KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BIONDI
ippreżentati fit‑18 ta’ Settembru 2025 ( 1 )
Kawża C‑564/24
Eisenberger Gerüstbau GmbH
vs
JK
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Kammergericht (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratt mill-bogħod konkluż bejn kummerċjant u konsumatur – Dritt ta’ rtirar tal-konsumatur – Dritt tal-kummerċjant għal kumpens – Stabbiliment ta’ kuntatt bejn konsumatur u kummerċjant permezz ta’ terz imqabbad mill-konsumatur”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2011/83 ( 2 ) magħmula mill-qorti nazzjonali jirrigwardaw prinċipalment id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “kuntratt mill-bogħod” u l-mod kif jinstab bilanċ ġust bejn l-għanijiet differenti mfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni f’każ ta’ rtirar mill-kuntratt min-naħa tal-konsumatur. L-għan ewlieni tad-direttiva huwa ċar: il-protezzjoni tal-konsumaturi. Madankollu, din għandha tiġi kkwalifikata bil-ħtieġa li tiġi ppreżervata ċ-ċertezza legali u l-bona fide bejn il-partijiet fir-relazzjonijiet kuntrattwali. Għalhekk, il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tikkjarifika aspetti importanti fl-applikazzjoni tad-direttiva. |
|
2. |
Permezz tad-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk jaqax taħt il-kunċett ta’ “kuntratt mill-bogħod” imsemmi fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 anki l-każ meta l-konsumatur ikun uża, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, l-għajnuna ta’ professjonist terz, u jekk ftehim sussegwenti dwar servizzi addizzjonali jistax jiġi kklassifikat bħala kuntratt mill-bogħod. Fl-aħħar nett, il-kwistjoni li jidhirli li hija l-iktar importanti tikkonċerna l-każ fejn il-konsumatur jirtira mill-eżekuzzjoni tal-kuntratt, anki fl-assenza ta’ informazzjoni dwar l-irtirar prevista mil-liġi; qiegħed jiġi mistoqsi jekk dan ikunx obbligat li jirrimborsa lill-kummerċjant b’mod raġonevoli, u fin-nuqqas ta’ dan jista’ jitwettaq abbuż ta’ dritt. |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
|
3. |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 jipprovdi kif ġej: “Għall-għan ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
|
4. |
L-Artikolu 6 tal-istess direttiva, intitolat “Rekwiżiti ta’ informazzjoni għal kuntratti mill-bogħod u lil hinn mill-post tan-negozju”, huwa fformulat kif ġej: “1. Qabel ma l-konsumatur jintrabat b’kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, jew bi kwanlunkwe offerta korrispondenti, il-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur l-informazzjoni li ġejja b’mod ċar u komprensibbli: […]
|
|
5. |
L-Artikolu 9(1), intitolat “Dritt ta’ reċess”, huwa fformulat kif ġej: “Ħlief fejn japplikaw l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 16, il-konsumatur għandu jkollu perjodu ta’ 14-il jum biex jirreċedi minn kuntratt mill-bogħod jewlil hinn mill-post tan-negozju, mingħajr ma jagħti raġuni, u mingħajr ma jġarrab spejjeż differenti minn dawk previsti fl-Artikolu 13(2) u l-Artikolu 14”. |
|
6. |
L-Artikolu 10, intitolat “Nuqqas ta’ informazzjoni dwar id-dritt ta’ reċess” jgħid dan li ġej: “1. Jekk kummerċjant ma pprovdiex lill-konsumatur bl-informazzjoni tad-dritt ta’ reċess kif rikjest mill-punt (h) tal-Artikolu 6(1), il-perjodu ta’ reċess għandu jiskadi tnax-il xahar mit-tmiem tal-perjodu ta’ reċess inizjali, kif determinat skont l-Artikolu 9(2). 2. Jekk il-kummerċjant ikun ipprovda lill-konsumatur bl-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu fi żmien 12‑il xahar mill-jum li hemm riferiment għalih fl-Artikolu 9(2), id-dritt ta’ reċess għandu jiskadi 14‑il jum wara l-jum li fih il-konsumatur jirċievi dik l-informazzjoni”. |
|
7. |
L-Artikolu 12, intitolat “Effetti tar-reċess” jipprevedi: “L-eżerċizzju tad-dritt ta’ reċess għandu jittermina l-obbligi tal-partijiet:
|
|
8. |
L-Artikolu 13(1), intitolat “Obbligi tal-kummerċjant f’każ ta’ reċess”, huwa fformulat kif ġej: “1. Il-kummerċjant għandu jagħti rimbors għall-pagamenti kollha li rċieva mingħand il-konsumatur, inklużm jekk ikun il-każ, l-ispejjeż tal-kunsinna mingħajr dewmien mhux dovut u f’kull każ mhux aktar tard minn 14‑il jum minn dak li fih ikun infurmat bid-deċiżjoni tal-konsumatur li jirreċedi mill-kuntratt skont l-Artikolu 11 […]”. |
|
9. |
L-Artikolu 14(4)(a), intitolat “Obbligi tal-konsumatur f’każ ta’ reċess”, jipprevedi dan li ġej: “4. Il-konsumatur ma għandu jeħel l-ebda spiża għal:
|
B. Id-dritt Ġermaniż
|
10. |
L-Artikolu 242 tal-Bürgerliches Gesetzbuch ( 3 ) (il-Kodiċi Ċivili, iktar ’il quddiem, il-“BGB”) jipprovdi dan li ġej: “Id-debitur huwa marbut jeżegwixxi l-obbligu in bona fide, filwaqt li jikkunsidra l-użu kummerċjali”. |
|
11. |
L-Artikolu 312c tal-BGB, intitolat “Kuntratti mill-bogħod”, jipprovdi kif ġej: “(1) ‘Kuntratti mill-bogħod’ tfisser kuntratti fejn il-kummerċjant, jew persuna li taġixxi f’ismu jew għall-interessi tiegħu, u l-konsumatur jużaw esklużivament mezzi ta’ komunikazzjoni mill-bogħod għan-negozjar u l-konklużjoni tal-kuntratt, ħlief meta l-konklużjoni tal-kuntratt ma ssirx taħt sistema organizzata ta’ bejgħ mill-bogħod jew ta’ provvista ta’ servizzi. (2) Il-mezzi ta’ komunikazzjoni mill-bogħod fis-sens ta’ din il-liġi huma l-mezzi kollha ta’ komunikazzjoni li jistgħu jintużaw għall-preparazzjoni jew għall-konklużjoni ta’ kuntratt mingħajr il-preżenza fiżika u simultanja tal-partijiet kontraenti, bħal ittri, katalogi, telefonati, faks, posta elettronika, messaġġi mibgħuta permezz ta’ servizz ta’ telefonija mobbli (SMS) kif ukoll ix-xandir u l-medja”. |
|
12. |
