02014R0181 — MT — 01.07.2018 — 001.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
|
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 181/2014 tal-20 ta’ Frar 2014 (ĠU L 063 4.3.2014, p. 53) |
Emendat bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
Nru |
Paġna |
Data |
||
|
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/916 tas-27 ta' Ġunju 2018 |
L 163 |
6 |
28.6.2018 |
|
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 181/2014
tal-20 ta’ Frar 2014
li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew
KAPITOLU I
ARRANĠAMENTI SPEĊIFIĊI GĦALL-PROVVISTA
TAQSIMA 1
Bilanċi previsti tal-provvista
Artikolu 1
Skop tal-bilanċi previsti tal-provvista u l-emendi tagħhom
Il-bilanċi previsti tal-provvista li jridu jiġu stabbiliti mill-Greċja skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 229/2013 għandhom jiddikjaraw il-kwantitajiet ta’ prodotti essenzjali meħtieġa biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-provvista l-gżejjer minuri tal-Eġew (minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-gżejjer minuri”) kull sena kalendarja.
Il-Greċja tista’ temenda l-bilanċ previst tal-provvista tagħha. L-Artikolu 32 ta’ dan ir-Regolament għandu japplika mutatis mutandis għal tali emendi.
TAQSIMA 2
Funzjonament tal-arranġamenti għall-provvista
Artikolu 2
Iffissar u għoti tal-għajnuna
1. Għall-finijiet tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 229/2013, il-Greċja għandha tiddetermina fil-kuntest tal-programm l-ammont tal-għajnuna li għandha tingħata għal kull prodott bħala kumpens għall-bogħod, l-insularità u d-distanza, b’kunsiderazzjoni għal:
(a) ir-rekwiżiti speċifiċi tal-gżejjer minuri u r-rekwiżiti preċiżi tal-kwalità;
(b) il-flussi tradizzjonali tal-kummerċ ma’ portijiet fl-art prinċipali tal-Greċja u bejn il-gżejjer fil-Baħar Eġew;
(c) l-aspett ekonomiku tal-għajnuna proposta;
(d) fejn applikabbli, il-ħtieġa li ma jiġix imifxkel l-iżvilupp potenzjali ta’ prodotti lokali;
(e) fir-rigward tal-ispejjeż speċifiċi addizzjonali tat-trasport, l-ispejjeż intermedjarji għat-tagħbija mill-ġdid involuti fil-provvista ta’ oġġetti lill-gżejjer minuri;
(f) fir-rigward tal-ispejjeż speċifiċi addizzjonali involuti fl-ipproċessar lokali, id-daqs żgħir tas-suq u l-ħtieġa li tiġi ggarantita s-sigurtà tal-provvista għal oġġetti fil-gżejjer minuri kkonċernati.
2. Ma għandha tingħata l-ebda għajnuna għall-provvista ta’ prodotti fi gżira minuri li tkun diġà bbenefikat mill-arranġamenti speċifiċi għall-provvista fi gżira minuri oħra.
Artikolu 3
Ċertifikat tal-għajnuna u pagament
1. L-għajnuna għandha tingħata mal-preżentazzjoni ta’ ċertifikat, (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “ċertifikat tal-għajnuna”), li jkun ġie utilizzat kollu.
Il-preżentazzjoni ta’ ċertifikat tal-għajnuna lill-awtoritajiet responsabbli biex jagħmlu l-pagamenti għandha titqies bħala applikazzjoni għall-għajnuna. Ħlief f’każijiet ta’ forza maġġuri jew kundizzjonijiet klimatiċi eċċezzjonali, iċ-ċertifikati għandhom jiġu ppreżentati mhux aktar tard minn 30 jum mid-data li fiha jitħallsu. Meta tinqabeż dik id-data tal-għeluq, l-għajnuna għandha titnaqqas b’5 % għal kull jum ta' dewmien.
L-għajnuna għandha titħallas mill-awtoritajiet kompetenti mhux aktar tard minn 90 jum wara d-data li fiha jiġi ppreżentat iċ-ċertifikat utilizzat, ħlief f'wieħed mill-każijiet li ġejjin:
(a) forza maġġuri jew kundizzjonijiet klimatiċi eċċezzjonali;
(b) meta tkun infetħet inkjesta amministrattiva rigward l-intitolament għall-għajnuna; f'każijiet bħal dawn, il-pagament għandu jsir biss wara li jkun ġie rikonoxxut l-intitolament.
2. Iċ-ċertifikati tal-għajnuna għandhom jitfasslu fuq il-bażi tal-kampjun tal-liċenzja tal-importazzjoni stabbilit fl-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2016/1239 ( 1 ).
L-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2016/1237 ( 2 ) u l-Artikoli 2, u 3, l-Artikolu 4(1), l-Artikoli 5 u 7 u 13 sa 16 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 2016/1239 għandhom japplikaw, mutatis mutandis, mingħajr preġudizzju għal dan ir-Regolament.
It-tolleranza negattiva prevista fl-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1237 u l-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1239 għandhom japplikaw mutatis mutandis.
3. L-annotazzjoni “ċertifikat tal-għajnuna” għandha tiġi stampata jew ittimbrata fil-kaxxa 20 (dettalji speċjali) taċ-ċertifikat.
4. Il-kaxex 7 u 8 taċ-ċertifikat għandhom jiġu ingassati.
5. Il-kaxxa 12 taċ-ċertifikati tal-għajnuna għandha turi l-aħħar jum tal-validità.
6. L-ammont tal-għajnuna applikabbli għandu jkun dak fis-seħħ meta tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għaċ-ċertifikat tal-għajnuna.
7. L-awtorità kompetenti għandha toħroġ ċertifikati tal-għajnuna fuq it-talba tal-partijiet ikkonċernati, soġġetti għal-limiti tal-bilanċi previsti tal-provvista.
