SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
20 ta’ April 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78/KE – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Artikolu 2(1) u (2)(a) – Artikolu 6(1) – Pensjoni ta’ rtirar – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi allinjament progressiv tal-iskema ta’ pensjoni tal-uffiċjali mal-iskema ta’ pensjoni ġenerali – L-ewwel aġġustament tal-ammont tal-pensjoni li jseħħ iktar malajr għal kategorija ta’ uffiċjali milli għal kategorija oħra – Ġustifikazzjonijiet”
Fil-Kawża C‑52/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Jannar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Jannar 2022, fil-proċedura
BF
vs
Versicherungsanstalt öffentlich Bediensteter, Eisenbahnen und Bergbau (BVAEB),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn M. L. Arastey Sahún (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, N. Wahl u J. Passer, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal BF, minn M. Riedl, Rechtsanwalt, |
|
– |
għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, J. Schmoll u F. Werni, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.‑R. Killmann u D. Martin, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1) u (2)(a) kif ukoll tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79) u tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ żamma tad-drittijiet kweżiti u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni. |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn BF u l-Versicherungsanstalt öffentlich Bediensteter, Eisenbahnen und Bergbau (BVAEB) (il-Fond għall-Mard tal-Uffiċjali u Membri tal-Persunal tal-Awtoritajiet Pubbliċi, tal-Linji tal-Ferroviji u tas-Settur tal-Mini, l-Awstrija) dwar l-ammont ta’ pensjoni tal-irtirar ta’ BF. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
|
3 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Skop”, jipprovdi: “L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.” |
|
4 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni”, jipprevedi: “1. Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1. 2. Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:
[…]” |
|
5 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1(ċ) tiegħu: “Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda: […]
[…]” |
|
6 |
Skont l-Artikolu 6 tal-istess Direttiva, intitolat “Il-ġustifikazzjoni għal trattament differenti fuq bażi ta’ età”: “1. Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji. […] 2. Minkejja l-Artikolu 2(2) l-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi l-iffissar fir-rigward ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali professjonali, ta’ età għall-parteċipazzjoni jew intitolament għall-benefiċċji ta’ l-irtirar jew ta’ l-invalidità, inkluża wkoll l-iffissar għal dawn l-iskemi ta’ etajiet differenti għal ħaddiema jew għal gruppi jew kategoriji differenti ta’ ħaddiema jew ta’ kriterji ta’ età fil-kalkoli ta’ l-attwarji fil-qafas ta’ dawn l-iskemi ma jikkostitwix diskriminazzjoni minħabba l-età, sakemm dan ma jirriżultax f’diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess.” |
|
7 |
L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Id-difiża ta’ drittijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ġudizzjarji u/jew amministrattivi, inklużi meta jitqies approprjat proċeduri ta’ konċiljazzjoni, għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi taħt din id-Direttiva, ikunu disponibbli għal-persuni kollha li jikkunsidraw ruħhom trattati ħażin minħabba nuqqas ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament, anke wara li r-relazzjoni li fiha jkun allegat li saret id-diskriminazzjoni tkun spiċċat.” |
Id‑dritt Awstrijak
|
8 |
Il-Pensionsarmonisierungsgesetz (il-Liġi dwar l-Armonizzazzjoni tal-Pensjonijiet), tal-15 ta’ Diċembru 2004 (BGBl. I, 142/2004), introduċiet l-Allgemeines Pensionsgesetz (il-Liġi Ġenerali dwar il-Pensjonijiet, iktar ’il quddiem l-“APG”), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2005, li tipprevedi għall-persuni kollha li twieldu wara l-1 ta’ Jannar 1955, inkluż, bħala prinċipju, l-uffiċjali federali, skema ġdida ta’ pensjoni uniformi. |
|
9 |
Qabel id-dħul fis-seħħ tal-APG, l-uffiċjali federali kienu esklużivament suġġetti għall-iskemi ta’ pensjoni tal-Bundesgesetz über die Pensionsansprüche der Bundesbeamten, ihrer Hinterbliebenen und Angehörigen (Pensionsgesetz 1965) (il-Liġi Federali dwar id-Drittijiet għal Pensjoni tal-Uffiċjali Federali, tas-Superstiti Tagħhom u tal-Membri tal-Familja Tagħhom (il-Liġi dwar il-Pensjonijiet tal-1965)), tat-18 ta’ Novembru 1965 (BGBl., 340/1965, iktar ’il quddiem il-“PG tal-1965”). |
|
10 |
