 ).

43.

Madankollu, jidhirli li, f’dan il-każ, minkejja l-formulazzjoni ta’ dawn iż-żewġ domandi preliminari, il-punt inkwistjoni ma huwiex biss dak tal-aċċess għad-data dwar l-identità ċivili tal-utenti ta’ mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, iżda wkoll li tiġi stabbilita r-rabta bejn din id-data mal-indirizzi IP li jkollha l-Hadopi wara l-ġbir u t-trażmissjoni ta’ dawn tal-aħħar mill-organizzazzjonijiet tad-detenturi tad-drittijiet. Fil-fatt, kif tirrileva l-Kummissjoni, l-aċċess għad-data dwar l-identità ċivili mill-Hadopi hija intiża biex tiżblokka grupp iktar wiesgħa ta’ data, b’mod partikolari l-indirizzi IP u l-estratti tal-fajls ikkonsultati, u biex tippermetti l-użu tagħhom, peress li d-data dwar l-identità ċivili u l-indirizzi IP, indipendentement minn xulxin, ma humiex ta’ interess għall-awtoritajiet nazzjonali inkwantu la l-identità ċivili u lanqas l-indirizz IP minnu nnifsu ma jistgħu jagħtu informazzjoni fuq l-attivitajiet online tal-persuni fiżiċi meta ma tiġix stabbilita r-rabta bejniethom.

44.

Minn dan isegwi li jeħtieġ, fil-fehma tiegħi, li l-ewwel u t-tieni domanda preliminari jiġu interpretati bħala li jirrigwardaw mhux biss id-data dwar l-identità ċivili tal-utenti ta’ mezz ta’ komunikazzjoni elettroniku, iżda wkoll l-aċċess għall-indirizzi IP li jippermettu li jiġi identifikat is-sors ta’ konnessjoni.

c) Iż‑żamma tal‑indirizzi IP mill‑formituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni

45.

Kif jirrilevaw il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni, huwa minnu li d-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirrigwardawx, formalment, iż-żamma tad-data mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, iżda biss l-aċċess, mill-Hadopi, għal data dwar l-identità ċivili li tikkorrispondi għall-indirizzi IP.

46.

Madankollu, il-kwistjoni tal-aċċess mill-Hadopi għal din id-data jidhirli li hija fir-realtà inseparabbli minn dik, qabilha, taż-żamma tagħha mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet. Kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, iż-żamma ta’ data sseħħ biss għall-finijiet li, jekk ikun il-każ, id-data tkun aċċessibbli għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ( 13 ). Fi kliem ieħor, iż-żamma u l-aċċess tad-data ma jistgħux jiġu kkonċepiti b’mod iżolat, minkejja li t-tieni waħda hija dipendenti fuq l-ewwel waħda.

47.

Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà eżaminat il-kompatibbiltà mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biss għal ċerta data personali indipendentement mill-punt dwar il-kompatibbiltà ma’ din id-dispożizzjoni taż-żamma tad-data inkwistjoni ( 14 ). Għaldaqstant tista’ tingħata risposta għal dawn id-domandi preliminari mingħajr riferiment għall-punt dwar jekk id-data inkwistjoni inżammitx skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

48.

Madankollu, nirrileva, qabel kollox, li, fis-sentenza Ministerio Fiscal ( 15 ), l-eżami magħmul mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-aċċess tal-awtoritajiet nazzjonali għal ċerta data personali jirrifletti strettament l-istess prinċipji bħal dak li hija ssegwi meta tiġi biex tevalwa l-kompatibbiltà taż-żamma ta’ din id-data mad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi esklużivament għall-ġurisprudenza żviluppata f’dan l-aħħar rigward sabiex tittrasponiha għall-kwistjoni tal-aċċess għal data personali. Fi kliem ieħor, fin-nuqqas ta’ eżami tal-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni taż-żamma ta’ ċerta data, dan l-eżami jiġi pospost għall-istadju tal-kwistjoni tal-aċċess għal din id-data, b’mod li l-kompatibbiltà ta’ dan l-aċċess tiddependi fl-aħħar mill-aħħar fuq dik taż-żamma.

49.

Imbagħad, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat b’mod ċar li l-aċċess għad-data personali jista’ jingħata biss sa fejn din id-data tkun inħażnet mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi b’mod konformi mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 ( 16 ) u li l-aċċess għad-data personali minn persuni privati biex jippermetti li jinbdew, quddiem il-qrati ċivili, prosekuzzjonijiet kontra l-ksur tad-drittijiet tal-awtur huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni biss bil-kundizzjoni li din id-data tinżamm b’mod kompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni ( 17 ).

50.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod kostanti li l-aċċess għad-data dwar it-traffiku u għad-data dwar il-lokalizzazzjoni maħżuna minn fornituri skont miżura adottata skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, li għandu jitwettaq b’osservanza sħiħa tal-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza li interpretat id-Direttiva 2002/58, bħala prinċipju jista’ jiġi ġġustifikat biss mill-għan ta’ interess ġenerali li għalih din iż-żamma ġiet imposta fuq dawn il-fornituri ( 18 ). Fi kliem ieħor, il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali għal ċerti data personali hija kompletament dipendenti fuq il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni taż-żamma ta’ din id-data.

51.

Minn dan jirriżulta, fil-fehma tiegħi, li l-analiżi tal-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-aċċess minn awtorità nazzjonali għal data personali tippreżumi li tkun ġiet stabbilita, minn qabel, il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni taż-żamma ta’ din l-istess data.

52.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ser nibda l-analiżi tiegħi billi nfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni taż-żamma tal-indirizzi IP attribwiti għas-sors ta’ konnessjoni, sabiex nuri l-limiti tagħha, u nipproponi interpretazzjoni aġġustata tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

2. Il‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja dwar l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 15(1) tad‑Direttiva 2002/58 fir‑rigward ta’ miżuri li jirrigwardaw iż‑żamma tal‑indirizzi IP assenjati lis‑sors ta’ konnessjoni

53.

L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2002/58 jistabbilixxi l-priniċipju ta’ kunfidenzjalità kemm tal-komunikazzjonijiet elettroniċi kif ukoll tad-data dwar it-traffiku relatata magħhom u jimplika, b’mod partikolari, il-projbizzjoni applikabbli, bħala regola, għal kwalunkwe persuna oħra, minbarra l-utenti, li taħżen, mingħajr il-kunsens tagħhom, dawn il-komunikazzjonijiet u din id-data ( 19 ).

54.