L-Artikolu 357 tal-BGB, intitolat “Konsegwenzi legali tal-irtirar tal-kuntratti konklużi lil hinn mill-post tan-negozju u kuntratti mill-bogħod, bl-eċċezzjoni tal-kuntratti dwar servizzi finanzjarji”, jgħid hekk: “(1) Il-benefiċċji rċevuti għandhom jingħataw lura sa mhux iktar tard minn 14‑il jum. […] (8) Meta l-konsumatur jirtira minn kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi […], il-konsumatur għandu jħallas kumpens għas-servizz ipprovdut sal-irtirar, jekk il-konsumatur ikun talab espressament lill-kummerċjant sabiex jibda jeżegwixxi s-servizz qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ rtirar. Id-dritt li jirriżulta mill-ewwel sentenza jeżisti biss jekk il-kummerċjant ikun informa skont ir-regola lill-konsumatur, skont il-punti 1 u 3 tal-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-ewwel taqsima tal-Artikolu 246a tal-Einführungsgesetz zum Bürgerlichen Gesetzbuche (il-Liġi Introduttiva tal-Kodiċi Ċivili). […]. Fil-kalkolu tal-kumpens, wieħed għandu jibbaża ruħu fuq il-prezz totali miftiehem. Jekk il-prezz totali miftiehem huwa eċċessivament għoli, il-kumpens għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-valur tas-suq tas-servizz ipprovdut”. |
III. Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
13. |
Fl-2020, JK, ir-rikorrent, proprjetarju ta’ proprjetà immobbli ta’ diversi sulari f’Berlin, iddeċieda li jżid żewġ sulari ġodda fuq l-imsemmi bini. Għal dan l-għan, huwa qabbad perit sabiex jiddisinja u jmexxi x-xogħlijiet kif ukoll sabiex jassisti fil-konklużjoni tal-kuntratti relatati. |
|
14. |
Il-perit, wara li għażel lil Eisenberger Gerüstbau GmbH (iktar ’il quddiem “Eisenberger”) bħala impriża speċjalizzata fl-installazzjoni ta’ scaffolding, bagħat permezz ta’ posta elettronika kemm lil Eisenberger kif ukoll lil JK abbozz ta’ kuntratt li huwa kien ipprepara. Madankollu, dan l-abbozz ma kien jinkludi ebda indikazzjoni dwar id-dritt ta’ rtirar ta’ JK u, f’Diċembru 2020, ġie ffirmat, mingħajr ebda tibdil, miż-żewġ partijiet. |
|
15. |
Wara l-installazzjoni tal-iscaffolding, f’Jannar 2021, Eisenberger issottomettiet lil JK, permezz ta’ posta elettronika, offerta integrattiva għall-installazzjoni ta’ żewġ installazzjonijiet ta’ scaffolding addizzjonali. Din l-offerta ġiet iffirmata minn JK permezz ta’ kuntratt speċifiku, dejjem permezz ta’ posta elettronika. |
|
16. |
Sussegwentement, Eisenberger ikkonċediet lil JK l-użu tal-iscaffolding għall-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni previsti għall-bini. |
|
17. |
Fix-xahar ta’ Diċembru 2021, għalkemm ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni li kienu jeħtieġu l-iscaffolding kienu issa tlestew, JK iddikjara li kien qed jirtira mill-kuntratt ta’ provvista ta’ scaffolding, inkluż il-kuntratt integrattiv, billi rrifjuta li jagħmel iktar ħlasijiet u billi talab il-ħlas lura tas-somma mħallsa abbażi tal-fatturi maħruġa sax-xahar ta’ Mejju 2021. |
|
18. |
Wara li żarmat l-iscaffolding, fuq talba ta’ JK, Eisenberger għalhekk ħarrket lil JK quddiem il-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin, il-Ġermanja) sabiex tikseb il-ħlas tar-remunerazzjoni li kienet għadha ma tħallsitx. Fil-kuntest tal-istess proċedura, JK ressaq kontrotalba intiża sabiex jikseb ir-rimbors tas-somom imħallsa sa dak iż-żmien. |
|
19. |
Il-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin), filwaqt li laqgħet il-kontrotalba, ċaħdet ir-rikors permezz ta’ sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2023, li minnha Eisenberger iddeċidiet li tappella. |
|
20. |
Il-Kammergericht (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja erba’ domandi preliminari:
|
IV. Analiżi
|
21. |
L-ewwel tliet domandi preliminari għandhom natura ta’ definizzjoni għaliex jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-limiti tal-kunċetti ta’ “konsumatur” u ta’ “kuntratt mill-bogħod”: risposta utli tista’, fil-fehma tiegħi, tingħata mingħajr diffikultà eċċessiva abbażi tal-ġurisprudenza eżistenti. Kif semmejt, ir-raba’ domanda hija l-qofol tal-kawża peress li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar kwistjoni sensittiva fil-fehma tiegħi: kif jista’ jiġi rrikonċiljat id-dritt ta’ rtirar tal-konsumatur, li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ informazzjoni min-naħa tal-kummerċjant, jestendi sa sena wara l-konklużjoni tal-kuntratt, mal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-kummerċjant u mal-prinċipju ta’ bona fide kuntrattwali? Fil-fatt, ir-rispett dovut tad-drittijiet tal-konsumaturi, bħala partijiet dgħajfa fil-kuntratt, ma jistax ma jkunx limitat fil-każijiet fejn ikun hemm każijiet ta’ “abbuż”, li d-dritt tal-Unjoni ma jista’ bl-ebda mod jipproteġi. Dan huwa iktar u iktar il-każ meta l-obbligu assunt mill-kummerċjant ikun, essenzjalment, ġie eżegwit fl-intier tiegħu. |
A. Fuq l-ewwel u t-tieni domanda preliminari
|
22. |
Sabiex tingħata risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi vverifikat jekk, fis-sens tad-Direttiva 2011/83, kuntratt konkluż permezz ta’ posta elettronika bejn kummerċjant u konsumatur megħjun minn professjonist terz qabel il-konklużjoni tal-kuntratt jistax jiġi kklassifikat bħala kuntratt mill-bogħod għall-finijiet tal-applikazzjoni jew le tad-dritt ta’ rtirar skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2011/83 ( 4 ). |
|
23. |
Sabiex kuntratt ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala “kuntratt mill-bogħod”, għandhom jiġu ssodisfatti b’mod kumulattiv erba’ kundizzjonijiet: (i) il-kuntratt għandu jiġi konkluż bejn konsumatur u kummerċjant; (ii) għandu jiġi konkluż fil-kuntest ta’ sistema ta’ bejgħ organizzat jew ta’ provvista ta’ servizzi mill-bogħod; (iii) il-konklużjoni għandha ssir mingħajr il-preżenza fiżika u simultanja tal-kummerċjant u l-konsumatur, u (iv) ir-relazzjoni kuntrattwali għandha tiġi ddeterminata bl-użu esklużiv ta’ mezz wieħed jew iktar ta’ komunikazzjoni mill-bogħod, sal-konklużjoni tal-kuntratt, inkluż il-konklużjoni tal-kuntratt innifsu ( 5 ). |
|
24. |
F’dak li jirrigwarda l-ewwel kundizzjoni msemmija fl-ewwel punt (i) ( 6 ), preliminarjament, għandu jiġi eżaminat jekk JK jistax jiġi kklassifikat bħala konsumatur minkejja l-għajnuna tal-perit qabel il-konklużjoni tal-kuntratt. |
|
25. |
Skont id-Direttiva 2011/83, ikun konsumatur kull persuna fiżika li, fil-kuntest ta’ kuntratt kopert minn din l-istess direttiva, taġixxi għal finijiet li ma humiex relatati mal-attività kummerċjali, industrijali, artiġjanali jew professjonali ( 7 ) tagħha. Ikun kummerċjant kull persuna fiżika jew ġuridika li taġixxi fil-kuntest tal-attività tagħha, taħt kuntratti koperti mid-direttiva stess, anki permezz ta’ kull persuna oħra li taġixxi f’isimha jew għall-interessi tagħha ( 8 ). |
