SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

5 ta’ Settembru 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – VAT iffatturata u mħallsa indebitament – Rettifika tal-fattura – Stralċ tal-fornitur – Rimbors tal-VAT lill-fornitur – Rifjut tal-awtorità fiskali li tirrimborsa l-VAT direttament lix-xerrej – Prijorità fil-qasam tad-dritt għar-rimbors tal-VAT – Riskju ta’ rimbors doppju tal-VAT – Riskju ta’ telf ta’ dħul mit-taxxa”

Fil-Kawża C‑83/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Novembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Frar 2023, fil-proċedura

H GmbH

vs

Finanzamt M,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn F. Biltgen (Relatur), President tal-Awla, N. Wahl u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑11 ta’ Jannar 2024,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal H GmbH, minn M. Boche, M. von Einem u A. Graf, Rechtsanwälte, D. Hoffmanns u J. Scholz, Steuerberater,

–

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u N. Scheffel, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Eggers u J. Jokubauskaitė, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2010/45/UE tat‑13 ta’ Lulju 2010 (ĠU 2010, L 189, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”), kif ukoll tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/9/KE tat‑12 ta’ Frar 2008 li tistabbilixxi regoli dettaljati għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, prevista fid-Direttiva 2006/112/EC, għal persuni taxxabbli mhux stabbiliti fl-Istat Membru ta’ rifużjoni iżda stabbiliti fi Stat Membru ieħor (ĠU 2008, L 44, p. 23).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn H GmbH, kumpannija stabbilita fil-Ġermanja, u l-Finanzamt M (l-Amministrazzjoni Fiskali M, il-Ġermanja) dwar id-dritt għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tal-input imħallsa u r-rimbors ta’ din it-taxxa bħala ekwità.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

L-Artikolu 167 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprevedi li:

“Dritt ta’ tnaqqis iseħħ fil-ħin meta t-taxxa mnaqqsa tiġi imposta.”

4

L-Artikolu 168(a) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi li:

“Sakemm il-merkanzija u s-servizzi jintużaw għall-iskopijiet tat-transazzjonijiet taxxabbli ta’ persuna taxxabbli, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata, fl-Istat Membru li fih twettaq dawn it-transazzjonijiet, li tnaqqas mll-VAT li għandha tħallas dan li ġej:

(a)

il-VAT dovuta jew imħallsa f’dak l-Istat Membru rigward provvisti li sarulha ta’ merkanzija jew servizzi, li twettqu jew li għad iridu jitwettqu minn persuna taxxabli oħra”.

5

L-Artikolu 178(a) tal-imsemmija direttiva jgħid li:

“Biex teżerċita d-dritt ta’ tnaqqis, persuna taxxabbli għandha tissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

għall-finijiet ta’ tnaqqis skont l-Artikolu 168(a), fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, dan irid ikollu fattura magħmula skont it-Taqsimiet 3 sa 6 tal-Kapitolu 3 tat-Titolu XI”.

6

Skont l-Artikolu 203 tal-istess direttiva:

“Il-VAT għandha titħallas minn kwalunkwe persuna li tniżżel il-VAT fuq fattura.”

Id‑dritt Ġermaniż

L‑UStG

7

L-Artikolu 14(4) tal-Umsatzsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (BGBl. 2013 I, p. 1809) (iktar ’il quddiem l-“UStG”), jipprevedi li:

“Il-fattura għandha tinkludi l-indikazzjonijiet segwenti:

[…]

8. ir-rata tat-taxxa applikabbli kif ukoll l-ammont tat-taxxa relatata mal-korrispettiv jew, fil-każ ta’ eżenzjoni, indikazzjoni li tindika li l-kunsinna jew provvista oħra tibbenefika minn eżenzjoni.”

8

Skont l-Artikolu 14c(1) tal-UStG:

“Meta l-imprenditur ikun indika separatament fuq il-fattura ta’ kunsinna jew ta’ ‘provvista oħra’ ammont ta’ taxxa ogħla minn dak li għalih huwa debitur għal din it-tranżazzjoni skont din il-liġi, huwa għandu jkun responsabbli wkoll għall-eċċess. Fil-każ li huwa jaġġusta l-ammont tat-taxxa fir-rigward tar-riċevitur tal-provvista, l-Artikolu 17(1) għandu japplika b’analoġija. […]”

9

L-Artikolu 15(1) tal-UStG jgħid li:

“L-imprenditur jista’ jnaqqas l-ammonti li ġejjin tat-taxxa tal-input imħallsa:

1. it-taxxa legalment dovuta għall-kunsinni u għal provvisti oħra mwettqa minn imprenditur ieħor għall-bżonnijiet tal-impriża tiegħu. L-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis jippreżumi li l-imprenditur ikollu fattura maħruġa skont l-Artikoli 14 u 14a. […]”.

