28.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 202/54


P9_TA(2019)0042

Is-sitwazzjoni tal-persuni LGBTI fl-Uganda

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Ottubru 2019 dwar is-sitwazzjoni tal-persuni LGBTI fl-Uganda (2019/2879(RSP))

(2021/C 202/10)

Il-Parlament Ewropew,

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Uganda,

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar id-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali, partikolarment tal-4 ta' Frar 2014 dwar il-Pjan Direzzjonali tal-UE kontra l-omofobija u d-diskriminazzjoni abbażi ta' orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru (1), u dik tal-14 ta' Frar 2019 dwar il-futur tal-Lista ta' Azzjonijiet LGBTI (2019-2024) (2),

—

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta, tad-9 ta' Ottubru 2019, tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Jum Ewropew u Dinji kontra l-Piena tal-Mewt,

—

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni, tas-17 ta' Mejju 2019, tar-Rappreżentant Għoli, Federica Mogherini, f'isem l-UE fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali kontra l-Omofobija, it-Transfobija u l-Bifobija,

—

wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja 2018 – l-Uganda, adottat mill-Kunsill Ewropew fit-13 ta' Mejju 2019,

—

wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(5), 21, 24, 29 u 31 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 10 u 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jimpenjaw lill-UE u lill-Istati Membri tagħha li, fir-relazzjonijiet tagħhom mad-dinja inġenerali, jiddefendu u jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem universali u l-protezzjoni tal-individwi, u li jadottaw miżuri restrittivi fil-każ ta' ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem,

—

wara li kkunsidra l-obbligi internazzjonali rigward id-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk li jinsabu fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali,

—

wara li kkunsidra s-Sett ta' Miżuri tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha minn persuni leżbjani, gay, bisesswali u transġeneru (Sett ta' Miżuri LGBTI),

—

wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha minn persuni LGBTI,

—

wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE rispettivi dwar il-piena tal-mewt, dwar it-tortura u t-trattament jew pieni krudili, inumana jew degradanti oħra u dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

—

wara li kkunsidra l-aktar l-Eżami Perjodiku Universali reċenti tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Uganda,

—

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 21 tagħha, li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali,

—

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966 (ICCPR), li tiegħu l-Uganda ilha parti mill-1995,

—

wara li kkunsidra l-ittra ffirmata fil-15 ta' Ottubru 2019 minn 70 Membru tal-Parlament Ewropew ta' diversi partiti dwar il-persekuzzjoni tal-komunità LGBTI fl-Uganda,

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2014 dwar il-varar ta' konsultazzjonijiet biex l-Uganda u n-Niġerja jiġu sospiżi mill-Ftehim ta' Cotonou minħabba l-leġiżlazzjoni riċenti li tkompli tikkriminalizza l-omosesswalità (3),

—

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE (il-Ftehim ta' Cotonou), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(4) tiegħu dwar in-nondiskriminazzjoni,

—

wara li kkunsidra l-Prinċipji ta' Yogyakarta (“Il-Prinċipji u l-Obbligi tal-Istat dwar l-Applikazzjoni tad-Dritt Internazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem b'rabta mal-Orjentazzjoni Sesswali, l-Identità tal-Ġeneru, l-Espressjoni tal-Ġeneru u l-Karatteristiċi tas-Sess”), adottati f'Novembru 2006, u l-10 prinċipji komplementari (“plus 10”) adottati fl-10 ta' Novembru 2017,

—

wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Uganda,

—

wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi f'dawn l-aħħar ġimgħat fl-Uganda rajna żieda fir-retorika estremament omofoba min-naħa tal-awtoritajiet, b'mod partikolari minn Simon Lokodo, Ministru responsabbli għall-Etika u l-Integrità, li fl-10 ta' Ottubru 2019 ħabbar l-intenzjoni li terġa' tiddaħħal il-liġi kontra l-omosesswalità, li tkun tinkludi l-piena tal-mewt għal “omosesswalità aggravata”; billi anki diversi membri tal-Parlament Ugandiż jappoġġjaw il-proposta tal-liġi l-ġdida;

B.

billi fit-12 ta' Ottubru Ofwono Opondo, kelliem tal-gvern, afferma li l-gvern ma kellu l-ebda intenzjoni li jdaħħal liġi ġdida dwar l-attivitajiet tal-persuni LGBTI billi d-“dispożizzjonijiet attwali tal-kodiċi penali huma biżżejjed”; billi dan kien ikkonfermat mis-segretarju prinċipali għall-istampa tal-President Museveni;

C.