|
26. |
Il-kunċett ta’ “konsumatur”, b’mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni kuntrattwali, huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi ( 9 ). F’dan ir-rigward, id-definizzjoni li tinsab fid-direttiva dwar il-klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur ( 10 ) hija partikolarment rilevanti kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja: il-klassifikazzjoni ta’ “konsumatur” għandha tiġi ddeterminata fid-dawl ta’ kriterju funzjonali, li jikkonsisti fl-evalwazzjoni ta’ jekk ir-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni taqax fil-kuntest ta’ attivitajiet li ma għandhomx x’jaqsmu mal-eżerċizzju ta’ professjoni ( 11 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kunċett ta’ konsumatur huwa ta’ natura oġġettiva u huwa indipendenti mill-għarfien konkret li l-persuna kkonċernata jista’ jkollha jew mill-informazzjoni li din il-persuna jkollha ( 12 ). |
|
27. |
Fir-realtà, ma jirriżultax mill-proċess jekk is-servizz intalabx għal finijiet personali jew kummerċjali (pereżempju, għall-kiri jew għall-bejgħ), jew għat-tnejn li huma. Fuq dan il-punt, kif iddikjarat fil-premessa 17 tad-direttiva, fil-każ ta’ kuntratti bi skop doppju, jiġifieri meta l-kuntratt ikun ġie konkluż għal finijiet li jaqgħu parzjalment fil-kuntest tal-attivitajiet kummerċjali tal-persuna u jibqgħu parzjalment barra mill-portata tiegħu, għandu jiġi vverifikat jekk l-għan kummerċjali huwiex predominanti jew le fil-kuntest ġenerali tal-kuntratt. Jekk dan ikun tant limitat li ma jkunx predominanti, il-persuna inkwistjoni tista’ tiġi kklassifikata bħala konsumatur ( 13 ). |
|
28. |
F’dan il-każ, jiena tal-fehma li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk dak li jkun huwiex konsumatur billi għandha twettaq evalwazzjoni globali tal-elementi utli kollha. B’mod partikolari, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet tal-kuntratt – filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari għan-natura tal-oġġett jew tas-servizz li huwa s-suġġett tal-kuntratt – li jistgħu juru l-għanijiet li għalihom l-oġġett jew is-servizz ikun ġie akkwistat ( 14 ). |
|
29. |
Fir-rigward b’mod partikolari tal-għajnuna pprovduta mill-perit lill-konsumatur, dan il-fatt ma jagħmlux awtomatikament, fil-fehma tiegħi, inqas dgħajjef jew iktar espert u għalhekk ma għandux effett dirett fuq il-klassifikazzjoni ta’ “konsumatur”. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-konsumatur jinsab, meta mqabbel mal-kummerċjant, f’sitwazzjoni ta’ inferjorità, peress li huwa “ekonomikament iktar dgħajjef u inqas legalment esperjenzat mill-kontraenti tiegħu” ( 15 ), indipendentement mill-ħiliet tekniċi li jista’ jkollu ( 16 ). |
|
30. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li l-fatt li huwa kien megħjun minn professjonist terz qabel il-konklużjoni tal-kuntratt ma jipprekludix, fih innifsu, li dan jiġi kklassifikat bħala “konsumatur”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83. |
|
31. |
F’dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet l-oħra ( 17 ) imsemmija fil-punt 7 tal-Artikolu 2, li għandhom jiġu analizzati flimkien, id-dispożizzjonijiet tad-direttiva dwar il-kuntratti li jsiru mill-bogħod huma intiżi sabiex jiġi evitat li l-użu ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni mill-bogħod iwassal għal tnaqqis fl-informazzjoni pprovduta lill-konsumatur, b’mod partikolari fir-rigward tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva stess, li hija ta’ importanza fundamentali għall-konsumatur ( 18 ). |
|
32. |
Kif iddikjarat fil-premessa 20 tad-Direttiva 2011/83, il-kunċett ta’ “kuntratt mill-bogħod” ma għandux jinkludi każijiet fejn il-kuntratt ikun ġie nnegozjat fil-post tan-negozju tal-kummerċjant u jkun ġie konkluż definittivament permezz ta’ mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod, kif ukoll il-każijiet fejn il-kuntratt ikun inbeda b’mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod iżda jkun ġie konkluż definittivament fil-post tan-negozju tal-kummerċjant. Barra minn hekk, l-istess premessa tispeċifika li l-kunċett ta’ skema organizzata ta’ bejgħ jew ta’ provvista ta’ servizzi mill-bogħod jenħtieġ li jkopri dawk l-iskemi offruti minn parti terza għajr il-kummerċjant, iżda użati mill-kummerċjant, bħal pjattaforma onlajn. Iżda, huma esklużi każijiet fejn is-siti web joffru biss informazzjoni dwar il-kummerċjant, l-oġġetti u/jew is-servizzi li jipprovdi u d-dettalji ta’ kuntatt tiegħu ( 19 ). |
|
33. |
F’dan il-każ, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, jirriżulta li l-perit, inkarigat mill-konsumatur għall-għajnuna fl-istipulazzjoni tal-kuntratt permezz tal-preparazzjoni tal-abbozzi, ikkuntattja lil Eisenberger u talabha tagħmel offerta. Sussegwentement, mill-proċess jidher li l-perit bagħat liż-żewġ partijiet permezz ta’ posta elettronika l-abbozz ta’ kuntratt, li ma kien jinkludi ebda informazzjoni dwar id-dritt ta’ rtirar tal-konsumatur ( 20 ). Eisenberger imbagħad iffirmat il-kuntratt mingħajr tibdil, u bagħtitu lill-konsumatur, li mbagħad bagħat lura l-kuntratt iffirmat bil-posta ordinarja. Dawn l-elementi fattwali jidhru li jindikaw li l-kuntratt ġie konkluż esklużivament permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni mill-bogħod, mingħajr il-preżenza fiżika u simultanja tal-kummerċjant u tal-konsumatur. Iżda mill-proċess ma jirriżulta ebda element relatat mal-iskema organizzata ta’ bejgħ jew ta’ provvista ta’ servizzi mill-bogħod stabbilita mill-kummerċjant, bħal pereżempju l-punt dwar jekk huwiex il-kummerċjant li inċentiva l-konklużjoni tal-kuntratt permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni mill-bogħod. |
|
34. |
