SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
5 ta’ Settembru 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 299 TFUE – Regolament (KE) Nru 1907/2006 – Reġistrazzjoni, valutazzjoni u awtorizzazzjoni tas-sustanzi kimiċi, kif ukoll ir-restrizzjonijiet applikabbli għal dawn is-sustanzi (REACH) – Artikolu 94(1) – Regolament (KE) Nru 340/2008 – It-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 11(3), u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(4) – Ħlasijiet u spejjeż dovuti lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) – Ħlas dovut għar-reġistrazzjoni ta’ sustanza – Tnaqqis mogħti lill-impriżi żgħar u medji (SMEs) – Verifika mill-ECHA tad-dikjarazzjoni dwar id-daqs tal-impriża kkonċernata – Ommissjoni milli tiġi pprovduta ċerta informazzjoni fit-terminu mogħti – Deċiżjoni tal-ECHA li titlob li jsir il-ħlas kollu kkonċernat u li timponi spiża amministrattiva – Eżekuzzjoni forzata – Possibbiltà għall-ECHA li tippreżenta rikors quddiem qorti nazzjonali sabiex tikseb il-ħlas ta’ din l-ispiża amministrattiva”
Fil-Kawżi magħquda C‑256/23 u C‑290/23,
li għandhom bħala għan żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE mressqa mill-Bayerisches Verwaltungsgericht Regensburg (il-Qorti Amministrattiva minn Bayern, Regensburg, il-Ġermanja) (C‑256/23) u mill-Oberverwaltungsgericht des Landes Sachsen-Anhalt (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Sachsen-Anhalt, il-Ġermanja) (C‑290/23), permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑11 u tas‑6 ta’ April 2023, li waslu l-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament fl‑20 ta’ April u fit‑8 ta’ Mejju 2023, fil-proċeduri
L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)
vs
Hallertauer Hopfenveredelungsges. m.b.H.,
fil-preżenza ta’:
Regierung von Niederbayern (C‑256/23),
u
L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)
vs
B. GmbH (C‑290/23),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn A. Prechal (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, F. Biltgen, N. Wahl, J. Passer u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,
Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑20 ta’ Marzu 2024,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għall-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), minn F. Becker u M. Heikkilä, bħala aġenti, assistiti minn H. Tammert, Rechtsanwalt, |
|
– |
għal Hallertauer Hopfenveredelungsges. m.b.H., minn K. Lüdtke, Rechtsanwältin, |
|
– |
għall-Gvern Elleniku, minn V. Baroutas u M. Tassopoulou, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Erlbacher, J. Flett, P. Ortega Sánchez de Lerín u S. Romoli, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑6 ta’ Ġunju 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 299 TFUE, tal-Artikolu 94(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU 2006, L 396, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2007, L 136, p. 3, fil-ĠU 2008, L 141, p. 22, u fil-ĠU 2009, L 36, p. 84), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 (ĠU 2008, L 353, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2011, L 16, p. 1, fil-ĠU 2016, L 349, p. 1, u fil-ĠU 2019, L 117, p. 8) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament REACH”) kif ukoll tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(3) u tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 340/2008 tas‑16 ta’ April 2008 dwar il-ħlasijiet u l-ispejjeż dovuti lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi skond ir-[Regolament Nru 1907/2006] (ĠU 2008, L 107, p. 6). |
|
2 |
Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest tat-tilwim bejn, fil-Kawża C‑256/23, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) u Hallertauer Hopfenveredelungsges. m.b.H. (iktar ’il quddiem “Hallertauer”) u, fil-Kawża C‑290/23, l-ECHA u B. GmbH dwar l-irkupru mill-ECHA ta’ spiża amministrattiva dovut minn dawn il-kumpanniji wara t-tressiq quddiem din l-aġenzija tal-Unjoni Ewropea ta’ talba għal reġistrazzjoni ta’ sustanza kimika taħt ir-Regolament REACH, meta ġie kkonstatat f’deċiżjoni meħuda mill-imsemmija aġenzija tal-Unjoni li dawn ma kellhomx dritt għall-ħlas imnaqqas previst għall-impriżi żgħar u medji (SMEs) li dawn kienu talbu meta ressqu t-talba tagħhom. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Ir‑Regolament REACH
|
3 |
Konformement mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament REACH, il-manifatturi u l-importaturi li jipproduċu jew jimportaw sustanzi kimiċi fi kwantitajiet ta’ tunnellata jew iktar fis-sena għandhom jippreżentaw reġistrazzjoni lill-ECHA għal dawn is-sustanzi. L-Artikolu 6(4) tal-imsemmi regolament jipprevedi li l-ħlas rikjest konformement mat-Titolu IX tiegħu għandu jitħallas meta tiġi ppreżentata r-reġistrazzjoni. |
|
4 |
Skont l-Artikolu 20(2) u (5) ta’ dan ir-regolament: “2. L-[ECHA] għandha twettaq kontroll tal-kompletezza ta’ kull reġistrazzjoni sabiex tiżgura li l-elementi kollha […] kif ukoll il-ħlas għar-reġistrazzoni msemmi fl-Artikolu 6(4) […] ġew provduti. Il-kontroll tal-kompletezza ma għandux jinkludi valutazzjoni tal-kwalità jew adegwatezza ta’ kwalunkwe data jew ġustifikazzjoni mogħtija. L-[ECHA] għandha twettaq il-kontroll tal-kompletezza fi żmien 3 gimgħat mid-data tal-preżentazzjoni […]. Jekk ir-reġistrazzjoni ma tkunx kompleta, l-[ECHA] għandha tavża lir-reġistrant, qabel l-iskadenza tal-perjodu ta’ 3 ġimgħat […] imsemmi fit-tieni subparagrafu, rigward liema informazzjoni oħra tkun meħtieġa sabiex ir-reġistrazzjoni titlesta, filwaqt li tistabbilixxi terminu perentorju raġonevoli għal dan. Ir-reġistrant għandu jlesti r-reġistrazzjoni tiegħu u jibgħatha lill-[ECHA] fit-terminu perentorju stabbilit. L-[ECHA] għandha tikkonferma d-data tal-preżentazzjoni ulterjuri ta’ l-informazzjoni lir-reġistrant. L-[ECHA] għandha twettaq kontroll tal-kompletezza ulterjuri, filwaqt li tikkonsidra l-informazzjoni ulterjuri li tkun ingħatat. L-[ECHA] għandha tiċħad ir-reġistrazzjoni jekk ir-reġistrant jonqos li jlesti r-reġistrazzjoni fit-terminu perentorju stabbilit. Il-ħlas għar-reġistrazzjoni ma jiġix rimburżat f’dawn il-każijiet. […] 5. Jista’ jitressaq appell, skond l-Artikoli [91, 92 u 93], mid-deċiżjonijiet ta’ l-[ECHA] taħt il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.” |
|
5 |