billi d-dispożizzjonijiet attwali tal-kodiċi penali jiksru d-drittijiet tal-bniedem u jikkriminalizzaw l-omosesswalità; billi l-atti sesswali bejn persuni tal-istess sess jibqgħu illegali u punibbli anki b'għomor priġunerija skont it-taqsimiet 145 u 146 tal-Kodiċi Penali Ugandiż, li, fost ħwejjeġ oħra, jikkriminalizza l-“konġunġiment karnali ta' kwalunkwe persuna kontra l-ordni naturali”, u ħafna liġijiet fis-seħħ jippermettu d-diskriminazzjoni fil-konfront tal-persuni LGBTI, billi jillimitawlhom l-aċċess għall-impjiegi, għad-djar, għas-sigurtà soċjali, għall-edukazzjoni jew għas-servizzi tas-saħħa;

D.

billi l-liġi kontra l-omosesswalità li tipprojbixxi l-promozzjoni tal-omosesswalità u timponi l-piena tal-mewt għal atti omosesswali kienet diġà ddaħħlet fl-2014 fuq inizjattiva tal-President Museveni, iżda mbagħad kienet ġiet iddikjarata nulla u bla effett mill-qorti kostituzzjonali Ugandiża; billi l-komunità internazzjonali fl-assjem tagħha kkundannat bil-qawwa l-proposta tal-liġi u ħafna donaturi, fosthom l-Istati Membri tal-UE, l-Istati Uniti u l-Bank Dinji ddeċidew li jissospendu l-għajnuna għall-iżvilupp lill-pajjiż;

E.

billi dan kollu sfortunatament kixef is-sitwazzjoni terribbli tal-persuni LGBTI fl-Uganda, fejn l-opinjonijiet omofobi huma mifruxin; billi l-organizzazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem jirrapportaw regolarment diskriminazzjoni soċjetali, reati ta' mibegħda u kampanji kontra l-omosesswalità, inklużi fastidju, swat, estorsjonijiet, żgumbramenti, detenzjoni u arresti arbitrarji u omiċidji;

F.

billi, skont il-gruppi għad-drittijiet tal-bniedem, l-Uganda għaddiet minn żieda allarmanti fl-aggressjonijiet kontra l-persuni LGBTI; billi, skont Sexual Minorities Uganda, assoċjazzjoni ta' organizzazzjonijiet LGBTI, din is-sena nqatlu tlett irġiel omosesswali u mara transġeneru, l-aħħar wieħed kien Brian Wasswa, attivist għall-persuni LGBTI, li ħebbu għalih f'daru fl-4 ta' Ottubru 2019;

G.

billi l-Kostituzzjoni Ugandiża tipprojbixxi d-diskriminazzjoni bbażata fuq diversi raġunijiet, iżda ma testendix din il-projbizzjoni għad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali;

H.

billi l-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) tal-Unjoni Ewropea għandha l-għan li tiżviluppa u tikkonsolida d-demokrazija u l-istat tad-dritt, u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; billi l-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE fl-Uganda tammonta għal EUR 578 miljun fl-ambitu tal-Programm Indikattiv Nazzjonali 2014-2020; billi jinkludi l-promozzjoni u s-salvagwardja tal-governanza tajba u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem bħala objettiv ewlieni;

I.

billi l-benefiċjarji tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp huma suġġetti għal kundizzjonalità rigoruża għal dak li għandu x'jaqsam mar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, il-libertà ta' reliġjon u l-protezzjoni tal-minoranzi;

J.

billi f'Mejju 2019, skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou, l-Uganda u l-Unjoni Ewropea tennew is-sħubija stretta tagħhom fi djalogu politiku;

K.

billi l-kooperazzjoni internazzjonali tal-UE għandha ssostni l-isforzi tal-Istati AKP f'dak li għandu x'jaqsam mal-iżvilupp ta' oqfsa ġuridiċi u politiċi favorevoli u l-abrogazzjoni ta' liġijiet, politiki u prattiki punittivi, kif ukoll l-istigmatizzazzjoni u d-diskriminazzjoni li jimminaw id-drittijiet tal-bniedem;

L.

billi minn total ta' 54 pajjiż Afrikan 32 jikkriminalizzaw ir-relazzjonijiet bejn persuni tal-istess sess, u billi l-Mauritania, is-Sudan, in-Niġerja tat-Tramuntana u s-Somalja jikkastigaw l-omosesswalità bil-mewt;

1.

Jesprimi tħassib kbir dwar il-fatt li reġgħet feġġet il-liġi kontra l-omosesswalità fid-dibattitu politiku Ugandiż; jikkundanna bis-saħħa r-retorika ta' Simon Lokodo li tkebbes l-omofobija u l-mibegħda, u jtenni l-oppożizzjoni qalila kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni bbażati fuq l-orjentazzjoni sesswali, kif ukoll kwalunkwe inċitament għall-mibegħda u għall-vjolenza fil-konfront tal-persuni LGBTI;

2.

Jieħu nota tad-dikjarazzjoni li għamel il-kelliem tal-President Museveni li fiha ċaħad kull intenzjoni min-naħa tal-gvern li jipproponi liġi ġdida, u jitlob lill-Gvern Ugandiż ikun koerenti mad-dikjarazzjoni tiegħu;

3.

