SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

5 ta’ Settembru 2024 ( *1 )

“Appell – Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea – Responsabbiltà finanzjarja ta’ Stat Membru – Ħlas lill-Kummissjoni Ewropea ta’ ammonti li jikkorrispondu għal telf ta’ riżorsi proprji – Rikors ibbażat fuq arrikkiment indebitu tal-Unjoni – Obbligi tal-Istati Membri fil-qasam tar-riżorsi proprji – Konstatazzjoni tal-ammonti ta’ riżorsi proprji – Konstatazzjoni tal-ammonti mhux irkuprati fil-kontabbiltà B – Termini – Eżenzjoni milli jsiru disponibbli l-ammonti li jikkorrispondu għal intitolamenti stabbiliti ddikjarati irrekuperabbli – Kundizzjonijiet”

Fil-Kawża C‑494/22 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit‑22 ta’ Lulju 2022,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J.‑P. Keppenne, T. Materne u P. Němečková, bħala aġenti,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn L. Březinová, O. Serdula, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

sostnuta minn:

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn M. K. Bulterman, A. Hanje u J. Langer, bħala aġenti,

intervenjenti fl-appell,

Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat inizjalment minn S. Baeyens u J.‑C. Halleux, sussegwentement minn S. Baeyens, P. Cottin u C. Pochet, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, A. Kramarczyk–Szaładzińska u R. Stańczyk, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tielet Awla, N. Piçarra, N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑10 ta’ Jannar 2024,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑21 ta’ Marzu 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament parzjali tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑11 ta’ Mejju 2022, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni (T‑151/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata, EU:T:2022:281), li permezz tagħha din laqgħet parzjalment ir-rikors tar-Repubblika Ċeka bbażat fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiż għall-ħlas lura tas-somma ta’ 40482255 koruna Ċeka (CZK) (madwar EUR 1.6 miljun) imħallsa bħala riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea.

Il‑kuntest ġuridiku

Il‑Kodiċi Doganali tal‑Unjoni

2

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 217(1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat‑12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”), applikabbli fid-data tal-fatti li wasslu għall-kawża, kien jipprevedi:

“Kull ammont ta’ dazju fuq l-importazzjoni jew dazju fuq l-esportazzjoni li jirriżulta minn dejn doganali, minn hawn ‘l isfel imsejjaħ ‘ammont ta’ dazju’, għandu jiġi kalkolat mill-awtoritajiet doganali malli jkollhom id-dettalji neċessarji, u għandu jiddaħħal minn dawk l-awtoritajiet fil-kotba tal-kontijiet jew f’kull mezz ieħor ekwivalenti (dħul fil-kontijiet).”

3

L-Artikolu 218 tal-Kodiċi Doganali kien jgħid:

“1.   Fejn dejn doganali jiġi inkors bħala riżultat ta’ l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-merkanziji għal proċedura doganali oħra barra importazzjoni temporanja b’eżenzjoni parzjali mid-dazji fuq l-importazzjoni jew kull att ieħor li jkollu l-istess effett legali bħal dik l-aċċettazzjoni l-ammont li jikkorrispondi għal dak id-dejn doganali għandu jiddaħħal fil-kotba tal-kontijiet malli jkun ġie kkalkulat u, l-aktar tard, fit-tieni jum wara dak li fih il-merkanziji jkunu nħelsu.

[…]

3.   Fejn dejn doganali jiġi inkors taħt kundizzjonijiet oħra barra dawk li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 1, l-ammont ta’ dazju relevanti għandu jiddaħħal fil-kotba tal-kontijiet fi żmien jumejn mid-data li fiha l-awtoritajiet doganali jkunu f’pożizzjoni li:

a)

jikkalkulaw l-ammont ta’ dazju konċernat,

u

b)

jistabbilixxu d-debitur.”

Ir‑Regolament (KE) Nru 515/97

4

L-Artikolu 17(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 tat‑13 ta’ Marzu 1997 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri u l-koperazzjoni bejn dawn ta’ l-aħħar u l-Kummissjoni biex ikun assigurat l-applikar korrett tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 8, p. 217), jipprevedi:

“Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru, malli kull informazzjoni li tkun tista’ tgħinhom biex jinforzaw il-leġislazzjoni doganali jew agrikola ssir disponibbli.”

5

L-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament jistipula:

“1.   Biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 19, twettaq missjonijiet amministrattivi u ta’ koperazzjoni investigattiva tal-Komunità f’pajjiżi terzi b’kordinazzjoni u koperazzjoni mill-qrib ma’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri.

2.   Il-missjonijiet tal-Komunità lejn pajjiżi terzi riferuti fil-paragrafu 1 għandhom ikunu rregolati b’dawn il-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)

huma jistgħu jitwettqu fuq l-inizjattiva tal-Kummisjoni, fejn xieraq fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni pprovduta mill-Parlament Ewropew, jew fuq talba ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri;

b)

huma għandhom jitwettqu minn uffiċjali tal-Kummissjoni maħtura għal dak l-iskop u minn uffiċjali maħtura għal dak l-iskop mill-Istat(i) Membru(i) kkonċernati;

[…]

3.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri u lill-Parlament Ewropew bir-riżultati tal-missjonijiet imwettqa skond dan l-Artikolu.”

6

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(1) tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“Indipendentement mill-għamla, kull informazzjoni trasmessa skond dan ir-Regolament għandha tkun ta’ natura kunfidenzali, inkluża d-data maħżuna fis-[sistema ta’ informazzjoni doganali]. Għandha tkun koperta bl-obbligazzjonijiet ta’ segretezza professjonali u għandha tgawdi l-protezzjoni mogħtija lil informazzjoni simili kemm taħt il-liġi nazzjonali ta’ l-Istati Membri li jirċevuha u taħt id-disposizzjonijiet korrispondenti applikabbli għall-awtoritajiet tal-Komunità.”

Ir‑Regolament (KE) Nru 1073/1999

7

Skont il-premessi 1, 3 u 16 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 tal‑25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 91), applikabbli fid-data tal-fatti li wassalu għal din il-kawża:

“(1)

[b]illi l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri jagħtu importanza kbira lill-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet u lill-ġlieda kontra l-frodi u kull attività illegali oħra li hija ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet;

[…]

(3)

[b]illi l-mezzi kollha disponibbli għandhom jintużaw bis-sħiħ sabiex jinkiseb dan l-għan, notevolment fil-kuntest ta’ dmirijiet investigattivi li jaqgħu fuq il-Komunità, filwaqt li t-tqassim u l-bilanċ ta’ responsabbilitajiet preżenti bejn il-livelli nazzjonali u tal-Komunità għandhom jinżammu;

[…]

(16)

Billi, biex jiġi żgurat illi s-sejbiet ta’ l-investigazzjonijiet immexxija minn impjegati ta’ l-Uffiċċju [Ewropew ta’ Kontra l-Frodi] jiġu kunsidrati u li tittieħed l-azzjoni sussegwenti meħtieġa, ir-rapporti għandu jkollhom l-istatus ta’ prova ammissibbli fi proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji; billi, għal dak il-għan, għandhom jitfasslu b’mod kompatibbli mar-regoli li jirregolaw ir-rapporti amministrattivi […]”.

8

L-Artikolu 1(1) u (2) ta’ dan ir-regolament kien jipprevedi:

“1.   Sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kull attività oħra illegali li tasffettwa [tippreġudika] l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, l-[OLAF] […] għandu jeżerċita l-poteri ta’ investigazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni mir-regoli tal-Komunità u Regolamenti u ftehim fis-seħħ f’dawk l-oqsma.

2.   L-[OLAF] għandu jipprovdi lill-Istati Membri b’għajnuna mingħand il-Kummissjoni sabiex jorganizzaw kooperazzjoni mill-qrib u regolari bejn l-awtoritajiet kompetenti tagħhom sabiex jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom bil-għan li jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi. L-[OLAF] għandu jikkontribwixxi lejn it-tfassil u l-iżvilupp ta’ metodi tal-ġlieda kontra l-frodi u kull attività oħra illegali li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea.”

9

L-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ir-rapport ta’ l-investigazzjoni u l-azzjoni meħuda wara l-investigazzjonijiet”, ippreveda, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.   Malli titlesta investigazzjoni mwettqa mill-[OLAF], dan ta’ l-aħħar għandu jħejji rapport, taħt l-awtorità tad-Direttur, li jispeċifika l-fatti stabbiliti, it-telf finanzjarju, jekk ikun hemm, u s-sejbiet ta’ l-investigazzjoni, inklużi r-rakkomandazzjonijiet tad-Direttur ta’ l-[OLAF] dwar l-azzjoni li għandha tittieħed.

2.   . Meta jiġu mħejjija dawn ir-rapporti, għandhom jiġu meqjusa r-rekwiżiti proċedurali stabbiliti fil-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru iinvolut Ir-rapporti preparati fuq dik il-bażi għandhom jikkostitwixxu prova ammissibbli fi proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru li fih l-użu tagħhom jirriżulta li huwa meħtieġ, bl-istess mod u taħt l-istess kondizzjonijiet bħar-rapporti amministrattivi mħejjija minn spetturi amministrattivi nazzjonali. Għandhom ikunu soġġetti għall-istess regoli ta’ valutazzjoni bħal dawk applikabbli għar-rapporti amministrattivi mħejjija minn spetturi amministrattivi nazzjonali u huma ta’ valur identiku għal dawk ir-rapporti.

3.   Rapporti magħmula wara investigazzjoni esterna u kull dokument relatat li jkun utli għandhom jintbagħtu lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri in kwistjoni skond ir-regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ investigazzjonijiet esterni.”

10

L-Artikolu 10 tal-istess regolament, dwar il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni mill-OLAF, kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 8, 9 u 11 ta’ dan ir-Regolament u għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 [tal‑11 ta’ Novembru 1986 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 303)], l-[OLAF] jista’ f’kull ħin jibgħat lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri nteressati l-informazzjoni miksuba waqt investigazzjonijiet esterni.”

Id‑Deċiżjonijiet 2000/597/KE, Euratom u 2007/436/KE, Euratom

11

Fir-rigward tal-perijodu kkonċernat mill-fatti li wasslu għall-kawża, żewġ deċiżjonijiet relatati mas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni applikaw suċċessivament, jiġifieri d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE, Euratom tad‑29 ta’ Settembru 2000 dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 200), imbagħad, mill‑1 ta’ Jannar 2007, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas‑7 ta’ Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 2007, L 163, p. 17).

12

Skont l-Artikolu 2(1)(b) tad-Deċiżjoni 2000/597, li l-kontenut tiegħu ġie riprodott, essenzjalment, fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni 2007/436, jikkostitwixxu riżorsi proprji mdaħħla fil-baġit ġenerali tal-Unjoni d-dħul minn, b’mod partikolari, “Tariffi Doganali Komuni u dazji oħra stabbiliti jew li se jkunu stabbiliti mill-istituzzjonijiet tal-[Unjoni] rigward kummerċ ma’ pajjiżi li mhumiex membri”.

13

L-ewwel u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni 2000/597 u l-ewwel u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 8 tad-Deċijoni 2007/436 jipprevedu, b’mod partikolari, minn naħa, li dawn ir-riżorsi proprji tal-Unjoni għandhom jinġabru mill-Istati Membri skont id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi nazzjonali, li, fejn xieraq għandhom jiġu adattati għar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u min-naħa l-oħra, li l-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli għall-Kummissjoni l-imsemmija riżorsi.