L-Artikolu 74 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ħlasijiet u spejjeż”, li jinsab fit-Titolu IX tiegħu, jipprovdi: “1. Il-ħlasijiet meħtieġa skond l-Artikolu 6(4), […] għandhom jiġu speċifikati f’Regolament tal-Kummissjoni adottat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 133(3) sa l‑1 ta’ Ġunju 2008. […] 3. L-istruttura u l-ammont tal-ħlasijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jieħdu kont tax-xogħol meħtieġ minn dan ir-Regolament li jrid jitwettaq mill-[ECHA] u l-awtorità kompetenti u għandu jiġi ffissat f’tali livell sabiex ikun żgurat li d-dħul derivat minnhom meta kkombinat ma’ sorsi oħrajn tad-dħul ta’ l-[ECHA] skond l-Artikolu 96(1) ikun suffiċjenti sabiex ikopri l-ispiża tas-servizzi mogħtija. […] […] Fil-każijiet kollha għandu jiġi stabbilit ħlas imnaqqas għall-SMEs. […] 4. Ir-Regolament imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jispeċifika ċ-ċirkostanzi li taħthom jiġi trasferit proporzjon tal-ħlasijiet lill-Awtorità Kompetenti ta’ l-Istat Membru relevanti. 5. L-[ECHA] tista’ tiġbor spejjeż għal servizzi oħrajn provduti minnha.” |
|
6 |
L-Artikoli 91 sa 93 tar-Regolament REACH jirrigwardaw l-appelli indirizzati kontra deċiżjonijiet tal-ECHA quddiem il-Bord tal-Appell ta’ din l-aġenzija, bħad-deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 20(2) ta’ dan ir-regolament. |
|
7 |
L-Artikolu 94 tar-regolament REACH, intitolat “Azzjonijiet quddiem il‑[Qorti Ġenerali] u l-Qorti tal-Ġustizzja” jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu: “Tista’ tinġieb azzjoni quddiem il-[Qorti Ġenerali] jew il-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu [263 TFUE], li tikkontesta deċiżjoni meħuda mill-Bord ta’ l-Appell jew, f’każijiet fejn ma jkunx hemm dritt ta’ appell quddiem il-Bord, mill-[ECHA].” |
Ir‑Regolament Nru 340/2008
|
8 |
L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 340/2008, intitolat “Ħlasijiet għar-reġistrazzjoniiet mressqa skond l-Artikoli 6, 7 jew 11 tar-Regolament [REACH]”, jipprovdi: “1. L-Aġenzija għandha timponi ħlas, kif previst fil-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu, għal kull reġistrazzjoni ta’ sustanza skond l-Artikoli 6, 7 jew 11 tar-Regolament [REACH]. […] 4. Fejn ir-reġistrant huwa SME, l-[ECHA] għandha timponi ħlas imnaqqas […] […] 6. Fejn il-pagament ma jsirx qabel ma’ tiskadi l-iskadenza stipulata fil-paragrafu 5, l-[ECHA] għandha tistipula skadenza oħra għall-pagament. Fejn il-pagament ma jsirx qabel ma tiskadi t-tieni skadenza, ir-reġistrazzjoni mhijiex ser tintlaqa’. […]” |
|
9 |
L-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Spejjeż oħra”, jipprevedi: “1. [T]ista’ tiġi imposta spiża għal servizzi amministrattivi u tekniċi pprovduti mill-[ECHA] fuq talba ta’ parti li mhumiex koperti minn ħlas ieħor jew minn spiża oħra skond dan ir-Regolament. Il-livell ta’ l-ispiża għandu jqis il-piż tax-xogħol involut. […] 2. L-ispejjeż għal servizzi amministrattivi għandhom jitħallsu fi żmien 30 jum tal-kalendarju mid-data li fiha l-fattura tiġi nnotifikata mill-[ECHA]. 3. Fejn il-pagament ma jsirx qabel ma’ tiskadi l-iskadenza stipulata fil-paragrafu 2, l-[ECHA] għandha tistipula skadenza oħra għall-pagament. Fejn ma jsirx pagament qabel ma tiskadi t-tieni skadenza, l-[ECHA] għandha tiċħad it-talba. […] 5. Għandha titfassal klassifikazzjoni tas-servizzi u l-ispejjeż mill-Bord tat-Tmexxija ta’ l-Aġenzija u din għandha tiġi adottata wara opinjoni favorevoli mill-Kummissjoni.” |
|
10 |
Skont l-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament, intitolat “Tnaqqis u Tneħħija ta’ l-Obbligu ta’ Ħlas”: “1. Persuna fiżika jew ġuridika li tiddikjara li hija intitolata għal ħlas imnaqqas jew għal spiża mnaqqsa skond l-Artikoli 3 sa 10 għandha tgħarraf lill-Aġenzija b’dan fiż-żmien li fih titressaq ir-reġistrazzjoni, it-talba, in-notifika, l-applikazzjoni, ir-rapport ta’ reviżjoni jew l-appell li twassal għall-pagament tal-ħlas. […] 3. L-[ECHA] tista’ titlob, f’kull ħin, evidenza li l-kundizzjonijiet għat-tnaqqis ta’ ħlasijiet jew spejjeż jew għat-tneħħija ta’ l-obbligu ta’ ħlasijiet japplikaw. 4. Fejn persuna fiżika jew ġuridika li tiddikjara li hija intitolata għal tnaqqis jew għal tneħħija ta’ l-obbligu ta’ ħlas ma tkunx tista’ turi li hija intitolata għal tali tnaqqis jew tneħħija ta’ l-obbligu, l-[ECHA] għandha timponi ħlas sħiħ jew spiża sħiħa kif ukoll spiża amministrattiva. Fejn persuna fiżika jew ġuridika li ddikjarat li hija intitolata għal tnaqqis diġà wettqet pagament imnaqqas jew spiża mnaqqsa, iżda ma tistax turi li hija intitolata għal tnaqqis bħal dan, l-[ECHA] għandha timponi l-bilanċ tal-ħlas sħiħ jew ta’ l-ispiża sħiħa kif ukoll spiża amministrattiva. Il-Paragrafi 2, 3 u 5 ta’ l-Artikolu 11 għandhom japplikaw mutatis mutandis.” |
Id‑dritt Ġermaniż
|
11 |
Skont l-Artikolu 40(1) tal-Verwaltungsgerichtsordnung (il-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva), tal‑21 ta’ Jannar 1960 (BGBl. 1960 I, p. 17), fil-verżjoni tiegħu ppubblikat fid‑19 ta’ Marzu 1991 (BGBl. 1991 I, p. 686), kif emendat mill-Artikolu 1 tal-Gesetz zur Beschleunigung von verwaltungsgerichtlichen Verfahren im Infrastrukturbereich (il-Liġi dwar it-Tħaffif tal-Proċeduri Amministrattivi fil-Qasam tal-Infrastruttura), tal‑14 ta’ Marzu 2023 (BGBl. 2023 I, Nru 71) (iktar ’il quddiem il-“VwGO”): “Kull tilwima rregolata mid-dritt pubbliku ta’ natura mhux kostituzzjonali taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati amministrattivi sakemm liġi federali ma tattribwixxix espressament il-ġurisdizzjoni lil qorti oħra; it-tilwim li jaqa’ taħt id-dritt pubbliku f’qasam li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Länder jista’ wkoll jiġi attribwit lil qorti oħra permezz ta’ liġi tal-Land.” |
|
12 |
L-Artikolu 167 tal-VwGO jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Sakemm ma jiġix ipprovdut mod ieħor f’din il-liġi, l-eżekuzzjoni hija rregolata, mutatis mutandis, mit-Tmien Ktieb taz-Zivilprozessordnung (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, iktar ’il quddiem iz-‘ZPO’). Il-qorti li tkun iddeċidiet fl-ewwel istanza hija l-qorti tal-eżekuzzjoni.” |
|
13 |
L-Artikolu 753 taz-ZPO, fil-verżjoni tagħha ppubblikata fil‑5 ta’ Diċembru 2005 (BGBl. 2005 I, p. 3202), kif emendata mill-Artikolu 19 tal-Gesetz zur Umsetzung der Umwandlungsrichtlinie und zur Änderung weiterer Gesetze (il-Liġi dwar it-Traspożizzjoni tad-Direttiva dwar il-Konverżjonijiet tal-Impriżi u dwar l-Emendar ta’ Liġijiet Oħra) tat‑22 ta’ Frar 2023 (BGBl. 2023 I, Nru 51), jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Sakemm l-eżekuzzjoni forzata ma tiġix fdata lill-qorti, din tiġi implimentata permezz ta’ uffiċjali ġudizzjarji li għandhom jipproċedu għaliha fuq ordni tal-kreditur.” |