Artikolu 4
Għoti tal-vantaġġ lill-utent finali
Għall-finijiet tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) Nru 229/2013, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jivverifikaw li l-vantaġġ ikun fil-fatt mgħoddi lill-utent finali. Billi jagħmlu dan, dawn jistgħu jivvalutaw il-marġini tan-negozju u l-prezzijiet applikati mid-diversi operaturi kkonċernati.
Il-miżuri msemmija fl-ewwel paragrafu, u b’mod partikolari l-punti tal-kontroll użati biex jiddeterminaw jekk l-għajnuna ġietx imwassla jew le, u kull emenda li tkun saret, għandhom jiġu notifikati lill-Kummissjoni fil-kuntest tar-rapport annwali ta' implimentazzjoni previst fl-Artikolu 20(2) tar-Regolament (UE) Nru 229/2013.
Artikolu 5
Reġistru tal-operaturi
1. Sabiex ikunu eliġibbli għad-dħul fir-reġistru msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) Nru 229/2013, l-operaturi għandhom jimpenjaw ruħhom li:
(a) jikkomunikaw lill-awtoritajiet kompetenti, fuq talba tagħhom, kull informazzjoni rilevanti dwar l-attivitajiet kummerċjali tagħhom, b’mod partikolari rigward il-prezzijiet u l-marġini ta’ profitti li jipprattikaw;
(b) joperaw esklussivament f’isimhom stess u għan-nom tagħhom;
(c) jissottomettu applikazzjonijiet għal ċertifikat proporzjonat mal-kapaċità reali tagħhom li jiddisponu mill-prodotti kkonċernati, tali kapaċità tiġi pprovata permezz ta’ referenza għal fatturi oġġettivi;
(d) ma jaġixxux b'mod li x’aktarx joħloq skarsezzi artifiċjali ta’ prodotti u ma jikkumerċjalizzawx il-prodotti disponibbli bi prezzijiet artifiċjalment baxxi;
(e) għas-sodisfazzjon tal-awtoritajiet kompetenti jiżguraw li, meta l-prodotti agrikoli jinbiegħu fil-gżejjer minuri, il-vantaġġ jgħaddi għand l-utent finali.
2. Meta japplikaw għad-dħul fir-reġistru jew wara, l-operaturi li beħsiebhom jibagħtu lejn il-bqija tal-Unjoni jew jesportaw lejn pajjiżi terzi prodotti mhux ipproċessati, ipproċessati jew imballaġġati skont il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 11 għandhom jiddikjaraw l-intenzjoni tagħhom li jsegwu din l-attività u jindikaw is-sit tal-impjant tal-imballaġġ fejn applikabbli.
3. Meta japplikaw għad-dħul fir-reġistru jew wara, il-proċessuri li beħsiebhom jesportaw lejn pajjiżi terzi jew jibagħtu lejn il-bqija tal-Unjoni prodotti pproċessati taħt il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 11 jew 12 għandhom jiddikjaraw l-intenzjoni tagħhom li jsegwu din l-attività, jindikaw is-sit tal-impjant tal-ipproċessar u, fejn applikabbli, jipprovdu listi analitiċi tal-prodotti pproċessati.
Artikolu 6
Dokumenti li jridu jiġu ppreżentati mill-operaturi u validità taċ-ċertifikati tal-għajnuna
1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jaċċettaw l-applikazzjoni għal ċertifikat tal-għajnuna ppreżentata mill-operaturi għal kull konsenja, sakemm ikunu akkumpanjati mill-fattura tax-xiri oriġinali jew kopja ċċertifikata.
Il-fattura tax-xiri, il-polza ta' kargu jew il-polza tal-passaġġ bl-ajru għandhom jitħejjew f’isem l-applikant.
2. Il-perjodu tal-validità taċ-ċertifikati għandu jkun 45 jum. Il-perjodu tal-validità jista’ jiġi estiż mill-awtorità kompetenti f’każijiet speċjali fejn diffikultajiet serji u mhux previsti jaffettwaw iż-żmien tat-trasport, iżda ma jistax jaqbeż ix-xahrejn mid-data li fiha nħareġ iċ-ċertifikat.
Artikolu 7
Preżentazzjoni ta’ ċertifikati u oġġetti
1. Għall-prodotti koperti mill-arranġamenti speċifiċi għall-provvista, għandhom jiġu ppreżentati ċertifikati tal-għajnuna lill-awtoritajiet kompetenti mhux aktar tard minn 15-il jum ta’ xogħol mid-data tal-awtorizzazzjoni li fiha jinħattu l-oġġetti. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jnaqqsu dan iż-żmien massimu.
2. L-oġġetti għandhom jiġu ppreżentati bl-ingrossa jew f’lottijiet separati li jikkorrispondu għaċ-ċertifikat ippreżentat.
Artikolu 8
Kwalità tal-prodotti
Il-konformità tal-prodotti mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) Nru 229/2013 għandha tiġi eżaminata mhux aktar tard mill-istadju tal-ewwel kummerċjalizzazzjoni, b’konformità mal-istandards jew il-prattiċi fis-seħħ fl-Unjoni.
Meta prodott jitqies li ma jissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) Nru 229/2013, l-intitolament tiegħu skont l-arranġamenti speċifiċi għall-provvista għandu jiġi rtirat u l-kwantità korrispondenti għandha tiġi attribwita mill-ġdid lill-bilanċ previst tal-provvista.
Meta tkun ingħatat għajnuna skont l-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament, l-għajnuna għandha tiġi rrimborżata.
Artikolu 9
Żidiet sinifikanti fl-applikazzjoni għal ċertifikati tal-għajnuna
1. Jekk l-istat tal-eżekuzzjoni ta’ bilanċ previst tal-provvista jindika żieda sinifikanti fl-applikazzjonijiet għal ċertifikati tal-għajnuna għal prodott partikolari li tista’ tipperikola l-ksib ta’ wieħed jew aktar mill-objettivi tal-arranġamenti speċifiċi għall-provvista, il-Greċja għandha tieħu l-passi kollha meħtieġa, wara li tkun ikkonsultat lill-awtoritajiet ikkonċernati, biex tiżgura li l-gżejjer minuri jiġu fornuti bi prodotti essenzjali, b'kunsiderazzjoni għall-provvista disponibbli u r-rekwiżiti tas-setturi prijoritarji.