Ir‑Regolament Nru 1150/2000

14

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000 tat‑22 ta’ Mejju 2000 li jimplimenta d- Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 169), huwa r-riżultat ta’ żewġ emendi introdotti, matul il-perijodu kkonċernat mill-fatti li wasslu għall-kawża, rispettivament, b’effett mit‑28 ta’ Novembru 2004, bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2028/2004 tas‑16 ta’ Novembru 2004 (ĠU 2006, L 153M, p. 162), u, b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2007, bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 105/2009 tas‑26 ta’ Jannar 2009 (ĠU 2009, L 36, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1150/2000”).

15

L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1150/2000 stabbilixxa, fil-paragrafu 1, li intitolament tal-Unjoni fuq ir-riżorsi proprji “għandhom [għandu] ikunu [jkun] stabbiliti [stabbilit] malli l-kondizzjonijiet li hemm dispożizzjoni dwarhom bir-regolamenti tad-dwana jkunu twettqu rigward id-dħul għall-intitolament fil-kontijiet u n-notifikazzjoni tad-debitur.” Dan l-Artikolu 2 kien jippreċiża, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 tiegħu, li “[…]d-data tat-twaqqif li hemm referenza dwarhom fil-paragrafu 1 għandu tkun id-data tad-dħul fil-kotba tal-kontijiet li hemm dispożizzjoni dwarhom fir-regolament doganali” Fl-aħħar nett, l-imsemmi Artikolu 2 kien jindika, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, li, “[f]’każijiet fejn m’hemmx qbil, l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti għandhom jitqiesu, għall-iskopijiet ttat-twaqqif li hemm referenza dwaru fil-paragrafu 1, ikunu f’qagħa li jikkalkulaw l-ammont ta’ l-intitolament mhux aktar tard minn meta l-ewwel deċiżjoni amministrattiva tkun meħudha li tinnotifika lid-debitur bid-dejn jew meta proċedimenti ġudizzjarji jkunu mressqa meta dan iseħħ l-ewwel”.

16

L-Artikolu 6(1) u (3) ta’ dan ir-regolament ippreveda:

“1.   Kontijiet għar-riżorsi tagħha proprji għandhom jinżammu mit-Teżor ta’ kull Stat Membru jew minn korp maħtur minn kull Stat Membru u maqsum skond it-tipi ta’ riżorsi.

[…]

3.   

(a)

Intitolamenti stabbiliti bi qbil ma’ l-Artikolu 2 għandhom, bla ħsara għall-punt (b) ta’ dan il-paragrafu, jiddaħlu fil-kontijiet [ġeneralment magħrufa bħala l-‘kontabbiltà A’] mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d-19-il jum tat-tieni xhar tax-xahar ta’ wara li matulu l-intitolament ikun stabbilit.

(b)

Intitolamenti stabbiliti li ma jkunux imdaħħla fil-kontijiet msemmija fil-punt (a), għaliex ikunu għadhom ma ġewx irkuprati u l-ebda garanzija ma tkun ġiet ipprovduta għandhom jintwerew f’kontijiet separati [ġeneralment magħrufa bħala l-‘kontabbiltà B’] matul il-perijodu preskritt fil-punt (a). Stati Membri jistgħu jadottaw din il-proċedura meta l-intitolamenti stabbiliti li dwarhom garanzija tkun ġiet ipprovduta jkunu ġew sfidatati u jistgħu, mat-twettieq tal-kwistjonijiet li jkunu qamu, jkunu suġġetti għal tibdil.

[…]”

17

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9(1) tal-imsemmi regolament stabbilixxa:

“Skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 10, kull Stat Membru għandu jikkredita r-riżorsi tiegħu proprji fil-kont miftuħ f’isem il-Kummissjoni mat-Teżor tiegħu jew mal-korp li jkun ħatar.”

18

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1150/2000 kien jistabbilixxi, b’mod partikolari, it-terminu għad-dħul tar-riżorsi proprji bħala kreditu tal-kont imsemmi fl-Artikolu 9 ta’ dan tal-aħħar, filwaqt li l-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament kien jipprevedi li kull dewmien f’dan id-dħul jagħti lok għall-ħlas, mill-Istat Membru kkonċernat, ta’ interessi moratorji.

19

L-Artikolu 17(1) u (2) tal-imsemmi regolament kien jipprevedi:

“1.   Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw li l-ammont korrispondenti ta’ l-intitolament stabbilita permezz ta’ l-Artikolu 2 isir magħmul disponibbli lill-Kummissjoni kif speċifikat f’dan ir-Regolament.

2.   L-Istati Membri għandhom jinħelsu mill-obbligu li jpoġġu għad-disposizzjoni tal-Kummissjoni l-ammonti li jikkorrispondu għal drittijiet stabbiliti li jirriżultaw irrekuperabbli minħabba:

(a)

raġunijiet ta’ force majeure; jew

b)

raġunijiet oħra li ma jistgħux jiġu attribwiti lilhom.

L-ammonti ta’ drittijiet stabbiliti għandhom jiġu dikjarati irrekuperabbli b’deċiżjoni ta’ l-awtorità amministrattiva kompetenti li ssib li ma jistgħux jiġu rkuprati.

L-ammonti ta’ drittijiet stabbiliti għandhom jiġu kkunsidrati bħala irrekuperabbli, sa mhux aktar tard, wara perijodu ta’ ħames snin mid-data li fiha l-ammont ikun ġie stabbilit skond l-Artikolu 2 jew, fil-każ ta’ appell amministrattiv jew ġudizzjarju, id-deċiżjoni finali tkun ġiet mogħtija, notifikata jew pubblikata.

Jekk ikunu ġew riċevuti ħlasijiet jew ħlasijiet parzjali, il-perijodu ta’ ħames snin massimu għandu jibda’ mid-data ta’ l-aħħar ħlas li ġie magħmul, fejn dan ma temmx id-dejn.

L-ammonti dikjarati jew ikkunsidrati bħala irrekuperabbli għandhom jiġu mneħħija b’mod definittiv mill-kontijiet separati msemmija fl-Artikolu 6(3)(b). Għandhom jintwerew f’anness mad-dikjarazzjoni trimestrali msemmija fl-Artikolu 6(4)(b) u, fejn applikabbli, fid-dikjarazzjoni trimestrali msemmija fl-Artikolu 6(5).”

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

20

Il-fatti li wasslu għall-kawża huma ppreżentati fil-punti 1 sa 15 tas-sentenza appellata u jistgħu, sa fejn jikkonċerna l-preżenti appell, jinġabru fil-qosor kif ġej.

21

Bejn it‑2 u s‑26 ta’ Novembru 2007, l-OLAF wettaq missjoni Komunitarja ta’ kooperazzjoni u investigazzjoni amministrattivi fil-Laos, li fiha ħadet sehem rappreżentanta tal-awtoritajiet doganali Ċeki (iktar ’il quddiem il-“missjoni ta’ spezzjoni”). L-investigazzjoni kienet tirrigwarda verifiki li jikkonċernaw l-importazzjoni, f’diversi Stati Membri, ta’ lajters tal-but taż-żnied li jaħdmu bil-gass mhux rikarikabbli (iktar ’il quddiem il-“lajters tal-but”) ġejjin mil-Laos, matul il-perijodu bejn l‑2004 u l‑2007. Dokument intitolat “agreed joint minutes” ġie fformulat fil‑15 ta’ Novembru 2007, li ġie iffirmat mill-membri kollha tal-missjoni kif ukoll mill-awtoritajiet Laosjani kompetenti (iktar ’il quddiem il-“minuti tal‑15 ta’ Novembru 2007”).

22

Fit‑30 ta’ Mejju 2008, wara l-missjoni ta’ spezzjoni, l-OLAF adotta rapport ta’ tmiem il-missjoni (iktar ’il quddiem “ir-rapport tal-OLAF”). Dan ir-rapport intbagħat lir-Repubblika Ċeka, fil-verżjonijiet tiegħu bil-lingwa Ġermaniża, Ingliża, u Franċiża, fid‑9 ta’ Lulju 2008. Ir-rapport finali tal-investigazzjoni ġie adottat mill-OLAF fl‑10 ta’ Diċembru 2008.

23

Mill-konklużjonijiet tar-rapport tal-OLAF jirriżulta li, matul il-perijodu kopert minn dan tal-aħħar, Baide lighter Industry (LAO) Co., Ltd (iktar ’il quddiem il-“BAIDE”) importat lajters tal-but li joriġinaw fiċ-Ċina, iżda ppreżentati lid-dwana bħala ġejjin mil-Laos, u b’hekk evitaw id-dazju antidumping applikabbli għal lajters tal-but ta’ oriġini Ċiniża.

24

Ir-rapport tal-OLAF iddikjara f’dan ir-rigward li “l-provi ta’ oriġini Ċiniża stabbiliti matul il-missjoni ta’ spezzjoni [kienu biżżejjed] sabiex l-Istati Membri jiftħu proċedura amministrattiva għal aġġustament fiskali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skont dan ir-rapport, kien neċessarju “li l-Istati Membri jwettqu awditi ta’ monitoraġġ u, jekk ikun il-każ, investigazzjonijiet fuq l-importaturi kkonċernati u li jiftħu, b’urġenza, proċedura ta’ rkupru, jekk dan mhux diġà sar” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

25

Il-konklużjonijiet tar-rapport tal-OLAF kienu jirrigwardaw b’mod partikolari 28 każ ta’ importazzjoni minn BAIDE ta’ lajters tal-but fir-Repubblika Ċeka magħmula u rrilaxxati għaċ-ċirkulazzjoni libera bejn is‑26 ta’ Settembru 2005 u l‑1 ta’ Marzu 2007 (iktar ’il quddiem “l-importazzjonijiet kontenzjużi”).

26

L-uffiċċji doganali kompetenti Ċeki ħadu passi sabiex iwettqu l-aġġustament u l-irkupru tat-taxxa f’dawn il-każijiet. Madankollu, ma kienx possibbli, fil-każijiet kollha msemmija, li jsir l-aġġustament u li jiġu rkuprati l-intitolamenti kollha kkonstatati.

27

Bejn it‑22 ta’ Settembru 2008 u t‑18 ta’ Frar 2009, is-somom li jikkorrispondu għall-intitolamenti stabbiliti, iżda li għadhom ma ġewx irkuprati, għall-importazzjonijiet kontenzjużi ddaħħlu fil-kontabbiltà B.

28

Imbagħad, bejn Novembru 2013 u Novembru 2014, ir-Repubblika Ċeka, konformement mal-leġiżlazzjoni applikabbli, daħħlet fis-sistema ta’ informazzjoni WOMIS (Write-Off Management and Information System), il-każijiet fejn kien impossibbli li jiġi rkuprat l-ammont tar-riżorsi proprji tal-Unjoni.

29

Barra minn hekk, ir-Repubblika Ċeka talbet lill-Kummissjoni tinħeles mill-obbligu li tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ din tal-aħħar r-riżorsi proprji tal-Unjoni msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

30

Permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Jannar 2015, il-Kummissjoni Ewropea informat lir-Repubblika Ċeka, b’risposta għal din it-talba, li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000 ma kienu ssodisfatti fl-ebda wieħed mill-każijiet inkwistjoni. Hija, konsegwentement, stiednet lill-awtoritajiet Ċeki sabiex jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex il-kont tagħha jiġi kkreditat bl-ammont ta’ CZK 53976340 (madwar EUR 2.1 miljun), mhux iktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d-dsatax-il jum tat-tieni xahar wara x-xahar li fih intbagħtet din l-ittra.