L‑AO

10

L-Abgabenordnung (il-Kodiċi tat-Taxxa), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (BGBl. 2002 I, p. 3866) (iktar ’il quddiem l-“AO”), jinkludi l-Artikolu 163, intitolat “Iffissar derogatorju tat-taxxa għal raġunijiet ta’ ekwità”, li l-ewwel sentenza tal-paragrafu 1 tiegħu jistabbilixxi:

“It-taxxa tista’ tiġi ffissata f’ammont iktar baxx u l-bażijiet ta’ taxxa li jżidu t-taxxa jistgħu jitħallew barra meta jkun jidher li l-impożizzjoni tat-taxxa ma tkunx ekwa fil-każ partikolari.”

11

L-Artikolu 227 tal-AO jgħid li:

“L-awtoritajiet fiskali jistgħu jagħtu eżenzjoni totali jew parzjali tal-krediti li jirriżultaw minn dejn fiskali, jekk f’sitwazzjoni partikolari ma jkunx ekwu li dawn jinġabru; taħt l-istess kundizzjonijiet, l-ammonti diġà mħallsa jistgħu jiġu rrimborsati jew jittieħdu inkunsiderazzjoni.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

12

H, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, saret is-suċċessur ta’ soċjetà in akkomandita sempliċi stabbilita fil-Ġermanja (iktar ’il quddiem “KG”), li kellha bħala għan il-kiri ta’ beni mobbli lil impriżi oħra, b’mod partikolari fil-forma ta’ lokazzjoni lura. Il-kawża prinċipali tikkonċerna sitt tranżazzjonijiet ta’ lokazzjoni lura mwettqa minn KG favur E-GmbH, kumpannija oħra stabbilita fil-Ġermanja, matul is-snin 2007, 2008, 2010 u 2012.

13

Fil-kuntest ta’ kull waħda minn dawn it-tranżazzjonijiet, E-GmbH kienet tixtri bastiment bil-magna ġdid mingħand E-sr, kumpannija stabbilita fl-Italja. Il-fatturi korrispondenti kellhom l-indikazzjoni “kunsinna intra-Komunitarja” u ma kinux jinkludu l-VAT. Il-prezz tax-xiri ta’ kull bastiment tħallas kollu kemm hu minn E-GmbH.

14

Wara kull wieħed minn dawn ix-xiri, E-GmbH u KG kienu jikkonkludu, qabelxejn, ftehim ta’ lokazzjoni lura, li kien jipprevedi, minn naħa, il-bejgħ tal-bastiment lil KG bil-prezz tax-xiri nett miżjud bil-VAT Ġermaniża u, min-naħa l-oħra, ftehim fuq kuntratt ta’ kiri li jittrasferixxi lil E-GmbH id-dritt ta’ tgawdija ta’ dan il-bastiment. E-GmbH kienet tibgħat, sussegwentement, lil KG fattura ta’ bejgħ tal-bastiment li fuqha kienet iddikjarata espressament il-VAT Ġermaniża, kienet issemmi din il-VAT fid-dikjarazzjonijiet tat-taxxa tagħha u kienet tħallasha lill-Finanzamt X (l-Amministrazzjoni Fiskali X, il-Ġermanja) li kienet taqa’ taħtha. Din il-fattura ma kienet tinkludi ebda indikazzjoni fuq il-post fejn kien jinsab il-bastiment fil-mument tal-bejgħ. Fid-dikjarazzjonijiet tal-VAT tagħha, KG kienet tnaqqas, bħala VAT tal-input imħallsa, il-VAT indikata fuq l-imsemmija fattura. E-GmbH u KG kienu jikkonkludu, fl-aħħar nett, kuntratt ta’ kiri ta’ għamara fir-rigward tal-bastiment, għal perijodu ta’ 36 xahar.

15

Fl-okkażjoni ta’ kontroll ta’ E-GmbH għas-sena 2008, l-amministrazzjoni fiskali kkonstatat li, fil-mument meta E-GmbH kienet biegħet il-bastimenti lil KG, dawn ma kinux jinsabu fil-Ġermanja, iżda fl-Italja. F’Ottubru 2012, E-GmbH informat lil KG li hija kienet indikat b’mod żbaljat il-VAT Ġermaniża fuq żewġ fatturi, maħruġa rispettivament f’April u f’Ottubru 2008, u indikatilha li dawn il-fatturi kienu ser jiġu rregolarizzati.

