|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1544 |
31.7.2025 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1544
tat-30 ta’ Lulju 2025
li tiddetermina d-data minn meta s-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ għandha tibda topera skont ir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata data dwar id-dħul u l-ħruġ u data dwar iċ-ċaħda tad-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u r-Regolament (KE) Nru 767/2008 u r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 66(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2017/2226 stabbilixxa s-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES). L-EES hija sistema li tirrekordja elettronikament il-ħin u l-post tad-dħul u l-ħruġ ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi ammessi għal soġġorn qasir fit-territorju tal-Istati Membri u li tikkalkula t-tul tas-soġġorn awtorizzat tagħhom. |
|
(2) |
Mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2017/2226, il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA) lestew l-arranġamenti tekniċi u legali meħtieġa biex jiġbru u jittrażmettu d-data lill-EES. |
|
(3) |
L-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226 jistabbilixxi għadd ta’ kundizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfati qabel ma tibda titħaddem l-EES. Dawk il-kundizzjonijiet kollha ġew issodisfati. L-atti ta’ implimentazzjoni u l-atti delegati meħtieġa għat-tħaddim tal-EES ġew adottati (2); l-eu-LISA iddikjarat it-tlestija b'suċċess ta' test komprensiv tas-EES, li hija wettqet b'kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istati Membri; L-Istati Membri nnotifikaw li vvalidaw l-arranġamenti tekniċi u legali biex jiġbru u jittrażmettu d-data msemmija fl-Artikoli 16 sa 20 tar-Regolament (UE) 2017/2226 lill-EES; u l-Istati Membri għamlu notifiki lill-Kummissjoni dwar il-kontrollur, lill-awtoritajiet kompetenti li għandhom aċċess biex idaħħlu, jirrettifikaw, jimlew, iħassru, jikkonsultaw jew ifittxu data fl-EES, lill-awtoritajiet maħtura tagħhom u l-punti ta’ aċċess ċentrali. |
|
(4) |
Għalhekk huwa xieraq li tiġi ddeterminata d-data minn meta jibdew l-operazzjonijiet tal-EES. |
|
(5) |
Il-Kunsill approva l-Pjan Direzzjonali għall-Interoperabbiltà fil-5 ta’ Marzu 2025 li jindika Ottubru 2025 bħala l-iskeda ta’ żmien għall-bidu tal-operazzjonijiet tal-EES. |
|
(6) |
It-12 ta’ Ottubru 2025 hija l-aktar data xierqa li tippermetti lill-Istati Membri jiksbu l-objettivi tal-EES b’mod f’waqtu, peress li tevita l-koinċidenza mal-perjodi bl-ogħla traffiku fil-fruntieri esterni. |
|
(7) |
Sabiex il-partijiet kollha kkonċernati jkunu jistgħu jagħmlu l-arranġamenti prattiċi meħtieġa biex iħejju għall-bidu tat-tħaddim tal-EES, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha. |
|
(8) |
Peress li r-Regolament (UE) 2017/2226 jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka nnotifikat id-deċiżjoni tagħha li timplimenta r-Regolament (UE) 2017/2226 fil-liġi nazzjonali tagħha, f’konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka hija għalhekk marbuta b’din id-Deċiżjoni. |
|
(9) |
Din id-Deċiżjoni ma tikkostitwixxix żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda tieħu sehem f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (3); għalhekk l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
|
(10) |
Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar dawk l-Istati assoċjati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis (4) ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (5). |
|
(11) |
Fir-rigward tal-Iżvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis (6) ta’ Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (7). |
|
(12) |
Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis (8) ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-Punt A tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (9). |
|
(13) |
Fir-rigward ta’ Ċipru, id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen relatati mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen iddaħħlu fis-seħħ bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/870 (10). Madankollu, it-tħaddim tal-EES jirrikjedi wkoll l-għoti ta’ aċċess passiv għas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża ladarba l-verifika f’konformità mal-proċedura ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen applikabbli tkun tlestiet b’suċċess. L-EES jenħtieġ li titħaddem biss minn Stat Membru li jissodisfa din il-kondizzjoni fil-bidu tat-tħaddim tal-EES. Għalhekk, jenħtieġ li Ċipru li ma jkunx qed iħaddem l-EES mill-bidu tal-operat tiegħu jiġi konness mal-EES, f’konformità mal-proċedura stabbilita fir-Regolament (UE) 2017/2226, hekk kif jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Is-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ stabbilita bir-Regolament (UE) 2017/2226 għandha tibda topera fit-12 ta’ Ottubru 2025.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Lulju 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 327, 9.12.2017, p. 20, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/2226/oj.
