European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/3230

20.12.2024

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/3230

tat-18 ta’ Ottubru 2024

li jemenda r-Regolament (UE) 2024/1157 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ bidliet fuq vjeġġi ta’ skart elettriku u elettroniku maqbula skont il-Konvenzjoni ta’ Basel

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2024/1157 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar vjeġġi ta’ skart, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1257/2013 u (UE) 2020/1056 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 (1), u partikolarment l-Artikolu 79(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Fil-ħmistax-il laqgħa tagħha li saret f’Ġunju 2022, il-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Basel iddeċidiet, permezz tad-Deċiżjoni BC-15/18, li tinkludi entrata ġdida għal skart elettriku u elettroniku perikoluż (entrata A1181) fl-Anness VIII tal-Konvenzjoni ta’ Basel, filwaqt li tħassar l-entrata A1180 f’dak l-Anness u żżid entrata ġdida għal skart elettriku u elettroniku mhux perikoluż (entrata Y49) fl-Anness II tal-Konvenzjoni ta’ Basel, filwaqt li tħassar l-entrata attwali għal tali skart (entrata B1110) fl-Anness IX tal-Konvenzjoni ta’ Basel kif ukoll tħassar l-entrata B4030 fl-Anness IX tal-Konvenzjoni ta’ Basel. Dawk il-bidliet se jsiru effettivi fl-1 ta’ Jannar 2025.

(2)

Jixraq li l-Unjoni, li hija Parti għall-Konvenzjoni ta’ Basel, timmodifika l-entrati relatati mal-iskart elettriku u elettroniku fl-Annessi rilevanti tar-Regolament (UE) 2024/1157 meta jirreferu għall-Annessi tal-Konvenzjoni ta’ Basel.

(3)

Fir-rigward tal-esportazzjoni tal-iskart elettriku u elettroniku mill-Unjoni lejn pajjiżi terzi u l-importazzjoni tal-iskart ta’ dan it-tip fl-Unjoni minn pajjiżi terzi, jenħtieġ li l-Annessi III, IV u V tar-Regolament (UE) 2024/1157 jenħtieġ li jitqiesu l-bidliet fl-Annessi II, VIII u IX tal-Konvenzjoni ta’ Basel. B’riżultat ta’ dan, mill-1 ta’ Jannar 2025, l-esportazzjonijiet mill-Unjoni lejn pajjiżi terzi li għalihom tapplika d-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-Kontroll ta’ Movimenti Transkonfinali ta’ Skart Destinat għal Operazzjonijiet ta’ Rkupru tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) (2) (“id-Deċiżjoni tal-OECD”), u l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ skart elettriku u elettroniku skont l-entrata A1181 fl-Anness VIII tal-Konvenzjoni ta’ Basel u skont l-entrata Y49 fl-Anness II tal-Konvenzjoni ta’ Basel, jenħtieġ li jkunu soġġetti għall-proċedura ta’ notifika u kunsens bil-miktub minn qabel. F’konformità mal-Artikolu 39(1), il-punti (a) u (c), tar-Regolament (UE) 2024/1157u l-Anness V ta’ dak ir-Regolament, jenħtieġ li tiġi pprojbita l-esportazzjoni tal-iskart elettriku u elettroniku skont l-entrati A1181 fl-Anness VIII tal-Konvenzjoni ta’ Basel u Y49 fl-Anness II tal-Konvenzjoni ta’ Basel lejn pajjiżi terzi li għalihom ma tapplikax id-Deċiżjoni tal-OECD.

(4)

Fir-rigward tal-vjeġġi ta’ skart elettriku u elettroniku mhux perikoluż bejn l-Istati Membri, l-entrati GC010 u GC020 jenħtieġ li jibqgħu applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2026. Dawn il-vjeġġi huma soġġetti għar-rekwiżiti ta’ informazzjoni ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2024/1157, li jiżgura s-superviżjoni u l-kontroll tal-vjeġġi ta’ skart elenkat fil-lista ħadra bil-ħsieb li jiġi mmaniġġjat b’mod li jħares l-ambjent. Mill-1 ta’ Jannar 2027, l-iskart elettriku u elettroniku kollu ttrasportat fl-Unjoni jenħtieġ li jiġi kklassifikat taħt l-entrati Y49 jew A1181 u l-vjeġġi tagħhom jenħtieġ li jkunu soġġetti għall-proċedura ta’ notifika u kunsens bil-miktub minn qabel. Sa dik id-data, is-sistema ċentrali għas-sottomissjoni u l-iskambju ta’ dokumenti u informazzjoni dwar vjeġġi ta’ skart imsemmija fl-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2024/1157 għandha tkun kompletament operattiva. Din is-sistema se tiffaċilita l-proċess tal-kisba ta’ kunsens għal vjeġġi ta’ tali skart.

(5)

Dan ir-Regolament iqis il-fatt li ma ntlaħaq l-ebda ftehim fl-OECD biex jiġu inkorporati l-emendi għall-Annessi tal-Konvenzjoni ta’ Basel dwar l-iskart elettriku u elettroniku jiġu inkorporati fl-Appendiċijiet tad-Deċiżjoni tal-OECD. Għalhekk, jenħtieġ li l-entrati GC010 u GC020 fl-Annessi III u IV tar-Regolament (UE) 2024/1157 ma jibqgħux jiġu applikati għall-esportazzjoni tal-iskart elettriku u elettroniku mill-Unjoni lejn pajjiżi terzi u għall-importazzjoni ta’ tali skart fl-Unjoni minn pajjiżi terzi.

(6)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2024/1157 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi III, IV u V tar-Regolament (UE) 2024/1157 huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Ottubru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L, 2024/1157, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1157/oj.