Għaldaqstant, minn dan jista’ jiġi dedott li l-perit ippermetta biss lill-konsumatur jiġbor informazzjoni dwar is-suġġett tal-kuntratt, mingħajr madankollu ma ttratta ma’ ebda waħda mill-partijiet fil-kuntratt u mingħajr ma pprovda lill-konsumatur l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/83. F’każ bħal dan, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, meta dawn il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti, il-kuntratt inkwistjoni jista’ jitqies bħala “kuntratt mill-bogħod” ( 21 ). |
|
35. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li, bla ħsara għall-verifika mill-qorti nazzjonali tar-rinviju dwar jekk l-erba’ kundizzjonijiet ( 22 ) li jikkonċernaw id-definizzjoni tal-kuntratt mill-bogħod kinux issodisfatti, kuntratt bħal dak li kkonkludew Eisenberger u l-konvenut, jista’ jitqies bħala “kuntratt mill-bogħod” fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 bil-possibbiltà konsegwenti ta’ rtirar mill-kuntratt skont l-Artikolu 9(1) tal-istess direttiva. |
B. Fuq it-tielet domanda preliminari
|
36. |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, meta l-partijiet jikkonkludu, billi jirrikorru esklużivament għal mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod, ftehim dwar servizzi addizzjonali fir-rigward tas-servizzi previsti minn kuntratt li ma jkunx kuntratt mill-bogħod, dan il-ftehim jikkostitwixxix kuntratt mill-bogħod fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83. |
|
37. |
Qabel kollox, għandu jiġi osservat li din id-domanda hija rilevanti biss fil-każ li r-risposta għall-ewwel żewġ domandi tkun li l-kuntratt inizjali ma jistax jiġi kklassifikat bħala “kuntratt mill-bogħod”. Madankollu, ser nillimita ruħi għal xi osservazzjonijiet kif ġej. |
|
38. |
Bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, jiena tal-fehma li l-kundizzjonijiet ta’ definizzjoni ta’ kuntratt mill-bogħod jistgħu japplikaw ukoll għal ftehim addizzjonali sussegwenti ( 23 ). Fil-fatt, wara l-konklużjoni tal-kuntratt u tal-installazzjoni tal-iscaffolding, Eisenberger bagħtet permezz ta’ posta elettronika lil JK offerta integrattiva għal żewġ installazzjonijiet ta’ scaffolding addizzjonali. Il-konsumatur iffirma l-offerta billi bagħatha bil-posta elettronika. |
|
39. |
Huwa minnu li, kif imsemmi fil-premessa 14 ( 24 ) tad-direttiva, kif ukoll l-Artikolu 3(5) ( 25 ) tad-Direttiva 2011/83, tibqa’ mhux affettwata l-leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tal-aspetti tad-dritt kuntrattwali li ma humiex irregolati minn din id-direttiva. |
|
40. |
Minn dan isegwi li aspetti tad-dritt kuntrattwali bħan-natura ta’ ftehim addizzjonali – li ma huwiex irregolat mid-Direttiva 2011/83 – għandhom ikunu rregolati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. |
|
41. |
Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, sa fejn il-kuntratt prinċipali jista’ jiġi kklassifikat bħala kuntratt mill-bogħod, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika n-natura tal-ftehim integrattiv. |
C. Fuq ir-raba’ domanda preliminari
|
42. |
Ir-raba’ domanda toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tippreċiża aħjar id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/83 li jikkonċernaw il-kawża prinċipali, fil-qasam tad-dritt ta’ rtirar. |
|
43. |
Preliminarjament, għandu jingħad li, fir-rigward ta’ sitwazzjoni relatata ma’ kuntratti nnegozjati lil hinn mill-post tan-negozju rregolati mid-Direttiva 2011/83, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-Artikolu 14(4)(a)(i) u (5) tad-Direttiva 2011/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konsumatur huwa eżentat minn kull obbligu ta’ ħlas tas-servizzi pprovduti meta l-kummerċjant ikkonċernat ma jkunx bagħatlu l-informazzjoni msemmija f’dan l-Artikolu 14(4)(a)(i) u meta l-konsumatur ikun eżerċita d-dritt tiegħu wara l-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Dan minħabba l-“importanza fundamentali li d-Direttiva 2011/83 tagħti lill-informazzjoni prekuntrattwali dwar id-dritt ta’ rtirar mill-kuntratti konklużi lil hinn mill-post tan-negozju” ( 26 ). |
|
44. |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fir-rigward ta’ każ partikolari dwar id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/48 fil-qasam tal-kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi ( 27 ) li “l-eżekuzzjoni sħiħa tal-kuntratt ta’ kreditu timplika l-estinzjoni tad-dritt ta’ rtirar” ( 28 ). B’mod iktar preċiż, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “peress li l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt tikkostitwixxi l-mekkaniżmu naturali ta’ estinzjoni tal-obbligi kuntrattwali, […] [il-]konsumatur ma jistax jinvoka iktar id-dritt ta’ irtirar […] ladarba l-kuntratt ta’ kreditu jkun ġie eżegwit fl-intier tiegħu mill-partijiet u meta l-obbligi reċiproċi li jirriżultaw minn dan il-kuntratt ikunu, minħabba f’hekk, intemmu” ( 29 ). |
|
45. |
Dan il-każ joffri perspettiva interessanti għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva li tirrikonċilja d-diversi istanzi ta’ protezzjoni li huma preżenti. Minn naħa, il-protezzjoni neċessarja u dovuta tal-konsumatur fil-mument delikat li jippreċedi l-istipulazzjoni tal-kuntratt, u għalhekk il-valorizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jagħtuh drittijiet addizzjonali fil-każ ta’ ommissjoni ta’ informazzjoni importanti min-naħa tal-kummerċjant: f’dan il-każ, l-estensjoni tat-terminu għall-irtirar għal sena ( 30 ). Min-naħa l-oħra, in-neċessità li d-dritt tal-Unjoni ma jwassalx għal aġir abbużiv minħabba ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ li jwasslu għal protezzjoni sproporzjonata tad-dritt tal-konsumatur u għal dannu mhux iġġustifikat għall-kummerċjant. |
|
46. |
Fil-fatt il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt li l-konsumatur jinvoka l-esklużjoni tar-rimbors tas-somom tistax tmur kontra l-bona fide meta jiġu ssodisfatti erba’ kundizzjonijiet kumulattivi: (i) ma jistax jiġi aċċertat li l-kummerċjant deliberatament naqas milli jipprovdi informazzjoni lill-konsumatur skont l-Artikolu 14(4)(a) tad-Direttiva 2011/83; (ii) il-kummerċjant ikun ipprovda lill-konsumatur b’servizz li ma jistax jiġi rrestitwit għal raġunijiet fattwali jew ekonomiċi; (iii) il-konsumatur issa juża dan is-servizz b’mod permanenti jew huwa ħa għalih innifsu l-valur inerenti tas-servizz, u iv) l-ammont tal-kumpens ma huwiex eċċessivament għoli. |
