SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

5 ta’ Settembru 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva (UE) 2016/800 – Garanziji proċedurali għal tfal li huma persuni ssuspettati jew persuni akkużati fi proċeduri kriminali – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 2(3) – Persuni li kienu tfal fid-data li fiha nbdew proċeduri kriminali kontrihom iżda li, matul il-proċeduri, laħqu l-età ta’ 18‑il sena – Artikolu 4 – Dritt għall-informazzjoni – Artikolu 6 – Dritt ta’ aċċess għal avukat – Artikolu 18 – Dritt għall-għajnuna legali – Artikolu 19 – Rimedji ġudizzjarji – Ammissibbiltà tal-provi miksuba bi ksur tad-drittijiet proċedurali”

Fil-Kawża C‑603/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Rejonowy w Słupsku (il-Qorti Distrettwali ta’ Słupsk, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Awwissu 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Settembru 2022, fi proċeduri kriminali kontra

M.S.,

J.W.,

M.P.,

fil-preżenza ta’:

Prokurator Rejonowy w Słupsku,

D.G., li qiegħed jaġixxi bħala amministratur ta’ M.B. u ta’ B.B.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe (Relatriċi), Presidenta ta’ Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tielet Awla, N. Piçarra, N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: N. Mundhenke, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑15 ta’ Novembru 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal Prokurator Rejonowy w Słupsku, minn T. Rutkowska‑Szmydyńska, Prokurator Regionalny w Gdańsku,

–

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, J. Sawicka u S. Żyrek, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, T. Suchá u J. Vláčil, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid, K. Herrmann, J. Hottiaux u M. Wasmeier, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑22 ta’ Frar 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-Artikolu 2 u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, tad-Direttiva (UE) 2016/800 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2016 dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 132, p. 1), tal-Artikolu 12(2), u tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (ĠU 2013, L 294, p. 1), tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU 2012, L 142, p. 1), tal-Artikolu 7(1) u (2), kif ukoll tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1), kif ukoll tal-prinċipji ta’ supremazija, ta’ effett dirett u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra M.S., J.W. u M.P., tliet minuri li tqiegħdu taħt akkuża minħabba li żgassaw bini li kien preċedentement ċentru ta’ vaganzi u li ma għadux jintuża, u b’hekk ikkawżaw dannu lil M.B. u lil B.B., irrappreżentati mill-amministratur maħtur, D.G.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva 2012/13

3

Il-premessi 19 u 26 tad-Direttiva 2012/13 jiddikjaraw li:

“(19)

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw fil-pront lis-suspettati jew lill-persuni akkużati b’dawk id-drittijiet, hekk kif japplikaw taħt il-liġi nazzjonali, li huma essenzjali biex tiġi salvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri, jew bil-fomm jew bil-miktub, kif previst b’din id-Direttiva. Sabiex ikun jista’ jsir eżerċizzju prattiku u effikaċi minn dawk id-drittijiet, l-informazzjoni għandha tkun provduta fil-pront matul il-proċeduri u l-aktar tard qabel l-ewwel interrogazzjoni uffiċjali tal-persuna suspettata jew akkużata mill-pulizija jew minn awtorità kompetenti oħra.

[…]

(26)

Meta tiġi provduta informazzjoni lis-suspettati jew persuni akkużati taħt din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-persuni li ma jkunux jistgħu jifhmu l-kontenut jew it-tifsira tal-informazzjoni, pereżempju minħabba l-età żgħira tagħhom, jew il-kondizzjoni mentali jew fiżika tagħhom.”

4

L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva tapplika minn meta l-persuni jiġu informati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, li huma ssuspettati jew akkużati li wettqu reat sa ma jiġu fi tmiemhom il-proċeduri, jiġifieri meta tintlaħaq deċiżjoni finali dwar jekk is-suspettat jew il-persuna akkużata tkunx wettqet ir-reat kriminali jew le, inkluż, fejn applikabbli, l-għoti tas-sentenza u r-riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe appell.”

5

Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati jingħataw fil-pront informazzjoni dwar tal-anqas id-drittijiet proċedurali li ġejjin, kif dawn japplikaw taħt il-liġi nazzjonali, sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv ta’ dawk id-drittijiet:

a)

id-dritt ta’ aċċess għal avukat;

b)

kwalunkwe dritt għal parir legali mingħajr ħlas u l-kondizzjonijiet biex jinkiseb tali parir;

c)

id-dritt li l-persuna tkun informata bl-akkuża, f’konformità mal-Artikolu 6;

d)

id-dritt għal interpretar u traduzzjoni;

e)

id-dritt li persuna tibqa’ siekta.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni provduta taħt il-paragrafu 1 għandha tingħata bil-fomm jew bil-miktub, f’lingwaġġ sempliċi u aċċessibbli, b’kont meħud ta’ kwalunkwe bżonnijiet partikolari ta’ suspettati vulnerabbli jew ta’ persuni akkużati vulnerabbli.”

6

L-Artikolu 8 tal-istess direttiva, intitolat “Verifika u Rimedji”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta tingħata informazzjoni lis-suspettati jew lill-persuni akkużati f’konformità mal-Artikoli 3 sa 6 dan jiġi rreġistrat, bl-użu tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni speċifikata fil-liġi tal-Istat Membru kkonċernat.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati jew l-avukat tagħhom ikollhom id-dritt ta’ kontestazzjoni, f’konformità mal-proċeduri fil-liġi nazzjonali, rigward in-nuqqas jew iċ-ċaħda possibbli tal-awtoritajiet kompetenti li jipprovdu l-informazzjoni f’konformità ma’ din id-Direttiva.”

Id‑Direttiva 2013/48

7

Il-premessi 15 u 50 tad-Direttiva 2013/48 jistipulaw:

“(15)

It-terminu avukat f’din id-Direttiva jirreferi għal kwalunkwe persuna li, f’konformità mal-liġi nazzjonali, tkun kwalifikata u intitolata, inkluż permezz ta’ akkreditazzjoni minn korp awtorizzat, li tipprovdi pariri u assistenza legali lil persuni suspettati jew akkużati.

[…]

(50)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-valutazzjoni ta’ stqarrijiet magħmulin minn persuni suspettati jew akkużati jew tal-provi miksuba bi ksur tad-dritt tagħhom għal avukat jew f’każijiet fejn kienet awtorizzata deroga minn dak id-dritt f’konformità ma’ din id-Direttiva, iridu jiġu rispettati d-drittijiet tad-difiża u l-ekwità tal-proċedimenti. F’dan il-kuntest, għandu jittieħed kont tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li stabbilixxiet li d-drittijiet tad-difiża ikunu, fil-prinċipju preġudikati b’mod irreparabbli meta jintużaw għal kundanna stqarrijiet inkriminanti matul interrogazzjoni mill-pulizija mingħajr aċċess għas-servizzi ta’ avukat jintużaw biex xi ħadd jinsab ħati. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-użu ta’ stqarrijiet għal finijiet oħra permessi bil-liġi nazzjonali, bħal ma hi l-ħtieġa għal eżekuzzjoni ta’ atti investigattivi urġenti biex jiġi evitat it-twettiq ta’ reati oħra jew konsegwenzi negattivi serji għal kwalunkwe persuna jew b’rabta ma’ ħtieġa urġenti li jiġi evitat li l-proċedimenti kriminali jiġu pperikolati b’mod sostanzjali fejn l-aċċess għas-servizzi ta’ avukat jew id-dewmien fl-investigazzjoni jippreġudikaw b’mod irrimedjabbli l-investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin fir-rigward ta’ reat kriminali gravi. Barra minn hekk, dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-regoli jew is-sistemi nazzjonali dwar l-ammissibbiltà ta’ provi, u ma għandux jimpedixxi lill-Istati Membri milli jżommu sistema li permezz tagħha l-provi eżistenti kollha jistgħu jinġiebu quddiem qorti jew imħallef, mingħajr ma jkun hemm valutazzjoni separata jew minn qabel dwar l-ammissibbiltà ta’ dawk il-provi.”

8

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati u akkużati jkollhom id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat f’ħin u b’mod li l-persuni konċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw d-drittijiet tagħhom ta’ difiża b’mod prattiku u b’mod effettiv.

2.   Il-persuni suspettati jew akkużati għandu jkollhom aċċess għas-servizzi ta’ avukat mingħajr dewmien żejjed. Fi kwalunkwe każ, il-persuni suspettati jew akkużati għandu jkollhom id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat mill-mument l-aktar qrib minn dawn li ġejjin:

a)

qabel ma jiġu interrogati mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi jew ġudizzjarja;

b)

mat-twettiq minn awtorità ta’ investigazzjoni jew awtorità kompetenti oħra ta’ att investigattivi jew att ieħor ta’ ġbir ta’ provi skont il-punt (c) tal-paragrafu 3;

c)

mingħajr dewmien żejjed wara ċ-ċaħda tal-libertà;

d)

fejn jkunu ġew imħarrka biex jidhru quddiem qorti li jkollha ġurisdizzjoni f’materji kriminali, fi żmien debitu qabel ma jidhru quddiem dik il-qorti.

3.   Id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat għandu jimplika dan li ġej:

a)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuna suspettata jew akkużata jkollha d-dritt li tiltaqa’ fil-privat u tikkomunika mal-avukat li jirrappreżentaha, inkluż qabel interrogazzjoni mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi jew awtorità ġudizzjarja;

b)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuna suspettata jew akkużata jkollha d-dritt li l-avukat tagħha jkun preżenti u jipparteċipa b’mod effettiv meta hija tiġi interrogata. Tali parteċipazzjoni għandha tkun konformi mal-proċeduri taħt il-liġi nazzjonali, dment li tali proċeduri ma jippreġudikawx l-eżerċizzju effettiv u l-essenza tad-dritt konċernat. Fejn avukat jipparteċipa matul interrogazzjoni, il-fatt li saret tali parteċipazzjoni għandu jiġi rreġistrat bl-użu tal-proċedura ta’ reġistrar f’konformità mal-liġi tal-Istat Membru konċernat;

c)

għandhom, minn tal-inqas, ikollhom id-dritt li l-avukat tagħhom jattendi għall-avvenimenti investigattivi jew l-attita’ ġbir ta’ provi li ġejjin,fejn dawk l-atti huma previsti fil-liġi nazzjonali u jekk il-persuna suspettata jew akkużata hija meħtieġa jew permessa li tattendi l-att konċernat:

(i)

ringieli ta’ persuni għall-identifikazzjoni;

(ii)

konfrontazzjonijiet;

(iii)

rikostruzzjonijiet sperimentali tax-xena tar-reat kriminali.

[…]

5.   Huwa f’ċirkostanzi eċċezzjonali u biss fl-istadju ta’ qabel il-kawża li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw temporanjament mill-applikazzjoni tal-punt (c) tal-paragrafu 2 fejn id-distanza ġeografikament ‘il bogħod ta’ persuna suspettata jew akkużata tagħmilha impossibbli li jiġi żgurat id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat mingħajr dewmien żejjed wara li persuna tkun inċaħdet mil-libertà tagħha.

6.   F’ċirkostanzi eċċezzjonali u biss fl-istadju ta’ qabel il-kawża, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw temporanjament mill-applikazzjoni tad-drittijiet previsti fil-paragrafu 3 sakemm dan ikun iġġustifikat fiċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet konvinċenti li ġejjin:

(a)

fejn hemm ħtieġa urġenti li jkunu evitati konsegwenzi negattivi serji għall-ħajja, il-libertà jew l-integrità fiżika ta’ persuna;

(b)

fejn l-azzjoni immedjata mill-awtoritajiet investigattivi tkun essenzjali biex jiġu evitati li l-proċedimenti kriminali jiġu pperikolati b’mod sostanzjali.”

9

L-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Rimedji”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali, kif ukoll persuni rikjesti fi proċedimenti relatati mal-mandat ta’ arrest Ewropew ikollhom rimedju effettiv skont il-liġi nazzjonali f’każ fejn ikun hemm ksur tad-drittijiet skont din id-Direttiva.

2.   Mingħajr preġudizzju għar-regoli u s-sistemi nazzjonali dwar l-ammissibbiltà ta’ provi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fi proċedimenti kriminali, fil-valutazzjoni ta’ stqarrijiet magħmulin minn persuni suspettati jew akkużati jew ta’ provi miksuba permezz ta’ ksur tad-dritt tagħhom għal avukat jew f’każijiet fejn tkun ġiet awtorizzata deroga għal dan id-dritt f’konformità mal-Artikolu 3(6), id-drittijiet tad-difiża u l-ekwità tal-proċedimenti jiġu rispettati.”

10

Skont l-Artikolu 13 tal-istess direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jittieħed kont tal-bżonnijiet partikolari ta’ persuni suspettati u akkużati li huma vulnerabbli.”

Id‑Direttiva 2016/343

11

Il-premessi 31 u 44 tad-Direttiva 2016/343 jiddikjaraw:

“(31)

L-Istati Membri għandhom iqisu li jiżguraw li, fejn persuni suspettati jew akkużati jkunu pprovduti b’informazzjoni dwar drittijiet skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/13/UE, huma jkunu pprovduti wkoll b’informazzjoni dwar id-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu, kif japplika taħt il-liġi nazzjonali f’konformità ma’ din id-Direttiva.

[…]

(44)

Il-prinċipju tal-effettività tal-liġi tal-Unjoni jirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu rimedji xierqa u effettivi fil-każ li jkun hemm ksur ta’ dritt mogħti lill-individwi bil-liġi tal-Unjoni. Rimedju effettiv disponibbli fil-każ ta’ ksur ta’ kwalunkwe wieħed mid-drittijiet stabbiliti f’din id-Direttiva għandu, sa fejn hu possibbli, ikollu l-effett li jpoġġi lill-persuni suspettati jew akkużati fl-istess pożizzjoni li kienu jsibu ruħhom fiha li kieku ma kienx seħħ il-ksur, bil-ħsieb li jkunu protetti d-dritt ta’ proċess ġust u d-drittijiet tad-difiża.”

12

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva tapplika għal persuni fiżiċi li jkunu persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali. Hija tapplika fl-istadji kollha tal-proċedimenti kriminali, mill-mument meta persuna hija suspettata jew akkużata li wettqet reat kriminali, jew reat kriminali allegat, sa meta d-deċiżjoni dwar id-determinazzjoni finali jekk dik il-persuna wettqitx ir-reat kriminali kkonċernat tkun saret definittiva.”

13

L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-dritt li wieħed jibqa’ sieket u d-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati u akkużati jkollhom id-dritt li jibqgħu siekta fir-rigward tar-reat kriminali li huma suspettati jew akkużati li wettqu.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati u akkużati jkollhom id-dritt li ma jinkriminawx ruħhom.”

14

Skont l-Artikolu 10 tal-istess direttiva, intitolat “Rimedji”:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati u akkużati jkollhom rimedju effettiv jekk id-drittijiet tagħhom taħt din id-Direttiva ma jiġux rispettati.

2.   Mingħajr preġudizzju għar-regoli u s-sistemi nazzjonali dwar l-ammissibbiltà tal-evidenza, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-valutazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet magħmula minn persuni suspettati jew akkużati jew ta’ evidenza miksuba bi ksur tad-dritt li wieħed jibqa’ sieket jew tad-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu, id-drittijiet tad-difiża u l-ekwità tal-proċedimenti jiġu rispettati.”

Id‑Direttiva 2016/800

15

Il-premessi 1, 11, 16, 18, 19, 22, 25 sa 27 u 29 sa 32 tad-Direttiva 2016/800 jiddikjaraw:

“(1)

L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jiġu stabbiliti garanziji proċedurali li jiżguraw li tfal, jiġifieri persuni taħt l-età ta’ 18‑il sena, li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali, jkunu kapaċi jifhmu u jsegwu dawn il-proċedimenti u biex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal proċess ġust, u biex jiġi evitat li t-tfal jerġgħu jwettqu reat u li tiġi mrawma l-integrazzjoni soċjali tagħhom.

[…]

(11)

Din id-Direttiva, jew ċerti dispożizzjonijiet tagħha, għandhom japplikaw ukoll għal persuni suspettati jew persuni akkużati fi proċedimenti kriminali, u għal persuni rikjesti li kienu tfal meta ġew soġġetti għal dawn il-proċedimenti, iżda li sussegwentement ikunu laħqu l-età ta’ 18-il sena, u fejn l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva tkun xierqa fid-dawl taċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, inklużi l-maturità u l-vulnerabilità tal-persuna kkonċernata.

[…]

(16)

F’xi Stati Membri, ċerti reati minuri, b’mod partikolari reati minuri tat-traffiku stradali, reati minuri fir-rigward ta’ regolamenti muniċipali ġenerali u ksur minuri tal-ordni pubbliku, jitqiesu bħala reati kriminali. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, mhux raġonevoli li l-awtoritajiet kompetenti jkunu meħtieġa jiżguraw id-drittijiet kollha skont din id-Direttiva. Fejn il-liġi ta’ Stat Membru tipprevedi fir-rigward ta’ reati minuri li ma tistax tkun imposta ċ-ċaħda tal-libertà bħala sanzjoni, din id-Direttiva għandha għaldaqstant tapplika biss għall-proċedimenti quddiem qorti li jkollha ġurisdizzjoni f’materji kriminali.