L-Artikolu 41 tal-PG tal-1965, kif emendat bil-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 2020 (BGBl. I, 135/2020) (iktar ’il quddiem il-“PG tal‑2020”), kien ifformulat kif ġej: “1. L-emendi ta’ din il-liġi federali li la jemendaw l-ammont tal-benefiċċji skont din l-istess liġi u lanqas il-kundizzjonijiet li jagħtu dritt għal dawn il-benefiċċji japplikaw ukoll fir-rigward tal-persuni li, fid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha, għandhom dritt għal benefiċċji kull xahar fi flus skont din l-istess liġi. L-emendi tar-regoli tal-kalkolu jew tal-kundizzjonijiet li jagħtu dritt għall-benefiċċji ma japplikawx fir-rigward tal-persuni li, fid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha, għandhom dritt għal benefiċċji skont din il-liġi federali, ħlief fil-każ ta’ dispożizzjoni espressa f’dan is-sens. 2. Il-pensjonijiet tal-irtirar u l-pensjonijiet tas-superstiti dovuti skont din il-liġi federali, bl-eċċezzjoni tal-allowance supplimentari għal-livell tal-għixien previst fl-Artikolu 26, għandhom ikunu aġġustati fl-istess mument u bl-istess mod bħall-pensjonijiet li jaqgħu taħt l-iskema statutorja ta’ assigurazzjoni tal-pensjoni,
B’deroga mill-ewwel sentenza, l-ewwel aġġustament ta’ pensjoni tal-irtirar għandu jsir biss b’effett mill-1 ta’ Jannar tat-tieni sena kalendarja wara l-kisba tad-dritt għall-pensjoni tal-irtirar. […] 7. Il-proċedura ta’ aġġustament tal-pensjonijiet prevista fl-Artikolu 744(1) u (2) tal-[Allgemeines Sozialversicherungsgesetz (il-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali), tad-9 ta’ Settembru 1955 (BGBl. 189/1955, iktar ’il quddiem l-“ASVG”)] għas-sena kalendarja 2021 għandha tiġi applikata b’analoġija, peress li d-dħul globali ta’ pensjoni ta’ persuna jinkludi s-somma tal-pensjonijiet kollha tal-irtirar u tas-superstiti dovuti f’Diċembru 2020
u suġġetti għall-aġġustament tal-pensjonijiet fl-1 ta’ Jannar 2021. Meta jsir l-aġġustament tal-pensjonijiet tal-uffiċjali tal-Länder li għalihom tapplika din il-liġi federali, ma hemmx lok li jiġi stabbilit dħul globali ta’ pensjoni. F’każ ta’ żieda skont il-punt 4 tal-Artikolu 744(1) tal-ASVG, l-ammont totali taż-żieda għandu jiżdied kollu kemm hu mal-pensjoni tal-irtirar jew tas-superstiti. Meta persuna tirċievi żewġ pensjonijiet jew iktar, tal-irtirar jew tas-superstiti, l-Artikolu 744(3) tal-ASVG għandu japplika mutatis mutandis.” |
|
11 |
L-Artikolu 41 tal-PG tal-1965, kif emendat bil-Pensionsanpassungsgesetz 2022 (il-Liġi tal-2022 dwar l-Aġġustament tal-Pensjonijiet), tat-13 ta’ Diċembru 2021 (BGBl. I 210/2021 (iktar ’il quddiem il-“PG tal-2022”), jipprevedi: “1. L-emendi ta’ din il-liġi federali li la jemendaw l-ammont tal-benefiċċji skont din l-istess liġi u lanqas il-kundizzjonijiet li jagħtu dritt għal dawn il-benefiċċji japplikaw ukoll fir-rigward tal-persuni li, fid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha, għandhom dritt għal benefiċċji ta’ kull xahar fi flus taħt din l-istess liġi. L-emendi tar-regoli tal-kalkolu jew tal-kundizzjonijiet li jagħtu dritt għall-benefiċċji ma japplikawx fir-rigward tal-persuni li, fid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha, jkollhom dritt għal benefiċċji skont din il-liġi federali, ħlief fil-każ ta’ dispożizzjoni espressa f’dan is-sens. 2. Il-pensjonijiet tal-irtirar u l-pensjonijiet tas-superstiti dovuti skont din il-liġi federali, bl-eċċezzjoni tal-allowance supplimentari għal-livell tal-għixien previst fl-Artikolu 26, għandhom ikunu aġġustati fl-istess mument u bl-istess mod bħall-pensjonijiet li jaqgħu taħt l-iskema statutorja ta’ assigurazzjoni tal-pensjoni,
B’deroga mill-ewwel sentenza, l-ewwel aġġustament ta’ pensjoni tal-irtirar għandu jsir kif ġej: Il-pensjonijiet tal-irtirar dovuti mill-ewwel jum tax-xahar tas-sena kalendarja preċedenti indikata fil-kolonna tax-xellug għandhom jiġu mmultiplikati mill-1 ta’ Jannar bil-perċentwali tal-koeffiċjent ta’ aġġustament indikat fil-kolonna tal-lemin
Għall-pensjonijiet tal-irtirar dovuti mill-1 ta’ Novembru jew mill-1 ta’ Diċembru tas-sena kalendarja preċedenti, l-ewwel aġġustament għandu jsir mill-1 ta’ Jannar tat-tieni sena kalendarja wara l-kisba tad-dritt għal pensjoni tal-irtirar. Dawn il-perċentwali japplikaw ukoll fl-ewwel aġġustament għall-pensjonijiet tas-superstiti li ġejjin minn pensjonijiet tal-irtirar li għadhom ma ġewx aġġustati għall-ewwel darba. Fl-ewwel aġġustament tal-pensjonijiet tas-superstiti li ġejjin mill-uffiċjali li mietu waqt li kienu fis-servizz, il-perċentwali applikabbli huwa dak li kien ikun applikabbli li kieku l-uffiċjal kien irtira fl-ewwel jum tax-xahar ta’ wara d-data tal-mewt tiegħu. […] 7. Il-proċedura ta’ aġġustament tal-pensjonijiet prevista fl-Artikolu 744(1) u (2) tal-ASVG għas-sena kalendarja 2021 għandha tiġi applikata b’analoġija, peress li d-dħul globali tal-pensjoni ta’ persuna jinkludi s-somma tal-pensjonijiet kollha tal-irtirar u tas-superstiti dovuti f’Diċembru 2020
u suġġetti għall-aġġustament tal-pensjonijiet fl-1 ta’ Jannar 2021. Meta jsir l-aġġustament tal-pensjonijiet tal-uffiċjali tal-Länder li għalihom tapplika din il-liġi federali, ma hemmx lok li jiġi stabbilit dħul globali ta’ pensjoni. Fil-każ ta’ żieda skont il-punt 4 tal-Artikolu 744(1) tal-ASVG, l-ammont totali taż-żieda għandu jiġi miżjud kollu kemm hu mal-pensjoni tal-irtirar jew tas-superstiti. Meta persuna tirċievi żewġ pensjonijiet jew iktar, tal-irtirar jew tas-superstiti, l-Artikolu 744(3) tal-ASVG għandu japplika mutatis mutandis.” |
