Brussell, 20.5.2020

COM(2020) 513 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma ta’ Ċipru tal-2020 u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà ta’ Ċipru tal-2020


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma ta’ Ċipru tal-2020 u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà ta’ Ċipru tal-2020

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika 1 , u b'mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi 2 , u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Fis-17 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni adottat l-Istrateġija Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli, li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2020 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Hija ħadet debitament inkunsiderazzjoni l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Fis-17 ta’ Diċembru 2019, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, fejn Ċipru kien identifikat bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro.

(2)Ir-rapport speċifiku għall-pajjiż tal-2020 għal Ċipru 3 ġie ppubblikat fis-26 ta’ Frar 2020. Huwa vvaluta l-progress ta’ Ċipru biex jindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fid-9 ta’ Lulju 2019 4 , is-segwitu mogħti lir-rakkomandazzjonijiet adottati fis-snin preċedenti u l-progress ta’ Ċipru lejn il-miri nazzjonali tiegħu tal-Ewropa 2020. Inkluda wkoll analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, u r-riżultati tagħha wkoll ġew ippubblikati fis-26 ta’ Frar 2020. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha biex tikkonkludi li Ċipru għaddej minn żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi. B’mod partikolari, sehem għoli ħafna ta’ self improduttiv huwa ta’ piż fuq is-settur finanzjarju u stokkijiet għoljin ta’ dejn privat, pubbliku u estern ikunu ta’ piż fuq l-ekonomija, fil-kuntest ta’ tkabbir potenzjali moderat.

(3)Fil-11 ta’ Marzu 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa uffiċjalment iddikjarat it-tifqigħa tal-COVID-19 bħala pandemija dinjija. Din hija emerġenza serja tas-saħħa pubblika għaċ-ċittadini, għas-soċjetajiet u għall-ekonomiji. Qed tpoġġi s-sistemi tas-saħħa nazzjonali taħt pressjoni qawwija b’mod li tfixkel il-katini ta’ provvista dinjija, tikkawża volatilità fis-swieq finanzjarji, tagħti xokkijiet fid-domanda tal-konsumatur u jkollha effetti negattivi f’diversi setturi. Qed thedded l-impjiegi tan-nies, id-dħul tagħhom u n-negozju tal-kumpaniji. Hija tat xokk ekonomiku kbir li diġà qed ikollu riperkussjonijiet serji fl-Unjoni Ewropea. Fit-13 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni 5 li tappella għal rispons ekonomiku kkoordinat għall-kriżi, li tinvolvi l-atturi kollha fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni.

(4)Diversi Stati Membri ddikjaraw stat ta’ emerġenza jew introduċew miżuri ta’ emerġenza. Jenħtieġ li kwalunkwe miżura ta’ emerġenza tkun strettament proporzjonata, meħtieġa, limitata fiż-żmien, u f’konformità mal-istandards Ewropej u internazzjonali. Jenħtieġ li dawn ikunu soġġetti għal sorveljanza demokratika u għal stħarriġ ġudizzjarju indipendenti.

(5)Fl-20 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir 6 . Il-klawżola, kif stipulata fl-Artikoli 5(1), 6(3), 9(1) u 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 u l-Artikoli 3(5) u 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-politiki baġitarji fi żminijiet ta’ tnaqqis serju fir-ritmu ekonomiku. Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni kkondividiet mal-Kunsill il-fehma tagħha li, minħabba t-tnaqqis serju mistenni fir-ritmu ekonomiku li jirriżulta mit-tifqigħa tal-COVID-19, il-kundizzjonijiet attwali jippermettu l-attivazzjoni tal-klawżola. Fit-23 ta’ Marzu 2020, il-Ministri tal-Finanzi tal-Istati Membri qablu mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni. L-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tippermetti għal tluq temporanju mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju, dment li dan ma jipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fi żmien medju. Għall-parti korrettiva, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi wkoll, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, li jadotta trajettorja fiskali riveduta. Il-klawżola liberatorja ġenerali ma tissospendix il-proċeduri tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Dan jippermetti li l-Istati Membri jitbiegħdu mir-rekwiżiti baġitarji li normalment japplikaw filwaqt li jippermettu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex iwettqu l-miżuri ta’ koordinazzjoni tal-politika meħtieġa fil-qafas tal-Patt.

(6)It-tkomplija tal-azzjoni hija meħtieġa biex tiġi limitata u kkontrollata l-firxa tal-pandemija, tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistemi nazzjonali tas-saħħa, jittaffew il-konsegwenzi soċjoekonomiċi permezz ta’ miżuri ta’ appoġġ għan-negozji u għall-unitajiet domestiċi u jiġu żgurati kundizzjonijiet adegwati ta’ saħħa u sikurezza fil-post tax-xogħol bl-għan tar-rilanċ tal-attività ekonomika. Jenħtieġ li l-Unjoni tuża b’mod sħiħ id-diversi għodod li għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri f’dawn l-oqsma. B’mod parallel, jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Unjoni jaħdmu flimkien biex iħejju l-miżuri meħtieġa biex jerġgħu lura għal funzjonament normali tas-soċjetajiet u tal-ekonomiji tagħna u għal tkabbir sostenibbli, billi jintegraw fost l-oħrajn it-tranżizzjoni ekoloġika u t-trasformazzjoni diġitali, u jieħdu t-tagħlimiet kollha mill-kriżi.