|
14 |
Skont l-Artikolu 764 taz-ZPO: “1. Meta l-qorti jkollha l-kompitu li tordna atti ta’ eżekuzzjoni forzata jew tkun parteċipi f’tali ordni, dan il-kompitu jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Amtsgericht (il-Qorti Distrettwali, il-Ġermanja) ikkonċernat bħala qorti tal-eżekuzzjoni. 2. Sakemm il-liġi ma tindikax Amtsgericht (il-Qorti Distrettwali) oħra, l-Amtsgericht (il-Qorti Distrettwali) li fil-ġurisdizzjoni tagħha seħħet jew ser isseħħ il-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata titqies li hija l-qorti tal-eżekuzzjoni. 3. Id-deċiżjonijiet tal-qorti tal-eżekuzzjoni jingħataw fil-forma ta’ digriet.” |
Il‑kawżi prinċipali u d‑domandi preliminari
Il‑Kawża C‑256/23
|
15 |
Fis‑16 ta’ Novembru 2010, Hallertauer ressqet talba għal reġistrazzjoni ta’ sustanza kimika quddiem l-ECHA fejn indikat li hija taqa’ taħt il-kategorija ta’ SME u, b’mod iktar partikolari, taħt dik ta’ “mikroimpriża” fis-sens tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas‑6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni tal-mikroimpriżi u tal-impriżi żgħar u medji (ĠU 2003, L 124, p. 36), sabiex tkun tista’ tgawdi minn tnaqqis fil-ħlas ta’ reġistrazzjoni. |
|
16 |
Matul is-sena 2013, l-ECHA vverifikat l-informazzjoni dwar id-daqs tal-impriża kkonċernata pprovduta minn din il-kumpannija. F’dan il-kuntest, hija informatha, permezz ta’ ittra tal‑31 ta’ Mejju 2013, li, filwaqt li s-SMEs setgħu jgawdu minn tnaqqis tal-ispejjeż u l-ħlasijiet, kien meħtieġ, għal dan il-għan, li jiġu prodotti provi dwar id-daqs tal-impriża kkonċernata u li, fin-nuqqas ta’ produzzjoni ta’ tali provi fit-termini mogħtija, kull tnaqqis jiġi eskluż. |
|
17 |
Fl‑20 ta’ Novembru 2013, l-ECHA adottat id-deċiżjoni SME(2013) 4439 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-ECHA inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑256/23”) u nnotifikatha lil Hallertauer. F’din id-deċiżjoni l-ECHA kkonstatat li din il-kumpannija ma setgħetx tistenna li tgawdi minn tnaqqis fuq l-ispejjeż u ħlasijiet inkwantu naqset milli tipproduċi provi li taqa’ taħt il-kategorija ta’ “mikroimpriża” u li konsegwentement kien meħtieġ li tintalab tħallas spejjeż amministrattivi b’ammont ta’ EUR 9950. L-imsemmija deċiżjoni kienet tinkludi wkoll informazzjoni dwar ir-rimedji legali li kienu jwasslu għall-possibbiltà għall-istess kumpannija li tadixxi lill-Qorti Ġenerali f’terminu ta’ xahrejn mid-data ta’ notifika tal-istess deċiżjoni sabiex tikkontestaha. |
|
18 |
Permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Novembru 2013, l-ECHA bagħtet kont lil Hallertauer għall-ħlas ta’ dawn l-ispejjeż amministrattivi li kien eżiġibbli fit‑22 ta’ Diċembru 2013. |
|
19 |
Fit‑22 ta’ Diċembru 2013, l-ECHA bagħtet ittra ta’ tfakkira lil Hallertauer li fiha d-data ta’ eżiġibbiltà ta’ dan il-kont ġiet għalhekk stabbilita għall‑20 ta’ Frar 2014. |
|
20 |
Hallertauer ma ħallsitx l-imsemmija spejjeż amministrattivi u lanqas ma ppreżentat rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tal-ECHA inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑256/23 quddiem il-Qorti Ġenerali fit-terminu mogħti. |
|
21 |
Fil‑15 ta’ Mejju 2019, l-ECHA adixxiet il-Bayerisches Verwaltungsgericht Regensburg (il-Qorti Amministrattiva minn Bayern, Regensburg, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑256/23, b’azzjoni intiża biex Hallertauer tħallas is-somma li tammonta għal EUR 9950 hekk kif stabbilit fid-deċiżjoni tal-ECHA inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑256/23. |
|
22 |
Din il-qorti, fl-ewwel lok, tistaqsi dwar jekk il-qrati tal-Istati Membri għandhomx ġurisdizzjoni biex jieħdu konjizzjoni ta’ azzjoni ta’ aġenzija tal-Unjoni, bħall-ECHA, intiża għall-eżekuzzjoni ta’ obbligu pekunjarju impost minn deċiżjoni li ma hijiex iżjed suġġetta għal rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni, bħad-deċiżjoni tal-ECHA inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑256/23. |
|
23 |
L-imsemmija qorti tosserva li, fid-dritt Ġermaniż, qorti hija awtorizzata tiddeċiedi dwar in-natura fondata ta’ azzjoni biss jekk din tkun ivverifikat b’mod partikolari li din l-azzjoni taqa’ taħt is-sistema ġudizzjarja li għaliha tappartjeni. Fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tas-sistema ġudizzjarja amministrattiva li taħtha taqa’ l-qorti tar-rinviju, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-azzjoni ppreżentata fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑256/23 tirrigwardax “tilwima li taqa’ taħt id-dritt pubbliku ta’ natura mhux kostituzzjonali”, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 40(1) tal-VwGO, bħal dawk li tagħhom jieħdu konjizzjoni l-qrati amministrattivi. |
|
24 |
Madankollu, il-ġurisdizzjoni tal-qrati amministrattivi Ġermaniżi biex jieħdu konjizzjoni ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑256/23, li ma għandhiex bħala għan li tikseb deċiżjoni fuq il-mertu dwar dejn, hija rregolata biss mill-Artikolu 167 tal-VwGO, li, bħala lex specialis, jipprevali fuq ir-regola ġenerali prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 40(1) tal-VwGO. Dan premess, dan l-Artikolu 167 jippresupponi li t-titolu eżekuttiv jirriżulta minn proċedura ġudizzjarja – kundizzjoni li ma tirriżultax fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑256/23. |
|
25 |
Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk l-azzjoni ppreżentata f’din it-tilwima taqax taħt il-ġurisdizzjoni partikolari tal-qorti tal-Unjoni prevista fl-Artikolu 94(1) tar-Regolament REACH fejn għalhekk din taħrab mill-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istati Membri. |
|
26 |
Il-qorti tar-rinviju tammetti li pjuttost taqbel mat-teżi żviluppata mill-konvenuta fil-kawża prinċipali li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-qorti tal-Unjoni għandha ġurisdizzjoni tieħu konjizzjoni ta’ azzjoni intiża għall-eżekuzzjoni ta’ att tad-dritt tal-Unjoni. |
|
27 |
Fil-fatt, qabel kollox, distinzjoni bejn, minn naħa, l-iffissar ta’ ħlasijiet jew ta’ spejjeż amministrattivi u, min-naħa l-oħra, l-irkupru tagħhom hija artifiċjali u ftit probabbli ġaladarba l-imsemmija dispożizzjoni hija intiża li tissuġġetta l-azzjoni amministrattiva tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali bħala organu tal-Unjoni għal kontroll komplet. |
|
28 |