16

Wara kontroll tal-VAT imwettaq fil-bini ta’ KG, il-kontrollur qies li l-kunsinni ta’ bastimenti kellhom jiġu kklassifikati bħala kunsinni mingħajr trasport li, skont l-Artikolu 31 tad-Direttiva dwar il-VAT moqri flimkien mal-Artikolu 3(7) tal-UStG, ma kinux taxxabbli fil-Ġermanja, iżda fl-Italja, fejn kienu jinsabu dawn il-bastimenti fil-mument tal-bejgħ tagħhom. Huwa qies li l-VAT iffatturata minn E-GmbH lil KG kienet dovuta skont l-Artikolu 203 tad-Direttiva dwar il-VAT u l-Artikolu 14 tal-UStG, iżda li din ma setgħetx titnaqqas minn KG bħala VAT tal-input imħallsa.

17

L-Amministrazzjoni Fiskali M qablet ma’ din l-evalwazzjoni u, skont il-punt 1 tal-Artikolu 173(1) tal-AO, ħarġet fil-konfront ta’ KG avviż ta’ rettifika għall-impożizzjoni tal-VAT li jnaqqas l-ammont tal-VAT imnaqqas minn din il-kumpannija għas-sena 2008, li matulha kienu ġew stabbiliti żewġ fatturi ta’ bejgħ ta’ bastiment. Sussegwentement, hija ċaħdet bħala infondat l-ilment imressaq kontra dan l-avviż ta’ rettifika.

18

Erba’ fatturi oħra ta’ bejgħ ta’ bastiment kienu nħarġu matul is-snin 2006, 2010 u 2012. L-Amministrazzjoni Fiskali M ħarġet ukoll avviżi ta’ rettifika għall-impożizzjoni tal-VAT għas-snin 2007 u 2010, dwar it-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa fir-rigward tal-fatturi maħruġa għas-snin 2006 u 2010. Peress li l-ilment imressaq kontra dawn l-avviżi ta’ rettifika ġie miċħud bħala infondat mill-Amministrazzjoni Fiskali M, KG ħallsitha din il-VAT. Fl-aħħar nett, KG ma għamlet l-ebda tnaqqis tal-VAT fuq il-bejgħ ta’ bastimenti kkunsidrati fid-dikjarazzjoni annwali tal-VAT tas-sena 2012.

19

Matul is-sena 2014, E-GmbH kienet is-suġġett ta’ proċedura ta’ insolvenza. L-istralċjarju inkarigat mill-istralċ ta’ din il-kumpannija rrettifika s-sitt fatturi relatati mal-kunsinna tal-bastimenti, billi neħħa l-indikazzjoni tal-VAT li kienet tidher fihom b’mod żbaljat. L-Amministrazzjoni Fiskali X indikat li l-istralċjarju kien ippreżenta l-fatturi rregolarizzati, fl‑10 ta’ Diċembru 2014, u li huwa kien ressaq talba għal rettifika, fit‑8 ta’ Jannar 2015. Hija laqgħet din it-talba u rrimborsat il-VAT korrispondenti, li tħallset lura lill-patrimonju tal-insolvenza, filwaqt li informat lir-rappreżentant fiskali tal-istralċjarju li huwa kien obbligat jissuġġetta t-tranżazzjonijiet għall-VAT fl-Italja. Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-istralċjarju madankollu rrifjuta li joħroġ fatturi li jinkludu l-VAT Taljana. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma ħarkitx lil E-GmbH quddiem qorti sabiex tikseb tali fatturi.

20

KG, abbażi tal-Artikolu 163 tal-AO, talbet lill-Amministrazzjoni Fiskali M, għal raġunijiet ta’ ekwità, tikkalkola mill-ġdid il-VAT għas-snin 2007, 2008, 2010 u 2012. L-amministrazzjoni fiskali ċaħdet din it-talba u, sussegwentement, ċaħdet ukoll l-ilment ta’ KG kontra din id-deċiżjoni bħala infondat.