(7)Il-kriżi tal-COVID-19 enfasizzat il-flessibbiltà li s-suq uniku joffri biex jadatta għal sitwazzjonijiet straordinarji. Madankollu, sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni rapida u bla xkiel għall-fażi ta’ rkupru u l-moviment liberu tal-merkanzija, tas-servizzi u tal-ħaddiema, malli ma jibqgħux indispensabbli jridu jitneħħew il-miżuri eċċezzjonali li jipprevjenu s-suq uniku milli jiffunzjona b’mod normali. Il-kriżi attwali wriet il-ħtieġa għal pjanijiet ta’ tħejjija għall-kriżijiet fis-settur tas-saħħa, li jinkludu b’mod partikolari strateġiji ta’ xiri mtejba, ktajjen tal-provvista diversifikati u riżervi strateġiċi ta’ provvisti essenzjali. Dawn huma elementi ewlenin għall-iżvilupp ta’ pjanijiet usa’ ta’ tħejjija għall-kriżijiet.

(8)Il-leġiżlatur tal-Unjoni diġà emenda l-oqfsa leġiżlattivi 7 rilevanti biex jippermetti lill-Istati Membri jimmobilizzaw ir-riżorsi mhux użati kollha mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej sabiex ikunu jistgħu jindirizzaw l-effetti eċċezzjonali tal-pandemija tal-COVID-19. Dawn l-emendi se jipprovdu flessibbiltà addizzjonali, kif ukoll proċeduri simplifikati. Sabiex jittaffew il-pressjonijiet ta’ flussi tal-flus, l-Istati Membri jistgħu jgawdu wkoll minn rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % mill-baġit tal-Unjoni fis-sena kontabilistika 2020-2021. Ċipru hu mħeġġeġ jagħmel użu sħiħ minn dawn il-possibbiltajiet biex igħin lill-individwi u lis-setturi l-aktar milquta mill-isfidi.

(9)Il-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-pandemija x’aktarx li ma jiġux distribwiti b’mod uniformi madwar il-pajjiż minħabba x-xejriet differenti ta’ speċjalizzazzjoni, b’mod partikolari f’żoni li jiddependu b’mod sinifikanti fuq it-turiżmu u b’mod aktar ġenerali fuq il-kummerċ wiċċ imb’ wiċċ mal-konsumaturi. Dan jinvolvi riskju li jikbru l-inugwaljanza territorjali f’Ċipru. Flimkien mar-riskju ta’ żarmar temporanju tal-proċess ta’ konverġenza bejn l-Istati Membri, is-sitwazzjoni attwali titlob tweġibiet ta’ politika mmirati.

(10)Fis-7 ta’ Mejju 2020, Ċipru ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2020 u l-Programm ta’ Stabbiltà tagħha tal-2020. Sabiex jitqiesu r-rabtiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin.

(11)Bħalissa Ċipru qiegħed fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u huwa soġġett għar-regola tad-dejn.

(12)Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2020, il-Gvern qed jippjana li l-bilanċ nominali jiddeterjora minn surplus ta’ 1,7 % tal-PDG fl-2019 għal defiċit ta’ 4,3 % tal-PDG fl-2020. Id-defiċit huwa previst li jonqos għal 0,4 % tal-PDG fl-2021. Wara li naqas għal 95,5 % tal-PDG fl-2019, il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika mal-PDG huwa mistenni li jiżdied għal 116,8 % fl-2020 skont il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020. Il-prospetti makroekonomiċi u fiskali huma milquta minn inċertezza kbira minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Barra minn hekk, hemm riskji speċifiċi għal kull pajjiż sottostanti għall-projezzjonijiet baġitarji, jiġifieri l-obbligazzjonijiet kontinġenti espliċiti u l-ħtiġijiet ta’ finanzjament potenzjali tal-isptarijiet pubbliċi matul l-ewwel snin tal-implimentazzjoni tas-Sistema Nazzjonali tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa.

(13)B’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, u bħala parti minn approċċ koordinat tal-Unjoni, Ċipru adotta miżuri baġitarji biex iżid il-kapaċità tas-sistema tas-saħħa tagħha, irażżan il-pandemija, u jipprovdi għajnuna lil dawk l-individwi u s-setturi li ntlaqtu b’mod partikolari. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020, dawn il-miżuri baġitarji kienu jammontaw għal 4,4 % tal-PDG. Il-miżuri jinkludu t-tisħiħ tas-servizzi tal-kura tas-saħħa b’baġit addizzjonali sa 0,5 % tal-PDG, pagi sussidjati biex l-impjegati jinżammu fuq il-paga fil-każ ta’ operazzjonijiet ta’ negozju sospiżi (2,7 % tal-PDG) u appoġġ għall-introjtu għan-negozji ż-żgħar u għall-ħaddiema għal rashom (0,3 % tal-PDG). Barra minn hekk, Ċipru ħabbar miżuri li, filwaqt li ma għandhomx impatt baġitarju dirett, se jikkontribwixxu biex isostnu l-likwidità lin-negozji, inkluż pereżempju d-differiment tal-ħlas tal-VAT għal perjodu ta’ xahrejn. B’mod ġenerali, il-miżuri meħuda minn Ċipru huma konformi mal-linji gwida stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar rispons ekonomiku kkoordinat għat-tifqigħa tal-COVID-19. L-implimentazzjoni sħiħa ta’ dawn il-miżuri, segwita mill-iffukar mill-ġdid tal-politiki fiskali lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fi żmien medju meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, se tikkontribwixxi għall-ippreżervar tas-sostenibbiltà fiskali fiż-żmien medju.