|
12 |
L-Artikolu 99 tal-PG tal-1965, kif emendat bil-liġi tas-17 ta’ Ġunju 2015 (BGBl. I, 65/2015 (iktar ’il quddiem il-“PG tal‑2015”), kien jipprevedi: “1. It-Taqsima XIII tapplika biss għall-uffiċjali li twieldu wara l-31 ta’ Diċembru 1954 u qabel l-1 ta’ Jannar 1976, li ġew irreklutati fis-servizz pubbliku federali qabel l-1 ta’ Jannar 2005 u li jinsabu fis-servizz fl-31 ta’ Diċembru 2004. 2. L-uffiċjal jibbenefika mill-pensjoni tal-irtirar jew mill-pensjoni ta’ għalliem ta’ edukazzjoni ogħla kkalkolata skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi federali biss sa fejn tikkorrispondi għall-perċentwali, imsemmija fl-Artikolu 7 jew fl-Artikolu 90(1), li tirriżulta mit-tul totali tal-karriera li tagħti dritt għal pensjoni li huwa wettaq sal-31 ta’ Diċembru 2004. 3. Minbarra l-pensjoni tal-irtirar jew il-pensjoni ta’ għalliem tal-edukazzjoni ogħla, pensjoni hija kkalkolata għall-uffiċjal b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-APG u tal-Artikolu 6(3) kif ukoll tal-Artikolu 15(2) ta’ din il-liġi, kif kienet fis-seħħ fl-31 ta’ Diċembru 2013. L-Artikolu 15 u l-Artikolu 16(5) tal-APG ma humiex applikabbli. Il-pensjoni skont l-APG hija dovuta sal-ammont tad-differenza bejn il-perċentwali msemmija fil-paragrafu 2 u 100 %. 4. Il-perijodi validi konformement mal-Artikolu 9 ma jittiħdux inkunsiderazzjoni għall-applikazzjoni tal-paragrafi 2, 3 u 6. Għal dak li jikkonċerna l-perijodi meħuda inkunsiderazzjoni, huwa ż-żmien effettiv li fih twettaq il-perijodu meħud inkunsiderazzjoni li huwa determinanti. 5. Il-pensjoni globali tal-uffiċjal għandha tikkonsisti fil-pensjoni tal-irtirar jew fil-pensjoni ta’ għalliem ta’ edukazzjoni ogħla pro rata msemmija fil-paragrafu 2 u mill-pensjoni pro rata msemmija fil-paragrafu 3.” |
|
13 |
Skont l-Artikolu 109(90) tal-PG tal-2022, l-Artikolu 41(2) u (3) kif ukoll l-Artikolu 99(3), (5) u (6) tal-istess liġi jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2022. |
|
14 |
L-Artikolu 108h tal-ASVG, kif emendat bil-liġi tat-22 ta’ Ottubru 2019 (BGBl. I, 98/2019), kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “B’effett mill-1 ta’ Jannar ta’ kull sena,
[…] għandhom jiġu mmultiplikati bil-koeffiċjent ta’ aġġustament. […]” |
|
15 |
L-Artikolu 108h tal-ASVG, kif emendat bil-Liġi tat-28 ta’ Jannar 2021 (BGBl. I, 28/2021), jipprovdi: “1. B’effett mill-1 ta’ Jannar ta’ kull sena,
[…] huma mmultiplikati bil-koeffiċjent ta’ aġġustament. […] 1a. B’deroga mill-paragrafu 1, l-ewwel aġġustament għandu jsir b’tali mod li l-pensjonijiet b’data ta’ referenza (Artikolu 223(2)) matul ix-xahar kalendarju indikata fil-kolonna tax-xellug tas-sena kalendarja ta’ qabel l-aġġustament jiżdiedu, mill-1 ta’ Jannar, bil-perċentwali speċifikat fil-kolonna tal-lemin tal-ammont taż-żieda li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ aġġustament:
Jekk id-data ta’ referenza tkun f’Novembru jew f’Diċembru tas-sena kalendarja ta’ qabel l-aġġustament, l-ewwel aġġustament għandu jsir mill-1 ta’ Jannar tat-tieni sena kalendarja wara d-data ta’ referenza. […]” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
|
16 |
BF, imwieled matul is-sena 1958, irtira mis-servizz pubbliku Awstrijak fl-1 ta’ Lulju 2020. |
|
17 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Diċembru 2020, il-BVAEB iffissa l-pensjoni tal-irtirar ta’ BF għal ammont gross fix-xahar ta’ EUR 4 455.43. L-imsemmi ammont ġie ddeterminat abbażi ta’ kalkolu msejjaħ “parallel”, stabbilit skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 99 tal-PG tal-2015, li jipprovdi li parti mill-pensjoni tal-irtirar — ponderata bit-tqassim tal-perijodi ta’ servizz imwettqa qabel jew mis-sena 2005 — hija koperta mill-PG tal-1965, filwaqt li l-parti l-oħra hija koperta mill-APG (iktar ’il quddiem il-“kalkolu parallel”). |
|
18 |
Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Frar 2021, BF talab lill-BVAEB sabiex tikkalkola mill-ġdid l-ammont gross fix-xahar tal-pensjoni tal-irtirar tiegħu mill-1 ta’ Jannar 2021, minħabba li huwa qies li kien żvantaġġat meta mqabbel mal-ex uffiċjali federali li jirċievu pensjoni stabbilita biss abbażi tal-APG, li l-ammont tagħha ġie aġġustat mingħajr dewmien mill-ewwel sena l-ġdida ta’ riċezzjoni, filwaqt li l-pensjoni ta’ BF, stabbilita abbażi tal-kalkolu parallel, tiġi adattata biss fl-1 ta’ Jannar tat-tieni sena wara l-kisba tad-dritt għall-pensjoni tal-irtirar, f’dan il-każ fl‑1 ta’ Jannar 2022. |
|
19 |
Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Marzu 2021, il-BVAEB ikkonferma li l-pensjoni tal-irtirar ta’ BF kellha tiġi ffissata għal ammont gross fix-xahar ta’ EUR 4 455.43 u li l-ewwel aġġustament tal-imsemmija pensjoni kellu jsir biss fl-1 ta’ Jannar 2022, skont l-Artikolu 41(2) tal‑PG tal-2020. |
|
20 |
Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ April 2021, BF ippreżenta rikors quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija), kontra din id-deċiżjoni tal-BVAEB, fejn talab li l-ewwel aġġustament tal-ammont tal-pensjoni tal-irtirar tiegħu jsir b’effett mill-1 ta’ Jannar 2021. |
|
21 |
Quddiem din il-qorti, BF isostni, minn naħa, li l-Artikolu 41(2) tal-PG tal-2020, li jipprevedi li l-ewwel aġġustament tal-ammont tal-pensjoni jsir biss mit-tieni sena kalendarja wara l-kisba tad-dritt għall-pensjoni, huwa antikostituzzjonali, sa fejn il-pensjonijiet tal-irtirar stabbiliti skont l-Artikolu 108h(1a) tal-ASVG, kif emendat bil-Liġi tat-28 ta’ Jannar 2021, huma suġġetti għal aġġustament mingħajr dewmien sa mill-ewwel sena ta’ ġdida ta’ riċezzjoni. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 41(2) tal-PG tal-2020 joħloq diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, peress li l-aġġustament tal-ammont tal-pensjonijiet tal-irtirar abbażi tal-kalkolu parallel jikkonċerna fil-parti l-kbira lill-uffiċjali federali mwielda bejn is-sena 1955 u s-sena 1975. |
|
22 |
BF isostni wkoll li l-Artikolu 41(2) tal-PG tal-2022 elimina l-imsemmija diskriminazzjoni għall-futur. Madankollu, sa fejn l-imsemmi artikolu ma jipprevedi ebda effett retroattiv, id-diskriminazzjoni allegatament sostnuta mill-ex uffiċjali federali, bħal BF, li l-ammont tal-pensjoni tal-irtirar tagħhom huwa suġġett għal kalkolu parallel, meta mqabbla mal-ex uffiċjali federali li jirċievu pensjoni tal-irtirar stabbilita biss abbażi tal-APG, inżammet għall-passat. |
|
23 |
Skont il-qorti tar-rinviju, f’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, is-sitwazzjoni li tippreġudika lill-ex uffiċjali federali li l-ammont tal-pensjoni tal-irtirar tagħhom huwa suġġett għal kalkolu parallel meta mqabbla ma’ dawk li jirċievu pensjoni esklużivament skont l-APG, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija) dwar il-paragunabbiltà tal-iskemi ta’ rtirar skont, il-PG tal-1965 u l-APG, rispettivament,. Barra minn hekk, hija tqis, f’dan il-kuntest, li l-pensjoni tal-irtirar iddeterminata skont l-Artikolu 99(5) tal-PG tal-2015, għandha tiġi assimilata ma’ “remunerazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva 2000/78. |
|
24 |
Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-argument ta’ BF li jgħid li, b’applikazzjoni tal-kalkolu parallel, parti mill-ammont tal-pensjoni tal-irtirar tiegħu titħallas skont l-APG, il-qorti tar-rinviju tindika li din il-parti hija minima, peress li din tirrappreżenta biss madwar 9.2 % ta’ dan l-ammont. |
|
25 |
Fit-tielet lok, din il-qorti tfakkar li l-marġni ta’ manuvra tal-leġiżlatur nazzjonali huwa relattivament wiesa’ f’dak li jirrigwarda l-leġiżlazzjoni li tirregola s-servizz, ir-remunerazzjonijiet u l-pensjonijiet tal-uffiċjali pubbliċi. |
|
26 |
Għal dak li jirrigwarda, fir-raba’ lok, l-emenda leġiżlattiva li tikkostitwixxi l-adozzjoni tal-Artikolu 41(2) tal-PG tal-2022, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-imsemmija emenda tmurx kontra l-obbligu tal-Istati Membri li jeliminaw b’mod immedjat u komplet diskriminazzjoni kkonstatata, kif jirriżulta mill-punt 24 tas-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2019, Safeway (C‑171/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza Safeway, EU:C:2019:839). |
|
27 |
Fil-ħames u l-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li emenda leġiżlattiva li għandha effett retroattiv fil-qasam tal-pensjonijiet tista’ twassal għal aġġustamenti tal-ammont tal-pensjoni tal-irtirar tal-uffiċjali federali preċedentement iddiskriminati u għalhekk ħlasijiet kunsiderevoli li jitħallsu mill-baġit tal-Istat Federali. Għaldaqstant, tali effett retroattiv jista’ jikkomprometti l-bilanċ finanzjarju tal-iskema ta’ pensjoni kkonċernata, u b’hekk jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, li tippermetti lil-leġiżlatur Awstrijak jiġġustifika li ma pproċediex għal tali retroattività, bl-istess mod kif il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat fil-punt 43 tas-sentenza Safeway. |
|
28 |
Issa, din il-qorti tirrileva li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li l-Istati Membri jqisu kunsiderazzjonijiet ta’ natura baġitarja b’mod parallel ma’ kunsiderazzjonijiet politiċi, soċjali jew demografiċi, sakemm, waqt li jagħmlu hekk, jirrispettaw, b’mod partikolari, il-prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni tad-diskriminazzjoni ibbażata fuq l-età. F’dan ir-rigward, għalkemm kunsiderazzjonijiet ta’ natura baġitarja jistgħu jkunu l-bażi tal-għażliet tal-politika soċjali ta’ Stat Membru u jistgħu jinfluwenzaw in-natura jew il-portata tal-miżuri li jkun jixtieq jadotta, tali kunsiderazzjonijiet ma jistgħux jikkostitwixxu, waħedhom, għan leġittimu fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. Il-qorti tar-rinviju tikkonstata, madankollu, li fil-każ ineżami, ma hemm ebda indikazzjoni ċara ta’ ġustifikazzjonijiet ta’ importanza paragunabbli għar-riskju ta’ preġudizzju serju għall-iskema ta’ rtirar, li jistgħu jikkostitwixxu tali rekwiżit imperattiv ta’ interess ġenerali. |
