|
18.8.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 270/7 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1205
tas-6 ta’ Awwissu 2020
dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mir-Repubblika Slovakka skont l-Artikolu 114(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea rigward il-kontenut ta’ kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi
(notifikata bid-dokument C(2020) 5285)
(It-test bis-Slovakk biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114(6) tiegħu,
Billi:
1. FATTI U PROĊEDURA
|
(1) |
Fid-9 ta’ Awwissu 2019, ir-Repubblika Slovakka nnotifikat lill-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 114(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), bl-intenzjoni tagħha li żżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-kontenut ta’ kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi li jidderogaw mir-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). |
1.1. Leġiżlazzjoni tal-Unjoni
1.1.1. L-Artikolu 114(4) u (6) tat-TFUE
|
(2) |
Fil-paragrafi 4 u 6 tal-Artikolu 114 tat-TFUE huwa stipulat: |
1.2. Regoli ta’ armonizzazzjoni fil-qasam tal-prodotti fertilizzanti
1.2.1. Ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003.
|
(3) |
Ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) japplika għal prodotti li jitqiegħdu fis-suq bħala fertilizzanti bl-isem ta’ “fertilizzanti tal-KE”. Fertilizzant li jappartjeni għal tip ta’ fertilizzanti elenkat fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003 u li jikkonforma mal-kundizzjonijiet stipulati f’dak ir-Regolament jista’ jiġi ddeżinjat bħala “fertilizzant tal-KE” u jiċċaqlaq liberament fis-suq intern. |
|
(4) |
L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003 jistabbilixxi lista eżawrjenti ta’ tipi ta’ fertilizzanti koperti mir-regoli ta’ armonizzazzjoni. Għal kull tip ta’ fertilizzant, hemm rekwiżiti speċifiċi li jikkonċernaw, pereżempju, il-kontenut ta’ nutrijenti, is-solubilità tan-nutrijenti, jew il-metodi ta’ pproċessar. |
|
(5) |
Ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 japplika l-aktar għall-fertilizzanti inorganiċi. Xi wħud mit-tipi ta’ fertilizzanti koperti għandhom kontenut ta’ fosforu ta’ 5 % ekwivalenti għal pentossidu tal-fosforu (P2O5) jew aktar skont il-massa. |
|
(6) |
L-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003 jistabbilixxi l-prinċipju ta’ ċirkolazzjoni libera tal-fertilizzanti tal-KE fis-suq intern, u jiddikjara li l-Istati Membri ma għandhomx, għal raġunijiet ta’ kompożizzjoni, ta’ identifikazzjoni, ta’ tikkettar jew ta’ ppakkjar, u fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet oħra li jinsabu f’dak ir-Regolament, jipprojbixxu, jirrestrinġu jew ifixklu t-tqegħid fis-suq ta’ fertilizzanti tal-KE li jikkonformaw ma’ dak ir-Regolament. |
|
(7) |
Ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 ma jistabbilixxi l-ebda valur ta’ limitu għall-kontaminanti fil-fertilizzanti tal-KE. Għalhekk, bi ftit eċċezzjonijiet ibbażati fuq id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rispettivi tat-TFUE (3), il-fertilizzanti tal-KE b’kontenut ta’ fosforu ta’ mill-inqas 5 % P2O5 jiċċaqalqu liberament fis-suq intern irrispettivament mill-kontenut tagħhom ta’ kadmju. |
|
(8) |
Minkejja dan, l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tindirizza l-kwistjoni tal-kontenut ta’ kadmju mhux intenzjonat fil-fertilizzanti minerali diġà kienet tħabbret fil-premessa 15 tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003. Skont dan “Il-fertilizzanti jistgħu jiġu kontaminati minn sustanzi li jistgħu potenzjalment joħolqu riskju għas-saħħa tal-bniedem u dik tal-annimali u għall-ambjent. B’żieda mal-opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku dwar it-Tossiċità, l-Ekotossiċità u l-Ambjent (SCTEE), il-Kummissjoni biħsiebha tittratta l-kwistjoni dwar il-kontenut ta’ kadmju mingħajr intenzjoni f’fertilizzanti minerali u sejra, fejn ikun xieraq, tħejji proposta għal Regolament, li biħsiebha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Fejn ikun xieraq, titwettaq reviżjoni simili għal kontaminanti oħra.” |
1.2.2. Ir-Regolament (UE) 2019/1009
|
(9) |
Ir-Regolament (UE) 2019/1009 jistabbilixxi regoli ta’ armonizzazzjoni għal “prodotti fertilizzanti tal-UE”. Huwa jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 b’effett mis-16 ta’ Lulju 2022. |
|
(10) |
Prodotti fertilizzanti tal-UE huma prodotti fertilizzanti li jkollhom il-markatura CE meta jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fis-suq intern. Prodott fertilizzanti tal-UE jrid jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/1009 għall-kategorija funzjonali ta’ prodotti (“PFC”) rilevanti u għall-kategorija jew għall-kategoriji tal-materjali komponenti, u jkun ittikkettat f’konformità mar-rekwiżiti tat-tikkettar stipulati fih. Hemm seba’ PFCs għal prodotti fertilizzanti tal-UE, u waħda minnhom tkopri l-fertilizzanti. |
|
(11) |
Ir-Regolament (UE) 2019/1009 ikopri fertilizzanti inorganiċi b’mod aktar ġeneriku mill-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003, soġġett għal xi rekwiżiti ġenerali li jikkonċernaw il-kwalità u s-sikurezza tagħhom. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) 2019/1009 japplika għal fertilizzanti organiċi u organominerali, li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni materjali tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003. |
|
(12) |
Ir-Regolament (UE) 2019/1009 jintroduċi fil-livell tal-Unjoni l-kunċett ta’ “fertilizzanti fosfatiċi” għall-fertilizzanti organominerali jew għall-fertilizzanti ta’ makronutrijenti inorganiċi b’kontenut ta’ fosforu ta’ mill-inqas 5 % P2O5. |
|
(13) |
Ir-Regolament (UE) 2019/1009 jistabbilixxi, għall-ewwel darba fil-livell tal-Unjoni, valuri ta’ limitu għall-kontaminanti fi prodotti fertilizzanti tal-UE. Abbażi tal-punt 3(a)(ii) fil-PFC 1(B), Fertilizzant organominerali, u tal-punt 2(a)(ii) fil-PFC 1(C)(I), Fertilizzant inorganiku ta’ makronutrijenti, tal-Anness I ta’ dak ir-Regolament, il-kontenut ta’ kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi ma jistax jaqbeż il-valur ta’ limitu ta’ 60 mg/kg P2O5. |
|
(14) |
Il-prinċipju tal-moviment liberu huwa minqux fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2019/1009, skontu liema l-Istati Membri ma għandhomx jimpedixxu, għal raġunijiet relatati mal-kompożizzjoni, mat-tikkettar jew ma’ aspetti oħra koperti minn dak ir-Regolament, it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE li jikkonformaw ma’ dak ir-Regolament. Madankollu, f’konformità mal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) 2019/1009, Stat Membru li, fl-14 ta’ Lulju 2019, jibbenefika minn deroga mir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 fir-rigward tal-kontenut ta’ kadmju fil-fertilizzanti mogħtija f’konformità mal-Artikolu 114(4) tat-TFUE jista’ jkompli japplika l-valuri ta’ limitu nazzjonali għall-kontenut ta’ kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi sa meta l-valuri ta’ limitu armonizzati għall-kontenut ta’ kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi li jkunu daqs jew taħt il-valuri ta’ limitu nazzjonali jkunu applikabbli fil-livell tal-Unjoni. |
|
(15) |
Barra minn hekk, sas-16 ta’ Lulju 2026, il-Kummissjoni għandha obbligu li tirrieżamina l-valuri ta’ limitu għall-kontenut ta’ kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi, bl-għan li tivvaluta l-fattibbiltà li tnaqqas dawn il-valuri ta’ limitu għal livell xieraq aktar baxx. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tqis il-fatturi ambjentali, b’mod partikolari fil-kuntest tal-kundizzjonijiet pedoklimatiċi, il-fatturi tas-saħħa, kif ukoll il-fatturi soċjoekonomiċi, inkluż il-kunsiderazzjonijiet tas-sigurtà tal-provvista. |
1.2.3. Reġim fakultattiv
|
(16) |
Is-suq tal-UE għall-prodotti fertilizzanti huwa biss parzjalment armonizzat. |
|
(17) |
Ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 għandu l-għan li jiżgura ċ-ċirkolazzjoni libera tal-fertilizzanti tal-KE fis-suq intern. Madankollu, dan ma jaffettwax il-“fertilizzanti nazzjonali” mqiegħda fis-suq tal-Istati Membri f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali rispettiva. Il-manifatturi jistgħu jagħżlu li jikkummerċjalizzaw il-fertilizzant bħala “fertilizzant tal-KE” jew inkella bħala “fertilizzant nazzjonali”. |
|
(18) |
Ir-Regolament (UE) 2019/1009 iżomm ir-reġim fakultattiv mingħajr bidliet. B’hekk, jiżgura l-moviment liberu fis-suq intern tal-prodotti fertilizzanti tal-UE u jkompli jippermetti t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti nazzjonali. L-għażla tibqa’ tal-manifattur. |
|
(19) |
Abbażi kemm tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003 u r-Regolament (UE) 2019/1009, l-Istati Membri ma jridux jimpedixxu t-tqegħid fis-suq ta’ fertilizzanti konformi tal-KE u, rispettivament, ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE, għal raġunijiet relatati mal-kontenut ta’ kadmju, fost l-oħrajn. |
|
(20) |
Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu kwalunkwe valur ta’ limitu meqjus xieraq għall-kontaminanti fi prodotti fertilizzanti nazzjonali. Kull Stat Membru huwa mħasseb, aktar jew anqas minn oħrajn, mit-theddida li toħloq l-akkumulazzjoni tal-kadmju għas-sostenibbiltà fit-tul tal-produzzjoni tal-għelejjel. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri diġà introduċew regoli li jillimitaw il-kontenut ta’ kadmju fi prodotti fertilizzanti nazzjonali bl-objettiv li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-kadmju fl-ambjent u, b’hekk, l-esponiment tal-bniedem għall-kadmju. Din id-Deċiżjoni ma tirreferix għal dan it-tip ta’ regoli. |
|
(21) |
Għalhekk, ir-regoli ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni jeżistu flimkien mad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli għall-prodotti fertilizzanti. |
1.3. Dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati
|
(22) |
Id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mir-Repubblika Slovakka fir-rigward tal-valuri ta’ limitu tal-kadmju għall-fertilizzanti fosfatiċi (“id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati”) jinsabu fid-Digriet Nru 577/2005 tal-Ministeru Slovakk tal-Agrikoltura li jistabbilixxi t-tipi ta’ fertilizzanti, il-kompożizzjoni, l-imballaġġ u t-tikkettar tal-fertilizzanti, il-metodi analitiċi għall-ittestjar tal-fertilizzanti, l-elementi ta’ riskju u l-valuri ta’ limitu tagħhom għal gruppi individwali ta’ fertilizzanti, id-devjazzjonijiet permessi u l-limiti għall-fertilizzanti agrikoli għall-finijiet tal-Att Nru 136/2000 dwar il-fertilizzanti u l-Att Nru 220/2004 dwar il-protezzjoni u l-użu tal-art agrikola. |
|
(23) |
Il-Punt 1 tal-Anness 3 tad-Digriet Nru 577/2005 jistabbilixxi valur ta’ limitu nazzjonali ta’ 20 mg/kg P2O5 għall-kadmju. Dan il-valur ta’ limitu japplika għal tliet kategoriji ta’ fertilizzanti: fertilizzanti tal-fosforu, fertilizzanti komposti u fertilizzanti li fihom ukoll traċċa ta’ elementi irrispettivament mill-kontenut tagħhom ta’ P2O5. Il-valur ta’ limitu mhuwiex applikabbli għall-fertilizzanti tal-KE skont ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003. |
|
(24) |
Fin-notifika tagħha u fl-informazzjoni addizzjonali sottomessa lill-Kummissjoni, ir-Repubblika Slovakka għamlitha ċara li n-notifika tagħha tkopri biss il-fertilizzanti fosfatiċi koperti mir-Regolament (UE) 2019/1009 u mqiegħda għad-dispożizzjoni fis-suq fis-Slovakkja. Fertilizzanti bħal dawn huma msemmija fil-punt 3(a)(ii) PFC 1(B) u fil-punt 2(a)(ii) PFC 1(C)(I) tal-Anness I tal-Parti II għal dak ir-Regolament, li japplikaw għall-fertilizzanti inorganiċi u organominerali b’kontenut totali ta’ fosforu li jkun daqs jew aktar minn 5 % ekwivalenti għal pentossidu tal-fosforu (P2O5) skont il-massa. |
|
(25) |
Barra minn hekk, ir-Repubblika Slovakka kkonfermat li din ma tapplika għall-ebda deroga oħra fir-rigward tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2019/1009. |
1.4. Proċedura
|
(26) |
Fiż-żmien tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2019/1009, ir-Repubblika Slovakka flimkien mal-Ungerija u mar-Repubblika Ċeka ffirmaw dikjarazzjoni politika li tesprimi d-dispjaċir tagħhom fir-rigward tal-ambizzjoni baxxa tal-kompromess finali dwar il-valur ta’ limitu għall-kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi, u li fiha diġà kienu indikaw l-appoġġ tagħhom għal derogi nazzjonali minnu abbażi tal-Artikolu 114(4) tat-TFUE. |
|
(27) |
Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Awwissu 2019, ir-Repubblika Slovakka nnotifikat lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li żżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-kontenut ta’ kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi li jidderogaw mir-Regolament (UE) 2019/1009. Skont l-Artikolu 114(4) tat-TFUE moqri flimkien mal-Artikolu 36 tat-TFUE, il-ġustifikazzjoni tar-Repubblika Slovakka hija bbażata fuq raġunijiet ta’ ħtiġijiet kbar relatati mal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent. |
|
(28) |
Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Awwissu 2019, il-Kummissjoni kkonfermat li rċeviet in-notifika u informat lill-awtoritajiet Slovakki li l-perjodu ta’ sitt xhur għall-eżaminazzjoni tagħha skont l-Artikolu 114(6) tat-TFUE jintemm fl-10 ta’ Frar 2020. |
|
(29) |
B’appoġġ għan-notifika tagħhom abbażi tal-Artikolu 114(4) tat-TFUE, l-awtoritajiet Slovakki bagħtu lill-Kummissjoni informazzjoni addizzjonali permezz tal-ittra tas-27 ta’ Settembru 2019. Dik l-informazzjoni tipprovdi xi kjarifiki fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati li r-Repubblika Slovakka qed tfittex li żżomm, kif ukoll data dettaljata dwar is-suq tal-fertilizzanti Slovakk. |
|
(30) |
Minbarra din l-informazzjoni addizzjonali, permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Novembru 2019, ir-Repubblika Slovakka bagħtet studju mwettaq mill-Aġenzija Franċiża ANSES dwar l-esponiment għall-kadmju u li jipproponi Valuri ta’ Referenza għat-Tossiċità (TRV) għall-inġestjoni, valuri ta’ referenza sanitarji fil-ġisem (pereżempju fid-demm u fl-awrina) u valuri ta’ limitu għall-kadmju fil-prodotti fertilizzanti kif ukoll fis-sistemi ta’ appoġġ għall-uċuħ tar-raba’ sabiex jiġu kkontrollati t-tniġġis tal-ħamriji agrikoli u l-kontaminazzjoni tal-produzzjoni tal-uċuħ tar-raba’ (4). |
|
(31) |
Il-Kummissjoni ppubblikat ukoll avviż dwar in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (5) sabiex tinforma lill-partijiet interessati dwar l-intenzjoni tar-Repubblika Slovakka li żżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħha, kif ukoll dwar ir-raġunijiet mogħtija b’appoġġ tat-talba. Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Novembru 2019, il-Kummissjoni għarrfet ukoll lill-Istati Membri l-oħra dwar in-notifika u tathom l-opportunità li jippreżentaw il-kummenti dwarha fi żmien 30 jum. |
|
(32) |
Il-Kummissjoni rċeviet il-kummenti sa din l-iskadenza mingħand żewġ Stati Membri, jiġifieri r-Repubblika Ċeka u r-Renju tal-Belġju. Iż-żewġ Stati Membri semmew li ma kellhom l-ebda kumment fir-rigward tan-notifika. Ma wasal l-ebda kumment wara l-pubblikazzjoni tal-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali. |
|
(33) |
Fid-Deċiżjoni tagħha notifikata fid-29 ta’ Jannar 2020 (6), skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 114(6) tat-TFUE, fid-dawl tal-kumplessità tal-kwistjoni u fin-nuqqas ta’ periklu għas-saħħa tal-bniedem ikkawżat mill-estensjoni fiha nnifisha, il-Kummissjoni qieset li kien iġġustifikat li l-perjodu msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 114(6) tat-TFUE jiġi estiż għal perjodu ulterjuri ta’ sitt xhur li jiskadi fl-10 ta’ Awwissu 2020. Peress li l-kumplessità tal-kwistjoni kienet relatata mal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà, il-Kummissjoni rriżervat id-deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tan-notifika għal din id-deċiżjoni. |
