SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

24 ta’ Settembru 2025 ( *1 )

“Saħħa pubblika – Regoli speċifiċi ta’ iġjene għal prodotti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali – Regolament (KE) Nru 853/2004 – Punt 3(e) tal-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2024/1141 – Rikors għal annullament – Locus standi – Interess ġuridiku – Ammissibbiltà – Kunċett ta’ ‘prodott iffriżat’ – Assenza ta’ konsultazzjoni tal-EFSA – Artikolu 13 tar-Regolament Nru 853/2004”

Fil-Kawża T‑354/24,

Mowi Poland S.A., stabbilita f’Ustka (il-Polonja), irrappreżentata minn Z. Kiedacz u K. Puchalska, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Owsiany-Hornung, bħala aġent,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn B. Fodda, B. Travard u P. Chansou, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

Komposta minn, matul id-deliberazzjonijiet, M. J. Costeira (Relatriċi), Presidenta, U. Öberg u P. Zilgalvis, Imħallfin,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara li rat l-assenza ta’ talba għall-iffissar ta’ seduta mressqa mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat mid-data tan-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara li ddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Mowi Poland S.A., titlob, essenzjalment, l-annullament tal-punt 3(e) tal-anness tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/1141 tal‑14 ta’ Diċembru 2023 li jemenda l-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ rekwiżiti speċifiċi ta’ iġjene għal ċertu laħam, prodotti tas-sajd, prodotti tal-ħalib u bajd (ĠU L, 2024/1141, iktar ’il quddiem id-“dispożizzjoni kkontestata”).

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

Ir-rikorrenti hija kumpannija rregolata mid-dritt Pollakk speċjalizzata b’mod partikolari fl-ipproċessar tas-salamun affumikat.

3

Sabiex taqta’ s-salamun affumikat, ir-rikorrenti tuża t-teknika ta’ “twebbis”, li tikkonsisti fil-qtugħ tal-fletti tas-salamun affumikat billi tnaqqas it-temperatura inizjali tagħhom għal livell ta’ bejn –7 °C u –14 °C.

4

Fl‑14 ta’ Diċembru 2023, il-Kummissjoni Ewropea adottat ir-Regolament Delegat 2024/1141 li jinkludi d-dispożizzjoni kkontestata. Dan tal-aħħar iżid għall-Kapitolu VII tas-Sezzjoni VIII tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 li jistabbilixi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 45, p. 14, u rettifika fil-ĠU 2019, L 282, p. 35), il-punt sussegwenti:

“4. Meta prodotti tas-sajd friski, prodotti tas-sajd mhux ipproċessati maħlula mis-silġ, jew prodotti tas-sajd ipproċessati jeħtieġ li jkunu f’temperatura aktar baxxa minn dik tas-silġ li qed idub biex jippermettu l-użu ta’ magni li jfellu jew iqattgħu prodotti tas-sajd, dawn jistgħu jinżammu f’tali temperatura teknoloġikament meħtieġa għal perjodu ta’ żmien qasir kemm jista’ jkun u fi kwalunkwe każ li ma jaqbiżx is‑96 siegħa. Il-ħżin u t-trasport f’dik it-temperatura ma għandhomx ikunu permessi.

Meta l-prodotti tas-sajd iffriżati jeħtieġ li jkunu f’temperatura ogħla minn – 18 °C biex jippermettu l-użu ta’ magni li jfellu jew iqattgħu prodotti tas-sajd, dawn jistgħu jinżammu f’tali temperatura teknoloġikament meħtieġa għal perjodu ta’ żmien qasir kemm jista’ jkun u fi kwalunkwe każ li ma jaqbiżx is‑96 siegħa. Il-ħżin u t-trasport f’dik it-temperatura ma għandhomx ikunu permessi”.