21

Ir-rikors ippreżentat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali quddiem il-Finanzgericht Düsseldorf (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) ġie miċħud għar-raġuni li l-Amministrazzjoni Fiskali M ma kinitx obbligata tħallasha lura l-VAT li kienet ġiet iffatturata indebitament, peress li din il-VAT kienet tħallset lill-patrimonju tal-insolvenza ta’ E-GmbH. Barra minn hekk, skont dik il-qorti, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma għandha ebda dritt ta’ natura ċivili fuq E-GmbH għar-rimbors tal-imsemmija VAT, iżda għandha biss dritt li tinħarġilha fattura li tinkludi l-VAT Taljana.

22

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors għal reviżjoni quddiem il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja).

23

Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari mis-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2007, Reemtsma Cigarettenfabriken (C‑35/05, EU:C:2007:167), jirriżulta li jeżisti, f’ċerti ċirkustanzi, “dritt dirett” tad-destinatarju ta’ fattura li tinkludi VAT indebita li jikseb il-ħlas lura ta’ din il-VAT mingħand l-amministrazzjoni fiskali. Dan l-aħħar, fis-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2022, HUMDA (C‑397/21, EU:C:2022:790), il-Qorti tal-Ġustizzja, b’applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza, iddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha, minn naħa, il-fornitur li ħallas il-VAT bi żball lill-awtoritajiet fiskali jista’ jitlob ir-rimbors tagħha u, min-naħa l-oħra, ir-riċevitur tas-servizzi jista’ jeżerċita azzjoni ċivili għall-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament kontra dan il-fornitur, tosserva l-prinċipji ta’ newtralità tal-VAT u ta’ effettività, peress li tippermetti lir-riċevitur, li jkun ħallas il-VAT iffatturata bi żball, jikseb ir-rimbors tas-somom imħallsa indebitament. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li, jekk ir-rimbors tal-VAT isir impossibbli jew eċċessivament diffiċli, b’mod partikolari fil-każ ta’ insolvenza tal-fornitur, ir-riċevitur tas-servizzi jista’, abbażi tal-prinċipji ta’ newtralità tal-VAT u ta’ effettività, jikseb ir-rimbors direttament mingħand l-amministrazzjoni fiskali. Skont il-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fl-imsemmija sentenza, li din l-aħħar possibbiltà tapplika wkoll meta, minħabba żball dwar il-post eżatt tal-provvista, it-taxxa tkun tħallset fl-Istat Membru ħażin jekk, fl-assenza ta’ abbuż jew ta’ frodi, peress li l-fornitur u r-riċevitur tas-servizzi jkunu t-tnejn li huma in bona fide, ma jeżistix riskju ta’ telf ta’ dħul mit-taxxa.

24

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-kawża inkwistjoni fil-kawża prinċipali tixbah, f’ċerti ċirkustanzi tagħha, lil dik li wasslet għas-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2022, HUMDA (C‑397/21, EU:C:2022:790). Hija tiddubita, madankollu, jekk is-soluzzjoni adottata f’dik is-sentenza tistax tiġi trasposta għall-kawża inkwistjoni fil-kawża prinċipali. B’mod iktar partikolari, l-imsemmija sentenza ma tirrispondix għall-kwistjoni dwar jekk jeżistix “dritt dirett” għal ħlas lura f’każ fejn, bħal f’dan il-każ, il-VAT nazzjonali li tinsab fuq il-fattura inizjali għandha tiġi ssostitwita b’VAT ogħla ta’ Stat Membru ieħor. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, meta tittieħed inkunsiderazzjoni l-Unjoni Ewropea kollha u bl-inklużjoni tal-Istat Membru li fih effettivament twettqet il-provvista, jeżistix pjuttost dritt għall-ħruġ ta’ fattura li tindika t-taxxa Taljana. F’dan il-kuntest, din l-istess sentenza lanqas ma tiddeċiedi l-kwistjoni dwar jekk id-“dritt dirett” għar-rimbors jistax, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġi suġġett għall-kundizzjoni li x-xerrej ikun beda azzjoni ċivili sabiex jikseb il-ħruġ, mingħand il-fornitur insolventi, ta’ fattura li tindika l-VAT ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor. Barra minn hekk, tqum il-kwistjoni dwar jekk kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq il-ġlieda kontra l-frodi jistgħux, f’tali sitwazzjoni, ikollhom effett fuq id-dritt tax-xerrej li jitlob direttament mingħand l-amministrazzjoni fiskali r-rimbors tal-VAT iffatturata u mħallsa indebitament. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-fatt li l-istralċjarju ta’ E-GmbH ma huwiex ser jiddikjara fl-Italja l-VAT Taljana legalment dovuta jista’, fid-dritt Taljan, iwassal għal frodi tal-VAT fl-Italja.

