52006PC0152(02)

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tadatta l-Anness VIII għall-Att ta' l-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija /* KUMM/2006/0152 finali - CNS 2006/0054 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 4.4.2006

KUMM(2006) 152 finali

2006/0053 (CNS)

2006/0054 (CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tadatta l-Att ta’ l-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija rigward l-iżvilupp rurali

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tadatta l-Anness VIII għall-Att ta' l-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija

(preżentati mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

Nhar l-20 ta’ Settembru 2005, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1689/2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali li jeffettwa tibdiliet għall- acquis li fuqu ssejsu n-negozjati mal-Bulgarija u r-Rumanija dwar l-adeżjoni tagħhom. Dan ir-regolament ma jqisx ir-riżultati tan-negozjati dwar l-adeżjoni jew, tabilħaqq, tat-tkabbir innifsu. Għaldaqstant jeħtieġ li kemm l-Att ta' l-Adeżjoni kif ukoll it-test tar-regolament dwar l-iżvilupp rurali l-ġdid jiġu adattati qabel l-adeżjoni ħalli jiġi żgurat li dawn it-tnejn ikunu kompatibbli ma' xulxin.

B’mod speċifiku, jeħtieġ li:

- li jiġu adattati l-annessi għall-Att ta’ l-Adeżjoni konnessi ma’ l-iżvilupp rurali sabiex ir-riżultati tan-negozjati jkunu kompatibbli ma’ l- acquis il-ġdid (fejn ir-referenzi fl-Att ta’ l-Adeżjoni saru obsoliti jew fejn ir-riżultati tan-negozjati mhumiex immedjatament kompatibbli mar-regolament dwar l-iżvilupp rurali l-ġdid);

- li jiġu adottati l-Artikolu 29 u 34 ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni sa fejn dawn jirreferu għal regoli tranżitorji jew implimentattivi għall-iżvilupp rurali;

- li jiġi adottat ir-regolament dwar l-iżvilupp rurali l-ġdid sabiex dan ikun jista' jiġi applikat għall-Bulgarija u r-Rumanija u sabiex ikun jinkorpora kif jixraq ir-riżultati tan-negozjati dwar l-adeżjoni.

Il-prinċipji ta’ gwida segwiti fit-tħejjija ta’ dawn l-adattamenti kienu li l-karattru u l-prinċipji fundamentali tar-riżultati tan-negozjati dwar l-adeżjoni għandhom jinżammu u li l-adattamenti għandhom ikunu limitati għal dak li huwa assolutament meħtieġ.

Dawn il-proposti m'għandhom l-ebda implikazzjonijiet finanzjarji għall-baġit Komunitarju.

Il-proposti li saru fit-testijiet legali (żewġ Deċiżjonijiet tal-Kunsill u Regolament tal-Kunsill rispettivament) jinsabu mfissra hawn taħt.

LEADER – Threshold finanzjarja minima għal assi 4

Ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 jistabbilixxi li fi ħdan kull programm ta' żvilupp rurali għandu jkun hemm assi obbligatorju Leader sabiex jappoġġa l-istrateġiji ta' żvilupp rurali implimentati u mfassla lokalment, u li dan l-assi għandu jgħodd għal perċentwal minimu tal-kontribut ta' l-EAFRD għall-programm. Minħabba n-nuqqas ta’ esperjenza li għandhom il-Bulgarija u r-Rumanija fl-implimentazzjoni tal-metodu Leader u sabiex tissawwar biżżejjed kapaċità lokali biex jiġi applikat il-Leader, il-kontribut finanzjarju medju ta' 2.5% għall-assi Leader applikabbli għall-UE-10 għandu jiġi applikat għall-perjodu 2010-2013 għall-Bulgarija u r-Rumanija biss. It-test legali jikkjarifika wkoll kif għandu jinħadem dan il-perċentwal.