(14)Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni skont politiki mhux mibdula, il-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika ta’ Ċipru huwa mbassar li jkun ta’ -7 % tal-PDG fl-2020 u ta’ -1,8 % fl-2021. Il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika huwa projettat li se jilħaq 115,7 % tal-PDG fl-2020 u 105 % fl-2021.

(15)Fl-20 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni ħarġet rapport imħejji skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat minħabba n-nuqqas ta' konformità mar-regola tad-dejn fl-2019 u l-każ ta' ksur ippjanat ta’ Ċipru tal-limitu massimu tad-defiċit ta’ 3 % tal-PDG fl-2020. B’mod ġenerali, l-analiżi tissuġġerixxi li l-kriterju tad-dejn kif definit fit-Trattat u fir-Regolament (KE) Nru 1467/1997 huwa sodisfat, filwaqt li l-kriterju tad-defiċit mhux issodisfat.

(16)Ċipru rreaġixxa għat-tifqigħa tal-COVID-19 b’firxa ta’ miżuri biex jittaffew l-impatti ekonomiċi tal-kriżi. Fil-15 ta’ Marzu 2020, il-gvern ippreżenta programm ta’ appoġġ finanzjarju biex tiġi salvagwardjata s-saħħa pubblika u tiġi żgurata s-sopravivenza ekonomika tan-negozji u ta’ min iħaddem. Il-programm jalloka EUR 100 miljun għal appoġġ finanzjarju lis-settur tas-saħħa biex tiġi miġġielda l-pandemija, inkluż għar-reklutaġġ ta’ persunal mediku, tal-infermiera u ta’ persunal għal appoġġ addizzjonali, u għat-tagħmir u l-infrastruttura. Dan jistabbilixxi sensiela ta’ miżuri biex jappoġġaw lill-intrapriżi billi titejjeb il-likwidità, pereż. skemi ta’ appoġġ għan-negozji u għal ħaddiema għal rashom, u s-sospensjoni temporanja tal-pagamenti tal-VAT għall-kumpaniji. Il-pakkett jinkludi wkoll appoġġ dedikat ta’ EUR 11-il miljun biex jgħin lis-settur tat-turiżmu jirkupra.

(17)Il-kriżi tal-COVID-19 turi l-ħtieġa li l-investimenti jiġu diretti lejn it-titjib u l-modernizzazzjoni tal-kura tas-saħħa pubblika, tiġi restawrata l-kapaċità u tiġi implimentata r-riforma tal-kura tas-saħħa. Is-sistema l-ġdida tal-kura tas-saħħa toffri aċċess aħjar għas-servizzi tal-kura primarja, gwida u trattamenti xierqa bbażati fuq protokolli kliniċi. Hija tipprevedi wkoll id-dritt universali għal servizzi tas-saħħa affordabbli fil-kuntest tat-tifqigħa tal-COVID-19. Ċipru għandu pjan ta’ emerġenza pandemiku stabbilit u alloka riżorsi addizzjonali għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-impatt ta’ infezzjoni u kontaġju. Fiż-żmien medju, jenħtieġ li Ċipru jidderieġi l-investimenti lejn iż-żieda fl-effettività tas-sistema tas-saħħa, l-aċċessibbiltà u r-reżiljenza ġenerali. Riżorsi addizzjonali għas-sistema tas-saħħa għandhom jipprevjenu nuqqasijiet futuri ta’ persunal mediku, provvisti mediċi u infrastruttura kritiċi. L-implimentazzjoni bla xkiel tar-riforma tal-kura tas-saħħa, kif ippjanata, hija ċentrali biex jiġi żgurat l-aċċess għall-kura tas-saħħa u l-kopertura universali. Soluzzjonijiet diġitali tas-saħħa u applikazzjonijiet ġodda għandhom jikkontribwixxu biex iżidu l-użu tas-servizzi tas-saħħa elettronika u jtejbu t-telekonsultazzjonijiet u l-mekkaniżmi ta’ twissija. Il-politiki li jtejbu l-kapaċità tal-isptar, il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa u li jiżguraw l-użu ta’ tagħmir ta’ protezzjoni personali, l-ittestjar, il-mediċini u l-apparat mediku huma vitali. L-integrazzjoni mal-kura fit-tul u l-kura primarja u komunitarja hija kruċjali fid-dawl tat-tibdil demografiku, u biex jiġu appoġġati dawk l-aktar vulnerabbli, inklużi l-persuni b’diżabilità.