Sussegwentement, każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑256/23 jikkonsisti fl-implimentazzjoni diretta tad-dritt tal-Unjoni minn aġenzija tal-Unjoni taħt il-forma ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni li timponi obbligi pekunjarji. Dan premess, il-qrati Ġermaniżi għandhom ġurisdizzjoni biss fil-każ ta’ implimentazzjoni indiretta tad-dritt tal-Unjoni li tinvolvi att ta’ entità pubblika tal-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati. Għaldaqstant ikun xieraq li d-deċiżjonijiet li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika adottati minn aġenzija tal-Unjoni jiġu għalkollox issuġġettati għall-kontroll tal-qrati tal-Unjoni. |
|
29 |
Finalment, sabiex tiġi ggarantita applikazzjoni uniformi tad-dritt fi ħdan l-Unjoni, il-qorti tal-Unjoni għandha tkun tista’ teżerċita kontroll mhux biss fuq is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ att tal-Unjoni kif inhu previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 299 TFUE, iżda wkoll, suġġett għat-tieni sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 299 TFUE, fuq il-proċedura kollha ta’ eżekuzzjoni ta’ tali att. |
|
30 |
Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li l-Artikolu 94(1) tar-Regolament REACH ma japplikax għal azzjoni għall-irkupru bħal dik ippreżentata fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fit-tieni lok, dwar jekk id-deċiżjoni tal-ECHA inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑256/23 tikkostitwixxix titolu eżekuttiv, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 299 TFUE. |
|
31 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li, fid-dawl tal-pożizzjoni tiegħu fl-istruttura tat-Trattat FUE kif ukoll fir-rigward tal-objettiv u tal-għan tiegħu, ma huwiex eskluż li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 299 TFUE għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’, b’mod li jkopri wkoll atti li jinvolvu obbligi pekunjarji. |
|
32 |
Barra minn hekk tali interpretazzjoni hija sostnuta mill-fatt li la r-Regolament REACH u lanqas ir-Regolament Nru 340/2008 ma jinkludu regoli speċifiċi dwar l-eżekuzzjoni forzata. Dan premess, peress li l-ECHA għandha s-setgħa li tirċievi spejjeż, ħlasijiet u spejjeż amministrattivi, hija għandu jkollha l-mezzi neċessarji biex tipproċedi sabiex jiġu eżegwiti deċiżjonijiet li jimponu dawn il-ħlasijiet u spejjeż. |
|
33 |
Fit-tielet lok, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li d-deċiżjoni tal-ECHA inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑256/23 taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 299 TFUE, hekk kif iddefinit fl-ewwel paragrafu ta’ dan tal-aħħar, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk ir-riferiment għar-regoli ta’ proċedura ċivili fis-seħħ fl-Istat li fuq it-territorju tiegħu sseħħ l-eżekuzzjoni konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 299 għandux jinftiehem fis-sens li huwa “riferiment komplet” li jkopri r-regoli fil-qasam tal-ġurisdizzjoni tal-entità ta’ eżekuzzjoni kompetenti. |
|
34 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-BayerischeVerwaltungsgericht Regensburg (il-Qorti Amministrattiva minn Bayern, Regensburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Il‑Kawża C‑290/23
|
35 |
Fl-2010, B. ressqet fajl ta’ reġistrazzjoni taħt ir-Regolament REACH fejn indikat li hija kienet impriża ta’ daqs medju, fis-sens tar-Rakkomandazzjoni 2003/361. |
|
36 |
Peress li din il-kumpannija ma pproduċietx il-provi neċessarji f’dan ir-rigward fit-termini mogħtija, l-ECHA adottat, fid‑9 ta’ Awwissu 2016, id-deċiżjoni SME(2016) 3729 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-ECHA inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑290/23”). |
|
37 |
F’din id-deċiżjoni, l-ECHA kkonstatat li B. ma kinitx iżjed eliġibbli għall-ħlas imnaqqas previst, b’mod partikolari, għall-impriżi ta’ daqs medju u li għaldaqstant kien suġġetta, bis-saħħa tal-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 340/2008, għad-differenza bejn il-ħlas diġà mħallas u dak dovut mill-impriżi l-kbar u, għalhekk, għal spiża amministrattiva li tammonta għal EUR 17437. L-imsemmija deċiżjoni kienet tinkludi informazzjoni dwar ir-rimedji legali, li fihom kien indikat li, konformement mal-applikazzjoni magħquda tal-Artikolu 94(1) tar-Regolament REACH u tal-Artikolu 263 TFUE, rikors seta’ jiġi ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali f’terminu ta’ xahrejn mid-data ta’ notifika tal-istess deċiżjoni, sabiex tiġi eżaminata l-legalità tagħha. |
|
38 |
B. ma ppreżentatx rikors kontra d-deċiżjoni tal-ECHA inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑290/23 quddiem il-Qorti Ġenerali fit-terminu mogħti u lanqas ma ħallset is-somma mitluba mill-ECHA minkejja li din tal-aħħar bagħtitliha numru ta’ ittri ta’ tfakkira. |
|
39 |
L-ECHA ppreżentat rikors quddiem il-Verwaltungsgericht Halle (il-Qorti Amministrattiva ta’ Halle, il-Ġermanja), fejn talbiet li B. tiġi kkundannata tħallsilha s-somma ta’ EUR 17437 stabbilita fid-deċiżjoni tal-ECHA inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑290/23. |
|
40 |
Din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors bħala inammissibbli minħabba, essenzjalment, li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-ECHA, ma kienx jeżisti rimedju amministrattiv konformement mal-Artikolu 40 tal-VwGO. |
|
41 |
Adita bl-appell kontra d-deċiżjoni tal-Verwaltungsgericht Halle (il-Qorti Amministrattiva ta’ Halle), l-Oberverwaltungsgericht des Landes Sachsen-Anhalt (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Sachsen-Anhalt, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑290/23, tikkunsidra, fl-ewwel lok, li, kuntrarjament għal dak li huwa ddikjarat fid-deċiżjoni, ir-rikors ma jistax jiġi miċħud bħala inammissibbli minħabba li r-rimedju amministrattiv previst fl-Artikolu 40(1) tal-VwGO ma huwiex disponibbli fl-assenza ta’ att ġuridiku li jirriżulta minn awtorità pubblika Ġermaniża. |
|
42 |
Peress li l-qrati tal-Unjoni ma għandhomx ġurisdizzjoni biex jieħdu konjizzjoni tar-rikorsi dwar l-eżekuzzjoni ta’ dejn taħt id-dritt pubbliku ta’ organu tal-Unjoni konformement mal-Artikoli 256 et seq. TFUE, huma l-qrati nazzjonali li, bis-saħħa tal-Artikolu 274 TFUE, għandhom ġurisdizzjoni biex jeżaminaw dawn ir-rikorsi. |
|
43 |
L-Artikolu 94(1) tar-Regolament REACH ma jipprevedix ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni biex tieħu konjizzjoni ta’ tali rikorsi peress li, skont it-termini stess tagħha, din id-dispożizzjoni tapplika biss jekk dik il-qorti jkollha ġurisdizzjoni konformement mal-Artikolu 263 TFUE. Dan premess, dan ma huwiex il-każ ta’ dawn ir-rikorsi peress li dawn jirrigwardaw l-eżekuzzjoni ta’ obbligi pekunjarji u mhux l-annullament ta’ att tal-Unjoni. |
