Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
22 ta’ Ottubru 2026 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-ħabitats naturali kif ukoll tal-fawna u tal-flora selvaġġa – Żoni ta’ protezzjoni speċjali – Artikolu 6(3) – Evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett li jista’ jaffettwa sit protett fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit – Esklużjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ attivitajiet, ta’ pjanijiet jew ta’ proġetti mill-obbligu li ssir evalwazzjoni xierqa”
Fil-Kawża C‑548/25,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad voor Vergunningsbetwistingen (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Permessi, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Lulju 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Awwissu 2025, fil-proċedura
Dryade vzw
vs
Stad Peer, irrappreżentat mill-Kulleġġ tas-Sindku u l-Membri,
fil-preżenza ta’:
X vvzrl,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla),
komposta minn I. Jarukaitis, President tal-Awla, R. Frendo, N. Jääskinen, M. Condinanzi u A. Kornezov (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: V. Di Bucci,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Dryade vzw, minn M. Van de Poel, advocaat,
– għall-Gvern Belġjan, minn S. Baeyens, P. Cottin u C. Pochet, bħala aġenti, assistiti minn N. Dewulf, G. Schaiko u B. Schelstraete, advocaten,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Ruiz García u F. van Schaik, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-ħabitats”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Dryade vzw, assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru, u l-iStad Peer (il-belt ta’ Peer, il-Belġju), irrappreżentat mill-Kulleġġ tas-Sindku u l-Membri, dwar talba, imressqa minn din l-assoċjazzjoni, intiża għall-annullament ta’ deċiżjoni ta’ din il-belt li tirrikonoxxi notifika ta’ estrazzjoni ta’ ilma ta’ taħt l-art.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 L-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar il-ħabitats jipprovdi:
“1. L-għan ta’ din id-Direttiva jkun li tikkontribwixxi biex tiġi żgurata l-biodiversità permezz tal-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa fit-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri li jgħodd għalihom it-Trattat.
2. Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva jkunu ddisinjati biex iżommu jew jirripristinaw, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Komunità.
[...]”
4 L-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-ħabitats jistabbilixxi, fil-paragrafu 2 u 3 tiegħu:
“2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.
3. Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.”
Id-dritt Belġjan
5 L‑Artikolu 36b(3) u (4) tad-decreet betreffende het natuurbehoud en het natuurlijk milieu (id-Digriet dwar il-Konservazzjoni tan-Natura u tal-Ambjent Naturali), tal‑21 ta’ Ottubru 1997 (Belgisch Staatsblad, 10 ta’ Jannar 1998, p. 599) fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet dwar in-natura”), li huwa intiż li jittrasponi l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-ħabitats fid-dritt Belġjan, jipprovdi:
“§ 3. Attività suġġetta għal awtorizzazzjoni jew pjan jew programm li, individwalment jew flimkien ma’ attività waħda jew iktar, pjanijiet jew programmi eżistenti jew proposti, tista’ tikkawża deprezzament sinjifikattiv tal-karatteristiċi naturali ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni, mingħajr ma din l-attività tkun suġġetta għal awtorizzazzjoni jew dan il-pjan jew programm ikollu rabta diretta ma’ jew ikun neċessarju għall-ġestjoni ta’ żona fiż-żona speċjali ta’ konservazzjoni inkwistjoni, għandha tkun suġġetta għal evalwazzjoni xierqa fir-rigward tal-effetti sinjifikattivi fuq iż-żona speċjali ta’ konservazzjoni.
[...]
§ 4. L-awtorità responsabbli li tiddeċiedi fuq it-talba għal awtorizzazzjoni, pjan jew programm ma tistax tagħti l-awtorizzazzjoni jew tapprova l-pjan jew programm ħlief jekk il-pjan jew programm ta’ eżekuzzjoni tal-attività inkwistjoni ma jikkawża ebda deterjorament sinjifikattiv taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni kkonċernati. L-awtorità kompetenti għandha dejjem tiżgura, billi timponi kundizzjonijiet, li ma jkun jista’ jseħħ ebda deterjorament sinjifikattiv tal-karatteristiċi naturali ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni.”