|
47. |
Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-kuntest tal-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ u, għaldaqstant, tal-livell ta’ ħtija fl-ommissjoni tal-informazzjoni mill-kummerċjant u tan-natura tax-xogħol imwettaq, flimkien mal-ammont tas-somom mitluba, huwiex possibbli li ssir evalwazzjoni skont il-prinċipji ta’ bona fide kuntrattwali tal-aġir tal-partijiet li tista’ twassal għal soluzzjoni differenti minn dik ipprospettata mill-konsumatur, jiġifieri li jinħeles minn kull spiża, anki għalkemm huwa bbenefika b’mod sħiħ mis-servizz li huwa s-suġġett tal-kuntratt. |
|
48. |
Qabel kollox, għandu jiġi osservat li d-Direttiva 2011/83 ma tinkludi ebda dispożizzjoni dwar il-kwistjoni tal-abbuż mill-konsumatur tad-drittijiet mogħtija minn din id-direttiva stess. Huwa għalhekk li nqis li l-Artikolu 14(4)(a) u (5) tad-Direttiva 2011/83 għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-kuntest u tal-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva, kif ukoll tal-prinċipji ġenerali ta’ abbuż ta’ dritt u ta’ bona fide, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-punti ta’ fatt speċifiċi tal-każ inkwistjoni. |
|
49. |
Id-dritt tal-Unjoni jirrikonoxxi prinċipju ġenerali tad-dritt li jgħid li l-individwi ma jistgħux jinvokaw ir-regoli tal-Unjoni b’mod frawdolenti jew abbużiv ( 31 ). L-abbuż ta’ dritt, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt kuntrattwali Ewropew, għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-prinċipju ta’ bona fide li, kif inhu magħruf, għandu l-funzjoni li jillimita l-eżerċizzju tad-drittijiet: fi kliem ieħor, huwa leġittimu li jiġu eżerċitati dawn id-drittijiet li huma kompatibbli mar-raġuni ta’ dawn id-drittijiet stess u li ma jikkawżawx dannu sproporzjonat lill-kontroparti. Minn dan isegwi li l-eżerċizzju ta’ dritt qatt ma jista’ jkun mingħajr limitu, peress li għandu limitu hekk imsejjaħ funzjonali: l-osservanza tal-għan li għalih dan id-dritt ġie introdott fl-ordinament ġuridiku. |
|
50. |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar mill-ġdid li d-direttiva nnifisha ma għandhiex taffettwa “l-liġi nazzjonali fil-qasam tal-liġi kuntrattwali għal aspetti tal-liġi kuntrattwali li mhumiex regolati b’din id-Direttiva” u li “din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-liġi nazzjonali rigward ir-rimedji kuntrattwali legali ġenerali” ( 32 ). |
|
51. |
Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prova tal-prattika abbużiva teħtieġ li jiġu ssodisfatti żewġ elementi, wieħed oġġettiv u l-ieħor suġġettiv ( 33 ). Fir-rigward tal-element oġġettiv, għandu jirriżulta li, minkejja l-osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-għan imfittex minn din il-leġiżlazzjoni stess ma ntlaħaqx. Iżda, fir-rigward tal-element suġġettiv, dan jista’ jitqies li jeżisti meta tiġi stabbilita r-rieda li jinkiseb vantaġġ li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni billi jinħolqu artifiċjalment il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba tiegħu. |
|
52. |
Fl-analiżi tiegħi, ser nindirizza b’mod partikolari l-element oġġettiv, peress li, fir-rigward tal-element suġġettiv, hija biss il-qorti tar-rinviju li tista’ tivverifika, abbażi tar-regoli nazzjonali dwar l-oneru tal-prova u tal-provi kollha li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha jekk it-tranżazzjoni kellhiex l-għan li tikseb vantaġġ indebitu mill-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 34 ). |
|
53. |
F’dak li jirrigwarda l-element oġġettiv għall-prova tal-prattika abbużiva, id-Direttiva 2011/83 hija intiża li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi billi tagħtihom sensiela ta’ drittijiet, b’mod partikolari fil-qasam ta’ kuntratti mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, li fosthom hemm id-dritt ta’ rtirar ( 35 ). |
|
54. |
Fil-fatt, id-direttiva tipprevedi sensiela ta’ obbligi għall-kummerċjant, b’mod partikolari fil-qasam tal-informazzjoni li għandha tingħata lill-konsumatur qabel il-konklużjoni tal-kuntratt. Fil-fatt, l-għan tal-leġiżlatur tal-Unjoni huwa li jevita li l-użu ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni mill-bogħod iwassal għal tnaqqis tal-informazzjoni pprovduta lill-konsumatur ( 36 ). |
|
55. |
Fid-dawl tal-importanza fundamentali tal-informazzjoni kkomunikata lill-konsumatur qabel il-konklużjoni tal-kuntratt mill-bogħod, l-irtirar – irregolat mill-Artikolu 14 fir-rigward tal-obbligi tal-konsumaturi – għandu l-għan li jippermetti lill-konsumatur jirrevoka d-deċiżjoni tiegħu jekk, wara l-konklużjoni tal-kuntratt, huwa jqis li ma għadux adattat għall-bżonnijiet tiegħu u li konsegwentement jirrinunzja għall-effetti tal-kuntratt ( 37 ). |
|
56. |
Madankollu, jekk il-kummerċjant jonqos milli jipprovdi l-informazzjoni dwar id-dritt ta’ rtirar, skont l-Artikolu 14(4)(a)(i) tad-Direttiva 2011/83, il-konsumatur ma għandu jbati l-ebda spiża. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 14(5), “l-eżerċizzju tad-dritt ta’ reċess ma twassal għal ebda responsabbiltà għall-konsumatur”. F’dan il-kuntest, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried, permezz tal-Artikolu 14(4) u (5), jissanzjona lill-kummerċjant li ma jissodisfax l-obbligi ta’ informazzjoni tiegħu sabiex jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur ( 38 ). |
|
57. |
Madankollu, għandhom jiġu eżaminati f’iktar dettall l-għanijiet tad-direttiva. |
|
58. |
Kif iddikjarat fil-premessa 4, id-Direttiva 2011/83 hija intiża sabiex tippromwovi bilanċ ġust bejn livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u l-kompetittività tal-impriżi. F’dan ir-rigward, fil-fehma tiegħi, dak li huwa stabbilit fil-premessa 4 tad-Direttiva 2011/83 huwa marbut mal-premessa 50 ta’ din id-direttiva, li tipprovdi li, jekk, minn naħa, il-konsumatur għandu jibbenefika mid-dritt ta’ rtirar tiegħu anki jekk ikun talab il-provvista ta’ servizzi qabel it-tmiem tat-terminu ta’ rtirar, min-naħa l-oħra l-kummerċjant għandu jkun ċert li jitħallas b’mod adegwat għas-servizz ipprovdut ( 39 ). |