25

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-amministrazzjoni fiskali għandhiex tipprivileġġa d-dritt ta’ ħlas lura tal-emittent tal-fattura minħabba r-regolarizzazzjoni tal-fattura jew inkella d-“dritt dirett” tad-destinatarju tal-fattura. Hija tistaqsi, f’dan ir-rigward, jekk għandux jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-katina ta’ rimbors abitwali ma tistax tiġi segwita minħabba l-insolvenza tal-emittent tal-fattura u/jew tal-karatteristiċi kronoloġiċi bħal, pereżempju, il-fatt li, fil-mument tal-ħlas lura tal-VAT lill-emittent tal-fattura, l-amministrazzjoni fiskali kienet taf li dan tal-aħħar kien insolventi u setgħet għalhekk tipprevedi l-possibbiltà tal-eżistenza ta’ “dritt dirett” għar-rimbors fil-konfront tad-destinatarju tal-fattura.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzgericht (il-Qorti Federali tal-Finanzi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Riċevitur ta’ provvista li jkun stabbilit fit-territorju nazzjonali għandu l-hekk imsejjaħ dritt dirett kontra l-awtorità fiskali nazzjonali skont is-sentenza [tal‑15 ta’ Marzu 2007, Reemtsma Cigarettenfabriken, C‑35/05, EU:C:2007:167], meta

a)

ir-riċevitur tal-provvista jirċievi mingħand il-fornitur tal-provvista, huwa wkoll stabbilit fit-territorju nazzjonali, fattura li tindika t-taxxa nazzjonali, li r-riċevitur tal-provvista jħallas filwaqt li l-fornitur tal-provvista jħallas debitament it-taxxa msemmija fuq il-fattura,

b)

il-provvista ffatturata tkun madankollu provvista pprovduta fi Stat Membru ieħor,

c)

ir-riċevitur tal-provvista jkun, minħabba f’hekk, imċaħħad fit-territorju nazzjonali mid-dritt għal tnaqqis tat-taxxa, fl-assenza ta’ taxxa legalment dovuta fit-territorju nazzjonali,

d)

il-fornitur jirregolarizza sussegwentement il-fattura billi jħalli barra l-indikazzjoni tat-taxxa nazzjonali, u għalhekk inaqqas l-ammont tal-fattura bl-ammont tat-taxxa li kien indikat,

e)

ir-riċevitur tal-provvista ma jkunx jista’ jaġixxi għal ħlas kontra l-fornitur minħabba l-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza fuq l-assi tal-fornitur u

f)

il-fornitur, li jkun għadu ma rreġistrax ruħu fl-Istat Membru l-ieħor, ikollu l-possibbiltà li jirreġistra ruħu [għall-VAT] f’dan l-Istat Membru, b’tali mod li mbagħad ikun jista’, billi jindika numru ta’ identifikazzjoni fiskali ta’ dan l-Istat Membru, joħroġ lir-riċevitur tal-provvista fattura li tindika t-taxxa ta’ dan l-Istat Membru, li tippermetti lir-riċevitur tal-provvista jnaqqas f’dan l-Istat Membru t-taxxa tal-input imħallsa skont il-proċedura speċjali prevista mid-Direttiva [2008/9]?

2)

Il-fatt li l-awtorità fiskali nazzjonali tkun ħallset lura lill-fornitur it-taxxa mħallsa, minħabba s-sempliċi regolarizzazzjoni tal-fattura, minkejja li l-fornitur ma jkun irrimborsa xejn lir-riċevitur tal-provvista minħabba l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza fuq l-assi tiegħu, jaffettwa r-risposta għal din id-domanda?”

Fuq id‑domandi preliminari

27

Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva dwar il-VAT, moqrija fid-dawl tal-prinċipji ta’ effettività u ta’ newtralità tal-VAT, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li r-riċevitur ta’ provvista jista’ jitlob direttament lill-amministrazzjoni fiskali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huwa stabbilit il-ħlas lura tal-VAT li huwa jkun ħallas lill-fornitur ta’ din il-provvista, li jkun iffattura bi żball il-VAT nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru minflok il-VAT legalment dovuta fi Stat Membru ieħor u ħallasha lill-awtoritajiet fiskali tal-ewwel Stat Membru, fil-każ fejn dawn tal-aħħar ikunu diġà rrimborsaw il-VAT lill-fornitur tal-provvista li jkun is-suġġett ta’ proċedura ta’ stralċ.