31

Fis‑17 ta’ Marzu 2015, ir-Repubblika Ċeka ħallset 75 % ta’ dan l-ammont imsemmi fil-punt 11 fil-kont tal-Kummissjoni previst għal dan il-għan, wara t-tnaqqis tal-ispejjeż ta’ ġbir li rrappreżentaw 25 % ta’ dan l-ammont, jiġifieri somma ta’ CZK 40482255 (madwar EUR 1.6 miljun). Qabelxejn, permezz ta’ ittra tas‑27 ta’ Frar 2015, ir-Repubblika Ċeka esprimiet xi riżervi, fejn indikat lill-Kummissjoni li dan kien ħlas kundizzjonali, b’riżerva tal-fondatezza tal-pretensjonijiet ta’ din l-awtorità, sabiex tevita li tkun suġġetta għall-ħlas tal-interessi previst fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1150/2000.

Ir‑rikors quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata

32

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑16 ta’ Marzu 2020, ir-Repubblika Ċeka ppreżentat rikors ibbażat fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiż għall-ħlas lura tas-somma ta’ CZK 40482255 (madwar EUR 1.6 miljun) minħabba arrikkiment indebitu tal-Unjoni.

33

Permezz ta’ deċiżjonijiet tas‑16 ta’ Settembru 2020, il-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizzat lir-Renju tal-Belġju u tar-Repubblika tal-Polonja sabiex jintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Ċeka.

34

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet parzjalment it-talbiet tar-Repubblika Ċeka. Din l-aħħar qorti laqgħet ir-rikors sa fejn huwa intiż għall-ħlas lura mill-Kummissjoni tas-somma ta’ CZK 17828 399.66 (madwar EUR 700000) imħallsa bħala riżorsi proprji tal-Unjoni (il-punt 1 tad-dispożittiv) u caħdet dan ir-rikors għall-kumplament (il-punt 2 tad-dispożittiv).

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja u t‑talbiet tal‑partijiet

35

Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tannulla l-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata;

–

tiċħad ir-rikors tar-Repubblika Ċeka fil-Kawża T‑151/20 jew, sussidjarjament, jekk ikun il-każ, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fuq il-partijiet tal-motivi li għadhom ma ġewx eżaminati, u

–

fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi l-kawża b’mod definittiv, tikkundanna lir-Repubblika Ċeka għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni fl-ewwel istanza u fl-appell jew, fil-każ li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, tirriżerva d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż.

36

Ir-Repubblika Ċeka titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tiċħad l-appell bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat, u

–

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

37

Ir-Renju tal-Belġju u r-Repubblika tal-Polonja jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

38

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Jannar 2023, ir-Renju tal-Pajjiżi Baxxi talab li jintervjeni fil-kuntest ta’ dan l-appell insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Portugiża. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Frar 2023, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ din it-talba. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma ppreżentax nota ta’ intervent.

Fuq it‑talba għal ftuħ mill‑ġdid tal‑fażi orali tal‑proċedura

39

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Marzu 2024, ir-Repubblika Ċeka talbet li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

40

Insostenn ta’ din it-talba, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali huma bbażati, fir-rigward tal-evalwazzjoni tat-tieni aggravju, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-fatti. Fil-fatt hija qieset, fil-punt 133 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li dan l-Istat Membru la kien ħa pożizzjoni proattiva u lanqas ma kien talab l-informazzjoni neċessarja mingħand l-OLAF u, fil-punti 138 u 143 tal-imsemmija konklużjonijiet, li kien illimita ruħu li jistenna b’mod passiv li l-OLAF jikkomonikalu informazzjoni. Issa, dawn l-affermazzjonijiet ma humiex sostnuti mill-fatti kkonstatati mill-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari fil-punti 99 sa 103, 122 u 124 tas-sentenza appellata. Għalhekk huwa neċessarju li jiġu ċċarati dawn l-aspetti differenti.

41

F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma ġiex dibattut bejn il-partijiet.

42

Barra minn hekk, għandu jitfakkar ukoll li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura ma jipprevedux il-possibbiltà għall-partijiet li jippreżentaw osservazzjonijiet bi tweġiba għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali. Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu jippreżenta pubblikament bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta b’dawn il-konklużjonijiet u lanqas bil-motivazzjoni li abbażi tagħha jasal għalihom l-Avukat Ġenerali. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ikunu liema jkunu l-mistoqsijiet li jkun qed jeżamina hawn, ma jistax fih innifsu jikkostitwixxi bażi li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑13 ta’ Lulju 2023, Grupa Azoty et vs Il‑Kummissjoni, C‑73/22 P u C‑77/22 P, EU:C:2023:570, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑8 ta’ Frar 2024, Pilatus Bank vs BĊE, C‑256/22 P, EU:C:2024:125, punti 29 u 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43

Issa, mill-motivi mressqa insostenn tat-talba tagħha għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura jirriżulta li r-Repubblika Ċeka trid tirrispondi biss għal ċerti evalwazzjonijiet fattwali magħmula mill-Avukata Ġenerali fil-konklużjonijiet tagħha, li ma jikkostitwixxix raġuni għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

44

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

Fuq l‑appell

45

Il-Kummissjoni tqajjem żewġ aggravji.

46

Ir-Repubblika Ċeka tikkontesta, preliminarjament, l-ammissibbiltà ta’ kull wieħed minn dawn l-aggravji u, għaldaqstant, tal-appell fl-intier tiegħu.

47

F’dan ir-rigward, għandha tiġi eżaminata l-kontestazzjoni tal-ammissibbiltà fil-kuntest tal-eżami ta’ kull wieħed minn dawn l-aggravji.

Fuq l‑ewwel aggravju

L‑argumenti tal‑partijiet

48

Permezz tal-ewwel aggravju mqajjem insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, fil-punti 85 sa 93 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) u tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000. Dan l-aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet.

49

Permezz tal-ewwel parti tal-imsemmi aggravju, il-Kummissjoni tallega li, fil-punti 88, 90 u 93 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1150/2000.

50

F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li, fir-rigward tad-dazji doganali, kull Stat Membru, li huwa responsabbli għall-ġestjoni tas-sistema tar-riżorsi proprji, huwa obbligat li jwettaq, fuq inizjattiva tiegħu stess u fit-termini previsti mid-dritt tal-Unjoni, tliet tranżazzjonijiet suċċessivi, jiġifieri l-konstatazzjoni tal-intitolamenti, id-dħul tagħhom fil-kontabbiltà A jew B u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tagħhom, previsti rispettivament fl-Artikoli 2, 6 u 10 tar-Regolament Nru 1150/2000. Dawn l-operazzjonijiet huma marbuta mill-qrib mal-punt li n-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli jew tat-termini applikabbli għal waħda minnhom inevitabbilment ikollu effett fuq l-operazzjonijiet tal-output.

51

L-Artikolu 17(2) ta’ dan ir-regolament jipprevedi eżenzjoni mill-obbligu li jsir dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-intitolamenti. Kif irrilevat korrettament il-Qorti Ġenerali fil-punt 84 tas-sentenza appellata, tali eżenzjoni tippreżupponi, minbarra l-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni, id-dħul regolari tal-intitolamenti fil-kontabbiltà B.

52

Issa, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, skont il-punt 69 tas-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑334/08, EU:C:2010:414), ir-regolarità tad-dħul issir “b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni”. Dan ir-rekwiżit ikopri mhux biss l-osservanza tat-termini ta’ dħul tal-intitolamenti fil-kontabbiltà A jew B, iżda wkoll il-konstatazzjoni tal-intitolamenti hekk kif jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni doganali.

53

Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punt 90 tas-sentenza appellata, id-dħul tal-intitolamenti inkwistjoni fil-kontabbiltà B f’terminu kkalkolat mid-data tardiva, li fiha dawn l-intitolamenti ġew effettivament ikkonstatati, ma jistax ikun regolari. F’dan ir-rigward, il-fatt li, skont il-Qorti Ġenerali, id-dħul fil-kontabbiltà B hija “operazzjoni purament kontabbli” ma huwiex rilevanti.

54

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli, fil-punti 85 sa 88 u 93 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000.

55

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tenfasizza li din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli fil-każ ta’ dħul irregolari fil-kontabbiltà B. Issa, dħul ikun irregolari meta, bħal dan il-każ, kif tixtieq turi l-Kummissjoni fil-kuntest tat-tieni aggravju, l-intitolamenti jkunu ġew ikkonstatati tardivament skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament.

56

It-tieni nett, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li, fil-każ ta’ inapplikabbiltà tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000, l-Istat Membru għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Unjoni l-ammont li jikkorrispondi għall-intiolamenti kkonstatati tardivament. Il-ftaqir ta’ dan l-Istat Membru, l-istess bħall-arrikkiment korrelattiv tal-Unjoni, huma għalhekk iġġustifikati mill-obbligu ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-intitolamenti disponbbli.

57

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali allegatament wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet, bħala ineffettiv, fil-punti 85 sa 88 tas-sentenza appellata, l-argument imqajjem mill-Kummissjoni u meta llimitat l-analiżi tagħha, fil-punt 87 ta’ din is-sentenza, biss għall-osservanza tat-termini previsti fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1150/2000. Minn dan isegwi wkoll li, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punt 88 tal-imsemmija sentenza, huwa l-Istat Membru li għandu jistabbilixxi li l-operazzjonijiet kollha relatati mar-riżorsi proprji twettqu b’osservanza tar-regoli rilevanti, tat-termini u tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

58

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali tista’ twassal għal konsegwenzi dannużi għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

59

Ir-Repubblika Ċeka tirribatti li l-ewwel aggravju huwa inammissibbli minħabba li ma josservax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, l-istruttura u l-kontenut tal-argumenti mqajma insostenn ta’ dan l-aggravju ma jikkorrispondux mad-delimitazzjoni tal-imsemmi aggravju kif imwettqa mill-Kummissjoni.

60

B’mod iktar speċifiku, hija ressqet argumenti nieqsa minn kull rabta mal-kontestazzjoni tal-klassifikazzjoni tad-dħul tal-intitolamenti inkwistjoni fil-kontabbiltà B bħala “operazzjoni purament kontabbli” u kkontradixxiet lilha nnifisha fir-rigward tar-rilevanza ta’ din il-klassifikazzjoni. Hija naqset milli tinvoka argumenti konkreti insostenn ta’ din il-kontestazzjoni u tal-allegazzjoni li r-Repubblika Ċeka kellha turi n-natura perfetta tal-proċess kollu ta’ konstatazzjoni, ta’ rkupru u ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-intitolamenti fuq ir-riżorsi proprji. It-titoli taż-żewġ partijiet ta’ dan l-aggravju ma jikkorrispondux għas-sustanza tagħhom. L-uniċi argumenti fil-mertu mressqa ma jikkonċernawx l-osservanza tat-terminu għad-dħul tal-intitolamenti fil-kontabbiltà B, iżda l-konstatazzjoni tagħhom fi żmien xieraq u l-konsegwenzi ta’ konstatazzjoni tardiva, li ma taqax taħt il-punti 85 sa 93 tas-sentenza appellata u barra minn hekk hija s-suġġett tat-tieni aggravju. Barra minn hekk, mill-ewwel aggravju ma jirriżultax b’mod ċar jekk il-Kummissjoni tipprevedix dħul tardiv tal-intitolamenti fil-kontabbiltà B jew jekk hija tqisx li dawn l-intitolamenti ma jistgħux jiddaħħlu f’din il-kontabbiltà f’każ ta’ irregolarità.

61

Fi kwalunkwe każ, l-ewwel aggravju huwa wkoll infondat.