Miżuri tat-tip LEADER+

Il-miżuri maqbula mal-Bulgarija u r-Rumanija rigward l-appoġġ għall-kisba tal-kapaċitajiet intiżi għat-tħejjija tal-komunitajiet rurali sabiex jiġu konċepiti u implimentati l-istrateġiji ta' żvilupp lokali huma differenti mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005. Ir-riżultati tan-negozjati mal-Bulgarija u r-Rumanija għandhom jibqgħu miżmuma f’dan il-qasam.

Servizzi Konsultattivi

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 dwar l-appoġġ għall-użu ta' servizzi konsultattivi huma differenti kemm fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom kif ukoll fil-livell ta' appoġġ finanzjarju għall-benefiċjarji minn dak stabbiliti għall-perjodu 2007–09 fit-Trattat ta' l-Adeżjoni. Sabiex jiġi evitat kwalunkwe possibbiltà ta’ finanzjament doppju għall-ewwel tliet snin tal-programm, il-Bulgarija u r-Rumanija għandhom jingħataw l-għażla li jimplimentaw jew il-miżuri previsti fl-Anness VIII għall-Att ta’ l-Adeżjoni inkella l-miżuri previsti fir-Regolament (KE) Nru 1698/2005. Barra minn hekk, sabiex id-dikjarazzjoni maħruġa flimkien mill-Kunsill u l-Kummissjoni rigward il-Bulgaria u r-Rumanija, li ddaħħlet fil-minuti tal-laqgħa tal-Kunsill tad-19/20 ta' Settembru li matulha ntlaħaq qbil politiku dwar ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005, tkun effettiva, qed jiġi propost li l-miżura tat-Trattat ta' l-Adeżjoni dwar id-dispożizzjoni ta' servizzi konsultattivi tiġi estiża sa l-2013 għall-bdiewa li jirċievu l-appoġġ semi-sussistenzjarju.

Miżuri agro-ambjentali u rigward il-benessri ta’ l-annimali

Ir-riżultati tan-negozjati dwar l-adeżjoni inkludew dispożizzjoni għall-Bulgarija u r-Rumanija biex jikkofinanzjaw miżuri agro-ambjentali u ta' benesseri ta' l-annimali fil-livell ta' 85%. Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-qafas finanzjarju l-ġdid tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, li skondu r-rati ta' kofinanzjament m'għadhomx jiġu ffissati fil-livell tal-miżura, imma fil-livell ta’ l-assi, qed jiġi propost li tkun applikata rata ta’ kofinanzjament massima ta’ 82% għall-Bulgarija u r-Rumanija għall-assi 2 (minflok il-massimu ta’ 80% previst skond ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005) fuq il-programm u l-perjodu ta’ programmar kollu. Din iċ-ċifra ta’ 82% hija bbażata fuq il-peżament mistenni tal-miżuri agro-ambjentali u tal-benessri ta’ l-annimali fi ħdan in-nefqa kumplessiva ta' dawn il-pajjiżi skond l-assi 2 u għalhekk iżżomm benefiċċji ekwivalenti għal dak maqbul dwaru fit-Trattat ta' l-Adeżjoni.

Komplementi għal pagamenti nazzjonali diretti

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni stabbilixxa Fond waħdani għall-appoġġ Komunitarju għall-iżvilupp rurali, li jieħu post iż-żewġ sorsi ta' finanzjament preċedenti (EAGGF – Gwida u Garanzija). Konsegwentement, jeħtieġ li tiġi ċċarata l-bażi tal-kalkolu tal-limitu massimu ta’ 20% speċifikat fil-komplement għall-miżura dwar il-pagamenti diretti prevista fl-Anness VIII għall-Att ta' l-Adeżjoni rigward l-ammonti tal-fondi tat-2ni pilastru li jistgħu jiġu ttrasferiti sabiex jintużaw bħala komplementi għall-pagamenti diretti lill-bdiewa skond l-1el pilastru tal-PAK. B’kunsiderazzjoni tal-bżonn li jkun hemm il-konsistenza mad-dispożizzjonijiet applikati għall-UE-10, il-ħtiġijiet ta’ l-iżvilupp rurali taż-żewġ pajjiżi, u l-importanza li wieħed joqgħod attent li ma jseħħux trasferimenti ta’ fondi tat-2ni pilastru għall-1el pilastru li jistgħu jkunu eċċessivi, qed jiġi propost li l-limitu massimu ta’ 20% għandu japplika biss għall-komponent tal-Garanzija ta’ l-EAGGF.