2. Jekk, wara li tikkonsulta lill-awtoritajiet ikkonċernati, il-Greċja tiddeċiedi li tapplika restrizzjonijiet fuq il-ħruġ ta’ ċertifikati, l-awtoritajiet kompetenti għandhom japplikaw perċentwal ta’ tnaqqis uniformi għall-applikazzjonijiet pendenti kollha.
Artikolu 10
Iffissar ta’ kwantità massima għal kull applikazzjoni għal ċertifikat
Sakemm ikun strettament meħtieġ biex jiġi evitat tfixkil fis-suq fil-gżejjer minuri, jew l-insegwiment ta’ azzjonijiet spekulattivi li x'aktarx jippreġudikaw il-funzjonament bla xkiel tal-arranġamenti speċifiċi għall-provvista, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiffissaw kwantità massima għal kull applikazzjoni għal ċertifikat.
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni minnufih bid-drabi meta dan l-Artikolu jiġi applikat.
In-notifika msemmija f'dan l-Artikolu għandha issir skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1183 ( 3 ) u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1185 ( 4 ).
TAQSIMA 3
Esportazzjoni u konsenja
Artikolu 11
Kundizzjonijiet tal-esportazzjoni jew tal-konsenja
1. L-esportazzjoni u l-konsenja tal-prodotti mhux ipproċessati li bbenefikaw mill-arranġamenti speċifiċi għall-provvista, jew il-prodotti imballaġġati jew ipproċessati li fihom prodotti li bbenefikaw mill-arranġamenti speċifiċi għall-provvista, għandhom jiġu suġġetti għar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3.
2. Il-kwantitajiet ta’ prodotti li bbenefikaw mill-għajnuna u huma esportati jew ikkonsenjati għandhom jerġgħu jiġu attribwiti għall-bilanċ previst tal-provvista u l-għajnuna mogħtija għandha tiġi rrimborżata mill-esportatur jew mill-ispeditur mhux aktar tard minn meta ssir l-esportazzjoni jew il-konsenja.
Dawk il-prodotti ma jistgħux jiġu kkonsenjati jew esportati sakemm isir ir-rimborż imsemmi fl-ewwel subparagrafu.
Fejn ikun impossibbli li jiġi stabbilit l-ammont ta’ għajnuna mogħtija, il-prodotti għandhom jitqiesu li rċevew l-ogħla rata ta’ għajnuna ffissata mill-Unjoni għal tali prodotti matul il-perjodu ta’ sitt xhur qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni għall-esportazzjoni jew il-konsenja.
Tali prodotti jistgħu jibbenefikaw minn rifużjoni tal-esportazzjoni, ġaladarba jintlaħqu l-kriterji għall-għoti ta’ tali rifużjoni.
3. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jawtorizzaw l-esportazzjoni jew il-konsenja ta’ kwantitajiet ta’ prodotti pproċessati għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 2 u fl-Artikolu 12 biss fejn il-proċessur jew l-esportatur jiċċertifika li l-prodotti kkonċernati ma fihomx materja prima introdotta skont l-arranġamenti speċifiċi għall-provvista.
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jawtorizzaw l-esportazzjoni mill-ġdid jew il-konsenja mill-ġdid ta’ prodotti mhux ipproċessati jew prodotti imballaġġati għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 2 biss fejn l-ispeditur jiċċertifika li dawk il-prodotti ma bbenefikawx minn arranġamenti speċifiċi għall-provvista.
L-awtoritajiet għandhom iwettqu l-verifiki meħtieġa biex jiżguraw l-akkuratezza taċ-ċertifikati msemmija fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi u għandhom, jekk meħtieġ, jirkupraw il-vantaġġ.
Artikolu 12
Esportazzjonijiet tradizzjonali u konsenji tradizzjonali ta’ prodotti pproċessati
1. Il-proċessuri li ddikjaraw, b’konformità mal-Artikolu 5(3), li beħsiebhom jesportaw jew jikkonsenjaw fil-kuntest ta’ flussi kummerċjali tradizzjonali, kif imsemmi fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 229/2013, prodotti pproċessati li fihom materja prima li bbenefikat minn arranġamenti speċifiċi għall-provvista jistgħu jagħmlu dan fil-limiti tal-kwantitajiet annwali indikati fl-Anness I għal dan ir-Regolament. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa b’tali mod li jiżguraw li t-tranżazzjonijiet ma jeċċedux dawk il-kwantitajiet annwali.
2. L-esportazzjoni tal-prodotti msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex tkun suġġetta għall-preżentazzjoni ta’ liċenzja tal-esportazzjoni.
TAQSIMA 4
Ġestjoni, kontrolli u monitoraġġ
Artikolu 13
Verifiki
1. Il-verifiki amministrattivi mwettqa mad-dħul, l-esportazzjoni u l-konsenja ta’ prodotti agrikoli għandhom ikunu eżawrjenti u għandhom jinvolvu kontroverifiki mad-dokumenti msemmija fl-Artikolu 6(1).
2. Il-verifiki fiżiċi mwettqa fil-gżejjer minuri tal-Eġew mad-dħul ta' prodotti agrikoli għandhom jinvolvu kampjun rappreżentattiv li jammonta għal mill-anqas 5 % taċ-ċertifikati ppreżentati b'konformità mal-Artikolu 7.
Il-verifiki fiżiċi mwettqa fil-gżejjer minuri tal-Eġew fuq l-esportazzjoni jew il-konsenja previsti fit-Taqsima 3 għandhom jinvolvu kampjun rappreżentattiv ta' mill-inqas 5 % tal-operazzjonijiet, abbażi tal-profili tar-riskju stabbiliti mill-Greċja.
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1276/2008 ( 5 ) għandu japplika mutatis mutandis għal dawk il-verifiki fiżiċi.