Għal dak li jirrigwarda l-ipproċessar u l-ħażna mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi tad-data dwar it-traffiku li jikkonċernaw lill-abbonati u lill-utenti, id-Direttiva 2002/58 tipprovdi, fl-Artikolu 6(1) tagħha, li din id-data għandha titħassar jew issir anonima meta ma tkunx iktar neċessarja għat-trażmissjoni ta’ komunikazzjoni, u jippreċiża, fl-Artikolu 6(2) tagħha, li d-data dwar it-traffiku fuq l-internet li hija neċessarja sabiex jiġu stabbiliti l-kontijiet tal-abbonati u l-ħlasijiet għal interkonnessjoni jistgħu jiġu pproċessati biss sat-tmiem tal-perijodu li matulu l-fattura tista’ tiġi legalment ikkontestata jew jistgħu jinbdew azzjonijiet għall-ħlas tagħhom. Fir-rigward tad-data dwar il-lokalizzazzjoni li ma tkunx data dwar it-traffiku, l-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li din id-data tista’ tiġi pproċessata biss taħt ċerti kundizzjonijiet u wara li tkun ġiet anonimizzata jew wara li jkun inkiseb il-kunsens tal-utenti jew tal-abbonati ( 20 ).

55.

B’hekk, bl-adozzjoni tad-Direttiva 2002/58, il-leġiżlatur tal-Unjoni kkonkretizza d-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, b’tali mod li l-utenti ta’ mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom id-dritt li jippretendu, bħala prinċipju, li l-komunikazzjonijiet tagħhom u d-data relatata magħhom jibqgħu, fl-assenza tal-kunsens tagħhom, anonimi u li ma jkunux is-suġġett ta’ reġistrazzjoni ( 21 ). Għaldaqstant, din id-direttiva ma hijiex limitata biex tirregola l-aċċess għal tali data b’garanziji intiżi li jipprevjenu l-abbuż, iżda tistabbilixxi wkoll, b’mod partikolari, il-prinċipju tal-projbizzjoni tal-ħażna tagħha minn terzi persuni.

56.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, safejn l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jippermetti lill-Istati Membri jadottaw miżuri leġiżlattivi intiżi sabiex “jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni” tad-drittijiet u tal-obbligi previsti b’mod partikolari fl-Artikoli 5, 6 u 9 ta’ din id-direttiva, bħal dawk li jirriżultaw mill-prinċipji ta’ kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u mill-projbizzjoni tal-ħażna tad-data relatata magħhom, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi eċċezzjoni għar-regola ġenerali prevista b’mod partikolari f’dawn l-Artikoli 5, 6 u 9 u għandha għalhekk, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta. Tali dispożizzjoni, għalhekk, ma tistax tiġġustifika li d‑deroga mill-obbligu fuq livell ta’ prinċipju li tiġi żgurata l‑kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u tad-data relatata magħhom u, b’mod partikolari, mill-projbizzjoni li tinħażen din id-data, prevista fl-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, issir ir-regola, mingħajr ma ċċaħħad din l-aħħar dispożizzjoni mill-portata tagħha ( 22 ).

57.

Fir-rigward tal-għanijiet li jistgħu jiġġustifikaw limitazzjoni tad-drittijiet u tal-obbligi previsti, b’mod partikolari, fl-Artikoli 5, 6 u 9 tad-Direttiva 2002/58, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-lista tal-għanijiet li tinsab fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva hija ta’ natura eżawrjenti, b’tali mod li miżura leġiżlattiva adottata bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni għandha effettivament u strettament tissodisfa wieħed minn dawn l-għanijiet ( 23 ).

58.

Barra minn hekk, mit-tielet sentenza tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jirriżulta li l-miżuri meħuda mill-Istati Membri skont din id-dispożizzjoni għandhom josservaw il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, fosthom il-prinċipju ta’ proporzjonalità, u jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-obbligu impost minn Stat Membru fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, li jżommu d-data dwar it-traffiku bil-għan li, jekk ikun il-każ, jingħata aċċess għaliha lill‑awtoritajiet nazzjonali kompetenti jqajjem kwistjonijiet dwar l‑osservanza mhux biss tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, relatati, rispettivament mal-protezzjoni tal-ħajja privata kif ukoll mal-protezzjoni ta’ data personali, iżda wkoll dwar dik tal-Artikolu 11 tal-Karta, dwar il-libertà ta’ espressjoni, peress li din il-libertà tikkostitwixxi wieħed mill-pedamenti essenzjali ta’ soċjetà demokratika u pluralistika u hija parti mill-valuri li fuqhom, skont l-Artikolu 2 TUE, hija bbażata l-Unjoni ( 24 ).

59.

Dan premess, sa fejn l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jippermetti lill-Istati Membri jillimitaw id-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikoli 5, 6 u 9 ta’ din id-direttiva, din id-dispożizzjoni tirrifletti l-fatt li d-drittijiet sanċiti fl-Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta ma jidhirx li huma prerogattivi assoluti, iżda bħala li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 52(1) tal-Karta, din taċċetta limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet, sakemm dawn il‑limitazzjonijiet huma previsti mil-liġi, jirrispettaw il-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u, bl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikunu neċessarji u effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d‑drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn. Għaldaqstant, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid‑dawl tal-Karta, għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-importanza li għandhom l-għanijiet ta’ protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali u tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja fil-kontribut għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ oħrajn u tad-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 3, 4, 6 u 7 tal-Karta ( 25 ), li minnhom jistgħu joħorġu l-obbligi pożittivi li għandhom l-awtoritajiet pubbliċi ( 26 ).

60.

Huwa fl-isfond ta’ dawn l-obbligi pożittivi differenti li għandu, għaldaqstant, jinstab il-bilanċ bejn l-interessi leġittimi u d-drittijiet differenti inkwistjoni. F’dan il-kuntest, mill-istess termini tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jirriżulta li l‑Istati Membri jistgħu jadottaw miżura li tidderoga mill-prinċipju ta’ kunfidenzjalità meta tali miżura tkun “neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjeta’ demokratika”, fejn il-premessa 11 ta’ din id-direttiva tindika, f’dan is-sens, li miżura ta’ dan it-tip għandha tkun “strettament” proporzjonata mal-għan li għandu jintlaħaq ( 27 ).

61.

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-possibbiltà għall-Istati Membri li jiġġustifikaw limitazzjoni għad-drittijiet u għall-obbligi previsti, b’mod partikolari, fl-Artikoli 5, 6 u 9 tad-Direttiva 2002/58 għandha tkun evalwata billi titqies il-gravità tal-indħil li tali limitazzjoni ġġib magħha u billi jiġi vverifikat li l-importanza tal-għan ta’ interess ġenerali li għandu jintlaħaq minn din il-limitazzjoni hija proporzjonata ma’ din il-gravità ( 28 ).

62.