|
44 |
Fit-tieni lok, tqum il-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni tal-ECHA inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑290/23, li timponi ħlas amministrattiv konformement mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 340/2008, tikkostitwixxix titolu eżekuttiv. Dan ikun il-każ jekk din id-deċiżjoni tkun taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 299 TFUE hekk kif iddefinit fl-ewwel paragrafu ta’ dan tal-aħħar. |
|
45 |
Il-qorti tar-rinviju tqis, f’dan ir-rigward, li huwa permess dubju fir-rigward tal-applikabbiltà tal-Artikolu 299 TFUE għal deċiżjoni bħad-deċiżjoni tal-ECHA inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑290/23. |
|
46 |
Fit-tielet u fl-aħħar lok, jekk jiġi konkluż li d-deċiżjoni tal-ECHA inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑290/23 ma taqax taħt l-Artikolu 299 TFUE, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-punt jekk id-dispożizzjonijiet magħquda tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(4) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 340/2008 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li azzjoni għal eżekuzzjoni mill-ECHA ta’ obbligu ta’ ħlas amministrattiv għandha tiġi eskluża. |
|
47 |
Skont dik il-qorti, dawn id-dispożizzjonijiet magħquda tar-Regolament Nru 340/2008 jistgħu jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas tal-ispejjeż, tal-ħlasijiet jew tal-ispejjeż amministrattivi qabel l-iskadenza tat-tieni terminu stabbilit mill-ECHA l-unika konsegwenza prevista minn dan ir-regolament tkun iċ-ċaħda tat-talba għal reġistrazzjoni tas-sustanza kimika kkonċernata u li, b’hekk, dan il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jeskludi azzjoni għal eżekuzzjoni quddiem il-qrati nazzjonali tad-deċiżjoni li timponi spiża amministrattiva. |
|
48 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberverwaltungsgericht des Landes Sachsen-Anhalt (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Sachsen-Anhalt) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda fil‑Kawża C‑256/23
|
49 |
Permezz tal-ewwel domanda fil-Kawża C‑256/23, li jeħtieġ li tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża tistaqsi, essenzjalment dwar jekk l-Artikolu 94(1) tar-Regolament REACH għandux jiġi interpretat fis-sens li l-qorti tal-Unjoni tista’ tiġi adita mill-ECHA b’rikors intiż għall-eżekuzzjoni ta’ obbligu pekunjarju impost fuq persuna f’deċiżjoni adottata minn din l-aġenzija. |
|
50 |
Peress li, bis-saħħa tal-Artikoli 91 sa 93 tar-Regolament REACH ma jeżistix dritt ta’ appell quddiem il-Bord tal-Appell tal-ECHA fir-rigward tal-kontestazzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ din l-aġenzija li jistabbilixxu obbligi pekunjarji marbuta mar-reġistrazzjoni ta’ sustanza kimika, din id-domanda timponi li jiġi eżaminat jekk azzjoni għal eżekuzzjoni ta’ obbligu pekunjarju, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑256/23, tikkostitwixxix kontestazzjoni ta’ “deċiżjoni tal-[ECHA]”, fis-sens tal-Artikolu 94(1) ta’ dan ir-regolament, li biha l-qorti tal-Unjoni tista’ tiġi adita konformement mal-Artikolu 263 TFUE. |
|
51 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat, qabel kollox, li l-Artikolu 94(1) tar-Regolament REACH, sa fejn jirreferi espressament għall-ġurisdizzjoni mogħtija lill-qorti tal-Unjoni fl-Artikolu 263 TFUE, huwa ta’ natura dikjaratorja u ma jistax iwessa’ din il-ġurisdizzjoni. |
|
52 |
F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li r-rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE huwa disponibbli b’mod ġenerali kontra l-atti kollha adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, indipendentement min-natura jew mill-forma tagħhom, li huma intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali ta’ dan tal-aħħar (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, ADR Center vs Il‑Kummissjoni, C‑584/17 P, EU:C:2020:576, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
53 |
Il-ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 263 TFUE tirrigwarda, b’mod partikolari, l-eżami mill-qorti tal-Unjoni tal-“legalità” tal-“atti ta’ [korpi] jew organi maħsuba sabiex jipproduċu effetti legali fir-rigward” tat-terzi. |
|
54 |
B’mod partikolari, persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors bis-saħħa tal-Artikolu 263 TFUE intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-ECHA li timponilha obbligu pekunjarju b’rabta mat-talba tagħha għal reġistrazzjoni ta’ sustanza kimika taħt ir-Regolament REACH ġaladarba tali deċiżjoni tikkostitwixxi att intiż li jipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ terzi li tagħha tali persuna hija d-destinatarja. |
|
55 |
F’dan il-każ, huwa paċifiku li, fid-deċiżjonijiet tal-ECHA inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kumpanniji kkonċernati ġew espressament avżati dwar id-dritt tagħhom għal azzjoni legali quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjoni li tagħha huma kienu destinatarji iżda ma eżerċitawx dan id-dritt għal azzjoni legali fit-terminu ta’ xahrejn previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. |
|
56 |
Barra minn hekk, huwa minnu li l-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jippermetti lil-leġiżlatur tal-Unjoni jipprevedi fl-atti li joħolqu l-korpi u l-organi tal-Unjoni “kondizzjonijiet u arranġamenti partikolari” dwar ir-rikorsi mressqa minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi kontra atti ta’ dawn il-korpi jew organi maħsuba biex jipproduċu effetti legali fir-rigward tagħhom. |
|
57 |
Minn naħa, xorta jibqa’ l-fatt li l-Kawża C‑256/23 tirrigwarda rikors ippreżentat minn aġenzija tal-Unjoni kontra persuna ġuridika u, min-naħa l-oħra, li, fi kwalunkwe każ, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax fuq din il-bażi jwessa’ l-ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 263 TFUE biex fiha jinkludi l-eżami ta’ rikors intiż għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi pekunjarji imposti f’tali atti ta’ korpi jew organi, peress li, billi jagħmel hekk, dan il-leġiżlatur ma jkunx qiegħed jipprevedi “kondizzjonijiet u arranġamenti partikolari” dwar rikorsi li jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni, iżda jkun qiegħed joħloq rimedju ġdid mhux previst mit-Trattat FUE. |
|
58 |