28

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT, li huwa fil-qalba tas-sistema komuni tal-VAT stabbilita mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, huwa żgurat mill-mekkaniżmu tad-dritt għal tnaqqis intiż sabiex jeħles kompletament lill-imprenditur mill-piż tal-VAT dovuta jew imħallsa fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi kollha tiegħu u jiggarantixxi, konsegwentement, in-newtralità fir-rigward tal-piż fiskali tal-attivitajiet ekonomiċi kollha, irrispettivament mill-għanijiet jew mir-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet, bil-kundizzjoni li l-imsemmija attivitajiet ikunu, huma stess suġġetti għall-VAT (sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2022, HUMDA, C‑397/21, EU:C:2022:790, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Din il-premessa magħmula, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fl-assenza ta’ dispożizzjoni, fid-Direttiva dwar il-VAT, dwar l-aġġustament, mill-emittent tal-fattura, tal-VAT iffatturata indebitament, huma, bħala prinċipju, l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li fihom din il-VAT tista’ tiġi aġġustata (sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2022, HUMDA, C‑397/21, EU:C:2022:790, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Sabiex tiġi żgurata n-newtralità tal-VAT, l-Istati Membri għandhom jipprevedu, fl-ordinament ġuridiku intern tagħhom, il-possibbiltà ta’ aġġustament ta’ kull taxxa ffatturata indebitament, ladarba l-emittent tal-fattura juri li huwa aġixxa in bona fide (sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2022, HUMDA, C‑397/21, EU:C:2022:790, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar in-natura trasponibbli għal din il-kawża tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2007, Reemtsma Cigarettenfabriken (C‑35/05, EU:C:2007:167), li kienet tirrigwarda l-prinċipji ta’ newtralità, ta’ effettività u ta’ nondiskriminazzjoni.

32

F’din is-sentenza, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ir-riċevitur tas-servizzi għandux id-dritt li jitlob ir-rimbors tal-VAT lill-fornitur li ffattura din it-taxxa b’mod żbaljat, u li min-naħa tiegħu jkun jista’ jitlob ir-rimbors mingħand l-awtorità fiskali, jew jekk tali destinatarju għandux ikun jista’ jindirizza t-talba tiegħu direttament kontra din l-awtorità, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, bħala prinċipju, sistema li fiha, minn naħa, il-fornitur li jkun ħallas bi żball lill-awtoritajiet fiskali l-VAT jista’ jitlob ir-rimbors tagħha u, min-naħa l-oħra, ir-riċevitur tas-servizzi jista’ jeżerċita azzjoni ċivili għall-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament kontra dan il-fornitur, tosserva l-prinċipji ta’ newtralità u ta’ effettività. Fil-fatt, sistema bħal din tippermetti lil-imsemmi riċevitur li jkun sostna l-piż tat-taxxa ffatturata bi żball li jikseb ir-rimbors tal-ammonti mħallsa indebitament (sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2007, Reemtsma Cigarettenfabriken, C‑35/05, EU:C:2007:167, punt 39).

33

Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li, jekk ir-rimbors tal-VAT isir impossibbli jew eċċessivament diffiċli, b’mod partikolari, fil-każ ta’ insolvenza tal-fornitur, dawn il-prinċipji jistgħu jirrikjedu li r-riċevitur tas-servizzi jkun jista’ jagħmel talba għal rimbors direttament lill-awtoritajiet fiskali. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-għodda u l-modalitajiet proċedurali neċessarji sabiex l-imsemmi riċevitur ikun jista’ jirkupra t-taxxa ffatturata indebitament sabiex josservaw il-prinċipju ta’ effettività (sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2007, Reemtsma Cigarettenfabriken, C‑35/05, EU:C:2007:167, punt 41).

34

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, kif il-qorti tar-rinviju stess irrilevat fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, id-dritt għar-rimbors dirett ta’ VAT iffatturata indebitament kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirrigwarda l-VAT nazzjonali indebita fl-Istat Membru li fih hija ġiet iffatturata u li fil-baġit tiegħu tħallset din il-VAT nazzjonali indebita (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2022, HUMDA, C‑397/21, EU:C:2022:790, punt 25). Id-dritt għar-rimbors dirett tal-VAT iffatturata indebitament li minnu jibbenefika, f’ċerti kundizzjonijiet, id-destinatarju ta’ fattura jirrigwarda għalhekk il-VAT li l-Istat Membru kkonċernat jkun irċieva mingħand l-emittent tal-fattura.