(18)Wara żviluppi pożittivi konsistenti fis-suq tax-xogħol f’dawn l-aħħar snin, issa Ċipru se jkun qed jiffaċċja sfidi f’termini ta’ livelli ta’ impjiegi minħabba l-kriżi tas-saħħa. Huma meħtieġa aktar sforzi biex jiġi minimizzat l-impatt soċjoekonomiku tal-kriżi. Ċipru diġà adotta miżuri ta’ emerġenza inklużi skemi ta’ xogħol għal żmien qasir u l-estensjoni tal-benefiċċji tal-qgħad għal ħaddiema għal rashom. Se jkun importanti li jinżammu l-impjiegi u tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-miżuri mħabbra, f’konsultazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali. It-tisħiħ tal-kapaċità tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi b’persunal permanenti se jkun kruċjali, b’mod partikolari billi tiġi salvagwardjata l-kontinwazzjoni tas-servizzi tal-konsulenti tal-impjieg b'kuntratti temporanji li jiskadu fit-tieni nofs tal-2020. Dan jevita li s-servizzi jitqiegħdu taħt pressjoni ulterjuri u li jingħata appoġġ effiċjenti lill-gruppi li għadhom kif sfaw qiegħda u lil gruppi vulnerabbli oħra, bħal pereżempju żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ, persuni li ilhom qiegħda għal żmien twil u persuni b’diżabiltà. L-appoġġ għat-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol u għas-sensibilizzazzjoni taż-żgħażagħ, b’mod partikolari, jeħtieġu aktar attenzjoni, billi l-gradwati reċenti jistgħu jiffaċċjaw diffikultajiet addizzjonali biex isibu impjieg.

(19)It-tifqigħa tal-COVID-19 teħtieġ miżuri xierqa biex jiġu mitigati l-impatti soċjali u biex jiġi appoġġat l-introjtu tal-unitajiet domestiċi u jiġi sostnut l-irkupru fil-pront tal-ekonomija. Skont it-tbassir tal-Kummissjoni, il-qgħad huwa mistenni li jiżdied għal 8,6 % fl-2020 u jirkupra għal 7,5 % fl-2021. Id-domanda esterna għas-servizzi hija mistennija li tinżel b’mod sinifikanti, billi s-settur tat-turiżmu huwa mistenni li jkun partikolarment milqut mill-kriżi. Jenħtieġ li tiġi żgurata sostituzzjoni ta’ dħul adegwat għall-ħaddiema kollha milquta u għall-ħaddiema għal rashom, inklużi dawk li jiffaċċjaw inugwaljanzi f’termini ta’ aċċess għall-protezzjoni soċjali. L-iskemi ta’ protezzjoni soċjali jeħtieġu li jipproteġu lil dawk li għandhom impjieg, lil ħaddiema għal rashom u dawk li huma qiegħda. Hemm lok għat-tisħiħ tas-sistema ġenerali tal-protezzjoni soċjali sabiex jiġu evitati ż-żidiet fil-livelli tal-faqar u tal-inugwaljanza, b’mod partikolari billi jintlaħqu dawk l-aktar vulnerabbli, fosthom it-tfal, il-persuni inattivi, il-ħaddiema mhux iddikjarati, u l-persuni bi sfond ta’ migrazzjoni.

(20)Il-promozzjoni ta’ arranġamenti tax-xogħol flessibbli bl-involviment tas-sħab soċjali, b’mod partikolari fil-forma ta’ telexogħol, hija ta’ importanza kbira. Fi żmien qasir dawn se jappoġġaw lill-ħaddiema b’responsabbiltajiet ta’ indukrar mhux previsti għat-tfal u dipendenti oħrajn, filwaqt li fi żmien twil dawn se jiffaċilitaw id-dħul mill-ġdid fis-suq tax-xogħol tas-sehem għoli ta’ nisa mhux attivi minħabba r-responsabbiltajiet ta’ indukrar. Billi l-anzjani u l-persuni b’mard kroniku żiedu r-riskji ta’ mard serju minħabba l-virus, l-investiment f’servizzi ta’ kura fit-tul ta’ kwalità huwa ta’ importanza kbira biex jiġu żgurati l-forniment u l-effiċjenza kontinwi tagħhom fi żmien qasir u medju.

(21)It-titjib tal-kwalità, l-effiċjenza u r-rilevanza għas-suq tax-xogħol tal-edukazzjoni u t-taħriġ huwa kruċjali f’dan il-kuntest ta’ kriżi u biex jiġi żgurat irkupru mgħaġġel tas-suq tax-xogħol. Il-persuni bil-ħiliet it-tajba huma aktar importanti fi żminijiet fejn għadd akbar ta’ nies jistgħu jitilfu xogħolhom u jeħtieġ li jkunu lesti għal tranżizzjonijiet ta’ impjiegi minn hemm ’il quddiem. Ir-restrizzjonijiet fuq il-mobbiltà enfasizzaw l-isfidi relatati mal-livelli baxxi ta’ ħiliet diġitali f’Ċipru. Dan laqat b’mod negattiv l-attivitajiet online, bħat-telexogħol, it-tagħlim mill-bogħod, u l-użu ta’ servizzi tas-saħħa elettronika. L-aċċess ugwali għall-infrastruttura tal-IT u l-internet, inkluż għal studenti żvantaġġati, flimkien ma’ għalliema mħarrġa tajjeb, huma kruċjali għal edukazzjoni diġitali ta’ kwalità u għal tagħlim mill-bogħod. Biex jiġu indirizzati l-eżiti ġenerali baxxi tal-edukazzjoni u t-taħriġ u jittejbu l-ħiliet b’mod aktar ġenerali, huwa essenzjali li titkompla r-riforma tal-edukazzjoni, filwaqt li jsir investiment f’soluzzjonijiet għat-tagħlim diġitali, it-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol u t-taħriġ fl-apprendistat, u fl-iżvilupp ta’ kompetenzi tal-għalliema u ta’ min iħarreġ biex jużaw l-għodod tal-IT b’mod effettiv. Hemm skop biex ikun indirizzat in-nuqqas ta’ kisbiet fil-ħiliet bażiċi, kif ukoll biex tiżdied il-parteċipazzjoni fit-tagħlim għall-adulti. Biex titħaffef l-applikazzjoni, il-programmi ta’ taħriġ mill-ġdid jistgħu, sa fejn ikun possibbli, jitfasslu għall-użu online u mbagħad, ladarba l-pandemija tiġi limitata, tiġi integrata l-preżenza fiżika, kif xieraq.