6 L-Anness I tal-besluit van de Vlaamse regering houdende algemene en sectorale bepalingen inzake milieuhygiëne (id-digriet tal-Gvern Fjamming li Jistabbilixxi d-Dispożizzjonijiet Ġenerali u Settorjali fil-Qasam tal-Iġjene tal-Ambjent), tal‑1 ta’ Ġunju 1995 (Belgisch Staatsblad, 31 ta’ Lulju 1995, p. 20526), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Vlarem”), jindika b’mod partikolari liema stabbilimenti u azjendi huma suġġetti għal awtorizzazzjoni, u liema stabbilimenti u attivitajiet huma suġġetti biss għal obbligu ta’ notifika. L-istabbilimenti u l-attivitajiet ikklassifikati fl-ewwel u fit-tieni klassi huma suġġetti għal awtorizzazzjoni, filwaqt li l-istabbilimenti u l-attivitajiet ikklassifikati fit-tielet klassi huma suġġetti biss għal obbligu ta’ notifika.
7 Skont il-punt 1(a) tat-Taqsima 53.8 ta’ dan l-Anness I, it-tħaffir ta’ bjar ta’ estrazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art u l-estrazzjoni ta’ ilma ta’ taħt l-art minbarra dawk imsemmija fit-Taqsimiet 53.1 sa 53.7 u 53.12 tiegħu, li l-ġiri ta’ ilma ppumpjat huwa inqas jew ugwali għal 5 000 metru kubu (m3) fis-sena u li l-bjar kollha għandhom fond inqas jew ugwali għall-kriterju ta’ fond allokat għas-sit kif riprodott fil-karta li tinsab fl-Anness 2b tal-Vlarem u li ma humiex ikklassifikati f’dan il-punt 1(c) tat-Taqsima 53.8 fit-tielet klassi.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
8 Fit‑13 ta’ Novembru 2023, X vvzrl innotifikat il-belt ta’ Peer bi proġett ta’ operazzjoni ta’ estrazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art ta’ fond ta’ 60 metru kif ukoll ġiri ta’ ilma massimu ta’ 175 m3 kuljum u ta’ 5 000 m3 fis-sena. Dan il-proġett, li jaqa’ taħt it-tielet klassi fis-sens tal-Anness I tal-Vlarem, jinsab madwar 425 metru mis-sit “Abeek ma’ żoni ta’ marġi ta’ madwar” li huwa indikat bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni (ŻSK) konformement mad-Direttiva dwar il-ħabitats.
9 Il-kumpannija X annettiet man-notifika tagħha “evalwazzjoni xierqa/eżami ekoloġiku iktar fil-fond”, filwaqt li kkonkludiet li ma kien hemm l-ebda effett negattiv prevedibbli fuq iż-ŻSK kkonċernata. Skont din il-kumpannija, il-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa stabbilit 201 metru mill-eqreb estrazzjoni ta’ ilma ta’ taħt l-art li tinsab fl-istess akwifer. Minbarra dan, ir-raġġ li fih il-livell tal-wiċċ tal-ilma ta’ taħt l-art jonqos b’ 1 ċentimetru (cm), wara t-twettiq ta’ dan il-proġett, huwa ta’ 137 metru. Għalhekk, skont l-imsemmija kumpannija, dan il-proġett ma għandu ebda effett fuq din l-estrazzjoni ta’ ilma ta’ taħt l-art tal-aħħar u, għalhekk, ebda effett negattiv sinjifikattiv fuq din iż-ŻSK.
10 Permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Novembru 2023, il-belt ta’ Peer irrikonoxxa din in-notifika u kkonstata li r-riskji għas-sigurtà esterna kif ukoll l-inkonvenjenzi u l-effetti fuq l-ambjent, l-ilmijiet, in-natura u l-bniedem barra l-imsemmi proġett setgħu jiġu limitati għal livell aċċettabbli, bla ħsara għall-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-deċiżjoni, relatati b’mod partikolari mal-użu effiċjenti tal-ilma ta’ taħt l-art estratt u mal-limitazzjoni tal-estrazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art ikkonċernati għal tul massimu ta’ għaxar snin.
11 Dryade ppreżentat rikors intiż għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni quddiem ir-Raad voor Vergunningsbetwistingen (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Permessi, il-Belġju), li hija l-qorti tar-rinviju.