Jenfasizza li d-diskriminazzjoni fil-konfront tal-persuni LGBTI timmina l-prinċipji l-aktar bażiċi tad-drittijiet tal-bniedem kif minquxa fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem; itenni li l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru huma kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp tad-dritt tal-individwu għall-privatezza, kif iggarantit mid-dritt internazzjonali u mill-kostituzzjonijiet nazzjonali;

4.

Jirrifjuta bil-qawwa l-użu tal-piena tal-mewt fi kwalunkwe ċirkostanza, inkluża kwalunkwe leġiżlazzjoni li timponi l-piena tal-mewt għall-omosesswalità; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha tinvolvi aktar lill-Gvern tal-Uganda biex jerġa' jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu dwar il-piena tal-mewt;

5.

Jiddispjaċih li l-leġiżlazzjoni Ugandiża għadha ferm diskriminatorja fil-konfront tal-persuni LGBTI u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Ugandiżi jirrieżaminaw kwalunkwe liġi li tikkriminalizza l-omosesswalità u l-attivisti LGBTI, b'mod partikolari taħt it-taqsimiet 145 u 146 tal-Kodiċi Penali;

6.

Ifakkar lill-Gvern Ugandiż fl-obbligi tiegħu skont id-dritt internazzjonali u skont il-Ftehim ta' Cotonou, li jitlob ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem universali;

7.

Jinsab inkwetat ħafna bid-deterjorament ġenerali tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni LGBTI fl-Uganda, inkluż il-ksur dejjem akbar tad-drittijiet soċjali, tal-libertà ta' espressjoni, tad-drittijiet relatat mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-dritt għall-alloġġi tagħhom; jikkundanna l-omiċidju reċenti ta' Brian Wasswa u jiddeplora n-numru allarmanti ta' vittmi fil-mira minħabba l-orjentazzjoni sesswali, anki min-naħa tal-forzi tas-sigurtà nazzjonali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ugandiżi jinvestigaw bir-reqqa u b'mod imparzjali kwalunkwe vjolenza jew aggressjoni fil-konfront tal-persuni LGBTI u jġiegħlu lil dawk responsabbli jagħtu kont ta' għemilhom;

8.

Jistieden lill-Gvern Ugandiż isaħħaħ il-mekkaniżmi ta' rimedju fi ħdan il-korp tal-pulizija għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, bil-għan li l-pulizija taqdi dmirha biex tħares id-drittijiet tan-nies kollha, inklużi l-membri tal-komunità LGBTI, u tiggarantixxi li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-NGOs kollha li joperaw f'isem il-komunità LGBTI fl-Uganda jkunu jistgħu jiżvolġu l-attivitajiet tagħhom fi kwalunkwe ċirkostanza, inkluż id-dritt tagħhom għal-libertà ta' assoċjazzjoni, mingħajr biża' ta' tpattija u ħielsa minn kull restrizzjoni;

9.

Ifakkar fl-impenji tal-Uganda skont il-Ftehim ta' Cotonou u d-dritt internazzjonali biex tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

10.

Jistieden lid-delegazzjoni tal-UE fl-Uganda tkompli tkun għassa mill-qrib tas-sitwazzjoni tal-persuni LGBTI u ssostni b'mod attiv lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lill-persuni LGBTI fil-post; jisħaq fuq l-importanza ta' sensibilizzazzjoni u ta' fehim tas-sitwazzjoni tal-persuni LGBTI u tal-familji tagħhom;

11.

Jistieden lill-UE tisfrutta b'mod sħiħ u effikaċi d-djalogu politiku previst mill-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou, kif ukoll is-Sett ta' Miżuri LGBTI u tal-Linji Gwida relatati, fl-ambitu tad-djalogu tagħha mal-awtoritajiet Ugandiżi, bil-għan li tgħin biex l-omosesswalità tkun dekriminalizzata, tnaqqas il-vjolenza u d-diskriminazzjoni u tipproteġi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni LGBTI;

12.

Itenni l-appelli preċedenti tiegħu indirizzati lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jinkludu r-riferiment għan-nondiskriminazzjoni fuq il-bażi tal-orjentazzjoni sesswali f'kull ftehim tal-futur li jieħu post il-Ftehim ta' Cotonou;

13.

Jistieden lill-UE żżid id-difiża u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Uganda, b'mod partikolari bis-saħħa ta' appoġġ immirat lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u implimentazzjoni totali tal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem;

14.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President tal-Uganda, lill-Parlament tal-Uganda kif ukoll lill-Unjoni Afrikana u lill-istituzzjonijiet tagħha.

(1)  ĠU C 93, 24.3.2017, p. 21.

(2)  Testi adottati, P8_TA(2019)0129.

(3)  ĠU C 378, 9.11.2017, p. 253.