35

Għalkemm huwa minnu li t-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda t-talbiet għal rimbors ta’ VAT iffatturata u mħallsa indebitament, għandu madankollu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, l-Amministrazzjoni Fiskali X diġà ħallset il-VAT imħallsa indebitament mir-riċevitur tas-servizzi lill-patrimonju tal-insolvenza tal-fornitur tas-servizzi.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2007, Reemtsma Cigarettenfabriken (C‑35/05, EU:C:2007:167), ma tistax tiġi trasposta għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

37

Fil-fatt, jekk, fil-każ ta’ VAT iffatturata u mħallsa indebitament, amministrazzjoni fiskali li, fuq talba tal-fornitur tas-servizzi, tkun diġà wettqet ir-rimbors tal-VAT ikollha, skont il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2007, Reemtsma Cigarettenfabriken (C‑35/05, EU:C:2007:167), tirrimborsa wkoll din il-VAT lir-riċevitur tas-servizzi, allura l-amministrazzjoni fiskali tkun obbligata tirrimborsa l-VAT darbtejn.

38

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li, meta fornitur ikun iffattura u ħallas b’mod żbaljat VAT, din għandha, bħala prinċipju, tiġi rrimborsata lil dan il-fornitur. Fil-fatt, id-dritt li jinkiseb ir-rimbors ta’ taxxi miġbura fi Stat Membru bi ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta minn u jikkomplementa d-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, bħala prinċipju, l-Istat Membru huwa obbligat jirrimborsa t-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni. It-talba għar-rimbors tal-VAT imħallsa indebitament taqa’ taħt id-dritt għall-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament, li huwa intiż li jirrimedja l-konsegwenzi tal-inkompatibbiltà tat-taxxa mad-dritt tal-Unjoni billi jinnewtralizza l-piż ekonomiku li hija indebitament imponiet fuq l-operatur li, finalment, effettivament sostniha. Issa, il-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT, li jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tas-sistema komuni tal-VAT, huwa intiż li jeħles bis-sħiħ lill-persuna taxxabbli mill-piż tal-VAT fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2020, Terracult, C‑835/18, EU:C:2020:520, punti 23 sa 25).

39

Il-fatt li, bħal fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2007, Reemtsma Cigarettenfabriken (C‑35/05, EU:C:2007:167), il-fornitur tas-servizzi f’din il-kawża jinsab fi stralċ ma huwiex rilevanti f’dan il-każ.

40

Fil-fatt, il-ġurisprudenza li tirriżulta minn din is-sentenza ma għandhiex l-għan li tikkontesta l-ordni ta’ prijorità tal-kredituri fil-kuntest tal-proċeduri ta’ stralċ.

41

F’tali ċirkustanzi, huwa minnu li ma jistax jiġi eskluż a priori li x-xerrej isib ruħu f’sitwazzjoni li fiha l-eżerċizzju ta’ azzjoni ċivili kontra l-istralċjarju inkarigat mill-istralċ tal-fornitur tas-servizzi sabiex jikseb fattura li tinkludi l-VAT Taljana kien impossibbli jew eċċessivament diffiċli, u li sussegwentement kien ser jitlob rimbors direttament lill-amministrazzjoni fiskali. Madankollu, l-amministrazzjoni fiskali ma tistax tiġi rikjesta li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-katina abitwali ta’ rimbors kienet serjament imfixkla, jew saħansitra interrotta, minħabba l-fatt li l-fornitur kien fi stralċ, b’tali mod li l-VAT li kienet ser tiġi rrimborsata lilu mill-amministrazzjoni fiskali kienet ser taqa’ fil-patrimonju tal-insolvenza u setgħet ma tiġix irrimborsata lix-xerrej, mingħajr ma tiġi suġġetta għal piż irraġonevoli.