It-talbiet tal-partijiet

5

Ir-rikorrenti titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tannulla d-dispożizzjoni kkontestata;

–

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

6

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tiċħad ir-rikors;

–

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

7

Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

Id-dritt

Kunsiderazzjonijiet preliminari dwar ir-regoli ta’ iġjene applikabbli għall-prodotti tas-sajd

8

Is-sigurtà sanitarja tal-ikel hija rregolata minn sett ta’ regolamenti li għandhom l-għan li jarmonizzaw ir-regoli sanitarji fil-livell tal-Unjoni Ewropea.

9

B’mod partikolari, ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463, u rettifiki fil-ĠU 2014, L 327, p. 9, u fil-ĠU 2016, L 227, p. 5), jistabbilixxi konformement mal-Artikolu 1(2) tiegħu, il-prinċipji ġenerali li jirregolaw l-ikel u l-għalf tal-annimali b’mod ġenerali.

10

Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar l-iġjene ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 34, p. 319), jistabbilixxi, skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, ir-regoli ġenerali fil-qasam tal-iġjene għall-prodotti tal-ikel.

11

Ir-Regolament Nru 853/2004 jipprevedi, skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, regoli speċifiċi ta’ iġjene applikabbli għall-ikel li joriġina mill-annimali.

12

Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 853/2004 jirriżulta li l-operaturi tas-settur tal-ikel għandhom jikkonformaw ruħhom mad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Annessi II u III tal-imsemmi regolament.

13

L-Anness III tar-Regolament Nru 853/2004 jipprevedi rekwiżiti speċifiċi fir-rigward ta’ diversi setturi tal-ikel. Is-settur tal-prodotti tas-sajd huwa rregolat mis-Sezzjoni VIII ta’ dan l-Anness.

14

Qabel l-adozzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata, il-Kapitolu VII tas-Sezzjoni VIII tal-Anness III tar-Regolament Nru 853/2004, dwar il-ħażna ta’ prodotti tas-sajd, kien jipprevedi dan li ġej:

“L-operaturi fin-negozju ta’ l-ikel li jaħżnu prodotti tas-sajd għandhom jiżguraw li l-ħtiġiet li ġejjin ikunu sodisfatti.

1.

Prodotti tas-sajd friski, prodotti tas-sajd li ma ġewx ipproċessati iżda nħallu mis-silġ, u prodotti msajra u mkessħa ta’ krustaċej, għandhom jinżammu f’temperatura li toqrob lejn dik tas-silġ qiegħed jinħall.

2.

Il-prodotti tas-sajd iffriżati għandhom jinżammu f’tempertura ta mhux iktar minn -18 ° C fil-partijiet kollha tal-prodott; madankollu ħut sħiħ iffriżat fis-salmura destinat għall-manifattura ta’ ikel fil-landi jista’ jinżamm f’temperatura ta mhux iktar minn [–]9 °C.

[…]”

15

Bħalma ġie indikat fil-punt 4 iktar ’il fuq, id-dispożizzjoni kkontestata temenda dan il-kapitolu, billi żżid il-punt li ġej:

“4. Meta prodotti tas-sajd friski, prodotti tas-sajd mhux ipproċessati maħlula mis-silġ, jew prodotti tas-sajd ipproċessati jeħtieġ li jkunu f’temperatura aktar baxxa minn dik tas-silġ li qed idub biex jippermettu l-użu ta’ magni li jfellu jew iqattgħu prodotti tas-sajd, dawn jistgħu jinżammu f’tali temperatura teknoloġikament meħtieġa għal perjodu ta’ żmien qasir kemm jista’ jkun u fi kwalunkwe każ li ma jaqbiżx is‑96 siegħa. Il-ħżin u t-trasport f’dik it-temperatura ma għandhomx ikunu permessi.

