European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1858

27.7.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2026/1858

tal-24 ta’ Lulju 2026

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2019/2110 dwar il-Missjoni Konsultattiva tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUAM RCA)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fid-9 ta’ Diċembru 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2019/2110 (1), li stabbiliet il-Missjoni Konsultattiva tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUAM RCA) b’mandat inizjali sat-8 ta’ Awwissu 2022.

(2)

Fil-21 ta’ Ottubru 2024, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2024/2723 (2), li estendiet il-mandat tal-EUAM RCA sas-7 ta’ Awwissu 2026.

(3)

Fis-26 ta’ Ġunju 2026, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà rrakkomanda li l-mandat tal-EUAM RCA jiġi estiż bi tliet xhur sas-7 ta’ Novembru 2026 biex jippermetti t-tlestija tar-rieżami strateġiku olistiku tal-Missjoni ta’ Taħriġ Militari tal-UE u tal-EUAM RCA fir-Repubblika Ċentru-Afrikana.

(4)

Jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2019/2110 tiġi emendata skont dan.

(5)

L-EUAM RCA ser titmexxa fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u tista’ xxekkel l-ilħuq tal-għanijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif jinsabu fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2019/2110 hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 13(1), it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EUAM RCA għall-perjodu mill-1 ta’ Novembru 2024 sas-7 ta’ Novembru 2026 għandu jkun ta’ EUR 23 276 887,05.”

;

(2)

fl-Artikolu 17, l-aħħar sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“Il-mandat tal-EUAM RCA għandu jintemm fis-7 ta’ Novembru 2026.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Lulju 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

T. BYRNE


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/2110 tad-9 ta’ Diċembru 2019 dwar il-Missjoni Konsultattiva tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUAM RCA) (ĠU L 318, 10.12.2019, p. 141, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/2110/oj).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/2723 tal-21 ta’ Ottubru 2024 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2019/2110 dwar il-Missjoni Konsultattiva tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUAM RCA) (ĠU L, 2024/2723, 22.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2723/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1858/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)