Nirrileva, barra minn hekk, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddistingwixxi, fil-ġurisprudenza tagħha, minn naħa, bejn l-indħil li jirriżulta mill-aċċess għad-data li, bħala tali, jipprovdi informazzjoni preċiża fuq il-komunikazzjonijiet inkwistjoni u, għaldaqstant, fuq il-ħajja privata tal-persuna, u li għalihom is-sistema ta’ żamma hija stretta, u min-naħa l-oħra, l-indħil li jirriżulta mill-aċċess għad-data, li tista’ tipprovdi tali informazzjoni biss jekk tkun akkumpanjata b’data oħra, bħalma huma l-indirizzi IP ( 29 ).

63.

Għal dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-indirizzi IP, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat għaldaqstant li dawn jiġu ġġenerati indipendentement minn komunikazzjoni partikolari u jservu prinċipalment sabiex jidentifikaw, permezz tal‑fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, lill‑persuna fiżika li hija l-proprjetarja tat-tagħmir terminali li minnu tkun saret komunikazzjoni bl-internet. B’hekk, sakemm jinżammu biss l-indirizzi IP tas-sors tal-komunikazzjoni u mhux dawk tad-destinatarju tagħha, din il-kategorija ta’ data hija inqas sensittiva minn data oħra dwar it‑traffiku ( 30 ).

64.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza fl-istess ħin li, peress li l-indirizzi IP jistgħu jintużaw, b’mod partikolari, biex jiġi ttraċċat b’mod eżawrjenti l-proċess ta’ navigazzjoni ta’ utent tal-internet u, konsegwentement, l-attività online tiegħu, din id-data tippermetti li jiġi stabbilit il-profil iddettaljat ta’ dan tal-aħħar u biex wieħed jasal għal konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tal-utent. Iż-żamma u l-analiżi tal-imsemmija indirizzi IP jikkostitwixxu ndħil serju fid-drittijiet fundamentali sanċiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, li jista’ jkollhom effetti dissważivi fuq l-eżerċizzju tal-libertà tal-espressjoni ggarantita fl-Artikolu 11 tal-imsemmija Karta ( 31 ).

65.

Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jinstab il-bilanċ neċessarju bejn id-drittijiet u l-interessi leġittimi inkwistjoni mitlub mill-ġurisprudenza, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, fil-każ ta’ reat imwettaq online, l-indirizz IP jista’ jkun l-uniku mezz ta’ investigazzjoni li jippermetti l-identifikazzjoni tal-persuna li lilha kien attribwit dan l‑indirizz fil-mument tat-twettiq ta’ dan ir-reat ( 32 ).

66.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tgħid li miżura leġiżlattiva li tipprevedi ż-żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ indirizzi IP assenjati lis-sors ta’ komunikazzjoni biss, ma tidhirx, bħala regola, li tikser l-Artikolu 15(1) tad‑Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, sakemm din il-possibbiltà tkun suġġetta għall-osservanza stretta tal-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali li għandhom jirregolaw l-użu ta’ din id-data u sakemm, fid-dawl tan-natura serja tal-indħil li jirriżulta minn din iż-żamma, huma biss il‑ġlieda kontra l-kriminalità serja u l-prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika, l-istess bħas-sigurtà nazzjonali, li jistgħu jiġġustifikaw dan l-indħil ( 33 ).

67.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża barra minn hekk li l-perijodu taż-żamma ma jistax jeċċedi dak li huwa strettament neċessarju fid-dawl tal-għan imfittex u li miżura ta’ dan it-tip għandha tipprovdi kundizzjonijiet u garanziji stretti fir-rigward tal-użu ta’ din id-data ( 34 ).

3. Il‑limiti tal‑ġurisprudenza dwar l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 15(1) tad‑Direttiva 2002/58 għal dak li jirrigwarda l‑miżuri intiżi għaż‑żamma tal‑indirizzi IP assenjati lis‑sors ta’ konnessjoni

68.

Is-soluzzjoni li waslet għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ miżuri nazzjonali intiżi għaż-żamma tal-indirizzi IP assenjati lis-sors ta’ konnessjoni, interpretati fid-dawl tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, jidhirli madankollu li tippreżenta żewġ diffikultajiet prinċipali.

a) Rikonċiljazzjoni mal‑ġurisprudenza dwar il‑komunikazzjoni tal‑indirizzi IP assenjati lis‑sors ta’ konnessjoni fil‑kuntest tar‑rikorsi għall‑protezzjoni tad‑drittijiet ta’ proprjetà intellettwali

69.

Fl-ewwel lok, kif diġà kont semmejt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża M.I.C.M. ( 35 ), teżisti tensjoni ċerta bejn din il-linja ta’ ġurisprudenza u dik dwar il-komunikazzjoni tal-indirizzi IP fil-kuntest tar-rikorsi għall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali għall-proprjetarji ta’ dawn id-drittijiet, li tagħmel enfasi fuq l-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw lill-proprjetarji tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali possibbiltajiet reali li jiksbu kumpens għad-danni li jirriżultaw mill-ksur ta’ dawn id-drittijiet ( 36 ).

70.

Fil-fatt, għal dak li jikkonċerna din it-tieni linja ta’ ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi b’mod kostanti li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li l-Istati Membri jistabbilixxu obbligu ta’ trażmissjoni lil persuni privati ta’ data personali sabiex ikunu jistgħu jinbdew proċeduri, quddiem il-qrati ċivili, kontra l-preġudizzji għad-drittijiet tal-awtur ( 37 ).

71.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva, f’dan ir-rigward, li l-possibbiltà, għall-Istati Membri, li jipprovdu l-obbligu li tiġi żvelata, fil-kuntest ta’ prosekuzzjonijiet ċivili, data personali tirriżulta l-ewwel nett mill-possibbiltà li jiġi previst tali żvelar fil-kuntest tal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali ( 38 ), li sussegwentement ġiet estiża għall-proċeduri ċivili.

72.

Fl-istess ħin, għal dak li jirrigwarda l-indirizzi IP, il-Qorti tal-Ġustizzja timponi madankollu li din id-data tista’ tinżamm biss fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u l-prevenzjoni tat-theddid serju għas-sigurtà pubblika ( 39 ).

73.

It-tentattivi ta’ rikonċiljazzjoni ta’ dawn iż-żewġ linji ta’ ġurisprudenza jwasslu, fil-fehma tiegħi, għal riżultati mhux adegwati u ma jistgħux ikunu konvinċenti.

74.

Minn naħa, għall-kuntrarju ta’ dak li sostna l-Gvern Franċiż waqt is-seduta, il-ġlieda kontra l-ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ma tistax taqa’ taħt il-ġlieda kontra l-kriminalità serja. Il-kunċett ta’ “kriminalità serja” għandu, fil-fehma tiegħi, jirċievi interpretazzjoni awtonoma. Dan ma jistax jiddependi fuq it-tifsiriet ta’ kull Stat Membru għax inkella jiġi li jippermetti li jiġu evitati r-rekwiżiti tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 skont jekk l-Istati Membri jadottawx tifsira estensiva jew le tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja. Għaldaqstant, kif irrilevajt diġà, l-interessi marbutin mal-protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ma jistgħux jitħalltu ma’ dawk li fuqhom hija bbażata l-ġlieda kontra l-kriminalità serja ( 40 ).

