Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

22 ta’ Ottubru 2026 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern tal-elettriku – Regolament (UE) 2022/1854 – Intervent ta’ emerġenza biex jilqa’ għall-prezzijiet għoljin tal-enerġija – Artikolu 6(1) – Artikolu 8(1)(a) u (2) – Limitu massimu fuq id-dħul miksub mis-suq imwettaq mill-produtturi tal-elettriku li jużaw ċerti sorsi ta’ enerġija – Limitu massimu nazzjonali inqas minn EUR 180 għal kull megawatt siegħa (MWh) ta’ elettriku ġġenerat – Ammissibbiltà – Limitu massimu ddifferenzjat skont l-eżistenza jew le, fit‑8 ta’ Ottubru 2022, ta’ kuntratt ta’ kumpens permezz ta’ primjums li jorbot lill-produttur ikkonċernat – Proporzjonalità u nondiskriminazzjoni – Assenza ta’ informazzjoni suffiċjenti – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża C‑187/25,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad Plovdiv (il-Qorti Amministrattiva ta’ Plovdiv, Il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Marzu 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Marzu 2025, fil-proċedura

“EVN Bulgaria Renewables” EOOD

vs

Direktor na Teritorialna direktsia Plovdiv na Natsionalnata agentsia za prihodite,

fil-preżenza ta’:

Okrazhna prokuratura gr. Plovdiv,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn I. Jarukaitis (Relatur), President tar-Raba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tad-Disa’ Awla (Relatur), N. Jääskinen u M. Condinanzi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Biondi,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal “EVN Bulgaria Renewables” EOOD, minn G. Petkova, advokat,

–        għad-Direktor na Teritorialna direktsia Plovdiv na Natsionalnata agentsia za prihodite, minn P. Georgiev,

–        għall-Gvern Irladiż, minn M. Browne, Chief State Solicitor, S. Finnegan u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn C. Donnelly, SC, u S. Brittain, BL,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn O. Beynet, T. Scharf u I. Zaloguin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) kif ukoll tal-Artikolu 8(1)(a) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1854 tas‑6 ta’ Ottubru 2022 dwar intervent ta’ emerġenza biex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-enerġija (ĠU 2022, L 261 I, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn “EVN Bulgaria Renewables” EOOD (iktar ’il quddiem “EVN”) u d-Direktor na Teritorialna direktsia Plovdiv na Natsionalnata agentsia za prihodite (id-Direttur tad-Direttorat Territorjali ta’ Plovdiv tal-Aġenzija Nazzjonali għad-Dħul Pubbliku, il-Bulgarija) (iktar ’il quddiem l-“awtorità tat-taxxa”) dwar il-legalità ta’ avviż tat-taxxa.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 12, 25 u 46 tar-Regolament 2022/1854 kienu jipprovdu:

“(12)      [...] Obbligu uniformi li s-surplus tad-dħul jingħadda lill-konsumaturi jippermetti lill-Istati Membri kollha jipproteġu lill-konsumaturi tagħhom L-effett pożittiv fuq il-prezzijiet tal-enerġija jkollu impatt pożittiv fuq is-suq tal-enerġija interkonness tal-Unjoni [Ewropea] u jgħin ukoll biex titnaqqas ir-rata tal-inflazzjoni. [...]

[...]

(25)      F’sitwazzjoni fejn il-konsumaturi jkunu esposti għal prezzijiet estremament għoljin li jagħmlu ħsara wkoll lill-ekonomija tal-Unjoni, huwa neċessarju li b’mod temporanju jiġi limitat id-dħul straordinarju tas-suq tal-produtturi b’kostijiet marġinali aktar baxxi, billi jiġi applikat limitu massimu fuq id-dħul tas-suq miksub mill-bejgħ tal-elettriku fl-Unjoni.

[...]

(46)      L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li s-surplus tad-dħul li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-limitu massimu fuq is-suq mid-dħul fil-qasam tal-elettriku jingħadda lill-klijenti finali tal-elettriku biex jittaffa l-impatt ta’ prezzijiet eċċezzjonalment għoljin tal-elettriku. Is-surplus tad-dħul jenħtieġ li jiġi mmirat lejn il-klijenti, inkluż l-unitajiet domestiċi u l-kumpaniji, li huma partikolarment affettwati mill-prezzijiet għoljin tal-elettriku. [...] ”

4        Skont l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi intervent ta’ emerġenza biex jittaffew l-effetti tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija permezz ta’ miżuri eċċezzjonali, immirati u limitati fiż-żmien. Dawk il-miżuri għandhom l-għan li [...] jintroduċu limitu fuq id-dħul mis-suq li ċerti produtturi jirċievu mill-ġenerazzjoni tal-elettriku u jqassmu mill-ġdid lill-klijenti finali tal-elettriku, [...] biex jikkontribwixxu għall-affordabbiltà tal-enerġija għall-unitajiet domestiċi u għall-kumpaniji. ”

5        L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, intitolat “Limitu massimu obbligatorju fuq id-dħul mis-suq”, kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Id-dħul mis-suq tal-produtturi miksub mill-ġenerazzjoni tal-elettriku mis-sorsi msemmija fl-Artikolu 7(1) għandu jkun limitat għal massimu ta’ [...]180 [euro] għal kull [megawatt siegħa (MWh)] ta’ elettriku prodott. ”

6        L-Artikolu 7 tal-istess regolament, intitolat “Applikazzjoni tal-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq tal-produtturi tal-elettriku”, kien jipprovdi:

“1.      Il-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq previst fl-Artikolu 6 għandu japplika għad-dħul mis-suq miksub mill-bejgħ tal-elettriku ġġenerat mis-sorsi li ġejjin:

(a)      l-enerġija mir-riħ;

[...]