12 Quddiem din il-qorti, din l-assoċjazzjoni ssostni, essenzjalment, li l-proġett inkwistjoni jaqa’ taħt l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-ħabitats, u li għalhekk kellu jkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni xierqa. Issa, skont Dryade, l-evalwazzjoni annessa man-notifika msemmija fil-punt 9 ta’ din is-sentenza ma tistax titqies bħala li tikkostitwixxi tali evalwazzjoni “xierqa”, peress li hija inkompleta u inadegwata.
13 Skont l-imsemmija assoċjazzjoni, il-kriterju tar-raġġ li fih il-livell tal-wiċċ tal-ilma ta’ taħt l-art jonqos b’ 1 cm, invokat mill-kumpannija X sabiex issostni li ma hemmx effetti negattivi sinjifikattivi ta’ dan il-proġett, huwa żbaljat u ma huwa bbażat fuq ebda bażi xjentifika. Minbarra dan, l-effetti kumulattivi tal-erba’ estrazzjonijiet oħra ta’ ilma ta’ taħt l-art li jinsabu ġewwa ż-ŻSK inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li testendi madwar il-punt ta’ teħid ikkonċernat, ma ttiħdux inkunsiderazzjoni. Barra minn hekk, Dryade tqis li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi traspożizzjoni żbaljata tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-ħabitats.
14 Min-naħa tagħha, il-kumpannija X issostni quddiem il-qorti tar-rinviju li, konformement ma’ din il-leġiżlazzjoni, l-obbligu li titwettaq evalwazzjoni xierqa japplika biss għall-proġetti suġġetti għal awtorizzazzjoni u mhux għal dawk suġġetti għal sempliċi obbligu ta’ notifika, bħall-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
15 Il-qorti tar-rinviju tirrileva li ċertu numru ta’ atti urbanistiċi u ta’ attivitajiet ikklassifikati, li qabel kienu suġġetti, skont id-dritt nazzjonali, għall-obbligu li tinkiseb awtorizzazzjoni, illum huma suġġetti għal sempliċi obbligu ta’ notifika. Għalhekk, skont din il-qorti, sa fejn il-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’, skont il-punt 1(a) tat-Taqsima 53.8 tal-Anness I tal-Vlaren, taħt it-tielet klassi, dan huwa suġġett biss għal obbligu ta’ notifika. Għalhekk, dan ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 36b(3) u (4) tad-Digriet dwar in-natura, li japplika biss għall-attivitajiet suġġetti għal awtorizzazzjoni. Issa, skont dawn id-dispożizzjonijiet, huma biss dawn l-attivitajiet tal-aħħar li għandhom ikunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni xierqa, meta dawn jistgħu jikkawżaw, individwalment jew flimkien ma’ attività waħda jew iktar, pjanijiet jew programmi eżistenti jew proposti, deprezzament sinjifikattiv tal-karatteristiċi naturali ta’ ŻSK. Għalhekk, il-proġetti suġġetti għal sempliċi obbligu ta’ notifika huma eżentati mill-obbligu li titwettaq evalwazzjoni xierqa, anki meta dawn jistgħu jikkawżaw tali deprezzament.
16 Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-leġiżlatur Fjamming b’hekk eżenta mill-obbligu li titwettaq evalwazzjoni xierqa, b’mod sistematiku, il-proġetti suġġetti għal obbligu ta’ notifika abbażi ta’ kriterji jew ta’ limiti stabbiliti minn qabel. Skont din il-qorti, ma jidhirx li dawn il-kriterji u dawn il-limiti huma bbażati fuq studji xjentifiċi li jippermettu li jiġi eskluż kull dubju fir-rigward tal-fatt li tali proġetti ma jistgħux jikkawżaw deterjorament sinjifikattiv tal-karatteristiċi naturali ta’ ŻSK.
17 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad voor Vergunningsbetwistingen (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Permessi) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva [dwar il-ħabitats] jipprekludi leġiżlazzjoni li tipprovdi li l-proġetti li ma jeħtiġux awtorizzazzjoni, permess jew approvazzjoni, iżda biss komunikazzjoni, bħalma hija l-estrazzjoni limitata tal-ilma minn taħt l-art, ma jkunux suġġetti għal obbligu ta’ tfassil ta’ evalwazzjoni xierqa, anki jekk dawn il-proġetti jista’ jkollhom impatt sinjifikattiv fuq l-integrità ta’ [ŻSK]?”