75.

Min-naħa l-oħra, jekk tiġi aċċettata t-trażmissjoni ta’ indirizzi IP lill-proprjetarji tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fil-kuntest tal-proċeduri li għandhom bħala suġġett il-protezzjoni tagħhom, anki jekk iż-żamma tagħhom hija magħmula possibbli biss fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja, dan ikun imur manifestament kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar iż-żamma tad-data dwar il-konnessjoni u twassal biex jiġu mċaħħda mill-effett utli l-kundizzjonijiet meħtieġa għaż-żamma ta’ tali data, peress li fi kwalunkwe każ jista’ jsir aċċess għalihom għal raġunijiet differenti.

76.

Minn dan jirriżulta, fil-fehma tiegħi, li ż-żamma tal-indirizzi IP għall-finijiet tal-protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali kif ukoll il-komunikazzjoni tagħhom lill-proprjetarji ta’ dawn id-drittijiet fil-kuntest tal-proċeduri li għandhom bħala suġġett din il-protezzjoni jistgħu jmorru kontra l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, kif interpretat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-obbligu ta’ trażmissjoni lil persuni privati ta’ data personali sabiex ikunu jistgħu jinbdew proċeduri, quddiem il-qrati ċivili, kontra l-preġudizzji għad-drittijiet tal-awtur, li sar possibbli mill-Qorti tal-Ġustizzja stess, jiġi għaldaqstant, fl-istess ħin, innewtralizzat bit-tħaddim tal-ġurisprudenza tagħha stess dwar iż-żamma tal-indirizzi IP mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

77.

Madankollu, tali soluzzjoni ma hijiex sodisfaċenti inkwantu tikkontesta l-bilanċ bejn id-diversi interessi involuti li l-Qorti tal-Ġustizzja fittxet li tistabbilixxi, billi ċċaħħad lill-proprjetarji ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali mill-mezz prinċipali, jekk mhux l-uniku mezz, biex jiġu identifikati l-awturi tal-ksur ta’ dawn id-drittijiet online. Din il-kunsiderazzjoni twassalni biex nesponi t-tieni diffikultà li tista’ tirriżulta, fil-fehma tiegħi, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għal dak li jirrigwarda l-miżuri nazzjonali li jirrigwardaw iż-żamma tal-indirizzi IP assenjati lis-sors ta’ konnessjoni interpretata fid-dawl tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58.

b) Ir‑riskju ta’ impunità sistemika għall‑ksur imwettaq esklużivament online

78.

Għaldaqstant, fit-tieni lok, jiena tal-fehma li din is-soluzzjoni hija s-sors ta’ diffikultajiet prattiċi. Kif tenfasizza l-Qorti tal-Ġustizzja stess, f’każ ta’ ksur imwettaq esklużivament online, l-indirizz IP jista’ jikkostitwixxi l-uniku mezz ta’ investigazzjoni li jippermetti l-identifikazzjoni tal-persuna li lilha huwa assenjat dan l-indirizz fil-mument tat-twettiq ta’ dan il-ksur.

79.

Madankollu, jidhirli li dan l-element ma jiġix kompletament meħud inkunsiderazzjoni fl-ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja tillimita xorta waħda l-possibbiltà ta’ żamma tal-indirizzi IP għall-kuntest tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja, hija teskludi fl-istess ħin li din id-data tkun tista’ tinżamm sabiex jiġu miġġielda r-reati kriminali inġenerali, filwaqt li wħud minn dan il-ksur jista’ jiġi pprevjenut, skopert jew issanzjonat biss grazzi għall-imsemmija data.

80.

Fi kliem ieħor, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ twassal biex l-awtoritajiet nazzjonali jiġu mċaħħda mill-uniku mezz ta’ identifikazzjoni tal-awturi ta’ ksur online li ma jaqgħux madankollu taħt il-kriminalità serja, bħalma huwa l-ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Minn dan tirriżulta fil-fatt impunità sistemika għall-ksur imwettaq esklużivament online, lil hinn, barra minn hekk, mis-sempliċi ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Jiena naħseb b’mod partikolari fl-atti ta’ malafama mwettqa online. Id-dritt tal-Unjoni jipprevedi ċertament projbizzjonijiet kontra l-intermedjarji li s-servizzi tagħhom jintużaw għat-twettiq ta’ tali ksur ( 41 ), iżda mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jirriżulta li l-awturi stess ta’ dawn l-atti jistgħu ma jiġu mfittxija qatt.

81.

Ħlief jekk mhux għax jiġi aċċettat li sensiela sħiħa ta’ reati kriminali jistgħu ma jkunu qatt suġġetti għall-prosekuzzjoni, jiena tal-fehma li l-bilanċ bejn id-diversi interessi involuti għandu jkun is-suġġett ta’ analiżi ġdida.

82.

Dawn il-kunsiderazzjonijiet differenti jwassluni biex nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja ċerta aġġustament tal-ġurisprudenza dwar il-miżuri nazzjonali li jirrigwardaw iż-żamma tal-indirizzi IP interpretati fid-dawl tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58.

4. Il‑proposta ta’ aġġustament tal‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja dwar l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 15(1) tad‑Direttiva 2002/58 fir‑rigward ta’ miżuri li jirrigwardaw iż‑żamma tal‑indirizzi IP assenjati lis‑sors ta’ konnessjoni

83.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix miżuri li jipprevedu ż-żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tal-indirizzi IP assenjati lis-sors ta’ konnessjoni, għal perijodu limitat fiż-żmien għal dak li huwa strettament neċessarju, għall-finijiet li tiġi żgurata l-prevenzjoni, ir-riċerka, il-konstatazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali online li għalihom l-indirizz IP jikkostitwixxi l-unika mezz ta’ investigazzjoni li jippermetti l-identifikazzjoni tal-persuna li kien assenjat lilha dan l-indirizz fil-mument tat-twettiq tal-ksur.

84.

Jeħtieġ li nenfasizza, f’dan ir-rigward, li tali proposta ma tippreġudikax, fil-fehma tiegħi, ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità imposta għaż-żamma tad-data, fid-dawl tan-natura serja tal-indħil fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta li jimplika dan l-indħil ( 42 ). Għall-kuntrarju, hija tissodisfa bis-sħiħ dan ir-rekwiżit.

85.