|
59. |
Abbażi ta’ din il-kunsiderazzjoni, ikun kuntrarju għal dan l-għan li jitqies li l-konsumatur jista’ jirtira minn kuntratt, wara l-eżekuzzjoni sħiħa tal-kuntratt, u jiġi eżentat minn kull obbligu ta’ ħlas. Din tkun soluzzjoni sproporzjonata meta mqabbla mat-talbiet ekonomiċi tal-kumpannija, bil-konsegwenza li l-kumpannija tispiċċa tbati spejjeż mhux xierqa. |
|
60. |
Dan huwa (ulterjorment) ikkonfermat jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni ċerti elementi li jikkaratterizzaw dan il-każ: il-kuntratt ma kien jinkludi ebda informazzjoni dwar id-dritt ta’ rtirar; l-irtirar seħħ wara li x-xogħol ġie eżegwit; il-kuntratt ġie abbozzat minn professjonist (perit) li, skont il-proċess, għen lill-konsumatur matul il-fażi kollha tan-negozjati. |
|
61. |
Fil-fatt, f’dan il-kuntest, l-għajnuna pprovduta mill-perit, li, għalkemm ma għandhiex effett fuq il-kwalità ta’ konsumatur, jista’, fil-fehma tiegħi, ikollha rwol fl-evalwazzjoni globali, ma tistax tiġi injorata. Effettivament, ma tantx huwa probabbli li jitqies li l-perit ma kienx jaf l-obbligi u d-drittijiet tal-konsumatur fir-rigward tal-kuntratt li huwa kien ipprepara u li huwa ma setax jinforma b’dan lill-konsumatur innifsu ( 40 ). Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-influwenza eżerċitata mill-perit fl-analiżi tal-applikazzjoni tal-abbuż ta’ dritt. |
|
62. |
Fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jiena ma naqbilx mal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni li, fid-dawl tal-fatt biss li l-irtirar seħħ fit-terminu ta’ tnax-il xahar, tali prattika ma tissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ abbuż. Fil-fehma tiegħi, ikun riduttiv li tiġi kkunsidrata s-sempliċi osservanza tat-termini ta’ rtirar sabiex jiġi konkluż malajr malajr li din ma hijiex prattika abbużiva. |
|
63. |
Kif spjegajt iktar ’il fuq, il-kunsiderazzjoni li l-konsumatur jista’ jħassar il-kuntratt previst mid-Direttiva 2011/83, mingħajr ma jġarrab ebda spiża, twassal, fil-fehma tiegħi, għall-interpretazzjoni tal-għan ta’ protezzjoni tal-konsumatur lil hinn mil-limiti tiegħu. Għall-kuntrarju, fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw mill-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar. |
|
64. |
F’dan il-kuntest, fid-dawl tal-bilanċ ġust bejn il-protezzjoni tal-konsumaturi u l-kompetittività tal-impriżi li d-direttiva trid tilħaq, jiena inklinat li naħseb li l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar għandu jkun limitat sabiex il-prerogattivi tal-kummerċjant ikunu jistgħu jiġu ssalvagwardati wkoll. Fil-każ kuntrarju, l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt mingħajr kumpens għall-kummerċjant ikun differenti mill-għan mhux biss tad-dritt ta’ rtirar iżda wkoll tad-Direttiva 2011/83 kif stabbilit fil-premessa 4 ( 41 ). |
|
65. |
B’mod partikolari, il-punt ta’ bilanċ għandu jitfittex bejn l-applikazzjoni stretta tad-dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur u, għaldaqstant, il-protezzjoni tad-dritt tiegħu li jħassar il-kuntratt minħabba lakuni fil-qasam tal-informazzjoni matul il-fażi delikata prekuntrattwali u d-dritt tal-kummerċjant li jingħata remunerazzjoni għax-xogħol imwettaq, peress li jkun wettaq ix-xogħol kollu favur il-konsumatur. Dan il-punt ta’ bilanċ jista’, wara l-verifiki tal-qorti nazzjonali, jinstab fl-għoti ta’ kumpens raġonevoli ( 42 ). |
|
66. |
Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-verifiki xierqa u, b’mod partikolari: tevalwa jekk l-eżekuzzjoni tal-kuntratt kinitx sħiħa jew le, il-valur tax-xogħol u tas-servizz ipprovduti, l-influwenza li kellu fuq ir-rieda kuntrattwali tal-konsumatur l-intervent tal-perit bħala professjonist konsulent, l-eżistenza ta’ aġir abbużiv min-naħa tal-kummerċjant fit-termini indikati iktar ’il fuq u, fil-każ li l-qorti stess tikkonkludi li jeżisti aġir abbużiv, l-ammont xieraq tal-kumpens dovut lill-kummerċjant mill-konsumatur minħabba t-tlestija tax-xogħol u tas-servizz. |
V. Konklużjoni
|
67. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Kammergericht (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja): Il-punt 7 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għandu jiġi interpretat fis-sens li: bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju tal-kundizzjonijiet dwar id-definizzjoni tal-kuntratt mill-bogħod, u jekk jiġi stabbilit li l-persuna kkonċernata tista’ tiġi kklassifikata bħala konsumatur, hemm kuntratt mill-bogħod, bl-applikazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar, anki meta l-konsumatur inkwistjoni kien megħjun, qabel jew fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, minn professjonist terz awtorizzat minnu stess. Kuntratt mill-bogħod jista’ jiġi rtirat skont l-Artikolu 9(1) tal-istess direttiva, anki jekk ikun hemm waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin: (i) tkun tal-professjonist li jgħin lill-konsumatur l-inizjattiva għall-ħolqien tal-kuntratt bejn il-konsumatur u l-fornitur ta’ servizzi; (ii) il-professjonist li jgħin lill-konsumatur ikkontribwixxa għall-formulazzjoni ta’ partijiet essenzjali tal-kontenut tal-kuntratt qabel ma jkun ġie konkluż. Stabbilit li l-kuntratt prinċipali huwa kuntratt mill-bogħod, il-ftehim addizzjonali jikkostitwixxi wkoll kuntratt mill-bogħod, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju tal-kundizzjonijiet għad-definizzjoni tal-kuntratt mill-bogħod ukoll ta’ tali ftehim u bla ħsara għar-regoli nazzjonali dwar il-validità u l-effetti ta’ ftehim addizzjonali. L-Artikolu 14(4)(a) u (5) tad-Direttiva 2011/83, għandu jiġi interpretat fis-sens li: il-konsumatur li jkun eżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu wara l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, għandu jirrimborsa lill-kummerċjant il-valur tas-servizz diġà pprovdut u mhux restitwibbli, b’mod raġonevoli ddeterminat mill-qorti nazzjonali, jekk l-eżistenza ta’ aġir abbużiv min-naħa tal-konsumatur stess tiġi vverifikata fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali kollha. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.