2. VALUTAZZJONI
2.1. Ammissibbiltà
|
(34) |
Skont l-Artikolu 114(4) u (6) tat-TFUE, wara l-adozzjoni ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni, Stat Membru jista’ jżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali aktar stretti tiegħu minħabba n-neċessitajiet maġġuri msemmija fl-Artikolu 36 tat-TFUE, jew b’rabta mal-ħarsien tal-ambjent jew tal-ambjent tax-xogħol, dment li jinnotifika dawk id-dispożizzjonijiet nazzjonali lill-Kummissjoni u dment li l-Kummissjoni tapprovahom. |
|
(35) |
Ir-Repubblika Slovakka qed titlob lill-Kummissjoni tagħti deroga li tippermetti t-tqegħid fis-suq Slovakk ta’ dawk il-fertilizzanti fosfatiċi biss b’kontenut minimu ta’ 5 % pentossidu tal-fosforu (P2O5) li ma jkunx fihom aktar minn 20 mg ta’ kadmju/kg P2O5. Fl-ittra tagħha tas-27 ta’ Settembru 2019, ir-Repubblika Slovakka ċċarat li l-intenzjoni tagħha hija li żżomm deroga mill-valur ta’ limitu stabbilit għall-kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi, kemm għall-fertilizzanti inorganiċi ta’ makronutrijenti kif ukoll għall-fertilizzanti organominerali. |
|
(36) |
Sabiex taċċerta l-ammissibbiltà tan-notifika, il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati kkonċernati humiex miżura preeżistenti li tidderoga mir-regola ta’ armonizzazzjoni li għadha kemm ġiet introdotta, u jekk humiex aktar protettivi. |
2.1.1. Dwar l-eżistenza minn qabel tad-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati
|
(37) |
Għall-finijiet ta’ din il-valutazzjoni, huwa importanti li wieħed jieħu nota tal-kumplessità partikolari tas-sitwazzjoni inkwistjoni. |
|
(38) |
L-ewwel nett, il-lista eżawrjenti tat-tipi ta’ fertilizzanti tal-KE ddefiniti b’mod ristrett stipulata fir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 se tiġi sostitwita b’reġim regolatorju kompletament differenti. Għalhekk, ir-Regolament (UE) 2019/1009 se jissostitwixxi dawk it-tipi ta’ fertilizzanti b’kategoriji ta’ fertilizzanti ferm aktar ġeneriċi, u jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-armonizzazzjoni għal kategoriji ta’ prodotti li mhumiex fertilizzanti. Fi kliem ieħor, filwaqt li r-Regolament (UE) 2019/1009 se jkopri l-prodotti kollha li qabel kienu armonizzati skont ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003, dan se jikkostitwixxi l-ewwel miżura ta’ armonizzazzjoni tal-UE għal ċerti kategoriji ta’ fertilizzanti li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni estiż tiegħu. |
|
(39) |
It-tieni nett, filwaqt li r-Regolament (KE) Nru 2003/2003 jarmonizza l-fertilizzanti tal-KE, huwa ma jimponix valur ta’ limitu armonizzat għall-kadmju. Fi kliem ieħor, filwaqt li wħud mill-fertilizzanti fil-mira tad-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati, bħala tali, diġà kienu soġġetti għal miżuri ta’ armonizzazzjoni, dawk il-miżuri ta’ armonizzazzjoni s’issa ma kinux immirati lejn ir-riskju li d-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati jfittxu li jindirizzaw. |
|
(40) |
It-tielet nett, ir-Repubblika Slovakka ma applikatx għal deroga mir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 u bħalissa ma tapplika l-ebda limitu ta’ kadmju għall-fertilizzanti tal-KE. |
|
(41) |
Dawn il-kumplessitajiet iqajmu l-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati jistgħux jitqiesu li huma fis-seħħ u notifikabbli lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 114(4) tat-TFUE fir-rigward tar-Regolament (UE) 2019/1009 filwaqt li titqies l-armonizzazzjoni stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 2003/2003. |
|
(42) |
Minn naħa waħda, l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) 2019/1009 jestendi d-derogi preċedenti mill-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003 għall-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2019/1009, u b’hekk jippermetti li l-miżuri nazzjonali eżistenti japplikaw b’mod legali, abbażi tan-notifiki skont l-Artikolu 114(4) tat-TFUE u tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 114(6) tat-TFUE, għall-fertilizzanti koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-armonizzazzjoni previst mir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 sabiex japplikaw ukoll għall-prodotti fertilizzanti tal-UE li se jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ armonizzazzjoni estiż ġdid għall-ewwel darba bis-saħħa tar-Regolament (UE) 2019/1009. Dan jikkonferma wkoll li r-Regolament (UE) 2019/1009 huwa kontinwazzjoni tal-armonizzazzjoni li tirriżulta mir-Regolament (KE) Nru 2003/2003. |
|
(43) |
Min-naħa l-oħra, il-Premessa 11 tar-Regolament (UE) 2019/1009 tikkonferma li l-leġiżlatur, bil-parafrażi tal-Artikolu 114(4) tat-TFUE, qies li jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/1009 jiġi kkunsidrat għall-fini tal-valutazzjonijiet skont l-Artikolu 114(4) tat-TFUE: “Diversi Stati Membri għandhom fis-seħħ dispożizzjonijiet nazzjonali li jillimitaw il-kontenut ta’ kadmju f’fertilizzanti fosfatiċi għal raġunijiet relatati mal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent. Jekk Stat Membru jqis li jkun meħtieġ li jżomm dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali wara l-adozzjoni ta’ valuri ta’ limitu armonizzati skont dan ir-Regolament, u sakemm dawk il-valuri ta’ limitu armonizzati jkunu daqs jew taħt il-valuri ta’ limitu nazzjonali diġà fis-seħħ, jenħtieġ li huwa jinnotifikahom lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 114(4) tat-TFUE. Barra minn hekk, f’konformità mal-Artikolu 114(5) tat-TFUE, jekk Stat Membru jqis neċessarju li jintroduċi dispożizzjonijiet nazzjonali ġodda, bħal dispożizzjonijiet li jillimitaw il-kontenut tal-kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi, abbażi ta’ provi xjentifiċi ġodda li għandhom x’jaqsmu mal-ħarsien tal-ambjent jew tal-ambjent tax-xogħol fuq il-bażi ta’ xi problema speċifika għal dak l-Istat Membru li toriġina wara l-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li huwa jinnotifika lill-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet li jkollu l-ħsieb jintroduċi kif ukoll bir-raġunijiet għall-introduzzjoni tagħhom. […]” |
|
(44) |
Din l-interpretazzjoni hija sostnuta ulterjorment mid-differenza fil-kamp ta’ applikazzjoni materjali tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003 u tar-Regolament (UE) 2019/1009, fejn ir-Regolament (UE) 2019/1009 jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 2003/2003 mhux biss b’kamp ta’ applikazzjoni estiż iżda wkoll b’reġim regolatorju kompletament differenti. |
|
(45) |
Jista’ jiġi nnotat ukoll li, f’kawżi fil-passat, fejn miżura ġdida ta’ armonizzazzjoni kienet ġiet issostitwita b’waħda eżistenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (“il-Qorti”) irreferiet biss għall-miżura ta’ armonizzazzjoni adottata ġdida bħala dik li jenħtieġ li tiġi kkunsidrata għall-finijiet tal-valutazzjonijiet skont l-Artikolu 114(4) tat-TFUE (7). |
|
(46) |
Bħala konklużjoni, peress li r-Regolament (UE) 2019/1009 huwa l-miżura ta’ armonizzazzjoni li jenħtieġ li tiġi kkunsidrata għall-fini tad-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati skont l-Artikolu 114(4) tat-TFUE, hija l-Kummissjoni li għandha taċċerta jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati kinux diġà jeżistu, f’konformità mar-rekwiżit tal-Artikolu 114(4) tat-TFUE. |
|
(47) |
