|
13.6.2006 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
75 |
POŻIZZJONI KOMUNI TAL-KUNSILL 2005/69/ĠAI
ta' l-24 ta' Jannar 2005
dwar l-iskambju ta’ ċerta data ma’ l-Interpol
IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 30 (1)(b) u 34 (2)(a) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Wieħed mill-għanijiet ta’ l-Unjoni huwa li tipprovdi liċ-ċittadini b’livell għoli ta’ sigurezza f’żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Koperazzjoni eqreb bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-infurzar tal-liġi ta’ l-Istati Membri hija essenzjali għall-kisba ta’ dak il-għan. |
|
(2) |
Il-protezzjoni ta’ l-Unjoni kontra theddid minn kriminalità internazzjonali u organizzata, inkluż it-terroriżmu, teħtieġ li azzjoni komuni tinkludi l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ l-infurzar tal-liġi ta’ l-Istati Membri kompetenti fi kwistjonijiet kriminali, kif ukoll ma’ sieħba internazzjonali. |
|
(3) |
Passaporti misruqa wara li jkunu nħarġu u dawk misruqa meta vojta, dawk mitlufa jew misapproprjati huma wżati biex jiġi evitat l-infurzar tal-liġi bl-għan li jiġu mwettqa attivitajiet illeċiti li huma kapaċi jpoġġu f’periklu s-sigurtà ta’ l-Unjoni u ta’ kull wieħed mill-Istati Membri. Azzjoni bis-sens tista’ tittieħed biss fuq il-livell ta’ l-Unjoni minħabba n-natura tat-theddida. Azzjoni mill-Istati Membri individwalment ma’ tkunx tista’ tikseb l-għan imsemmi hawn qabel. Din il-Pożizzjoni Komuni ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dak il-għan. |
|
(4) |
L-Istati Membri kollha huma affiljati ma’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija Kriminali – Interpol. Biex twettaq il-missjoni tagħha, l-Interpol tirċievi, taħżen, u tiċċirkola data biex tassisti l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-infurzar tal-liġi biex jipprevjenu u jiġġieldu l-kriminalità internazzjonali. Id-database ta’ l-Interpol dwar Dokumenti ta’ l-Ivvjaġġar Misruqa tippermetti lill-membri ta’ l-Interpol biex jikkondividu d-data dwar passaporti misruqa u mitlufa. |
|
(5) |
Il-Kunsill Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2004, fid-Dikjarazzjoni tiegħu dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, ta struzzjonijiet lill-Kunsill biex imexxi ’l quddiem xogħol dwar il-ħolqien sa l-aħħar ta’ l-2005 ta’ sistema integrata għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar passaporti misruqa u mitlufa b’rikors għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) u d-database ta’ l-Interpol. Din il-Pożizzjoni Komuni hija l-ewwel risposta għal dik it-talba li għandha tiġi segwita bl-istabbiliment tal-funzjonalità teknika fis-SIS biex jinkiseb dak il-għan. |
|
(6) |
L-iskambju tad-data ta’ l-Istati Membri dwar passaporti misruqa, mitlufa jew misapproprjati mad-database ta’ l-Interpol dwar id-Dokumenti ta’ l-Ivvjaġġar Misruqa kif ukoll l-ipproċessar ta’ din id-data, iridu jirrispettaw regoli applikabbli għall-protezzjoni tad-data kemm ta’ l-Istati Membri individwali kif ukoll ta’ l-Interpol. |
|
(7) |
Din il-Pożizzjoni Komuni tobbliga lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jiskambjaw id-data msemmija hawn qabel mad-database ta’ l-Interpol dwar Dokumenti ta’ l-Ivvjaġġar Misruqa, b’mod parallel mad-dħul tagħhom fid-database nazzjonali rilevanti, u s-SIS, fir-rigward ta’ l-Istati Membri parteċipanti fiha. L-obbligu jirriżulta mill-mument li fih l-awtoritajiet nazzjonali jsiru konxji tas-serq, it-telf jew il-misapproprjazzjoni. Ħtieġa oħra li tiġi stabbilita l-infrastruttura meħtieġa biex tiffaċilita l-konsultazzjoni tad-database ta’ l-Interpol tirrikonoxxi r-rilevanza ta’ l-infurzar tal-liġi ta’ din ta’ l-aħħar. |
|
(8) |
Il-kondizzjonijiet ta’ l-iskambju għandhom jiġu miftiehma ma’ l-Interpol sabiex jiġi żgurat li d-data skambjata ser tirrispetta l-prinċipji tal-protezzjoni tad-data li jinsabu fil-qalba ta’ l-skambju tad-data fi ħdan l-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-iskambju u l-ipproċessar awtomatiku ta’ tali data. |
|
(9) |
Din il-Pożizzjoni Komuni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, |
ADOTTA DIN IL-POŻIZZJONI KOMUNI:
Artikolu 1
Għan