( 2 ) Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64, rettifika fil-ĠU L, 2024/90093, 9.2.2024), kif emendata bid-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 (ĠU 2015, L 326, p. 1) u bid-Direttiva (UE) 2019/2161 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Novembru 2019 (ĠU 2019, L 328, p. 7).
( 3 ) Il-Kodiċi Ċivili fil-verżjoni ppromulgata fit‑2 ta’ Jannar 2002 (Ġurnal Uffiċjali Federali (Bundesgesetzblatt) I p. 42, 2909; 2003 I p. 738), emendat l-aħħar bl-Artikolu 1 tal-Liġi tal‑10 ta’ Awwissu 2021 (Ġurnal Uffiċjali Federali I p. 3515).
( 4 ) Għall-kompletezza tal-espożizzjoni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kuntratt inkwistjoni jista’ jikkwalifika bħala kuntratt mill-bogħod li minnu wieħed jista’ jirtira meta jkun hemm ssodisfatti diversi kundizzjonijiet; ara punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 5 ) Kif iddefinit fil-punt 7 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83.
( 6 ) (i) il-kuntratt għandu jiġi konkluż bejn konsumatur u kummerċjant.
( 7 ) Ara punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83.
( 8 ) Ara punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83.
( 9 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2013, Vapenik (C‑508/12), EU:C:2013:790), punti 23 sa 25), u tat‑30 ta’ April 2025, St. Kliment Ohridski Primary Private School (C‑429/24, EU:C:2025:301, punt 34).
( 10 ) Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288; rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100).
( 11 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2015, Tarcău (C‑74/15, EU:C:2015:772, punt 27) u s-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, YYY. (Kunċett ta’ konsumatur) (C‑570/21, EU:C:2023:456, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, dan l-aħħar, sentenza tat‑30 ta’ April 2025, St. Kliment Ohridski Primary Private School (C‑429/24, EU:C:2025:301, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 12 ) Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2015, Costea (C‑110/14, EU:C:2015:538, punt 21). B’analoġija, ara wkoll is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2020, Personal Exchange International (C‑774/19, EU:C:2020:1015, punti 38 sa 40). Il-kunċett ta’ “kummerċjant” għandu wkoll jiġi evalwat b’mod oġġettiv u permezz ta’ evalwazzjoni globali tal-kriterju funzjonali, każ b’każ, skont jekk ir-relazzjoni kuntrattwali tkunx inħolqot fil-kuntest tal-attività professjonali tiegħu (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Kamenova (C‑105/17, EU:C:2018:808, punt 37)).
( 13 ) Ara s-sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2025, Pielatak (C‑410/23, EU:C:2025:325, punti 41 u 42) u tad‑9 ta’ Marzu 2023, Wurth Automotive (C‑177/22, EU:C:2023:185, punt 27).
( 14 ) Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2015, Costea (C‑110/14, EU:C:2015:538, punti 22 u 23).
( 15 ) Ara s-sentenzi tad‑19 ta’ Jannar 1993, Shearson Lehman Hutton (C‑89/91, EU:C:1993:15, punt 18), u tal‑5 ta’ Diċembru 2024, Guldbrev (C‑379/23, EU:C:2024:1002, punt 38).
( 16 ) Fis-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2015, Costea (C‑110/14, EU:C:2015:538), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li anki avukat, “minkejja li jitqies li avukat għandu livell għoli ta’ kompetenzi tekniċi”, jista’ jitqies li huwa konsumatur meta jikkonkludi kuntratt li ma jaqax taħt l-attività professjonali tiegħu (ara l-punti 26 u 27).
( 17 ) Ara il-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet għall-bqija tal-kundizzjonijiet.
( 18 ) Ara s-sentenzi tat‑23 ta’ Jannar 2019, Walbusch Walter Busch (C‑430/17, EU:C:2019:47, punti 35 u 36), u tal‑21 ta’ Diċembru 2023, BMW Bank et (C‑38/21, C‑47/21 u C‑232/21, EU:C:2023:1014, punt 169 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 19 ) F’dan ir-rigward, ara l-Avviż tal-Kummissjoni, Gwida dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar drittijiet tal-konsumatur (ĠU 2021, C 525, p. 1). B’mod partikolari, il-Kapitolu 4.1 jipprovdi eżempji, utli sabiex tinftiehem aħjar id-definizzjoni ta’ kuntratt mill-bogħod, u b’mod partikolari l-kunċett ta’ skema organizzata ta’ bejgħ jew ta’ provvista ta’ servizzi mill-bogħod. Pereżempju, meta l-kummerċjant jikkonkludi b’mod eċċezzjonali kuntratt ma’ konsumatur permezz ta’ posta elettronika jew bit-telefon, wara li jkun ġie kkuntattjat mill-konsumatur innifsu, dan ma jaqax taħt id-definizzjoni ta’ kuntratt mill-bogħod. Min-naħa l-oħra, jekk il-kummerċjant jinkoraġġixxi l-użu ta’ posta elettronika jew ta’ telefon bħala mezz sabiex jiġi konkluż kuntratt ma’ konsumatur, dan ikun kuntratt konkluż mill-bogħod, bil-konsegwenza li tapplika d-Direttiva 2011/83.
( 20 ) Madankollu, ma huwiex possibbli li jiġi dedott jekk il-konsumatur kellux il-possibbiltà li jagħmel mistoqsijiet lill-perit dwar il-kontenut tal-kuntratt sabiex ineħħi, eventwalment, kull inċertezza dwar il-portata tal-impenn kuntrattwali tiegħu mal-kummerċjant.
( 21 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, BMW Bank et (C‑38/21, C‑47/21 u C‑232/21, EU:C:2023:1014, punt 171). Għall-finijiet ta’ kompletezza, dik il-kawża kienet tikkonċerna l-każ fejn “matul il-fażi preparatorja għall-konklużjoni tal-kuntratt mal-kummerċjant, il-konsumatur ikun jinsab fil-preżenza fiżika ta’ intermedjarju li jaġixxi f’isem jew għan-nom tal-kummerċjant, fejn dan l-intermedjarju madankollu sempliċement ippermetta lill-konsumatur jiġbor informazzjoni dwar is-suġġett tal-kuntratt u, jekk ikun il-każ, jirċievi u jibgħat lill-kummerċjant it-talba tal-konsumatur mingħajr ma jinnegozja ma’ dan tal-aħħar jew jipprovdilu l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva”. Iżda, fil-punt 170, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet li dan jista’ jiġi kklassifikat bħala kuntratt mill-bogħod, meta, fl-istadju ta’ qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, il-konsumatur kien fil-preżenza fiżika tal-intermedjarju li jaġixxi f’isem jew għan-nom tal-kummerċjant u seta’ jagħmel mistoqsijiet lill-intermedjarju nnifsu u rċieva l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/83.