|
29 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 2(1) u (2)(a) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva [2000/78], kif ukoll il-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ żamma tad-drittijiet kweżiti u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali – bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali – li tipprovdi li l-ewwel aġġustament tal-pensjoni tal-grupp ta’ uffiċjali li kienu intitolati għal pensjoni [skont il-PG tal-2020] mhux iktar tard b’effett mill-1 ta’ Diċembru 2021, għandu jseħħ biss fl-1 ta’ Jannar tat-tieni sena kalendarja wara l-intitolament għal pensjoni, filwaqt li jkun diġà twettaq l-ewwel aġġustament tal-pensjoni tal-irtirar tal-grupp tal-uffiċjali li kellhom jew li ser ikollhom dritt għal pensjoni b’effett biss mill-1 ta’ Jannar 2022 [skont il-PG tal-2022], u dan b’effett mill-1 ta’ Jannar tas-sena kalendarja wara l-intitolament [għal] pensjoni?” |
Fuq id‑domanda preliminari
Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari
|
30 |
Il-Gvern Awstrijak jikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, minħabba li din ma tissodisfax ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-qorti tar-rinviju ma esponietx b’liema mod il-leġiżlazzjoni Awstrijaka inkwistjoni fil-kawża prinċipali twassal għal diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-età, bi ksur tal-Artikolu 2(1) u (2)(a) u tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. |
|
31 |
L-imsemmija qorti, minn naħa, sempliċement issemmi s-sitwazzjoni sfavorevoli tal-uffiċjali federali meta mqabbla ma’ dik tal-benefiċjarji tal-iskema ġenerali tal-assigurazzjoni għall-irtirar kif ukoll għall-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmurx kontra l-obbligu, impost fuq l-Istati Membri, li jtemmu d-diskriminazzjoni. Issa, it-talba għal deċiżjoni preliminari tinkludi biss riferiment wieħed għal inugwaljanza fit-trattament tal-“uffiċjali anzjani”, fil-parti ta’ din it-talba fejn hija tirriproduċi l-argumenti ta’ BF f’dan ir-rigward. |
|
32 |
Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju bl-ebda mod ma tesponi l-motivi li jwassluha sabiex tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex kompatibbli jew le mal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ żamma tad-drittijiet kweżiti u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni. |
|
33 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza, xorta jibqa’ l-fatt li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE tikkostitwixxi strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkunu neċessarji għalihom sabiex jiddeċiedu. Il-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma tinstabx fil-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi fuq domandi ġenerali jew ipotetiċi, iżda fil-bżonn inerenti li tiġi effettivament solvuta tilwima. Kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 267 TFUE, id-deċiżjoni preliminari mitluba għandha tkun “meħtieġa” sabiex il-qrati tar-rinviju “ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza” fil-kawża li jkunu aditi biha. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura, il-qorti tar-rinviju għandha tesponi b’mod preċiż ir-raġunijiet li wassluha tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali (sentenza tal-24 ta’ Marzu 2021, NAMA et, C‑771/19, EU:C:2021:232, punt 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
34 |
Fil-każ ineżami, billi tesponi d-dubji li hija għandha dwar il-konformità tal-Artikolu 41(2) tal-PG tal-2022 mal-Artikolu 2(1) u (2)(a) kif ukoll mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, jew mal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ żamma tad-drittijiet kweżiti u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju ssemmi raġunijiet li wassluha tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u prinċipji tad-dritt tal-Unjoni. |
|
35 |
Ċertament, kif jirrileva ġustament il-Gvern Awstrijak, l-imsemmija qorti ma tippreċiżax espressament ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ żamma tad-drittijiet kweżiti u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni li hija titlob l-interpretazzjoni tagħhom. |
|
36 |
Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-imsemmija prinċipji fid-dawl tas-sentenza Safeway u tat-tagħlim li jirriżulta minnha għal dak li jikkonċerna l-obbligu impost fuq l-Istati Membri li jeliminaw diskriminazzjoni b’mod immedjat u komplet. |
|
37 |
Fid-dawl ta’ dawn il-punti kollha, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. |
Fuq il‑mertu
|