Barra minn hekk, f'każijiet speċjali l-Kummissjoni tista' titlob li l-verifiki fiżiċi jkopru perċentwali differenti.
Artikolu 14
Regoli nazzjonali tal-ġestjoni u l-monitoraġġ
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jadottaw ir-regoli addizzjonali meħtieġa biex imexxu u jimmonitorjaw l-arranġamenti speċifiċi għall-provvista f’ħin reali.
Fuq talba tal-Kummissjoni, dawn għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’kull miżura li jkun beħsiebhom jimplimentaw skont l-ewwel paragrafu.
KAPITOLU II
MIŻURI BIEX ISOSTNU L-PRODOTTI AGRIKOLI LOKALI
TAQSIMA 1
Ammont ta’ għajnuna u applikazzjonijiet għall-għajnuna
Artikolu 15
Ammont ta’ għajnuna
1. L-ammont ta’ għajnuna mogħti skont il-miżuri għall-għajnuna tal-produzzjoni agrikola lokali kif previst fil-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) Nru 229/2013 għandu jkun fil-limiti massimi ffissati fl-Artikolu 18 ta' dak ir-Regolament.
2. Il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ għajnuna, il-linji tal-produzzjoni agrikola u l-ammonti kkonċernati għandhom jiġu speċifikati fil-programm approvat b’konformità mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 229/2013.
Artikolu 16
Sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet
L-applikazzjonijiet għall-għajnuna għal sena kalendarja għandhom jiġu sottomessi lill-uffiċċju maħtur mill-awtoritajiet kompetenti tal-Greċja b’konformità mal-kampjuni mħejjija minn dawn tal-aħħar u fil-perjodi stabbiliti minnhom. Dawk il-perjodi għandhom jiġu ffissati biex iħallu żmien għall-verifiki meħtieġa fuq il-post u ma għandhomx jaqbżu t-28 ta’ Frar tas-sena kalendarja ta’ wara.
Artikolu 17
Korrezzjoni ta’ żbalji evidenti
L-applikazzjoni għall-għajnuna tista’ tiġi rrettifikata fi kwalunkwe żmien wara li tiġi sottomessa fejn jiġi rikonoxxut żball evidenti mill-awtorità kompetenti.
Artikolu 18
Sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet tard
Ħlief f’każijiet ta’ forza maġġuri u ċirkostanzi eċċezzjonali, is-sottomissjoni ta’ applikazzjoni għall-għajnuna wara l-limitu ta' żmien stabbilit b’konformità mal-Artikolu 16 għandha twassal għal tnaqqis ta’ 1 % għal kull jum ta' xogħol fl-ammonti li għalihom l-applikant għall-għajnuna kien ikun intitolat li kieku l-applikazzjoni għall-għajnuna ġiet ippreżentata fil-limitu ta' żmien. Jekk id-dewmien jammonta għal aktar minn 25 jum kalendarju, l-applikazzjoni għandha titqies bħala inammissibbli.
Artikolu 19
Irtirar ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna
1. L-applikazzjoni għall-għajnuna tista’ tiġi rtirata totalment jew parzjalment fi kwalunkwe żmien.
Madankollu, meta l-awtorità kompetenti tkun diġà informat lill-applikant għall-għajnuna dwar xi irregolaritajiet fl-applikazzjoni għall-għajnuna jew innotifikat lill-applikant għall-għajnuna dwar l-intenzjoni tagħha li twettaq verifika fuq il-post u din il-verifika tiżvela xi irregolaritajiet, l-irtirar ma għandux jiġi awtorizzat fir-rigward tal-partijiet tal-applikazzjoni għall-għajnuna affettwati minn dawk l-irregolaritajiet.
2. L-irtirar skont il-paragrafu 1 għandu jitfa’ l-applikant lura fis-sitwazzjoni ta’ qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni għall-għajnuna jew parti tal-applikazzjoni għall-għajnuna inkwistjoni.
3. Mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu ta’ kull sena għandha ssir analiżi tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna rtirati għas-sena kalendarja ta’ qabel biex jiġu identifikati l-kawżi prinċipali u t-tendenzi potenzjali fil-livell lokali.
TAQSIMA 2
Verifiki
Artikolu 20
Prinċipji ġenerali
Il-verifika għandha ssir permezz ta’ verifiki amministrattivi u fuq il-post.
Il-verifiki amministrattivi għandhom ikunu eżawrjenti u għandhom jinkludu kontroverifiki ma’, inter alia, dejta mis-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll prevista fil-Kapitolu II tat-Titolu V, il-Kapitolu II tat-Titolu VI u l-Artikoli 47, 61 u 102, il-paragrafu 3 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 6 ).
Fuq il-bażi ta' analiżi tar-riskju skont l-Artikolu 22(1) ta' dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu verifiki fuq il-post permezz tat-teħid ta' kampjuni, għal kull azzjoni, ta' mill-anqas 5 % tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna. Il-kampjun għandu jirrappreżenta wkoll mill-anqas 5 % tal-ammonti koperti mill-għajnuna għal kull azzjoni.
Fil-każijiet kollha xierqa, il-Greċja għandha tagħmel użu mis-sistema integrata tal-amministrazzjoni u tal-kontroll.
Artikolu 21
Verifiki fuq il-post
1. Il-verifiki fuq il-post ma għandhomx jitħabbru. Madankollu, sakemm l-għan tal-kontroll ma jiġix kompromess, tista’ tingħata notifika minn qabel limitata għall-minimu meħtieġ. Tali notifika ma għandhiex taqbeż it-48 siegħa, ħlief f’każijiet ġustifikati kif xieraq.
2. Fejn applikabbli, il-verifiki fuq il-post previsti f’din it-Taqsima għandhom jitwettqu flimkien ma’ kull verifika oħra prevista fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.
3. L-applikazzjoni jew l-applikazzjonijiet għall-għajnuna għandhom jiġu rifjutati jekk l-applikanti għall-għajnuna jew ir-rappreżentanti tagħhom ma jħallux li ssir verifika fuq il-post.