Ir-raba’ nett, kemm ir-Regolament (UE) 2019/1009 kif ukoll ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 joperaw b’reġim fakultattiv kif deskritt hawn fuq, li jimplika li r-regoli nazzjonali jistgħu jeżistu flimkien mar-regoli ta’ armonizzazzjoni tal-UE, fl-istess kamp ta’ applikazzjoni materjali bħar-regoli ta’ armonizzazzjoni, iżda biss għal prodotti li ma jitqegħdux fis-suq abbażi tar-regoli ta’ armonizzazzjoni. Id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati s’issa applikaw biss għal dawn il-prodotti msemmija l-aħħar, jiġifieri għall-fertilizzanti msemmija fil-premessa 17 above hawn fuq bħala “fertilizzanti nazzjonali”. Għalhekk, l-applikazzjoni attwali tad-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati għal fertilizzanti nazzjonali bħal dawn hija legali minħabba li r-regoli ta’ armonizzazzjoni huma fakultattivi għall-persuna li tqiegħed il-fertilizzanti fis-suq. Madankollu, ir-Repubblika Slovakka issa għandha l-intenzjoni li tapplika l-istess dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati bħala deroga mir-Regolament (UE) 2019/1009 filwaqt li dawn mhumiex applikati bħala deroga mir-Regolament (KE) Nru 2003/2003. |
|
(48) |
Din il-kumplessità tqajjem il-kwistjoni dwar jekk in-notifika magħmula mir-Repubblika Slovakka tistax titqies bħala li qed iżżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali għall-fini tal-Artikolu 114(4) tat-TFUE, aktar milli tintroduċi dispożizzjonijiet nazzjonali wara l-adozzjoni tal-miżura ta’ armonizzazzjoni skont l-Artikolu 114(5) tat-TFUE. |
|
(49) |
L-ewwel nett jista’ jiġi nnotat li d-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati ilhom fis-seħħ fl-istat attwali tagħhom mill-2005. Għalhekk, dawn kienu fis-seħħ fiż-żmien tat-tfassil tar-Regolament (UE) 2019/1009 u, għaldaqstant, ġew qabel dak ir-Regolament. B’hekk, ir-Repubblika Slovakka mhijiex qed titlob li tintroduċi dispożizzjonijiet nazzjonali wara l-adozzjoni tal-miżura ta’ armonizzazzjoni, kif ikun il-każ għal notifika skont l-Artikolu 114(5) tat-TFUE. |
|
(50) |
Min-naħa l-oħra, jista’ jiġi ddubitat jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati humiex se jinżammu skont it-tifsira tal-Artikolu 114(4) tat-TFUE, peress li d-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati, fl-istat attwali tagħhom, ma japplikawx għall-fertilizzanti tal-KE. Madankollu, hija l-intenzjoni tar-Repubblika Slovakka li tapplika wkoll id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati għall-prodotti fertilizzanti tal-UE. Sabiex dan ikun il-każ, huwa meħtieġ aġġustament fil-leġiżlazzjoni Slovakka. |
|
(51) |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati humiex preeżistenti skont it-tifsira tal-Artikolu 114(4) tat-TFUE, għalkemm dawn ikollhom bżonn jiġu adattati xi ftit sabiex jinkludu prodotti fertilizzanti tal-UE filwaqt li l-fertilizzanti tal-KE jibqgħu esklużi, huwa importanti li wieħed iħares lejn l-iskop tad-distinzjoni bejn l-Artikolu 114(4) u (5) tat-TFUE. |
|
(52) |
Din id-distinzjoni ġiet indirizzata mill-ġurisprudenza tal-Qorti. Fil-kawża C-3/00 Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni, il-Qorti kkonkludiet, fir-rigward tal-Artikolu 95 TKE, li jikkorrispondi għall-Artikolu 114 tat-TFUE: “Id-differenza bejn iż-żewġ sitwazzjonijiet previsti fl-Artikolu 95 hija li, fl-ewwel waħda, id-dispożizzjonijiet nazzjonali ġew qabel il-miżura ta’ armonizzazzjoni. Għalhekk, huma magħrufa mil-leġiżlatura tal-Komunità, iżda l-leġiżlatura ma tistax jew ma turix xewqa li tkun iggwidata minnhom għall-fini ta’ armonizzazzjoni. Għaldaqstant, huwa meqjus aċċettabbli li l-Istat Membru jitlob li r-regoli tiegħu stess jibqgħu fis-seħħ. Għal dak l-għan, it-Trattat tal-KE jeħtieġ li dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawn iridu jkunu ġġustifikati fuq il-bażi tal-ħtiġijiet ewlenin imsemmija fl-Artikolu 30 KE jew b’rabta mal-ħarsien tal-ambjent jew tal-ambjent tax-xogħol. Għall-kuntrarju, fit-tieni sitwazzjoni, l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali ġdida għandha probabbiltà akbar li tipperikola l-armonizzazzjoni. L-istituzzjonijiet Komunitarji ma setgħux, skont id-definizzjoni, iqisu t-test nazzjonali meta kienu qed ifasslu l-miżura ta’ armonizzazzjoni. F’dak il-każ, ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 30 KE ma jiġux ikkunsidrati, u r-raġunijiet relatati mal-ħarsien tal-ambjent jew tal-ambjent tax-xogħol biss jiġu aċċettati, bil-kundizzjoni li l-Istat Membru jipprovdi evidenza xjentifika ġdida u li l-ħtieġa li jintroduċi dispożizzjonijiet nazzjonali ġodda tirriżulta minn problema speċifika għall-Istat Membru kkonċernat li tirriżulta wara l-adozzjoni tal-miżura ta’ armonizzazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. (8) |
|
(53) |
Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata, jenħtieġ li jitqies li l-għan tad-distinzjoni bejn l-Artikolu 114(4) u (5) tat-TFUE huwa li jiġu imposti rekwiżiti ta’ ġustifikazzjoni ogħla f’każijiet fejn l-armonizzazzjoni x’aktarx li tkun ipperikolata peress li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni ma kinitx magħrufa mil-leġiżlatur fiż-żmien meta tfasslet il-miżura armonizzata. |
|
(54) |
Kif diġà ġie stabbilit, id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati ilhom fis-seħħ fl-istat attwali tagħhom mill-2005. Għalhekk, dawn kienu fis-seħħ fiż-żmien tat-tfassil tar-Regolament (UE) 2019/1009 u, għaldaqstant, ġew qabel dak ir-Regolament ukoll. |
|
(55) |
Barra minn hekk, mill-Valutazzjoni tal-Impatt li Takkumpanja l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-regoli dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti bil-markatura CE (9), huwa evidenti li d-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati kienu magħrufa mil-leġiżlatura tal-Unjoni matul it-tfassil tar-Regolament (UE) 2019/1009. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati jenħtieġ li jitqiesu bħala preeżistenti fid-dawl tal-Artikolu 114(4) tat-TFUE. |
|
(56) |
Kif ġie nnotat hawn fuq, ir-Regolament (UE) 2019/1009 huwa meqjus bħala l-miżura ta’ armonizzazzjoni rilevanti għal din il-valutazzjoni partikolari. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati jenħtieġ li jiġu vvalutati fid-dawl ta’ dak ir-Regolament. Għad irid jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati humiex deroga tar-Regolament (UE) 2019/1009 u jekk humiex aktar stretti minn dak ir-Regolament. |
2.1.2. Dwar l-istrettezza tad-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati fir-rigward tar-Regolament (UE) 2019/1009
|
(57) |
Filwaqt li l-valur ta’ limitu għall-kontenut ta’ kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi stipulat fil-punt 3(a)(ii) PFC 1(B) u fil-punt 2(a)(ii) PFC 1(C)(I) tal-Parti II tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1009, li minnu jidderogaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati, huwa stabbilit għal 60 mg/kg P2O5, id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati jistabbilixxu valur ta’ limitu ta’ 20 mg/kg P2O5 għall-kadmju. Għalhekk, huwa ċar li d-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2019/1009, u li huma aktar stretti minnhom. |
|
(58) |
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, jistgħu jinsiltu l-konklużjonijiet li ġejjin: 1) id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati kienu jeżistu qabel il-miżura ta’ armonizzazzjoni u kienu magħrufa mil-leġiżlatura fiż-żmien tat-tfassil tal-miżura ta’ armonizzazzjoni, jiġifieri r-Regolament (UE) 2019/1009. Għalhekk, dawn jenħtieġ li jitqiesu bħala miżura preeżistenti skont l-Artikolu 114(4) tat-TFUE; u 2) id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati li jidderogaw mill-punt 3(a)(ii) PFC 1(B) u mill-punt 2(a)(ii) PFC 1(C)(I) tal-Parti II tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1009 huma aktar stretti mir-Regolament (UE) 2019/1009. |
|
(59) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li n-notifika ppreżentata mir-Repubblika Slovakka hija ammissibbli fl-intier tagħha skont l-Artikolu 114(4) tat-TFUE. |
2.2. Valutazzjoni tal-merti
|
(60) |
F’konformità mal-Artikolu 114(4) u mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 114(6) tat-TFUE, il-Kummissjoni trid tiżgura li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha previsti f’dak l-Artikolu li jagħtu s-setgħa lil Stat Membru jżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu li jidderogaw minn miżura ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni. |
