2.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 315/25


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-30 ta’ Novembru 2009

li tadotta deċiżjonijiet Komunitarji dwar l-importazzjoni għal ċerti sustanzi kimiċi skont ir-Regolament (KE) Nru 689/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(2009/875/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 689/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta’ sustanzi kimiċi perikolużi (1), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tiegħu,

Wara li kkonsultat il-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (2),

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 689/2008, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi, f’isem il-Komunità, jekk għandhiex tippermetti l-importazzjoni fil-Komunità ta’ kull sustanza kimika soġġetta għall-proċedura tal-Kunsens Infurmat bil-Quddiem (il-PIC), jew le.

(2)

Il-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (l-UNEP) u l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ikel u l-Agrikoltura (l-FAO) inħatru sabiex jipprovdu s-servizzi ta’ segretarjat għat-tħaddim tal-proċedura tal-PIC stabbilita bil-Konvenzjoni ta’ Rotterdam dwar il-proċedura tal-kunsens infurmat bil-quddiem għal ċerti sustanzi kimiċi u pestiċidi perikolużi fil-kummerċ internazzjonali, minn hawn ‘il quddiem imsejħa “il-Konvenzjoni ta’ Rotterdam”, approvata mill-Komunità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/730/KE (3).

(3)

Il-Kummissjoni, waqt li taġixxi bħala awtorità maħtura komuni, jeħtieġ li tibgħat deċiżjonijiet dwar l-importazzjoni ta’ sustanzi kimiċi soġġetti għall-proċedura tal-PIC lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni ta’ Rotterdam, f’isem il-Komunità u l-Istati Membri tagħha.

(4)

Il-grupp tas-sustanzi kimiċi komposti tat-tributyltin żdied mal-proċedura tal-PIC, bħala pestiċidi, bid-deċiżjoni RC.4/5 tar-raba’ laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet u li għaliha l-Kummissjoni rċeviet tagħrif mis-Segretarjat tal-Konvenzjoni ta’ Rotterdam fil-forma ta’ dokument ta’ gwida dwar id-deċiżjoni. Il-komposti tat-tributyltin jaqgħu fl-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u jagħmlu parti minn dawk il-komposti organostanniċi li huma ristretti b’mod sever għall-użu bħala sustanzi u kostitwenti ta’ preparazzjonijiet li jaġixxu bħala sustanzi bijoċidali.

(5)

Is-sustanza attiva bis(tributyltin) oxide taqa’ fl-ambitu tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (4). Il-bis(tributyltin) oxide jagħmel parti mill-grupp tal-komposti tat-tributyltin u kien jintuża bħala preservattiv tal-injam sakemm dan l-użu li kien għad baqa’ ġie pprojbit bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1048/2005 tat-13 ta’ Ġunju 2005 li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2032/2003 dwar it-tieni fażi tal-programm ta’ xogħol ta’ 10 snin li jissemma fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jikkonċerna t-tqegħid fuq is-suq ta’ prodotti bijoċidali (5).

(6)

Għandha tittieħed deċiżjoni finali dwar l-importazzjoni tal-komposti tat-tributyltin skont dan,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Id-deċiżjoni finali dwar l-importazzjoni tal-komposti tat-tributyltin kif stabbilita fil-formola għat-tweġiba dwar l-importazzjoni fl-Anness għandha tiġi adottata.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Novembru 2009.

Għall-Kummissjoni

Stavros DIMAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 204, 31.7.2008, p. 1.

(2)   ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(3)   ĠU L 299, 28.10.2006, p. 23.

(4)   ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1.

(5)   ĠU L 178, 9.7.2005, p. 1.


ANNESS

FORMOLA GĦAT-TWEĠIBA DWAR L-IMPORTAZZJONI

Image 1

Test ta 'immaġni

Image 2

Test ta 'immaġni

Image 3

Test ta 'immaġni

Image 4

Test ta 'immaġni