38 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fid-domanda tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, Ministrstvo za obrambo, C‑742/19, EU:C:2021:597, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-fatt li qorti nazzjonali tkun ifformulat, minn perspettiva formali, domanda preliminari billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil din il-qorti l-punti kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża quddiemha, indipendentement minn jekk tkunx għamlet riferiment għalihom fid-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet, mill-informazzjoni kollha pprovduta mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2022, Ministre de la Transition écologique u Premier ministre (Responsabbiltà tal-Istat għat-tniġġis tal-arja), C‑61/21, EU:C:2022:1015, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
39 |
Peress li mit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jirriżultax li l-qorti tar-rinviju tqis li hija biss diskriminazzjoni diretta eventwali, fis-sens tal-punt a tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2000/78, u mhux diskriminazzjoni indiretta, fis-sens tal-punt b ta’ din id-dispożizzjoni, li tista’ tkun rilevanti fil-kawża prinċipali għandu jitqies li, permezz tad-domanda tagħha, din il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1) u (2)(a) u (b), kif ukoll l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, bl-għan ta’ allinjament progressiv tal-iskema ta’ pensjoni tal-uffiċjali mal-iskema ta’ pensjoni ġenerali, l-ewwel aġġustament tal-ammont tal-pensjoni tal-irtirar ta’ kategorija ta’ uffiċjali għandu jsir mit-tieni sena kalendarja wara li jkun inkiseb id-dritt għall-pensjoni, filwaqt li, għal kategorija oħra ta’ uffiċjali, l-imsemmi aġġustament għandu jseħħ sa mill-ewwel sena kalendarja wara li jkun inkiseb l-imsemmi dritt. |
|
40 |
Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 u, fl-affermattiv, jekk hija tistabbilixxix differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età kif ukoll, f’tali każ, jekk din tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. |
|
41 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, kemm mit-titolu u mill-preambolu kif ukoll mill-kontenut u mill-iskop ta’ din id-direttiva jirriżulta li din hija intiża li tistabbilixxi kuntest ġenerali sabiex tiżgura lil kull persuna l-ugwaljanza fit-trattament “fl-impjieg u fix-xogħol”, billi toffrilha protezzjoni effikaċi kontra d-diskriminazzjoni ibbażata fuq wieħed mill-motivi msemmija fl-Artikolu 1 tagħha, li fosthom hemm l-età (sentenza tal‑15 ta’ April 2021, Olympiako Athlitiko Kentro Athinon, C‑511/19, EU:C:2021:274 punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
42 |
Barra minn hekk, mill-Artikolu 3(1)(ċ) ta’ din id-direttiva jirriżulta li din għandha tapplika, fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni Ewropea, “għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi”, f’dak li jirrigwarda “[l]-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga”. |
|
43 |
Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tfakkar, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari li kien jikkonċerna wkoll il-pensjoni tal-irtirar tal-uffiċjali federali Awstrijaċi mħallsa abbażi tal-PG tal-1965, li tali pensjoni tal-irtirar taqa’ taħt il-kunċett ta’ “remunerazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 157 TFUE, sa fejn, minn naħa, l-ammont tagħha jiddependi mill-perijodi ta’ servizz u minn perijodi li jistgħu jiġu assimilati kif ukoll mis-salarju li kien jirċievi l-uffiċjal federali kkonċernat u, min-naħa l-oħra, din il-pensjoni tikkostitwixxi ħlas futur fi flus, imħallas mill-persuna li timpjega lill-impjegati tagħha, bħala konsegwenza diretta tar-relazzjoni ta’ impjieg ta’ dawn tal-aħħar. Fil-fatt, l-imsemmija pensjoni titqies, fid-dritt nazzjonali, li hija remunerazzjoni li tkompli titħallas fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ servizz li tibqa’ fis-seħħ anki wara li l-uffiċjal jibda jibbenefika minn benefiċċji tal-irtirar (sentenza tal-5 ta’ Mejju 2022, BVAEB,C‑405/20, EU:C:2022:347, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
44 |
Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata minħabba li, b’applikazzjoni tal-kalkolu parallel, parti mill-ammont tal-pensjoni tal-irtirar ta’ BF tingħatalu abbażi tal-APG, fejn din il-parti hija minima, kif jirriżulta mill-punt 24 tas-sentenza preżenti. |
|
45 |
Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78. |
|
46 |
Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kwistjoni dwar jekk din il-leġiżlazzjoni twassalx għal differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età f’dak li jirrigwarda l-impjieg u x-xogħol, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78, moqri flimkien mal-Artikolu 1 tagħha, jirriżulta li, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jipprojbixxi kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq l-età. L-Artikolu 2(2)(a) tal-imsemmija direttiva jispeċifika li, għall-ħtiġijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafu 1 tiegħu, diskriminazzjoni diretta tirriżulta, fost oħrajn, meta persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli meta mqabbla ma’ persuna oħra li tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli, abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-istess direttiva. Skont l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78, diskriminazzjoni indiretta tirriżulta meta dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tista’ twassal għal żvantaġġ partikolari għal persuni ta’ età partikolari, meta mqabbla ma’ persuni oħra. |