|
(61) |
B’mod partikolari, il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati humiex iġġustifikati mill-ħtiġijiet ewlenin imsemmija fl-Artikolu 36 tat-TFUE jew b’rabta mal-ħarsien tal-ambjent jew tal-ambjent tax-xogħol u li ma jaqbżux dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-objettiv leġittimu mixtieq. Barra minn hekk, meta l-Kummissjoni tqis li d-dispożizzjonijiet nazzjonali jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq, hija għandha tivverifika, skont l-Artikolu 114(6) tat-TFUE, jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali humiex mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew humiex restrizzjoni moħbija tal-kummerċ bejn l-Istati Membri jew le, u jekk jikkostitwixxux ostakolu għall-funzjonament tas-suq intern jew le. |
|
(62) |
Fid-dawl taż-żmien stabbilit mill-Artikolu 114(6) tat-TFUE, il-Kummissjoni, meta teżamina jekk il-miżuri nazzjonali notifikati skont l-Artikolu 114(4) tat-TFUE humiex iġġustifikati, trid tieħu bħala bażi l-ġustifikazzjonijiet ippreżentati mill-Istat Membru li jinnotifika. L-oneru tal-provi jaqa’ fuq l-Istat Membru rikjedenti li jixtieq iżomm il-miżuri nazzjonali tiegħu. |
|
(63) |
Madankollu, meta l-Kummissjoni jkollha tagħrif li fid-dawl tiegħu l-miżura ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni, li minnha jidderogaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati, jaf ikun hemm bżonn tiġi riveduta, hi tista’ tqis dan it-tagħrif fil-valutazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati. |
2.2.1. Il-pożizzjoni tar-Repubblika Slovakka
|
(64) |
Il-pożizzjoni tar-Repubblika Slovakka fir-rigward tal-kontenut ta’ kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi b’tal-anqas 5 % P2O5 hija mmotivata mill-protezzjoni fit-tul tal-ħamrija u mill-protezzjoni li tirriżulta tas-saħħa tal-bniedem u mill-ħarsien tal-ambjent. |
|
(65) |
Fin-notifika tagħha lill-Kummissjoni, ir-Repubblika Slovakka analizzat l-effetti mistennija tal-valur ta’ limitu ta’ 60 mg/kg P2O5 stabbilit fir-Regolament (UE) 2019/1009 fit-territorju nazzjonali tagħha. Dan il-valur ta’ limitu jqajjem tħassib importanti fir-rigward tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent. Il-kadmju huwa kkwalifikat bħala sustanza karċinoġenika, ikklassifikata fost l-aktar elementi tossiċi. Il-pjanti jassorbu l-kadmju u, b’dan il-mod, il-kadmju jidħol fil-katina alimentari. Għalhekk, ir-Repubblika Slovakka tenfasizza l-ħtieġa li jkompli jitnaqqas l-esponiment għall-kadmju li jidħol fil-ġisem mal-ikel. |
|
(66) |
Minbarra t-tħassib dwar is-saħħa tal-bniedem, ir-Repubblika Slovakka tippreżenta wkoll ġustifikazzjonijiet relatati mal-ħarsien tal-ambjent u mal-protezzjoni fit-tul tal-ħamriji tagħha li minħabba li fil-maġġoranza tagħhom huma aċidużi jew estremament aċidużi, huma aktar vulnerabbli għall-akkumulazzjoni tal-kadmju u, għalhekk, jeħtieġu protezzjoni akbar. |
|
(67) |
Fir-raġunament tagħha, ir-Repubblika Slovakka tibbaża fuq għadd ta’ studji li jorbtu l-akkumulazzjoni tal-kadmju fil-ġisem tal-bniedem ma’ diversi problemi tas-saħħa, bħall-effetti negattivi fuq il-qalb, il-pulmun, l-għadam, il-gonadi u, b’mod partikolari, il-kliewi, kif ukoll l-osteoporożi (10). B’mod simili, ir-Repubblika Slovakka tibbaża wkoll fuq diversi sorsi fir-rigward tal-akkumulazzjoni tal-kadmju fil-ħamrija (11). Dawn is-sorsi jsostnu l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn l-akkumulazzjoni tal-kadmju fil-ħamrija, il-konsum inevitabbli mal-ikel u mal-għalf u l-effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem. |
|
(68) |
B’mod partikolari, huwa argumentat li l-fattur tat-trasferiment tal-kadmju mill-ħamrija għall-pjanti jiddependi ħafna fuq il-pH tal-ħamrija, bil-ħamriji aċidużi li jirrappreżentaw l-ogħla riskju. Aktar ma l-ħamrija tkun aċiduża, aktar jidħol kadmju fil-pjanta (anke jekk il-ħamrija jkollha kontenut pjuttost baxx ta’ kadmju), li wara jidħol fil-katina alimentari aktar malajr u fi kwantitajiet akbar. |
|
(69) |
Peress li l-kadmju huwa kontaminant mhux degradabbli, jippersisti fil-ħamrija għal bejn 75 u 380 sena u ma hemm l-ebda mekkaniżmu li jikkawża t-tkissir tiegħu. Għall-kuntrarju, jinġema’, peress li huwa ħafna anqas mobbli fil-ħamrija milli fl-arja jew fl-ilma. Jeħel sew mal-materja organika fl-uċuħ tal-ħamrija. Il-fatturi ewlenin li jiddeterminaw il-mobbiltà tal-kadmju fil-ħamrija huma l-pH tal-ħamrija, il-kontenut ta’ ħumus u ta’ sustanzi organiċi li jinħallu fl-ilma, il-preżenza ta’ ossiidrossidi u joni konkorrenti u umdità sinifikanti. |
|
(70) |
Aktar minn 70 % tal-ħamriji agrikoli Slovakki huma aċidużi jew estremament aċidużi. Għalhekk, fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-mobbiltà tal-kadmju fis-sistema tal-ħamrija u tal-pjanti, dan huwa fattur negattiv ħafna u sinifikanti. |
|
(71) |
Minbarra li huma aċidużi ħafna, il-ħamriji tas-Slovakkja qed isiru wkoll dejjem ifqar fil-materja organika. L-assorbiment regolari u suffiċjenti ta’ materja organika mill-ħamrija jista’ jinkiseb permezz ta’ fertilizzazzjoni organika marbuta mill-qrib mat-trobbija tal-bhejjem. Il-kontenut ta’ karbonju organiku u l-kwalità tal-materja organika fil-ħamriji agrikoli Slovakki nbidlu b’mod sinifikanti mill-1990, meta l-għadd ta’ bhejjem beda jonqos. Fl-UE, ir-Repubblika Slovakka hija wieħed mill-pajjiżi bl-anqas għadd ta’ unitajiet ta’ bhejjem għal kull ettaru. Għalhekk, din hija raġuni oħra għaliex il-possibbiltà li ma jiżdidux il-livelli ta’ kadmju fil-ħamriji Slovakki hija daqstant importanti. |
|
(72) |
Barra minn hekk, ir-Repubblika Slovakka tenfasizza li l-eliminazzjoni jew il-limitazzjoni tad-dħul tal-kadmju mill-fertilizzanti fosfatiċi fl-art agrikola hija ta’ importanza kbira minħabba li jinstab li xi tipi ta’ ħamriji tagħha għandhom konċentrazzjonijiet għoljin ta’ kadmju minħabba diversi fatturi li jvarjaw mill-kompożizzjoni ġeokimika naturali, sad-depożizzjoni atmosferika u attivitajiet industrijali preċedenti qrib dawn iż-żoni. Fiż-żoni agrikoli, il-konċentrazzjoni tal-kadmju primarjament għandha oriġini antropoġenika, li tirriżulta fil-biċċa l-kbira mill-użu ta’ fertilizzanti fosfatiċi. Għalhekk, pressjoni ulterjuri fuq il-ħamrija fiż-żoni msemmija hawn fuq minħabba l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti fosfatiċi mhijiex mixtieqa u tista’ twassal għal effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem. |
|
(73) |
Il-biċċa l-kbira tal-fertilizzanti fosfatiċi fis-suq Slovakk huma fertilizzanti tal-KE. Madankollu, il-maġġoranza tal-fertilizzanti tal-KE fis-suq Slovakk għandhom kontenut ta’ kadmju ta’ anqas minn 20 mg/kg P2O5. Ir-Repubblika Slovakka hija mħassba li minkejja li 95 % tal-fertilizzanti importati diġà jirrispettaw il-valur ta’ limitu futur ta’ 60 mg/kg P2O5 stabbilit fir-Regolament (UE) 2019/1009, hemm żoni fis-Slovakkja fejn il-kontenut ta’ kadmju qed jiżdied kemm fil-ħamrija kif ukoll fil-prodotti agrikoli. L-effett ta’ dan diġà rriżulta f’żieda fil-kontenut ta’ kadmju fl-ikel tat-trabi. Barra minn hekk, ir-Repubblika Slovakka hija mħassba li x-xejra tal-importazzjonijiet se tinbidel fil-futur u li din se twassal għal żieda sinifikanti fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti b’livelli ta’ kadmju ogħla minn 20 mg/kg P2O5 li jirriżultaw f’aktar akkumulazzjoni ta’ kadmju fil-ħamrija u, konsegwentement, fit-trasferiment tiegħu fil-katina alimentari. |
|
(74) |
Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Slovakka tiddikjara li ma hemm l-ebda manifattur ta’ fertilizzanti fosfatiċi fis-Slovakkja, li jfisser li ma hemmx lok għal biża’ li d-deroga li qed issir applikazzjoni għaliha tista’ tkun ta’ benefiċċju għal produttur nazzjonali. |
2.2.2. Evalwazzjoni tal-pożizzjoni tar-Repubblika Slovakka
2.2.2.1.