[…]

(18)

Din id-Direttiva għandha tiġi implimentata filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet tad-Direttivi [2012/13] u [2013/48]. Din id-Direttiva tipprevedi salvagwardji kumplimentari ulterjuri fir-rigward tal-informazzjoni li trid tiġi mogħtija lit-tfal u lid-detentur tar-responsabilità tal-ġenituri sabiex jitqiesu l-ħtiġijiet u l-vulnerabilitajiet speċifiċi tat-tfal.

(19)

It-tfal għandhom jirċievu informazzjoni dwar l-aspetti ġenerali tal-iżvolġiment tal-proċedimenti. Għal dan l-għan, huma għandhom, b’mod partikolari, tingħatalhom spjegazzjoni qasira dwar il-passi proċedurali li jkun imiss fil-proċedimenti sa fejn dan ikun possibbli fid-dawl tal-interess tal-proċedimenti kriminali, u dwar ir-rwol tal-awtoritajiet involuti. L-informazzjoni li trid tingħata għandha tiddependi fuq iċ-ċirkostanzi tal-kawża.

[…]

(22)

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lid-detentur tar-responsabilità tal-ġenituri dwar drittijiet proċedurali applikabbli, bil-miktub, bil-fomm, jew bit-tnejn. Din l-informazzjoni għandha tingħata mill-aktar fis possibbli u għandha tkun dettaljata biżżejjed sabiex tiġi salvagwardjata l-ġustizzja tal-proċedimenti u l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża tat-tifel.

[…]

(25)

It-tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati għandhom id-dritt ta’ aċċess għal avukat f’konformità mad-Direttiva [2013/48]. Minħabba li t-tfal huma vulnerabbli u mhux dejjem kapaċi jifhmu għalkollox u jsegwu l-proċedimenti kriminali, huma għandhom jiġu assistiti minn avukat fis-sitwazzjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva. F’dawk is-sitwazzjonijiet, l-Istati Membri għandhom jirranġaw għat-tifel li jkun assistit minn avukat meta t-tifel jew id-detentur ta’ responsabbiltà tal-ġenituri ma jkunx irranġaw għal tali assistenza. L-Istati Membri għandhom jipprovdu għajnuna legali fejn din tkun meħtieġa biex jiġi żgurat li t-tifel ikun qed jiġi assistit effettivament minn avukat.

(26)

Assistenza minn avukat skont din id-Direttiva tippresupponi li t-tifel ikollu d-dritt ta’ aċċess għal avukat skont id-Direttiva [2013/48]. Għaldaqstant, fejn l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-Direttiva [2013/48] tagħmilha impossibbli li t-tifel jiġi assistit minn avukat skont din id-Direttiva, din id-dispożizzjoni m’għandhiex tapplika għad-dritt li t-tfal ikollhom aċċess għal avukat skont id-Direttiva [2013/48]. Min-naħa l-oħra, id-derogi u l-eċċezzjonijiet għal assistenza minn avukat stabbiliti f’din id-Direttiva m’għandhomx jaffettwaw id-dritt ta’ aċċess għal avukat f’konformità mad-Direttiva [2013/48], jew id-dritt għal għajnuna legali f’konformità mal-Karta u mal-[Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”)], u mal-liġi nazzjonali u liġi oħra tal-Unjoni.

(27)

Id-dispożizzjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva dwar assistenza minn avukat għandhom japplikaw mingħajr dewmien żejjed ladarba t-tfal jiġu mgħarrfa li huma suspettati jew li huma persuni akkużati. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, assistenza minn avukat tfisser appoġġ legali u rappreżentazzjoni minn avukat matul il-proċedimenti kriminali. Fejn din id-Direttiva tipprovdi għall-assistenza minn avukat matul l-interrogazzjoni, għandu jkun preżenti avukat. Mingħajr preġudizzju għad-dritt tat-tifel li jkollu aċċess għal avukat skont id-Direttiva [2013/48], assistenza minn avukat ma teħtieġx li avukat jkun preżenti matul kull att investigattiv jew ta’ ġbir ta’ provi.

[…]

(29)

Fejn tifel li ma kienx inizjalment suspettat jew persuna akkużata, bħal xhud, isir suspettat jew persuna akkużata, tali tifel għandu jkollu d-dritt li ma jinkriminax lilu nnifsu u d-dritt li jibqa’ sieket, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u l-KEDB, kif interpretat mill-[Qorti tal-Ġustizzja] u mill-Qorti tal-Ġustizzja tad-Drittijiet tal-Bniedem. Għaldaqstant din id-Direttiva tagħmel referenza espliċita għas-sitwazzjoni prattika fejn tali tifel isir persuna suspettata jew akkużata matul l-interrogazzjoni mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi fil-kuntest tal-proċedimenti kriminali. Fejn, matul tali interrogazzjoni, tifel għajr persuna suspettata jew akkużata isir persuna suspettata jew akkużata, l-interrogazzjoni għandha tiġi sospiża sakemm it-tifel jiġi mgħarraf li huwa persuna suspettata jew akkużata u jkun assistit minn avukat f’konformità ma’ din id-Direttiva.

(30)

Sakemm dan ikun konformi mad-dritt għal proċess ġust, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jidderogaw mill-obbligu li jipprovdu assistenza minn avukat meta din ma tkunx proporzjonata fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-kawża, bl-intendiment li l-aħjar interessi tat-tifel għandhom dejjem ikunu ta’ kunsiderazzjoni primarja. Fi kwalunkwe każ, it-tfal għandhom jiġu assistiti minn avukat meta jitressqu quddiem qorti kompetenti jew imħallef sabiex tittieħed deċiżjoni dwar detenzjoni fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, kif ukoll matul id-detenzjoni. Barra minn hekk, iċ-ċaħda tal-libertà m’għandhiex tiġi imposta bħala sentenza kriminali, sakemm it-tifel ma jkunx ġie assistit minn avukat b’tali mod li jippermetti li t-tifel jeżerċita d-drittijiet tiegħu ta’ difiża b’mod effikaċi u, fi kwalunkwe każ, waqt is-smigħ tal-proċess quddiem qorti. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jagħmlu arranġamenti prattiċi f’dan ir-rigward.

(31)

L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jidderogaw temporanjament mill-obbligu li jipprovdu assistenza minn avukat fil-fażi ta’ qabel il-proċess minħabba raġunijiet imperattivi, b’mod partikolari, fejn ikun hemm ħtieġa urġenti li jiġu evitati konsegwenzi negattivi serji għall-ħajja, il-libertà jew l-integrità fiżika ta’ persuna, jew fejn l-azzjoni immedjata mill-awtoritajiet investigattivi tkun indispensabbli biex jiġi evitat li l-proċedimenti kriminali relatati ma’ reat kriminali serju jiġu preġudikati b’mod sostanzjali, inter alia bil-ħsieb li tinkiseb informazzjoni dwar l-allegati kompliċi ta’ reat kriminali serju, jew sabiex jiġi evitat it-telf ta’ evidenza importanti fir-rigward ta’ reat kriminali serju. Waqt deroga temporanja abbażi ta’ waħda minn dawk ir-raġunijiet imperattivi, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu jistgħu jinterrogaw lit-tfal mingħajr ma jkun preżenti l-avukat, dment li jkunu ġew infurmati li għandhom dritt li jibqgħu siekta u li jistgħu jeżerċitaw dak id-dritt, u li tali interrogazzjoni ma tippreġudikax id-drittijiet tad-difiża, inkluż d-dritt li ma tinkriminax lilha nnifsha. Għandu jkun possibbli li titwettaq l-interrogazzjoni, safejn meħtieġ, għall-għan uniku li tinkiseb informazzjoni li tkun essenzjali biex jiġu evitati konsegwenzi negattivi serji għall-ħajja, il-libertà jew l-integrità fiżika ta’ persuna, jew biex jiġi evitat li l-proċedimenti kriminali jiġu preġudikati b’mod sostanzjali. Kwalunkwe abbuż minn din id-deroga temporanja jippreġudika, fil-prinċipju, b’mod irreparabbli d-drittijiet tad-difiża.

(32)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu b’mod ċar fil-liġi nazzjonali tagħhom ir-raġunijiet u l-kriterji għal tali deroga temporanja, u għandhom jagħmlu użu ristrett tagħha. Kwalunkwe deroga temporanja għandha tkun proporzjonali, tkun strettament limitata fiż-żmien, ma tkunx ibbażata esklużivament fuq it-tip ta’ reat kriminali allegat jew il-gravità tiegħu, u ma għandhiex tippreġudika l-ġustizzja kumplessiva tal-proċedimenti. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn tkun ġiet awtorizzata deroga temporanja f’konformità ma’ din id-Direttiva minn awtorità kompetenti li ma tkunx imħallef jew qorti, id-deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni tad-deroga temporanja tista’ tiġi valutata minn qorti tal-anqas matul l-istadju tal-proċess.”

16

L-Artikolu 1(a) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar ċerti drittijiet ta’ tfal li huma:

a)

suspettati jew persuni akkużati fi proċediment.”

17

Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”:

“1.   Din id-Direttiva tapplika għat-tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali. Din tapplika sad-determinazzjoni finali tal-kwistjoni dwar jekk il-persuna suspettata jew akkużata tkunx wettqet reat kriminali, inkuż, fejn applikabbli, l-għoti ta’ sentenza u r-riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe appell.

2.   Din id-Direttiva tapplika għal tfal li huma soġġetti għall-proċedimenti relatati mal-(persuni rikjesti) mill-mument tal-arrest tagħhom fl-Istat Membru li jeżegwih b’konformità mal-Artikolu 17.

3.   Bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 5, il-punt (b) tal-Artikolu 8(3) u tal-Artikolu 15, safejn dwak id-dispożizzjonijiet jirreferu għal detentur tar-responsabilità tal-ġenituri, din id-Direttiva, jew ċerti dispożizzjonijiet tagħha, tapplika għal persuni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, fejn tali persuni kienu tfal meta ġew soġġetti għal dawn il-proċedimenti, iżda sussegwentement laħqu l-età ta’ 18-il sena, u l-applikazzjoni ta din id-Direttiva, jew ċerti dispożizzjonijiet tagħha, hija xierqa fid-dawl taċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, inklużi l-maturità u l-vulnerabilità tal-persuna kkonċernata. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx din id-Direttiva meta l-persuna kkonċernata tkun laħqet l-età ta’ 21.

[…]”

18

L-Artikolu 3 (1) tal-istess direttiva jiddefinixxi t-“tifel” bħala “persuna taħt l-età ta’ 18-il sena”.

19

Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/800, intitolat “Dritt għall-informazzjoni”:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta t-tfal jkunu mgħarrfa li huma suspettati jew li huma persuni akkużati, huma jiġu infurmati fil-pront dwar id-drittijiet tagħhom skont id-Direttiva [2012/13] u dwar aspetti ġenerali tal-iżvolġiment tal-proċeduri.

L-Istati Membri għandhom ukoll jiżguraw li t-tfal jiġu infurmati dwar id-drittijiet stabbiliti f’din id-Direttiva. Dik l-informazzjoni għandha tiġi mogħtija kif ġej:

a)

fil-pront malli t-tfal jiġu mgħarrfa li jkunu persuni ssuspettati jew akkużati fir-rigward ta’:

i)

id-dritt li d-detentur tar-responsabilità tal-ġenituri jiġi mgħarraf, kif previst fl-Artikolu 5;

ii)

id-dritt li jiġu assistiti minn avukat, kif previst fl-Artikolu 6;

iii)

id-dritt tagħhom għall-protezzjoni tal-privatezza, kif previst fl-Artikolu 14;

iv)

id-dritt li jkunu akkumpanjati mid-detentur tar-responsabilità tal-ġenituri waqt xi stadji tal-proċedimenti għajr seduti tal-qorti, kif prevista fl-Artikolu 15(4);

v)

id-dritt għall-għajnuna legali, kif previst fl-Artikolu 18;

b)

fl-istadju l-aktar bikri xieraq tal-proċedimenti, fir-rigward ta’:

i)

id-dritt għal valutazzjoni individwali, kif previst fl-Artikolu 7;

ii)

id-dritt għal eżami mediku, inkluż id-dritt għal assistenza medika, kif previst fl-Artikolu 8;

iii)

id-dritt għal limitazzjoni ta’ ċaħda tal-libertà u tal-użu ta’ miżuri alternattivi, inkluż id-dritt għal rieżami perjodiku tad-detenzjoni, kif previst fl-Artikoli 10 u 11;

iv)

id-dritt li jkunu akkumpanjati mid-detentur tar-responsabilità tal-ġenituri waqt is-seduti tal-qorti, kif previst fl-Artikolu 15(1);

v)

id-dritt li jkunu fiżikament preżenti waqt il-proċess, kif previst fl-Artikolu 16;

vi)

id-dritt għal rimedji effikaċi, kif previst fl-Artikolu 19;

c)

malli jiġu mċaħħda mil-libertà fir-rigward tad-dritt għal trattament speċifiku matul iċ-ċaħda tal-libertà, kif previst fl-Artikolu 12.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tkun mogħtija bil-miktub, bil-fomm jew bit-tnejn, b’lingwaġġ sempliċi u aċċessibbli, u li l-informazzjoni mogħtija tiġi reġistrata, bl-użu ta’ proċedura ta’ reġistrazzjoni f’konformità mal-liġi nazzjonali.

3.   Meta t-tfal, jingħataw Ittra tad-Drittijiet skont id-Direttiva [2012/13], l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali Ittra tkun tinkludi riferenza għad-drittijiet tagħhom skont din id-Direttiva.”

20

L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt tat-tifel li d-detentur tal-awtorità tal-ġenituri jiġi mgħarraf”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-detentur tar-responsabilità tal-ġenituri jingħata malajr kemm jista’ jkun l-informazzjoni li t-tifel jirċievi f’konformità mal-Artikolu 4.”

21

L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, intitolat “Assistenza minn avukat”, jistabbilixxi:

“1.   It-tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati li jkunu wettqu reat kriminali għandhom id-dritt ta’ aċċess għal avukat f’konformità mad-Direttiva [2013/48]. Xejn f’din id-Direttiva, b’mod partikolari f’dan l-Artikolu, m’għandu jaffettwa dak id-dritt.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tfal jiġu assistiti minn avukat f’konformità ma’ dan l-Artikolu biex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom b’mod effikaċi.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tfal jiġu assistiti minn avukat mingħajr dewmien żejjed ladarba jiġu mgħarrfa li huma persuni suspettati jew akkużati. Fi kwalunkwe każ, it-tfal għandhom jiġu assistiti minn avukat mill-aktar mument bikri fost is-segwenti:

a)

qabel ma jiġu interrogati mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi jew ġudizzjarja;

b)

mat-twettiq minn awtorità ta’ investigazzjoni jew awtorità kompetenti oħra ta’ att investigattiv jew att ieħor ta’ ġbir ta’ provi skont il-punt (c) tal-paragrafu 4;

c)

mingħajr dewmien żejjed wara ċ-ċaħda tal-libertà;

d)

fejn jkunu ġew imħarrka biex jidhru quddiem qorti li jkollha ġurisdizzjoni f’materji kriminali, fi żmien debitu qabel ma jidhru quddiem dik il-qorti.

4.   Assistenza minn avukat għandha tinkludi s-segwenti:

a)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tfal ikollhom id-dritt li jiltaqgħu fil-privat u jikkomunikaw mal-avukat li jirrappreżentahom, inkluż qabel interrogazzjoni mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi jew awtorità ġudizzjarja;

b)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tfal jiġu assistiti minn avukat meta jkunu qed jiġu interrogati, u li l-avukat ikun jista’ jipparteċipa b’mod effettiv waqt l-interrogazzjoni. Tali parteċipazzjoni għandha titmexxa skont il-proċeduri skont il-liġi nazzjonali, dment li tali proċeduri ma jippreġudikawx l-eżerċizzju effettiv u l-essenza tad-dritt konċernat. Fejn avukat jipparteċipa matul interrogazzjoni, il-fatt li tkun seħħet tali parteċipazzjoni għandu jiġi rreġistrat bl-użu tal-proċedura ta’ reġistrar skont il-liġi nazzjonali;

c)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tfal, bħala minimu, jiġu assistiti minn avukat matul is-segwenti atti investigattivi jew atti ta’ ġbir ta’ provi, meta dawk l-atti huma previsti skont il-liġi nazzjonali u jekk il-persuna suspettata jew akkużata tkun meħtieġa jew imħollija tkun preżenti għall-att konċernat:

i)

ringieli ta’ persuni għall-identifikazzjoni;

ii)

konfrontazzjonijiet;

iii)

rikostruzzjonijiet sperimentali tax-xena tar-reat kriminali.

5.   L-Istati Membri għandhom jirrispettaw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni bejn it-tfal u l-avukat tagħhom fl-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għall-assistenza ta’ avukat, previst f’din id-Direttiva. Tali komunikazzjoni għandha tinkludi l-laqgħat, il-korrispondenza, il-konverżazzjonijiet telefoniċi u forom oħra ta’ komunikazzjoni permessi skont il-liġi nazzjonali.

6.   Sakemm dan ikun f’konformità mad-dritt għal proċess ġust, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-paragrafu 3 fejn l-assistenza minn avukat ma tkunx proporzjonata fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-każ, waqt li titqies il-gravità tal-allegat reat kriminali, il-kumplessità tal-każ u l-miżuri li jistgħu jittieħdu fir-rigward ta’ tali reat, bl-intendiment li l-aħjar interessi tat-tifel għandhom dejjem ikunu kunsiderazzjoni primarja.