Meta l-prodotti tas-sajd iffriżati jeħtieġ li jkunu f’temperatura ogħla minn – 18 °C biex jippermettu l-użu ta’ magni li jfellu jew iqattgħu prodotti tas-sajd, dawn jistgħu jinżammu f’tali temperatura teknoloġikament meħtieġa għal perjodu ta’ żmien qasir kemm jista’ jkun u fi kwalunkwe każ li ma jaqbiżx is‑96 siegħa. Il-ħżin u t-trasport f’dik it-temperatura ma għandhomx ikunu permessi”.

Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

16

Mingħajr ma tqajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà permezz ta’ att separat abbażi tal-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, tikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors għar-raġuni, essenzjalment, li r-rikorrenti, minn naħa, ma għandhiex locus standi u, min-naħa l-oħra, ma għandhiex interess ġuridiku.

Fuq il-locus standi tar-rikorrenti

17

Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, issostni li d-dispożizzjoni kkontestata ma tikkonċernax direttament lir-rikorrenti fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Din id-dispożizzjoni ma tbiddilx is-sitwazzjoni legali tagħha inkwantu, qabel l-adozzjoni tagħha, id-dritt tal-Unjoni ma kienx jippermetti li s-salamun affumikat jinħażen fit-temperatura użata għat-twebbis tiegħu. B’mod partikolari, qabel l-adozzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata, il-punt 2 tal-Kapitolu VII tas-Sezzjoni VIII tal-Anness III tar-Regolament Nru 853/2004 kien applikabbli għas-salamun affumikat. Fil-fatt, minn naħa, għalkemm il-kunċett ta’ “ħażna” ma huwiex iddefinit fir-Regolament Nru 853/2004, għandu jsir riferiment għal “tifsira ġeneralment aċċettata” u għal dik li tirriżulta mill-kuntest tar-Regolament Nru 853/2004. Min-naħa l-oħra, il-prodotti li jirriżultaw mit-twebbis huma “prodotti ffriżati” fis-sens tal-imsemmi punt 2. Għaldaqstant, qabel l-adozzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata, l-użu tat-temperatura użata għat-twebbis kellu jseħħ fil-proċess ta’ produzzjoni kif ukoll matul perijodu qasir kemm jista’ jkun u li ma jaqbiżx s‑96 siegħa. L-assenza ta’ riferiment għat-tul ta’ 96 siegħa fid-dispożizzjonijiet applikabbli ma kellhiex l-effett li tawtorizza lir-rikorrenti tapplika t-temperatura użata għat-twebbis matul perijodu itwal. Barra minn hekk, ir-riferiment għal 96 siegħa previst mid-dispożizzjoni kkontestata ma jippreġudikax is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti inkwantu dan il-limitu kien “diġà magħruf preċedentement bħala t-tul massimu awtorizzat” u kien jinsab f’diversi dokumenti. Għalhekk, id-dispożizzjoni kkontestata tikkonferma l-possibbiltà li jintuża t-twebbis u sempliċement tipprovdi iktar ċarezza u leġġibbiltà għad-dispożizzjonijiet diġà eżistenti.

18

Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li hija għandha locus standi. Hija ssostni li r-Regolament Delegat 2024/1141 huwa att regolatorju u li d-dispożizzjoni kkontestata tikkonċernaha direttament u ma tinkludix miżuri ta’ implimentazzjoni.

19

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika kontra att li tiegħu hija ma tkunx id-destinatarja, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, hija suġġetta għall-kundizzjoni li tkun irrikonoxxuta l-locus standi tagħha, li tirriżulta f’żewġ każijiet. Minn naħa, tali rikors jista’ jitressaq bil-kundizzjoni li dan l-att ikun jikkonċernaha direttament u individwalment. Min-naħa l-oħra, tali persuna tista’ tippreżenta rikors kontra att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni jekk ikun jikkonċernaha direttament (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2022, Danske Slagtermestre vs Il‑Kummissjoni, C‑99/21 P, EU:C:2022:510, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20

Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk, bħalma ssostni r-rikorrenti, hijiex iġġustifikata locus standi għar-raġuni li d-dispożizzjoni kkontestata hija att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni u li jikkonċernaha direttament.