Minn naħa, il-limitazzjoni għad-drittijiet u għall-obbligi previsti fl-Artikoli 5, 6 u 9 tad-Direttiva 2002/58 li tikkostitwixxi ż-żamma tal-indirizzi IP għandha għan ta’ interess ġenerali meta mqabbla ma’ din in-natura serja, jiġifieri l-prevenzjoni, ir-riċerka, il-konstatazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali msemmija fit-testi li inkella jibqgħu mingħajr effett.

86.

Min-naħa l-oħra, din il-limitazzjoni taħdem fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju. Fil-fatt, tali żammi hija limitata għal ipoteżijiet preċiżi, jiġifieri r-reati kriminali mwettqa online u li għalihom l-identifikazzjoni tal-awtur tagħhom hija possibbli biss grazzi għall-indirizz IP li jiġi assenjat lilu. Fi kliem ieħor, ma hijiex kwistjoni li tiġi awtorizzata żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data mingħajr kundizzjonijiet oħra, iżda biss li tkun permessa l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali mhux inġenerali, iżda dawk iddefiniti b’mod speċifiku.

87.

Madankollu, għalkemm l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 ma jiprekludix żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tal-indirizzi IP assenjati lis-sors ta’ konnessjoni għall-finijiet li tiġi żgurata l-prevenzjoni, ir-riċerka, il-konstatazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali online li għalihom l-indirizz IP jikkostitwixxi l-unika mezz ta’ investigazzjoni li jippermetti l-identifikazzjoni tal-persuna li kien assenjat lilha dan l-indirizz fil-mument tat-twettiq tal-ksur, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat mill-ġdid li, skont il-ġurisprudenza, din il-possibbiltà għandha tkun suġġetta “għall-osservanza stretta tal-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali li għandhom jirregolaw l-użu ta’ din id-data” ( 43 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża wkoll li tali miżura “għandha tipprevedi kundizzjonijiet u garanziji stretti dwar l-użu ta’ din id-data” ( 44 ).

88.

Fi kliem ieħor, kif diġà enfasizzajt, iż-żamma tad-data u l-aċċess għal din id-data ma jistgħux jiġu kkonċepiti b’mod iżolat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm il-possibbiltà għall-Hadopi li taċċedi għall-indirizzi IP ma hijiex immedjatament kontra l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 sa fejn din id-data tkun inżammet b’mod konformi mar-rekwiżiti previsti f’din id-dispożizzjoni, xorta jibqa’ meħtieġ, sabiex tingħata risposta għad-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, li jiġi eżaminat jekk il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-indirizzi IP assenjati lis-sors ta’ konnessjoni mill-Hadopi humiex, minnhom infushom, konformi mal-imsemmija dispożizzjoni, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-ħtieġa jew le ta’ stħarriġ minn qabel ta’ tali aċċess minn qorti jew minn awtorità amministrattiva indipendenti.

89.

Wara li analizzajt il-kwistjoni preliminari taż-żamma tal-indirizzi IP assenjati lis-sors ta’ konnessjoni, ser nipproċedi għall-eżami tal-aċċess għal din id-data mill-Hadopi fid-dawl tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58.

5. L‑aċċess għad‑data ta’ identità ċivili li tikkorrispondi għall‑indirizzi IP mill‑Hadopi

90.

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għal dak li jirrigwarda l-għanijiet li jistgħu jiġġustifikaw miżura nazzjonali li tidderoga mill-prinċipju ta’ kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, jirriżulta li l-aċċess għad-data għandu jirrifletti strettament u oġġettivament wieħed minn dawn l-għanijiet, u li l-għan imfittex minn din il-miżura għandu jkun marbut mal-gravità tal-indħil fid-drittijiet fundamentali li jinvolvi dan l-aċċess ( 45 ).

91.

Barra minn hekk, kif esponejt ( 46 ), l-aċċess għad-data miżmuma minn fornituri bis-saħħa ta’ miżura meħuda skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jista’, bħala regola, ikun iġġustifikat biss minħabba l-għan ta’ interess ġenerali li għalih din iż-żamma ġiet imposta fuq dawn il-fornituri ( 47 ).

92.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet għaldaqstant, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li ndħil serju jista’ jkun iġġustifikat biss, fil-qasam tal-prevenzjoni, tal-investigazzjoni, tal-iskoperta u tal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, minn għan ta’ ġlieda kontra l-kriminalità li għandha wkoll tkun ikklassifikata bħala serja ( 48 ).

93.

F’dan ir-rigward, nirrileva, għall-kuntrarju ta’ dak li sostnew il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni, li l-aċċess mill-Hadopi għad-data dwar l-identità ċivili li tikkorrispondi għal indirizz IP jikkostitwixxi fil-fatt indħil serju fid-drittijiet fundamentali. Fil-fatt, din ma hijiex biss kwistjoni ta’ aċċess għad-data dwar l-identità ċivili, li hija, minnha nfisha, ta’ sensittività dgħajfa, iżda fil-fatt li din id-data tiġi marbuta ma’ grupp ta’ data iktar wiesgħa, jiġifieri l-indirizz IP, u wkoll, kif jenfasizzaw ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, estratt mill-fajl imniżżel bi ksur tad-drittijiet tal-awtur. Għaldaqstant, dan jinvolvi li l-identità ċivili ta’ persuna tiġi marbuta mal-kontenut tal-fajl ikkonsultat u mal-indirizz IP li bih seħħet din il-konsultazzjoni tal-fajl.

94.

Madankollu, bl-istess mod li jien tal-fehma li tiġi permessa wkoll iż-żamma ta’ data li tikkostitwixxi ndħil serju għad-drittijiet fundamentali għall-finijiet li tiġi żgurata l-prevenzjoni, l-investigazzjoni, il-konstatazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali online li għalihom l-indirizz IP jikkostitwixxi l-uniku mezz ta’ investigazzjoni li jippermetti l-identifikazzjoni tal-persuna li lilha kien assenjat dan l-indirizz fil-mument tat-twettiq tal-ksur ( 49 ), jiena nemmen li l-aċċess għal din id-data għandu jsir possibbli sabiex jiġi mfittex l-istess għan, inkella tkun qiegħda tiġi aċċettata l-impunità ġenerali tal-ksur imwettaq esklużivament online.

95.

L-aċċess mill-Hadopi għad-data dwar l-identità ċivili marbuta ma’ indirizz IP jidhirli, għaldaqstant, li huwa ġġustifikat mill-għan ta’ interess ġenerali li għalih din iż-żamma ġiet imposta fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

96.

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża madankollu li leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-aċċess tal-awtoritajiet kompetenti għad-data dwar it-traffiku u għad-data dwar il-lokalizzazzjoni miżmuma ma tistax teżiġi sempliċement li l-aċċess jissodisfa l-għan imfittex minn din il-leġiżlazzjoni, iżda għandha tipprevedi wkoll il-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali li jirregolaw l-aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data miżmuma ( 50 ).

97.