Fi kwalunkwe każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tfal jiġu assistiti minn avukat:

a)

meta jitressqu quddiem qorti kompetenti jew imħallef sabiex tittieħed deċiżjoni dwar detenzjoni fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva; u

b)

matul id-detenzjoni.

L-Istati Membri għandhom ukoll jiżguraw li ċ-ċaħda tal-libertà m’għandhiex tiġi imposta bħala sentenza kriminali, sakemm it-tifel ma jkunx ġie assistit minn avukat b’tali mod li jippermetti li t-tifel jeżerċita d-drittijiet tiegħu ta’ difiża b’mod effikaċi u, fi kwalunkwe każ, waqt is-seduti tal-proċess quddiem qorti.

7.   Meta t-tifel jiġi assistit minn avukat f’konformità ma’ dan l-Artikolu iżda ebda avukat ma jkun preżenti, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipposponu l-interrogazzjoni tat-tifel, jew atti investigattivi jew atti ta’ ġbir ta’ provi oħra previsti fil-punt (c) tal-paragrafu 4, għal perjodu ta’ żmien raġonevoli biex jippermettu l-wasla tal-avukat meta tifel, jew fejn it-tifel ma qabbadx avukat, biex iqabbdu avukat għat-tifel.

8.   F’ċirkostanzi eċċezzjonali u biss fl-istadju ta’ qabel il-proċess, l-Istati Membri jistgħu temporanjament jidderogaw mill-applikazzjoni tad-drittijiet previsti fil-paragrafu 3 sa fejn dan ikun ġustifikat fid-dawl taċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet imperattivi li ġejjin:

a)

meta jkun hemm ħtieġa urġenti li jkunu evitati konsegwenzi negattivi serji għall-ħajja, il-libertà jew l-integrità fiżika ta’ persuna;

b)

meta azzjoni immedjata mill-awtoritajiet investigattivi tkun essenzjali biex jiġi evitat li l-proċedimenti kriminali rigward reat kriminali serju jiġu preġudikati b’mod sostanzjali.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti, meta jiġi applikat dan il-paragrafu, għandhom jikkunsidraw l-aħjar interessi tat-tifel.

Deċiżjoni li titmexxa interrogazzjoni fin-nuqqas tal-avukat skont dan il-paragrafu tista’ tittieħed biss abbażi ta’ każ b’każ minn awtorità ġudizzjarja, jew minn awtorità kompetenti oħra, bil-kundizzjoni li d-deċiżjoni tista’ tiġi soġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju.”

22

L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva jirrigwarda d-dritt li wieħed ikun is-suġġett ta’ evalwazzjoni individwali.

23

Skont l-Artikolu 13(2) tal-istess direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li t-tfal jiġu dejjem trattati b’mod li jipproteġi d-dinjità tagħhom u xieraq għall-età tagħhom, maturità u għal-livell ta’ fehim, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet speċjali tagħhom, inkluż, kwalunkwe diffikultajiet li jista’ jkollhom fil-komunikazzjoni.”

24

L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2016/800 intitolat “Dritt tat-tifel li jiġi akkumpanjat mid-detentur tar-responsabilità tal-ġenituri waqt il-proċedimenti”, jipprovdi, fil-paragrafu 4 tiegħu:

“Barra mid-dritt previst skont il-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tfal ikollhom id-dritt li jkunu akkumpanjati mid-detentur tar-responsabilità tal-ġenituri jew minn persuna adulta xierqa oħra kif imsemmi fil-paragrafu 2, matul stadji oħra tal-proċedimenti għajr seduti ta’ smigħ tal-qorti li t-tifel ikun preżenti għalihom fejn l-awtorità kompetenti tqis li:

a)

huwa fl-aħjar interessi tat-tifel li jkun akkumpanjat minn dik il-persuna; u

b)

il-preżenza ta’ dik il-persuna ma tippreġudikax l-proċedimenti kriminali.”

25

L-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġi nazzjonali li għandha x’taqsam mal-għajnuna legali tiggarantixxi l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ aċċess għall-assistenza ta’ avukat skont l-Artikolu 6.”

26

L-Artikolu 19 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali, kif ukoll tfal li huma persuni rikjesti jkollhom rimedju effettiv skont il-liġi nazzjonali f’każ ta’ ksur tad-drittijiet tagħhom skont din id-Direttiva.”

Id‑dritt Pollakk

27

L-Artikolu 6 tal‑ustawa – Kodeks postępowania karnego (il-Liġi dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali), tas‑6 ta’ Ġunju 1997 (Dz. U. tal‑2022, pożizzjoni 1375), fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“KPK”) jipprovdi:

“Il-persuna mħarrka għal reat kriminali għandha tgawdi d-drittijiet tad-difiża tagħha, inkluż id-dritt għal assistenza legali, li fir-rigward tagħhom għandha tkun informata.”

28

L-Artikolu 79 tal-KPK jipprovdi:

“§ 1.   Fi proċeduri kriminali, il-persuna akkużata għandha tiġi difiża:”

1)

jekk ikollha inqas minn 18-il sena;

[…]

§ 2.   Il-persuna akkużata għandha wkoll tiġi difiża jekk il-qorti tqis li dan huwa neċessarju minħabba ċirkustanzi oħra ta’ natura li jostakolaw id-difiża tagħha.

§ 3.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-preżenza tal-avukat hija obbligatorja waqt is-seduta kif ukoll fis-sessjonijiet li fihom il-persuna akkużata għandha tipparteċipa.

[…]”

29

Skont l-Artikolu 168a tal-KPK:

“Il-provi ma jistgħux jiġu ddikjarati inammissibbli għas-sempliċi raġuni li jkunu nkisbu bi ksur tar-regoli proċedurali jew permezz ta’ reat fis-sens tal-Artikolu 1(1) tal-Kodiċi Kriminali, sakemm il-provi ma jkunux inkisbu fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet minn uffiċjal pubbliku wara qtil, offiża volontarja jew ċaħda tal-libertà.”

30

L-Artikolu 301 tal-KPK jipprovdi:

“Il-persuna suspettata għandha tiġi interrogata, fuq talba tagħha, fil-preżenza tal-avukat innominat. In-nuqqas ta’ dan tal-aħħar ma jipprekludix l-interrogazzjoni.”

31

Skont l-Artikolu 9 tal-ustawa – Prawo o ustroju sądów powszechnych (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati tad-Dritt Komuni), tas‑27 ta’ Lulju 2001 (Dz. U. tal‑2001 Nru 98, pożizzjoni 1070), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati tad-Dritt Komuni”), l-istħarriġ amministrattiv tal-attività tal-qrati huwa żgurat mill-Ministru għall-Ġustizzja.

32

Skont l-Artikolu 130 ta’ din il-liġi:

“§ 1. Meta mħallef jiġi arrestat in flagrante delicto ta’ reat kommess intenzjonalment, li ma jkunx kontravvenzjoni jew meta, fid-dawl tat-tip ta’ att imwettaq mill-imħallef, l-awtorità tal-qorti jew l-interessi essenzjali tas-servizz jeżiġu li dan jitneħħa immedjatament mill-funzjonijiet tiegħu, il-President tal-Qorti jew il-Ministru għall-Ġustizzja jistgħu jordnaw is-sospensjoni immedjata tal-attivitajiet tal-imħallef sakemm il-qorti dixxiplinari tiddeċiedi fi żmien inqas minn xahar.

§ 2. Jekk l-imħallef imsemmi fil-paragrafu 1 jeżerċita l-funzjonijiet ta’ President tal-Qorti, huwa l-Ministru għall-Ġustizzja li għandu jordna s-sospensjoni temporanja tal-attivitajiet tiegħu.

§ 3. Fi żmien tlett ijiem mid-data tal-ordni msemmija fil-paragrafu 1, il-President tal-Qorti jew il-Ministru għall-Ġustizzja għandu jinforma b’dan lill-qorti dixxiplinari, li għandha, sa mhux iktar tard mill-iskadenza tal-perijodu stabbilit mill-ordni ta’ sospensjoni temporanja, tadotta mingħajr dewmien riżoluzzjoni dwar is-sospensjoni tal-imħallef mill-funzjonijiet tiegħu jew dwar it-tħassir tal-ordni ta’ sospensjoni temporanja. Il-qorti dixxiplinari għandha tinforma lill-imħallef dwar l-organizzazzjoni tas-seduta jekk hija tqis li dan ikun utli.”

33

Diversi dispożizzjonijiet tal-ustawa – Prawo o prokuraturze (il-Liġi dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur), tat‑28 ta’ Jannar 2016 (Dz. U. tal‑2016, pożizzjoni 177), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, dwar l-organizzazzjoni u l-istruttura tal-Uffiċċju tal-Prosekutur kif ukoll il-kompetenzi tal-prosekuturi, huma elenkati fit-talba għal deċiżjoni preliminari. Dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu b’mod partikolari li l-funzjoni ta’ Prokurator Generalny (il-Prosekutur Ġenerali) hija eżerċitata mill-Ministru għall-Ġustizzja. Barra minn hekk, il-prosekuturi jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom, fil-prinċipju, b’indipendenza sħiħa. Madankollu, huma għandhom l-obbligu li jeżegwixxu r-regolamenti, iċ-ċirkolari u l-istruzzjonijiet adottati mill-prosekutur ta’ grad superjuri.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

34

Is-Sąd Rejonowy w Słupsku (il-Qorti Distrettwali ta’ Słupsk, il-Polonja), il-qorti tar-rinviju fil-kawża preżenti, hija adita bi proċeduri kriminali mibdija kontra M.S., J.W. u M.P. (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“persuni ssuspettati minuri”), akkużati li żgassaw bini ta’ ċentru ta’ vaganzi li ma għadux jintuża, li jinsab f’Ustka (il-Polonja) (iktar ’il quddiem il-“fatti kontenzjużi”), għad-detriment ta’ M.B. u ta’ B.B., irrappreżentati mill-amministratur maħtur, D.G. Dan l-iżgass jikkostitwixxi ksur tal-Kodeks karny (il-Kodiċi Kriminali), li huwa punibbli b’massimu ta’ sena priġunerija.

35

M.S. huwa akkużat li, bejn ix-xhur ta’ Diċembru 2021 u ta’ Jannar 2022, daħal diversi drabi fil-post fejn seħħ l-iżgass, filwaqt li J.W. u M.P. huma akkużati li daħlu f’tali post darba biss. Fil-mument tal-fatti kontenzjużi, M.S., J.W. u M.P. kellhom 17‑il sena.

36

M.S. ġie kkonvokat mill-pulizija fis‑26 ta’ Jannar 2022 sabiex jiġi interrogat bħala persuna ssuspettata. L-uffiċjal tal-pulizija li interrogah kellu għarfien tal-fatt li, f’din id-data, M.S. kien għadu ma laħaqx l-età ta’ 18-il sena. Il-ġenituri tiegħu ma ġewx informati minn qabel b’din l-interrogazzjoni. Il-konvokazzjoni ma kinitx tindika li M.S. seta’ jaħtar avukat. M.S. mar l-għassa tal-pulizija ma’ ommu li, minkejja t-talba tagħha, ma setgħetx tassisti għall-interrogazzjoni ta’ binha għar-raġuni li, skont il-pulizija, huwa kien responsabbli għall-fatti inkwistjoni bħala adult. Barra minn hekk, l-omm ġiet irrifjutata kull informazzjoni dwar l-iżvolġiment tal-fażi ta’ investigazzjoni u M.S. lanqas ma ġie informat bid-dritt tiegħu li jieħu konjizzjoni tal-proċess tal-proċedura qabel ma tressaq l-att ta’ akkuża finali tal-istanza kriminali quddiem il-qorti.

37

Matul din l-ewwel interrogazzjoni, M.S. irrikonoxxa li wettaq il-fatti kontenzjużi u ppreżenta rendikont iddettaljat tal-iżvolġiment tal-avvenimenti, billi għamel dikjarazzjonijiet ta’ natura li jinkriminawh. Wara dawn id-dikjarazzjonijiet, l-akkużi miġjuba kontrih ġew emendati peress li, minflok ma ġie mfittex talli daħal darba biss fiċ-ċentru ta’ vaganzi kkonċernat, huwa ġie akkużat bi żgassar f’diversi okkażjonijiet.

38

Id-deċiżjoni ta’ akkuża nqrat lil M.S. u ġiet ikkonsenjata lilu. Huwa ffirma din id-deċiżjoni. Id-dokument dwar l-informazzjoni ġenerali relatata mad-drittijiet u mal-obbligi tal-persuna ssuspettata fil-kuntest ta’ proċedura kriminali ntbagħat lilu wkoll mingħajr riferiment speċifiku f’dan id-dokument għad-drittijiet u għall-obbligi tal-minuri. L-informazzjoni pprovduta kienet tinkludi, fost l-oħrajn, informazzjoni dwar id-dritt li jsiru dikjarazzjonijiet jew li wieħed jibqa’ sieket, jew anki li wieħed jirrifjuta li jwieġeb mistoqsijiet mingħajr ma jkun meħtieġ li dan ir-rifjut jiġi motivat, id-dritt li wieħed ikun assistit minn avukat tal-għażla tiegħu u d-dritt li tintalab il-ħatra ta’ avukat maħtur ex officio jekk il-persuna ssuspettata ma jkollhiex il-mezzi finanzjarji li tagħżel l-avukat tagħha kif ukoll id-dritt li tintalab il-preżenza tal-avukat maħtur matul l-interrogazzjoni, bil-kundizzjoni li l-assenza ta’ dan tal-aħħar ma tkunx tikkostitwixxi ostakolu għall-interrogazzjoni. Peress li l-imsemmi dokument kien voluminuż u kumpless, M.S. ma ffamiljarizzax ruħu mal-kontenut tiegħu. Madankollu, huwa ffirmah b’aċċettazzjoni.

39

M.S. ġie wkoll informat bid-dritt tiegħu li jitlob komunikazzjoni orali tal-bażi tal-akkużi miġjuba kontrih kif ukoll preżentazzjoni bil-miktub tal-motivi tad-deċiżjoni ta’ akkuża, li kellha tiġi kkomunikata lilu jew lill-avukat tiegħu f’terminu ta’ erbatax-il jum. Huwa la rrinunzja għal dan id-dritt u lanqas ma ppreżenta tali talbiet. La M.S. u lanqas il-ġenituri tiegħu ma ħatru avukat għad-difiża tiegħu. M.S. lanqas ma bbenefika minn avukat maħtur ex officio mill-qorti.

40

M.S. ġie interrogat darbtejn. L-ebda waħda minn dawn l-interrogazzjonijiet ma ġiet irreġistrata awdjoviżivament. Abbażi tal-informazzjoni pprovduta minn M.S. matul l-interrogazzjonijiet tiegħu, l-uffiċjali tal-pulizija identifikaw persuni oħra ssuspettati li daħlu illegalment fiċ-ċentru tal-vaganzi kkonċernat, fosthom il-persuni ssuspettati l-oħra, J.W. u M.P.

41

Dawn iż-żewġ minuri ġew ikkonvokati fl-għassa tal-pulizija ta’ Ustka sabiex jiġu interrogati bħala persuni ssuspettati. La l-ġenituri ta’ J.W. u lanqas dawk ta’ M.P. ma ġew informati b’din l-interrogazzjoni, filwaqt li l-uffiċjal tal-pulizija inkarigat mill-interrogazzjoni kien jaf li ż-żewġ persuni ssuspettati kellhom inqas minn 18-il sena.

42

L-interrogazzjonijiet ta’ J.W. u ta’ M.P. żvolġew b’mod analogu għal dak ta’ M.S. Il-konvokazzjonijiet ta’ J.W. u ta’ M.P. għall-interrogazzjoni ma kienu jinkludu ebda informazzjoni dwar id-dritt tagħhom li jaħtru avukat jew li jkunu assistiti minn avukat maħtur ex officio mill-qorti. La J.W. u M.P., u lanqas il-ġenituri tagħhom ma kellhom għarfien jew ma kienu ġew informati bil-fatt li kellhom dritt jiksbu informazzjoni dwar l-iżvolġiment tal-proċedura jew, fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, li jakkumpanjaw lil binhom fil-kuntest tal-fażi preliminari tal-proċess tagħhom. J.W. u M.P. ġew ipprovduti bl-istess dokument bħal dak ikkomunikat lil M.S., kif imsemmi fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, u l-istess bħal dan tal-aħħar, ma ffamiljarizzawx ruħhom mal-kontenut tad-dokument minħabba l-volum tiegħu u l-kumplessità tal-lingwaġġ użat.

43

Ebda evalwazzjoni individwali tal-minuri ssuspettati, skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2016/800, ma twettqet matul il-fażi preliminari tal-proċess kriminali.

44

Fil‑31 ta’ Mejju 2022, il-Prokurator Prokuratury Rejonowej w Słupsku (il-Prosekutur Pubbliku Distrettwali ta’ Słupsk, il-Polonja) iffirma l-att ta’ akkuża promotur li kien jikkonċerna l-persuni ssuspettati u bagħtu lis-Sąd Rejonowy w Słupsku (il-Qorti Distrettwali ta’ Słupsk). Peress li l-persuni ssuspettati ma kinux ħatru avukat, dik il-qorti ħatret avukat ex officio għal kull wieħed minnhom.