( 22 ) Ara punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet fir-rigward tal-erba’ kundizzjonijiet għall-eżistenza ta’ “kuntratt mill-bogħod”.
( 23 ) Għall-kompletezza, jiena tal-fehma li l-ftehim f’dan il-każ huwa ta’ natura integrattiva u mhux “anċillari” fis-sens tal-punt 15 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83, sa fejn, skont l-elementi tal-proċess, ma ġie konkluż ebda ftehim bejn il-perit u Eisenberger waqt l-integrazzjoni tal-kuntratt inizjali. Fil-fatt, skont dan l-artikolu, “kuntratt anċillari” huwa “kuntratt li bih il-konsumatur jakkwista oġġetti jew servizzi relatati ma’ kuntratt mill-bogħod jew kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju u fejn dawk l-oġġetti jiġu pprovduti jew is-servizzi jiġu fornuti mill-kummerċjant jew minn parti terza fuq il-bażi ta’ arranġament bejn dik il-parti terza u l-kummerċjant”. Nosserva li Eisenberger adattat il-kuntratt prinċipali għar-rekwiżiti speċifiċi li jirriżultaw mill-provvista tal-oġġett jew tas-servizz li huma s-suġġett tal-kuntratt, permezz ta’ kuntratt integrattiv tas-suġġett tal-kuntratt stess, bil-konsegwenza li dan tal-aħħar għandu natura integrattiva u mhux “anċillari”.
( 24 ) Il-premessa 14 taqra kif ġej: “[d]in id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-liġi nazzjonali fil-qasam tal-liġi kuntrattwali għal aspetti tal-liġi kuntrattwali li mhumiex regolati b’din id-Direttiva. Għaldaqstant, din id-Direttiva għandha tkun bla ħasara għal-liġi nazzjonali li jirregola, pereżempju, il-konklużjoni jew il-validità ta’ kuntratt (pereżempju fil-każ ta’ nuqqas ta’ kunsens). Bl-istess mod„ din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-liġi nazzjonali rigward ir-rimedji kuntrattwali leġali ġenerali, ir-regoli dwar l-ordni ekonomiku pubbliku, pereżempju r-regoli dwar prezzijiet eċċessivi jew esaġerati, u r-regoli dwar tranżazzjonijiet legali mhux etiċi”.
( 25 ) L-Artikolu 3(5) jipprovdi kif ġej: “[d]in id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-liġi kuntrattwali ġenerali nazzjonali, bħar-regoli dwar il-validità, il-formazzjoni jew l-effett ta’ kuntratt, sakemm l-aspetti relatati mal-liġi kuntrattwali ġenerali mhumiex regolati minn din id-Direttiva”.
( 26 ) Sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2023, DC (Irtirar wara l-eżekuzzjoni tal-kuntratt) (C‑97/22, EU:C:2023:413, punt 32).
( 27 ) Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, rettifika fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, fil-ĠU 2010, L 199, p. 40 u fil-ĠU 2011, L 234, p. 46).
( 28 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, BMW Bank et (C‑38/21, C‑47/21 u C‑232/21, EU:C:2023:1014, punt 292).
( 29 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, BMW Bank et. (C‑38/21, C‑47/21 u C‑232/21, EU:C:2023:1014, punt 279).
( 30 ) Ara l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2011/83.
( 31 ) Ara, inter alia, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 1998, Kefalas et (C‑367/96, EU:C:1998:222, punt 20). Barra minn hekk, “l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni [tal-Unjoni] ma tistax tinftiehem bħala li tkopri […] t-tranżazzjonijiet […] imwettqa […]biss bl-iskop li jibbenefikaw b’mod abbużiv mill-vantaġġi previsti mid-dritt [tal-Unjoni]”, ara s-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2006, Halifax et (C‑255/02, EU:C:2006:121, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 32 ) Ara l-premessa 14 u l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2011/83 u l-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 33 ) Ara s-sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 2000, Emsland-Stärke (C‑110/99, EU:C:2000:695, punti 52 u 53) u tat‑13 ta’ Marzu 2014, SICES et (C‑155/13, EU:C:2014:145, punt 31).
( 34 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 2000, Emsland-Stärke (C‑110/99, EU:C:2000:695, punt 58) u tal‑21 ta’ Frar 2006, Halifax et (C‑255/02, EU:C:2006:121, punt 81).
( 35 ) Ara s-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, Walbusch Walter Busch (C‑430/17, EU:C:2019:47, punti 33 u 35).
( 36 ) Ibid.
( 37 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Volkswagen Bank et (C‑33/20, C‑155/20 u C‑187/20, EU:C:2021:736, punt 123 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 38 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Volkswagen Bank et (C‑33/20, C‑155/20 u C‑187/20, EU:C:2021:736, punt 124).
( 39 ) B’analoġija, fil-każ ta’ kuntratt ta’ oġġetti, il-premessa 47 tad-Direttiva 2011/83 tipprovdi li “[u]ħud mill-konsumaturi jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ reċess wara li jkunu użaw il-oġġetti sa tali punt li jmur lil hinn minn dak meħtieġ biex jistabbilixxu n-natura, il-karatteristiċi u t-tħaddim tal-oġġetti. F’dan il-każ il-konsumatur ma għandux jitlef id-dritt ta’ reċess, iżda għandu jkun responsabbli għal kwalunkwe valur imnaqqas tal-oġġetti [...]”.
( 40 ) Dwar l-asimetrija tal-informazzjoni bejn il-periti u l-konsumaturi, ara s-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑377/17, EU:C:2019:562, punt 77).
( 41 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2009, Messner (C‑489/07, EU:C:2009:502), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[t]-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 97/7 […] ma jipprekludux li l-konsumatur ikun obbligat iħallas kumpens għall-użu ta’ dan l-oġġett fis-sitwazzjoni fejn dan ikun uża l-imsemmi oġġett b’mod inkompatibbli mal-prinċipji tad-dritt ċivili, bħall-bona fide jew l-arrikkiment indebitu, bil-kundizzjoni iżda li ma jkunux ippreġudikati l-għan ta’ din id-direttiva u, b’mod partikolari, l-effikaċità u l-effettività tad-dritt ta’ rtirar, ħaġa din li għandha tiġi ddeterminata mill-qorti tar-rinviju” (punt 29).
( 42 ) Kif wieħed jista’ jaqra fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-kawża YYY. (Kunċett ta’ konsumatur) (C‑570/21, EU:C:2022:1002) “l-evoluzzjoni tas-sorsi tad-dritt tal-Unjoni u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija fis-sens ta’ protezzjoni ikbar tal-konsumatur iżda dejjem f’bilanċ anki ma’ liberatjiet oħra u finalment mal-funzjonament effiċjenti tas-suq uniku, madankollu billi jitħallew biżżejjed marġni ta’ flessibbiltà fil-kunċett sabiex ikun jista’ jinkludi s-sitwazzjonijiet kollha li fihom oġġettivament jiġu realizzati istanzi ta’ protezzjoni” (punt 43).