|
(75) |
Id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati għandhom l-għan li jiksbu livell ogħla ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent minn dak previst fir-Regolament (UE) 2019/1009 fir-rigward tal-esponiment għall-kadmju, billi jipprevjenu l-akkumulazzjoni ulterjuri ta’ kadmju fil-ħamrija. Il-mezz sabiex jintlaħaq dan l-objettiv huwa li jinżamm valur ta’ limitu massimu aktar baxx ta’ kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi li jkun fihom tal-anqas 5 % P2O5 skont il-massa meta mqabbel mal-valur ta’ limitu armonizzat stabbilit fir-Regolament (UE) 2019/1009. |
|
(76) |
Fir-rigward tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, jenħtieġ li jiġi nnotat li l-kadmju huwa element mhux essenzjali u tossiku għall-bniedem, u ma għandu l-ebda benefiċċju għall-pjanti jew għall-annimali. B’mod partikolari, l-ossidu tal-kadmju ġie kklassifikat bħala sustanza karċinoġenika, kategorija 2, skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 (12). |
|
(77) |
Il-preżenza tal-kadmju fil-pjanti u l-assorbiment tal-kadmju mill-oġġetti tal-ikel jistgħu eventwalment iwasslu għal effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem fit-tul. Barra minn hekk, ladarba jiġi assorbit mill-ġisem tal-bniedem, jinżamm b’mod effiċjenti u jakkumula fih tul il-ħajja tiegħu (13). |
|
(78) |
Il-kadmju jista’ jagħmel ħsara lill-kliewi, u jikkawża produzzjoni żejda ta’ proteini fl-awrina. Id-durata u l-livell ta’ esponiment għall-kadmju jiddeterminaw is-severità tal-effett. Il-ħsara fl-iskeletru hija effett kritiku ieħor tal-esponiment kroniku għall-kadmju f’livelli kemxejn ogħla minn dawk li fihom il-proteina fl-awrina tkun indikatur bikri. Il-kadmju, li prinċipalment jinħażen fil-fwied u fil-kliewi, jiġi eliminat bil-mod, u jista’ jibqa’ fil-ġisem tal-bniedem għal għexieren sħaħ ta’ snin. |
|
(79) |
Il-pubbliku ġenerali huwa espost għall-kadmju minn diversi sorsi, inkluż it-tipjip. Għall-popolazzjoni li ma tpejjipx, l-ikel jirrappreżenta l-aktar sors dominanti ta’ assorbiment tal-kadmju. Il-kadmju huwa primarjament tossiku għall-kliewi, iżda jista’ jikkawża wkoll demineralizzazzjoni tal-għadam u kien assoċjat statistikament ma’ żieda fir-riskju ta’ kanċer fil-pulmun, fl-endometriju, fil-bużżieqa tal-awrina u fis-sider (14). Barra minn hekk, ir-riskji għas-saħħa ma jistgħux jiġu esklużi għal persuni adulti li jpejpu u għal nies b’nuqqas ta’ ħadid f’ġisimhom u/jew li jgħixu qrib sorsi industrijali (15). |
|
(80) |
Barra minn hekk, minbarra l-impatti fuq is-saħħa tal-bniedem, aktar akkumulazzjoni tal-kadmju fil-ħamrija jista’ jkollha effetti negattivi fuq il-bijodiversità tal-ħamrija u, għalhekk, fuq il-funzjonijiet tal-ħamrija (eż. id-dekompożizzjoni tal-materja organika) kif ukoll fuq il-kwalità tal-ilma ta’ taħt l-art permezz ta’ lixxivjazzjoni fil-ħamriji. Kemm it-tossiċità kif ukoll il-bijodisponibbiltà tal-kadmju huma influwenzati mill-karatteristiċi tal-ħamrija. Il-mobbiltà u l-bijodisponibbiltà tal-kadmju huma ogħla f’ħamriji aktar aċidużi, u aktar baxxi f’ħamriji ġibsin/kalkarji. Filwaqt li jitqies li: 1) madwar 70 % tal-ħamriji agrikoli fis-Slovakkja huma aċidużi jew estremament aċidużi; 2) il-ħamriji agrikoli Slovakki qed isiru dejjem aktar foqra fil-materja organika minħabba l-għadd baxx ta’ bhejjem fis-Slovakkja; u 3) il-ħamriji Slovakki diġà huma kkontaminati ħafna bil-kadmju minħabba d-diversi fatturi deskritti hawn fuq, nistgħu nikkonkludu li teżisti sitwazzjoni speċifika għal dak l-Istat Membru, li tagħmlu partikolarment vulnerabbli għall-akkumulazzjoni tal-kadmju fil-ħamriji. |
|
(81) |
It-tħassib dwar ir-riskji maħluqa mill-kadmju għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent diġà ssemma mill-Kunsill fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Jannar 1988 (16). Il-Kunsill enfasizza l-importanza li titnaqqas l-introduzzjoni tal-kadmju fil-ħamriji mis-sorsi kollha inkluż mis-sorsi diffużi (eż. id-depożizzjoni atmosferika, il-fertilizzanti fosfatiċi, il-ħama tad-dranaġġ, eċċ.) permezz ta’, fost l-oħrajn, “miżuri xierqa ta’ kontroll għall-kontenut ta’ kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi bbażati fuq teknoloġija adattata li ma tinvolvix kostijiet eċċessivi u li jqisu l-kundizzjonijiet ambjentali fir-reġjuni differenti tal-Komunità” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
(82) |
Fl-2002, il-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji għas-Saħħa u għall-Ambjent ikkonkluda li limitu ta’ 40 mg/kg P2O5 jew aktar iwassal għal akkumulazzjoni tal-kadmju fil-biċċa l-kbira tal-ħamriji tal-Unjoni Ewropea. Għall-kuntrarju, limitu ta’ 20 mg/kg P2O5 jew anqas ma kienx mistenni li jirriżulta f’akkumulazzjoni fit-tul fil-ħamrija fuq perjodu ta’ 100 sena jekk ma jitqisux sorsi oħra tal-kadmju. |
|
(83) |
Fil-premessa 15 tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003, diġà kienet tħabbret l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tindirizza l-kwistjoni ta’ kontenut ta’ kadmju mhux intenzjonat fil-fertilizzanti minerali. |
|
(84) |
Fil-proposta tagħha tar-Regolament (UE) 2019/1009 (17), fuq il-bażi tad-data xjentifika disponibbli meta vvalutat l-impatti, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-metall tal-kadmju u l-ossidu tal-kadmju b’mod ġenerali jistgħu joħolqu riskji serji għas-saħħa. Il-Kummissjoni pproponiet li jiġi stabbilit valur ta’ limitu ta’ 60 mg/kg P2O5 fil-fertilizzanti fosfatiċi u li gradwalment dan il-valur ta’ limitu jitnaqqas għal 20 mg/kg P2O5 fi żmien 12-il sena wara l-applikazzjoni tar-Regolament il-ġdid. |
|
(85) |
Hemm qbil ġenerali wkoll li l-kadmju fil-fertilizzanti huwa bil-bosta l-aktar sors importanti ta’ introduzzjoni tal-kadmju fil-ħamrija u fil-katina alimentari (18). Ir-Regolament (UE) 2019/1009 jistabbilixxi valur ta’ limitu ta’ 60 mg/kg P2O5 applikabbli mis-16 ta’ Lulju 2022. Il-maġġoranza vasta tal-fertilizzanti disponibbli fis-suq Ewropew diġà jikkonformaw ma’ dan il-valur ta’ limitu. Filwaqt li l-introduzzjoni ta’ dan il-limitu hija pass fid-direzzjoni t-tajba, fuq il-bażi tad-data xjentifika disponibbli, x’aktarx li mhux se tnaqqas b’mod sinifikanti l-akkumulazzjoni tal-kadmju fil-ħamriji fit-tul. |
|
(86) |
Filwaqt li jagħraf il-ħtieġa ta’ valur ta’ limitu armonizzat aktar ambizzjuż għall-kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi fil-futur, ir-Regolament (UE) 2019/1009 jistabbilixxi obbligu fuq il-Kummissjoni sabiex tivvaluta dawn il-limiti mill-ġdid bl-għan li tnaqqashom, jekk dan ikun fattibbli. |
|
(87) |
Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, irid jitqies li l-valur ta’ limitu massimu stabbilit fid-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati huwa ġġustifikat mill-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-bniedem u tal-ambjent. |
2.2.2.2.