Fil-fatt, jekk il-qorti tal-Unjoni tkun tqis li għandha ġurisdizzjoni biex tieħu konjizzjoni tal-azzjonijiet ta’ korpi jew organi tal-Unjoni intiżi għall-eżekuzzjoni tal-obbligi pekunjarji, din tkun qiegħda tirriskja li testendi l-ġurisdizzjoni tagħha lil hinn mil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 274 TFUE, li jagħti lill-qrati nazzjonali l-ġurisdizzjoni taħt id-dritt ordinarju biex jieħdu konjizzjoni tat-tilwim li għalih hija parti l-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, ADR Center vs Il‑Kummissjoni, C‑584/17 P, EU:C:2020:576, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
59 |
Bl-istess mod, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax, permezz tal-adozzjoni ta’ att legali dderivat, joħloq rimedju legali mhux previst mit-Trattat FUE, ġaladarba dan it-trattat stabbilixxa sistema kompleta ta’ rimedji legali u ta’ proċeduri intiżi li jiżguraw l-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet billi jafdahom f’idejn il-qorti tal-Unjoni (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il‑Kunsill, C‑50/00 P, EU:C:2002:462, punt 40). |
|
60 |
Għaldaqstant, twessigħ tal-ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 263 TFUE biex fiha jiġi inkluż eżami ta’ rikors intiż għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi pekunjarji huwa inkompatibbli mal-karatteristika fundamentali tar-rikors imsemmi f’dan l-artikolu, jiġifieri li dan ir-rikors jikkostitwixxi rikors għal annullament intiż li jikkontesta l-legalità tal-att ikkonċernat, u għaldaqstant imur kontra d-dritt primarju tal-Unjoni. |
|
61 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-qorti tal-Unjoni ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tieħu konjizzjoni ta’ rikors tal-ECHA intiż għall-irkupru tal-ispejjeż marbuta mar-reġistrazzjoni ta’ sustanza kimika fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE u peress li ebda dispożizzjoni oħra tad-dritt primarju tal-Unjoni ma tattribwixxi tali ġurisdizzjoni lil din il-qorti, mill-Artikolu 274 TFUE jirriżulta li tali rikors huwa fdat lill-qrati nazzjonali li għandhom il-ġurisdizzjoni taħt id-dritt ordinarju biex jieħdu konjizzjoni ta’ tilwim li għalih hija parti l-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, ADR Center vs Il‑Kummissjoni, C‑584/17 P, EU:C:2020:576, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
62 |
It-teżi opposta li Hallertauer żviluppat quddiem il-qorti tar-rinviju ma tistax tintlaqa’. |
|
63 |
Fil-fatt, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk, minn perspettiva prattika, huwiex opportun, għal raġunijiet ta’ effikaċja, li l-qorti tal-Unjoni ma tiħux biss konjizzjoni tal-legalità tal-atti tal-ECHA iżda wkoll tal-eżekuzzjoni tal-obbligi pekunjarji li jimponu dawn l-atti, mill-punt 59 ta’ din is-sentenza jirriżulta li dan manifestament ma huwiex il-każ fil-kuntest tas-sistema ta’ rimedji legali u ta’ proċeduri attwalment previsti mit-Trattat FUE. |
|
64 |
Qabel kollox, tali ġurisdizzjoni ma hijiex indispensabbli biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni ġaladarba rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali huwa possibbli għal dak li jikkonċerna l-legalità tal-atti kkonċernati u kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tista’ tqajjem azzjoni għall-eżekuzzjoni ta’ dawn l-atti quddiem il-qrati nazzjonali jistgħu u, jekk ikun il-każ, għandhom jiġu sottomessi lil-Qorti tal-Ġustizzja bis-saħħa tal-Artikolu 267 TFUE. |
|
65 |
Fl-aħħar nett, il-fatt li, f’dan il-każ, jirriżulta l-każ inkwistjoni ta’ implimentazzjoni diretta tad-dritt tal-Unjoni minn aġenzija tal-Unjoni taħt forma ta’ impożizzjoni ta’ obbligu pekunjarju huwa mingħajr rilevanza għall-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali, fid-dawl tas-sistema ta’ rimedji legali u ta’ proċeduri bħalma hija dik attwalment prevista fit-Trattat FUE, b’mod partikolari l-Artikolu 274 tiegħu. |
|
66 |
Fid-dawl tal-punti kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑256/23 tkun li l-Artikolu 94(1) tar-Regolament REACH għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti tal-Unjoni ma tistax tiġi adita mill-ECHA b’rikors intiż għall-eżekuzzjoni ta’ obbligu pekunjarju impost fuq persuna f’deċiżjoni adottata minn din l-aġenzija. |
Fuq it‑tieni domanda fil‑Kawża C‑256/23 u fuq l‑ewwel domanda fil‑Kawża C‑290/23
|
67 |
Permezz tat-tieni domanda fil-Kawża C‑256/23 u tal-ewwel domanda fil-Kawża C‑290/23, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien u fit-tieni lok, il-qrati tar-rinviju f’dawn il-kawżi, essenzjalment, jistaqsu dwar jekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 299 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni tal-ECHA, li timponi obbligu pekunjarju, fuq persuna, marbut mar-reġistrazzjoni ta’ sustanza kimika ma’ din l-aġenzija, toħloq titolu eżekuttiv fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
68 |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 299 TFUE, l-atti tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tal-BĊE li jimponu obbligi pekunjarji fuq persuni li ma humiex l-Istati joħolqu titolu eżekuttiv. |
|
69 |
Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li dawn l-atti jistgħu jkunu s-suġġett ta’ eżekuzzjoni forzata kontra l-persuni, minbarra l-Istati, li lilhom huma indirizzati (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, Dimos Zagoriou, C‑217/16, EU:C:2017:841, punt 29). |
|
70 |
Peress li l-elenku li jinsab fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 299 TFUE huwa, fir-rigward tal-formulazzjoni tiegħu, ta’ natura manifestament eżawrjenti u peress li din id-dispożizzjoni ma tissuġġettax ruħha għal interpretazzjoni wiesgħa, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatt li għandha bħala għan li tagħti prerogattiva ta’ awtorità pubblika, għandu jiġi kkonstatat li la l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li ma jinsabux f’dan l-elenku u lanqas l-atti ta’ korpi jew ta’ organi tal-Unjoni, fosthom l-ECHA, anki jekk jimponu obbligu pekunjarju, fuq persuni minbarra l-Istati, ma jifformaw titolu eżekuttiv, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, u għaldaqstant ma jistgħux ikunu suġġetti għal eżekuzzjoni forzata taħt l-Artikolu 299 TFUE skont il-modalitajiet li huma previsti fiha. |
|
71 |
Kif osservat essenzjalment l-Avukata Ġenerali fil-punti 48 sa 50 tal-konklużjonijiet tagħha, in-natura eżawrjenti tal-imsemmi elenku hija wkoll ikkorroborata bl-oriġini tal-Artikolu 299 TFUE, b’mod partikolari bil-fatt li, fil-kuntest tal-emendi magħmula għat-Trattati bit-Trattat ta’ Lisbona, l-awturi ta’ dan it-Trattat emendatorju sempliċement żiedu riferiment għall-BĊE biss f’dan l-elenku u ma inkludewx istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni, jew anki korpi jew organi tal-Unjoni, fl-istess elenku. |