45

Waqt is-seduta tat‑23 ta’ Awwissu 2022, li matulha l-minuri ssuspettati ddikjaraw li ma kinux ħatja, M.S. għamel dikjarazzjonijiet, iżda J.W. u M.P. irrifjutaw li jesprimu ruħhom, u wieġbu biss għall-mistoqsijiet tal-avukati tagħhom. Għal kull wieħed mill-minuri ssuspettati, l-avukati tagħhom talbu li d-dikjarazzjonijiet magħmula fil-fażi preliminari tal-proċess ma jittiħdux inkunsiderazzjoni, peress li dawn il-provi nkisbu bi ksur tad-drittijiet proċedurali tagħhom, jiġifieri matul l-interrogazzjonijiet magħmula mill-pulizija fl-assenza ta’ avukat, li l-parteċipazzjoni tiegħu fil-proċedura kienet obbligatorja. Huma qiesu li l-provi hekk miksuba ma setgħux jifformaw il-bażi li fuqha jiġu stabbiliti l-fatti.

46

Is-Sąd Rejonowy w Słupsku (il-Qorti Distrettwali ta’ Słupsk) ċaħdet bħala inammissibbli t-talba tal-Prokurator Prokuratury Rejonowej w Słupsku (il-Prosekutur Pubbliku Distrettwali ta’ Słupsk) Prosekutur li jkun jista’ jieħu inkunsiderazzjoni l-provi misluta mid-dikjarazzjonijiet magħmula mill-persuni ssuspettati matul il-fażi preliminari tal-proċess kriminali waqt l-interrogazzjonijiet magħmula fl-assenza ta’ avukat. Dawn id-dikjarazzjonijiet għalhekk tneħħew mill-proċess bħala provi.

47

Waqt is-seduta tas‑26 ta’ Awwissu 2022, din il-qorti kkonstatat ex officio li M.P. kien laħaq l-età ta’ 18-il sena u li, fid-dawl tal-punt 1 tal-Artikolu 79(1) tal-KPK, M.P. ma kienx għadu iktar ikkonċernat mill-obbligu ta’ assistenza minn avukat. L-avukat ta’ M.P. madankollu talab iż-żamma tal-ħatra tiegħu ex officio minħabba li dan tal-aħħar kien minuri fil-mument tal-ftuħ tal-proċedura u li miċ-ċirkustanzi tal-kawża kien jirriżulta li l-livell ta’ maturità tiegħu kien jeħtieġ li huwa jibbenefika mill-assistenza ta’ avukat maħtur ex officio. L-imsemmija qorti laqgħet din it-talba.

48

Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, is-Sąd Rejonowy w Słupsku (il-Qorti Distrettwali ta’ Słupsk) tinnota wkoll li s-superjur ġerarkiku tal-Prosekutur Distrettwali, li huwa parti fil-proċeduri kriminali mibdija kontra l-minuri ssuspettati, huwa l-Prokurator Rejonowej w Słupsku (il-Prosekutur Distrettwali ta’ Słupsk, il-Polonja), li huwa wkoll il-Ministru għall-Ġustizzja. Dan imexxi l-attività tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, personalment jew permezz tal-Prokurator Krajowy (il-Prosekutur Nazzjonali) u ta’ deputati oħra tal-Prokurator Generalny (il-Prosekutur Ġenerali), billi jadotta deċiżjonijiet, linji gwida u istruzzjonijiet.

49

L-Imħallef li kien qiegħed jisma’ l-kawża prinċipali bħala mħallef uniku tas-Sąd Rejonowy w Słupsku (il-Qorti Distrettwali ta’ Słupsk) tneħħa mill-funzjonijiet tiegħu għall-perijodu bejn id‑9 ta’ Frar 2022 u t‑8 ta’ Marzu 2022 permezz ta’ deċiżjoni tal-Prokurator Generalny (il-Prosekutur Ġenerali), skont l-Artikolu 130(1) tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati tad-Dritt Komuni, minħabba li, fil-kuntest ta’ kawża oħra li ma hijiex il-kawża prinċipali, hija kienet wettqet att ta’ natura tali li l-awtorità tas-Sąd Rejonowy w Słupsku (il-Qorti Distrettwali ta’ Słupsk) u l-interessi essenzjali tas-servizz kienu jeżiġu li din tiġi rrilevata mid-doveri tagħha immedjatament.

50

Fil-fatt, f’din il-kawża l-oħra, din l-imħallef kienet tat digriet, li laqa’ talba ta’ parti, li permezz tagħha ġie kkontestat l-imħallef maħtur fi tmiem proċedura li tinvolvi l-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura, il-Polonja) stabbilit wara s-sena 2018, minħabba li din il-ħatra ma kinitx konformi mad-dritt tal-Unjoni u mal-KEDB.

51

Il-Prokurator Rejonowej w Słupsku (il-Prosekutur Distrettwali ta’ Słupsk) kien għalhekk informa lill-Prokurator Regionalny w Gdańsku (il-Prosekutur Reġjonali ta’ Gdańsk, il-Polonja) b’din is-sitwazzjoni, li kien ittrażmetta din l-informazzjoni lill-Ministru għall-Ġustizzja, skont l-istruzzjonijiet maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur, li jobbligaw lill-prosekuturi jinformaw immedjatament lill-Prosekutur Reġjonali li jkollu ġurisdizzjoni territorjali ta’ każijiet li fihom imħallfin jikkontestaw l-istatus ta’ mħallef ieħor ta’ qorti ordinarja, jew l-istatus tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja). Essenzjalment, dawn l-istruzzjonijiet jobbligaw li tiġi nnotifikata kull sitwazzjoni li fiha qorti tinvoka direttament dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja billi ma tapplikax id-dritt nazzjonali.

52

Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju tistaqsi, fir-rigward ta’ diversi aspetti, dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

53

Fl-ewwel lok, fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, iċ-ċirkustanzi li fihom żvolġew il-proċeduri kriminali ċaħħdu lill-minuri ssuspettati mill-benefiċċju tal-istandards minimi ta’ protezzjoni applikabbli għall-“ulied”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2016/800, peress li huma persuni ssuspettati jew akkużati, kif ukoll mid-drittijiet li l-persuni ssuspettati kollha jistgħu jinvokaw skont id-Direttivi 2013/48 u 2012/13, fatt li juri traspożizzjoni inadegwata ta’ dawn id-direttivi fid-dritt Pollakk.

54

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-assenza ta’ implimentazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni, fid-dawl tal-effett dirett tad-dispożizzjonijiet dwar id-dritt għall-informazzjoni u d-dritt għall-assistenza minn avukat. Hija tenfasizza li r-regoli proċedurali fis-seħħ fil-Polonja jinkludu dispożizzjonijiet li, mhux biss, ma humiex preċiżi biżżejjed sabiex jiggarantixxu d-drittijiet tat-tfal stabbiliti fid-Direttiva 2016/800, iżda jirrendu wkoll impossibbli interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni.

55

Fit-tielet lok, id-domandi tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw ir-rimedji ġudizzjarji effettivi sabiex tiġi ggarantita lit-tfal issuspettati jew akkużati n-newtralizzazzjoni tal-effetti tal-ksur tad-drittijiet tagħhom li jirriżultaw mid-Direttiva 2016/800, kif ukoll mid-Direttivi 2012/13 u 2013/48, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ smigħ xieraq. L-Artikolu 19 tad-Direttiva 2016/800 jipprovdi li t-tfal issuspettati jew akkużati għandu jkollhom rimedju effettiv konformement mad-dritt nazzjonali fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet tagħhom taħt din id-direttiva. Madankollu, din l-aħħar direttiva ma tippreċiżax liema huma dawn ir-rimedji ġudizzjarji, u tagħti x’tifhem li dawn huma fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri.

56

Barra minn hekk, mid-Direttivi 2012/13 u 2013/48 jirriżulta li ma jeżistux, fid-dritt tal-Unjoni, dispożizzjonijiet ċari dwar il-possibbiltà li jintużaw għal finijiet ta’ prova dikjarazzjonijiet magħmula minn wild issuspettat jew akkużat fl-assenza ta’ avukat. Madankollu, l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2013/48, moqri fid-dawl tal-premessa 50 tagħha, jipprevedi klawżola ta’ esklużjoni tal-provi miksuba bi ksur tad-dritt ta’ aċċess għal avukat.

57

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li la l-KEDB u lanqas il-Karta ma jipprevedu l-modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża jew il-konsegwenzi ta’ ksur ta’ dawn id-drittijiet. Dawn iħallu lill-Istati Membri l-għażla tal-mezzi sabiex is-sistemi ġudizzjarji tagħhom jiggarantixxu dawn id-drittijiet, bil-kundizzjoni madankollu li dawn il-mezzi jkunu konformi mar-rekwiżiti ta’ proċess ġust. F’dan ir-rigward, huwa neċessarju li jsir riferiment għall-KEDB sabiex jiġi ddeterminat il-livell minimu ta’ protezzjoni li għandhom jiggarantixxu r-rimedji ġudizzjarji. Fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem iddefinixxiet l-importanza tad-dritt għall-assistenza ta’ avukat għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ekwità tal-proċeduri u ddeċidiet dwar il-kwistjoni tal-possibbiltà li jintużaw, fil-kuntest tal-proċedura kriminali, provi miġbura bi ksur tad-dritt tal-persuna ssuspettata għall-assistenza ta’ avukat fl-istadju inizjali tal-proċedura kriminali.

58

Fir-raba’ lok, il-qorti tar-rinviju tagħmel l-aħħar sensiela ta’ kunsiderazzjonijiet dwar l-istatus tal-prosekutur fil-kuntest tal-investigazzjoni kriminali kif ukoll dwar l-indipendenza tal-imħallfin. Il-prinċipju ta’ protezzjoni effettiva tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni huwa bbażat neċessarjament fuq l-indipendenza u l-imparzjalità tal-awtoritajiet kollha tal-Istat Membru kkunsidrat. Mekkaniżmu li jippermetti lill-korpi tas-setgħa eżekuttiva jinterferixxu fil-proċess deċiżjonali tal-awtoritajiet ta’ prosekuzzjoni, kif ukoll f’dak tal-qrati huwa problematiku sa fejn jippermetti lill-poter eżekuttiv jinfluwenza l-klassifikazzjonijiet magħmula u jqiegħed f’dubju s-sentenzi mogħtija billi jinterferixxi fil-proċess ta’ applikazzjoni diretta tad-dritt tal-Unjoni fl-istadju kemm tal-investigazzjoni kriminali kif ukoll tal-proċedura ġudizzjarja.

59

B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tesprimi t-tħassib tagħha dwar is-setgħa tal-Ministru għall-Ġustizzja li jordna, skont l-Artikolu 130(1) tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati tad-Dritt Komuni, is-sospensjoni immedjata ta’ mħallef mill-funzjonijiet tiegħu meta jieħu deċiżjonijiet direttament abbażi tad-dritt tal-Unjoni jew ukoll deċiżjonijiet intiżi li jiggarantixxu l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ qorti.

60

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sąd Rejonowy w Slupsku (il-Qorti Distrettwali ta’ Slupsk) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 6[(1), (2), (3)(a) u (7)] kif ukoll l-Artikolu 18, moqrija flimkien mal-premessi 25, 26 u 27 tad-Direttiva [2016/800] għandhom jiġu interpretati fis-sens li, mill-mument meta persuna taħt l-età ta’ 18‑il sena ssuspettata li ħadet sehem fi ksur tiġi mixlija, l-awtoritajiet responsabbli mill-proċedura huma obbligati li jiżguraw li l-wild jibbenefika mid-dritt li jiġi assistit minn avukat ex officio meta ma jkollux avukat tal-għażla tiegħu (billi l-wild jew il-persuna li għandha r-responsabbiltà tal-ġenituri ma jkunux żguraw tali assistenza minn rajhom) u li jiżguraw li l-avukat difensur jipparteċipa fl-atti tal-fażi ta’ qabel il-proċess bħall-interrogazzjoni tal-minuri inkwantu suspettat, u fis-sens li jipprekud[u] li l-minuri jiġi interrogat fl-assenza ta’ avukat difensur?

2)

L-Artikolu 6(6) u (8), moqri flimkien mal-premessi 16, 30, 31 u 32 tad-Direttiva [2016/800] għandu jiġi interpretat fis-sens li f’ebda każ ma tista’ ssir deroga għall-assistenza ta’ avukat difensur mingħajr dewmien żejjed fil-kawżi li jikkonċernaw ksur punibbli b’piena li ċċaħħad il-libertà u li deroga temporanja għall-applikazzjoni tad-dritt għall-assistenza ta’ avukat difensur, fis-sens tal-Artikolu 6(8) [ta’ din id-d]irettiva, hija possibbli biss fil-kuntest tal-fażi ta’ qabel il-proċess u unikament fiċ-ċirkustanzi elenkati strettament fl-Artikolu 6(8)(a) u (b) [tal-imsemmija direttiva,] liema ċirkustanzi għandhom jissemmew espliċitament fid-deċiżjoni, li bħala prinċipju tista’ tiġi kkontestata, li ssir l-interrogazzjoni fl-assenza ta’ avukat?

3)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal mill-inqas waħda mid-domandi 1 u 2, id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tad-Direttiva [2016/800] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali bħal:

a)

it-tieni sentenza tal-Artikolu 301 tal-[KPK], li jipprevedi li huwa biss fuq it-talba tiegħu li s-suspettat jiġi interrogat fil-preżenza tal-avukat difensur maħtur, u li l-assenza tal-avukat difensur għall-interrogazzjoni tas-suspettat ma tipprekludix l-interrogazzjoni?

b)

l-Artikolu 79(3) tal-[KPK], li jipprevedi li, fil-każ ta’ persuna taħt l-età ta’ 18‑il sena (il-punt 1 tal-Artikolu 79(1) tal-[KPK]), il-preżenza tal-avukat difensur hija obbligatorja biss waqt is-seduta kif ukoll waqt is-sessjonijiet li fihom il-persuna akkużata hija obbligata li tipparteċipa, jiġifieri fl-istadju tal-proċess?

4)

Id-dispożizzjonijiet indikati fid-domandi 1 u 2 kif ukoll il-prinċipju ta’ supremazija u l-prinċipju ta’ effett dirett tad-direttivi għandhom jiġu interpretati fis-sens li jagħtu s-setgħa (jew anki jobbligaw) lill-qorti nazzjonali adita b’kawża kriminali li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [2016/800] u lil kwalunkwe awtorità tal-Istat li ma tapplikax id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mad-Direttiva, bħal dawk imsemmija [fit-tielet domanda], u, b’konsegwenza – b’kunsiderazzjoni tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni – li tissostitwixxi r-regola nazzjonali bir-regoli tad-Direttiva preċedentement imsemmija li għandhom effett dirett?

5)

L-Artikolu 6(1), (2), (3) u (7) u l-Artikolu 18, moqrija flimkien mal-Artikolu 2(1) u [(3)], flimkien mal-premesssi 11, 25 u 26 tad-Direttiva [2016/800] flimkien mal-Artikolu 13 u mal-premessa 50 tad-Direttiva [2013/48] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Istat Membru jiggarantixxi assistenza legali ex officio għas-suspettati jew għall-persuni akkużati fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali li kienu tfal fil-mument meta nbdiet il-proċedura iżda li sussegwentement laħqu l-eta ta’ 18‑il sena, u li din l-assistenza għandha natura obbligatorja sal-għeluq definittiv tal-proċedura?

6)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv [għall-ħames domanda], konsegwentement id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tad-Direttiva [2016/800] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali bħall-punt 1 tal-Artikolu 79 (1) tal-[KPK], li jipprevedi li, fil-kuntest ta’ proċedura kriminali, il-persuna akkużata għandha tiġi difiża unikament sakemm tagħlaq l-età ta’ 18‑il sena?

7)

Id-dispożizzjonijiet indikati [fis-seba’ domanda], kif ukoll il-prinċipju ta’ supremazija u l-prinċipju ta’ effett dirett tad-direttivi għandhom jiġu interpretati fis-sens li jagħtu s-setgħa (jew anki jobbligaw) qorti nazzjonali adita b’kawża kriminali li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [2016/800] u lil kwalunkwe awtorità tal-Istat li ma tapplikax id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mad-Direttiva, bħal dawk imsemmija [fis-sitt domanda], u, li tapplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, bħall-Artikolu 79(2) tal-[KPK], billi tinterpretahom konformement mad-Direttiva (interpretazzjoni konformi), jiġifieri li żżomm il-ħatra ex officio ta’ avukat difensur għall-persuna akkużata li kienet taħt l-età ta’ 18‑il sena fil-mument li ġiet mixlija iżda li sussegwentement, matul il-proċedura, għalqet l-età ta’ 18‑il sena u li fir-rigward tagħha l-proċedura kriminali tkun għadha pendenti, sal-għeluq definittiv tal-proċedura, fejn huwa mifhum li dan huwa neċessarju b’kunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi li jipprekludu d-difiża, jew, b’kunsiderazzjoni tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni, li tiġi ssostitwita r-regola nazzjonali bir-regoli tad-Direttiva preċedentement imsemmija li għandhom effett dirett?