2.      Il-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq previst fl-Artikolu 6(1) ma għandux japplika għal [...] produtturi li d-dħul tagħhom għal kull MWh ta’ elettriku prodott ikun diġà limitat bħala riżultat ta’ miżuri Statali jew pubbliċi mhux adottati skont l-Artikolu 8.

[...]

4.      L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq ma japplikax għad-dħul miksub mill-bejgħ tal-elettriku fis-suq tal-enerġija tal-ibbilanċjar [...]

[...]”

7        L-Artikolu 8 tar-Regolament 2022/1854, intitolat “Miżuri nazzjonali ta’ kriżi”, kien jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri jistgħu:

(a)      iżommu jew jintroduċu miżuri li jillimitaw aktar id-dħul mis-suq tal-produtturi li jiġġeneraw l-elettriku mis-sorsi elenkati fl-Artikolu 7(1) [...] ;

(b)      jistabbilixxu limitu massimu ogħla fuq id-dħul mis-suq għall-produtturi li jiġġeneraw l-elettriku mis-sorsi elenkati fl-Artikolu 7(1), dment li l-investimenti u l-kostijiet operattivi tagħhom jaqbżu l-massimu stabbilit fl-Artikolu 6(1);

[...]

(d)      jistabbilixxu limitu massimu speċifiku fuq id-dħul mis-suq miksub mill-bejgħ tal-elettriku prodott mill-faħam iebes;

[...]

2.      Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom, f’konformità ma’ dan ir-Regolament:

(a)      ikunu proporzjonati u mhux diskriminatorji;

(b)      ma jipperikolawx is-sinjali ta’ investiment;

(c)      jiżguraw li l-investimenti u l-ispejjeż operattivi jkunu koperti;

(d)      ma jfixklux il-funzjonament tas-swieq tal-operaturi tal-elettriku, u b’mod partikolari, ma jaffettwawx l-ordni tal-mertu u l-formazzjoni tal-prezzijiet fis-suq tal-operaturi;

(e)      ikunu kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.”

8        Skont l-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dħul fis-seħħ u applikazzjoni”:

“1.      Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.      Mingħajr preġudizzju għall-obbligu li tiġi żgurata d-distribuzzjoni tas-surplus tad-dħul f’konformità mal-Artikolu 10, [...] dan ir-Regolament għandu japplika sal‑31 ta’ Diċembru 2023, soġġett għal dan li ġej:

[...]

(c)      l-Artikoli 6, 7, u 8 għandhom japplikaw mill‑1 ta’ Diċembru 2022 sat‑30 ta’ Ġunju 2023;

[...]”

 Id-dritt Bulgaru

 Il-Liġi dwar l-Enerġija ġġenerata minn Sorsi Rinnovabbli

9        Iż-Zakon za energiyata ot vazobnovyaemi iztochnitsi (il-Liġi dwar l-Enerġija Rinnovabbli) (DV Nru 35, tat‑3 ta’ Mejju 2011), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (DV Nru 29, tal‑10 ta’ April 2012), tipprevedi, fl-Artikolu 31 tagħha:

“(1)      L-elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli għandu jinxtara mill-fornitur pubbliku jew mill-fornituri finali bil-prezz preferenzjali ffissat mid-Darzhavna Komisia za energiyno i vodno regulirane [(il-Kummissjoni Statali li Tirregola l-Enerġija u l-Ilma, il-Bulgarija), li saret il-Komisia za energiyno i vodno regulirane (il-Kummissjoni Regolatorja tal-Enerġija u tal-Ilma, il-Bulgarija) (iktar ’il quddiem il-‘KEVR’)], b’effett mid-data tat-tqegħid fis-servizz [...] tal-impjant ta’ produzzjoni tal-elettriku [...]

(2)      L-elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli, imsemmi fil-paragrafu 1, għandu jinxtara abbażi ta’ kuntratti ta’ xiri għal żmien twil konklużi għal perijodu ta’:

[...]

2.      tnax-il sena, għall-elettriku ġġenerat minn enerġija eolika;

[...]”

 Il-Liġi dwar l-Enerġija u l-Liġi li Temenda u Tikkompleta l-Liġi dwar l-Enerġija

10      Iż-Zakon za energetikata (il-Liġi dwar l-Enerġija) (DV Nru 107, tad‑9 ta’ Diċembru 2003) ġiet emendata diversi drabi, b’mod partikolari biż-Zakon za izmenenie i dopalnenie na zakona za energetikata (il-Liġi li temenda u tikkompleta l-Liġi dwar l-Enerġija) (DV Nru 38, tat‑8 ta’ Mejju 2018). Din tal-aħħar tipprevedi, fil-paragrafu 68 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali tagħha:

“(1)      Sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Ottubru 2018, il-produtturi tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli f’impjanti tal-elettriku b’kapaċità installata totali ta’ 4 [megawatt (MW)] u ta’ iktar minn 4 MW għandhom jikkonkludu mal-Fond ‘Sigurnost na elektroenergiynata sistema’ [Fond għas-“Sigurtà tas-Sistema tal-Elettriku”, il-Bulgarija (iktar ’il quddiem il-“FSSE”)] kuntratt ta’ kumpens bi primjums għall-kwantitajiet ta’ elettriku li huma jiġġeneraw sal-produzzjoni speċifika netta tagħhom, li abbażi tagħha ġie ffissat il-prezz preferenzjali tagħhom. Il-kuntratti ta’ kumpens permezz ta’ primjums għandhom jidħlu fis-seħħ sal‑1 ta’ Jannar 2019.