(2) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1547 tal-15 ta’ Ottubru 2018 li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-konnessjoni tal-punti ta’ aċċess ċentrali mas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) u għal soluzzjoni teknika biex jiġi ffaċilitat il-ġbir ta’ data mill-Istati Membri għall-fini li tiġi ġġenerata statistika dwar l-aċċess għad-data tal-EES għal finijiet ta’ infurzar tal-liġi (ĠU L 259, 16.10.2018, p. 35, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/1547/oj); Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1548 tal-15 ta’ Ottubru 2018 li tistabbilixxi miżuri għall-istabbiliment tal-lista ta’ persuni identifikati bħala persuni li jibqgħu fit-territorju wara l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn fis-Sistema ta’ Dħul u Ħruġ (EES) u l-proċedura biex dik il-lista ssir disponibbli għall-Istati Membri (ĠU L 259, 16.10.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/1548/oj); Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/329 tal-25 ta’ Frar 2019 li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-kwalità, ir-riżoluzzjoni u l-użu tal-marki tas-swaba’ u x-xbieha tal-wiċċ għall-verifika bijometrika u l-identifikazzjoni fis-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) (ĠU L 57, 26.2.2019, p. 18, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2019/329/oj); Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/326 tal-25 ta’ Frar 2019 li tistabbilixxi miżuri biex tiddaħħal id-data fis-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) (ĠU L 57, 26.2.2019, p. 5, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2019/326/oj); Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/327 tal-25 ta’ Frar 2019 li tistabbilixxi miżuri għall-aċċess tad-data fis-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) (ĠU L 57, 26.2.2019, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2019/327/oj); Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/328 tal-25 ta’ Frar 2019 li tistabbilixxi miżuri għaż-żamma u l-aċċess għar-reġistrazzjonijiet fis-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) (ĠU L 57, 26.2.2019, p. 14, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2019/328/oj); Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-25.2.2019 li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet u l-kundizzjonijiet għar-repożitorju tad-data tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) (C(2019) 1240); Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-25.2.2019 li tistabbilixxi miżuri għall-istabbiliment u t-tfassil ta’ livell għoli ta’ interoperabbiltà bejn is-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) u s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) (C(2019) 1270); Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-25.2.2019 li tistabbilixxi r-rekwiżiti ta’ prestazzjoni tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) (C(2019) 1260); Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas-7.5.2021 li tistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-Kummissjoni dwar l-ittimbrar tad-dokumenti tal-ivvjaġġar f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali (C(2021) 3154); Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat-30.6.2021 li tistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet u l-kundizzjonijiet għas-sit web pubbliku (C(2021) 4299); Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1409 li jikkonċerna r-regoli dettaljati dwar il-kundizzjonijiet għall-operar tas-servizz web u r-regoli tas-sigurtà u l-protezzjoni tad-data applikabbli għas-servizz web kif ukoll miżuri għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni teknika tas-servizz web u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1224 (ĠU L 216, 19.8.2022, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/1409/oj); Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1337 tat-28 ta’ Lulju 2022 li tistabbilixxi l-mudell għall-għoti ta’ informazzjoni lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi dwar l-ipproċessar tad-data personali fis-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (ĠU L 201, 1.8.2022, p. 48, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/1337/oj); Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2601 tal-20 ta’ Novembru 2023 li tistabbilixxi regoli dettaljati dwar il-ġestjoni tal-funzjonalità għall-ġestjoni ċentralizzata tal-listi tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jaċċessaw is-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ u s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (ĠU L, 2023/2601, 22.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/2601/oj).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2002/192/oj).
(4) ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/1999/439(1)/oj.
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1999/437/oj).
(6) ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52 , ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2008/178(1)/oj.
(7) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/146/oj).
(8) ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.
(9) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/350/oj).
(10) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/870 tal-25 ta’ April 2023 dwar l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen relatat mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen fir-Repubblika ta’ Ċipru (ĠU L 113, 28.4.2023, p. 44, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/870/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/1544/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)