21

Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li, bħalma ssostni r-rikorrenti, minn naħa, ir-Regolament Delegat 2024/1141 ma ġiex adottat skont il-proċedura leġiżlattiva. Għaldaqstant, ma jikkostitwixxix att leġiżlattiv fis-sens tal-Artikolu 289(3) TFUE. Min-naħa l-oħra, dan ir-regolament għandu portata ġenerali fis-sens li japplika għal sitwazzjonijiet iddeterminati oġġettivament u jipproduċi effetti legali fil-konfront ta’ kategorija ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt, jiġifieri l-operaturi tas-settur tal-ikel. Minn dan isegwi li r-Regolament Delegat 2024/1141 huwa att regolatorju fis-sens tat-tielet parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

22

Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamlet ir-rikorrenti, li mill-formulazzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata jsegwi li hija tipprevedi rekwiżiti speċifiċi f’dak li jirrigwarda t-teknika tat-twebbis mingħajr ma jkunu neċessarji miżuri oħra. Minn dan isegwi li d-dispożizzjoni kkontestata ma tinkludix miżuri ta’ implimentazzjoni fil-konfront tar-rikorrenti fis-sens tat-tielet parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

23

Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni li tkun is-suġġett tar-rikors teżiġi li żewġ kriterji jkunu ssodisfatti b’mod kumulattiv, jiġifieri, minn naħa, li l-miżura inkwistjoni tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ rikorrent u, min-naħa l-oħra, li ma tħalli ebda setgħa ta’ evalwazzjoni lid-destinatarji ta’ din il-miżura li huma responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha, peress li tkun ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (sentenzi tal‑5 ta’ Mejju 1998, Dreyfus vs Il‑Kummissjoni, C‑386/96 P, EU:C:1998:193, punt 43, u tal‑10 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Ente per le Ville Vesuviane u Ente per le Ville Vesuviane vs Il‑Kummissjoni, C‑445/07 P u C‑455/07 P, EU:C:2009:529, punt 45).

24

Fir-rigward tal-ewwel kriterju, għandu jiġi osservat li, konformement mal-ġurisprudenza, dispożizzjoni tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ individwu jekk tirrestrinġi d-drittijiet tiegħu jew jekk timponilu obbligi (sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2015, Federcoopesca et vs Il-Kummissjoni,T‑312/14, EU:T:2015:472, punt 36).

25

Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjoni kkontestata tillimitax id-drittijiet tar-rikorrenti jew timponilhiex obbligi.

26

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, bħalma jsegwi mill-punt 15 iktar ’il fuq, id-dispożizzjoni kkontestata, minn naħa, tipprevedi espressament il-possibbiltà li jintuża t-twebbis bħala stadju ta’ produzzjoni, billi tippreċiża li ż-żamma tal-prodotti tas-sajd fit-temperatura meħtieġa minn din it-teknika għandha tkun limitata għal “għal perjodu ta’ żmien qasir kemm jista’ jkun u fi kwalunkwe każ li ma jaqbiżx is‑96 siegħa” u, min-naħa l-oħra, tipprovdi li l-ħażna u t-trasport f’din it-temperatura ma humiex awtorizzati.

27

Fir-rigward tal-possibbiltà li jintuża t-twebbis bħala stadju ta’ produzzjoni, għandu jiġi osservat, bħalma għamlet ir-rikorrenti, li, qabel l-adozzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata, ebda dispożizzjoni tar-Regolamenti Nri 178/2002, 852/2004 jew 853/2004 ma kienet tagħmel riferiment għalih.

28

Fil-fatt, bħalma ssostni l-Kummissjoni, qabel l-adozzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, it-twebbis kien deskritt fl-Anness III tal-“Gwida Ewropea għal prattiki tajba għal ħut affumikat u/jew immellaħ u/jew marinat” tal-European Salmon Smokers Association (ESSA, l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Fumaturi tas-Salamun Affumikat).