Fuq id-domanda preliminari
18 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-ħabitats għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teżenta mill-obbligu li titwettaq evalwazzjoni xierqa ċerti kategoriji ta’ pjanijiet jew ta’ proġetti abbażi ta’ kriterji u ta’ limiti stabbiliti minn qabel, meta dawn tal-aħħar ma jippermettux li jiġi eskluż li kull pjan jew proġett li jaqa’ taħt dawn il-kategoriji jista’, individwalment jew flimkien ma’ pjanijiet u proġetti oħra, ikollu effetti sinjifikattivi fuq ŻSK.
19 Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-ħabitats jimponi fuq l-Istati Membri sensiela ta’ obbligi u ta’ proċeduri speċifiċi maħsuba sabiex jiġu żgurati, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, iż-żamma jew, jekk ikun il-każ, l-istabbiliment mill-ġdid, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-ħabitats naturali u tal-ispeċi ta’ fawna u ta’ flora selvaġġa ta’ interess Komunitarju, sabiex jintlaħaq l-għan iktar ġenerali segwit mill-imsemmija direttiva, jiġifieri li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent tas-siti protetti skont l-istess direttiva (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen, C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 116 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
20 F’dan il-kuntest, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-ħabitats jipprevedi proċedura ta’ evalwazzjoni intiża sabiex tiggarantixxi, bis-saħħa ta’ kontroll minn qabel, li pjan jew proġett mhux direttament marbut jew meħtieġ għall-ġestjoni tas-sit ikkonċernat, iżda li jista’ jaffettwa lil dan tal-aħħar b’mod sinjifikattiv, jiġi awtorizzat biss kemm-il darba ma jaffettwax ħażin l-integrità ta’ dan is-sit (sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Eco Advocacy, C‑721/21, EU:C:2023:477, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).
21 Dan l-Artikolu 6(3) jiddistingwi bejn żewġ fażijiet fil-proċedura ta’ evalwazzjoni li huwa jipprevedi.
22 L-ewwel fażi, imsemmija fl-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, teżiġi mill-Istati Membri li jwettqu evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq sit protett fejn teżisti probabbiltà li dan il-pjan jew dan il-proġett jaffettwah b’mod sinjifikattiv. It-tieni fażi, imsemmija fit-tieni sentenza tal-imsemmija dispożizzjoni, li sseħħ wara din l-evalwazzjoni xierqa, tillimita l-awtorizzazzjoni ta’ tali pjan jew proġett għall-kundizzjoni li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit ikkonċernat, bla ħsara għall-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar il-ħabitats (sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Eco Advocacy, C‑721/21, EU:C:2023:477, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata), li ma huwiex rilevanti fil-kuntest ta’ din il-kawża.
23 F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li r-rekwiżit ta’ evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett previst fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-ħabitats huwa suġġett għall-kundizzjoni li jkun hemm probabbiltà jew riskju li jaffettwa s-sit ikkonċernat b’mod sinjifikattiv. Fid-dawl, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, jitqies li jeżisti tali riskju meta ma jkunx jista’ jiġi eskluż, abbażi tal-aqwa għarfien xjentifiku fil-qasam, li l-pjan jew il-proġett inkwistjoni jista’ jaffettwa l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit. L-evalwazzjoni tar-riskju għandha ssir, b’mod partikolari, fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-kundizzjonijiet ambjentali speċifiċi tas-sit ikkonċernat minn tali pjan jew proġett (sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Eco Advocacy, C‑721/21, EU:C:2023:477, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
24 Hija ġurisprudenza stabbilita li evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett timplika li, qabel l-approvazzjoni tiegħu, għandhom jiġu identifikati, fid-dawl tal-aqwa għarfien, l-aspetti kollha ta’ dan il-pjan jew ta’ dan il-proġett li jistgħu, waħedhom jew flimkien ma’ pjanijiet oħra jew ma’ proġetti oħra, jaffettwaw l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit protett. Din l-evalwazzjoni ma tistax tinkludi lakuni u għandha tinkludi konstatazzjonijiet kif ukoll konklużjonijiet kompleti, preċiżi u definittivi, ta’ natura li jneħħu kull dubju xjentifiku raġonevoli dwar l-effetti tax-xogħlijiet maħsuba fuq is-sit ikkunsidrat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Eco Advocacy, C‑721/21, EU:C:2023:477, punti 38 u 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
25 F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-ħabitats teżiġi, bħala regola ġenerali, l-eżami individwali tal-pjanijiet jew tal-proġetti (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, Coöperatie Mobilisation for the Environment et., C‑293/17 u C‑294/17, EU:C:2018:882, punt 94).