(a) In-nuqqas ta’ diskriminazzjoni arbitrarja
|
(88) |
L-Artikolu 114(6) tat-TFUE jeħtieġ li l-Kummissjoni tivverifika li ż-żamma tal-miżuri notifikati ma tkunx mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti (19), sabiex ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni, sitwazzjonijiet komparabbli ma jistgħux jiġu ttrattati b’modi differenti, u sitwazzjonijiet differenti ma jistgħux jiġu ttrattati bl-istess mod, sakemm ma jkollhomx ġustifikazzjoni oġġettiva. In-nuqqas ta’ diskriminazzjoni jfisser li r-restrizzjonijiet nazzjonali fuq il-kummerċ ma jistgħux jintużaw b’tali mod li joħolqu diskriminazzjoni fir-rigward ta’ merkanzija li toriġina minn Stati Membri oħra. |
|
(89) |
Ir-Repubblika Slovakka indikat li bħalissa ma hemm l-ebda produzzjoni ta’ fertilizzanti fosfatiċi fis-Slovakkja. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li, jekk din il-produzzjoni tiġi stabbilita fis-Slovakkja fil-futur, id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati jkunu fi kwalunkwe każ japplikaw kemm għall-prodotti domestiċi kif ukoll għall-prodotti mmanifatturati fi Stati Membri oħra. Billi ma hemmx evidenza tal-kuntrarju, jista’ jiġi konkluż li d-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mhumiex mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja. |
(b) Nuqqas ta’ restrizzjoni moħbija tal-kummerċ
|
(90) |
Il-miżuri nazzjonali, li jistabbilixxu kundizzjonijiet aktar stretti għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti meta mqabbla ma’ Regolament tal-Unjoni, normalment jikkostitwixxu ostakolu għall-kummerċ. Dan għaliex, bħala riżultat tad-dispożizzjoni nazzjonali, uħud mill-prodotti li jitqiegħdu fis-suq legalment fil-bqija tal-Unjoni mhumiex mistennija jitqiegħdu fis-suq fl-Istat Membru kkonċernat. Il-prekundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 114(6) tat-TFUE huma maħsuba sabiex iżommu r-restrizzjonijiet ibbażati fuq il-kriterji stipulati fil-paragrafi 4 u 5 tiegħu milli jiġu applikati għal raġunijiet mhux xierqa, u li jikkostitwixxu fil-fatt miżuri ekonomiċi li ma jħallux l-importazzjoni ta’ prodotti minn Stati Membri oħra, jiġifieri, bħala mezz biex iħarsu b’mod indirett il-produzzjoni nazzjonali (20). |
|
(91) |
Billi d-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati jimponu wkoll valur ta’ limitu aktar strett fir-rigward tal-kontenut ta’ kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi għall-operaturi ekonomiċi bbażati fi Stati Membri oħra fil-qasam, li fil-bqija tiegħu huwa armonizzat, huma jistgħu jikkostitwixxu restrizzjoni moħbija tal-kummerċ jew ostakolu għall-funzjonament tas-suq intern. |
|
(92) |
Fin-nuqqas ta’ evidenza li tindika li d-dispożizzjonijiet nazzjonali jikkostitwixxu miżura maħsuba biex tħares il-produzzjoni nazzjonali, jista’ jiġi konkluż li dawn ma jikkostitwixxux restrizzjoni moħbija tal-kummerċ bejn l-Istati Membri. Għalhekk, jibqa’ f’idejn il-Kummissjoni li tikkunsidra jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati jippreżentawx ostakolu għall-funzjonament tas-suq intern. |
(c) Nuqqas ta’ ostakoli għall-funzjonament tas-suq intern
|
(93) |
L-Artikolu 114(6) tat-TFUE jirrikjedi li l-Kummissjoni tivverifika jekk iż-żamma tal-miżuri notifikati tikkostitwix ostakolu għall-funzjonament tas-suq intern jew le. Il-kundizzjoni ma tistax tiġi interpretata b’mod li hija tipprekludi l-approvazzjoni ta’ xi miżura nazzjonali li probabbli taffettwa l-funzjonament tas-suq intern. Fil-fatt, kull miżura nazzjonali b’deroga minn miżura ta’ armonizzazzjoni mmirata lejn l-istabbiliment u t-tħaddim tas-suq intern fis-sustanza tikkostitwixxi miżura li probabbli taffettwa s-suq intern. Għaldaqstant, sabiex jinżamm il-karattru utli tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 114 tat-TFUE, fil-kuntest tal-Artikolu 114(6) tat-TFUE l-kunċett ta’ ostakolu għall-funzjonament tas-suq intern irid jinftiehem bħala effett sproporzjonat b’rabta mal-objettiv mixtieq (21). |
|
(94) |
Meta jkun qed jiġi vvalutat jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati humiex adegwati u neċessarji sabiex jiksbu l-objettiv tagħhom, iridu jitiqiesu diversi fatturi. Il-Kummissjoni trid tevalwa jekk il-livell ta’ protezzjoni li jirriżulta mill-valur ta’ limitu għall-kadmju stabbilit fid-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati huwiex ogħla milli fil-miżura ta’ armonizzazzjoni u effettiv fil-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-bniedem minn naħa, u tal-ambjent min-naħa l-oħra. |
|
(95) |
Id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati għandhom l-għan li jipproteġu s-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent billi jipprevjenu l-akkumulazzjoni tal-kadmju fil-ħamrija. Fin-notifika tagħha lill-Kummissjoni, ir-Repubblika Slovakka tiġġustifika l-ħtieġa għad-deroga billi tirreferi għaċ-ċirkostanzi speċifiċi relatati mal-aċidità għolja u mal-livell baxx ta’ materja organika tal-ħamriji agrikoli Slovakki u għall-effetti negattivi sussegwenti għal-livelli ta’ kadmju tal-ħamrija u għas-saħħa tal-popolazzjoni tal-pajjiż. Madwar 70 % tal-ħamriji agrikoli Slovakki huma aċidużi jew estremament aċidużi u ħafna minnhom qed isiru dejjem ifqar fil-materja organika u dan iwassal għal sitwazzjoni speċifika għal dan l-Istat Membru li tagħmlu partikolarment vulnerabbli għall-akkumulazzjoni tal-kadmju fil-ħamriji. |
|
(96) |
Minbarra dan, valur ta’ limitu massimu ta’ 20 mg/kg P2O5 jew anqas ta’ konċentrazzjoni ta’ kadmju fil-fertilizzanti ġie identifikat bħala effiċjenti sabiex tiġi evitata akkumulazzjoni fit-tul ta’ kadmju fil-ħamrija fuq 100 sena. |
|
(97) |
Filwaqt li jitqiesu wkoll l-elementi relatati mas-sitwazzjoni speċifika tar-Repubblika Slovakka, id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati jistgħu jitqiesu meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti minnhom. |
|
(98) |
Barra minn hekk, ir-Repubblika Slovakka ssostni li l-biċċa l-kbira tal-fertilizzanti fis-suq għandhom kontenut ta’ kadmju iktar baxx mil-limitu ta’ 20 mg/kg P2O5, għalkemm bħalissa dan mhuwiex meħtieġ għall-fertilizzanti tal-KE. Għalhekk, l-iffissar ta’ valur ta’ limitu għal 20 mg/kg P2O5 mhux se jikkawża tfixkil sinifikanti fis-suq. |
|
(99) |
L-applikazzjoni ta’ miżuri oħra bħar-restrizzjonijiet fuq l-użu tkun diffiċli ħafna sabiex tiġi kkontrollata fil-prattika u ma tkunx tista’ tilħaq l-objettiv mixtieq. Il-Kummissjoni tqis li ż-żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mhijiex sproporzjonata u ma tikkostitwix ostakolu għall-funzjonament tas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 114(6) tat-TFUE. |
|
(100) |
Fid-dawl ta’ dik l-analiżi, il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjoni marbuta man-nuqqas ta’ ostakoli għall-funzjonament tas-suq intern hija ssodisfata. |
2.2.2.3.