|
72 |
Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament REACH ma jinkludix dispożizzjonijiet dwar l-eżekuzzjoni forzata tad-deċiżjonijiet tal-ECHA bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
73 |
B’kuntrast, hekk kif osservat ukoll l-Avukata Ġenerali fil-punti 65 sa 67 tal-konklużjonijiet tagħha, numru ta’ regolamenti li jistabbilixxu korpi jew organi tal-Unjoni jinkludu dispożizzjonijiet fil-qasam tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet adottati minn dawn l-entitajiet, b’mod partikolari fil-qasam tal-ispejjeż marbuta ma’ proċeduri ta’ reġistrazzjoni, li huma essenzjalment identiċi għal dawk tal-Artikolu 299 TFUE. |
|
74 |
L-istess jgħodd, b’mod partikolari, fir-rigward tal-Artikolu 110 tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1) intitolat “L-infurzar ta’ deċiżjonijiet li jiffissaw l-ammont tal-ispejjeż”, li jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li kull deċiżjoni definittiva tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) li tiffissa l-ammont tal-ispejjeż tikkostitwixxi titolu eżekuttiv u, fil-paragrafi 2 sa 4 tiegħu, dispożizzjonijiet essenzjalment identiċi għal dawk tat-tieni sar-raba’ paragrafi tal-Artikolu 299 TFUE. |
|
75 |
Bl-istess mod, l-Artikolu 41(3) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1), jipprovdi, fl-ewwel subparagrafu tiegħu, li multi u pagamenti imposti mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (BUR), bis-saħħa tal-Artikoli 38 u 39 tiegħu, joħolqu titolu eżekuttiv, u jipprovdi, fit-tieni sar-raba’ subparagrafu tiegħu, dispożizzjonijiet essenzjalment identiċi għal dawk tat-tieni sar-raba’ paragrafi tal-Artikolu 299 TFUE. |
|
76 |
Min-naħa l-oħra, b’mod partikolari fir-rigward tal-irkupru ta’ ħlasijiet u spejjeż, għandu jiġi kkonstatat, kif osservat essenzjalment l-Avukata Ġenerali fil-punti 69 u 70 tal-konklużjonijiet tagħha, li ċerti regolamenti li jistabbilixxu korp jew organu tal-Unjoni bħar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 297/95 tal‑10 ta’ Frar 1995 dwar il-miżati li għandhom jitħallsu lill-Aġenzija Ewropea għall-Evalwazzjoni tal-Prodotti Mediċinali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 3) kif ukoll numru kunsiderevoli ta’ regolamenti tal-Kummissjoni li permezz tagħhom din tiddelega wħud mill-kompetenzi tagħha lill-aġenziji tal-Unjoni diġà stabbiliti ma jipprovdux regoli speċifiċi dwar is-saħħa eżekuttiva tal-atti deċiżi minnhom, bħalma huma dawk ifformulati skont ir-regoli previsti fl-Artikolu 299 TFUE. |
|
77 |
Għalhekk għandu jiġi kkunsidrat li, fir-rigward tal-ECHA, il-leġiżlatur tal-Unjoni b’intenzjoni ma pprevediex, fir-Regolament REACH, regoli dwar l-eżekuzzjoni forzata tad-deċiżjonijiet tal-aġenzija kkonċernata bħal dawk previsti fl-Artikolu 299 TFUE għall-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan tal-aħħar. |
|
78 |
Għandu jiġi osservat ukoll li huwa minnu li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36) jippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet u f’“ċirkostanzi eċċezzjonali” lil “istituzzjonijiet oħrajn tal-Unjoni”, li l-Kummissjoni tintalab tadotta titolu eżekuttiv għall-benefiċċju tagħhom. |
|
79 |
Madankollu, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk din il-possibbiltà hijiex miftuħa għall-ECHA, jeħtieġ, fi kwalunkwe każ, li jiġi kkonstatat li din hija limitata għal dejn marbut mal-membri tal-persunal jew mal-membri jew ex membri tal-istituzzjoni kkonċernata u għaldaqstant ma tkoprix tipi oħra ta’ dejn bħal dawk tal-ECHA inkwistjoni fil-kawża prinċipali dwar l-irkupru ta’ ħlasijiet amministrattivi dovuti minn operaturi privati. |
|
80 |
Qabel kollox, kif osservat l-Avukata Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 63 u 64 tal-konklużjonijiet tagħha, il-possibbiltà, hekk mogħtija lil ċerti istituzzjonijiet tal-Unjoni minbarra dawk imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 299 TFUE, li jiksbu titolu eżekuttiv, tidher li ssaħħaħ it-teżi favur interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li din tal-aħħar tipprovdi elenku eżawrjenti. |
|
81 |
Fl-aħħar nett, għandu jingħad ukoll li qari flimkien tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 274 TFUE li l-Istati Membri, li għal dan il-għan għandhom marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ minħabba l-awtonomija proċedurali li taqa’ fuqhom f’dan ir-rigward, għandhom jiddeterminaw ir-rimedji legali neċessarji fis-sistema legali interna tagħhom u għandhom jirregolaw il-modalitajiet proċedurali ta’ dawn ir-rimedji legali intiżi sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni effettiva ta’ deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni li jimponu obbligi pekunjarji fuq persuni bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali filwaqt li josservaw, madankollu, il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. |
|
82 |
Dan l-obbligu fuq l-Istati Membri huwa impost ukoll bis-saħħa tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE u, b’mod partikolari, tat-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni li jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jadottaw kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni tal-obbligi li joħorġu mit-Trattati jew li jirriżultaw mill-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. |
|
83 |
Tali provvista ta’ rimedji legali u ta’ modalitajiet proċedurali ma għandhiex tippreġudika l-applikazzjoni u l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni. Dan ikun b’mod partikolari l-każ li kieku din id-dispożizzjoni kellha tagħmel l-irkupru tal-ammonti kkonċernati mill-ECHA prattikament impossibbli. L-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni għandha ssir ukoll b’mod nondiskriminatorju meta mqabbla mal-proċeduri intiżi biex jiġi deċiż tilwim nazzjonali tal-istess tip u l-qrati nazzjonali għandhom jipproċedu, f’dan ir-rigward, bl-istess diliġenza u skont modalitajiet li ma jirrendux iktar diffiċli l-irkupru tal-ammonti inkwistjoni meta mqabbla ma’ xenarji paragunabbli li jikkonċernaw l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali korrispondenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, Dimos Zagoriou, C‑217/16, EU:C:2017:841, punt 16). |
|
84 |