62

F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Ċeka ssostni, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1150/2000 jipprevedi espressament li t-terminu għad-dħul tal-intitolamenti fil-konpattibbiltà B huwa kkalkolat mill-mument li fih “l-intitolament ikun stabbilit” u, għalhekk, mill-mument tal-konstatazzjoni effettiva ta’ dan id-dritt. La l-formulazzjoni u lanqas l-iskop tal-Artikolu 17(2) ta’ dan ir-regolament ma jipprekludu l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fil-każ ta’ dħul tardiv ta’ dawn l-intitolamenti fil-kontabbiltà B. L-interpretazzjoni ssuġġerita mill-Kummissjoni tikkontradixxi l-iskop ta’ din id-dispożizzjoni, peress li hija ta’ natura li ċċaħħad lil Stat Membru mill-eżenzjoni mill-obbligu li jqiegħed għad-dispożizzjoni riżorsi proprji, minkejja li huwa impossibbli għalih li jirkupra l-intitolamenti għal raġunijiet ta’ forza maġġuri jew għal raġunijiet li ma humiex imputabbli lilu. Id-dħul fil-kontabbiltà B hija fil-fatt operazzjoni purament ta’ kontabbiltà.

63

Fit-tieni lok, ir-Repubblika Ċeka ssostni li, fis-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑334/08, EU:C:2010:414), il-Qorti tal-Ġustizzja tat deċiżjoni dwar il-kundizzjonijiet materjali tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000 f’kuntest partikolari kkaratterizzat minn aġir frawdolenti imputabbli lill-Istat Membru kkonċernat. Fid-dawl ta’ dan il-kuntest, il-Kummissjoni ma tistax tiddeduċi minn din is-sentenza li d-dħul tal-intitolamenti inkwistjoni fil-kontabbiltà B, fi żmien xieraq u f’terminu kkalkolat mid-data li fiha dawn l-intitolamenti kellhom jiġu kkonstatati, huwa prerekwiżit għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja la eżaminat il-kalkolu tat-terminu għad-dħul tal-intitolamenti fil-kontabbiltà B u lanqas ma ttrattat il-konsegwenzi ta’ dħul tardiv.

64

Fit-tielet lok, ir-Repubblika Ċeka ssostni li s-sentenza appellata ma tipproduċix konsegwenzi dannużi għall-baġit tal-Unjoni.

65

Fir-raba’ lok, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-argument tal-Kummissjoni, li Stat Membru għandu juri, fil-kuntest ta’ azzjoni ta’ rkupru tal-ammonti mħallsa indebitament, li l-proċedura doganali kollha osservat ir-regoli, korrettament, fi żmien xieraq u b’osservanza tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, ma għandu ebda rabta mas-sustanza tal-ewwel motiv.

66

Ir-Renju tal-Belġju u r-Repubblika tal-Polonja jitolbu wkoll li l-ewwel aggravju jiġi miċħud bħala infondat.

67

Ir-Renju tal-Belġju josserva li t-terminu għad-dħul ta’ dejn fil-kontabbiltà B jibda jiddekorri, konformement mal-Artikolu 6(3)(b) tar-Regolament Nru 1150/2000, mid-data tal-konstatazzjoni ta’ dan id-dejn. Għaldaqstant, jista’ jkun hemm dħul tardiv fil-kontabbiltà B biss f’każ ta’ konstatazzjoni tardiva tad-dejn ikkonċernat. Issa, f’dan il-każ, mill-punt 92 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-konstatazzjoni tal-intitolamenti inkwistjoni ma kinitx tardiva.

68

Barra minn hekk, dħul tardiv ma jeskludix awtomatikament il-possibbiltà li jiġi invokat l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000. Fil-fatt, il-punt 69 tas-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑334/08, EU:C:2010:414), għandu jinqara fil-kuntest tal-kawża li tat lok għal din is-sentenza, fis-sens li jirrigwarda biss is-sitwazzjoni li fiha dejn ikkonstatat jiddaħħal fil-kontabbiltà B minkejja li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet sostantivi sabiex isir dan.

69

Ir-Repubblika tal-Polonja taqbel, essenzjalment, ma’ dan l-aħħar argument dwar il-portata ta’ dan il-punt 69 tas-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑334/08, EU:C:2010:414).

70

Hija żżid li t-terminu għall-konstatazzjoni tad-dazji doganali ma huwiex ibbażat fuq kriterju oġġettiv u preċiż, fid-dawl tal-espressjoni, vaga u suġġettiva, “ikunu f’qagħa li jikkalkulaw”, li tinsab fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1150/2000. Fil-prattika, il-Kummissjoni tiddetermina b’mod arbitrarju l-mument li fih l-awtoritajiet doganali nazzjonali jitqiesu li jistgħu jikkalkolaw u, għaldaqstant, jikkonstataw id-dazji doganali. Sabiex tiġi evitata l-arbitrarjetà, it-terminu previst fl-Artikolu 6(3) ta’ dan ir-regolament għandu jiġi kkalkolat mid-data li fiha d-dazji doganali jiġu effettivament ikkonstatati.

71

Fl-aħħar nett, l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni huwa irrilevanti, peress li t-tilwim dwar ir-riżorsi proprji tradizzjonali jirrappreżentaw biss proporzjon żgħir tal-kawżi kollha li jikkonċernaw il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri fir-rigward ta’ dawn ir-riżorsi u għalhekk ma jistgħux jikkontestaw is-sistema ta’ finanzjament tal-Unjoni. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li kull tqegħid għad-dispożizzjoni tardiv tar-riżorsi proprji jesponi lill-Istat Membru kkonċernat għall-obbligu li jħallas l-interessi moratorji, konformement mal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1150/2000.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

– Fuq l‑ammissibbiltà

72

Skont l-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-aggravji u l-argumenti ta’ dritt invokati għandhom jidentifikaw bi preċiżjoni l-punti tar-raġunijiet tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li jkunu qed jiġu kkontestati. B’hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza li tagħha qed jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba taħt piena ta’ inammissibbiltà tal-appell jew tal-aggravju kkonċernat (sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2018, Agria Polska et vs Il‑Kummissjoni, C‑373/17 P, EU:C:2018:756, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑28 ta’ April 2022, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kummissjoni, C‑666/19 P, EU:C:2022:323, punt 186).).

73

F’dan ir-rigward, aggravju li l-argument tiegħu ma huwiex suffiċjentement ċar u preċiż sabiex jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità, b’mod partikolari għaliex l-elementi essenzjali li fuqhom huwa bbażat dan l-aggravju ma jirriżultawx b’mod suffiċjentement koerenti u li jinftiehem mit-test ta’ dan l-appell, li huwa fformulat b’mod oskur u ambigwu f’dan ir-rigward, ma jissodisfax ir-rekwiżiti mfakkra fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza u għandu jiġi ddikjarat inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑28 ta’ April 2022, Changmao Biochemical Engineering vs Il-Kummissjoni, C‑666/19 P, EU:C:2022:323, punt 187).

74

F’dan il-każ, fir-rikors tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tidentifika b’mod preċiż u inekwivoku l-punti tas-sentenza appellata li hija tikkontesta permezz tal-ewwel aggravju u tesponi r-raġunijiet li għalihom hija tqis li l-evalwazzjonijiet li jinsabu f’dawn il-punti huma vvizzjati bi żbalji ta’ liġi li hija tesponi b’mod ċar ukoll.

75

Barra minn hekk, mis-sottomissjonijiet bil-miktub tar-Repubblika Ċeka jirriżulta li din kienet f’pożizzjoni li tifhem il-portata ta’ dan l-ewwel aggravju mqajjem mill-Kummissjoni u li tippreżenta l-argumenti tad-difiża tagħha.

76

Konsegwentement, l-ewwel aggravju huwa ammissibbli.

– Fuq il‑mertu

77

Permezz taż-żewġ partijiet tal-ewwel aggravju mqajjem insostenn tal-appell tagħha, li huma marbuta mill-qrib u għandhom għalhekk jiġu eżaminati flimkien, il-Kummissjoni tikkontesta l-punti 85 sa 93 tas-sentenza appellata.

78

F’dawn il-punti, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-Kummissjoni li, essenzjalment, ir-Repubblika Ċeka ma setgħetx, f’dan il-każ, tibbenefika mill-eżenzjoni, prevista fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000, mill-obbligu li tqiegħed ir-riżorsi proprji għad-dispożizzjoni għar-raġuni li, minħabba l-konstatazzjoni tardiva tal-intitolamenti inkwistjoni skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, dawn l-intitolamenti ma kinux iddaħħlu b’mod regolari fil-kontabbiltà B skont l-Artikolu 6(3) tal-imsemmi regolament.

79

Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa bbażat, f’dan ir-rigward, fuq żewġ motivi li l-Kummissjoni, permezz ta’ dan l-aggravju, tikkontesta l-fondatezzza tiegħu.

80

Minn naħa, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 86 sa 88 tas-sentenza appellata, li l-argument ta’ din l-istituzzjoni kien ineffettiv. F’dan ir-rigward irrilevat li, fil-kuntest ta’ azzjoni bbażata fuq l-arrikkiment indebitu tal-Unjoni, “Ir-Repubblika Ċeka għalhekk ma tistax tiġi obbligata […] li tistabbilixxi […] li ‘l-proċess kollu matul il-proċedura doganali, l-irkupru tad-dejn u l-operazzjonijiet relatati mar-riżorsi proprji twettaq skont ir-regoli kollha, b’mod korrett, fil-ħin u fl-osservanza tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni’”. Skont il-Qorti Ġenerali, fil-fatt, it-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji ma huwiex iġġustifikat mill-obbligu li jiġu osservati t-termini previsti fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1150/2000, li l-ksur tagħhom ma jwassal għal ebda ħlas, lanqas għal dak tal-interessi moratorji.

81

Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 89 sa 92 ta’ din is-sentenza, li, fi kwalunkwe każ, skont l-Artikolu 6(3)(b) tar-Regolament Nru 1150/2000, it-termini għad-dħul tal-intitolamenti fil-kontabbiltà B ma għandhomx jiġu kkalkolati mid-data li fiha l-intitolamenti inkwistjoni kellhom jiġu kkonstatati, skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, iżda mid-data li fiha dawn l-intitolamenti ġew effettivament ikkonstatati. Issa, din il-kundizzjoni hija ssodisfatta f’dan il-każ.

82

Sabiex tiġi evalwata l-fondatezza ta’ dawn il-motivi fid-dawl tal-argumenti tal-partijiet, għandhom jitfakkru, fl-ewwel lok, ir-regoli tal-prova applikabbli għal azzjoni bbażata fuq l-arrikkiment indebitu tal-Unjoni.

83

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali azzjoni, li ssir abbażi tal-Artikolu 268 TFUE u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 340 TFUE, teżiġi l-prova ta’ arrikkiment mingħajr bażi legali valida kif ukoll dik ta’ telf tar-rikorrent marbut ma’ dan l-arrikkiment (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 tas-16 ta’ Diċembru 2008, Masdar (UK) vs Il‑Kummissjoni, C‑47/07 P, EU:C:2008:726, punt 49, u tad‑9 ta’ Lulju 2020, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni (C‑575/18 P, EU:C:2020:530, punt 82).

84

Fil-kuntest tal-eżami ta’ azzjoni ta’ din-natura, imressqa minn Stat Membru li qiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni ammont ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni filwaqt li fformula riżervi fir-rigward tal-fondatezza tal-pożizzjoni ta’ din l-istituzzjoni, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa, b’mod partikolari, jekk it-telf tal-Istat Membru rikorrent, li jikkorrispondi għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni ta’ dan l-ammont, u l-arrikkiment korrelattiv ta’ din l-istituzzjoni, humiex iġġustifikati mill-obbligi imposti fuq l-imsemmi Stat Membru skont id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tar-riżorsi proprji tal-Unjoni jew humiex, għall-kuntrarju, neqsin minn tali ġustifikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni (C‑575/18 P, EU:C:2020:530, punt 83).