|
(101) |
Sabiex jiġi żgurat li l-miżura nazzjonali u l-ostakolu potenzjali għall-funzjonament tas-suq intern ikunu limitati għal dak li huwa strettament meħtieġ sabiex jintlaħqu l-objettivi mfittxija mir-Repubblika Slovakka, id-deroga nazzjonali jenħtieġ li tkun limitata fiż-żmien. Id-deroga ma tibqax meħtieġa jekk, fil-futur, il-valur ta’ limitu armonizzat jiġi stabbilit fil-livell tal-valur ta’ limitu Slovakk jew taħtu. |
|
(102) |
Il-valur ta’ limitu armonizzat jista’ jiġi stabbilit biss fil-livell tal-valur ta’ limitu Slovakk jew taħtu permezz ta’ deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ibbażata fuq proposta mill-Kummissjoni, pereżempju fil-kuntest tar-rieżami msemmi fl-Artikolu 49(b) tar-Regolament (UE) 2019/1009. Għalhekk, jenħtieġ li l-perjodu li għalih tingħata d-deroga ma jkunx limitat għal ċerta data b’din id-Deċiżjoni, iżda jkun allinjat ma’ tali deċiżjoni futura mil-leġiżlatur. |
|
(103) |
Dan ikun konformi mal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) 2019/1009, li jistipula li d-derogi mir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 f’konformità mal-Artikolu 114(4) tat-TFUE fir-rigward tal-kontenut ta’ kadmju jistgħu jkomplu japplikaw sakemm fil-livell tal-Unjoni jkunu applikabbli valuri ta’ limitu armonizzati għall-kontenut ta’ kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi li jkunu daqs jew taħt dawk nazzjonali. |
|
(104) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-approvazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati tkun tapplika sakemm fil-livell tal-Unjoni jkun applikabbli valur ta’ limitu armonizzat rivedut li jkun daqs jew taħt il-valur ta’ limitu Slovakk. |
3. KONKLUŻJONIJIET
|
(105) |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, jenħtieġ li jiġi konkluż li n-notifika mir-Repubblika Slovakka għaż-żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jidderogaw mir-Regolament (UE) 2019/1009 kif ippreżentata fid-9 ta’ Awwissu 2019 hija ammissibbli. |
|
(106) |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssib li d-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati:
|
|
(107) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li d-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati jistgħu jiġu approvati, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mir-Repubblika Slovakka skont l-Artikolu 114(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jidderogaw mir-Regolament (UE) 2019/1009 fir-rigward tal-kontenut ta’ kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi, jiġifieri l-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq Slovakk ta’ fertilizzanti fosfatiċi li fihom tal-anqas 5 % P2O5 skont il-massa msemmija fil-punti 3(a)(ii) fil-PFC 1(B) u 2(a)(ii) fil-PFC 1(C)(I) fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1009 b’kontenut ta’ kadmju li jaqbeż l-20 mg/kg, P2O5, huma approvati sakemm fil-livell tal-Unjoni jkun applikabbli valur ta’ limitu armonizzat rivedut li jkun daqs jew taħt il-valur ta’ limitu Slovakk.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Slovakka.
Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Awwissu 2020.
Għall-Kummissjoni
Thierry BRETON
Membru tal-Kummissjoni
(1) Ir-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi regoli dwar it-tpoġġija għad-dispożizzjoni fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1069/2009 u (KE) Nru 1107/2009 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 (ĠU L 170, 25.6.2019, p. 1).
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 dwar il-fertilizzanti, ĠU L 304, 21.11.2003, p. 1.
(3) Ara d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Jannar 2006: 2006/347/KE dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mir-Renju tal-Iżvezja skont l-Artikolu 95(4) tat-Trattat tal-KE dwar il-kontenut massimu ammissibbli ta’ kadmju fil-fertilizzanti (ĠU L 129, 17.5.2006, p. 19), 2006/348/KE dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mir-Repubblika tal-Finlandja skont l-Artikolu 95(4) tat-Trattat tal-KE dwar il-kontenut massimu ammissibbli ta’ kadmju fil-fertilizzanti, (ĠU L 129, 17.5.2006, p. 25), u 2006/349/KE dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mir-Repubblika tal-Awstrija skont l-Artikolu 95(4) tat-Trattat tal-KE dwar il-kontenut massimu ammissibbli ta’ kadmju fil-fertilizzanti, (ĠU L 129, 17.5.2006, p. 31).
(4) Avis de l’Agence nationale de sécurité sanitaire de l’alimentation, de l’environnement et du travail relatif a l’Exposition au cadmium (CAS n°7440-43-9), – Propositions de valeurs toxicologiques de référence (VTR) par ingestion, de valeurs sanitaires repères dans les milieux biologiques (sang, urine, …) et de niveaux en cadmium dans les matières fertilisantes et supports de culture permettant de maîtriser la pollution des sols agricoles et la contamination des productions végétales: https://www.anses.fr/fr/system/files/VSR2015SA0140.pdf
(5) ĠU C 394, 21.11.2019, p. 2.
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li testendi l-perjodu msemmi fl-Artikolu 114(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tad-dispożizzjonijiet nazzjonali relatati mal-kontenut massimu ammissibbli ta’ kadmju fil-fertilizzanti notifikati mir-Repubblika Slovakka skont l-Artikolu 114(4) tat-Trattat (C(2020) 376 final).
(7) Ara l-Kawża C-360/14 P, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni.
(8) C-3/00 Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni, il-paragrafu 58. Ikkonfermata ulterjorment, eż., f’T-234/04 Ir-Renju tan-Netherlands vs Il-Kummissjoni, il-paragrafu 58, fil-Kawżi Magħquda T-366/03 u T-235/04 Land Oberösterreich u l-Awstrija vs Il-Kummissjoni, il-paragrafu 62 u f’C-512/99 Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, il-paragrafu 41.
(9) Ara l-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta tal-Kummissjoni li kienet speċifikament iddedikata għal-limitu tal-kadmju, SWD(2016) 64 final, PARTI 2/2; https://ec.europa.eu/transparency/regdoc/rep/10102/2016/EN/SWD-2016-64-F1-EN-MAIN-PART-2.PDF; ara b’mod partikolari l-paġni 5, 6, 25, 28, 29 u 32, u l-Anness I.
(10) Pereżempju Wexler P., 1999: Encyclopedia of Toxicology. Academic Press, 1999 u l-Ministeru tal-Iżvezja għall-Intrapriża u għall-Innovazzjoni, Il-pożizzjoni tal-Iżvezja dwar ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem miġjuba mill-kadmju, N2016/02227/JM, l-14 ta’ Settembru 2016.
(11) Čurlík J., 2012: Potenciálne toxické stopové prvky a ich distribúcia v pôdach Slovenska [Traċċi ta’ elementi potenzjalment tossiċi u d-distribuzzjoni tagħhom fil-ħamriji tas-Slovakkja]. Il-Fakultà tax-Xjenzi Naturali, l-Università Comenius, Bratislava, pp. 285-287,
(Čurlík, 2012). OECD, 1994: Cadmium: Risk reduction monograph No 5. Environmental Directorate OECD, Paris u Christensen, J. B., Haung, P. M., 1999: Solid phase cadmium and the reaction of aqueous cadmium with soil surfaces. F’: McLaughlin, M. J., Singh, B.r. (edituri) Cadmium and plants. Kluwer Acad. Publ. Londra. pp. 65-96.
(12) Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).
(13) Ara r-rapport xjentifiku tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel “Cadmium dietary exposure in the European Population” (L-esponiment djetetiku għall-kadmju fil-popolazzjoni Ewropea) tal-2012, ippubblikat fuq: https://www.efsa.europa.eu/sites/default/files/scientific_output/files/main_documents/2551.pdf, EFSA Journal 2012;10(1).
(14) EFSA Journal 2012;10(1).
(15) Ir-rapport tal-UE ta’ valutazzjoni tar-riskju dwar il-kadmju u l-ossidu tal-kadmju, kif ikkwotat f’SWD(2016) 64 final, p. 11.
(17) COM/2016/0157 final - 2016/084 (COD).
(18) Ara l-istudju “ Revisiting and updating the effect of phosphate fertilizers to cadmium accumulation in European agricultural soils ” minn Erik Smolders u Laetitia Six, ikkummissjonat minn Fertilizers Europe fl-2013, ippubblikat fuq http://ec.europa.eu/health/scientific_committees/environmental_risks/docs/scher_o_168_rd_en.pdf
(19) Eż. C-492/14, Essent Belgium, il-paragrafu 80, Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/702 tat-8 ta’ Mejju 2018 li tikkonċerna d-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mid-Danimarka dwar iż-żieda tan-nitrit ma’ ċerti prodotti tal-laħam, il-paragrafu 52 (ĠU L 118, 14.5.2018, p. 7), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/348/KE tat-3 ta’ Jannar 2006 dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mir-Repubblika tal-Finlandja skont l-Artikolu 95(4) tat-Trattat tal-KE dwar il-kontenut massimu ammissibbli ta’ kadmju fil-fertilizzanti, il-paragrafu 38 (ĠU L 129, 17.5.2006, p. 25), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/347/KE tat-3 ta’ Jannar 2006 dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mir-Renju tal-Iżvezja skont l-Artikolu 95(4) tat-Trattat tal-KE dwar il-kontenut massimu ammissibbli ta’ kadmju fil-fertilizzanti, il-paragrafu 39 (ĠU L 129, 17.5.2006, p. 19), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/349/KE tat-3 ta’ Jannar 2006 dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mir-Repubblika tal-Awstrija skont l-Artikolu 95(4) tat-Trattat tal-KE dwar il-kontenut massimu ammissibbli ta’ kadmju fil-fertilizzanti, il-paragrafu 39 (ĠU L 129, 17.5.2006, p. 31).
(20) Id-Deċiżjoni (UE) 2018/702, il-paragrafu 54, id-Deċiżjoni 2006/348/KE, il-paragrafu 40, id-Deċiżjoni 2006/347/KE, il-paragrafu 41, id-Deċiżjoni 2006/349/KE, il-paragrafu 41.
(21) Id-Deċiżjoni (UE) 2018/702, il-paragrafu 55, id-Deċiżjoni 2006/348/KE, il-paragrafu 42, id-Deċiżjoni 2006/347/KE, il-paragrafu 43, id-Deċiżjoni 2006/349/KE, il-paragrafu 43.