26 Il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, qieset li l-possibbiltà li ċerti attivitajiet jiġu eżentati b’mod ġenerali, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, min-neċessità ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit ikkonċernat ma hijiex ta’ natura li tiggarantixxi li dawn l-attivitajiet ma jaffettwawx ħażin l-integrità ta’ dan is-sit (sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑538/09, EU:C:2011:349, punti 41 u 42).
27 Għalhekk, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-ħabitats, Stat Membru ma jistax, bħala prinċipju, jeskludi, b’mod sistematiku u ġenerali, ċerti kategoriji ta’ pjanijiet jew ta’ proġetti mill-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq is-siti protetti, skont il-qasam ta’ attività jew permezz tal-istabbiliment ta’ skema dikjaratorja (sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑538/09, EU:C:2011:349, punt 45).
28 Huwa biss b’eċċezzjoni għal din ir-regola ġenerali li tista’ tiġi maħsuba l-applikazzjoni, minn Stat Membru, ta’ skema dikjaratorja li teskludi ċerti kategoriji ta’ pjanijiet jew ta’ proġetti mill-obbligu li titwettaq evalwazzjoni xierqa tal-effetti tagħhom fuq sit protett, bil-kundizzjoni madankollu li jintwera li d-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli jippermettu li jiġi eskluż, b’mod ċert, abbażi ta’ elementi oġġettivi, li kull pjan jew kull proġett suġġett għal din l-iskema jaffettwa sit protett b’mod sinjifikattiv, individwalment jew flimkien ma’ pjanijiet jew proġetti oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑538/09, EU:C:2011:349, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).
29 F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Artikolu 36b(3) tad-Digriet dwar in-natura jimponi obbligu li ssir evalwazzjoni xierqa biss fir-rigward tal-attivitajiet suġġetti għal awtorizzazzjoni li jistgħu jikkawżaw deprezzament sinjifikattiv tal-karatteristiċi naturali ta’ ŻSK. Skont din il-qorti, il-leġiżlatur Fjamming jeżenta għalhekk mit-twettiq ta’ evalwazzjoni xierqa, b’mod sistematiku, ċerti kategoriji ta’ proġetti suġġetti għal sempliċi obbligu ta’ notifika, iddefiniti skont kriterji jew limiti previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli.
30 B’mod partikolari, fir-rigward tal-proġetti ta’ estrazzjoni ta’ ilma ta’ taħt l-art, minn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali jirriżulta li dawn huma maqsuma fi tliet klassijiet differenti skont, essenzjalment, il-ġiri ta’ ilma tagħhom, il-fond tagħhom u s-sistema ta’ ppumpjar tal-bjar ikkonċernata u li huma biss il-proġetti li jaqgħu taħt l-ewwel u t-tieni klassi li huma suġġetti għal awtorizzazzjoni u għalhekk għall-obbligu li titwettaq evalwazzjoni xierqa prevista fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-ħabitats. It-tħaffir ta’ bjar li jaqa’, bħall-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali, taħt it-tielet klassi huwa suġġett biss għal sempliċi obbligu ta’ notifika u, għalhekk, huwa eżentat mill-obbligu li titwettaq evalwazzjoni xierqa.
31 Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 23 sa 28 ta’ din is-sentenza, tali kriterji u limiti jippermettux li jiġi eskluż, abbażi ta’ elementi oġġettivi, li kull pjan jew proġett suġġett għall-iskema inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaffettwa sit protett b’mod sinjifikattiv, kemm individwalment, kemm flimkien ma’ pjanijiet u proġetti oħra.