Fid-dawl tal-punti preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda fil-Kawża C‑256/23 u għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑290/23 għandha tkun li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 299 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni tal-ECHA li timponi, fuq persuna, obbligu pekunjarju marbut ma’ talba għal reġistrazzjoni minn din l-aġenzija ta’ sustanza kimika ma toħloqx titolu eżekuttiv, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
Fuq it‑tieni domanda fil‑Kawża C‑290/23
|
85 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha fil-Kawża C‑290/23, li għandha tiġi eżaminata fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet magħquda tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(3) u tat-tieni u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 340/2008 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, meta l-ECHA tikkonstata li l-ħlas sħiħ u spiża amministrattiva huma dovuti peress li l-persuna kkonċernata li sostniet li setgħet tgawdi minn tnaqqis fil-ħlas ma tkunx kapaċi turi, fit-termini mogħtija, li hija għandha dritt għal tali tnaqqis, dawn id-dispożizzjonijiet jeskludu li din l-aġenzija tal-Unjoni tintroduċi azzjoni għal eżekuzzjoni quddiem il-qrati nazzjonali intiża għall-irkupru tal-ispiża amministrattiva kkonċernata jekk din l-ispiża ma tkunx tħallset fit-termini mogħtija. |
|
86 |
F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi osservat, qabel kollox, li l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 340/2008 jipprovdi li spiża tista’ tintalab għas-servizzi amministrattivi u tekniċi pprovduti mill-ECHA fuq talba ta’ parti, li ma humiex koperti minn ħlas ieħor jew minn spiża oħra prevista minn dan ir-regolament. Sussegwentement, l-Artikolu 11(2) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li l-ispejjeż għal servizzi amministrattivi għandhom jitħallsu fi żmien tletin jum kalendarji mid-data li fiha l-fattura tiġi kkomunikata mill-ECHA. Finalment, bis-saħħa tal-Artikolu 11(3) tal-imsemmi regolament, minn naħa, meta l-ħlas ma jsirx qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu ta’ tletin jum, l-ECHA tistabbilixxi terminu ieħor ta’ ħlas u, min-naħa l-oħra, meta l-ħlas ma jseħħx qabel l-iskadenza tat-tieni terminu, l-ECHA “tiċħad it-talba”. |
|
87 |
Minn qari flimkien ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li t-talba li l-ECHA għandha tiċħad bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 340/2008 hija t-talba għal servizzi amministrattivi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 11. |
|
88 |
Fit-tieni lok, huwa minnu, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 340/2008, li l-paragrafi 2, 3 u 5 tal-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament “għandhom japplikaw mutatis mutandis”. |
|
89 |
Madankollu, tali applikazzjoni “mutatis mutandis” tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 340/2008 fil-kuntest tal-eżiġibbiltà tal-ispiża amministrattiva speċifika msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(4) ta’ dan ir-regolament ma jfissirx li, jekk il-ħlas kollu ma jsirx qabel l-iskadenza tat-tieni terminu, l-ECHA ma tkunx tista’ tirkupra l-imsemmija spiża amministrattiva permezz ta’ azzjoni għal eżekuzzjoni quddiem il-qrati nazzjonali. |
|
90 |
Fil-fatt, qabel kollox, kif jirriżulta mill-punt 87 ta’ din is-sentenza, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 340/2008 ma jkoprix iċ-ċaħda tat-talba għal reġistrazzjoni. |
|
91 |
Sussegwentement, l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 340/2008 jikkompleta d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20 tar-Regolament REACH dwar il-proċedura msejħa ta’ “kontroll tal-kompletezza tat-talba”. |
|
92 |
Dan premess, kuntrarjament għall-ħlas tar-reġistrazzjoni, li huwa espressament imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 20, il-ħlas tal-ispiża amministrattiva msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 340/2008 ma jagħmilx parti minn din il-proċedura. Għalhekk, anki fl-assenza ta’ tali ħlas, it-talba hija kompleta u tista’ ssir ir-reġistrazzjoni kkonċernata. |
|
93 |
Finalment, tali interpretazzjoni ma hijiex invalidata bil-fatt li, kuntrarjament għal dak li jipprevedi l-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 297/95 fir-rigward tal-Aġenzija Ewropea għall-Evalwazzjoni tal-Prodotti Mediċinali, li issa jisimha l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA), ir-Regolament REACH ma fihx riferiment espliċitu għall-fatt li l-ECHA għandha l-possibbiltà li tadixxi qorti nazzjonali fil-każ ta’ assenza ta’ ħlas ta’ ħlasijiet u spejjeż amministrattivi fit-termini mogħtija. |
|
94 |
Fil-fatt, tali riferiment huwa manifestament ta’ natura dikjaratorja. Kif inhu indikat fil-punti 81 u 82 ta’ din is-sentenza, minn qari flimkien tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 274 TFUE kif ukoll tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jipprevedu r-rimedji legali u r-regoli proċedurali neċessarji sabiex jiġi żgurat li l-ECHA tkun tista’ effettivament tirkupra l-ammonti dovuti bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 340/2008. |
|
95 |
Fid-dawl tal-punti kollha preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għat-tieni domanda fil-Kawża C‑290/23 tkun li d-dispożizzjonijiet magħquda tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(3) u tat-tieni u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 340/2008 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta l-ECHA tikkonstata li l-ħlas sħiħ u spiża amministrattiva huma dovuti peress li l-persuna kkonċernata li sostniet li setgħet tgawdi minn tnaqqis fil-ħlas ma tkunx kapaċi turi, fit-termini mogħtija, li hija għandha dritt għal tali tnaqqis, dawn id-dispożizzjonijiet jeskludu li din l-aġenzija tal-Unjoni tintroduċi azzjoni għal eżekuzzjoni quddiem il-qrati nazzjonali intiża għall-irkupru tal-ispiża amministrattiva kkonċernata jekk din l-ispiża ma tkunx tħallset fit-termini mogħtija. |
Fuq it‑tielet domanda fil‑Kawża C‑256/23
|
96 |
Ma hemmx lok li tiġi eżaminata t-tielet domanda magħmula fil-Kawża C‑256/23 u li tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 299 TFUE peress li din saret biss fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tirrispondi fl-affermattiv għat-tieni domanda f’din il-kawża dwar l-applikabbiltà ta’ dan l-Artikolu 299 li tirrigwarda l-ewwel paragrafu ta’ dan l-aħħar artikolu. Dan premess, mill-motivi ddikjarati fil-punti 67 sa 84 ta’ din is-sentenza jirriżulta li din it-tieni domanda tirrikjedi risposta fin-negattiv. |
Fuq l‑ispejjeż
|
97 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.