Artikolu 22
Għażla tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna biex ikunu suġġetti għall-verifiki fuq il-post
1. L-applikanti għall-għajnuna għandhom jintgħażlu għall-verifiki fuq il-post mill-awtorità kompetenti fuq il-bażi ta’ analiżi tar-riskju u r-rappreżentanza tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna sottomessi. L-analiżi tar-riskju għandu, kif jixraq, iqis:
(a) l-ammont ta’ għajnuna;
(b) in-numru ta’ ħbula agrikoli u l-erja tal-wiċċ u, jekk applikabbli, in-numru ta’ annimali koperti mill-applikazzjoni għall-għajnuna, jew il-kwantità prodotta, trasportata, ipproċessata jew ikkummerċjalizzata;
(c) it-tibdil imqabbel mas-sena ta' qabel;
(d) is-sejbiet minn verifiki li saru fis-snin ta' qabel;
(e) parametri oħra li għandhom jiġu definiti mill-Greċja.
Sabiex jiġi pprovdut l-element ta’ rappreżentattività, il-Greċja għandha tagħżel b'mod aleatorju bejn 20 % u 25 % tan-numru minimu ta’ applikanti għall-għajnuna li għandhom ikunu suġġetti għal verifiki fuq il-post. ►M1 Meta n-numru minimu ta' applikanti għall-għajnuna li se jkunu suġġetti għall-verifiki fuq il-post ikun inqas minn 12, il-Greċja għandha tagħżel b'mod aleatorju ta' mill-inqas wieħed mill-applikanti. ◄
2. L-awtorità kompetenti għandha żżomm reġistri tar-raġunijiet għalfejn l-applikanti għall-għajnuna speċifiċi ntgħażlu għall-verifiki fuq il-post. L-ispettur li jwettaq il-verifika fuq il-post għandu jiġi infurmat b’dawk ir-raġunijiet qabel ma jibda l-verifika.
Artikolu 23
Rapport ta' spezzjoni
1. Kull verifika fuq il-post għandha tkun suġġetta għal rapport ta' spezzjoni li jagħti d-dettalji dwar il-verifiki li jkunu twettqu. Ir-rapporti għandhom jindikaw b’mod partikolari:
(a) l-iskemi u l-applikazzjonijiet għall-għajnuna vverifikati;
(b) il-persuni preżenti;
(c) il-ħbula agrikoli kkontrollati, il-ħbula agrikoli mkejla, ir-riżultati tal-qisien għal kull ħabel imkejjel u l-metodi tal-kejl użati;
(d) in-numru u t-tip ta’ annimali li jinsabu u, fejn applikabbli, in-numru tat-tikketta tal-widna, l-entrati fir-reġistru u fil-bażi ta' dejta kompjuterizzata għall-annimali bovini u kwalunkwe dokument ta' sostenn ivverifikat, ir-riżultati tal-verifiki u, fejn applikabbli, osservazzjonijiet partikolari fir-rigward ta’ annimali individwali jew il-kodiċi ta’ identifikazzjoni tagħhom;
(e) il-kwantitajiet prodotti, trasportati, ipproċessati jew kummerċjalizzati li huma koperti mill-verifika;
(f) jekk ingħatatx notifika minn qabel lill-applikant għall-għajnuna dwar iż-żjara u, jekk iva, b’kemm żmien;
(g) kwalunkwe miżura tal-kontroll ulterjuri mwettqa.
2. L-applikanti għall-għajnuna jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jingħataw l-opportunità li jiffirmaw ir-rapport biex jattestaw il-preżenza tagħhom matul il-verifika u biex iżidu l-osservazzjonijiet tagħhom. Fejn jinstabu xi irregolaritajiet l-applikant għall-għajnuna għandu jirċievi kopja tar-rapport tal-ispezzjoni.
Fejn issir verifika fuq il-post permezz ta’ telerilevament, il-Greċja tista’ tiddeċiedi li ma tagħtix lill-applikanti għall-għajnuna jew lir-rappreżentanti tagħhom l-opportunità li jiffirmaw ir-rapport ta' spezzjoni jekk ma tiġi żvelata l-ebda irregolarità waqt il-verifika permezz ta’ telerilevament.
TAQSIMA 3
Tnaqqis u esklużjonijiet, u pagamenti mhux dovuti
Artikolu 24
Tnaqqis u esklużjonijiet
Fil-każ ta’ diskrepanza bejn l-informazzjoni ddikjarata fil-kuntest ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna u s-sejbiet tal-ispezzjonijiet imsemmija fit-Taqsima 2, il-Greċja għandha tapplika tnaqqis u esklużjonijiet fuq l-għajnuna. Dan it-tnaqqis u dawn l-esklużjonijiet għandhom ikunu effettivi u proporzjonati u għandhom ikunu ta’ deterrent.
Artikolu 25
Eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ tnaqqis u esklużjonijiet
1. It-tnaqqis u l-esklużjonijiet previsti fl-Artikolu 24 ma għandhomx japplikaw fejn l-applikant għall-għajnuna jkun issottometta informazzjoni fattwalment korretta jew jista’ b'mod ieħor juri li ma għandux tort.
2. It-tnaqqis u l-esklużjonijiet ma għandhomx japplikaw fir-rigward ta’ dawk il-partijiet tal-applikazzjoni għall-għajnuna li jiġu indikati bil-miktub mill-applikant lill-awtorità kompetenti bħala żbaljati jew li saru żbaljati minn meta ġiet ippreżentata, ġaladarba l-awtorità kompetenti ma tkunx diġà informat lill-applikant għall-għajnuna bl-intenzjoni tagħha li twettaq verifika fuq il-post jew dwar kwalunkwe irregolarità fl-applikazzjoni.
Fuq il-bażi tal-informazzjoni mogħtija mill-applikant għall-għajnuna kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, l-applikazzjoni għall-għajnuna għandha tiġi rettifikata biex tirrifletti s-sitwazzjoni attwali.
Artikolu 26
Irkuprar ta' pagamenti u penali mhux dovuti
1. Fil-każ ta' pagament mhux dovut, l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 809/2014 ( 7 ) għandu jappika mutatis mutandis.