B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, peress li aċċess ġenerali għad-data miżmuma kollha, indipendentement minn kwalunkwe rabta mal-għan imfittex, ma jistax jitqies li huwa limitat għal dak li jkun strettament neċessarju, il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tibbaża ruħha fuq kriterji oġġettivi sabiex tiddefinixxi ċ-ċirkustanzi u l-kundizzjonijiet li fihom l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jingħataw aċċess għad-data tal-utenti, b’mod li jiġi vverifikat li l-aċċess jingħata biss għad-data ta’ persuni ssuspettati li qegħdin jippjanaw, li qegħdin iwettqu jew li wettqu reat serju jew inkella li huma involuti b’xi mod jew ieħor f’tali reat ( 51 ).

98.

Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza, sabiex tiġi ggarantita, fil-prattika, l-osservanza sħiħa ta’ dawn il-kundizzjonijiet, huwa essenzjali li l-aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data miżmuma jkun, bħala prinċipju, suġġett għal stħarriġ minn qabel imwettaq jew minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti ( 52 ).

99.

Madankollu, nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet din il-ħtieġa ta’ stħarriġ minn qabel tal-aċċess għad-data personali f’ċirkustanzi partikolari li huma differenti minn dawk ta’ dan il-każ, li jimplikaw indħil partikolarment serju u fil-ħajja privata tal-utenti ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

100.

Fil-fatt, f’kull waħda mis-sentenzi li enfasizzaw dan ir-rekwiżit, kienu involuti miżuri nazzjonali li jawtorizzaw l-aċċess għad-data kollha dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni tal-utenti li jirrigwardaw il-mezzi kollha ta’ komunikazzjoni elettronika ( 53 ) jew, tal-inqas, it-telefonija fissa u mobbli ( 54 ). B’mod iktar preċiż, kien involut l-aċċess għal “grupp ta’ data […] li tista’ tipprovdi informazzjoni dwar il-komunikazzjonijiet magħmula minn utent ta’ mezz ta’ komunikazzjoni elettronika jew dwar il-lokalizzazzjoni tal-apparat terminali użat minnu u li tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tiegħu” ( 55 ), b’mod li r-rekwiżit ta’ stħarriġ minn qabel tal-aċċess għal din id-data minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti jeżisti biss, fil-fehma tiegħi, f’dawn iċ-ċirkustanzi.

101.

Madankollu, minn naħa, l-aċċess mill-Hadopi jibqa’ limitat biex jorbot id-data dwar l-identità ċivili mal-indirizz IP użat u mal-fajl ikkonsultat f’mument preċiż, mingħajr ma dan iwassal biex jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jibnu l-istorja tal-ibbrawżjar online tal-utent ikkonċernat, u lanqas, għaldaqstant, li jinstiltu l-konklużjonijiet preċiżi fuq il-ħajja privata tiegħu lil hinn mill-għarfien tal-fajl preċiż ikkonsultat fil-mument tar-reat. Għaldaqstant, ma hijiex kwistjoni li jkun permess l-intraċċjar tal-attività kollha online tal-utent inkwistjoni.

102.

Min-naħa l-oħra, din id-data tikkonċerna biss id-data ta’ persuni li, kif ġie kkonstatat fil-proċessi verbali stabbiliti mill-organizzazzjonijiet tad-detenturi tad-drittijiet, wettqu fatti li jistgħu jikkostitwixxu nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu previst fl-Artikolu L.336-3 tal-KPI. L-aċċess mill-Hadopi għad-data dwar l-identità ċivili kkombinata mal-indirizzi IP huwa għaldaqstant strettament limitat għal dak li huwa neċessarju biex jintlaħaq l-għan imfittex, jiġifieri li tkun permessa l-prevenzjoni, l-investigazzjoni, il-konstatazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali online li għalihom l-indirizz IP jikkostitwixxi l-uniku mezz ta’ investigazzjoni li jippermetti l-identifikazzjoni tal-persuna li kien assenjat lilha dan l-indirizz fil-mument tat-twettiq tar-reat, li fih jidħol il-mekkaniżmu ta’ risposta gradwata.

103.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-fehma li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 ma jimponix ir-rekwiżit ta’ stħarriġ minn qabel tal-aċċess mill-Hadopi għad-data dwar l-identità ċivili abbinata mal-indirizzi IP tal-utenti minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti.

104.

Mill-bqija, nirrileva, kif enfasizza l-Gvern Franċiż, li l-aċċess mill-Hadopi għal din id-data, għalkemm ma huwiex suġġett għal stħarriġ minn qabel minn qorti jew minn entità indipendenti, ma huwiex madankollu eżentat minn kull stħarriġ, peress li l-fajl mibgħut mill-Hadopi lill-operaturi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi huwa dejjem magħmul minn membru tal-persunal li jkun ħa ġurament wara t-talbiet irċevuti u kkonvalidati, b’mod każwali b’kampjun, qabel ma dawn jiżdiedu mal-fajl ( 56 ). Fuq kollox, għandu jiġi osservat li l-proċedura ta’ risposta gradwata tibqa’ suġġetta għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2016/680 ( 57 ). F’dan ir-rigward, il-persuni fiżiċi kkunsidrati mill-Hadopi jibbenefikaw minn sensiela ta’ garanziji sostantivi u proċedurali previsti f’din id-direttiva. Dawn jinkludu d-dritt ta’ aċċess, ta’ rettifika u ta’ tħassir tad-data personali pproċessata mill-Hadopi, kif ukoll il-possibbiltà li titressaq talba quddiem awtorità ta’ stħarriġ indipendenti, segwita, jekk ikun il-każ, b’rikors ġudizzjarju ppreżentat fil-kundizzjonijiet tad-dritt komuni ( 58 ).

105.

Għaldaqstant, nipproponi li tingħata risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda preliminari fis-sens li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-ħażna mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika u l-aċċess, minn awtorità amministrattiva responsabbli mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati kontra ksur ta’ dawn id-drittijiet imwettqa fuq l-internet, limitat għal data dwar l-identità ċivili li tikkorrispondi mal-indirizzi IP sabiex din l-awtorità tkun tista’ tidentifika l-proprjetarji ta’ dawn l-indirizzi ssuspettati li huma responsabbli għal dan il-ksur u tkun tista’ tieħu, jekk ikun il-każ, miżuri fil-konfront tagħhom, mingħajr ma dan l-aċċess ikun suġġett għal stħarriġ minn qabel minn xi qorti jew minn xi entità amministrattiva indipendenti, meta din id-data tikkostitwixxi l-uniku mezz ta’ investigazzjoni li jippermetti l-identifikazzjoni tal-persuna lil lilha dan l-indirizz kien assenjat fil-mument tat-twettiq tar-reat.

B.   Fuq it‑tielet domanda preliminari

106.