85

F’dan il-kuntest, huwa l-Istat Membru rikjedenti li għandu juri li ma huwiex obbligat, skont ir-regoli tal-Unjoni li jirregolaw is-sistema tar-riżorsi proprji, li jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-ammont ta’ riżorsi proprji li huma s-suġġett tat-tilwima u li kkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu f’dan ir-rigward.

86

Kuntrarjament għal dak li r-Repubblika Ċeka tat x’tifhem meta kkritikat lill-Kummissjoni li bidlet il-pożizzjoni tagħha diversi drabi bejn l-istadji prekontenzjużi u kontenzjużi ta’ din il-kawża, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta wkoll li l-għan tal-azzjoni bbażata fuq arrikkiment indebitu tal-Unjoni imressqa fil-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 84 ta’ din is-sentenza ma jistax jiġi limitat għas-sempliċi konfutazzjoni tal-pożizzjoni meħuda mill-Kummissjoni qabel il-preżentata ta’ rikors. Din l-istituzzjoni tista’, fil-kwalità tagħha ta’ konvenuta, tressaq argumenti ġodda intiżi sabiex jikkontestaw il-pożizzjoni tal-Istat Membru rikjedenti.

87

Fit-tieni lok, għandhom jitfakkru l-karatteristiċi tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni, kif ġew miġbura fil-qosor mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha.

88

F’dan ir-rigward, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, il-ġestjoni ta’ din is-sistema fdata lill-Istati Membri u taqa’ taħt ir-responsabbiltà esklużiva ta’ dawn tal-aħħar (sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2020, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni, C‑575/18 P, EU:C:2020:530, punt 62, u tat‑8 ta’ Marzu 2022, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (Ġlieda kontra l-frodi tas-sottovalutazzjoni) (C‑213/19, EU:C:2022:167, punt 345).

89

B’hekk, mill-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjonijiet 2000/597 u 2007/436 jirriżulta li r-riżorsi proprji tal-Unjoni msemmija, rispettivament, fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Deċiżjoni 2000/597 u fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni 2007/436 huma miġbura mill-Istati Membri u li huma għandhom l-obbligu li jqiegħdu dawn ir-riżorsi għad-disponibbiltà tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑334/08, EU:C:2010:414, punt 34; kif ukoll tat‑8 ta’ Marzu 2022, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (Ġlieda kontra l-frodi tas-sottovalutazzjoni), C‑213/19, EU:C:2022:167, punt 340 u l-ġurisprudenza ċċitata).

90

Għal dan il-għan, l-Istati Membri huma obbligati, bis-saħħa tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1150/2000, jikkonstataw intitolament tal-Unjoni fuq ir-riżorsi proprji hekk kif jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fil-leġiżlazzjoni doganali “rigward id-dħul għall-intitolament fil-kontijiet u n-notifikazzjoni tad-debitur”. Konsegwentement, l-Istati Membri huma obbligati li jdaħħlu l-intitolamenti kkonstatati skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament fil-kontabbiltà tar-riżorsi proprji tal-Unjoni taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, bis-saħħa tal-Artikolu 6(3)b) tal-istess regolament, intitolament ikkonstatat li jkun għadu ma ġiex irkuprat u li għalih ma tkun ġiet ipprovduta ebda garanzija jiddaħħal f’kont separat, jiġifieri l-“kontabbiltà B” (ara, pereżempju, is-sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2020, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni, C‑575/18 P, EU:C:2020:530, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑8 ta’ Marzu 2022, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (Ġlieda kontra l-Frodi tas-Sottovalutazzjoni) (C‑213/19, EU:C:2022:167, punti 341).

91

L-Istati Membri għandhom imbagħad iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni r-riżorsi proprji tal-Unjoni taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 9 sa 11 tar-Regolament Nru 1150/2000, billi jdaħħluhom, fit-termini stabbiliti, fil-kreditu tal-kont miftuħ għal dan il-għan f’isem din l-istituzzjoni. Skont l-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-regolament, kull dewmien fid-dħul f’dan il-kont jagħti lok għall-ħlas, mill-Istat Membru kkonċernat, ta’ interessi moratorji (sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni, C‑575/18 P, EU:C:2020:530, punt 58, kif ukoll tat‑8 ta’ Marzu 2022, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (Ġlieda kontra l-Frodi tas-Sottovalutazzjoni), (C‑213/19, EU:C:2022:167, punt 342).

92

Barra minn hekk, bis-saħħa tal-Artikolu 17(1) u (2) tar-Regolament Nru 1150/2000, l-Istati Membri huma obbligati jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li l-ammonti li jikkorrispondu għall-intitolamenti kkonstatati skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament ikunu disponibbli għall-Kummissjoni. L-Istati Membri huma eżenti minn dan biss jekk l-irkupru ma jkunx jista’ jitwettaq għal raġunijiet ta’ forza maġġuri jew fejn jiġri li jkun definittivament impossibbli li jsir irkupru għal raġunijiet li ma jistgħux jiġu attribwiti lilhom. L-ammonti ddikjarati jew meqjusa irrekuperabbli huma definittivament irtirati mill-kontabbiltà separata msemmija fl-Artikolu 6(3)(b) tal-isemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni, C‑575/18 P, EU:C:2020:530, punt 60).

93

Huwa bil-benefiċċju ta’ dawn ir-riferimenti li għandha tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ dan il-motiv.

94

Għal dan l-għan, għandu, fl-ewwel lok, jiġi ddeterminat il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għad-dħul tal-intitolamenti fil-kontabbiltà B, skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1150/2000.

95

Din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-“[i]ntitolamenti stabbiliti bi qbil ma’ l-Artikolu 2” ta’ dan ir-regolament għandhom jiddaħħlu fil-kontijiet tar-riżorsi proprji “mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d-19-il jum tat-tieni xhar tax-xahar ta’ wara li matulu l-intitolament ikun stabbilit”, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li dan it-terminu japplika għad-dħul tal-intitolamenti kemm fil-kontabbiltà A kif ukoll fil-kontabbiltà B.

96

Qabelxejn, kif tallega b’mod partikolari r-Repubblika Ċeka, l-użu tal-passat jista’, ċertament, jinftiehem fis-sens li t-terminu msemmi fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1150/2000 jibda jiddekorri mid-data li fiha l-intitolamenti ġew effettivament ikkonstatati, inkluż fil-każ ta’ konstatazzjoni tardiva, u dan indipendentement mid-data li fiha dawn l-intitolamenti kellhom jiġu kkonstatati.

97

Madankollu, billi jipprevedi li għandhom jiddaħħlu fil-kontijiet tar-riżorsi proprji “[i]ntitolamenti stabbiliti bi qbil ma’ l-Artikolu 2[tar-Regolament Nru 1150/2000]”, il-kliem tal-Artikolu 6(3) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi rabta indissoċjabbli bejn id-dħul f’din il-kontabbiltà u l-konstatazzjoni minn qabel tal-intitolamenti, rabta li barra minn hekk ġiet irrikonoxxuta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑20 ta’ Marzu 1986, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, 303/84, EU:C:1986:140, punt 11, u tad‑9 ta’ Lulju 2020, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni (C‑575/18 P, EU:C:2020:530, punt 59).

98

It-terminu għad-dħul tal-intitolamenti kkonstatati fil-kontabbiltà tar-riżorsi proprji għandu għalhekk jiġi evalwat fid-dawl tal-obbligu ta’ konstatazzjoni tal-intitolamenti previst fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1150/2000. Id-dħul tal-intitolamenti fil-kontabbiltà tippreżumi, għaldaqstant, il-konstatazzjoni tagħhom konformi ma’ dan l-Artikolu 2, li għandha ssir fi żmien xieraq (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi, C‑312/04, EU:C:2006:643, punti 58 sa 62), jiġifieri meta jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni doganali fir-rigward tad-dħul fil-kontijiet tal-ammont tal-intitolament u l-komunikazzjoni tiegħu lill-persuna responsabbli għall-ħlas tiegħu.

99

B’hekk, peress li din l-aħħar dispożizzjoni tistabbilixxi, b’mod astratt u oġġettiv, il-kundizzjonijiet li fihom jitnissel l-obbligu li jiġi kkonstatat intitolament tal-Unjoni fuq ir-riżorsi proprji, ma jistax jiġi allegat, kif tagħmel ir-Repubblika tal-Polonja, li l-mument li fih għandhom jiġu kkonstatati l-intitolamenti huwa ddeterminat b’mod arbitrarju mill-Kummissjoni.

100

Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 90 tas-sentenza appellata, l-osservanza tat-terminu li fih l-intitolamenti għandhom jiddaħħlu fil-kontabbiltà tar-riżorsi proprji skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1150/2000 għandha tiġi evalwata mid-data li fiha l-intitolamenti għandhom jew kellhom jiġu kkonstatati skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament.

101

Din il-konklużjoni hija kkorroborata mir-responsabbiltà li għandhom l-Istati Membri fil-ġestjoni tas-sistema tar-riżorsi proprji li teħtieġ, kif essenzjalment rrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 94 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-obbligi ta’ dawn l-Istati Membri fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-intitolamenti, dwar id-dħul tagħhom fil-kontabbiltà tar-riżorsi proprji u dwar it-tqegħid tagħhom għad-dispożizzjoni tagħhom għandhom jiġu interpretati b’mod strett.

102

Dan huwa iktar u iktar neċessarju peress li l-interpretazzjoni kuntrarja tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1150/2000 tippermetti lill-Istati Membri jdewmu indebitament il-konstatazzjoni tal-intitolamenti u, sussegwentement, id-dħul tagħhom fil-kontabbiltà tar-riżorsi proprji u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tagħhom, bir-riskju li b’hekk jiġu ffavoriti ċ-ċirkustanzi li jwasslu għall-impossibbiltà li jiġu rkuprati.

103

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-possibbiltà, għall-Istati Membri, li jiġu eżentati mill-obbligu tagħhom li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-ammonti li jikkorrispondu għall-intitolamenti kkonstatati skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000 teżiġi mhux biss l-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni, iżda wkoll li l-imsemmija intitolamenti jkunu ddaħħlu b’mod regolari fil-kontabbiltà B, fi kliem ieħor li d-dħul tkun twettqet b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑334/08, EU:C:2010:414, punti 65 u 69).

104

Għalkemm huwa minnu li, kif sostnew l-Istati Membri kollha li pparteċipaw f’din l-istanza, il-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑334/08, EU:C:2010:414), kienet tirrigwarda kuntest fattwali distint minn dak ta’ din il-kawża, xorta jibqa’ l-fatt li xejn f’din is-sentenza ma jagħti x’jifhem li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-intenzjoni tillimita l-portata tar-rekwiżit ta’ dħul regolari fil-kontabbiltà B għas-sempliċi kuntest fattwali mressaq quddiemha.

105

Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 103 ta’ din is-sentenza u fid-dawl ukoll tal-motivi stabbiliti fil-punti 101 u 102 tagħha, għandu jitqies, bħall-Kummissjoni, li Stat Membru ma jistax jinħeles mill-obbligu li jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-ammonti li jikkorrispondu għal intitolamenti li ma ddaħħlux b’mod regolari fil-kontabbiltà B fl-osservanza tat-terminu previst fl-Artikolu 6(3)(b) tar-Regolament Nru 1150/2000, moqri flimkien mal-Artikolu 2 tiegħu, minħabba konstatazzjoni tardiva ta’ dawn l-intitolamenti.