(22)Għat-tul ta’ żmien tal-kriżi u l-konsegwenzi tagħha, huma meħtieġa u se jkunu meħtieġa fondi sinifikanti biex jappoġġaw in-negozji. L-iżgurar ta’ aċċess adegwat għall-finanzi u l-likwidità huwa essenzjali, speċjalment għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), sabiex il-kumpaniji u n-nies jibqgħu fix-xogħol. Fil-proċess tat-tfassil u tal-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri, jenħtieġ li titqies ir-reżiljenza tas-settur bankarju. Ċipru implimenta Skema ta’ Appoġġ għan-Negozji Żgħar li tissussidja l-pagamenti tas-salarji tan-negozji b’massimu ta’ ħames impjegati. Barra minn hekk, is-sospensjoni taż-żieda fil-kontribuzzjonijiet għas-sistema nazzjonali tas-saħħa u l-posponiment ta’ pagamenti tat-taxxa (pereż. il-VAT) se jtaffu l-pressjoni immedjata. Huma essenzjali koordinazzjoni amministrattiva rapida, appoġġ prattiku u komunikazzjoni effettiva dwar l-appoġġ disponibbli għall-SMEs, b’kooperazzjoni mal-istrutturi ta’ appoġġ tal-SMEs u l-organizzazzjonijiet tan-negozju. It-tħaffif tal-pagamenti kuntrattwali mill-awtoritajiet pubbliċi jista’ jgħin ukoll biex jitjieb il-fluss tal-flus tal-SMEs. Negozji ġodda li għadhom kemm twaqqfu u li qed jespandu jistgħu jeħtieġu appoġġ speċifiku, pereż. fil-forma ta’ ishma ta’ ekwità minn istituzzjonijiet pubbliċi u inċentivi għal fondi ta’ kapital ta’ riskju biex iżidu l-investimenti tagħhom f’dawn id-ditti. Jibqa’ importanti li jiġu implimentati l-miżuri ta’ appoġġ tal-ekwità mħejjija qabel il-kriżi (il-Fond tal-Enerġija ta’ Ċipru, il-fond ta’ ekwità ta’ koinvestiment).

(23)Biex jitrawwem l-irkupru ekonomiku, se jkun importanti li l-proġetti ta’ investiment pubbliku maturi jiġu ffinanzjati b’mod aktar qawwi fil-bidu, u li jiġi promoss l-investiment privat, inkluż permezz ta’ riformi rilevanti. Il-protezzjoni u l-użu effiċjenti tar-riżorsi naturali tal-pajjiż huma ta’ importanza kbira biex jiġi żgurat irkupru ekonomiku sostenibbli u tkabbir futur. Sabiex tinżamm l-attraenza tal-pajjiż għat-turisti, huwa meħtieġ li jiġu indirizzati l-isfidi relatati mat-tranżizzjoni tal-enerġija ekoloġika, il-ġestjoni effettiva tal-iskart u tal-ilma u l-protezzjoni tan-natura u tal-bijodiversità. Filwaqt li diġà bdew investimenti sinifikanti, jenħtieġ li jsiru aktar investimenti f’dawn l-oqsma minn qabel. Ċipru qed iħabbat wiċċu ma’ sfidi importanti biex jilħaq il-mira tiegħu għall-2030 għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra li mhumiex koperti mis-sistema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet. Dawn l-isfidi jenħtieġ li jiġu indirizzati billi jiġu ppjanati u adottati miżuri addizzjonali fil-ħin skont il-Pjan Nazzjonali tal-Enerġija u l-Klima tal-pajjiż. Tali miżuri se jeħtieġu investimenti, b’mod partikolari f’oqsma bħall-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza fl-enerġija u t-trasport sostenibbli, li jistgħu jgħinu wkoll biex jiġi pprovdut stimolu ekoloġiku robust. Ċipru jrid itejjeb ukoll is-sistema tiegħu tal-immaniġġjar tal-iskart kif ukoll l-ekonomija ċirkolari. Il-ġenerazzjoni tal-iskart tibqa’ ogħla b’mod sinifikanti mill-medja tal-UE, filwaqt li r-rati ta’ riċiklaġġ jibqgħu ferm inqas mill-medja tal-UE. Ir-rata ta’ rimi f’miżbla hija wkoll għolja ħafna. Il-ġestjoni tal-ilma u tal-ilma mormi, partikolarment f’żoni urbani, hija karatterizzata minn ineffiċjenzi. In-nixfiet u l-iskarsezza tal-ilma huma ta’ tħassib ewlieni, u r-rispons ta’ politika insuffiċjenti jaf jaffettwa l-ekonomija rurali u t-turiżmu ta’ pajjiż. L-ipprogrammar tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta għall-perjodu 2021-2027 jista’ jgħin lil Ċipru jittratta xi wħud mill-isfidi li toffri t-tranżizzjoni lejn ekonomija li tkun newtrali fejn tidħol il-klima, b’mod partikolari fl-oqsma koperti mill-Anness D tar-rapport tal-pajjiż. Dan jippermetti lil Ċipru biex jagħmel l-aħjar użu minn dak il-fond.