(2)      Il-primjum huwa ddeterminat kull sena mill-[KEVR], sa mhux iktar tard mit‑30 ta’ Ġunju, bħala differenza bejn il-prezz preferenzjali jew il-prezz preferenzjali aġġornat tal-impjant, iddeterminat qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, u l-prezz tas-suq stmat għall-elettriku ġġenerat minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, iddeterminat għal dan il-perijodu skont is-sors ta’ enerġija primarja.

[...]

(4)      Il-primjum jingħata sal-iskadenza tal-kuntratt ta’ xiri għal żmien twil ikkonċernat [...], konkluż qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi.

[...]

(8)      Mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-kuntratt imsemmi fil-punt 1, il-kuntratt ta’ xiri tal-produttur ikkonċernat, imsemmi fil-punt 1, konkluż qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, jitqies li ntemm u l-fornitur pubbliku, jew il-fornituri finali, ma għandhomx jixtru bi prezz preferenzjali l-elettriku ġġenerat minn dan il-produttur.

(9)      Mill‑1 ta’ Lulju 2018 sad-dħul fis-seħħ tal-kuntratt imsemmi fil-punt 1, il-fornitur pubbliku għandu jixtri l-elettriku bi prezzijiet preferenzjali mingħand il-produtturi msemmija fil-punt 1 konnessi man-network ta’ trażmissjoni tal-elettriku.

[...]”

11      Id-dispożizzjonijiet komplementari tal-Liġi dwar l-Enerġija, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprevedu, fl-Artikolu 1(42) tagħhom:

“Għall-finijiet ta’ din il-liġi:

[...]

42.      ‘Il-prezz tas-suq stmat għal kull grupp ta’ produtturi abbażi tas-sors ta’ enerġija primarja huwa l-prezz annwali medju ponderat iddeterminat mill-[KEVR] skont il-modalitajiet rilevanti għall-elettriku prodott mill-enerġija solari, mill-enerġija eolika, mill-impjanti idroelettriċi b’kapaċità installata ta’ 10 MW jew inqas, mill-bijomassa, minn tipi oħra ta’ sorsi rinnovabbli u, għall-elettriku ġġenerat mill-produzzjoni konġunta ta’ sħana u ta’ elettriku b’effiċjenza għolja, mill-gass naturali u mill-faħam.”

 Il-Liġi ta’ Applikazzjoni tal-Liġi Finanzjarja tal‑2022

12      Iż-Zakon za prilagane na razporedbi na Zakona za darzhavnia byudzhet na Republika Bulgaria za 2022 g., Zakona za byudzheta na darzhavnoto obshtestveno osiguryavane za 2022 g. i Zakona za byudzheta na Natsionalnata zdravnoosiguritelna kasa za 2022 g. (il-Liġi dwar l-Applikazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-Liġi Finanzjarja tar-Repubblika tal-Bulgarija għall‑2022, tal-Liġi dwar il-Baġit għall-Assigurazzjoni Soċjali tal-Istat għall‑2022 u tal-Liġi dwar il-Baġit tal-Fond Nazzjonali tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa), (DV Nru 104, tat‑30 ta’ Diċembru 2022) fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi ta’ Applikazzjoni tal-Liġi Finanzjarja tal‑2022”), tipprevedi, fil-paragrafu 8 tad-dispożizzjonijiet tranżizzjonali u finali tagħha:

“(1)      Il-produtturi tal-elettriku li għandhom impjanti ta’ produzzjoni tal-elettriku b’kapaċità installata ta’ iktar minn 1 MW, li d-dħul tagħhom mis-suq joriġina mill-bejgħ tal-elettriku ġġenerat minn sorsi msemmija fl-Artikolu 7(1) tar-[Regolament 2022/1854], [...] għandhom iħallsu lill-[FSSE] kontribuzzjonijiet allokati li jirrappreżentaw id-differenza pożittiva bejn id-dħul miksub mis-suq, mingħajr it-taxxa fuq il-valur miżjud [(VAT)], u l-limitu massimu ta’ dħul stabbilit, ikkalkolat billi jiġu applikati l-valuri għat-tip ta’ produttur ikkonċernat, b’perijodu ta’ kunsinna mill‑1 ta’ Diċembru 2022 sat‑30 ta’ Ġunju 2023, bl-eċċezzjoni tat-tranżazzjonijiet tal-enerġija tal-ibbilanċjar neċessarji sabiex ikopru l-ħtiġijiet ta’ bbilanċjar tas-sistema tal-elettriku mill-kumpannija ESO (Elektroenergien sistemen operator [operatur tas-sistema tal-elettriku]) EAD. L-ammont tal-kontribuzzjoni allokata għandu jiġi kkalkolat għal kull tranżazzjoni.

(2)      Il-valuri użati għall-kalkolu tal-limitu massimu tad-dħul għat-tip ta’ produttur ikkonċernat, fis-sens tal-punt 1, għandhom jiġu ddeterminati b’deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministerski savet [(il-Kunsill tal-Ministri (il-Bulgarija)].

(3)      Il-produtturi li għandhom impjanti ta’ produzzjoni tal-elettriku b’kapaċità installata ta’ iktar minn 1 MW, detenturi ta’ kuntratt ta’ kumpens permezz ta’ primjums fis-seħħ fit‑8 ta’ Ottubru 2022, li d-dħul tagħhom miksub mis-suq joriġina mill-bejgħ tal-elettriku ġġenerat minn sorsi msemmija fl-Artikolu 7(1) tar-[Regolament 2022/1854], għandhom iħallsu lill-[FSSE] kontribuzzjonijiet allokati fuq id-dħul miksub mis-suq għal kull tranżazzjoni konkluża bi prezzijiet liberament innegozjati, mingħajr [VAT], b’perijodu ta’ kunsinna mill‑1 ta’ Diċembru 2022 sat‑30 ta’ Ġunju 2023, bl-eċċezzjoni tat-tranżazzjonijiet fuq l-enerġija tal-ibbilanċjar. L-ammont tal-kontribuzzjoni allokata ta’ kull tranżazzjoni huwa kkalkolat kif ġej:

1.      id-differenza pożittiva bejn id-dħul miksub mis-suq bi prezzijiet liberament innegozjati (prezz tas-suq miksub) li joriġina mit-tranżazzjoni kkonċernata, mingħajr [VAT], u l-limitu massimu ta’ dħul stabbilit, ikkalkolat billi jiġi applikat il-prezz tas-suq stmat skont id-deċiżjoni dwar il-prezz maħruġa mill-[KEVR], li tiffissa l-primjum fis-seħħ għall-produttur ikkonċernat, għall-produtturi li għalihom l-ammont ta’ dan il-primjum huwa differenti minn BGN 0.00 għal kull MWh, mingħajr [VAT], u

2.      90 % tad-differenza pożittiva bejn id-dħul miksub mis-suq bi prezzijiet liberament innegozjati (prezz tas-suq miksub) li joriġina mit-tranżazzjoni kkonċernata, mingħajr [VAT], u l-limitu massimu ta’ dħul stabbilit, ikkalkolat billi jiġi applikat il-prezz preferenzjali ddeterminat mid-deċiżjoni tal-[KEVR] konformement mal-kuntratt ta’ kumpens permezz ta’ primjums, għall-produtturi li għalihom l-ammont iffissat tal-primjum fis-seħħ huwa ta’ BGN 0.00 għal kull MWh mingħajr [VAT].

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13      EVN hija produttur tal-elettriku li għandha s-sede tagħha fil-Bulgarija. Hija proprjetarja ta’ impjant ta’ ġenerazzjoni ta’ enerġija eolika li jinsab f’Kavarna (il-Bulgarija), b’kapaċità installata totali ta’ 16-il MW, li beda’ jopera fit‑8 ta’ Ġunju 2012. Skont l-Artikolu 31 tal-Liġi dwar l-Enerġija ġġenerata minn Sorsi Rinnovabbli, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, EVN ikkonkludiet, fit‑28 ta’ Ġunju 2012, kuntratt ta’ xiri tal-elettriku ġġenerat minn dan l-impjant ma’ Natsionalna elektricheska kompaniya AD (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ xiri tal-elettriku”), għall-perijodu sat‑28 ta’ Ġunju 2024, bi prezz preferenzjali ta’ BGN 191 (madwar EUR 98) għal kull MWh.

14      Wara emendi leġiżlattivi għall-iskema ta’ xiri ta’ elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli, dan il-kuntratt ġie ssostitwit b’kuntratt ta’ kumpens permezz ta’ primjums, konkluż fit‑28 ta’ Settembru 2018, u l-kuntratt ta’ xiri tal-elettriku ġie tterminat, skont il-punt 8 tal-paragrafu 68 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali tal-Liġi li temenda u tikkompleta l-Liġi dwar l-Enerġija. Skont dan il-kuntratt ta’ kumpens permezz ta’ primjums, il-FSSE huwa obbligat iħallas lil EVN primjum għall-kwantità ta’ elettriku ġġenerat mill-impjant eoliku ta’ Kavarna li għalih EVN wettqet tranżazzjonijiet fis-suq tal-enerġija tal-ibbilanċjar. Il-primjum tal-elettriku għal kull MWh jikkorrispondi għad-differenza bejn il-prezz preferenzjali previst mill-kuntratt ta’ xiri tal-elettriku u l-prezz stmat, li huwa ffissat għall-perijodu kkonċernat minn deċiżjoni tal-KEVR.

15      L-aħħar primjum skont l-imsemmi kuntratt ta’ kumpens permezz ta’ primjums tħallas lil EVN għax-xahar ta’ Ottubru 2021. Wara dan ix-xahar, il-prezz stmat iffissat mill-KEVR qabeż il-prezz preferenzjali previst mill-kuntratt ta’ xiri tal-elettriku. Konsegwentement, il-primjum għall-elettriku ġġenerat minn dan l-impjant ġie ffissat għal BGN 0 għal kull MWh.

16      Peress li qieset li l-kuntratt ta’ kumpens permezz ta’ primjums kien intemm fit‑30 ta’ Novembru 2021, EVN ħallset kontribuzzjonijiet allokati konformement mal-paragrafu 8 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali tal-Liġi ta’ Applikazzjoni tal-Liġi Finanzjarja tal‑2022, għall-impjant ta’ Kavarna, għall-perijodu mill1 ta’ Diċembru 2022 sat‑30 ta’ Ġunju 2023, ikkalkolati bl-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ dħul ta’ BGN 350 (madwar EUR 180) stabbilit skont il-punti (1) u (2) ta’ dan l-Artikolu 8.

17      Permezz ta’ avviż tat-taxxa tas‑27 ta’ Ġunju 2024, ġew stabbiliti ammonti ta’ kontribuzzjonijiet allokati differenti, li għandhom jitħallsu minn EVN, għal dan l-istess perijodu, billi ġie kkunsidrat bħala limitu massimu l-prezz preferenzjali ta’ BGN 191 għal kull MWh ta’ elettriku ġġenerat. Skont dan l-avviż tat-taxxa, EVN hija obbligata tħallas kontribuzzjonijiet allokati fl-ammont ta’ BGN 1 818 884.99 (madwar EUR 929 980) kif ukoll interessi moratorji li jammontaw għal BGN 320 462 (madwar EUR 163 850).