106

Konsegwentement, meta, fl-okkażjoni ta’ azzjoni bbażata fuq l-arrikkiment indebitu fil-kundizzjonijiet iddefiniti fil-punti 83 sa 85 ta’ din is-sentenza, Stat Membru jinvoka l-eżenzjoni mill-obbligu li jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni r-riżorsi proprji previst fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000, dan l-Istat Membru għandu juri r-regolarità tal-proċess ta’ konstatazzjoni tal-intitolamenti inkwistjoni u ta’ dħul ta’ dawn l-intitolamenti fil-kontabbiltà B, inkluż l-osservanza tat-termini rilevanti. Fl-assenza ta’ tali prova, l-imsemmi Stat Membru ma jistax jibbenefika minn din l-eżenzjoni u għandu, għaldaqstant, jagħmel disponibbli r-riżorsi proprji. Għaldaqstant, dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni ma jistax jikkostitwixxi arrikkiment mingħajr bażi legali valida tal-Unjoni.

107

Minn dan isegwi li, fil-punti 87 u 88 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat iddeċidiet li ma hijiex ir-Repubblika Ċeka li għandha tistabbilixxi r-regolarità tat-tranżazzjonijiet relatati mar-riżorsi proprji.

108

Fid-dawl tal-motivi preċedenti, l-ewwel aggravju għandu jintlaqa’ fiż-żewġ partijiet tiegħu.

Fuq it‑tieni aggravju

L‑argumenti tal‑partijiet

109

Permezz tat-tieni aggravju mqajjem insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, fil-punti 94 sa 126 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1) u tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1150/2000, moqri flimkien mal-Artikolu 217(1) tal-Kodiċi Doganali u tal-Artikolu 325 TFUE. Fil-fatt, huwa allegatament b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’mod żbaljat, li r-Repubblika Ċeka setgħet tistenna l-komunikazzjoni uffiċjali, mill-OLAF, tal-provi miġbura matul il-missjoni ta’ spezzjoni, minkejja li r-rappreżentanta tal-amministrazzjoni doganali Ċeka kellha d-dritt li titlob u tirċievi mingħand l-OLAF il-provi miġbura mar-ritorn tagħha mill-missjoni tagħha. Skont il-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka kienet obbligata, għall-kuntrarju, titlob lill-OLAF, minn dan ir-ritorn, il-provi miġbura matul din il-missjoni, li kien jippermettilha tikkonstata l-intitolament tal-Unjoni dwar ir-riżorsi proprji fil-jiem ta’ wara l-imsemmi ritorn.

110

Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tibbaża argument fuq id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 2(1) u tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1150/2000 kif ukoll tal-Artikolu 217(1) tal-Kodiċi Doganali.

111

Hija tallega li huma l-Istati Membri li għandhom jieħdu, mill-iktar fis possibbli, il-miżuri kollha neċessarji sabiex jiggarantixxu l-ġbir effettiv u sħiħ tad-dazji doganali. Il-konstatazzjoni tal-intitolament tal-Unjoni fuq ir-riżorsi proprji għandha ssir, konformement mal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1150/2000, “hekk kif jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet previsti fir-regolamenti doganali fir-rigward tad-dħul tal-intitolament fil-kontijiet u n-notifika tad-debitur.” Fid-dawl tal-Artikolu 217(1) tal-Kodiċi Doganali, l-awtoritajiet doganali għandhom għalhekk jikkonstataw d-dazji li jirriżultaw minn dejn doganali malli jkollhom id-dettalji neċessarji għal dan l-għan u jkunu f’pożizzjoni li jikkalkolaw l-ammont ta’ dawn id-dazji kif ukoll li jiddeterminaw id-debitur tagħhom. Peress li l-Istati Membri huma responsabbli għall-istabbiliment tad-dejn doganali u għall-istabbiliment tal-intitolamenti għar-riżorsi proprji, huma għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji, skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1150/2000, sabiex l-ammonti li jikkorrispondu għall-intitolamenti stabbiliti skont l-Artikolu 2 tiegħu jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni taħt il-kundizzjonijiet previsti minn dan ir-regolament.

112

Il-Kummissjoni tammetti li, sabiex ikun jista’ jistabbilixxi d-dejn doganali, Stat Membru jista’ jikkoopera mal-OLAF, filwaqt li jenfasizza li, kif jirriżulta mill-premessa 3 tar-Regolament Nru 1073/1999, il-ħolqien u l-kompetenzi ta’ investigazzjoni tiegħu ma humiex ta’ natura li jaffettwaw it-tqassim u l-bilanċ attwali tar-responsabbiltajiet bejn il-livell nazzjonali u l-livell tal-Unjoni. B’hekk, mill-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-OLAF għandu biss rwol ta’ appoġġ u jista’ joħroġ biss rakkomandazzjonijiet mhux vinkolanti indirizzati lill-awtoritajiet tal-Unjoni jew lill-awtoritajiet nazzjonali.

113

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tqis li l-iżvolġiment ta’ investigazzjoni tal-OLAF ma jistax jeħles lill-Istati Membri mil-obbligu li jieħdu l-miżuri neċessarji imposti mid-dritt tal-Unjoni u li l-assistenza tal-OLAF ma tistax teżenta lil dawn tal-aħħar mid-dmir ta’ diliġenza tagħhom fil-ġbir tad-dazji doganali. F’dan il-każ, ir-Repubblika Ċeka kienet għalhekk obbligata, b’mod parallel mal-missjoni ta’ spezzjoni u indipendentement minnha, li tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tistabbilixxi d-dejn doganali. Kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 119 tas-sentenza appellata, ir-rappreżentanta tal-amministrazzjoni doganali Ċeka setgħet, mar-ritorn tagħha minn din il-missjoni, titlob u tirċievi mingħand l-OLAF il-provi annessi mal-proċess verbali tal‑15 ta’ Novembru 2007 u tikkomunikahom lill-awtoritajiet Ċeki kompetenti, peress li dawn il-provi kienu suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit id-dejn doganali ta’ BAIDE. Barra minn hekk, ir-Repubblika Ċeka kellha informazzjoni suffiċjenti sa minn qabel ir-ritorn tal-missjoni ta’ spezzjoni.

114

Tali konklużjoni hija iktar u iktar meħtieġa fid-dawl tar-responsabbiltà tal-Istati Membri fil-qasam tar-riżorsi proprji. Min-naħa l-oħra, l-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali jippermetti lil Stat Membru li jaġixxi b’mod passiv u negliġenti għas-sempliċi raġuni li l-OLAF kien intrabat li jikkomunikalha l-provi miġbura matul il-missjoni ta’ spezzjoni.

115

Ir-rekwiżit ta’ ħeffa fl-istabbiliment tad-dejn doganali huwa sostnut ukoll fl-Artikolu 45(1) tar-Regolament Nru 515/97. Hija tippermetti li tiġi żgurata l-effett utli tal-Artikolu 20(2)(b) ta’ dan ir-regolament u, b’mod iktar partikolari, tal-parteċipazzjoni ta’ esperti mibgħuta mill-Istati Membri f’missjonijiet investigattivi mmexxija mill-OLAF f’pajjiżi terzi.

116

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret ukoll l-Artikolu 325 TFUE. Din id-dispożizzjoni timponi fuq l-Istati Membri obbligu ta’ riżultat inkundizzjonat li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiggarantixxu l-ġbir effettiv u sħiħ tad-dazji doganali u tħallilhom l-għażla tal-miżuri li għandhom jittieħdu fl-osservanza tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. B’hekk, ir-Repubblika Ċeka kienet obbligata, skont l-imsemmija dispożizzjoni, li tistabbilixxi d-dejn doganali sa mhux iktar tard mill-jiem ta’ wara r-ritorn tal-missjoni ta’ spezzjoni.

117

Il-Kummissjoni tikkonkludi li d-dejn doganali ġie stabbilit tard, b’tali mod li l-ammonti korrispondenti għal dan id-dejn ma ddaħħlux b’mod regolari fil-kontabbiltà B. Billi kkonstatat b’mod tardiv id-dejn doganali, ir-Repubblika Ċeka kienet hija stess ipprovokat il-ħolqien tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6(3)(b) tar-Regolament Nru 1150/2000, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx, mingħajr ma twettaq żball, tiddeċiedi li l-Artikolu 17(2) tiegħu kien applikabbli.

118

Ir-Repubblika Ċeka tirribatti li t-tieni aggravju huwa inammissibbli. Fil-fatt, l-ewwel nett, l-argument imressaq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 55 tal-appell, li jgħid li dan l-Istat Membru kellu informazzjoni suffiċjenti sabiex jipproċedi għall-konstatazzjoni tad-dazji antidumping dovuti minn BAIDE qabel ma pparteċipa fil-missjoni ta’ spezzjoni, ma huwiex relatat mas-suġġett ta’ dan l-aggravju. Huwa wkoll ġdid sa fejn, quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ma allegatx li r-Repubblika Ċeka kellha informazzjoni suffiċjenti sabiex twettaq tali konstatazzjoni qabel it-tmiem tal-missjoni ta’ spezzjoni. It-tieni nett, l-argument dwar l-allegat ksur tal-Artikolu 325 TFUE tqajjem għall-ewwel darba fl-istadju tal-appell. It-tielet nett, formalment dirett kontra l-punti 94 sa 126 tas-sentenza appellata, it-tieni aggravju jikkonċerna biss, fir-realtà, il-punti 122 sa 125 ta’ din is-sentenza.

119

Fi kwalunkwe każ, ir-Repubblika Ċeka tikkunsidra li t-tieni aggravju huwa wkoll infondat, peress li hija setgħet leġittimament tistenna l-komunikazzjoni tar-rapport tal-OLAF minn dan tal-aħħar.

120

L-ewwel nett, la l-assenza ta’ setgħa ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tar-riżorsi proprji u lanqas in-natura mhux vinkolanti tar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF ma huma ta’ natura li jikkontestaw il-fatt li l-kollaborazzjoni effettiva tal-Istati Membri mal-Kummissjoni u mal-OLAF hija, f’ċerti każijiet, kundizzjoni essenzjali sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkonstataw l-intitolamenti fuq ir-riżorsi proprji u jipproċedu għall-irkupru tagħhom.

121

It-tieni nett, mill-konstatazzjonijiet ta’ fatt magħmula mill-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-intitolamenti d-dazji relatati mal-importazzjonijiet kontenzjużi setgħu jiġu kkonstatati biss abbażi tal-provi miksuba fil-kuntest tal-missjoni ta’ spezzjoni. L-OLAF, li mpenja ruħu li jikkomunika dawn l-elementi lir-Repubblika Ċeka, ikkomunikalu dawn l-elementi tardivament, jiġifieri fid‑9 ta’ Lulju 2008, bi ksur tal-impenn tiegħu. Ir-Repubblika Ċeka tqis li hija setgħet leġittimament tistenna li l-OLAF josserva l-impenn tiegħu, konformement mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE.

122

It-tielet nett, il-Kummissjoni tipprova tittrasferixxi fuq ir-Repubblika Ċeka r-responsabbiltà għad-dewmien tagħha stess marbut mal-komunikazzjoni tardiva tal-provi mill-OLAF.

123

Huwa għalhekk mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li, fil-punti 123 u 126 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, dan l-Istat Membru ma setax jiġi kkritikat li ma talabx mingħand l-OLAF il-produzzjoni ta’ provi mar-ritorn tal-missjoni ta’ spezzjoni.