2. Meta l-pagament mhux dovut ikun sar b'riżultat ta' dikjarazzjoni falza, dokumenti foloz jew negliġenza serja mill-parti tal-applikant għall-għajnuna, għandha tiġi imposta penali ugwali għall-ammont imħallas bla bżonn, bl-interessi kkalkulati b'konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014.
Artikolu 27
Forza maġġuri u ċirkostanzi eċċezzjonali
F'każijiet ta' forza maġġuri jew ċirkostanzi eċċezzjonali skont it-tifsira tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, l-Artikolu 4 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 ( 8 ) għandu japplika mutatis mutandis.
KAPITOLU III
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI
Artikolu 28
Pagamenti ta' għajnuna
Wara li jiġu vverifikati l-applikazzjonijiet għall-għajnuna u d-dokumenti ta' sostenn, u jiġu kkalkolati l-ammonti li għandhom jingħataw skont il-programm ta’ sostenn imsemmi fil-Kapitolu II tar-Regolament (UE) Nru 229/2013, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iħallsu l-għajnuna għal sena kalendarja kif ġej:
(a) fil-każ tal-arranġamenti speċifiċi għall-provvista u tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 178/2014, tul is-sena kollha;
(b) fil-każ ta’ pagamenti diretti, b’konformità mal-Artikolu 75 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013;
(c) fil-każ ta’ pagamenti oħra, matul il-perjodu li jibda fis-16 ta’ Ottubru tas-sena kurrenti u jintemm fit-30 ta’ Ġunju tas-sena ta’ wara.
Artikolu 29
Indikaturi tal-prestazzjoni
Kull sena, il-Greċja għandha tinnotifika lill-Kummissjoni tal-inqas dwar id-dejta relatata mal-indikaturi tal-prestazzjoni stabbiliti fl-Anness II.
Din id-data għandha tiġi nnotifikata fil-kuntest tar-rapport annwali ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 20(2) tar-Regolament (UE) Nru 229/2013.
Artikolu 30
Notifiki
1. Fir-rigward tal-arranġamenti speċifiċi għall-provvista, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, mhux aktar tard mill-31 ta' Mejju ta' kull sena, dwar id-data li ġejja, marbuta mal-operazzjonijiet imwettqa fis-sena preċedenti fir-rigward tal-bilanċ tal-provvista tas-sena kalendarja ta' referenza, imqassma skont il-prodott u l-kodiċi NM u, fejn applikabbli, skont id-destinazzjoni individwali:
(a) il-kwantitajiet imqassma skont jekk intbagħtux mill-Greċja kontinentali jew gżejjer oħra;
(b) l-ammont ta’ għajnuna u n-nefqa effettivament imħallsa skont il-prodott;
(c) il-kwantitajiet li għalihom ma ġewx utilizzati ċ-ċertifikati tal-għajnuna;
(d) kwalunkwe kwantità esportata lejn pajjiżi terzi jew mibgħuta lejn il-bqija tal-Unjoni wara l-ipproċessar b’konformità mal-Artikolu 11;
(e) it-trasferimenti fl-ambitu ta' kwantità globali għal kategorija ta’ prodotti u emendi fil-bilanċi previsti tal-provvista matul il-perjodu;
(f) il-bilanċ disponibbli u r-rata tal-utilizzazzjoni.
Id-data prevista fl-ewwel subparagrafu għandha tiġi pprovduta fuq il-bażi taċ-ċertifikati utilizzati. ►M1 ————— ◄
2. Fir-rigward tal-appoġġ għall-produzzjoni lokali, il-Greċja għandha tinnotifika lill-Kummissjoni:
(a) mhux aktar tard mit-30 ta’ April kull sena, bl-applikazzjonijiet għall-għajnuna li tirċievi u l-ammonti involuti għas-sena kalendarja ta’ qabel;
(b) mhux aktar tard mill-31 ta’ Lulju kull sena, bl-applikazzjonijiet għall-għajnuna definittivament eliġibbli u l-ammonti involuti għas-sena kalendarja ta’ qabel.
3. In-notifiki msemmija f'dan l-Artikolu għandhom isiru skont ir-Regolament Delegat (UE) 2017/1183 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (KE) Nru 2017/1185.
4. In-notifiki msemmija fl-Artikolu 20(1) tar-Regolament (UE) Nru 229/2013 għandhom isiru wkoll skont ir-Regolament Delegat (UE) 2017/1183 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 2017/1185.
Artikolu 31
Rapport annwali
1. L-istruttura u l-kontenut tar-rapport annwali msemmija fl-Artikolu 20(2) tar-Regolament (UE) Nru 229/2013 għandhom ikunu kif stabbilit fl-Anness III għal dan ir-Regolament.
2. Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi sottomess lill-Kummissjoni skont ir-Regolament Delegat (UE) 2017/1183 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (KE) Nru 2017/1185.
Artikolu 32
Emendi fil-programm
1. L-emendi li saru fil-programm ta' appoġġ imsemmi fil-Kapitolu II tar-Regolament (UE) Nru 229/2013 għandhom jiġu sottomessi lill-Kummissjoni darba kull sena kalendarja, ħlief f'każijiet ta' forza maġġuri jew ta' ċirkostanzi eċċezzjonali. Huma għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta' Lulju tas-sena ta' qabel l-applikazzjoni tagħhom. L-emendi għandhom ikunu sostanzjati kif xieraq, partikolarment billi tingħata l-informazzjoni li ġejja:
(a) ir-raġunijiet għal kwalunkwe problemi ta' implimentazzjoni li jiġġustifikaw l-emenda tal-programm;
(b) l-effetti mistennija tal-emenda;
(c) l-implikazzjonijiet fuq l-kundizzjonijiet ta' finanzjament u ta' eliġibbiltà.
Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Greċja jekk tqis li l-emendi ma jikkonformawx mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, b'mod partikolari mal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 229/2013, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 51 u 52 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.