8)

L-Artikolu 4(1) sa (3), moqri flimkien mal-premessi 18, 19 u 22 tad-Direttiva [2016/800], u l-Artikolu 3(2), moqri flimkien mal-premessi 19 u 26 tad-Direttiva [2012/13] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtoritajiet kompetenti (l-Uffiċċju tal-Prosekutur, il-pulizija), sa mhux iktar tard qabel l-ewwel interrogazzjoni uffiċjali tal-persuna ssuspettata, mill-pulizija jew minn awtorità kompetenti oħra, għandhom mingħajr dewmien jinformaw lil din il-persuna kif ukoll, simultanjament, lill-persuna li għandha r-responsabbiltà tal-ġenituri, dwar id-drittijiet li huma essenzjali sabiex tiġi ggarantita proċedura xierqa, u stadji tal-proċedura, inkluż, b’mod partikolari, tal-obbligu li jinħatar avukat difensur għal persuna suspettata minuri u tal-konsegwenzi tal-assenza ta’ għażla ta’ avukat għal persuna akkużata minuri (ħatra ta’ avukat ex officio), filwaqt li huwa ppreċiżat, fir-rigward tas-suspettati li huma tfal, li din l-informazzjoni għandha tiġi kkomunikata f’lingwaġġ sempliċi u aċċessibbli adattat għall-età tal-minuri?

9)

L-Artikolu 7(1) u (2), moqri flimkien mal-premessa 31 tad-Direttiva [2016//343] flimkien mal-Artikolu 3(1)(e) u (2) tad-Direttiva [2012/13] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru responsabbli minn proċedura kriminali li tinvolvi suspettat/persuna akkużata li hija wild huma obbligati li jinformaw lill-wild suspettat bid-dritt tiegħu li jibqa’ sieket u bid-dritt tiegħu li ma jinkriminax ruħu, b’mod li jinftiehem u li jkun adattat għall-età tiegħu?

10)

Fid-dawl tal-Artikolu 4(1) sa (3), moqri flimkien mal-premessi 18, 19 u 22 tad-Direttiva [2016/800] u tal-Artikolu 3(2) flimkien mal-premessi 19 u 26 tad-Direttiva [2012/13] [għandha tiġi adottata l-interpretazzjoni li] ma jiġux issodisfatti r-rekwiżiti stabbiliti fid-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq meta dokument ta’ informazzjoni ta’ natura ġenerali jingħata ftit qabel l-interrogazzjoni ta’ suspettat minuri, mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tad-drittjijiet speċifiċi li jirriżultaw mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2016/800, fejn dan id-dokument ta’ informazzjoni jingħata unikament lis-suspettat, mingħajr assistenza ta’ avukat difensur, filwaqt li tiġi eskluża l-persuna li għandha r-responsabbiltà tal-ġenituri u f’sitwazzjoni fejn tali dokument ta’ informazzjoni jkun redatt f’lingwaġġ mhux adattat għall-età tas-suspettat?

11)

L-Artikoli 18 u 19, moqrija flimkien mal-premessa 26 tad-Direttiva [2016/800] u l-Artikolu 12(2) moqri flimkien mal-premessa 50 tad-Direttiva [2013/48] flimkien mal-Artikolu 7(1) u (2), moqri flimkien mal-Artikolu 10(2), flimkien mal-premessa 44 tad-Direttiva [2016/343], kif ukoll il-prinċipju ta’ smigħ xieraq għandhom jiġu interpretati fis-sens li – fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet ta’ suspettat matul interrogazzjoni tal-pulizija li ssir mingħajr ma dan kellu aċċess għal avukat u mingħajr ma kien ġie informat b’mod xieraq bid-drittijiet tiegħu, mingħajr ma l-persuna li għandha r-responsabbiltà tal-ġenituri kienet ġiet informata bid-drittijiet u bl-aspetti ġenerali tal-iżvolġiment tal-proċedura li l-wild għandu d-dritt li jibbenefika minnha bis-saħħa tal-Artikolu 4 tad-Direttiva [2016/800] – dawn id-dispożizzjonijiet jobbligaw (jew jagħtu s-setgħa) lill-qorti nazzjonali adita b’kawża kriminali li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi ċċitati iktar ’il fuq u lil kull awtorità tal-Istat, li tagħmel mezz li s-suspettati/persuni akkużati jitqiegħdu fl-istess sitwazzjoni bħal dik li fiha kienu jsibu ruħhom kieku n-nuqqasijiet inkwistjoni ma kinux seħħew, u b’konsegwenza li ma tiħux inkunsiderazzjoni din il-prova, b’mod partikolari meta l-informazzjoni inkriminanti miksuba matul din l-interrogazzjoni tintuża sabiex il-persuna kkonċernata tiġi kkundannata?

12)

Id-dispożizzjonijiet indikati [fil-ħdax-il domanda], kif ukoll il-prinċipju ta’ prijorità u l-prinċipju ta’ effett dirett, għandhom bħala konsegwenza li jiġu interpretati fis-sens li jimponu fuq il-qorti nazzjonali adita b’kawża kriminali li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi ċċitati iktar ’il fuq u lil kull awtorità oħra tal-Istat li ma tapplikax id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li huma inkompatibbli ma’ dawn id-direttivi, bħall-Artikolu 168a tal-[KPK], li jipprevedi li prova ma tistax tiġi kklassifikata bħala inammissibbli unikament minħabba li tkun inkisbet bi ksur tar-regoli proċedurali jew permezz ta’ rimedji ta’ delitt imsemmija fl-Artikolu 1(1) tal-Kodiċi Kriminali, sakemm din il-prova ma tkunx inkisbet, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-obbligi professjonali tiegħu minn uffiċjal pubbliku, wara omiċidju, daqqiet u korrimenti volontarji jew ċaħda tal-libertà?

13)

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva [2016/800], moqri flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-prosekutur, bħala korp li jipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, jiżgura l-osservanza tal-Istat tad-dritt, li huwa fl-istess ħin responsabbli mill-[fażi] ta’ qabel il-proċess, għandu l-obbligu li jiżgura, matul din il-fażi ta’ qabel il-proċess, protezzjoni ġudizzjarja effettiva għal dak li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva ċċitata iktar ’il fuq u li, fil-kuntest tal-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni, għandu jiggarantixxi l-indipendenza tiegħu u l-imparzjalità tiegħu?

14)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal waħda [mill-ewwel sat‑tnax‑il domanda], b’mod partikolari fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv [għat-tlettax-il domanda], it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva), moqri flimkien mal-Artikolu 2 TUE, b’mod partikolari mal-prinċipju tal-osservanza tal-Istat tad-dritt kif interpretat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, [Euro Box Promotion et], Kawżi magħquda C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034), kif ukoll il-prinċipju tal-indipendenza ġudizzjarja stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u fl-Artikolu 47 tal-[Karta], kif interpretat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses,C‑64/16, EU:C:2018:117) għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn il-prinċipji, b’kunsiderazzjoni tal-possibbiltà ta’ pressjonijiet indiretti eżerċitati fuq l-Imħallfin u fuq il-possibbiltà għall-[Prokurator Generalny (il-Prosekutur Ġenerali)] li jagħti istruzzjonijiet vinkolanti f’dan ir-rigward lill-prosekuturi ta’ grad inferjuri, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li minnha jirriżulta li l-Uffiċċju tal-Prosekutur [Pubbliku] huwa dipendenti minn korp eżekuttiv, jiġifieri l-Ministru għall-Ġustizzja, kif ukoll dispożizzjonijiet nazzjonali li jirrestrinġu l-indipendenza tal-qorti u dik tal-prosekutur fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari:

a)

l-Artikolu 130(1) tal-[Liġi tas‑27 ta’ Lulju 2001 dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati tad-Dritt Komuni], li jippermetti lill-Ministru għall-Ġustizzja – mill-fatt tal-obbligu tal-prosekutur li jindika sitwazzjoni li fiha qorti tiddeċiedi billi tapplika d-dritt tal-Unjoni – li jordna s-sospensjoni immedjata tal-funzjonijiet tal-Imħallef sal-adozzjoni ta’ riżoluzzjoni tal-qorti dixxiplinari, għal tul massimu ta’ xahar, meta, b’kunsiderazzjoni tan-natura tal-att imwettaq mill-Imħallef, li kkonsista li japplika direttament id-dritt tal-Unjoni, il-Ministru għall-Ġustizzja jqis li l-awtorità tal-qorti jew l-interessi essenzjali tas-servizz jeżiġu dan?

b)

l-Artikolu 1(2), il-punti 1 u 3 tal-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 7(1) sa (6) u (8) kif ukoll l-Artikolu 13(1) u (2) tal-[Liġi tat‑28 ta’ Jannar 2016 dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur], minn fejn jirriżulta, abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien, li l-Ministru għall-Ġustizzja, li huwa fl-istess ħin il-Prosekutur Ġenerali u l-ogħla grad tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, jista’ jadotta istruzzjonijiet vinkolanti għall-prosekuturi ta’ grad inferjuri, inkluż sabiex jillimita jew jostakola l-applikazzjoni diretta tad-dritt tal-Unjoni?”

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja

61

Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għal proċedura mħaffa skont l-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Insostenn tat-talba tagħha, din il-qorti ssostni, l-ewwel nett, li d-domandi magħmula jmorru lil hinn mill-kuntest tal-kawża prinċipali fid-dawl tan-numru kbir ta’ kawżi li jinvolvu minuri, li huma persuni ssuspettati jew akkużati, li l-qrati Pollakki għandhom jittrattaw kull xahar, u li l-atti proċedurali illegali jippreġudikaw b’mod irrimedjabbli prinċipji fundamentali tal-proċedura kriminali. It-tieni nett, dawn il-qrati jiddeċiedu abbażi tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura kriminali Pollakka li, fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, ma jiggarantixxux ir-regoli ta’ protezzjoni minimi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni. It-tielet nett, risposta rapida għad-domandi preliminari hija neċessarja sabiex jiġu eliminati dubji dwar il-possibbiltà għal korp tal-poter eżekuttiv, bħall-Ministru għall-Ġustizzja, li jeżerċita influwenza fuq l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-proċeduri kriminali li jinvolvu minuri li huma persuni ssuspettati jew akkużati.

62

L-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li, fuq talba tal-qorti tar-rinviju jew, f’każijiet eċċezzjonali, ex officio, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, meta n-natura tal-kawża tkun teżiġi li tiġi ttrattata f’qasir żmien, u wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għal proċedura mħaffa li tidderoga mid-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-regoli.

63

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li tali proċedura mħaffa tikkostitwixxi strument proċedurali intiż li jindirizza sitwazzjoni ta’ urġenza straordinarja (sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2024, G. et (Ħatra tal-imħallfin tal-qrati ordinarji fil-Polonja),C‑181/21 u C‑269/21, EU:C:2024:1, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

64

F’dan il-każ, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, fil‑21 ta’ Ottubru 2022, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, li ma kienx hemm lok li tintlaqa’ t-talba msemmija fil-punt 61 ta’ din is-sentenza.

65

Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li n-numru kbir ta’ persuni jew ta’ sitwazzjonijiet legali potenzjalment ikkonċernati mid-deċiżjoni li qorti tar-rinviju għandha tagħti wara li tkun ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jistax, bħala tali, jikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali ta’ natura li tiġġustifika l-użu ta’ proċedura mħaffa (sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2020, Staatsanwaltschaft Wien (Ordnijiet ta’ trasferiment iffalsifikati),C‑584/19, EU:C:2020:1002, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-istess japplika għall-fatt li numru kbir ta’ partijiet fil-kawża huwa potenzjalment ikkonċernat mid-deċiżjonijiet meħuda mill-qrati Pollakki abbażi tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura kriminali Pollakka li l-validità tagħhom hija kkontestata fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2024, G. et (Ħatra tal-imħallfin tal-qrati ordinarji fil-Polonja),C‑181/21 u C‑269/21, EU:C:2024:1, punt 55).

66

Barra minn hekk, la l-fatt li t-talba għal deċiżjoni preliminari tqajjem kwistjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt kriminali u lanqas is-sempliċi interess tal-partijiet fil-kawża, filwaqt li leġittimu, li jiddeterminaw malajr kemm jista’ jkun il-portata tad-drittijiet li huma jisiltu mid-dritt tal-Unjoni ma huma ta’ natura li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ ċirkustanza eċċezzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ April 2024, Sapira et, C‑114/23, C‑115/23, C‑132/23 u C‑160/23, EU:C:2024:290, punt 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

67

Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-dubji dwar il-possibbiltà għal korp tas-setgħa eżekuttiva, bħall-Ministru għall-Ġustizzja, li jeżerċita influwenza fuq l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, it-talba msemmija fil-punt 61 ta’ din is-sentenza ma tinkludi ebda element konkret li jippermetti li jiġi konkluż li tali possibbiltà tista’ tiġi evitata bl-iskattar tal-proċedura mħaffa.

68

Madankollu, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li din il-kawża għandha tiġi ttrattata bi prijorità, skont l-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ammissibbiltà

69

Il-Gvern Pollakk isostni li d-domandi preliminari huma inammissibbli.

70

Minn naħa, l-ewwel sat-tnax-il domanda ma humiex neċessarji għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju ċaħdet bħala inammissibbli, skont id-dritt nazzjonali, it-talbiet tal-Prokurator Prokuratury Rejonowej w Słupsku (il-Prosekutur Pubbliku Distrettwali ta’ Słupsk) intiżi għall-kisba tal-provi bbażati fuq ix-xhieda li l-minuri ssuspettati taw fil-kuntest tal-investigazzjoni kriminali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għalhekk, din il-qorti neħħiet mill-proċess id-dikjarazzjonijiet magħmula mill-minuri ssuspettati matul din l-investigazzjoni kriminali. Barra minn hekk, kull wieħed mill-minuri ssuspettati rċieva l-assistenza ta’ avukat maħtur ex officio u, fir-rigward ta’ wieħed minnhom, li laħaq l-età ta’ 18-il sena matul il-proċedura, il-qorti tar-rinviju kkonfermat in-nomina ex officio ta’ tali avukat, abbażi tal-fatt li din in-nomina kienet neċessarja minħabba ċirkustanzi li jostakolaw id-difiża tiegħu.

71

Min-naħa l-oħra, it-tlettax u l-erbatax-il domanda huma purament ipotetiċi peress li ma għandhom ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali.

72

Fil-fatt, it-tlettax-il domanda kif ukoll il-punt (b) tal-erbatax-il domanda jirrigwardaw, b’mod ġenerali, is-setgħa miżmuma mill-Ministru għall-Ġustizzja, li jeżerċita wkoll il-funzjonijiet ta’ Prokurator Generalny (il-Prosekutur Ġenerali), li jagħti istruzzjonijiet vinkolanti lill-prosekuturi ta’ livell inferjuri, li jistgħu wkoll jirrestrinġu jew jipprekludu l-applikabbiltà diretta tad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju ma ppreċiżatx b’liema mod id-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti ġew applikati għall-kawża prinċipali.

73

Fir-rigward tal-punt (a) tal-erbatax-il domanda, din tirrigwarda l-possibbiltà li l-imħallef inkarigat mill-kawża prinċipali jiġi sospiż temporanjament mill-funzjonijiet tiegħu. F’dan il-każ, is-sospensjoni inkwistjoni daħlet fis-seħħ fid‑9 ta’ Frar u ntemmet fit‑8 ta’ Marzu 2022 u għalhekk ma għadhiex fis-seħħ. Barra minn hekk, din is-sospensjoni seħħet fil-kuntest ta’ proċedura li ma għandha ebda rabta mal-kawża prinċipali. Il-bażi tal-miżura ta’ sospensjoni inkwistjoni kienet il-kontestazzjoni, mill-imħallef inkwistjoni, tal-eżistenza tar-relazzjoni ta’ xogħol ta’ mħallef ieħor u tal-validità tal-ħatra tiegħu mal-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura). Madankollu, tali sitwazzjoni ma tistax tqum fil-kawża prinċipali, peress li l-qorti tar-rinviju kienet qiegħda tiddeċiedi bħala Imħallef uniku. Fi kwalunkwe każ, ma hemm ebda element relatat mal-ħatra tal-imħallfin fil-Polonja fil-motivi tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

74

Il-Prokurator Regionalny w Gdańsku (il-Prosekutur Reġjonali ta’ Gdańsk) iqis, min-naħa tiegħu, li l-ħdax sal-erbatax-il domanda huma inammissibbli, peress li risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għalihom ma hijiex neċessarja sabiex tiġi riżolta l-kawża prinċipali.

75

Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ripetutament li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE tikkostitwixxi strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom għas-soluzzjoni tat-tilwim li huma mitluba jiddeċiedu u li l-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar domandi ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-ħtieġa inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima (sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2024, G. et (Ħatra tal-imħallfin tal-qrati ordinarji fil-Polonja), C‑181/21 u C‑269/21, EU:C:2024:1, punt 62 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

76

Skont l-Artikolu 267 TFUE, id-deċiżjoni preliminari mitluba għandha tkun “meħtieġa” sabiex tippermetti lill-qrati tar-rinviju “ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza” fil-kawża li jkunu adita biha (sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2024, G. et (Ħatra tal-imħallfin tal-qrati ordinarji fil-Polonja), C‑181/21 u C‑269/21, EU:C:2024:1, punt 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

77

Fil-fatt, kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari tippreżupponi, b’mod partikolari, li kawża tkun effettivament pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, li fil-kuntest tagħha huma għandhom jagħtu deċiżjoni li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza dwar id-deċiżjoni preliminari (sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2024, G. et (Ħatra tal-imħallfin tal-qrati ordinarji fil-Polonja), C‑181/21 u C‑269/21, EU:C:2024:1, punt 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

78

Fil-kuntest ta’ tali proċedura, għandu għalhekk ikun hemm rabta bejn din it-tilwima u d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tintalab l-interpretazzjoni tagħhom b’tali mod li din l-interpretazzjoni tissodisfa bżonn oġġettiv għad-deċiżjoni li għandha tieħu l-qorti tar-rinviju (sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2024, G. et (Ħatra tal-imħallfin tal-qrati ordinarji fil-Polonja), C‑181/21 u C‑269/21, EU:C:2024:1, punt 65 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

79

L-ewwel sat-tnax-il domanda jirrigwardaw, essenzjalment, l-interpretazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/800, moqrija fid-dawl tad-Direttivi 2012/13, 2013/48 u 2016/343, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jirregolaw id-drittijiet proċedurali tat-tfal li huma ssuspettati jew akkużati fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali.