Regoli tranżitorji u implimentattivi

Ir-referenzi għal regoli tranżitorji u implimentattivi fl-Att ta’ l-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija għandhom jiġu adattati sabiex jikkonformaw mal-proċeduri stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1698/2005.

Aġġustamenti tekniċi

Il-Bulgarija u r-Rumanija għandhom jinżiedu mal-lista ta' l-Istati Membri ġodda li japplikaw għalihom il-miżuri tranżitorji skond ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005. Jeħtieġ li jitneħħew id-dispożizzjonijiet segwenti ta’ l-Anness VIII għall-Att ta’ l-Adeżjoni, li issa huma jew (1) koperti direttament mir-Regolament (KE) Nru 1698/2005: l-appoġġ għall-farms semi-sussistenzjarji li jinsabu għaddejjin minn ristrutturar, gruppi ta' produtturi, assistenza teknika, inkella (2) m'għadux japplika: ir-rekwiżit li l-appoġġ ta' l-investiment ikun limitat għall-impriżi agrikoli li għalihom tkun tista' tintwera l-vijabbiltà ekonomika fi tmiem ir-realizazzjoni ta' l-investiment.

2006/0053 (CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tadatta l-Att ta’ l-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija rigward l-iżvilupp rurali

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat ta' l-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija, u partikolarment l-Artikolu 4(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Att ta' l-Addezzjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija, u partikolarment l-Artikolu 22 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[1],

Billi:

(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1689/2005 ta’ l-20 ta’ Settembru 2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD)[2] li jintroduċi tibdiliet għall- acquis li fuqu ssejsu n-negozjati mal-Bulgarija u r-Rumanija dwar l-adeżjoni tagħhom.

(2) Għaldaqstant hemm il-ħtieġa li l-Att ta’ l-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija jiġi adattat sabiex ikun kompatibbli mar-Regolament (KE) Nru 1698/2005.

(3) Ir-regoli tranżitorji u implimentattivi dwar il-perjodu ta' programmar ta' żvilupp rurali li jibda fl-1 ta' Jannar 2007 għandhom jiġu adottati skond il-proċedura li jirreferi għaliha l-Artikolu 90(2) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005. Ir-referenzi fid-dispożizzjonijiet proċedurali previsti fl-Att ta’ l-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija għandhom jiġu adottati kif jixraq.

(4) Meta laħqu ftehim politiku dwar ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005, il-Kunsill u l-Kummissjoni qablu f’dikjarazzjoni konġunta dwar il-Bulgarija u r-Rumanija li jestendu l-miżura dwar is-servizzi konsultattivi prevista fl-Anness VIII għall-Att ta' l-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija sa l-2013 fir-rigward tad-dispożizzjoni tas-servizzi konsultattivi lill-bdiewa li jirċievu appoġġ semi-sussistenzjarju. L-Att ta’ l-Adeżjoni għandu jiġi adattat b'kunsiderazzjoni ta' dan il-ftehim,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-Att ta’ l-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija jiġi emendat kif ġej:

1) Fl-Artikolu 29, it-tieni sentenza joħdilha postha dan li ġej:

“Jekk ikunu meħtieġa miżuri tranżitorji speċifiċi f’dan ir-rigward, dawn għandhom jiġu adottati skond il-proċedura li jirreferi għaliha l-Artikolu 90(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005*.

* ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1.”