29

Din il-gwida tikkostitwixxi gwida tal-Unjoni ta’ prattiki tajba ta’ iġjene u ta’ applikazzjoni tal-prinċipji tal-analiżi tar-riskji u tal-kontroll tal-punti kritiċi (iktar ’il quddiem, “HACCP”) fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 852/2004.

30

Issa, bħalma jsegwi mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 852/2004, għalkemm l-użu tal-gwidi tal-Unjoni huwa mħeġġeġ, l-operaturi tas-settur tal-ikel jistgħu jużawhom fuq bażi fakultattiva.

31

L-istess japplika, b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, għall-gwidi nazzjonali ta’ prattiki tajba fis-sens tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 852/2004.

32

Barra minn hekk, bħalma ssostni l-Kummissjoni, it-Taqsima 14.1.13 tal-Kodiċi ta’ użi fuq il-ħut u l-prodotti tas-sajd (Codex Alimentarius), stabbilit mill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ikel u għall-Agrikoltura (FAO) u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), adottat fl‑2003 u emendat, l-aħħar darba, fl‑2016, jipprevedi wkoll pariri tekniċi għall-qtugħ tas-salamun affumikat permezz tat-teknika tat-twebbis u mill-premessa 15 tar-Regolament Nru 852/2004 isegwi li r-rekwiżiti dwar is-sistema HACCP għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji stabbiliti fil-Codex alimentarius.

33

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, bħalma jsegwi mill-parti introduttiva ta’ dan il-kodiċi, huwa “jagħti pariri ta’ natura ġenerali dwar il-produzzjoni, il-ħażna u l-immaniġġjar tal-ħut u tal-prodotti tas-sajd abbord dgħajjes tas-sajd u fuq l-art”.

34

Minn dan isegwi li, qabel l-adozzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata, ma kienx hemm obbligu legalment vinkolanti li jirregola l-użu tat-twebbis bħala stadju ta’ produzzjoni.

35

F’dak li jirrigwarda r-rekwiżiti dwar il-ħażna, għandu jiġi vverifikat jekk, bħalma ssostni, essenzjalment, il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, qabel l-adozzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata, id-dispożizzjonijiet fis-seħħ kinux diġà jipprevedu l-projbizzjoni li s-salamun affumikat jinżamm fit-temperatura meħtieġa għat-twebbis għal perijodu ta’ iktar minn 96 siegħa.

36

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, qabel l-adozzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata, is-Sezzjoni VIII tal-Anness III tar-Regolament Nru 853/2004 kienet applikabbli għas-salamun affumikat. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-partijiet jaqblu ġustament fuq il-fatt li s-salamun affumikat huwa “[p]rodotti tas-sajd ipproċessati” fis-sens tal-punt 7.4 tal-Anness I tar-Regolament Nru 853/2004. Issa, kif ippreċiżat mir-Repubblika Franċiża, l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 853/2004 jistabbilixxi regoli speċifiċi applikabbli għall-ikel li joriġina mill-annimali pproċessat jew mhux ipproċessat. Barra minn hekk, bħalma tirrileva l-Kummissjoni, is-Sezzjoni VIII tal-Anness III tar-Regolament Nru 853/2004 tipprevedi dispożizzjonijiet li japplikaw għall-prodotti pproċessati. Dan huwa partikolarment il-każ għall-Kapitolu IV ta’ din is-sezzjoni li jipprevedi rekwiżiti applikabbli għal ċerti prodotti tas-sajd ipproċessati.