32 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li proġett anki ta’ daqs żgħir jista’ jkollu, individwalment jew flimkien ma’ pjanijiet u proġetti oħra, effetti notevoli fuq l-ambjent meta jkun jinsab f’post fejn il-fatturi ambjentali, bħall-fawna u l-flora, l‑art, l-ilma, il-klima jew il-patrimonju kulturali jkunu sensittivi għall-inqas bidla (sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑538/09, EU:C:2011:349, punt 55).
33 Fil-kuntest speċifiku ta’ proġetti ta’ użu tal-ilmijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tikkunsidra li l-fatt li dan huwa użu li jirrigwarda kwantitajiet żgħar ta’ ilma ma huwiex fih innifsu ta’ natura li jeskludi li parti minn dan l-użu jista’ jaffettwaw sit protett b’mod sinjifikattiv. Anke li jitqies li tali użu ta’ ilma ma jkollux effetti sinifikattivi fuq l-istat ta’ massa ta’ ilma, ma jsegwix li dan ma jistax ikollu effetti sinifikattivi fuq is-siti protetti viċini (sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑98/03, EU:C:2006:3, punt 44).
34 Għalhekk Stat Membru ma jistax jassumi li ċerti kategoriji ta’ pjanijiet jew ta’ proġetti, iddefiniti minn oqsma ta’ attività u minn dimensjonijiet tal-attivitajiet ikkonċernati, ikollhom, mid-definizzjoni tagħhom, impatt ftit importanti fuq siti protetti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑538/09, EU:C:2011:349, punt 56).
35 Fit-tieni lok, bla ħsara għall-verifiki li hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq, ma jidhirx li l-kriterji u l-limiti previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni li hija tipprevedi jippermettu t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ eventwali pjanijiet jew proġetti oħra, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw sit protett partikolari jew li jinsabu qrib iż-żona kkonċernata kif ukoll l-eventwali effetti kumulattivi tagħhom fuq dan is-sit. Fil-fatt, dawn il-kriterji u dawn il-limiti jirreferu għall-karatteristiċi tal-pjan jew tal-proġett ikkonċernat biss.
36 Issa, hekk kif jirriżulta espliċitament mill-formulazzjoni tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-ħabitats, din id-dispożizzjoni tapplika għall-pjanijiet jew għall-proġetti li, individwalment “jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra”, jistgħu jaffettwaw sit protett b’mod sinjifikattiv. Din id-dispożizzjoni hija għalhekk intiża sabiex tipprevjeni wkoll id-deterjorament ta’ ħabitats li jista’ jirriżulta mill-effetti kumulattivi ta’ diversi pjanijiet jew proġetti, inklużi dawk ta’ importanza limitata, iżda li jistgħu jiġu implimentati fl-istess ħin fuq l-istess sit protett jew qrib dan tal-aħħar.
37 F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher, bla ħsara għall-verifiki li l-qorti tar-rinviju għandha twettaq, li l-kriterji u l-limiti previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jippermettux li jiġi eskluż li kull pjan jew proġett suġġett għall-iskema prevista minn din il-leġiżlazzjoni u eżentat mill-obbligu li titwettaq evalwazzjoni xierqa jista’ jaffettwa sit protett b’mod sinjifikattiv, individwalment jew flimkien ma’ pjanijiet u proġetti oħra.
38 Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti tal-Gvern Belġjan li skont dawn, l-ewwel nett, dispożizzjonijiet nazzjonali oħra, b’mod partikolari dawk adottati konformement mal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-ħabitats, huma ta’ natura li jpaċu l-assenza ta’ obbligu li ssir evalwazzjoni xierqa fid-dawl tal-pjanijiet jew tal-proġetti suġġetti għal sempliċi obbligu ta’ notifika, minkejja li dawn jistgħu jaffettwaw b’mod sinjifikattiv sit protett, it-tieni nett, l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti jistgħu jirrifjutaw li jirrikonoxxu notifika jew iżidu ċerti kundizzjonijiet mad-deċiżjonijiet tagħhom, u, it-tielet nett, dispożizzjonijiet kriminali nazzjonali jkunu applikabbli f’każ ta’ eżekuzzjoni ta’ attivitajiet suġġetti għal obbligu ta’ notifika meta dawn jistgħu jkollhom effett sinjifikattiv fuq ŻSK.