(2)  OECD/LEGAL/0266.


ANNESS

Emendi għar-Regolament (UE) 2024/1157 fir-rigward ta’ bidliet fuq vjeġġi ta’ skart elettriku u elettroniku maqbula skont il-Konvenzjoni ta’ Basel

L-Annessi III, IV u V tar-Regolament (UE) 2024/1157 huma emendati kif ġej:

(1)

L-Anness III huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-Parti I, jitħassar il-punt (e);

(b)

fil-Parti II, taħt l-intestatura “Skart ieħor li fih metalli”, in-nota f’qiegħ il-paġna li ġejja għandha tiżdied mal-kodiċi GC010:

“(*)

l-entrata GC010 għandha tapplika biss għall-iskart ittrasportat fl-Unjoni u sal-31 ta’ Diċembru 2026 biss.”;

(c)

fil-Parti II, taħt l-intestatura “Skart ieħor li fih metalli”, in-nota f’qiegħ il-paġna li ġejja għandha tiżdied mal-kodiċi GC020:

“(*)

l-entrata GC020 għandha tapplika biss għall-iskart ittrasportat fl-Unjoni u sal-31 ta’ Diċembru 2026 biss.”;

(2)

Fl-Anness IV, il-Parti 1 hija emendata kif ġej:

(a)

il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

l-entrata A2060 tal-klassifikazzjoni ta’ Basel ma għandhiex tapplika u minflok għandha tapplika l-entrata GG040 tal-OECD fil-Parti II tal-Anness III, fejn ikun xieraq.”;

(b)

jiżdied li punt li ġej:

“(g)

Għall-iskart ittrasportat fl-Unjoni sal-31 ta’ Diċembru 2026, l-entrata Y49 ta’ Basel ma għandhiex tapplika u minflok għandhom japplikaw l-entrati GC010 u GC020 fil-Parti II tal-Anness III, fejn xieraq.”;

(3)

L-Anness V huwa emendat kif ġej:

(a)

il-Parti I hija emendata kif ġej:

(i)

Fil-Lista A, it-taqsima A1, l-entrata A1180 hija sostitwita b’din l-entrata li ġejja:

“A1181

Skart elettriku u elettroniku (innota l-entrata relatata Y49 fil-Lista A tal-Parti 2 fl-Anness V):

—

L-iskart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku

—

li fihom jew li huma kkontaminati bil-kadmju, biċ-ċomb, bil-merkurju, bil-komposti organoaloġeni jew b’kostitwenti oħra tal-Anness I sal-punt li l-iskart juri karatteristika tal-Anness III, jew

—

b’komponent li jkun fih jew li jkun ikkontaminat bil-kostitwenti tal-Anness I sal-punt li l-komponent juri karatteristika tal-Anness III, inkluż iżda mhux limitat għal xi wieħed mill-komponenti li ġejjin:

—

ħġieġ minn tubi katodiċi inklużi fil-lista A

—

batterija inkluża fil-lista A

—

swiċċ, lampa, tubu fluworexxenti jew apparat tad-displej bir-retroilluminazzjoni li fih il-merkurju

—

kapaċitatur li fih il-PCBs

—

komponent li fih l-asbestos

—

ċerti bordijiet ta’ ċirkwiti

—

ċerti apparati ta’ wiri

—

ċerti komponenti tal-plastik li fihom ritardant tal-fjammi bromurat

—

Komponenti ta’ skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku li fihom jew li huma kkontaminati b’kostitwenti tal-Anness I sal-punt li l-komponenti tal-iskart juru karatteristika tal-Anness III, sakemm ma jkunux koperti minn entrata oħra fil-lista A

—

Skart li jiġi mill-ipproċessar ta’ skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku jew komponenti ta’ skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku, u li jkun fih jew li jkun ikkontaminat b’kostitwenti tal-Anness I sal-punt li l-iskart juri karatteristika tal-Anness III (eż. frazzjonijiet li jirriżultaw minn tqattigħ jew żarmar), sakemm ma jkunx kopert minn entrata oħra fil-lista A”;

(ii)

fil-Lista B, it-taqsima B1, titħassar l-entrata B1110;

(iii)

fil-Lista B, it-taqsima B4, titħassar l-entrata B4030;

(b)

fil-Parti 2, il-Lista A, tiżdied l-entrata Y49 li ġejja:

“Y49

Skart elettriku u elettroniku:

—

L-iskart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku

—

ma fihx u mhux ikkontaminat bil-kostitwenti tal-Anness I sal-punt li l-iskart juri karatteristika tal-Anness III, u

—

fejn l-ebda wieħed mill-komponenti (eż. ċerti bordijiet ta’ ċirkwiti, ċerti apparati ta’ wiri) ma fihom jew huma kkontaminati bil-kostitwenti tal-Anness I sal-punt li l-komponent juri karatteristika tal-Anness III

—

Komponenti ta’ skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (eż. ċerti bordijiet ta’ ċirkwiti, ċerti apparati ta’ wiri) li ma fihomx u li ma humiex ikkontaminati b’kostitwenti tal-Anness I sal-punt li l-komponenti tal-iskart juru karatteristika tal-Anness III, sakemm ma jkunux koperti minn entrata oħra fl-Anness II jew entrata fl-Anness IX

—

Skart li jiġi mill-ipproċessar ta’ skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku jew komponenti ta’ skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (eż. frazzjonijiet li jirriżultaw minn tqattigħ jew żarmar), li ma fihx u li mhux ikkontaminat b’kostitwenti tal-Anness I sal-punt li l-iskart juri karatteristika tal-Anness III, sakemm ma jkunx kopert minn entrata oħra fl-Anness II jew entrata fl-Anness IX”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/3230/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)