37

Għalkemm it-tielet paragrafu tal-punt 1 tas-Sezzjoni VIII tal-Anness III tar-Regolament Nru 853/2004 jipprevedi li “[l-imsemmija] Taqsima għandha tapplika għall-prodotti tas-sajd mhux ipproċessati u li tħallew jinħallu, u għall-prodotti tas-sajd friski li jkunu żdidulhom addittivi tal-ikel f’konformità mal-leġiżlazzjoni xierqa tal-Unjoni”, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamlet il-Kummissjoni, li din id-dispożizzjoni ġiet miżjuda bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 558/2010 tal‑24 ta’ Ġunju 2010 li jemenda l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 (ĠU 2010, L 159, p. 18), li l-premessa 11 tagħha tipprevedi li “[g]ħall-konsistenza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, għall-dawk il-prodotti jridu japplikaw l-istess rekwiżiti li japplikaw għall-prodotti friski tal-ħut”. Għalhekk, għandu jitqies li t-tielet paragrafu tal-punt 1 tas-Sezzjoni VIII tal-Anness III tar-Regolament Nru 853/2004 sempliċement jispeċifika li din it-taqsima tapplika wkoll għall-prodotti tas-sajd mhux ipproċessati mhux iffriżati u għall-prodotti friski tas-sajd li magħhom ġew miżjuda addittivi tal-ikel konformement mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

38

Fir-rigward b’mod partikolari tad-dispożizzjonijiet dwar il-ħażna tal-prodotti tas-sajd fis-seħħ qabel l-adozzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata, għandu jiġi osservat li, l-ewwel nett, bħalma jsegwi mill-punt 14 iktar ’il fuq, ir-rekwiżiti previsti fil-Kapitolu VII tas-Sezzjoni VIII tal-Anness III tar-Regolament Nru 853/2004 huma imposti fuq l-operaturi tas-settur tal-ikel li jaħżnu prodotti tas-sajd.

39

Issa, għandu jiġi kkonstatat li la r-Regolament Nru 853/2004 u lanqas ir-Regolamenti Nri 178/2002 u 852/2004 li għalihom jirreferi ma jiddefinixxu l-kunċett ta’ “ħażna”. Il-Kummissjoni tammetti dan ukoll fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha.

40

Għalhekk, mid-dispożizzjonijiet fis-seħħ qabel l-adozzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata ma jsegwix minn liema mument prodott tas-sajd kellu jitqies bħala maħżun.

41

Din il-konstatazzjoni hija msaħħa mill-fatt li, fil-parti dwar il-kuntest tal-espożizzjoni tal-motivi tar-Regolament Delegat 2024/1141, huwa ppreċiżat li huwa xieraq li “jiġu ċċarati” r-rekwiżiti f’dak li jirrigwarda “l-operazzjoni biex titnaqqas ftit it-temperatura għat-tqattigħ tal-prodotti tas-sajd friski jew ipproċessati jew biex tiżdied it-temperatura tal-prodotti tas-sajd iffriżati u l-projbizzjoni tal-ħażna jew tat-trasport ta’ prodotti tas-sajd f’dik it-temperatura temporanja meħtieġa teknoloġikament”“sabiex tiġi evitata kull ambigwità”.

42

Barra minn hekk, bi tweġiba għat-tieni motiv tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ssostni li d-dispożizzjoni kkontestata “tippreċiża d-delimitazzjoni bejn dak li jista’ jitqies bħala neċessarju fil-kuntest tal-istadju tal-produzzjoni tat-twebbis, minn naħa, u l-ħażna, min-naħa l-oħra”.

43

L-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ħażna” proposta mill-Kummissjoni fir-rigward tat-“tifsira ġeneralment aċċettata”, jiġifieri “l-azzjoni li wieħed iżomm jew li jikkonserva xi ħaġa f’post speċifiku għal ċertu żmien, sal-użu ulterjuri tagħha” jew il-protezzjoni ta’ xi ħaġa “kontra kull alterazzjoni, qerda, għajbien, eċċ., permezz tat-tqegħid tagħha taħt kundizzjonijiet xierqa”, lanqas ma tipprovdi preċiżazzjonijiet dwar minn liema mument prodott tas-sajd għandu jitqies bħala maħżun.