80

Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni Pollakka li tirregola l-proċedura kriminali mal-imsemmija dispożizzjonijiet u dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu, fil-kuntest tal-proċedura fil-kawża prinċipali, minn kunflitt tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, hija tippreċiża li r-risposta għall-ewwel sat-tnax-il domanda hija indispensabbli sabiex tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tal-provi li jirriżultaw mid-dikjarazzjonijiet magħmula mill-minuri ssuspettati minuri, fl-assenza ta’ avukat, fil-kuntest tal-fażi ta’ qabel il-proċess kriminali.

81

Huwa minnu li l-qorti tar-rinviju tindika li ċaħdet it-talbiet tal-Prokurator Prokuratury Rejonowej w Słupsku (il-Prosekutur Pubbliku Distrettwali ta’ Słupsk) Prosekutur Distrettwali intiżi għall-kisba tal-provi misluta mid-dikjarazzjonijiet inkriminanti li l-minuri ssuspettati għamlu matul il-fażi preċedenti tal-proċess kriminali fl-assenza ta’ avukat, u b’hekk iddeċidiet li twarrab dawn il-provi. Bl-istess mod, fir-rigward ta’ wieħed mill-minuri ssuspettati li laħqu l-età ta’ 18‑il sena matul il-proċedura pendenti quddiemha, din il-qorti tippreċiża li estendiet in-nomina ex officio tal-avukat għall-benefiċċju ta’ din il-persuna ssuspettata.

82

Madankollu, jirriżulta, minn naħa, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-imsemmija qorti ma ħaditx deċiżjoni definittiva fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-imsemmija provi. Għalhekk, ir-risposta mogħtija għad-domandi magħmula ser ikollha influwenza fuq din id-deċiżjoni, bil-għan li tippermetti lill-qorti tar-rinviju tiddeċiedi fuq il-mertu fil-kawża prinċipali. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ estensjoni tan-nomina ex officio tal-avukat ta’ wieħed mill-persuni ssuspettati inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jidher li din ittieħdet fi stadju ulterjuri tal-proċedura u li hija ma tistax, konsegwentement, tirrimedja l-eventwali nuqqasijiet li seħħew matul il-fażi ta’ qabel il-proċedura kriminali.

83

Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel sat-tnax-il domanda tidher li hija neċessarja sabiex tippermetti lill-qorti tar-rinviju tiddeċiedi domandi li jsiru in limine litis, qabel ma din l-aħħar qorti tkun tista’, jekk ikun il-każ, tiddeċiedi fuq il-mertu tal-kawża prinċipali (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ stħarriġ straordinarju u affarijiet pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra)C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 94 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

84

Għaldaqstant, peress li l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti 76 sa 78 ta’ din is-sentenza huma ssodisfatti, l-ewwel sat-tnax-il domanda huma ammissibbli.

85

Min-naħa l-oħra, it-tlettax u l-erbatax-il domanda ma jissodisfawx dawn il-kundizzjonijiet.

86

Fl-ewwel lok, it-tlettax-il domanda u l-punt (b) tal-erbatax-il domanda jirrigwardaw il-punt dwar jekk, matul il-fażi ta’ qabel il-proċedura kriminali, il-prosekutur għandu ma japplikax id-dispożizzjonijiet nazzjonali kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni sabiex tiġi ggarantita l-effettività tad-drittijiet tal-minuri ssuspettati u, jekk għal dan l-għan, l-indipendenza u l-imparzjalità tiegħu għandhomx jiġu ppreżervati fir-rigward tal-eventwali ndħil tal-poter eżekuttiv.

87

F’dan il-każ, fid-dawl tal-elementi rrilevati fil-punti 80 sa 83 ta’ din is-sentenza, ma jidhirx li risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal dawn id-domandi hija neċessarja sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tiddeċiedi kwistjonijiet li jqumu in limite litis quddiemha. Fil-fatt, mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-fażi ta’ qabel il-proċess kriminali ntemmet u li issa hija din tal-aħħar li għandha s-setgħa li twarrab il-provi li jkunu nġabru bi ksur tad-drittijiet proċedurali jew li tiddeċiedi dwar id-dritt tal-persuni ssuspettati li jkunu assistiti minn avukat.

88

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kwistjoni dwar jekk, fil-kuntest tal-fażi ta’ qabel il-proċedura kriminali, il-prosekutur jislitx mid-dritt tal-Unjoni obbligu li ma jiġux applikati d-dispożizzjonijiet nazzjonali kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni sabiex tiġi ggarantita l-effettività tad-drittijiet tal-minuri ssuspettati ma hijiex intiża għalhekk sabiex jiġi interpretat id-dritt tal-Unjoni għall-ħtiġijiet oġġettivi tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, iżda hija ta’ natura ġenerali u ipotetika.

89

Fit-tieni lok, il-punt (a) tal-erbatax-il domanda jirrigwarda l-punt dwar jekk l-Artikolu 2 TUE u l-Artikolu 19(1) TUE, kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-Ministru għall-Ġustizzja jordna s-sospensjoni immedjata ta’ mħallef mill-funzjonijiet tiegħu.

90

Huwa minnu li, f’dan il-każ, jidher li l-imħallef inkarigat mill-kawża prinċipali kien is-suġġett ta’ sospensjoni tal-funzjonijiet tiegħu skont din il-leġiżlazzjoni.

91

Madankollu, mill-elementi li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta b’mod ċar li din is-sospensjoni, li, barra minn hekk, ma għadhiex fis-seħħ, ġiet deċiża fil-kuntest ta’ kawża distinta mill-kawża prinċipali. Barra minn hekk, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tagħha, il-biża’, għal din il-qorti, li terġa’ tiġi suġġetta għal tali sospensjoni fil-kuntest tal-kawża prinċipali hija biss ta’ natura ipotetika.

92

Għaldaqstant, din id-domanda ma tikkorrispondix għal bżonn oġġettiv inerenti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, iżda hija intiża li tikseb mill-Qorti tal-Ġustizzja evalwazzjoni ġenerali, li ma hijiex marbuta ma’ din il-kawża, tal-leġiżlazzjoni nazzjonali (sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2024, G. et (Ħatra tal-imħallfin tal-qrati ordinarji fil-Polonja), C‑181/21 u C‑269/21, EU:C:2024:1, punt 78).

93

Minn dan isegwi li t-tielet u r-raba’ domanda huma inammissibbli.

Fuq il‑mertu

94

Fid-dawl tar-relazzjoni tad-domandi kollha magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandhom jiġu eżaminati flimkien, fl-ewwel lok, l-ewwel sar-raba’ domanda, fit-tieni lok, il-ħames sas-seba’ domanda, fit-tielet lok, it-tmien sal-għaxar domanda, u sussegwentement, fir-raba’ lok, il-ħdax u t-tnax-il domanda, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li dawn id-domandi għandhom jiġu eżaminati biss fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/800 li tirrigwarda speċifikament lit-tfal.

Fuq l‑ewwel sar‑raba’ domanda

95

Permezz tal-ewwel sar-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) sa (3) tad-Direttiva 2016/800, moqri fid-dawl tal-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, min-naħa, ma tipprovdix li t-tfal li jkunu persuni ssuspettati jew akkużati jiġu assistiti minn avukat, jekk ikun il-każ, maħtur ex officio, qabel ma jiġu interrogati mill-pulizija jew minn awtorità oħra repressiva jew ġudizzjarja u, l-iktar tard, qabel l-ewwel interrogazzjoni tagħhom u, min-naħa l-oħra, tippermetti li l-imsemmija tfal jiġu interrogati fil-kwalità tagħhom ta’ persuna ssuspettata fl-assenza ta’ tali avukat matul l-interrogazzjoni. Barra minn hekk, din il-qorti tistaqsi jekk, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal dawn id-domandi, hemmx lok li qorti adita b’kawża kriminali ma tapplikax tali leġiżlazzjoni nazzjonali.

96

Fl-ewwel lok, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2016/800, it-tfal li jkunu persuni ssuspettati jew akkużati fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali jibbenefikaw, l-ewwel, mid-dritt ta’ aċċess għal avukat konformement mad-Direttiva 2013/48, filwaqt li huwa ppreċiżat li, konformement mal-premessa 15 ta’ din id-direttiva, it-terminu “avukat” ifisser, fil-kuntest tagħha, kull persuna li, konformement mad-dritt nazzjonali, hija kklassifikata u awtorizzata, b’mod partikolari permezz ta’ akkreditazzjoni ta’ korp kompetenti, sabiex tipprovdi pariri u assistenza legali lil persuni ssuspettati jew akkużati.

97

Sabiex tiġi ddeterminata l-portata tad-dritt għal wild li jkun assistit minn avukat, hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni l-portata tad-dritt li għandha kwalunkwe persuna ssuspettata jew kwalunkwe persuna akkużata skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2013/48.

98

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessi 18 u 26 tad-Direttiva 2016/800, id-Direttiva 2013/48 għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/800. Madankollu, din l-aħħar direttiva tipprevedi salvagwardji komplementari sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet speċifiċi u l-vulnerabbiltajiet tat-tfal.

99

It-tieni nett, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2016/800 jeżiġi li l-Istati Membri jiżguraw li t-tfal jiġu assistiti minn avukat skont id-dispożizzjonijiet li jinsabu f’dan l-artikolu sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw b’mod effettiv id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

100

Kif jirriżulta essenzjalment mill-premessi 1, 25 u 29 tad-Direttiva 2016/800, din hija intiża li tieħu inkunsiderazzjoni l-vulnerabbiltà partikolari tat-tfal fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali u għalhekk tinkoraġġixxihom jeżerċitaw, fost l-oħrajn, id-dritt tagħhom li jieħdu parir, li jkollhom difiża u li jiġu rrappreżentati stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, kif ukoll id-drittijiet tad-difiża ggarantiti fl-Artikolu 48(2) tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et, C‑612/15, EU:C:2018:392, punt 104).

101

It-tielet nett, il-prinċipju fundamentali li t-tfal għandhom id-dritt li jiġu assistiti minn avukat huwa ppreċiżat fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2016/800 fir-rigward tal-mument li minnu għandu jingħata dan id-dritt (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2020, VW (Dritt ta’ aċċess għal avukat fil-każ ta’ nuqqas ta’ dehra), C‑659/18, EU:C:2020:201, punt 31).

102

Għalhekk, skont dan il-paragrafu 3, it-tfal li huma persuni suspettati jew persuni akkużati għandu jkollhom aċċess għal avukat mingħajr dewmien indebitu u, fi kwalunkwe każ, minn meta jseħħ l-ewwel mill-erba’ avvenimenti speċifiċi elenkati fil-punti (a) sa (d) ta’ dan il-paragrafu.

103

Fir-rigward b’mod partikolari tal-fażi ta’ qabel il-proċess kriminali, it-tfal huma assistiti minn avukat, konformement mal-Artikolu 6(3)(a) tad-Direttiva 2016/800 “qabel ma jiġu interrogati mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi jew ġudizzjarja”, u, skont l-Artikolu 6(3)(b) tagħha, “mat-twettiq minn awtorità ta’ investigazzjoni jew awtorità kompetenti oħra ta’ att investigattiv jew att ieħor ta’ ġbir ta’ provi”.

104

Ir-raba’ nett, l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2016/800 jippreċiża l-portata tad-dritt għall-assistenza ta’ avukat għat-tfal.

105

Għalhekk, mill-Artikolu 6(4)(a) ta’ din id-direttiva jirriżulta li dawn it-tfal għandhom id-dritt li jiltaqgħu privatament mal-avukat li jirrappreżentahom u jikkomunikaw miegħu, inkluż qabel interrogazzjoni mill-pulizija jew minn awtorità oħra repressiva jew ġudizzjarja. L-imsemmi Artikolu 6(4)(b) jipprovdi wkoll li l-imsemmija tfal għandhom jiġu assistiti minn avukat matul l-interrogazzjoni tagħhom u li l-avukat għandu jkun jista’ jipparteċipa b’mod effettiv għall-imsemmija interrogazzjoni.

106

F’dan ir-rigward, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tagħha, kuntrarjament għall-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/48 li jikkonċerna l-persuni ssuspettati jew akkużati li ma humiex tfal, id-Direttiva 2016/800 ma tipprevedix il-possibbiltà għal dawn tal-aħħar li jirrinunzjaw għad-dritt tagħhom li jiġu assistiti minn avukat.

107

Barra minn hekk, l-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dritt nazzjonali tagħhom fil-qasam tal-għajnuna legali jiggarantixxi l-eżerċizzju effettiv tad-dritt għall-assistenza minn avukat skont l-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva.

108

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tfal li huma persuni ssuspettati jew persuni akkużati għandhom jingħataw permezz tad-dritt nazzjonali l-possibbiltà konkreta u effettiva li jiġu assistiti minn avukat, qabel l-ewwel interrogazzjoni mill-pulizija jew minn awtorità oħra repressiva jew ġudizzjarja u, l-iktar tard, b’effett minn din l-interrogazzjoni.

109

Meta t-tifel, jew il-persuna li jkollha r-responsabbiltà parentali ma jkunux ħatru avukat qabel ma t-tifel jiġi interrogat mill-pulizija jew minn awtorità oħra repressiva jew ġudizzjarja, it-tifel għandu jkun jista’ jgawdi minn avukat maħtur ex officio li jassistih waqt l-interrogazzjoni.

110

Fit-tieni lok, kif enfasizzat l-Avukata Ġenerali fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tagħha, min-natura imperattiva tan-neċessità li jiġi ggarantit li t-tfal jiġu assistiti minn avukat qabel l-ewwel interrogazzjoni mill-pulizija jew minn kwalunkwe awtorità oħra repressiva jew ġudizzjarja responsabbli minn dan l-interrogatorju, jirriżulta li dawn tal-aħħar ma jistgħux iwettqu dan l-interrogatorju meta l-wild ikkonċernat effettivament ma jibbenefikax minn tali assistenza.

111

Fil-fatt, l-Artikolu 6(7) tad-Direttiva 2016/800 jippreċiża li, meta l-wild jiġi assistit minn avukat konformement ma’ dan l-Artikolu 6, iżda ebda avukat ma jkun preżenti, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipposponu l-interrogazzjoni tal-wild jew kwalunkwe miżura ta’ investigazzjoni jew miżura ta’ ġbir ta’ provi oħra, għal perijodu ta’ żmien raġonevoli, b’mod li tiġi awtorizzata l-preżenza ta’ avukat jew, fejn il-wild ma jkunx innomina avukat, sabiex tiġi organizzata n-nomina ta’ avukat għall-wild.

112

Huwa minnu li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/800 jipprovdi, fil-paragrafi 6 u 8 tiegħu, ċerti derogi mid-dritt li wieħed ikun assistit minn avukat stabbilit minn din id-direttiva. Madankollu, kif jirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet, dawn id-derogi għandhom jiġu deċiżi mill-awtoritajiet kompetenti, każ b’każ, sabiex jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ u fid-dawl tal-aħjar interessi tal-wild, id-deroga prevista hijiex iġġustifikata, u dan b’osservanza tal-kundizzjonijiet stretti stabbiliti mill-imsemmija dispożizzjonijiet.

113

Konsegwentement, l-istess dispożizzjonijiet ma jistgħux jippermettu li ssir deroga, b’mod ġenerali u astratt, fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, mid-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat għat-tfal li huma ssuspettati jew akkużati fil-kuntest tal-fażi ta’ qabel il-proċedura kriminali.

114

F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali, b’mod partikolari l-Artikolu 79(3) u l-Artikolu 301 tal-KPK, ma jipprovdu ebda preżenza obbligatorja ta’ avukat għat-tfal li jkunu ssuspettati waqt l-interrogazzjoni tagħhom u, b’mod iktar ġenerali, matul il-fażi ta’ qabel il-proċess kriminali. Fil-fatt, konformement ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, meta dawn it-tfal ma jkunux detenuti, huma jibbenefikaw mill-assistenza ta’ avukat fil-kuntest tal-interrogazzjoni tagħhom biss meta jkunu talbu espressament li jibbenefikaw minn tali assistenza. Barra minn hekk, l-assenza ta’ tali avukat ma tipprekludix li l-imsemmija tfal jiġu interrogati.

115

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, li tali leġiżlazzjoni nazzjonali ma hijiex kompatibbli mal-Artikolu 6(1) sa (3) tad-Direttiva 2016/800.