42

Huwa minnu wkoll li l-ġlieda kontra l-frodi, l-evitar tat-taxxa u l-abbużi eventwali hija għan irrikonoxxut u inkoraġġut mid-Direttiva dwar il-VAT b’tali mod li l-awtoritajiet fiskali għandhom mhux biss iwettqu l-kontrolli neċessarji fir-rigward tal-persuni taxxabbli sabiex jiskopru irregolaritajiet u frodi tal-VAT, iżda wkoll jivverifikaw id-dikjarazzjonijiet tal-persuni taxxabbli, il-kontijiet ta’ dawn tal-aħħar u d-dokumenti rilevanti l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2012, Mahagében u Dávid, C‑80/11 u C‑142/11, EU:C:2012:373, punti 62 u 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43

Madankollu, li wieħed jeżiġi, f’dan il-każ, li l-amministrazzjoni fiskali Ġermaniża tiddetermina jekk il-fatt li l-istralċjarju inkarigat mill-istralċ tal-fornitur tas-servizzi ma huwiex ser jiddikjara fl-Italja l-VAT Taljana legalment dovuta jikkostitwixxix, skont id-dritt Taljan, frodi tal-VAT f’dan l-Istat Membru jmur lil hinn minn dak li jista’ raġonevolment jiġi impost fuq amministrazzjoni fiskali nazzjonali skont l-għan imfakkar fil-punt preċedenti.

44

Għandu jitfakkar ukoll li l-possibbiltà għax-xerrej jew għar-riċevitur li jindirizza t-talba tiegħu għar-rimbors tal-VAT iffatturata u mħallsa indebitament “direttament” lill-amministrazzjoni fiskali tikkostitwixxi eċċezzjoni u hija biss, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, miftuħa jekk l-irkupru ta’ din il-VAT mingħand il-fornitur huwa impossibbli jew eċċessivament diffiċli, li jippreżupponi li x-xerrej jew ir-riċevitur ma jkunu injoraw ebda possibbiltà li jinvokaw id-drittijiet tagħhom barra minn din is-sitwazzjoni.

45

Issa, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u, b’mod partikolari, miċ-ċirkustanzi ppreżentati mill-qorti tar-rinviju fil-formulazzjoni tagħha tal-ewwel domanda, f’dan il-każ, il-fornitur, li għadu ma huwiex irreġistrat fl-Istat Membru li fih il-VAT hija legalment dovuta, għandu l-possibbiltà li jirreġistra ruħu għall-VAT f’dan l-Istat Membru, b’tali mod li sussegwentement huwa jkun jista’, billi jindika numru ta’ identifikazzjoni fiskali tal-imsemmi Stat Membru, joħroġ lir-riċevitur tal-provvista fattura li tindika t-taxxa tal-istess Stat Membru, li tippermetti lir-riċevitur tal-provvista jnaqqas f’dan l-Istat Membru l-VAT tal-input imħallsa.

46

Konsegwentement, kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, f’dan il-każ, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, sabiex ma jkollhiex tbati l-ispiża tal-VAT ikkonċernata, setgħet tibda azzjoni ċivili kontra l-istralċjarju inkarigat mill-istralċ tal-fornitur tas-servizzi sabiex tiġi stabbilita fattura li tinkludi l-VAT Taljana, azzjoni li hija ma ħaditx.

47

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi preliminari hija li id-Direttiva dwar il-VAT, moqrija fid-dawl tal-prinċipji ta’ effettività u ta’ newtralità tal-VAT, għandha tiġi interpretata fis-sens li r-riċevitur ta’ provvista ma jistax jitlob direttament lill-amministrazzjoni fiskali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huwa stabbilit il-ħlas lura tal-VAT li huwa jkun ħallas lill-fornitur ta’ din il-provvista, li jkun iffattura bi żball il-VAT nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru minflok il-VAT legalment dovuta fi Stat Membru ieħor u ħallasha lill-awtoritajiet fiskali tal-ewwel Stat Membru, fil-każ fejn dawn tal-aħħar ikunu diġà rrimborsaw il-VAT lill-fornitur tal-provvista li jkun is-suġġett ta’ proċedura ta’ stralċ.

Fuq l‑ispejjeż

48

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2010/45/UE tat‑13 ta’ Lulju 2010, moqrija fid-dawl tal-prinċipji ta’ effettività u ta’ newtralità tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT),

 

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

 

ir-riċevitur ta’ provvista ma jistax jitlob direttament lill-amministrazzjoni fiskali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huwa stabbilit il-ħlas lura tal-VAT li huwa jkun ħallas lill-fornitur ta’ din il-provvista, li jkun iffattura bi żball il-VAT nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru minflok il-VAT legalment dovuta fi Stat Membru ieħor u ħallasha lill-awtoritajiet fiskali tal-ewwel Stat Membru, fil-każ fejn dawn tal-aħħar ikunu diġà rrimborsaw il-VAT lill-fornitur tal-provvista li jkun is-suġġett ta’ proċedura ta’ stralċ.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.