2) L-Artikolu 34 huwa emendat kif ġej:

a) Il-Paragrafu 1 joħodlu postu dan li ġej:

“1. Minbarra r-regolamenti dwar l-iżvilupp rurali fis-seħħ dakinhar ta’ l-adeżjoni, id-dispożizzjonijiet stabbiliti fis-Taqsimiet I, II u III ta’ l-Anness VIII għandhom japplikaw għall-Bulgarija u r-Rumanija għall-perjodu 2007–2009, bl-eċċezzjoni tas-Taqsima I, punt D, ta' dak l-Anness li għandu japplika wkoll għall-perjodu 2010–2013 fir-rigward tad-dispożizzjoni ta' servizzi konsultattivi għall-bdiewa li jirċievu appoġġ semi-sussistenzjarju. Id-dispożizzjonijiet finanzjarji speċifiċi stabbiliti fis-Taqsima IV ta’ l-Anness VIII japplikaw għall-Bulgarija u r-Rumanija matul il-perjodu ta’ programmar 2007–2013 kollu.”

b) Il-Paragrafu 3 joħodlu postu dan li ġej:

“3. Għandhom jiġu adottati regoli implimentattivi, fejn meħtieġ, għall-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet ta' l-Anness VIII skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 90(2) tar-Regolament (KE) Nru. 1698/2005.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha titfassal bil-lingwa Bulgara, Spanjola, Ċeka, Daniża, Ġermaniża, Estonjana, Griega, Ingliża, Franċiża, Irlandiża, Taljana, Latvjana, Litwanjana, Ungeriża, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Finlandiża u Żvediża, u kull wieħed mit-tlieta u għoxrin test ikun awtentiku ndaqs.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tibda sseħħ fl-1 ta' Jannar 2007 suġġetta għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' l-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

2006/0054 (CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tadatta l-Anness VIII għall-Att ta' l-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat ta' l-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija, u partikolarment l-Artikolu 4(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Att ta' l-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija, u partikolarment l-Artikolu 34(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[3],

Billi:

(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1689/2005 ta’ l-20 ta’ Settembru 2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD)[4] li jintroduċi tibdiliet għall- acquis li fuqu ssejsu n-negozjati mal-Bulgarija u r-Rumanija dwar l-adeżjoni tagħhom.

(2) Għaldaqstant hemm il-ħtieġa li l-Att ta’ l-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija jiġi adattat sabiex ikun kompatibbli mar-Regolament (KE) Nru 1698/2005.

(3) Filwaqt li jsiru l-adattamenti neċessarji għall-Att ta’ l-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija, il-karattru u l-prinċipji funadamentali tar-riżultati tan-negozjati għandhom jinżammu u jiġu applikati għall-elementi l-ġodda. Barra minn hekk, l-adattamenti għall-Att ta’ l-Adeżjoni għandhom jitrażżnu għal dak li huwa assolutament meħtieġ.

(4) Il-miżuri ta’ “semi-sussistenza” u “gruppi ta’ produtturi” previsti fl-Anness VIII għall-Att ta' l-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija huma koperti mir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 kif emendat mir-Regolament (KE) Nru .../2006, bħala miżuri tranżitorji għall-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvija, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja u s-Slovakkja. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Att ta’ l-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija f’dawn l-oqsma għandhom jitneħħew.

(5) Id-dispożizzjonijiet dwar l-assistenza teknika prevista fl-Anness VIII għall-Att ta’ l-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija huma koperti mir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 u għandhom għalhekk jitneħħew.

(6) Ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 jistabbilixxi assi Leader obbligatorju fi ħdan il-programm għall-iżvilupp rurali, li għandu jkun jgħodd għal perċentwal minimu ta' kontribut ta' l-EAFRD għall-programm. Barra minn hekk, l-Artikolu 59 ta’ dak ir-Regolament jistabbilixxi miżura mmirata sabiex tappoġġa t-tiswir tal-kapaċitajiet, li hija differenti mill-arranġamenti li ġew innegozjati għall-Bulgarija u r-Rumanija. Huwa għalhekk neċessarju li d-dispożizzjonijiet dwar Leader stipulati fl-Anness VIII għall-Att ta' l-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija jiġu armonizzati mad-dispożizzjonijiet il-ġodda previsti fir-Regolament (KE) Nru 1698/2005.