(24)L-importanza ta’ infrastruttura diġitali moderna, l-aċċess universali għall-internet u d-disponibbiltà tas-servizzi diġitali ġew enfasizzati minħabba restrizzjonijiet ta’ mobilità tal-COVID-19. L-investiment fl-ekonomija diġitali huwa essenzjali biex tissaħħaħ il-produttività u biex jissaħħaħ l-irkupru ekonomiku wara l-kriżi. Ċipru qiegħed lejn l-aħħar fl-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (DESI, Digital Economy and Society Index) tal-Kummissjoni tal-2020. Huma biss 45 % taċ-Ċiprijotti ta’ bejn is-16 u l-74 sena li għandhom mill-inqas ħiliet diġitali bażiċi u l-ispeċjalisti tal-ICT għadhom jirrappreżentaw proporzjon iktar baxx tal-forza tax-xogħol meta mqabbel mal-bqija tal-medja tal-UE (2,7 % vs 3,9 %), u dan qed ixekkel il-potenzjal tal-ekonomija tal-internet. Hemm livell baxx ta’ interazzjoni online bejn l-awtoritajiet pubbliċi u ċ-ċittadini, u 51 % biss taċ-Ċiprijotti jinteraġixxu online. Il-livell tal-kummerċ elettroniku (jiġifieri, l-SMEs li jbigħu online, il-bejgħ tal-kummerċ elettroniku u l-bejgħ online transfruntier) qed jitjieb (31,8 fl-2019 meta mqabbel mad-29,4 fl-2018) iżda għadu taħt il-medja tal-UE ta’ 40,1 (minn 100).

(25)Ċipru jista’ jkompli jtejjeb is-sistema ta’ riċerka u innovazzjoni tiegħu biex jappoġġa t-tkabbir tal-produttività u t-tranżizzjoni diġitali u ambjentali meħtieġa f’xenarju ta’ wara pandemija. Il-kapaċità baxxa ta’ assorbiment tar-riċerka u l-innovazzjoni tad-ditti tfixkel il-kompetittività ta’ Ċipru. It-titjib fil-kooperazzjoni bejn l-akkademja u n-negozju u l-kummerċjalizzazzjoni tar-riżultati tar-riċerka jibqgħu ostaklu ewlieni u jeħtieġu azzjoni urġenti. Madankollu, miżuri reċenti bħall-ħolqien ta’ dipartiment ġdid għar-riċerka u l-innovazzjoni, il-ħatra ta’ Deputat Ministeru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Politika Diġitali, kif ukoll l-Istrateġija Nazzjonali ġdida għar-Riċerka u l-Innovazzjoni 2019-2023, li tistabbilixxi mira ta’ intensità ogħla tar-riċerka u l-innovazzjoni ta’ 1,5 % tal-PDG sal-2023 (’il fuq mill-0,56 % attwali) huma passi promettenti.

(26)L-indirizzar tal-ippjanar aggressiv tat-taxxa huwa essenzjali biex jittejbu l-effiċjenza u l-ġustizzja tas-sistemi tat-taxxa, kif rikonoxxut fir-rakkomandazzjoni taż-Żona tal-Euro għall-2020. L-effetti sekondarji ta’ strateġiji ta’ ppjanar aggressiv tat-taxxa tal-kontribwenti jitolbu azzjoni nazzjonali kkoordinata li tikkomplementa l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. L-evidenza ekonomika tissuġġerixxi li r-regoli tat-taxxa ta’ Ċipru qed jintużaw għal skopijiet ta’ ppjanar aggressiv tat-taxxa. Ċipru ħa passi biex jindirizza dan billi jimplimenta inizjattivi internazzjonali u Ewropej u jieħu xi miżuri nazzjonali addizzjonali. Madankollu, il-karatteristiċi tas-sistema bħan-nuqqas ta’ taxxi minn ras il-għajn fuq pagamenti ħerġin ta’ dividend, imgħax u royalties minn kumpaniji bbażati f’Ċipru lil residenti ta’ pajjiżi terzi, u r-regoli dwar ir-residenza tat-taxxa korporattiva, jistgħu jkomplu jiffaċilitaw l-ippjanar aggressiv tat-taxxa. L-iskema ta’ Tnaqqis tal-Imgħax Nozzjonali jeħtieġ li tiġi mmonitorjata mill-qrib. Fl-aħħar nett, l-“Iskema għan-Naturalizzazzjoni tal-Investituri f’Ċipru b’Eċċezzjoni” u “Residenza permezz tal-Iskema ta’ Investiment” ġew elenkati mill-OECD bħala li għandhom riskju potenzjalment għoli li jintużaw ħażin.