18      EVN ikkontestat l-imsemmi avviż tat-taxxa b’mod amministrattiv quddiem l-awtorità tat-taxxa, billi allegat b’mod partikolari li dan kien imur kontra l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 8(2)(a) tar-Regolament 2022/1854. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Settembru 2024, din l-awtorità kkonfermat l-istess avviż tat-taxxa. EVN għalhekk adixxiet lill-Administrativen sad Plovdiv (il-Qorti Amministrattiva ta’ Plovdiv, il-Bulgarija), li hija l-qorti tar-rinviju, sabiex tikseb l-annullament tal-avviż.

19      Il-qorti tar-rinviju tirrileva, fl-ewwel lok, li l-awtorità tat-taxxa tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ limitu massimu ta’ dħul miksub mis-suq, stabbilit skont il-paragrafu 8 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali tal-Liġi ta’ Applikazzjoni tal-Liġi Finanzjarja tal‑2022, minħabba li din id-dispożizzjoni nazzjonali timplimenta l-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2022/1854. Hija żżid li din l-awtorità tinterpreta din l-aħħar dispożizzjoni bħala li tistabbilixxi biss limitu massimu għal-limitu massimu u li għalhekk tħalli lill-Istati Membri liberi li jiffissaw limitu massimu inqas minn EUR 180 għal kull MWh mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti tal-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament. EVN tikkontesta din l-interpretazzjoni.

20      L-imsemmija qorti tesponi, fit-tieni lok, li il-paragrafu 8 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali tal-Liġi ta’ Applikazzjoni tal-Liġi Finanzjarja tal‑2022, fl-applikazzjoni li ssir mill-awtorità tat-taxxa, jintroduċi valuri differenti għal-limiti massimi tad-dħul tal-produtturi tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli skont l-eżistenza jew le, fit‑8 ta’ Ottubru 2022, ta’ kuntratt ta’ kumpens permezz ta’ primjums konkluż mal-FSSE.

21      F’dan ir-rigward, tippreċiża li, għall-produtturi mingħajr kuntratt jew li l-kuntratti tagħhom kienu diġà ntemmu f’din id-data, il-limitu massimu tad-dħul jammonta għal BGN 350 għal kull MWh ta’ elettriku ġġenerat, konformement mal-punt 1 ta’ dan il-paragrafu 8, moqri flimkien mal-punt 2 tiegħu, kif ukoll ma’ deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri. Min-naħa l-oħra, konformement mal-imsemmi punt 2 tal-paragrafu 8(3), għall-produtturi li huma partijiet f’kuntratti ta’ kumpens permezz ta’ primjums li għadhom fis-seħħ fit‑8 ta’ Ottubru 2022 u li l-ammont tal-primjum dovut skont il-kuntratt huwa ta’ BGN 0 għal kull MWh, il-limitu massimu ta’ dħul jikkorrispondi għall-prezz preferenzjali stipulat fil-kuntratt ta’ xiri ta’ elettriku, fejn il-kontribuzzjoni allokata għalhekk tammonta għal 90 % tad-differenza pożittiva bejn id-dħul miksub mis-suq bi prezzijiet liberament innegozjati għat-tranżazzjoni kkonċernata, mingħajr VAT, u l-limitu massimu ddeterminat b’dan il-mod.

22      Filwaqt li tirrileva li din il-leġiżlazzjoni tnaqqas il-limitu massimu tal-prezz introdott mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2022/1854, il-qorti tar-rinviju tindika li tqum il-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija leġiżlazzjoni tmurx kontra l-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni, sa fejn il-limitu massimu tad-dħul mill-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli, li jikkorrispondi għall-prezz preferenzjali skont il-kuntratt ta’ xiri tal-elettriku li ntemm, jiddependi mill-fatt li jkun fis-seħħ, fit‑8 ta’ Ottubru 2022, kuntratt ta’ kumpens permezz ta’ primjums li bis-saħħa tiegħu, fi kwalunkwe każ, ebda primjum ma huwa dovut.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad Plovdiv (il-Qorti Amministrattiva ta’ Plovdiv) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      L-Artikolu 6(1) tar-[Regolament 2022/1854] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-limitu massimu obbligatorju li huwa jipprevedi fuq id-dħul mis-suq miksub mill-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi msemmija fl-Artikolu 7(1) fl-ammont ta’ EUR 180 għal kull MWh ta’ elettriku prodott jikkostitwixxi limitu massimu fuq id-dħul uniku u komuni għall-Unjoni Ewropea kollha li għandu jiġi applikat fl-Istati Membri kollha meta l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu miżuri oħra li jillimitaw iktar id-dħul mis-suq, inkluż billi jipprevedu limitu massimu iżgħar, kif previst fl-Artikolu 8(1)(a) u kemm-il darba josservaw ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 8(2) [ta’ dan ir-regolament]?

(2)      Ir-regola prevista fil-punt 2 tal-Artikolu 8(3) tad-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali tal-[Liġi dwar l-Applikazzjoni tal-Liġi Finanzjarja tal‑2022], li tipprovdi li, għad-dħul mis-suq mill-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi msemmija fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament 2022/1854, miksub minn produtturi li l-kuntratti tagħhom dwar il-kumpens permezz ta’ primjum, fis-sens tal-Artikolu 68(1) ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 68(9) taż-Zakon za izmenenie i dopalnenie na Zakona za energetikata (il-Liġi li temenda u tikkompleta l-Liġi dwar l-Enerġija), għall-impjant ikkonċernat, ma kinux intemmu fit-8 ta’ Ottubru 2022, għandu japplika limitu massimu għad-dħul mis-suq li jikkorrispondi għall-prezz preferenzjali previst fil-kuntratt ta’ xiri tal-elettriku fis-sens tal-Artikolu 31 [tal-Liġi dwar l-Enerġija ġġenerata minn Sorsi Rinnovabbli], hija konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament 2022/1854 u b’mod partikolari mar-rekwiżit ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni fis-sens tal-punt (a) ta’ dan l-artikolu?”