Permezz tat-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, f’każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel u għat-tieni domanda preliminari, u fid-dawl tas-sensittività dgħajfa tad-data dwar l-identità ċivili, tal-qafas strett tal-aċċess għad-data u tar-rekwiżit li ma tiġix kompromessa l-missjoni ta’ servizz pubbliku fdata lill-awtorità amministrattiva inkwistjoni, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-istħarriġ minn qabel tal-aċċess isir skont il-metodi adattati, bħalma huwa l-istħarriġ awtomatizzat, jekk ikun il-każ taħt is-superviżjoni ta’ servizz intern għall-organu li għandu garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità fir-rigward tal-aġenti inkarigati li jwettqu tali ġbir.

107.

Mill-formulazzjoni tat-tielet domanda preliminari kif ukoll mir-risposta bil-miktub tal-Gvern Franċiż għad-domandi tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-modalitajiet ta’ stħarriġ adattati li jissemmew f’din id-domanda ma jirrigwardawx mekkaniżmu ta’ stħarriġ eżistenti fid-dritt nazzjonali, iżda r-rimedji li jistgħu jiġu esplorati u li huma intiżi li jagħmlu l-mekkaniżmu Franċiż konformi mad-dritt tal-Unjoni jekk ikun il-każ.

108.

Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, talba għad-deċiżjoni preliminari ma għandhiex bħala għan il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi fuq domandi ġenerali u ipotetiċi, iżda hija intiża biex tissodisfa l-bżonn inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima li tirrigwarda d-dritt tal-Unjoni ( 59 ).

109.

Peress li t-tielet domanda preliminari hija, għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, ta’ natura ipotetika, jeħtieġ li din titqies inammissibbli.

110.

Fi kwalunkwe każ, meħud kont tar-risposta li nipproponi li tingħata lill-ewwel u lit-tieni domanda preliminari, ma hemmx bżonn li tingħata risposta għat-tielet domanda.

V. Konklużjoni

111.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza):

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-ħażna mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika u l-aċċess, minn awtorità amministrattiva responsabbli mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati kontra ksur ta’ dawn id-drittijiet imwettqa fuq l-internet, limitat għal data dwar l-identità ċivili li tikkorrispondi mal-indirizzi IP sabiex din l-awtorità tkun tista’ tidentifika l-proprjetarji ta’ dawn l-indirizzi ssuspettati li huma responsabbli għal dan il-ksur u tkun tista’ tieħu, jekk ikun il-każ, miżuri fil-konfront tagħhom, mingħajr ma dan l-aċċess ikun suġġett għal stħarriġ minn qabel minn xi qorti jew entità amministrattiva indipendenti, meta din id-data tikkostitwixxi l-uniku mezz ta’ investigazzjoni li jippermetti l-identifikazzjoni tal-persuna lil lilha dan l-indirizz kien assenjat fil-mument tat-twettiq tar-reat.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol 2, p. 121).

( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).

( 4 ) JORF tas‑7 ta’ Marzu 2010, test Nru 19.

( 5 ) JORF tal‑31 ta’ Lulju 2021, test Nru 1. Din il-verżjoni tal-Artikolu L. 34-1 tal-KPKE, fis-seħħ b’effett mill‑31 ta’ Lulju 2021, ġiet adottata wara d-deċiżjoni tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) tal‑21 ta’ April 2021, Nru 393099 (JORF tal‑25 ta’ April 2021) li kienet skartat il-verżjoni preċedenti ta’ din id-dispożizzjoni li kienet tinkludi obbligu ta’ żamma ta’ data personali “għall-bżonnijiet tar-riċerka, tal-konstatazzjoni u tal-prosekuzzjoni tar-reati kriminali jew ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ddefinit fl-Artikolu L. 336-3 [tal-KPI]” bil-għan biss li tippermetti, jekk meħtieġ, li l-informazzjoni tkun disponibbli, b’mod partikolari, għall-Hadopi. Permezz ta’ Deċiżjoni Nru 2021-976-977 QPC, tal‑25 ta’ Frar 2022 (M. Habib A. et), il-Conseil constitutionnel (il-Kunsill Kostituzzjonali, Franza) iddikjara din il-verżjoni preċedenti tal-Artikolu L. 34-1 tal-KPKE bħala li tikser il-kostituzzjoni minħaba essenzjalment li, “billi jawtorizzaw iż-żamma ġenerali u mingħajr distinzjoni tad-data dwar il-konnessjoni, id-dispożizzjonijiet ikkontestati joħolqu preġudizzju sproporzjonat għad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata” (punt 13). Din il-qorti qieset fil-fatt li d-data dwar il-konnessjoni li għandha tinżamm skont dawn id-dispożizzjonijiet tirrigwarda mhux biss l-identifikazzjoni tal-utenti tas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi iżda wkoll data oħra li, “fid-dawl tad-diversità tagħha u tal-ipproċessar li għaliha hija tista’ tkun suġġetta, tipprovdi fuq dawn l-utenti kif ukoll, jekk ikun il-każ, fuq terzi, informazzjoni vasta u preċiża, partikolarment li tippreġudika l-ħajja privata tagħhom” (punt 11).

( 6 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020 (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza La Quadrature du Net et”, EU:C:2020:791, id-dispożittiv).

( 7 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016 (C‑203/15 u C‑698/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza Tele2, EU:C:2016:970, id-dispożittiv).

( 8 ) Punt 120 ta’ din is-sentenza.

( 9 ) Punt 189 ta’ din is-sentenza.

( 10 ) Sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021 (C‑746/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza Prokuratuur, EU:C:2021:152).

( 11 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1).

( 12 ) Ara s-sentenza Quadrature du Net et (punti 155 u 159).

( 13 ) Ara s-sentenza Tele2 (punt 79).

( 14 ) Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2018, Ministerio Fiscal (C‑207/16, EU:C:2018:788, punt 49).

( 15 ) Sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2018 (C‑207/16, EU:C:2018:788).

( 16 ) Ara s-sentenza Prokuratuur (punt 29).

( 17 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2021, M.I.C.M. (C-597/19, EU:C:2021:492, punti 127 sa 130).

( 18 ) Ara s-sentenzi La Quadrature du Net et, punt 166); tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et (C-140/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza Commissioner of An Garda Síochána et”, EU:C:2022:258, punt 98), u tal‑20 ta’ Settembru 2022, SpaceNet, (C‑793/19 u C‑794/19, iktar ’il quddiem is-sentenza SpaceNet, EU:C:2022:702, punt 131).

( 19 ) Ara s-sentenzi La Quadrature du Net et (punt 107); Commissioner of An Garda Síochána et (punt 35), u SpaceNet (punt 52).

( 20 ) Ara s-sentenzi Tele2 (punt 86); La Quadrature du Net et (punt 108); Commissioner of An Garda Síochána et (punt 38), u SpaceNet (punt 55).