L-emendi għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar tas-sena wara dik li fiha jkunu ġew notifikati. Fil-każ li titqies neċessarja applikazzjoni minn qabel, tali emendi jistgħu japplikaw aktar kmieni, sakemm ma toġġezzjonax il-Kummissjoni.
2. Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tevalwa separatament l-emendi proposti mill-Greċja li jikkonsistu mill-introduzzjoni fil-programm ġenerali ta' gruppi ġodda ta' prodotti li għandhom jiġu appoġġjati skont l-arranġamenti speċifiċi għall-provvista jew ta' miżuri ġodda biex jgħinu l-produzzjoni agrikola lokali. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-approvazzjoni tagħhom fi żmien ħames xhur mid-data li jkunu ġew sottomessi skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 22(2) tar-Regolament (UE) Nru 229/2013.
L-emendi hekk approvati għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar tas-sena wara dik li fiha tkun saret il-proposta għal emenda jew mid-data indikata espliċitament fid-deċiżjoni tal-approvazzjoni.
3. Il-Greċja tista' tagħmel l-emendi li ġejjin, mingħajr rikors għall-proċedura stabbilita fil-paragrafu 1, ġaladarba l-emendi jiġu notifikati lill-Kummissjoni:
(a) fil-każ ta’ bilanċi previsti tal-provvista, it-tibdil fil-livell individwali ta' għajnuna sa 20 % jew it-tibdil fil-kwantitajiet tal-prodotti kkonċernati koperti mill-bilanċ tal-provvista u, konsegwentement, l-ammont globali ta’ għajnuna allokat biex jappoġġja kull linja ta’ prodotti;
(b) fir-rigward tal-miżuri kollha, aġġustamenti sa 20 % tal-allokazzjoni finanzjarja għal kull miżura individwali, mingħajr preġudizzju għal-limiti massimi finanzjarji previsti mill-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 229/2013 b'kundizzjoni li tali aġġustamenti jiġu notifikati sa mhux aktar tard mill-31 ta' Mejju tas-sena wara dik kalendarja li għaliha tirreferi l-allokazzjoni finanzjarja emendata;
(c) it-tibdil li jsegwi l-emendi tal-kodiċijiet u d-deskrizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 ( 9 ) użati biex jidentifikaw il-prodotti li jibbenefikaw minn għajnuna, dejjem sakemm dawk l-emendi ma jimplikawx bidla tal-prodotti nfushom.
4. L-emendi msemmija fil-paragrafu 3 ma għandhomx japplikaw qabel id-data li fiha jaslu għand il-Kummissjoni. Dawn għandhom jiġu spjegati u ġustifikati kif xieraq, u jistgħu jiġu implimentati biss darba fis-sena, ħlief fil-każijiet li ġejjin:
(a) forza maġġuri jew ċirkustanzi eċċezzjonali;
(b) emendi tal-kwantitajiet ta’ prodotti koperti mill-arranġamenti tal-provvista;
(c) it-tibdil li jsegwi l-emendi għall-kodiċijiet u d-deskrizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KEE) Nru 2658/87.
5. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a) “miżura” tfisser ir-raggruppament tal-azzjonijiet meħtieġa biex jintlaħaq objettiv wieħed jew aktar tal-programm li jikkostitwixxu linja li għaliha hemm allokazzjoni finanzjarja definita fit-tabella tal-finanzjament imsemmija fl-Artikolu 5(a) tar-Regolament (UE) Nru 229/2013;
(b) “grupp ta’ prodotti” tfisser il-prodotti kollha li jikkondividu l-ewwel żewġ ċifri tal-kodiċi NM kif previst fir-Regolament (KEE) Nru 2658/87.
6. In-notifiki msemmija f'dan l-Artikolu għandhom isiru skont ir-Regolament Delegat (UE) 2017/1183 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1185.
Artikolu 33
Tnaqqis ta’ ħlas bil-quddiem
Mingħajr preġudizzju għar-regoli ġenerali dwar id-dixxiplina baġitarja, fejn l-informazzjoni trażmessa mill-Greċja lill-Kummissjoni skont l-Artikoli 30 u 31 ma tkunx kompluta jew il-limitu ta' żmien għat-trażmissjoni ta' dik l-informazzjoni ma jkunx ġie rispettat, il-Kummissjoni tista’ tnaqqas il-ħlas bil-quddiem mad-dħul fil-kotba tan-nefqa agrikola fuq bażi temporanja u b’rata fissa.