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

24      L-awtorità tat-taxxa ssostni li din it-talba għal deċiżjoni preliminari ma għadx għandha skop minħabba li r-regoli nazzjonali applikabbli għall-kontribuzzjonijiet allokati previsti mil-Liġi ta’ Applikazzjoni tal-Liġi Finanzjarja tal‑2022 huma ta’ applikazzjoni stretta u ma jistgħux jiġu interpretati. Hija tikkontesta għalhekk, essenzjalment, l-ammissibbiltà ta’ din it-talba.

25      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 267 TFUE, hija l-qorti nazzjonali u mhux il-partijiet fil-kawża prinċipali li tiddeċiedi li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja. Peress li l-fakultà ta’ determinazzjoni tad-domandi li għandhom isiru lill-Qorti tal-Ġustizzja hija għalhekk mogħtija biss lill-qorti nazzjonali, il-partijiet ma jistgħux jitolbu li dawn jiġu ddikjarati mingħajr skop (sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 1965, Singer, 44/65, EU:C:1965:122, p. 1198).

26      Barra minn hekk, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jsirulha (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2008, Commune de Mesquer, C‑188/07, EU:C:2008:359, punt 30, u tal‑4 ta’ Ġunju 2026, Darashev, C‑312/24, EU:C:2026:449, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Il-motiv ta’ inammissibbiltà invokat mill-awtorità tat-taxxa ma jistax, konsegwentement, iwassal għall-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari u għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

28      Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, din tal-aħħar għandha tagħti risposta utli lill-qorti nazzjonali sabiex tkun tista’ tiddeċiedi t-tilwima li jkollha quddiemha. Għal dan l-iskop, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid, jekk ikun meħtieġ, id-domandi li jkunu ġew sottomessi lilha (ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 1997, Krüger, C‑334/95, EU:C:1997:378, punti 22 u 23; tat‑28 ta’ Novembru 2000, Roquette Frères, C‑88/99, EU:C:2000:652, punt 18; kif ukoll tal‑21 ta’ Mejju 2026, Utiledulci, C‑545/24, EU:C:2026:412, punt 16).

29      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-miżura ta’ limitu massimu tad-dħul ta’ ċerti produtturi tal-elettriku, prevista fil-paragrafu 8 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali tal Liġi ta’ Applikazzjoni tal-Liġi Finanzjarja tal‑2022 u li l-applikazzjoni tagħha għal EVN tat lok għall-kawża prinċipali, ġiet applikata, konformement ma’ dak li kienet tipprevedi din id-dispożizzjoni, għall-kunsinni ta’ elettriku mwettqa matul il-perijodu mill‑1 ta’ Diċembru 2022 sat‑30 ta’ Ġunju 2023.

30      Barra minn hekk, skont il-kliem tal-Artikolu 22(2)(c) tar-Regolament 2022/1854, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament li l-qorti tar-rinviju, permezz tal-ewwel domanda tagħha, titlob l-interpretazzjoni tagħhom, kienu japplikaw mill‑1 ta’ Diċembru 2022 sat‑30 ta’ Ġunju 2023. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li minn ebda dispożizzjoni tal-imsemmi regolament ma jirriżulta li dan japplika għal miżura ta’ limitu massimu tad-dħul stabbilita minn leġiżlazzjoni nazzjonali għal perijodu preċedenti għad-dħul fis-seħħ tiegħu u lanqas, a fortiori, li tali leġiżlazzjoni għandha tosserva l-kundizzjonijiet previsti mill-imsemmi regolament (sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2025, Electrabel et, C‑633/23, EU:C:2025:991, punt 58). Issa, fid-dawl tal-formulazzjoni inekwivoka ta’ dan l-Artikolu 22(2)(c), l-istess japplika neċessarjament għal miżura ta’ limitu massimu tad-dħul stabbilita minn leġiżlazzjoni nazzjonali għal perijodu sussegwenti għad-data ta’ tmiem tal-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li l-ewwel domanda magħmula tiġi fformulata mill-ġdid u li jitqies li, permezz tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament 2022/1854 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li Stat Membru jiffissa, għall-perijodu mill‑1 ta’ Diċembru 2022 sat‑30 ta’ Ġunju 2023, limitu massimu fuq id-dħul miksub mis-suq imwettaq mill-produtturi tal-elettriku minn sorsi msemmija fl-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, ta’ ammont iktar baxx mil-limitu ta’ EUR 180 għal kull MWh ta’ elettriku ġġenerat previst fl-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, b’osservanza tar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 8(2) tal-imsemmi regolament.

32      Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12, u tal‑4 ta’ Ġunju 2026, Landkreis Schweinfurt, C‑621/24, EU:C:2026:450, punt 56).

33      Fir-rigward tal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet li hija mitluba l-interpretazzjoni tagħhom, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2022/1854 jipprevedi li d-dħul miksub mis-suq imwettaq mill-produtturi tal-elettriku mis-sorsi msemmija fl-Artikolu 7(1) tiegħu għandu jkun limitat għal massimu ta’ EUR 180 għal kull MWh ta’ elettriku ġġenerat. Fir-rigward tal-Artikolu 8(1)(a) ta’ dan ir-regolament, dan jippreċiża li l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu miżuri li “jillimitaw aktar”, b’mod partikolari, id-dħul miksub mis-suq imwettaq mill-produtturi li jiġġeneraw l-elettriku mis-sorsi elenkati f’dan l-Artikolu 7(1). L-Artikolu 8(2) tal-imsemmi regolament jelenka l-kundizzjonijiet li l-miżuri msemmija f’dan l-Artikolu 8(1) għandhom josservaw.