124

Fi kwalunkwe każ, sa fejn il-Kummissjoni tikkontesta l-fatt li r-Repubblika Ċeka setgħet tqis neċessarju, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 124 tas-sentenza appellata, li tistenna li l-provi jiġu analizzati u vverifikati mill-OLAF, dan l-Istat Membru josserva li l-leġiżlazzjoni applikabbli tipprevedi preċiżament li l-provi miġbura fil-kuntest ta’ investigazzjoni mmexxija mill-OLAF għandhom jiġu analizzati, evalwati u mibgħuta lill-Istati Membri fil-forma ta’ rapporti ta’ missjoni u ta’ rapporti ta’ investigazzjoni. Barra minn hekk, mill-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1073/1999, moqri flimkien mal-premessa 16 tiegħu, jirriżulta li r-rapport ta’ missjoni tal-OLAF għandu valur probatorju essenzjali. L-OLAF ikun fl-aħjar pożizzjoni li jwettaq l-analiżi u l-evalwazzjoni tal-provi, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 124 tas-sentenza appellata, u dan iktar u iktar meta dawn l-elementi jinkisbu fil-kuntest ta’ missjoni ta’ spezzjoni mwettqa f’pajjiż terz u jista’ jkollhom riperkussjonijiet fuq numru kbir ta’ Stati Membri.

125

Ir-Repubblika Ċeka żżid li l-OLAF għandu l-possibbiltà li jikkomunika lill-Istati Membri l-provi rilevanti qabel l-adozzjoni tar-rapport ta’ missjoni, u dan skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1073/1999, moqti flimkien mal-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 515/97. Issa, l-OLAF, li kien jaf li r-Repubblika Ċeka kellha bżonn provi miġbura, seta’ jagħmel użu minn din il-possibbiltà, fid-dawl tad-dewmien twil tar-rapport ta’ missjoni.

126

Ir-Renju tal-Belġju u r-Repubblika tal-Polonja jaqblu, essenzjalment, mat-talbiet tar-Repubblika Ċeka.

127

Ir-Renju tal-Belġju jżid li l-argument tal-Kummissjoni, ibbażat fuq ir-responsabbiltà li għandhom l-Istati Membri, ifisser li r-Repubblika Ċeka għandha tbati waħedha l-konsegwenzi finanzjarji negattivi ta’ dewmien imputabbli lill-OLAF. Barra minn hekk, l-argument tal-Kummissjoni dwar l-effett utli tal-Artikolu 20 (1) u (2) tar-Regolament Nru 515/97 ma jistax jintlaqa’. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 325 TFUE ma jistax jiġi interpretat bħala li jimponi fuq l-Istati Membri obbligi addizzjonali meta mqabbla ma’ dawk previsti mir-Regolament Nru 1150/2000 fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża.

128

Ir-Repubblika tal-Polonja tenfasizza li ma jistax jitqies li r-Repubblika Ċeka kisret l-Artikolu 325 TFUE, sa fejn hija għamlet sforzi adegwati sabiex tikkonstata d-dejn doganali inkwistjoni.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

– Fuq l‑ammissibbiltà

129

Skont ġurisprudenza stabbilita, li parti f’kawża titħalla tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja eċċezzjoni li hija ma ssollevatx quddiem il-Qorti Ġenerali jfisser li l-parti tkun qed titħalla tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kompetenza tagħha fl-appelli hija limitata, kwistjoni iktar wiesgħa minn dik li tkun tressqet quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li tkun ingħatat lill-motivi menti li jkunu ġew diskussi quddiem l-ewwel qrati (sentenzi tal‑1 ta’ Ġunju 1994, Il‑Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et, C‑136/92 P, EU:C:1994:211, punt 59, kif ukoll tas‑26 ta’ Frar 2020, SEAE vs Alba Aguilera et, C‑427/18 P, EU:C:2020:109, punt 45).

130

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li appellant jista’ jinvoka, insostenn tal-appell tiegħu ppreżentat quddiemha, aggravji li jirriżultaw mis-sentenza appellata stess u li huma intiżi sabiex jikkritikaw, fid-dritt, il-fondatezza tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Novembru 2007, Stadtwerke Schwäbisch Hall et vs Il‑Kummissjoni, C‑176/06 P, EU:C:2007:730, punt 17, kif ukoll tas‑26 ta’ Frar 2020, SEAE vs Alba Aguilera et, C‑427/18 P, EU:C:2020:109, punt 54).

131

F’dan il-każ, l-ewwel nett, li anki jekk, bħar-Repubblika Ċeka, kellha tinftiehem in-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 55 tar-rikors tal-appell bħala allegazzjoni li dan l-Istat Membru kellu, diġà qabel ir-ritorn tal-missjoni ta’ spezzjoni, biżżejjed elementi sabiex jikkonstata l-intitolamenti inkwistjoni, tali allegazzjoni ma hijiex riprodotta fil-korp tat-tieni aggravju. L-eżistenza ta’ din in-nota ta’ qiegħ il-paġna ma tistax għaldaqstant tkun ta’ natura li taffettwa l-ammissibbiltà tal-imsemmi aggravju.

132

It-tieni nett, għalkemm huwa minnu li l-Kummissjoni ma invokatx l-Artikolu 325 TFUE quddiem il-Qorti Ġenerali, xorta jibqa’ l-fatt li l-argument ibbażat fuq din id-dispożizzjoni huwa intiż li juri żball ta’ liġi mwettaq minnha. Għaldaqstant, dan l-argument huwa ammissibbli. Għaldaqstant, dan l-argument huwa inammissibbli.

133

It-tielet nett, l-identifikazzjoni ambigwa tal-punti kkontestati mit-tieni motiv, anki jekk titqies stabbilita, bl-ebda mod ma pprekludiet lir-Repubblika Ċeka milli tifhem is-sustanza ta’ dan il-motiv, li jirriżulta b’mod ċar mis-sottomissjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, u milli tippreżenta l-argumenti tad-difiża tagħha.

134

Konsegwentement, l-ewwel aggravju huwa ammissibbli.

– Fuq il‑mertu

135

Permezz tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni tikkontesta, essenzjalment, il-fondatezza tal-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, li jinsabu fil-punti 94 sa 126 tas-sentenza appellata, dwar id-data li fiha d-dazji antidumping dovuti minn BAIDE b’rabta mal-importazzjonijiet kontenzjużi kellhom jiġu kkonstatati mir-Repubblika Ċeka.

136

F’dawn il-punti, il-Qorti Ġenerali essenzjalment qieset li r-Repubblika Ċeka ma kinitx obbligata tikkonstata dawn l-intitolamenti fil-jiem wara r-ritorn tal-missjoni ta’ spezzjoni u li hija setgħet leġittimament tistenna l-komunikazzjoni tar-rapport tal-OLAF, li miegħu kienu mehmuża l-provi miġbura matul din il-missjoni.

137

B’mod iktar speċifiku, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 119 u 121 tas-sentenza appellata, li r-rappreżentanta tal-amministrazzjoni doganali Ċeka li pparteċipat fil-missjoni ta’ spezzjoni kienet awtorizzata titlob u tirċievi mingħand l-OLAF il-provi annessi mal-minuti tal‑15 ta’ Novembru 2007 u tikkomunikahom lill-awtoritajiet Ċeki kompetenti sabiex dawn jużawhom bħala provi kontra BAIDE, u dan anki jekk l-OLAF kellu jivverifika dawn il-provi qabel ma jikkomunikahom. Fil-punti 122 sa 124 ta’ din is-sentenza, hija kkonstatat li, madankollu, l-OLAF kien impenja ruħu li jikkomunika lir-Repubblika Ċeka l-imsemmija elementi sa mill-bidu tal‑2008 iżda dam sabiex jikkomunika r-rapport tiegħu li miegħu kienu mehmuża. F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont il-Qorti Ġenerali, ir-Repubblika Ċeka ma setgħatx tiġi kkritikata li stenniet il-komunikazzjoni tar-rapport tal-OLAF u li ma talbitx il-produzzjoni ta’ provi hekk kif irritornat il-missjoni ta’ spezzjoni. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet fil-punt 125 tas-sentenza appellata, li r-Repubblika Ċeka stabbilixxiet li hija ma setgħetx ikollha f’idejha l-provi meħtieġa sabiex jiġu kkonstatati d-dazji antidumping dovuti minn BAIDE fuq l-importazzjoni kontenzjużi hekk kif il-missjoni rritornat mill-ispezzjoni.

138

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 88 ta’ din is-sentenza, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, il-ġestjoni tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni hija fdata lill-Istati Membri u taqa’ taħt ir-responsabbiltà esklużiva ta’ dawn tal-aħħar.

139

Barra minn hekk, peress li teżisti rabta diretta bejn il-ġbir tad-dħul li ġej mid-dazji doganali u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni tar-riżorsi korrispondenti, huma l-Istati Membri, konformement mal-obbligi tagħhom taħt l-Artikolu 325(1) TFUE, li għandhom jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kontra l-frodi jew kull attività illegali oħra li tippreġudika dawn l-interessi, li għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiggarantixxu l-ġbir effettiv u sħiħ ta’ dawn id-dazji u, għaldaqstant, ta’ dawn ir-riżorsi (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2022, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (Ġlieda kontra l-Frodi tas-Sottovalutazzjoni), C‑213/19, EU:C:2022:167, punt 346 u l-ġurisprudenza ċċitata).

140

Fl-eżerċizzju ta’ din ir-responsabbiltà, huma l-Istati Membri, skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1150/2000, li jikkonstataw intitolament tal-Unjoni għar-riżorsi proprji malli l-kondizzjonijiet li hemm dispożizzjoni dwarhom bir-regolamenti tad-dwana jkunu twettqu “rigward id-dħul għall-intitolament fil-kontijiet u n-notifikazzjoni tad-debitur”. L-obbligu tal-Istati Membri li jikkonstata intitolament tal-Unjoni fuq ir-riżorsi proprji jitnissel għalhekk ladarba dawn il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti, mingħajr ma jkun neċessarju li t-teħid inkunsiderazzjoni jkun effettivament seħħ. Kif jirriżulta mill-Artikoli 217 u 218 tal-Kodiċi Doganali, l-imsemmija kundizzjonijiet huma ssodisfatti meta l-awtoritajiet doganali tagħhom l-informazzjoni meħtieġa, ikunu f’pożizzjoni li jiddeterminaw l-ammont tad-dazji li jirriżulta minn dejn doganali u li jidentifikaw id-debitur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2005, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka, C‑392/02, EU:C:2005:683, punti 57 sa 59).

141

F’dan il-każ, mill-punti ta’ fatt ikkonstatati mill-Qorti Ġenerali fil-punti 1, 99, 178 u 183 tas-sentenza appellata, li ma ġewx ikkontestati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u li ma huwiex il-kompitu tagħha li tistħarreġ fl-assenza ta’ kwalunkwe allegazzjoni ta’ żnaturament, jirriżulta li, l-ewwel nett, ferm qabel il-missjoni ta’ spezzjoni, ir-Repubblika Ċeka kienet konxja mill-eżistenza ta’ importazzjonijiet frawdolenti ddikjarati mil-Laos u introdotti fit-territorju tagħha minn BAIDE, it-tieni nett, dan l-Istat Membru bagħat lill-OLAF, qabel din il-missjoni, il-lista tal-importazzjonijiet kontenzjużi li l-oriġini tagħhom kellha tiġi vverifikata u, it-tielet nett, rappreżentanta tal-amministrazzjoni doganali Ċeka pparteċipat fl-imsemmija missjoni u ffirmat il-minuti tal‑15 ta’ Novembru 2007 fi tmiem l-istess missjoni.

142

Mill-konstatazzjonijiet ta’ fatt magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 2, 122 u 124 tas-sentenza appellata jirriżulta wkoll li, mar-ritorn tal-missjoni ta’ spezzjoni, l-OLAF impenja ruħu li jikkomunika lir-Repubblika Ċeka l-provi miġbura matul din il-missjoni sa mill-bidu tal-2008 iżda li l-OLAF ikkomunika r-rapport tiegħu, li miegħu kienu mehmuża dawn il-provi, biss fid‑9 ta’ Lulju 2008, filwaqt li r-Repubblika Ċeka qieset li kien neċessarju li tistenna li l-imsemmija elementi jiġu analizzati u vverifikati mill-OLAF qabel ma tużahom fil-kuntest ta’ proċedura ta’ aġġustament fiskali.