|
47 |
Fil-każ ineżami, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-Artikolu 41(2) tal-PG tal-2022, ma tidhirx li twassal għal diskriminazzjoni diretta, peress li tapplika indipendentement mill-età tal-uffiċjali federali kkonċernati u tirreferi biss għad-data li minnha tali uffiċjal jista’ jinvoka d-dritt tiegħu għall-pensjoni tal-irtirar. |
|
48 |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, fit-tieni lok, li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 41(2) tal-PG tal‑2020, l-ewwel aġġustament ta’ pensjoni tal-irtirar għandu jseħħ biss b’effett mill-1 ta’ Jannar tat-tieni sena kalendarja wara li jinkiseb id-dritt għall-pensjoni, filwaqt li skont l-Artikolu 41(2) tal-PG tal-2022, il-pensjonijiet tal-irtirar ta’ uffiċjali federali li ma kellhomx jew li mhux ser ikollhom dritt għal pensjoni ħlief mill-1 ta’ Jannar 2022 huma s-suġġett tal-ewwel aġġustament, abbażi ta’ kalkolu proporzjonali, b’effett mill-1 ta’ Jannar tas-sena kalendarja wara l-kisba tad-dritt għal pensjoni. Għaldaqstant, billi tirreferi għad-data li minnha uffiċjal federali jista’ jinvoka d-dritt tiegħu għall-pensjoni tal-irtirar, l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tiġi interpretata bħala li hija bbażata indirettament fuq kriterju marbut mal-età, peress li l-benefiċċju ta’ pensjoni tal-irtirar huwa ġeneralment suġġett għat-twettiq ta’ ċertu numru ta’ snin ta’ xogħol u għall-kundizzjoni li tkun intlaħqet ċerta età. |
|
49 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-età tista’ tiġi kkonstatata biss jekk jiġi pprovat li, fost il-persuni kollha koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li minnha tirriżulta tali diskriminazzjoni, din il-leġiżlazzjoni taffettwa negattivament, u mingħajr ġustifikazzjoni, proporzjon ferm ikbar ta’ persuni ta’ età partikolari meta mqabbla ma’ persuni oħra (ara, d’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2020, YS (Pensjonijiet okkupazzjonali ta’ persunal f’karigi maniġerjali), C‑223/19, EU:C:2020:753, punt 71). |
|
50 |
Min-naħa l-oħra, is-sempliċi fatt li l-persuni li ma għalqux ċertu età ġie applikat għalihom qafas legali ġdid ma jistax jagħti lok għal diskriminazzjoni indiretta bbażata l-età bi preġudizzju għall-persuni l-oħra, li għalihom japplika l-qafas legali l-antik (sentenza tal-24 ta’ Settembru 2020, YS (Pensjonijiet okkupazzjonali ta’ persunal f’karigi maniġerjali), C‑223/19, EU:C:2020:753, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
51 |
Bl-istess mod, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn tittratta b’mod differenti s-sitwazzjoni ta’ uffiċjal federali skont jekk jiksibx id-dritt għal pensjoni tal-irtirar qabel l-1 ta’ Jannar 2022 jew wara din id-data, lanqas ma tidher li tibbaża ruħha b’mod indirett fuq l-età tal-uffiċjali kkonċernati, sa fejn hija tibbaża ruħha biss fuq il-mument oġġettiv tat-tnissil ta’ dan id-dritt, aspett li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
|
52 |
Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Awstrijak, għalkemm huwa minnu li l-uffiċjali federali bħala prinċipju jirtiraw fl-età ta’ 65 sena, huma jistgħu madankollu, bħal BF, b’deroga u taħt ċerti kundizzjonijiet, jirtiraw iktar kmieni jew iktar tard, li jidher li jindika li d-distinzjoni magħmula mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax twassal għal żvantaġġ partikolari għal persuni ta’ età partikolari, meta mqabbla ma’ persuni oħra, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78. |
|
53 |
Fil-każ li l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, tikkonkludi, madankollu, li d-distinzjoni magħmula mill-imsemmija leġiżlazzjoni tistabbilixxi, b’mod indirett, differenza fit-trattament bejn l-uffiċjali federali kkonċernati, abbażi ta’ kriterju apparentement newtrali, jiġifieri d-data tal-bidu tad-dritt għall-pensjoni tal-irtirar, għandu jiġi eżaminat, fit-tielet lok, jekk tali differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età hijiex iġġustifikata fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. |
|
54 |
Skont din id-dispożizzjoni, id-differenzi fit-trattament ibbażati fuq l-età ma jikkostitwixxux diskriminazzjoni meta fil-kuntest tad-dritt nazzjonali jkunu oġġettivament u raġonevolment iġġustifikati, b’għan leġittimu, b’mod partikolari b’għanijiet leġittimi ta’ politika tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu xierqa u neċessarji”. |
|