L-għan ta’ din il-Pożizzjoni Komuni huwa l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità serja u organizzata inkluż it-terroriżmu, billi jiġi żgurat li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex itejbu l-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tagħhom ta’ l-infurzar tal-liġi u bejniethom u tali awtoritajiet f’Pajjiżi terzi permezz ta’ l-iskambju ta’ data tal-passaporti ma’ l-Interpol.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-fini ta' din il-Pożizzjoni Komuni, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:
|
1. |
“Data tal-passaporti” għandha tfisser data fuq passaporti misruqa wara li jkunu nħarġu u dawk misruqa meta vojta, dawk mitlufa jew misapproprjati u fformatjati għal integrazzjoni f’sistema speċifika ta’ informazzjoni. Data tal-passaporti li tiġi skambjata mad-database ta’ l-Interpol għandha tikkonsisti biss min-numru tal-passaport, il-pajjiż ta’ ħruġ u t-tip ta’ dokument. |
|
2. |
“Database ta’ l-Interpol” għandha tfisser il-Faċilità ta’ Tfittxija Awtomatika – id-database tad-Dokumenti ta’ l-Ivvjaġġar Misruqa amministrata mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija Kriminali – Interpol. |
|
3. |
“Database nazzjonali rilevanti” għandha tfisser id-database jew id-databases tal-pulizija jew ġudizzjarja/i fi Stat Membru li fihom data passaporti misruqa wara li jkunu nħarġu u dawk misruqa meta vojta, dawk li huma mitlufa jew misapproprjati. |
Artikolu 3
Azzjoni komuni
1. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-infurzar tal-liġi ta’ l-Istati Membri għandhom jiskambjaw id-data kollha preżenti u futura ma’ l-Interpol. Huma għandhom jikkondividuhom biss ma’ membri oħra ta’ l-Interpol li jiżguraw livell adegwat ta’ protezzjoni ta’ data personali. Għandu wkoll jiġi żgurat li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali dwar l-ipproċessar awtomatiku ta’ data personali għandhom jiġu rispettati. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li għandhom jikkondividu d-data tagħhom biss ma’ membri oħra ta’ l-Interpol li jkunu impenjaw ruħhom li jiskambjaw ta’ l-inqas l-istess data.
2. Kull Stat Membri jista’, soġġett għall-ħtiġiet stabbiliti fil-paragrafu 1, jiftiehem ma’ l-Interpol dwar il-modalitajiet għall-iskambju tad-data tal-passaporti preżenti kollha fil-pussess tiegħu ma’ l-Interpol. Tali data tinsab fid-database nazzjonali rilevanti, jew jekk jieħu sehem, fis-SIS.
3. Kull Stat Membru għandu jiżgura li minnufih wara li data tkun ġiet imdaħħla fid-database nazzjonali rilevanti tagħha jew, jekk jieħu sehem, fis-SIS, din id-data hija skambjata wkoll ma’ l-Interpol.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom ta’ l-infurzar tal-liġi jikkonsultaw id-database ta’ l-Interpol għall-finijiet ta’ din il-Pożizzjoni Komuni kull darba li jkun xieraq għat-twettiq tal-kompitu tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jistabbilixxu l-infrastrutturi meħtieġa biex jiffaċilitaw il-konsultazzjoni mill-aktar fis possibbli imma sa mhux iżjed tard minn Diċembru 2005.
5. L-iskambju tad-data personali b’mod konformi ma’ l-obbligu stabbilit f’din il-Pożizzjoni Komuni għandu jseħħ għall-għan stabbilit fl-Artikolu 1, b’hekk jiġi żgurat livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data personali fil-Pajjiż Membru ta’ l-Interpol rilevanti u r-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali dwar l-ipproċessar awtomatiku ta’ data personali. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iskambju u l-kondiviżjoni ta’ data jseħħu bil-kondizzjonijiet xierqa u soġġetti għar-rekwiżiti ta’ hawn fuq.
6. Kull Stat Membru għandu jiżgura li jekk identifikazzjoni pożittiva (“hit”) isseħħ mad-database ta’ l-Interpol l-awtoritajiet kompetenti tiegħu għandhom jieħdu azzjoni skond il-liġi nazzjonali tagħhom, per eżempju jivverifikaw, meta xieraq, il-korrettezza tad-data mal-pajjiż li introduċa d-data.
Artikolu 4
Monitoraġġ u valutazzjoni
Abbażi ta’ l-informazzjoni provduta mill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha, sa Diċembru 2005, tissottometti rapport lill-Kunsill dwar l-operat ta’ din il-Pożizzjoni Komuni. Il-Kunsill għandu jistma sa liema punt l-Istati Membri jikkonformaw ma’ din il-Pożizzjoni Komuni u jieħu l-azzjoni xierqa.
Artikolu 5
Dħul b’effett
Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tkun b’effett mid-data ta’ l-adozzjoni tagħha.
Artikolu 6
Pubblikazzjoni
Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Magħmula fi Brussel, nhar il-24 ta' Jannar 2005.
Għall-Kunsill
Il-President
F. BODEN