( 21 ) Ara s-sentenzi La Quadrature du Net et (punt 109); Commissioner of An Garda Síochána et (punt 37), u SpaceNet (punt 54).

( 22 ) Ara s-sentenzi La Quadrature du Net et (punti 110 u 111); Commissioner of An Garda Síochána et (punt 40), u SpaceNet (punt 57).

( 23 ) Ara s-sentenzi La Quadrature du Net et (punt 112); Commissioner of An Garda Síochána et (punt 41), u SpaceNet (punt 58).

( 24 ) Ara s-sentenzi La Quadrature du Net et (punti 113 u 114); Commissioner of An Garda Síochána et (punt 42), u SpaceNet (punt 60).

( 25 ) Ara s-sentenzi La Quadrature du Net et (punti 120 sa 122); Commissioner of An Garda Síochána et (punt 48), u SpaceNet (punt 63).

( 26 ) Ara s-sentenzi La Quadrature du Net et (punti 120 sa 122); Commissioner of An Garda Síochána et (punt 49), u SpaceNet (punt 64).

( 27 ) Ara s-sentenzi La Quadrature du Net et (punti 127 sa 129); Commissioner of An Garda Síochána et (punti 50 u 51), u SpaceNet (punti 65 u 66).

( 28 ) Ara s-sentenzi La Quadrature du Net et (punt 131); Commissioner of An Garda Síochána et (punt 53), u SpaceNet (punt 68).

( 29 ) Ara l-punti 41 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 30 ) Ara s-sentenza La Quadrature du Net et (punt 152).

( 31 ) Ara s-sentenzi La Quadrature du Net et (punt 153); Commissioner of An Garda Síochána et (punt 73), u SpaceNet (punt 103) (enfasi miżjuda minni).

( 32 ) Ara s-sentenzi La Quadrature du Net et (punt 154); Commissioner of An Garda Síochána et (punt 73), u SpaceNet (punt 103).

( 33 ) Ara s-sentenzi La Quadrature du Net et (punti 155 u 156); Commissioner of An Garda Síochána et (punt 74), u SpaceNet (punti 104 u 105) (enfasi tiegħi).

( 34 ) Ara s-sentenzi La Quadrature du Net et (punt 156) u SpaceNet (punt 105).

( 35 ) C‑597/19, EU:C:2020:1063, punt 98.

( 36 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża M.I.C.M. (C‑597/19, EU:C:2020:1063, punt 97).

( 37 ) Ara s-sentenzi tad‑19 ta’ April 2012, Bonnier Audio et (C‑461/10, EU:C:2012:219, punt 55); tal‑4 ta’ Mejju 2017, Rīgas satiksme (C‑13/16, EU:C:2017:336, punt 34), u tas‑17 ta’ Ġunju 2021, M.I.C.M. (C‑597/19, EU:C:2021:492, punti 47 sa 54).

( 38 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2008, Promusicae (C‑275/06, EU:C:2008:54, punti 50 sa 52).

( 39 ) Ara l-punt 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 40 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża M.I.C.M. (C‑597/19, EU:C:2020:1063, punt 103).

( 41 ) Ara l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol 25, p. 399).

( 42 ) Ara l-punti 60 u 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 43 ) Ara s-sentenza La Quadrature du Net et (punt 155) (enfasi miżjuda minni).

( 44 ) Ara s-sentenza La Quadrature du Net et (punt 156) (enfasi miżjuda minni).

( 45 ) Ara s-sentenzi tat‑2 ta’ Ottubru 2018, Ministerio Fiscal (C‑207/16, EU:C:2018:788, punt 55), u Prokuratuur (punt 32).

( 46 ) Punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 47 ) Ara s-sentenzi SpaceNet, (punt 131); La Quadrature du Net et (punt 166), u Commissioner of An Garda Síochána et (punt 98).

( 48 ) Ara s-sentenzi Tele2 (punt 115); tat‑2 ta’ Ottubru 2018, Ministerio Fiscal (C‑207/16, EU:C:2018:788, punt 56), u Prokuratuur (punt 33).

( 49 ) Ara l-punti 65 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 50 ) Ara s-sentenzi Tele2 (punt 118); Prokuratuur (punt 49), u Commissioner of An Garda Síochána et (punt 104).

( 51 ) Ara s-sentenzi Tele2 (punt 119); Prokuratuur (punt 50), u Commissioner of An Garda Síochána et (punt 105).

( 52 ) Ara s-sentenzi Tele2 (punt 120); Prokuratuur (punt 51), u Commissioner of An Garda Síochána et (punt 106).

( 53 ) Ara s-sentenzi Tele2 u Commissioner of An Garda Síochána et.

( 54 ) Ara s-sentenza Prokuratuur.

( 55 ) Ara s-sentenza Prokuratuur (punt 45).

( 56 ) B’mod anċillari, nirrileva li argumenti ta’ l-fattibbiltà jimmilitaw ukoll kontra l-obbligu ta’ stħarrig sistematiku minn qabel. L-eżistenza ta’ sistema organizzata ta’ ġlieda kontra l-ksur tad-drittijiet tal-awtur imwettaq online, bħal ma huwa dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tippreżupponi n-neċċesità li jiġu pproċessati kwantitajiet kbar ta’ data personali, bi proporzjon man-numru ta’ ksur, jiġifieri, bħala eżempju, għas-sena 2019, skont l-osservazzjonijiet tal-Gvern Franċiż, kien hemm 33465 talba għall-identifikazzjoni tal-indirizz IP magħmula mill-Hadopi kuljum. F’dan il-kuntest, l-obbligu ta’ stħarriġ minn qabel għall-aċċess għal din id-data jirriskja li jikkomprometti, fil-prattika, il-funzjonament tal-mekkaniżmi tal-ġlieda kontra l-vjolazzjoni online, li jippreġudika l-bilanċ bejn id-drittijiet tal-utenti u dawk tal-awturi.

( 57 ) Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU 2016, L 119, p. 89).

( 58 ) Dawn il-garanziji kollha huma previsti mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III, Titolu III tal-loi no 78-17 relative à l’informatique, aux fichiers et aux libertés, tas‑6 ta’ Jannar 1978 (il-Liġi Nru 78-17 dwar l-Informatika, il-Fajls u l-Libertajiet, (JORF tas‑7 ta’ Jannar 1978)).

( 59 ) Ara s-sentenzi tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Balgarska energiyna borsa (C‑347/16, EU:C:2017:816, punt 31); tal‑31 ta’ Mejju 2018, Confetra et (C‑259/16 u C‑260/16, EU:C:2018:370, punt 63), u tas‑17 ta’ Ottubru 2019, Elektrorazpredelenie Yug (C‑31/18, EU:C:2019:868, punt 32).