143

Issa, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tiddeċiedi, fil-punti 124 sa 126 tas-sentenza appellata, li r-Repubblika Ċeka setgħet tistenna l-komunikazzjoni tar-rapport tal-OLAF, flimkien ma’ provi, mingħajr ma titlob il-komunikazzjoni ta’ dawn il-provi, jekk ikun il-każ, qabel il-finalizzazzjoni ta’ dan ir-rapport, u li dan l-Istat Membru ma kisirx l-obbligi tiegħu fil-kuntest tal-ġestjoni tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni billi ma wetttaqx konstatazzjoni tal-intitolamenti inkwistjoni fil-jiem wara r-ritorn tal-missjoni ta’ spezzjoni.

144

Fil-fatt, fid-dawl tar-responsabbiltà li huwa għandu fil-kuntest tal-ġestjoni tas-sistema tar-riżorsi proprji kif ukoll tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, Stat Membru ma jistax, għalkemm ikun jaf b’riskju serju ta’ frodi li tikkonċerna importazzjonijiet identifikati u li dan ir-riskju jkun ġie vverifikat u kkonfermat waqt investigazzjoni esterna mmexxija mill-OLAF f’pajjiż terz fil-preżenza ta’ rappreżentant ta’ dan l-Istat Membru, jillimita ruħu li jistenna matul diversi xhur il-komunikazzjoni tar-rapport finali tal-OLAF flimkien ma’ provi mingħajr qatt ma jitlob il-komunikazzjoni minn qabel ta’ dawn il-provi. Min-naħa l-oħra, fid-dawl ta’ din ir-responsabbiltà, huwa l-imsemmi Stat Membru li għandu jieħu l-miżuri xierqa kollha li jippermettulu jkollu l-elementi neċessarji għall-konstatazzjoni tal-intitolamenti inkwistjoni.

145

L-ebda argumenti mressqa bħala difiża ma jista’ jkun tali li jinvalida din il-konkużjoni.

146

L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li l-OLAF dam lura milli jikkomunika r-rapport tiegħu u l-provi, għandu jiġi kkonstatat li t-twettiq ta’ investigazzjoni esterna mill-OLAF f’pajjiż terz ma huwiex ta’ natura li jeħles lill-Istati Membri mir-responsabbiltà li għandhom huma, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, fil-ġestjoni tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni.

147

B’hekk, minn naħa, fid-dawl tal-premessa 3 tar-Regolament Nru 1073/1999, it-twettiq ta’ investigazzjoni ma jistax ibiddel it-tqassim u l-bilanċ tar-responsabbiltajiet bejn il-livell nazzjonali u l-livell tal-Unjoni. L-OLAF għandu, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament, rwol ta’ appoġġ u ta’ koordinazzjoni tal-azzjoni intiża li tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kontra l-frodi. Ir-rapporti adottati mill-OLAF wara investigazzjoni mwettqa minnu għandhom jinkludu, skont l-Artikolu 9(1) tal-imsemmi regolament, “[b’mod partikolari] l-fatti stabbiliti, it-telf finanzjarju, jekk ikun hemm, u s-sejbiet ta’ l-investigazzjoni, inklużi r-rakkomandazzjonijiet tad-Direttur ta’ l-[OLAF] dwar l-azzjoni li għandha tittieħed.” B’hekk, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu x’azzjoni għandha tittieħed fir-rigward ta’ tali rapport, fl-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni.

148

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1073/1999, l-OLAF “jista’ f’kull ħin jibgħat lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri nteressati l-informazzjoni miksuba waqt investigazzjonijiet esterni.” Fid-dawl tal-użu tal-verb “jista’”, li juri l-fatt li l-OLAF igawdi, f’dan ir-rigward, minn marġni ta’ diskrezzjoni, ma jistax jiġi dedott minn din id-dispożizzjoni li l-omissjoni tal-OLAF li jikkomunika l-provi qabel il-finalizzazzjoni tar-rapport tiegħu jeħles lill-Istat Membru kkonċernat mir-responsabbiltà tagħha fil-ġestjoni tas-sistema tar-riżorsi proprji.

149

It-tieni nett, id-dmir ta’ kooperazzjoni leali li għandu l-OLAF lanqas ma jista’ jkollu l-effett li jbiddel it-tqassim tal-kompiti u tar-responsabbiltajiet kif previst għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 1073/1999 (ara, b’analoġija, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑19 ta’ April 2005, Tillack vs Il‑Kummissjoni, C‑521/04 P(R), EU:C:2005:240, punt 33) u lanqas li jeħilsu lill-Istati Membri mir-responsabbiltà li għandhom fil-ġestjoni tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni.

150

Barra minn hekk, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, sanċit fl-Artikolu 4(3) TUE, l-Istati Membri, li huma stess suġġetti għal dan il-prinċipju, huma meħtieġa jieħdu l-miżuri xierqa kollha sabiex jiggarantixxu l-portata u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2022, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (Ġlieda kontra l-frodi tas-sottovalutazzjoni) (C‑213/19, EU:C:2022:167, punt 584 u l-ġurisprudenza).

151

Fid-dawl tal-motivi preċedenti, it-tieni aggravju għandu jintlaqa’.

152

Għaldaqstant, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata, sa fejn laqgħet, fil-punt1 tad-dispożittiv tagħha, ir-rikors tar-Repubblika Ċeka sa fejn huwa intiż għall-ħlas lura mill-Kummissjoni tas-somma ta’ CZK 17 828 399.66 (madwar EUR 700000) imħallsa bħala riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea.

Fuq ir‑rikors quddiem il‑Qorti Ġenerali

153

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi hija stess dwar it-tilwima, meta din tkun fi stadju li tiġi deċiża.

154

F’dan il-każ, ir-rikors tar-Repubblika Ċeka quddiem il-Qorti Ġenerali huwa bbażat fuq argumenti li kienu s-suġġett ta’ dibattitu kontradittorju quddiem din tal-aħħar u li l-eżami tagħhom ma jeħtieġ li tiġi adottata ebda miżura addizzjonali ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew ta’ investigazzjoni tal-proċess (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2020, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punt 130). F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li din il-kawża kienet fi stat li tiġi deċiża, għandha tiġi deċiża b’mod finali.

155

F’dan ir-rigward, mill-punt 152 ta’ din is-sentenza jirriżulta li s-sentenza appellata hija annullata biss sa fejn laqgħet, fil-punt 1 tad-dispożittiv tagħha, ir-rikors tar-Repubblika Ċeka sa fejn dan ir-rikors huwa intiż għall-ħlas lura mill-Kummissjoni tas-somma ta’ CZK 17 828 399.66 (madwar EUR 700000) iktar ’il quddiem l-“ammont kontenzjuż”).

156

Min-naħa l-oħra, il-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, li bih il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-kumplament tar-rikors tar-Repubblika Ċeka u li ma kienx is-suġġett ta’ appell, b’tali mod li għandu l-awtorità ta’ res judicata minkejja l-annullament parzjali ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs Fútbol Club Barcelona, C‑362/19 P, EU:C:2021:169, punti 109 sa 111).

157

Għaldaqstant, ir-rikors fil-Kawża T‑151/20 jibqa’ jeżisti biss sa fejn huwa intiż sabiex jikseb il-ħlas lura tal-ammont kontenzjuż.

158

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika Ċeka ssostni, essenzjalment, li ma hijiex responsabbli għal, din is-somma, peress li ma setgħetx tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tirkupraha ħlief wara li ntbagħat ir-rapport tal-OLAF. Hija ssostni li hija kellha tinħeles mill-obbligu li tqiegħed għad-dispożizzjoni riżorsi proprji, skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000, minħabba l-impossibbiltà li tirkupra d-dejn doganali wara t-tmiem, minn ta’ Mejju tal-2008, tal-attivitajiet ta’ BAIDE fit-territorju tar-Repubblika Ċeka.

159

Madankollu, kif tfakkar fil-punt 100, 103 u 105 ta’ din is-sentenza jirriżulta li Stat Membru ma jistax jinħeles mill-obbligu li jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-ammonti li jikkorrispondu għal intitolamenti li ma ddaħħlux b’mod regolari fil-kontabbiltà B fl-osservanza tat-terminu previst fl-Artikolu 6(3)(b) tar-Regolament Nru 1150/2000, moqri flimkien mal-Artikolu 2 tiegħu, minħabba konstatazzjoni tardiva ta’ dawn l-intitolamenti. Issa, mill-punti 141 sa 144 d141 sa 144 ta’ din is-sentenza jirriżulta li r-Repubblika Ċeka, billi naqset, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ din il-kawża, milli tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiżgura konstatazzjoni tal-intitolamenti fl-iqsar żmien possibbli, ma stabbilixxietx li hija kienet ikkonstatat, fi żmien xieraq, l-intitolamenti inkwistjoni u lanqas, għaldaqstant, li hija kienet daħħlithom regolarment fil-kontabbiltà B, fl-osservanza tat-terminu previst fl-Artikolu 6(3)(b) ta’ dan ir-regolament.

160

Konsegwentement, ir-Repubblika Ċeka ma tistax tinvoka l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000, sabiex tinħeles mill-obbligu tagħha li tqiegħed l-ammonti kontenzjuż għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, dan l-Istat Membru baqa’ ma weriex li r-rifjut tiegħu li jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Unjoni l-ammont kontenzjuż huwa konformi mal-obbligi kollha tiegħu u, għaldaqstant, li jistabbilixxi arrikkiment mingħajr bażi legali valida tal-Unjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 83 ta’ din is-sentenza.

161

Fid-dawl ta’ dawn il-motivi kollha, ir-rikors tar-Repubblika Ċeka fil-Kawża T‑151/20 għandu jiġi miċħud sa fejn huwa intiż sabiex jikseb il-ħlas lura tal-ammont kontenzjuż.

Fuq l‑ispejjeż

162

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi hija stess il-kawża b’mod definittiv, hija għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

163

F’dan il-każ, ir-Repubblika Ċeka tilfet kemm fil-Kawża C‑494/22 P kif ukoll fil-parti tal-Kawża T‑151/20 li ssemmiet mill-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-Repubblika Ċeka tilfet il-kumplament tal-Kawża T‑151/20. B’hekk, ir-rikors tar-Repubblika Ċeka huwa, skont is-sentenza appellata u din is-sentenza, miċħud kollu kemm hu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li r-Repubblika Ċeka tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni kemm fir-rigward tal-proċedura fl-ewwel istanza kif ukoll fir-rigward tal-appell, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

164

Konformement mal-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn l-istess regoli, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll ir-Repubblika tal-Polonja, intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑11 ta’ Mejju 2022, Ir-Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni (T‑151/20, EU:T:2022:281) hija annullata, sa fejn laqgħet, fil-punt 1 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza, ir-rikors tar-Repubblika Ċeka sa fejn huwa intiż għall-ħlas lura mill-Kummissjoni Ewropea tas-somma ta’ 17 828 399.66 koruna Ċeka (CZK) (madwar EUR 700000) imħallsa imħallsa bħala riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea.

 

2)

Ir-rikors fil-Kawża T‑151/20 huwa miċħud sa fejn huwa intiż għall-ħlas lura mill-Kummissjoni Ewropea tas-somma ta’ 17 828 399.66 koruna Ċeka (CZK) (madwar EUR 700000) imħallsa bħala riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea.

 

3)

Ir-Repubblika Ċeka hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea, relatati kemm mal-proċedura fl-ewwel istanza kif ukoll mal-proċedura tal-appell.

 

4)

Ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll ir-Repubblika tal-Polonja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.