55 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod ripetut iddeċidiet li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-għażla mhux biss tat-tfittxija ta’ għan partikolari fost għanijiet oħra fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg, iżda wkoll fid-definizzjoni tal-miżuri li kapaċi jilħquh (sentenza tal-15 ta’ April 2021, Olympiako Athlitiko Kentro Athinon, C‑511/19, EU:C:2021:274, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
56 |
Minn naħa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Artikolu 41(2) tal-PG tal-2022 għandu l-għan li jistabbilixxi, bħall-ASVG, kalkolu pro rata kull xahar tal-ewwel aġġustament tal-pensjoni mis-sena 2022, filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni b’mod ekwu ż-żmien li għadda bejn l-irtirar u l-ewwel aġġustament, intiż għalhekk għal assimilazzjoni tad-diversi skemi ta’ aġġustament tal-pensjonijiet tal-irtirar, sabiex jiġi evitat li jkun hemm differenza kbira wisq bejn id-diversi skemi ta’ pensjoni mħallsa rispettivament skont il-PG tal-1965 u tal-APG. |
|
57 |
Min-naħa l-oħra, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 41(2) tal-PG tal-2022 għandu l-għan li jżid, quddiem id-deprezzament attwali li dejjem jikber tal-munita u taż-żieda fl-għoli tal-ħajja, il-kapaċità tal-akkwist tal-ex uffiċjali federali sa mill-bidu tal-ewwel sena kalendarja wara l-kisba tad-dritt tagħhom għall-pensjoni, billi jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod ġust il-perijodu li jkun iddekorra bejn l-imsemmija kisba u l-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara. Min-naħa l-oħra, iż-żamma ta’ “sena bla teħid ta’ azzjoni” għall-uffiċjali federali li jaqgħu taħt l-Artikolu 41(2) tal-PG tal-2020 tiżgura l-finanzjament sostenibbli tas-sistema nazzjonali tal-pensjonijiet. |
|
58 |
Għalkemm kunsiderazzjonijiet baġitarji ma jistgħux jiġġustifikaw diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, l-għanijiet li jikkonsistu f’li jiġi żgurat il-finanzjament sostenibbli tal-pensjonijiet tal-irtirar u li titnaqqas id-differenza bejn il-livelli tal-pensjonijiet iffinanzjati mill-Istat jistgħu jitqiesu li jikkostitwixxu għanijiet leġittimi ta’ politika soċjali li ma humiex relatati ma’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq l-età (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Mejju 2022, BVAEB, C‑405/20, EU:C:2022:347, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
59 |
Minn dan isegwi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ ssegwi għanijiet leġittimi ta’ politika soċjali li ma humiex relatati ma’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq l-età. |
|
60 |
Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk din il-leġiżlazzjoni tissodisfax ir-rekwiżiti mfakkra fil-punt 54 tas-sentenza preżenti, b’mod partikolari fir-rigward tan-natura xierqa u neċessarja tagħha, mill-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 41(2) tal-PG tal-2022 għandu l-effett li jikkumpensa l-inkonvenjenzi li l-uffiċjali federali li jkunu rtiraw wara l-1 ta’ Jannar 2022 għandhom ibatu minħabba riformi tal-iskema tal-pensjonijiet u livelli iktar baxxi ta’ pensjonijiet meta mqabbla mal-uffiċjali federali li rtiraw iktar kmieni, u b’hekk jitnaqqsu d-differenzi bejn dawn il-livelli ta’ pensjonijiet. |
|
61 |
Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-assimilazzjoni tal-iskemi ta’ aġġustament tal-pensjonijiet tal-irtirar, kif imsemmija fl-Artikolu 41(2) tal-PG tal-2022, tista’ tikkostitwixxi għan leġittimu ta’ politika tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol li jista’ jiġġustifika, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, matul perijodu tranżitorju, id-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età bejn l-uffiċjali federali li jkunu rtiraw qabel jew wara l-1 ta’ Jannar 2022, fir-rigward tal-aġġustament annwali tal-ammont tal-pensjoni tal-irtirar tagħhom. |
|
62 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2(1) u (2)(a) u (b), kif ukoll l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, bl-għan ta’ allinjament progressiv tal-iskema ta’ pensjoni tal-uffiċjali mal-iskema ta’ pensjoni ġenerali, l-ewwel aġġustament tal-ammont tal-pensjoni tal-irtirar ta’ kategorija ta’ uffiċjali jsir mit-tieni sena kalendarja wara li jkun inkiseb id-dritt għall-pensjoni, filwaqt li, għal kategorija oħra ta’ uffiċjali, l-imsemmi aġġustament isir sa mill-ewwel sena kalendarja wara li jkun inkiseb l-imsemmi dritt. |
Fuq l‑ispejjeż
|
63 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 2(1) u (2)(a) u (b), kif ukoll l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, |
|
għandhom jiġu interpretati fis-sens li: |
|
ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, bl-għan ta’ allinjament progressiv tal-iskema ta’ pensjoni tal-uffiċjali mal-iskema ta’ pensjoni ġenerali, l-ewwel aġġustament tal-ammont tal-pensjoni tal-irtirar ta’ kategorija ta’ uffiċjali jsir mit-tieni sena kalendarja wara li jkun inkiseb id-dritt għall-pensjoni, filwaqt li, għal kategorija oħra ta’ uffiċjali, l-imsemmi aġġustament isir sa mill-ewwel sena kalendarja wara li jkun inkiseb l-imsemmi dritt. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.