34      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li mill-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu, b’osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament 2022/1854, b’mod partikolari jadottaw miżuri li jillimitaw iktar id-dħul miksub mis-suq imwettaq minn dawn il-produtturi. Barra minn hekk, xejn, f’din il-formulazzjoni, ma jindika li tali miżura ma tistax tieħu l-forma ta’ miżura ta’ limitu massimu tad-dħul stabbilita għal ammont iktar baxx minn dak previst fl-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, sakemm il-kundizzjonijiet elenkati f’dan l-Artikolu 8(2) ikunu ssodisfatti. Għall-kuntrarju, peress li l-Artikolu 8(1)(a) tal-imsemmi regolament jippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri “li jillimitaw aktar” id-dħul miksub mis-suq imwettaq mill-produtturi kkonċernati, mill-imsemmija formulazzjoni jirriżulta li l-miżuri ta’ limitu massimu tad-dħul adottati skont dan l-Artikolu 8(1)(a) jistgħu jipprevedu limitu massimu iktar baxx minn dak previst f’dan l-Artikolu 6(1) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2025, Electrabel et, C‑633/23, EU:C:2025:991, punti 29 u 30, kif ukoll tat‑22 ta’ Jannar 2026, Secab, C‑423/23, EU:C:2026:32, punt 42).

35      Din l-interpretazzjoni letterali hija kkonfermata mill-kuntest li minnu jagħmlu parti l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament 2022/1854. Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 8(1)(b) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu limitu massimu ogħla fuq id-dħul miksub mis-suq għall-produtturi li jiġġeneraw l-elettriku minn sorsi elenkati fl-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament, sakemm l-ispejjeż ta’ investiment u dawk operattivi jaqbżu l-massimu stabbilit fl-Artikolu 6(1) tiegħu. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 8(1)(d) tal-istess regolament jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu limitu massimu speċifiku fuq id-dħul miksub mis-suq imwettaq mill-bejgħ tal-elettriku ġġenerat mill-faħam iebes.

36      Dawn l-elementi jikkonfermaw għalhekk li, fost il-miżuri li l-Istati Membri jistgħu jadottaw skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament 2022/1854, hemm miżuri ta’ limitu massimu tad-dħul miksub mis-suq stabbilit f’livelli differenti minn dak previst fl-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament.

37      L-interpretazzjoni adottata fil-punt 34 ta’ din is-sentenza hija sostnuta wkoll mill-għan imfittex mir-Regolament 2022/1854, kif espress fl-Artikolu 1 tiegħu, li jipprovdi li dan ir-regolament huwa intiż b’mod partikolari li jintroduċi limitu massimu fuq id-dħul miksub mis-suq li ċerti produtturi jwettqu mill-ġenerazzjoni tal-elettriku u li dan jitqassam mill-ġdid, b’mod immirat, bejn il-klijenti finali tal-elettriku, u dan, kif tindika l-premessa 12 tal-imsemmi regolament, bħala protezzjoni għall-konsumaturi, permezz ta’ moderazzjoni tar-rata ta’ inflazzjoni. F’dan ir-rigward, il-premessa 25 tal-istess regolament tippreċiża li, f’sitwazzjoni fejn il-konsumaturi jkunu esposti għal prezzijiet estremament għoljin li jagħmlu ħsara wkoll għall-ekonomija tal-Unjoni, huwa neċessarju li b’mod temporanju jiġi limitat id-dħul straordinarju tas-suq tal-produtturi bi spejjeż marġinali iktar baxxi, billi jiġi applikat limitu massimu fuq id-dħul miksub mis-suq mill-bejgħ tal-elettriku fl-Unjoni. F’dan is-sens ukoll, il-premessa 46 tar-Regolament 2022/1854 tistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-surplus tad-dħul li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-limitu massimu fuq id-dħul miksub mis-suq fil-qasam tal-elettriku jitqassam mill-ġdid bejn il-klijenti finali tal-elettriku sabiex jittaffa l-impatt tal-prezzijiet eċċezzjonalment għoljin tal-elettriku.

38      Issa, jekk il-miżuri li jillimitaw iktar id-dħul miksub mis-suq li jistgħu jiġu adottati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament 2022/1854 ma kinux jinkludu miżuri ta’ limitu massimu tad-dħul f’livell iktar baxx mil-limitu previst fl-Artikolu 6(1) tiegħu, minkejja li tali miżura ta’ limitu massimu, bħala prinċipju, ġiet ikkunsidrata mil-leġiżlatur tal-Unjoni, bħala miżura partikolarment xierqa għat-twettiq ta’ dan l-għan, l-effett utli sħiħ ta’ dan ir-regolament jiġi ppreġudikat. Fil-fatt, l-Istati Membri jkunu, f’dawn iċ-ċirkustanzi, imċaħħda minn għodda li madankollu ġiet ikkunsidrata mil-leġiżlatur tal-Unjoni bħala partikolarment xierqa għat-twettiq tal-imsemmi għan.

39      L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament 2022/1854 għalhekk ma jipprekludux li Stat Membru jadotta, abbażi tat-tieni waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, miżura ta’ limitu massimu tad-dħul miksub mis-suq mill-produtturi tal-elettriku mis-sorsi elenkati fl-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, li l-ammont tiegħu huwa ffissat f’livell iktar baxx minn dak previst fl-ewwel waħda minnhom, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tiegħu jkunu ssodisfatti.