Artikolu 34
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jkun jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
ANNESS I
Kwantitajiet massimi ta’ prodotti pproċessati li jistgħu jiġu esportati jew konsenjati annwalment mill-gżejjer minuri tal-Eġew fil-kuntest ta’ flussi tal-kummerċ tradizzjonali
|
[Kwantità f’kilogrammi (jew litri*)] |
||
|
Kodiċi NM |
Lejn l-Unjoni |
Lejn pajjiżi terzi |
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
ANNESS II
Indikaturi ta’ Prestazzjoni
|
Objettiv |
: |
Li tkun garantita l-provvista lill-gżejjer minuri tal-Eġew ta’ prodotti essenzjali għall-konsum mill-bniedem jew għall-ipproċessar u bħala inputs agrikoli:
|
|
Objettiv |
: |
Li jiġi żgurat livell tal-prezzijiet ġust għal prodotti essenzjali għall-konsum mill-bniedem jew għall-għalf tal-annimali:
|
|
Objettiv |
: |
Li titħeġġeġ il-produzzjoni agrikola lokali fid-dawl tal-awtoprovvista tal-gżejjer minuri tal-Eġew u taż-żamma/tal-iżvilupp tal-produzzjoni orjentata lejn l-esportazzjoni:
|
|
Objettiv |
: |
Li tinżamm/tiġi żviluppata l-produzzjoni agrikola lokali:
|
ANNESS III
L-istruttura u l-kontenut tar-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 31
L-istruttura u l-kontenut tar-rapport matul is-sena ta' qabel għandhom ikunu kif ġej:
1. IL-KUNTEST ĠENERALI FIS-SENA TA' QABEL
|
1.1. |
Il-kuntest soċjo-ekonomiku. |
|
1.2. |
Is-sitwazzjoni tal-agrikoltura u l-iżvilupp tagħha. |
2. L-IMPLIMENTAZZJONI FIŻIKA U FINANZJARJA TAL-MIŻURI U TAL-AZZJONIJIET
|
2.1. |
Tabella ġenerali b'data finanzjarja dwar l-appoġġ għall-produzzjoni lokali u l-arranġamenti speċifiċi tal-provvista, inkluż l-allokazzjoni inizjali għal kull miżura u azzjoni, kif ukoll l-infiq reali u, jekk rilevanti, kwalunkwe għajnuna mill-Istat mogħtija f'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 229/2013. |
|
2.2. |
Deskrizzjoni komprensiva tal-implimentazzjoni fiżika u finanzjarja ta' kull miżura u azzjoni, inkluża l-assistenza teknika, li hemm fil-programm: (a) għall-arranġamenti speċifiċi tal-provvista: id-data u l-analiżi dwar il-bilanċ tal-provvista annwali tal-gżejjer minuri tal-Eġew; (b) għall-appoġġ tal-produzzjoni lokali: id-data u analiżi tal-implimentazzjoni fiżika u finanzjarja ta' kull miżura u azzjoni elenkati fil-programm inkluż data bħan-numru ta' benefiċjarji, in-numru ta' annimali koperti mill-pagament, l-erja tal-wiċċ eliġibbli u/jew in-numru ta' azjendi kkonċernati. Meta jkun meħtieġ, id-data trid tkun akkumpanjata minn preżentazzjoni u analiżi tas-settur li miegħu għandha x'taqsam il-miżura. |
3. IL-PRESTAZZJONI TAL-PROGRAMM FIS-SENA TA' QABEL
|
3.1. |
Il-progress tal-miżuri u tal-azzjonijiet lejn l-objettivi u l-prijoritajiet speċifiċi tal-programm u tal-objettivi ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 229/2013: (a) l-iżvilupp u l-analiżi tal-indikaturi nazzjonali jikkwantifikaw l-objettivi speċifiċi tal-programm u l-valutazzjoni sa kemm ikunu ntlaħqu l-objettivi speċifiċi assenjati lil kull waħda mill-miżuri li jinsabu fil-programm; (b) għall-arranġamenti speċifiċi tal-provvista, l-informazzjoni dwar il-mod li bih ġie mgħoddi l-vantaġġ mogħti, kif ukoll il-miżuri meħuda u l-verifiki mwettqa biex jiġi żgurat li dan ġie mgħoddi b'konformità mal-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament; (c) għall-arranġamenti speċifiċi tal-provvista, analiżi tal-proporzjonalità tal-għajnuna b'rabta mal-ispiża addizzjonali tat-trasport lejn il-gżejjer tal-Eġew u, fil-każ ta' prodotti maħsuba għall-ipproċessar u għal inputs agrikoli, l-ispejjeż addizzjonali tal-insularità u d-distanza; (d) id-data annwali dwar l-indikaturi tal-prestazzjoni msemmija fl-Artikolu 29 ta' dan ir-Regolament u l-analiżi tagħhom, b'mod partikolari fir-rigward tal-ilħuq tal-objettivi ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 229/2013. |
|
3.2. |
Il-konklużjonijiet tal-analiżijiet dwar l-idoneità tal-istrateġija tal-miżuri u l-possibbiltà ta' titjib sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-programm. |
4. IL-ĠESTJONI TAL-PROGRAMM
|
4.1. |
Rendikont qasir ta' kwalunkwe problema serja li tinqala' fil-ġestjoni u fl-implimentazzjoni tal-miżuri matul is-sena in kwistjoni. |
|
4.2. |
L-istatistika dwar il-verifiki mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti u kwalunkwe penali applikata. Kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li tista' tkun utli biex wieħed jifhem id-data sottomessa. |
5. L-EMENDI
Sommarju qasir ta' kwalunkwe emenda għall-programm ippreżentata tul is-sena in kwistjoni u l-ġustifikazzjonijiet tagħhom.
( 1 ) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1239 tat-18 ta' Mejju 2016 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema ta' liċenzji ta' importazzjoni u ta' esportazzjoni (ĠU L 206, 30.7.2016, p. 44).
( 2 ) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1237 tat-18 ta' Mejju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli għall-applikazzjoni tas-sistema ta' liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli dwar ir-rilaxx u t-telf ta' garanziji ppreżentati għal tali liċenzji, li jemenda r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 2535/2001, (KE) Nru 1342/2003, (KE) Nru 2336/2003, (KE) Nru 951/2006, (KE) Nru 341/2007 u (KE) Nru 382/2008 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 2390/98, (KE) Nru 1345/2005, (KE) Nru 376/2008 u (KE) Nru 507/2008 (ĠU L 206, 30.7.2016, p. 1).
( 3 ) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1183 tal-20 ta' April 2017 li jissupplimenta r-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notifiki lill-Kummissjoni ta' informazzjoni u dokumenti (ĠU L 171, 4.7.2017, p. 100).
( 4 ) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1185 tal-20 ta' April 2017 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notifiki lill-Kummissjoni tal-informazzjoni u d-dokumenti u li jemendaw u jħassru diversi Regolamenti tal-Kummissjoni (ĠU L 171, 4.7.2017, p. 113).
( 5 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1276/2008 tas-17 ta' Diċembru 2008 dwar il-monitoraġġ, permezz ta' verifiki fiżiċi tal-esportazzjoni ta' prodotti agrikoli li qegħdin jirċievu rifużjonijiet jew somom oħra (ĠU L 339, 18.12.2008, p. 53).
( 6 ) Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).
( 7 ) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas-17 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta' amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU L 227, 31.7.2014, p. 69).
( 8 ) Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 tal-11 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta' amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta' pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità (ĠU L 181, 20.6.2014, p. 48).
( 9 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).