(27)Sistema ġudizzjarja effettiva tibqa’ fattur ewlieni għal ekonomija attraenti u favorevoli għall-investiment u se tkun kruċjali fil-proċess ta’ rkupru. Ineffiċjenzi serji fis-sistema ġudizzjarja jkomplu jaffettwaw negattivament l-infurzar ta’ kuntratti u jipprevjenu r-riżoluzzjoni rapida ta’ kawżi ċivili u kummerċjali. Tħabbru serje ta’ riformi bdew jindirizzaw il-problemi l-iktar serji fis-sistema tal-ġustizzja f’Ċipru, b’mod partikolari r-regoli antikwati tal-proċedura ċivili u d-diġitalizzazzjoni tal-qrati, il-konklużjoni ta’ għadd kbir ta’ kawżi pendenti u l-assenza tat-taħriġ tul il-ħajja għall-imħallfin, iżda l-progress għadu miexi bil-mod.

(28)It-tisħiħ tar-reżiljenza u l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika huwa essenzjali biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni rapida u effettiva tal-miżuri ta’ rkupru tal-COVID-19 f’Ċipru. It-titjib tal-koordinazzjoni bejn il-Gvern ċentrali u dak lokali u l-indirizzar tal-frammentazzjoni u l-ineffiċjenzi fil-livell lokali huma meħtieġa biex jitneħħew l-ostakli għall-implimentazzjoni koerenti, l-investimenti u t-twassil ta’ servizzi fil-pajjiż. Il-promozzjoni tad-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika hija essenzjali biex tiżgura l-kontinwità tan-negozju tagħha stess, kif ukoll l-aċċess kontinwu u effettiv għas-servizzi pubbliċi għaċ-ċittadini u għan-negozji.

(29)Filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet attwali jiffukaw fuq l-indirizzar tal-impatti soċjoekonomiċi tal-pandemija u fuq l-iffaċilitar tal-irkupru ekonomiku, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019 adottati mill-Kunsill fid-9 ta’ Lulju 2019 koprew ukoll riformi li huma essenzjali biex jiġu ttratati l-isfidi strutturali fi żmien medju sa dak twil. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jibqgħu pertinenti u se jkomplu jiġu mmonitorjati matul iċ-ċiklu annwali tas-Semestru Ewropew tas-sena d-dieħla. Dan japplika wkoll għal rakkomandazzjonijiet rigward politiki ekonomiċi relatati mal-investiment. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet tal-aħħar jenħtieġ li jitqiesu għall-ipprogrammar strateġiku tal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni ta’ wara l-2020, inkluż għal miżuri ta’ mitigazzjoni u l-istrateġiji ta’ ħruġ fir-rigward tal-kriżi attwali.

(30)Is-salvagwardja tas-sodezza globali tas-sistema bankarja u l-ġestjoni tar-riskji għall-istabbiltà finanzjarja huma essenzjali biex tingħeleb il-kriżi tal-COVID-19 u biex tiġi appoġġata l-ekonomija. Filwaqt li l-istabbiltà tas-settur bankarju tjiebet b’mod sinifikanti f’dawn l-aħħar snin, il-pandemija qed toħloq pressjoni fuq il-banek, permezz ta’ żieda fir-riskju ta’ kreditu u pressjonijiet fuq il-profittabbiltà u l-kapitalizzazzjoni. Il-vulnerabbiltajiet u l-isfidi ġejjin minn settur privat b’dejn eċċessiv u minn stokk għoli ta’ self improduttiv (NPL, non-performing loans), li jillimitaw l-ambitu tal-appoġġ ta’ kreditu. Is-settur bankarju Ċiprijott għandu t-tieni l-ogħla proporzjon ta’ self improduttiv fiż-Żona tal-Euro. Għalhekk, l-isforzi biex jitnaqsu l-NPL jibqgħu prijorità, b’mod partikolari billi jiġu indirizzati l-“NPL ta’ legat” li ilhom pendenti qabel il-bidu tal-kriżi tal-COVID-19. Biex jinkiseb dan l-għan, huwa essenzjali li jsir progress fuq il-kumpanija ta’ ġestjoni tal-assi tal-Istat (KEDIPES), inkluż fuq il-mudell organizzattiv u l-istrateġija tagħha. B’mod importanti, l-iskema ESTIA għandha l-għan li tappoġġa u tipproteġi mutwatarji vulnerabbli, iżda huwa essenzjali li dan jiġi bbilanċjat b’tali mod li tittejjeb il-kultura ta’ pagament. F’dan ir-rigward, it-tisħiħ tal-infurzar ta’ talbiet u l-promozzjoni tal-użu ta’ qafas ta’ insolvenza għandu jgħin biex isostni workout sostenibbli ta’ self ħażin. Barra minn hekk, it-tnaqqis pendenti fil-ħruġ ta’ titoli ta’ proprjetà permezz tal-implimentazzjoni ta’ soluzzjoni strutturali biex jiġu indirizzati l-inadegwatezzi tas-sistema ta’ tranżazzjoni ta’ proprjetà (jiġifieri l-ħruġ u t-trasferiment ta’ titoli ta’ proprjetà) jibqa’ kompitu importanti.