44

Fir-rigward tal-interpretazzjoni kuntestwali ta’ dan il-kunċett proposta mill-Kummissjoni, jiġifieri dik li tgħid li “[i]l-ħażna fis-sens tal-punt 2 [tal-Kapitolu VII tas-Sezzjoni VIII tal-Anness III tar-Regolament Nru 853/2004] isseħħ meta prodott jinżamm f’post speċifiku sal-użu ulterjuri tiegħu, b’kuntrast mas-sitwazzjoni li fiha jitqiegħed fi stat partikolari minħabba neċessità inerenti għall-proċess ta’ produzzjoni (bħal fil-każ tal-użu tat-‘twebbis’ għall-qtugħ)”, u tal-argument li jgħid li t-twebbis, bħala stadju ta’ produzzjoni, kien awtorizzat “biss fil-kuntest tal-ipproċessar tas-salamun u għal żmien qasir kemm jista’ jkun”, b’tali mod li, wara dan il-perijodu, kien hemm ħażna, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjoni kkontestata tintroduċi limitu ta’ ħin ta’ 96 siegħa. Issa, tali limitu ta’ żmien jikkostitwixxi obbligu impost fuq ir-rikorrenti konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 24 iktar ’il fuq, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk, kif issostni l-Kummissjoni, dan “kienx diġà magħruf preċedentement bħala t-tul massimu awtorizzat” u kien jinsab f’diversi dokumenti li, barra minn hekk, għar-raġunijiet esposti fil-punti 28 sa 34 iktar ’il fuq, ma għandhomx valur vinkolanti.

45

It-tieni, għandu jiġi rrilevat li l-partijiet jaqblu ġustament fuq il-fatt li, qabel l-adozzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata, is-salamun affumikat, bħala prodott ipproċessat tas-sajd, ma kienx jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 1 tal-Kapitolu VII tas-Sezzjoni VIII tal-Anness III tar-Regolament Nru 853/2004.

46

Fir-rigward tal-punt 2 tal-Kapitolu VII tat-Taqsima VIII tal-Anness III tar-Regolament Nru 853/2004, għandu jiġi kkonstatat li la r-Regolament Nru 853/2004 u lanqas ir-Regolamenti Nri 178/2002 u 852/2004 li għalihom jirreferi ma jiddefinixxu l-kunċett ta’ “prodott iffriżat”.

47

L-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett adottata mill-Kummissjoni hija bbażata fuq dokument tekniku tal-FAO, fuq il-parti relatata mal-prodotti mkessħa u mkessħa f’inqas minn 0 °C tal-“Gwida Ewropea għal prattiki tajba għal ħut affumikat u/jew immellaħ u/jew marinat” tal-ESSA jew ukoll fuq illustrazzjoni li tinsab fis-sit internet taċ-Ċentru ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali fir-Riċerka Agrikola għall-Iżvilupp (CIRAD) u ma hija sostnuta minn ebda riferiment għar-regolamenti msemmija fil-punt 47 iktar ’il fuq.

48

Barra minn hekk, bħalma ssostni r-rikorrenti, fil-punt 2 tal-Kapitolu VII tat-Taqsima VIII tal-Anness III tar-Regolament Nru 853/2004, bħal f’dispożizzjonijiet oħra ta’ dan l-anness, bħat-Taqsima I, dwar il-laħam ta’ ungulati domestiċi, il-punt 4 tal-Kapitolu VII tas-Sezzjoni V, dwar il-laħam ikkapuljat, il-preparazzjonijiet tal-laħam u l-laħam separat mekkanikament, il-punt 2(c)(ii) tal-Kapitolu III, jew anki s-Sezzjoni VIII, dwar il-prodotti tas-sajd, il-punt 1 tal-Parti I Ċ tal-Kapitolu I, il-kunċett ta’ “prodott iffriżat” huwa assoċjat ma’ temperatura li ma taqbiżx ‑18 °C.