116

F’dan ir-rigward, fid-dawl tad-domandi tal-qorti tar-rinviju, għandu jitfakkar li, sabiex tiġi ggarantita l-effettività tad-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ supremazija jimponi, b’mod partikolari, fuq il-qrati nazzjonali l-obbligu li jinterpretaw, sa fejn huwa possibbli, id-dritt intern tagħhom b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effett dirett), C‑205/20, EU:C:2022:168, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

117

L-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali għandu madankollu ċerti limiti u b’mod partikolari ma jistax iservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effett dirett), C‑205/20, EU:C:2022:168, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

118

Għandu jitfakkar ukoll li l-prinċipju ta’ supremazija jimponi lill-qorti nazzjonali inkarigata li tapplika, fil-kuntest tal-kompetenza tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, fl-assenza tal-possibbiltà li tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali b’mod konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ tar-rekwiżiti ta’ dan id-dritt fil-kawża li jkollha quddiemha billi jekk ikun hemm bżonn ma tapplikax, fuq il-bażi tal-awtorità tagħha stess, kwalunkwe leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali, anki jekk adottata sussegwentement, li tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha effett dirett, mingħajr ma jkollha għalfejn titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel ta’ din il-leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali permezz tal-proċess leġiżlattiv jew ta’ kwalunkwe proċess kostituzzjonali ieħor (sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effett dirett), C‑205/20, EU:C:2022:168, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

119

F’dan il-każ, fid-dawl tal-formulazzjoni ċara, preċiża u inkundizzjonata tal-Artikolu 6(1) sa (3) tad-Direttiva 2016/800, hemm lok li jitqies li dan għandu effett dirett.

120

Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta, sa fejn huwa possibbli, id-dispożizzjonijiet nazzjonali, imsemmija b’mod partikolari fil-punt 114 ta’ din is-sentenza, b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni sabiex tiżgura l-effettività sħiħa tagħhom. Jekk ma tkunx tista’ twettaq tali interpretazzjoni, hija jkollha ma tapplikax, ex officio, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jidhru inkompatibbli miegħu.

121

Fid-dawl tal-motivi kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel sar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(1) sa (3) tad-Direttiva 2016/800, moqri fid-dawl tal-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, minn naħa, ma tipprovdix li t-tfal li jkunu persuni ssuspettati jew akkużati jiġu assistiti minn avukat, jekk ikun il-każ, maħtur ex officio, qabel ma jiġu interrogati mill-pulizija jew minn awtorità oħra repressiva jew ġudizzjarja u, l-iktar tard, qabel l-ewwel interrogazzjoni tagħhom u, min-naħa l-oħra, tippermetti li l-imsemmija tfal jiġu interrogati fil-kwalità tagħhom ta’ persuna ssuspettata fl-assenza ta’ tali avukat matul l-interrogazzjoni.

Fuq il‑ħames sas‑seba’ domanda

122

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-ħames sas-seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta b’mod partikolari diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/800, b’mod partikolari l-Artikolu 2(1) u (2) kif ukoll l-Artikolu 6(1) sa (3) u (7), moqri flimkien mal-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva.

123

Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk id-dritt ta’ assistenza minn avukat maħtur ex officio, li huwa s-suġġett tal-ewwel sar-raba’ domanda preliminari, irrikonoxxut fir-rigward ta’ persuni li kienu tfal meta kienu s-suġġett ta’ proċeduri kriminali, jintemmx meta dawn il-persuni jilħqu l-età ta’ 18‑il sena.

124

Għalhekk, hemm lok li jinftiehem li dawn id-domandi jirrigwardaw essenzjalment l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2016/800 li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, u b’mod partikolari l-paragrafi 1 u 3 ta’ dan l-artikolu.

125

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tal-ħames sas-seba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 2(1) u (3) tad-Direttiva 2016/800 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li d-dritt ta’ assistenza minn avukat maħtur ex officio jintemmx awtomatikament għall-persuni li kienu tfal fil-mument li fih huma kienu s-suġġett ta’ proċeduri kriminali, iżda li, sussegwentement, laħqu l-età ta’ 18‑il sena, sa fejn tali leġiżlazzjoni ma tippermettix li jiġi evalwat jekk l-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva jew ta’ wħud mid-dispożizzjonijiet tagħha u, konsegwentement, tad-drittijiet li hija tinkludi, hijiex xierqa fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, inkluż il-maturità u l-vulnerabbiltà tal-imsemmija persuni. Barra minn hekk, din il-qorti tistaqsi jekk, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal dawn id-domandi, hemmx lok għal qorti adita b’kawża kriminali li ma tapplikax tali leġiżlazzjoni nazzjonali.

126

Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2016/800, din id-direttiva tapplika għat-tfal li jkunu persuni ssuspettati jew akkużati fi proċeduri kriminali, u dan sad-deċiżjoni definittiva sabiex jiġi ddeterminat jekk il-persuna ssuspettata jew akkużata wettqitx reat kriminali, inkluż, fejn applikabbli, il-kundanna u d-deċiżjoni mogħtija dwar kwalunkwe appell. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi t-terminu “tifel” bħala persuna taħt l-età ta’ 18‑il sena.

127

Fir-rigward tal-persuni li kienu tfal fil-mument meta huma kienu s-suġġett ta’ proċeduri kriminali iżda li, sussegwentement, laħqu l-età ta’ 18-il sena, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2016/800 tippreċiża li, bl-eċċezzjoni tal-artikoli msemmija f’din id-dispożizzjoni li jirreferu għall-persuna li għandha r-responsabbiltà tal-ġenituri, din id-direttiva tapplika għal dawn il-persuni meta l-applikazzjoni tagħha tkun xierqa fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, inkluż il-maturità u l-vulnerabbiltà tal-imsemmija persuni.

128

Minn dan isegwi li l-persuni li kienu tfal meta kienu s-suġġett ta’ proċeduri kriminali jkomplu jibbenefikaw mid-drittijiet kif previsti mid-Direttiva 2016/800, u b’mod partikolari minn dak li jiġu assistiti minn avukat, konformement mal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, meta dawn il-persuni jkunu laħqu l-età ta’ 18‑il sena matul din il-proċedura u meta jitqies li l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva hija xierqa fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, inkluż l-maturità u l-vulnerabbiltà tal-imsemmija persuni.

129

Għandu jiġi ppreċiżat li, fil-każ li jiġi kkonstatat, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, li l-applikazzjoni tad-Direttiva 2016/800 jew ta’ wħud mid-dispożizzjonijiet tagħha ma hijiex xierqa, il-persuna li tkun laħqet l-età ta’ 18‑il sena taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 2012/13, 2013/48 u 2016/343, applikabbli għall-persuni ssuspettati u għall-persuni akkużati fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali indipendentement mill-età tagħhom. F’dan il-każ, huma jibbenefikaw mid-drittijiet previsti minn dawn id-direttivi, fil-kundizzjonijiet stabbiliti minnhom.

130

Kif jirriżulta mill-formulazzjoni stess tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2016/800, il-kwistjoni tal-applikazzjoni ta’ din id-direttiva jew ta’ wħud mid-dispożizzjonijiet tagħha għall-persuni li laħqu l-età ta’ 18‑il sena matul il-proċedura li jkunu s-suġġett tagħha tiddependi miċ-ċirkustanzi kollha tal-każ u għandha għalhekk tkun suġġetta għal evalwazzjoni każ b’każ.

131

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rekwiżit li l-applikazzjoni tad-Direttiva 2016/800 jew ta’ wħud mid-dispożizzjonijiet tagħha għandha tkun xierqa fl-ebda każ ma jippermetti lil Stat Membru jeskludi, b’mod ġenerali u astratt, il-persuni kollha li jkunu laħqu l-età ta’ 18‑il sena matul il-proċedura li jkunu s-suġġett tagħha mill-benefiċċju tad-drittijiet stabbiliti mid-Direttiva 2016/800, u b’mod partikolari dak li jiġu assistiti minn avukat konformement mal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva.

132

Din l-interpretazzjoni li l-Istati Membri ma jistgħux jiffissaw, permezz ta’ leġiżlazzjoni, il-limitu tal-età assoluta għall-benefiċċju tad-drittijiet mogħtija minn din id-direttiva għal 18‑il sena, hija kkorroborata mit-tieni sentenza tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2016/800, li tipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx din id-direttiva għall-persuni li jkunu laħqu l-età ta’ 21 sena.

133

L-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2016/800 jipprekludi, konsegwentement, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi, b’mod awtomatiku, li d-dritt ta’ assistenza minn avukat maħtur ex officio, konformement mal-Artikolu 6(1) sa (3) tad-Direttiva 2016/800, moqri fid-dawl tal-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva, jintemm għall-persuni li laħqu l-età ta’ 18-il sena matul il-proċeduri kriminali li jkunu suġġetti għalihom iżda li kienu tfal fil-mument meta dawn il-proċeduri nbdew kontrihom, sa fejn tali leġiżlazzjoni ma tippermettix li jiġi evalwat jekk l-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva jew ta’ wħud mid-dispożizzjonijiet tagħha u, konsegwentement, tad-drittijiet li hija tinkludi, tkunx xierqa fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, inkluż il-maturità u l-vulnerabbiltà tal-imsemmija persuni.

134

F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, b’mod partikolari l-punt 1 tal-Artikolu 79(1) tal-KPK, jipprovdu li, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, il-persuna akkużata għandha tkun assistita minn avukat biss jekk ikollha inqas minn 18‑il sena. Fil-prattika, il-qrati Pollakki jqisu, fuq din il-bażi legali, li l-parteċipazzjoni ta’ avukat fil-proċeduri ma tibqax obbligatorja ladarba l-persuna akkużata jew issuspettata tkun laħqet l-età ta’ 18‑il sena, bil-konsegwenza li l-avukat maħtur ex officio jiġi awtomatikament irrilaxxat mill-mandat tiegħu.

135

Konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 116 sa 118 ta’ din is-sentenza, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta, sa fejn huwa possibbli, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw id-dritt ta’ aċċess għal avukat, b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa ta’ dan id-dritt. Jekk ma tkunx tista’ tagħti tali interpretazzjoni, hija jkollha, minħabba l-fatt li l-Artikolu 2(1) u (3) tad-Direttiva 2016/800 jissodisfa l-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 119 ta’ din is-sentenza u minħabba li għandu effett dirett, ma tapplikax, ex officio, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jidhru inkompatibbli miegħu.

136

Fid-dawl tal-motivi kollha preċedenti, ir-risposta għall-ħames sas-seba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(1) u (3) tad-Direttiva 2016/800 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li d-dritt ta’ assistenza minn avukat maħtur ex officio jintemm awtomatikament għall-persuni li kienu tfal fil-mument li fih kienu s-suġġett ta’ proċeduri kriminali, iżda li, sussegwentement, laħqu l-età ta’ 18-il sena, sa fejn tali leġiżlazzjoni ma tippermettix li jiġi evalwat jekk l-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva jew ta’ wħud mid-dispożizzjonijiet tagħha u, konsegwentement, tad-drittijiet li hija tinkludi, hijiex xierqa fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, inkluż il-maturità u l-vulnerabbiltà tal-imsemmija persuni.

Fuq it‑tmien sal‑għaxar domanda

137

Permezz tat-tmien sal-għaxar domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2016/800, moqri fid-dawl tal-Artikolu 5(1) tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprovdix li t-tfal li huma persuni ssuspettati jew akkużati fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali jirċievu, flimkien mal-persuna li għandha r-responsabbiltà parentali, mhux iktar tard mill-ewwel interrogazzjoni ta’ dawn it-tfal mill-pulizija jew minn awtorità oħra repressiva jew ġudizzjarja, f’lingwaġġ sempliċi u aċċessibbli, li jieħu inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet speċifiċi u l-vulnerabbiltajiet tal-imsemmija tfal, informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/13, kif ukoll dwar id-drittijiet stabbiliti mid-Direttiva 2016/800.

138

Kif jirriżulta mill-premessa 1 tad-Direttiva 2016/800, din għandha l-għan li tistabbilixxi garanziji proċedurali sabiex it-tfal li huma ssuspettati jew akkużati fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali jkunu jistgħu jifhmu u jsegwu dawn il-proċeduri. Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, din tiddefinixxi għalhekk regoli minimi komuni li jikkonċernaw b’mod partikolari d-dritt għall-informazzjoni, li huwa rregolat speċifikament mid-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva.

139

Fl-ewwel lok, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2016/800, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta t-tfal jiġu mgħarrfa li huma persuni suspettati jew akkużati, jiġu informati minnufih dwar id-drittijiet tagħhom skont id-Direttiva 2012/13, kif ukoll dwar l-aspetti ġenerali tal-iżvolġiment tal-proċeduri.

140

Fir-rigward tad-dritt għal informazzjoni, kif previst fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2012/13, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li mill-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jirriżulta li dan id-dritt jikkonċerna, b’mod partikolari, id-dritt għall-persuni ssuspettati jew akkużati li jiġu informati, mill-inqas, dwar id-diversi drittijiet proċedurali msemmija f’dan l-artikolu, fosthom id-dritt għall-assistenza ta’ avukat, id-dritt għall-konsulenza legali mingħajr ħlas u l-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ tali konsulenza, id-dritt li tingħata l-informazzjoni dwar l-akkuża, id-dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni kif ukoll id-dritt li persuna tibqa’ siekta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2023, BK (Klassifikazzjoni mill-ġdid tar-reat), C‑175/22, EU:C:2023:844, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

141

F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-premessa 31 tad-Direttiva 2016/343, l-informazzjoni li l-persuni akkużati jirċievu dwar id-drittijiet proċedurali tagħhom skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/13 tirrigwarda mhux biss id-dritt li wieħed jibqa’ sieket, iżda wkoll id-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu, li huma żewġ drittijiet li l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu lil dawn il-persuni, konformement mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2016/343.

142

Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2016/800 jipprovdi li t-tfal għandhom jiġu informati bid-drittijiet stabbiliti b’mod iktar speċifiku minn din id-direttiva u, b’mod partikolari, bid-drittijiet elenkati fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tagħha.

143

Din l-informazzjoni tirrigwarda b’mod partikolari, minn naħa, id-dritt tal-imsemmija tfal li jiġu assistiti minn avukat, kif jipprevedi l-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, jekk ikun il-każ maħtura ex officio, konformement mal-Artikolu 18 tal-istess direttiva.

144

Min-naħa l-oħra, l-imsemmija informazzjoni tirrigwarda wkoll id-dritt li d-detentur tar-responsabbiltà parentali jiġi informat, kif jipprovdi l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2016/800, kif ukoll id-dritt li wieħed ikun akkumpanjat minn dan id-detentur matul l-istadji tal-proċeduri li ma għajr is-seduti, kif jipprovdi l-Artikolu 15(4) ta’ din id-direttiva. Kif jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva, l-imsemmi detentur għandu jirċievi, mill-iktar fis possibbli, l-istess informazzjoni bħal dik li l-wild għandu d-dritt li jirċievi skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/800.

145

Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, skont l-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2016/800, l-informazzjoni li t-tfal għandhom jirċievu dwar id-drittijiet tagħhom skont din id-dispożizzjoni, meta jiġu informati li huma persuni ssuspettati jew akkużati, għandha tiġi kkomunikata lilhom “fil-pront”.

146

F’dan ir-rigward, fir-rigward tad-Direttiva 2012/13, li jirreferu għaliha l-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li sabiex tkun effettiva, il-komunikazzjoni tad-drittijiet għandha ssir fi stadju bikri tal-proċedura. Mill-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jirriżulta li din tapplika “minn meta l-persuni jiġu informati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, li huma ssuspettati li wettqu reat jew li huma akkużati li wettqu reat”. L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprevedi b’hekk li l-“Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati jingħataw fil-pront informazzjoni dwar id-drittijiet proċedurali […] sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv ta’ dawk id-drittijiet” (sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2019, Rayonna prokuratura Lom, C‑467/18, EU:C:2019:765, punt 50).

147

Id-dritt li persuna tiġi informata bid-drittijiet tagħha huwa intiż li jissalvagwardja l-ekwità tal-proċeduri kriminali u li jiggarantixxi l-effettività tad-drittijiet tad-difiża, mill-ewwel stadji ta’ dawn il-proċeduri. F’dan ir-rigward, il-premessa 19 tad-Direttiva 2012/13 tenfasizza li d-dritt li persuna tiġi informata bid-drittijiet tagħha għandu jiġi implimentat “l-aktar tard qabel l-ewwel interrogazzjoni uffiċjali tal-persuna suspettata jew akkużata mill-pulizija”. Barra minn hekk, il-perijodu immedjatament wara ċ-ċaħda tal-libertà huwa meta jkun hemm l-ikbar riskju ta’ estrazzjoni abbużiva ta’ ammissjonijiet, b’tali mod li “huwa essenzjali li persuna suspettata jew akkużata tiġi infurmata b’dan minnufih, jiġifieri mingħajr dewmien wara li jsir l-arrest u bl-iktar mod effettiv”, kif jirriżulta mill-punt 24 tal-proposta għal direttiva tal-Kummissjoni, tal‑20 ta’ Lulju 2010 [COM(2010) 392 final], li tat lok għad-Direttiva 2012/13 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2019, Rayonna prokuratura Lom, C‑467/18, EU:C:2019:765, punti 51 u 52).

148

Fid-dawl tar-riferiment għad-Direttiva 2012/13 mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2016/800, minn din l-aħħar dispożizzjoni jirriżulta li t-tfal għandhom jirċievu informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom kemm jista’ jkun malajr mill-mument li jiġu informati li huma persuni ssuspettati jew akkużati fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali. L-informazzjoni dwar dawn id-drittijiet għandha tingħata, l-iktar tard, qabel l-ewwel interrogazzjoni tal-imsemmija tfal mill-pulizija jew minn awtorità oħra repressiva jew ġudizzjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2019, Rayonna prokuratura Lom, C‑467/18, EU:C:2019:765, punt 53).