40      Barra minn hekk, minn naħa, peress li d-deċiżjoni tar-rinviju turi li l-kontribuzzjonijiet allokati inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma dovuti għal tranżazzjonijiet imwettqa fis-suq tal-enerġija tal-ibbilanċjar, għandu jiġi enfasizzat li, konformement mal-Artikolu 7(4) tar-Regolament 2022/1854, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-limitu massimu fuq id-dħul miksub mis-suq ma japplikax għad-dħul miksub, b’mod partikolari, mill-bejgħ tal-elettriku fis-suq tal-enerġija tal-ibbilanċjar. Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ eżerċizzju ta’ din il-fakultà mill-Istat Membru kkonċernat, il-miżura ta’ limitu massimu tad-dħul prevista mill-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament jew, skont il-każ, implimentata minn Stat Membru skont l-Artikolu 8(1)(a) tal-imsemmi regolament, tapplika, bħala prinċipju, għad-dħul miksub mill-bejgħ tal-elettriku mwettaq f’dan is-suq. Minn dan isegwi li, anki jekk dan il-fatt jiġi kkonfermat mill-qorti tar-rinviju, dan ma jaffettwax l-interpretazzjoni magħmula fil-punti 33 sa 39 ta’ din is-sentenza.

41      Min-naħa l-oħra, konformement mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament 2022/1854, il-limitu massimu fuq id-dħul miksub mis-suq previst fl-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament ma għandux japplika għal produtturi li d-dħul tagħhom għal kull MWh ta’ elettriku ġġenerat ikun diġà limitat minħabba miżuri Statali jew pubbliċi mhux adottati skont l-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament. Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li dan huwa l-każ fil-kawża prinċipali.

42      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament 2022/1854 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li Stat Membru jiffissa, għall-perijodu mill‑1 ta’ Diċembru 2022 sat‑30 ta’ Ġunju 2023, limitu massimu fuq id-dħul miksub mis-suq imwettaq mill-produtturi tal-elettriku minn sorsi msemmija fl-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, ta’ ammont iktar baxx mil-limitu ta’ EUR 180 għal kull MWh ta’ elettriku ġġenerat previst fl-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, b’osservanza tar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 8(2) tal-imsemmi regolament.

 Fuq it-tieni domanda

43      Għandu jiġi rrilevat li l-kontenut letterali tat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni tad-dritt intern mad-dritt tal-Unjoni. Issa, fil-kuntest tas-sistema ta’ kooperazzjoni stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ regoli tad-dritt intern mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tirrispondi għal din id-domanda kif ifformulata. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġuriżdizzjoni sabiex tagħti lill-qorti nazzjonali l-gwidi kollha għall-interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jippermettulha tevalwa l-kompatibbiltà ta’ regoli ta’ dritt intern mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 2007, Placanica et, C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/04, EU:C:2007:133, punti 36 u 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑12 ta’ Marzu 2026, Zirvatta, C‑597/24, EU:C:2026:198, punt 37).

44      Madankollu, mill-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, sabiex tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha, l-ewwel nett, tinkludi espożizzjoni fil-qosor tas-suġġett tal-kawża prinċipali, kif ukoll tal-fatti rilevanti, kif ġew ikkonstatati mill-qorti tar-rinviju, jew, tal-inqas, espożizzjoni tal-informazzjoni fattwali li fuqha huma bbażati d-domandi. Hija għandha, it-tieni nett, tinkludi s-sustanza tal-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu japplikaw għall-kawża prinċipali u, skont il-każ, il-ġurisprudenza nazzjonali rilevanti. It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju għandha tindika r-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll il-konnessjoni li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali (ara d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Municipiul Piatra Neamț, C‑13/14, EU:C:2014:2000, punt 10 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2026, Darashev, C‑312/24, EU:C:2026:449, punt 56).

45      F’dan il-każ, ċertament, il-qorti tar-rinviju esponiet il-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali kif ukoll espożizzjoni sommarja tas-suġġett ta’ din it-tilwima. Madankollu, kif irrilevat ukoll il-Kummissjoni Ewropea, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludi ebda spjegazzjoni tar-raġunijiet tat-trattament iddifferenzjat tal-produtturi tal-elettriku li ġew suġġetti għall-miżura ta’ limitu massimu tad-dħul inkwistjoni fil-kawża prinċipali skont jekk kinux marbuta jew le, fit‑8 ta’ Ottubru 2022, permezz ta’ kuntratt ta’ kumpens bi primjums. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju ma tispjegax kif is-sitwazzjoni ta’ dawn il-produtturi, marbuta b’tali kuntratt f’din id-data, hija differenti minn dawk li ma kinux. Hija ma tesponi la l-għanijiet possibbilment imfittxija mil-leġiżlatur nazzjonali meta stabbilixxa din id-distinzjoni, la r-raġunijiet li għalihom hija tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(2)(a) tar-Regolament 2022/1854, u lanqas ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn din id-dispożizzjoni u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali.

46      Għalhekk, anki jekk jitqies li, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8(2)(a) tar-Regolament 2022/1854 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik deskritta fil-formulazzjoni ta’ din it-tieni domanda, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-elementi neċessarji sabiex tirrispondi għaliha b’mod utli.

47      Għaldaqstant, din it-tieni domanda għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

48      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1854 tas‑6 ta’ Ottubru 2022 dwar intervent ta’ emerġenza biex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-enerġija

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jipprekludux li Stat Membru jiffissa, għall-perijodu mill‑1 ta’ Diċembru 2022 sat‑30 ta’ Ġunju 2023, limitu massimu fuq id-dħul miksub mis-suq imwettaq mill-produtturi tal-elettriku minn sorsi msemmija fl-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, ta’ ammont iktar baxx mil-limitu ta’ EUR 180 għal kull megawatt siegħa (MWh) ta’ elettriku ġġenerat previst fl-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, b’osservanza tar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 8(2) tal-imsemmi regolament.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.