39 F’dan ir-rigward, hemm lok, l-ewwel nett, li jitfakkar li, għalkemm l-Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva dwar il-ħabitats jifforma unità koerenti fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni intiżi minn din id-direttiva sa fejn huma intiżi li jiżguraw l-istess livell ta’ protezzjoni tal-ħabitats naturali u tal-ħabitats tal-ispeċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, People Over Wind u Sweetman, C‑323/17, EU:C:2018:244, punt 24), xorta jibqa’ l-fatt li dawn għandhom għan differenti. Fil-fatt, dan il-paragrafu 2 jistabbilixxi obbligu ta’ protezzjoni ġenerali, li jikkonsisti li jiġu evitati deterjoramenti kif ukoll tfixkil li jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fid-dawl tal-għanijiet tal-imsemmija direttiva, filwaqt li dan il-paragrafu 3 jipprevedi proċedura ta’ evalwazzjoni intiża li tiggarantixxi, permezz ta’ kontroll minn qabel, li pjan jew proġett mhux direttament marbut jew neċessarju għall-ġestjoni tas-sit ikkonċernat, iżda li jista’ jaffettwa lil dan tal-aħħar b’mod sinjifikattiv, ikun awtorizzat biss jekk dan ma jaffettwax ħażin l-integrità ta’ dan is-sit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelsbeschermingvereniging, C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 38). L-imsemmija paragrafu 2 u 3 għandhom għalhekk portata differenti u għaldaqstant ma jistgħux jiġu konfużi, taħt piena li jiġi kompromess l-effett utli rispettiv tagħhom.
40 Minn dan isegwi li l-adozzjoni ta’ miżuri nazzjonali skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-ħabitats ma tippermettix li jitqies li r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva huma ssodisfatti.
41 It-tieni nett, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, minn naħa, li, hekk kif tfakkar fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, il-kompetenza tal-amministrazzjoni sabiex tirrifjuta t-twettiq ta’ pjan jew ta’ proġett jew sabiex iżżid kundizzjonijiet mal-kunsens tagħha fuq dan il-pjan jew dan il-proġett taqa’ taħt it-tieni fażi msemmija f’dan il-punt 22, imsemmija fit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-ħabitats, u għalhekk ma hijiex rilevanti fil-kuntest tal-ewwel fażi msemmija fl-imsemmi punt 22, dwar il-kundizzjonijiet applikabbli għall-evalwazzjoni xierqa prevista f’din l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3). Issa, hija preċiżament din l-ewwel sentenza li hija s-suġġett ta’ din il-kawża.
42 It-tielet nett, hekk kif tfakkar fil-punti 20 u 39 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-ħabitats jipprevedi proċedura ta’ evalwazzjoni bbażata fuq kontroll minn qabel. Għalhekk, il-possibbiltà, prevista mid-dritt nazzjonali, li jiġu imposti sanzjonijiet, inklużi penali, meta l-projbizzjoni li jiġu eżerċitati attivitajiet suġġetti għal obbligu ta’ notifika u li jkollhom effett sinjifikattiv fuq ŻSK ma tiġix osservata, hija wkoll irrilevanti.
43 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-ħabitats għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teżenta mill-obbligu li titwettaq evalwazzjoni xierqa ċerti kategoriji ta’ pjanijiet jew ta’ proġetti abbażi ta’ kriterji u ta’ limiti stabbiliti minn qabel, meta dawn tal-aħħar ma jippermettux li jiġi eskluż, b’mod ċert, abbażi ta’ elementi oġġettivi, li dawn il-pjanijiet jew dawn il-proġetti jistgħu, individwalment jew flimkien ma’ pjanijiet u proġetti oħra, ikollhom effetti sinjifikattivi fuq ŻSK.
Fuq l-ispejjeż
44 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (Ir‑Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teżenta mill-obbligu li titwettaq evalwazzjoni xierqa ċerti kategoriji ta’ pjanijiet jew ta’ proġetti abbażi ta’ kriterji u ta’ limiti stabbiliti minn qabel, meta dawn tal-aħħar ma jippermettux li jiġi eskluż, b’mod ċert, abbażi ta’ elementi oġġettivi, li dawn il-pjanijiet jew dawn il-proġetti jistgħu, individwalment jew flimkien ma’ pjanijiet u proġetti oħra, ikollhom effetti sinjifikattivi fuq żona speċjali ta’ konservazzjoni.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.