(7) Ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 jipprevedi appoġġ għall-użu ta’ servizzi konsultattivi. Madankollu, hemm xi differenzi bejn l-Att ta’ l-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija u dak ir-Regolament fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik il-miżura. Sabiex jiġi evitat, notevolment, il-finanzjament doppju għall-ewwel tliet snin tal-programm, il-Bulgarija u r-Rumanija għandhom jingħataw l-għażla li jimplimentaw jew il-miżuri previsti fl-Anness VIII għall-Att ta’ l-Adeżjoni inkella l-miżuri previsti fir-Regolament (KE) Nru 1698/2005.

(8) Barra minn hekk, meta laħqu qbil politiku dwar ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005, il-Kunsill u l-Kummissjoni qablu f’dikjarazzjoni konġunta dwar il-Bulgarija u r-Rumanija li jestendu l-miżura dwar is-servizzi konsultattivi prevista fl-Anness VIII għall-Att ta' l-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija sa l-2013 fir-rigward tad-dispożizzjoni tas-servizzi konsultattivi lill-bdiewa li jirċievu appoġġ semi-sussistenzjarju. L-Anness VIII għall-Att ta’ l-Adeżjoni għandu jiġi adattat b'kunsiderazzjoni ta' dan il-ftehim.

(9) Ladarba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni[5] stabbilixxa Fond waħdani għall-appoġġ Komunitarju għall-iżvilupp rurali li jieħu post iż-żewġ sorsi ta’ finanzjament preċedenti, jeħtieġ li tiġi ċċarata l-bażi li fuqha għandu jinħadem il-limitu massimu ta’ 20% speċikat fil-kumplement għall-miżura dwar il-pagamenti diretti prevista fil-punt E tas-Taqsima I ta' l-Anness VIII għall-Att ta' l-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija.

(10) L-appoġġ Komunitarju previst fil-punt E tas-Taqsima I ta’ l-Anness VIII għall-Att ta’ l-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija għandu l-għan li jikkofinanzja pagamenti jew assistenzi nazzjonali diretti skond l-Artikolu 143c tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001[6]. Minħabba f’hekk, dak l-appoġġ m’għandux jitqies meta jinħadem il-bilanċ bejn l-objettivi deskritti fl-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005.

(11) Ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 m’għadux jinkludi l-vijabbiltà ekonomika bħala kundizzjoni ta’ l-eliġibilità tal-miżura dwar appoġġ ta’ investiment. Id-deroga relatata prevista għall-Bulgarija u r-Rumanija fl-Anness VIII għall-Att ta’ l-Adeżjoni għandha għalhekk titneħħa.

(12) Ir-Regolament (KE) Nru 1290/2005 jistabbilixxi regoli ġodda dwar il-finanzjament tan-nefqa fuq l-iżvilupp rurali. Billi dawk id-dispożizzjonijiet isegwu l-istess prinċipji bħall-Artikoli 31 u 32 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/1999 tal-21 ta’ Ġunju 1999 li jistabbilixxu dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali[7], li jissemmew fl-Att ta’ l-Adeżjoni tal-Bulgaria u r-Rumanija, id-dispożizzjonijiet finanzjarji speċifiċi previsti fl-Anness VIII ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni m’għadx hemm bżonnhom. Barra minn hekk, jeħtiġ li f’dak l-Anness jiġi mmodifikat il-kontribut finanzjarju Komunitarju għall-miżuri agro-ambjentali u ta’ benessri ta’ l-annimali billi, skond l-Artikolu 70 tar-Regolamement (KE) Nru 1698/2005, ir-rati ta’ kofinanzjament m’għadhomx jiġu ffissati fil-livell ta’ miżura imma f’dak ta’ assi,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-Anness VIII għall-Att ta’ l-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija huwa emendat kif ġej:

1) Is-Taqsima I hija emendata kif ġej:

a) il-punti A u B jiġu ngassati;

b) il-punt C jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“C. Leader+ miżuri skond it-tip

Minbarra l-miżuri previsti fl-Artikolu 63(c) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, jista' jingħata appoġġ lill-miżuri segwenti:

a) it-tiswir ta' partenarjati rappreżentattivi għall-iżvilupp lokali;

b) il-formulazzjoni ta' strateġiji għal żvilupp integrat;

c) il-finanzjament tar-riċerka u l-preparazzjoni ta' l-applikazzjonijiet għall-appoġġ.”

c) il-punt D huwa sostitwit b’dan li ġej:

“D. Servizzi ta' konsulenza u estensjoni agrikoli

1) Għandu jingħata sostenn għall-provvista ta' servizzi ta' konsulenza u estensjoni agrikoli.

Għall-perjodu 2007–2009, dak l-appoġġ ma jistax jiġi inkluż fil-programm għall-iżvilupp rurali jekk ikun imbassar appoġġ kif previst fl-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005.

2) Għall-perjodu 2010–2013, l-appoġġ għandu jingħata biss għall-forniment ta' servizzi lill-bdiewa li jirċievu appoġġ semi-sussistenzjarju kif imsemmi fl-Artikolu 20(d)(i) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005.

Bħala minimu, is-servizzi konsultattivi lill-bdiewa msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom ikopru:

a) ir-rekwiżiti maniġerjali statutorji u l-kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali pożittivi li jirreferu għalihom l-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u l-Annessi III u IV tiegħu;

b) l-istandards ta’ sigurtà fuq il-post tax-xogħol imsejsa fuq il-leġiżlazzjoni Komunitarja.”

d) il-punt E jiġi emendat kif ġej:

i) fil-punt (3), l-ewwel sentenza tiġi ssostitwita minn dan li ġej:

“Il-kontribut Komunitarju għall-appoġġ mogħti skond din is-subtaqsima E fil-Bulgarija jew ir-Rumanija f’dak li għandu x’jaqsam mas-snin 2007, 2008 u 2009 m’għandux jaqbeż l-20% ta’ l-allokazzjoni annwali rispettiva tiegħu li toriġina mit-Taqsima Garanziji ta' l-EAGGF kif jirreferi għaliha l-Artikolu 34(2) ta' l-Att ta' l-Adeżjoni preżenti.”

ii) il-punt li ġej huwa miżjud:

“5) Il-kontribut finanzjarju Komunitarju għal din il-miżura m’għandux jitqies meta jinħadem il-bilanċ bejn l-objettivi skond l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005.”

e) il-punti F u G jiġi ngassati;

2) It-Taqsima II, punt (1) tiġi ngassata;

3) It-test fit-Taqsima IV jiġi sostitwit minn dan li ġej:

“Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 70(3)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, il-kontribut finanzjarju Komunitarju jista’ jammonta għal 80% għall-assi 1 u 3 kif ukoll għall-assistenza teknika.

Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 70(3)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, il-kontribut finanzjarju Komunitarju jista’ jammonta għal 82% għall-assi 2.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha titfassal bil-lingwa Bulgara, Spanjola, Ċeka, Daniża, Ġermaniża, Estonjana, Griega, Ingliża, Franċiża, Irlandiża, Taljana, Latvjana, Litwanjana, Ungeriża, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Finlandiża u Żvediża, u kull wieħed mit-tlieta u għoxrin test ikun awtentiku ndaqs.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tibda sseħħ fl-1 ta' Jannar 2007 suġġetta għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' l-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU C …, …, p. ....

[2] ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1. Ir-Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru .../2006 (ĠU L …, …, p. ...).

[3] ĠU C …, …, p. ....

[4] ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1. Ir-Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru .../2006 (ĠU L …, …, p. ...).

[5] ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1.

[6] ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2183/2005 (ĠU L 347, 30.12.2005, p. 56)

[7] ĠU L 161, 26.6.1999, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 173/2005 (ĠU L 29, 2.2.2005, p. 3).