149

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni, l-iktar tard, qabel l-ewwel interrogazzjoni tagħhom hija l-uniku mezz li jiggarantixxi l-effettività tad-drittijiet li fir-rigward tagħhom it-tfal għandhom jiġu informati, b’mod partikolari dak li jiġu assistiti minn avukat skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/800 u, għaldaqstant, li tippermettilhom jeżerċitaw effettivament id-dritt tad-difiża tagħhom, kif jirriżulta mir-risposta għall-ewwel sar-raba’ domanda.

150

Fit-tielet lok, mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2016/800 jirriżulta li l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1) tagħha għandha tiġi pprovduta lilhom bil-miktub u/jew bil-fomm, f’“lingwaġġ sempliċi u aċċessibbli”.

151

F’dan ir-rigward, għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2012/13, il-leġiżlatur tal-Unjoni impona fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw li l-informazzjoni pprovduta abbażi tad-dritt li persuna tiġi informata bid-drittijiet tagħha “għandha tingħata bil-fomm jew bil-miktub, f’lingwaġġ sempliċi u aċċessibbli, b’kont meħud ta’ kwalunkwe bżonnijiet partikolari ta’ suspettati vulnerabbli jew ta’ persuni akkużati vulnerabbli” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2019, Rayonna prokuratura Lom, C‑467/18, EU:C:2019:765, punt 47).

152

Mill-premessa 18 tad-Direttiva 2016/800 jirriżulta li l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lit-tfal, konformement mal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, għandha tiġi pprovduta billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet speċifiċi u l-vulnerabbiltajiet tat-tfal.

153

Minn dan jirriżulta li dawn it-tfal għandhom jirċievu din l-informazzjoni f’lingwaġġ suffiċjentement sempliċi u aċċessibbli li jippermettilhom, fid-dawl b’mod partikolari tal-bżonnijiet speċifiċi u tal-vulnerabbiltà tal-imsemmija tfal, jifhmu effettivament, qabel ma jiġu interrogati mill-pulizija jew minn awtorità oħra repressiva jew ġudizzjarja, li huma jibbenefikaw mid-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2016/800. Fost dawn id-drittijiet hemm, b’mod partikolari, id-dritt li persuna għal assistenza minn avukat, kif jipprovdi l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, id-dritt li d-detentur tar-responsabbiltà parentali jiġi informat ukoll b’dawn id-drittijiet, konformement mal-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, kif ukoll id-dritt, għal dan tal-aħħar, li jakkumpanja lill-imsemmija tfal matul l-istadji tal-proċedura għajr is-seduti, konformement mal-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2016/800.

154

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tindika li, konformement mad-dritt Pollakk, il-minuri ssuspettati jirċievu, qabel l-interrogazzjoni tagħhom, formola ta’ informazzjoni għall-adulti, li ma tipprovdi ebda informazzjoni speċifika intiża għat-tfal. Barra minn hekk, ma hemm ebda provvediment li din il-formola tiġi kkomunikata lid-detenturi tar-responsabbiltà parentali ta’ dawn it-tfal.

155

Mir-rekwiżiti li jinsabu fil-punt 153 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, meta d-dritt nazzjonali jipprovdi dokument standardizzat sabiex il-persuni ssuspettati jew akkużati jiġu informati, bil-miktub, bid-drittijiet tagħhom konformement mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/13, dan id-dokument ma jistax jintuża sabiex jiġu informati t-tfal li jinsabu fl-istess sitwazzjoni, konformement mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/800.

156

Tali dokument, sa fejn huwa intiż għal persuni adulti, minn naħa, ma jissodisfax in-neċessità li l-informazzjoni dwar id-drittijiet li jibbenefikaw minnhom dawn it-tfal tingħata bil-miktub u/jew bil-fomm, f’lingwaġġ sempliċi u aċċessibbli għalihom u, min-naħa l-oħra, ma hijiex intiża li tinforma lill-imsemmija tfal bid-drittijiet speċifikament stabbiliti minn din l-aħħar direttiva.

157

Konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 116 sa 118 ta’ din is-sentenza, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta, sa fejn huwa possibbli, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw l-informazzjoni tal-persuni li huma ssuspettati jew akkużati, b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tagħhom. Jekk ma tkunx tista’ tagħti tali interpretazzjoni, hija jkollha, minħabba li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2016/800 jissodisfa l-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 119 ta’ din is-sentenza u minħabba li għandu effett dirett, ma tapplikax, ex officio, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jidhru inkompatibbli miegħu.

158

Fid-dawl tar-raġunijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tmien sal-għaxar domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2016/800, moqri fid-dawl tal-Artikolu 5(1) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprovdix li t-tfal li huma persuni ssuspettati jew akkużati fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali jirċievu, flimkien mal-persuna li għandha r-responsabbiltà parentali, mhux iktar tard mill-ewwel interrogazzjoni ta’ dawn it-tfal mill-pulizija jew minn awtorità oħra repressiva jew ġudizzjarja, f’lingwaġġ sempliċi u aċċessibbli, li jieħu inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet speċifiċi u l-vulnerabbiltajiet tal-imsemmija tfal, informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/13, kif ukoll dwar id-drittijiet stabbiliti mid-Direttiva 2016/800.

Fuq il‑ħdax u t‑tnax-il domanda

159

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-ħdax-il domanda tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 18 u 19 tad-Direttiva 2016/800, sabiex jiġi ddeterminat, essenzjalment, jekk dawn id-dispożizzjonijiet jobbligawx lil qorti adita b’kawża kriminali li ma tiħux inkunsiderazzjoni dikjarazzjonijiet inkriminanti magħmula minn tfal li huma ssuspettati jew akkużati, waqt interrogazzjoni mmexxija mill-pulizija, bi ksur tad-drittijiet li dawn it-tfal jisiltu minn din id-direttiva.

160

Sa fejn dan l-Artikolu 18 jirrigwarda d-dritt għall-għajnuna legali u sa fejn dan tal-aħħar huwa marbut, kif jirriżulta mill-punt 107 ta’ din is-sentenza, mal-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għal avukat, għandu jitqies li din id-domanda tirrigwarda essenzjalment l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva, dwar ir-rimedji ġudizzjarji.

161

Min-naħa l-oħra, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-qorti tar-rinviju eskludiet il-provi, misluta mid-dikjarazzjonijiet inkriminanti li, f’dan il-każ, il-minuri ssuspettati għamlu matul il-fażi ta’ qabel il-proċess kriminali fl-assenza ta’ avukat, fejn il-kundizzjonijiet previsti għal dan l-għan mill-Artikolu 168a tal-KPK ma kinux issodisfatti.

162

Għaldaqstant, għandu jinftiehem li, permezz tal-ħdax u tat-tnax-il domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2016/800 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, ma tippermettix lil qorti tiddikjara bħala inammissibbli provi inkriminanti bbażati fuq dikjarazzjonijiet magħmula minn wild matul interrogazzjoni mwettaqa mill-pulizija bi ksur tad-dritt ta’ aċċess għal avukat, previst fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/800. Barra minn hekk, din il-qorti tistaqsi jekk, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal dawn id-domandi, hemmx lok għal qorti adita b’kawża kriminali li ma tapplikax tali leġiżlazzjoni.

163

Skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2016/800, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tfal li jkunu ssuspettati jew akkużati fi proċeduri kriminali jkollhom rimedju ġudizzjarju effettiv skont id-dritt nazzjonali fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet tagħhom taħt din id-direttiva.

164

Skont dan l-artikolu, it-tfal li huma ssuspettati jew akkużati għandhom għalhekk ikunu jistgħu jikkontestaw effettivament il-ksur ta’ dawn id-drittijiet, fosthom, kif jirriżulta mir-risposti mogħtija għall-ewwel sal-għaxar domanda, id-drittijiet iggarantiti fl-Artikoli 4 sa 6 tad-Direttiva 2016/800.

165

Madankollu, l-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva ma jirregolax l-eventwali konsegwenzi li l-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu għandha tislet, fl-assenza ta’ tali kontestazzjoni, minn dan il-ksur fuq l-ammissibbiltà tal-provi miksuba bi ksur tad-drittijiet mogħtija mill-imsemmija direttiva.

166

L-istess japplika għad-Direttiva 2012/13, li jirreferi għaliha l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/800, kif ukoll għad-Direttiva 2013/48, li jirreferi għaliha l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/800, u li jinkludu dispożizzjonijiet analogi għal dawk tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2016/800.

167

Huwa minnu li l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2013/48 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li fl-evalwazzjoni tad-dikjarazzjonijiet magħmula minn persuni suspettati jew akkużati jew tal-provi miksuba bi ksur tad-dritt tagħhom għal avukat jew f’każijiet fejn kienet awtorizzata deroga minn dan id-dritt, għandhom jiġu rrispettati d-drittijiet tad-difiża u l-ekwità tal-proċeduri. L-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2016/343 jinkludi dispożizzjoni simili fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet u tal-provi miksuba bi ksur tad-dritt li wieħed jibqa’ sieket jew tad-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu.

168

Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex intiżi li jirregolaw id-dispożizzjonijiet u s-sistemi nazzjonali dwar l-ammissibbiltà tal-provi peress li, kif jirriżulta mill-kliem stess tagħhom, huma japplikaw “mingħajr preġudizzju” għal dawn id-dispożizzjonijiet u sistemi nazzjonali.

169

Minn dan jirriżulta li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, bħala prinċipju, huwa biss id-dritt nazzjonali li għandu jiddetermina r-regoli dwar l-ammissibbiltà, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, tal-provi miksuba bi ksur tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 2016/800 (sentenza tat‑30 ta’ April 2024, M.N. (EncroChat), C‑670/22, EU:C:2024:372, punt 128).

170

Fil-fatt, fl-assenza tar-regoli tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, li għandu jistabbilixxi r-regoli proċedurali tar-rikorsi intiżi li jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li għandhom l-individwi bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, bil-kundizzjoni madankollu li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li ma jagħmlux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (sentenza tat‑30 ta’ April 2024, M.N. (EncroChat), C‑670/22, EU:C:2024:372, punt 129 u l-ġurisprudenza ċċitata).

171

F’dan ir-rigward, għal dak li jikkonċerna b’mod iktar partikolari l-prinċipju ta’ effettività, għandu jitfakkar li r-regoli nazzjonali relatati mal-ammissibbiltà u mal-użu tal-informazzjoni u tal-provi għandhom l-għan, skont l-għażliet magħmula mid-dritt nazzjonali, li jevitaw li informazzjoni u provi li jkunu nkisbu b’mod illegali jikkawżaw indebitament preġudizzju lil persuna ssuspettata li wettqet reati kriminali. Dan l-għan jista’ jintlaħaq, skont id-dritt nazzjonali, mhux biss bi projbizzjoni ta’ użu ta’ tali informazzjoni u ta’ tali provi, iżda wkoll b’regoli u prattiki nazzjonali li jirregolaw l-evalwazzjoni u l-ponderazzjoni ta’ informazzjoni u ta’ provi, jew billi waqt id-determinazzjoni tal-piena tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura illegali tagħhom (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi), C‑746/18, EU:C:2021:152, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

172

In-neċessità li jiġu esklużi informazzjoni u provi miksuba bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl, b’mod partikolari, tar-riskju li l-ammissibbiltà ta’ tali informazzjoni u provi timplika għall-osservanza tal-prinċipju tal-kontradittorju u, għalhekk, għad-dritt għal smigħ xieraq (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi), C‑746/18, EU:C:2021:152, punt 44).

173

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-dritt għall-informazzjoni, previst fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/800, u d-dritt ta’ aċċess għal avukat, previst fl-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, jikkonkretizzaw preċiżament id-drittijiet fundamentali għal smigħ xieraq u għar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, kif stabbiliti b’mod partikolari fl-Artikolu 47 U fl-Artikolu 48(2) tal-Karta (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, TL (Assenza ta’ interpretu u ta’ traduzzjoni), C‑242/22 PPU, EU:C:2022:611, punt 42).

174

Minn dan isegwi li d-dritt tal-Unjoni ma jimponix fuq l-Istati Membri li jipprovdu l-possibbiltà għal qorti li tiddikjara bħala inammissibbli provi inkriminanti bbażati fuq dikjarazzjonijiet magħmula minn wild matul interrogazzjoni mmexxija mill-pulizija bi ksur tad-drittijiet previsti mid-Direttiva 2016/800, bil-kundizzjoni madankollu li, fil-kuntest tal-proċess kriminali, din il-qorti tkun f’pożizzjoni, minn naħa, li tivverifika li dawn id-drittijiet, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 u tal-Artikolu 48(2) tal-Karta, ikunu ġew irrispettati u, min-naħa l-oħra, li tislet il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw minn dan il-ksur, b’mod partikolari fir-rigward tal-valur probatorju tal-provi miksuba f’dawn il-kundizzjonijiet.

175

Konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 116 sa 118 ta’ din is-sentenza, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti humiex konformi mar-rekwiżiti msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza u, jekk ikun il-każ, li tinterpreta, sa fejn ikun possibbli, dawn id-dispożizzjonijiet b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni sabiex tiżgura l-effettività sħiħa tagħhom. Jekk ma tkunx tista’ tagħti tali interpretazzjoni, hija għandha, fid-dawl tal-fatt li, kif ġie rrilevat fil-punt 119 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 6(1) sa (3) tad-Direttiva 2016/800 għandu effett dirett, ma tapplikax, ex officio, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jidhru inkompatibbli miegħu.

176

Fid-dawl tal-motivi kollha preċedenti, ir-risposta għall-ħdax u għat-tnax-il domanda għandha tkun li l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2016/800 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, ma tippermettix lil qorti tiddikjara bħala inammissibbli provi inkriminanti bbażati fuq dikjarazzjonijiet magħmula minn wild matul interrogazzjoni mmexxija mill-pulizija bi ksur tad-dritt ta’ aċċess għal avukat, previst fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/800, bil-kundizzjoni madankollu li, fil-kuntest tal-proċess kriminali, din il-qorti tkun f’pożizzjoni, minn naħa, li tivverifika li dan id-dritt, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 u tal-Artikolu 48(2) tal-Karta, ikun ġie rrispettat u, min-naħa l-oħra, li tislet il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw minn dan il-ksur, b’mod partikolari fir-rigward tal-valur probatorju tal-provi miksuba f’dawn il-kundizzjonijiet.

Fuq l‑ispejjeż

177

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 6(1) sa (3) tad-Direttiva (UE) 2016/800 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2016 dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali, moqri fid-dawl tal-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, minn naħa, ma tipprovdix li t-tfal li jkunu persuni ssuspettati jew akkużati jiġu assistiti minn avukat, jekk ikun il-każ, maħtur ex officio, qabel ma jiġu interrogati mill-pulizija jew minn awtorità oħra repressiva jew ġudizzjarja u, l-iktar tard, qabel l-ewwel interrogazzjoni tagħhom u, min-naħa l-oħra, tippermetti li l-imsemmija tfal jiġu interrogati fil-kwalità tagħhom ta’ persuna ssuspettata fl-assenza ta’ tali avukat matul l-interrogazzjoni.

 

2)

L-Artikolu 2(1) u (3) tad-Direttiva 2016/800

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li d-dritt ta’ assistenza minn avukat maħtur ex officio jintemm awtomatikament għall-persuni li kienu tfal fil-mument li fih kienu s-suġġett ta’ proċeduri kriminali, iżda li, sussegwentement, laħqu l-età ta’ 18-il sena, sa fejn tali leġiżlazzjoni ma tippermettix li jiġi evalwat jekk l-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva jew ta’ wħud mid-dispożizzjonijiet tagħha u, konsegwentement, tad-drittijiet li hija tinkludi, hijiex xierqa fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, inkluż il-maturità u l-vulnerabbiltà tal-imsemmija persuni.

 

3)

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2016/800, moqri fid-dawl tal-Artikolu 5(1) tagħha

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprovdix li t-tfal li huma persuni ssuspettati jew akkużati fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali jirċievu, flimkien mal-persuna li għandha r-responsabbiltà parentali, mhux iktar tard mill-ewwel interrogazzjoni ta’ dawn it-tfal mill-pulizija jew minn awtorità oħra repressiva jew ġudizzjarja, f’lingwaġġ sempliċi u aċċessibbli, li jieħu inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet speċifiċi u l-vulnerabbiltajiet tal-imsemmija tfal, informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali, kif ukoll dwar id-drittijiet stabbiliti mid-Direttiva 2016/800.

 

4)

L-Artikolu 19 tad-Direttiva 2016/800

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, ma tippermettix lil qorti tiddikjara bħala inammissibbli provi inkriminanti bbażati fuq dikjarazzjonijiet magħmula minn wild matul interrogazzjoni mmexxija mill-pulizija bi ksur tad-dritt ta’ aċċess għal avukat, previst fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/800, bil-kundizzjoni madankollu li, fil-kuntest tal-proċess kriminali, din il-qorti tkun f’pożizzjoni, minn naħa, li tivverifika li dan id-dritt, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 u tal-Artikolu 48(2) tal-Karta, ikun ġie rrispettat u, min-naħa l-oħra, li tislet il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw minn dan il-ksur, b’mod partikolari fir-rigward tal-valur probatorju tal-provi miksuba f’dawn il-kundizzjonijiet.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.