(31)L-isforzi kontinwi biex jissaħħaħ il-qafas għall-prevenzjoni u s-sanzjonijiet ta’ korruzzjoni huma essenzjali biex jiġi żgurat l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 u biex tinkiseb allokazzjoni u distribuzzjoni ta’ fondi u riżorsi effiċjenti, responsabbli u trasparenti. Filwaqt li qed jiġi implimentat pjan ta’ azzjoni kontra l-korruzzjoni, il-miżuri ewlenin u l-leġiżlazzjoni għadhom pendenti, b’mod partikolari l-abbozz tal-Atti għat-titjib tat-trasparenza fit-tfassil tad-deċiżjonijiet pubbliċi, l-istabbiliment tal-awtorità indipendenti kontra l-korruzzjoni, ir-rapportar tal-korruzzjoni u l-protezzjoni tal-informaturi. Id-dispożizzjonijiet relatati mal-Uffiċċju stabbilit mil-liġi dwar l-indipendenza baġitarja, is-separazzjoni tal-funzjonijiet u l-proċeduri ta’ reklutaġġ għadhom pendenti.

(32)Is-Semestru Ewropew jipprovdi l-qafas għal koordinazzjoni kontinwa tal-politika ekonomika u tal-impjiegi fl-Unjoni, li jista’ jkun ta’ kontribut għal ekonomija sostenibbli. L-Istati Membri evalwaw il-progress fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (Sustainable Development Goals, SDG) tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 tagħhom. Billi tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet ta’ hawn taħt, Ċipru se jikkontribwixxi għall-progress lejn l-SDG u għall-isforz komuni biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà kompetittiva fl-Unjoni.

(33)Il-koordinazzjoni mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja hija kruċjali biex jinkiseb irkupru rapidu mill-impatt ekonomiku tal-COVID-19. Jenħtieġ li Ċipru, bħala Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro – u b’kont meħud tal-gwida politika mill-Grupp tal-Euro – jiżgura li l-politiki tiegħu jibqgħu konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet taż-Żona tal-Euro u kkoordinati ma’ dawk tal-Istati Membri l-oħra taż-Żona tal-Euro.

(34)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2020, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika ta’ Ċipru u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2020. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020, il-Programm ta’ Riforma Nazzjonali tal-2020 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lil Ċipru fis-snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli f’Ċipru imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

(35)Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 u l-opinjoni 8 tiegħu hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt,

(36)Fid-dawl tal-analiżi fil-fond mill-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 u l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020. Ir-rakkomandazzjonijiet preżenti jqisu l-ħtieġa li tiġi indirizzata l-pandemija u li jiġi ffaċilitat l-irkupru ekonomiku bħala l-ewwel pass meħtieġ biex ikun jista’ jsir aġġustament tal-iżbilanċi. Ir-rakkomandazzjonijiet li jindirizzaw direttament l-iżbilanċi makroekonomiċi identifikati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1), (3) u (4),

B’DAN JIRRAKKOMANDA li Ċipru jieħu azzjoni fl-2020 u fl-2021 biex:

1.F’konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali, jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jindirizza b’mod effettiv il-pandemija, isostni l-ekonomija u jappoġġa l-irkupru sussegwenti. Meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, ikompli bil-politiki fiskali mmirati sabiex jikseb pożizzjonijiet fiskali prudenti fi żmien medju u jiżgura s-sostenibbiltà tad-dejn, filwaqt li jtejjeb l-investiment. Isaħħaħ ir-reżiljenza u l-kapaċità tas-sistema tas-saħħa biex jiġu żgurati servizzi ta’ kwalità u affordabbli, inkluż billi jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tas-saħħa.

2.Jipprovdi sostituzzjoni ta’ dħul adegwat u aċċess għal protezzjoni soċjali għal kulħadd. Isaħħaħ is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, jippromwovi arranġamenti tax-xogħol flessibbli u jtejjeb ir-rilevanza tal-edukazzjoni u t-taħriġ għas-suq tax-xogħol.

3.Jiżgura aċċess adegwat għall-finanzi u għal-likwidità, speċjalment għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. Jiffinanzja fil-fażi tal-bidu tagħhom proġetti maturi ta’ investiment pubbliku u jippromwovi l-investiment privat biex jitrawwem l-irkupru ekonomiku. Jiffoka l-investiment fuq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, b’mod partikolari fuq il-produzzjoni nadifa u effiċjenti u l-użu tal-enerġija, il-ġestjoni tal-iskart u tal-ilma, it-trasport sostenibbli, id-diġitalizzazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni.

4.Jieħu aktar azzjoni biex jiġu indirizzati l-karatteristiċi tas-sistema tat-taxxa li jiffaċilitaw l-ippjanar aggressiv tat-taxxa minn individwi u minn kumpaniji multinazzjonali. Itejjeb l-effiċjenza u d-diġitalizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja u tas-settur pubbliku.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
(2)    ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
(3)    SWD(2020) 512 final.
(4)    ĠU C 301, 5.9.2019, p. 117.
(5)    COM(2020) 112 final.
(6)    COM(2020) 123 final.
(7)

   Ir-Regolament (UE) 2020/460 tal-Parlament Ewopew u tal Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 508/2014 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi biex jiġu mmobilizzati investimenti fis-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri u f’setturi oħra tal-ekonomiji tagħhom b’reazzjoni għat-tifqigħa COVID‐19 (Inizjattiva ta’ Investiment b’Reazzjoni għall-Coronavirus) (ĠU L 99, 31.3.2020, p. 5) u r-Regolament (UE) 2020/558 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013 u (UE) Nru 1303/2013 rigward miżuri speċifiċi biex tingħata flessibbiltà eċċezzjonali għall-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej b’reazzjoni għat-tifqigħa ta’ COVID-19 (ĠU L 130, 24.4.2020, p. 1).

(8)    Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.