49

Għalhekk, mid-dispożizzjonijiet fis-seħħ qabel l-adozzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata ma jsegwix li s-salamun affumikat, imqiegħed f’temperatura użata għat-twebbis, li tvarja, f’dak li jirrigwarda l-prattika tar-rikorrenti, bejn -7 °C u -14 °C, kellu jitqies bħala “prodott iffriżat” fis-sens tal-punt 2 tal-Kapitolu VII tas-Sezzjoni VIII tal-Anness III tar-Regolament Nru 853/2004.

50

Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li, skont l-Anness III tal- “Gwida Ewropea għal prattiki tajba għal ħut affumikat u/jew immellaħ u/jew marinat” tal-ESSA, li għaliha tirreferi l-Kummissjoni stess, il-prodotti “mwebbsa” huma kklassifikati fil-kategorija tal-prodotti li qatt ma ġew iffriżati.

51

Minn dan isegwi li, qabel l-adozzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata, in-negozjanti tas-salamun affumikat “imwebbes” kienu suġġetti għar-rekwiżiti previsti fil-punt 5 tal-Kapitolu IX tal-Anness II tar-Regolament Nru 852/2004, li għalih tirreferi l-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet tagħha, skont liema:

“Il-materjali primi, l-ingredjenti, il-prodotti intermedji u l-prodotti finali li aktar li jħeġġu r-riproduzzjoni ta’ mikro-organiżmi patoġeniċi jew tal-formazzjoni ta’ tossini, m’għandhomx jinżammu f’temperatura li tista’ tirriżulta f’riskju għas-saħħa. Il-katina tal-kesħa m’għandhiex tkun interrotta. B’dana kollu, perijodi limitati il-barra mill-kontroll tat-temperatura huma permissibbli, sabiex jakkomodaw il-prattikalitajiet tat-tqandil matul il-preparazzjoni, t-trasport, il-ħażna, il-wiri u l-preżentazzjoni ta’ l-ikel, basta li dan ma jkunx jirriżulta f’riskju għas-saħħa. In-negozji tal-manifattura ta’ l-ikel, it-tqandil u it-tgeżwir ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel ipproċessati, għandhom ikollhom kmamar xierqa, kbar biż-żejjed għal ħażna separat tal-materja prima il-bogħod mill-materja ipproċessata u b’separazzjoni suffiċjenti fil-ħażna tar-rifreġirazzjoni”.

52

Issa, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni tagħmel riferiment għall-possibbiltà li l-prodotti jitneħħew mit-temperaturi li għalihom ma hemmx riskju sanitarju għal “perijodi limitati”, mingħajr indikazzjoni tal-limitu ta’ żmien.

53

Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni, essenzjalment, il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, qabel l-adozzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata, mid-dispożizzjonijiet fis-seħħ ma kienx jirriżulta b’mod ċar li kien ipprojbit li s-salamun affumikat jinżamm fit-temperatura meħtieġa mit-twebbis għal perijodu ta’ iktar minn 96 siegħa.

54

Għaldaqstant, għandu jitqies li d-dispożizzjoni kkontestata timponi obbligi fuq ir-rikorrenti u li l-ewwel kriterju tal-inċidenza diretta huwa ssodisfatt.

55

Fir-rigward tat-tieni kriterju, għandu jiġi kkonstatat li l-implimentazzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni mingħajr ma teħtieġ l-applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji. Minn dan isegwi li t-tieni kriterju tal-inċidenza diretta huwa wkoll issodisfatt.

56

Ir-rikorrenti għandha għalhekk titqies li hija direttament ikkonċernata mid-dispożizzjoni kkontestata.

57

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitqies li r-rikorrenti għandha locus standi.

Fuq l-interess ġuridiku tar-rikorrenti

58

Skont ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss inkwantu din tal-aħħar ikollha interess li tara li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jippreżupponi li l-annullament ta’ dan l-att ikun jista’ jkollu, minnu nnifsu, konsegwenzi legali u li r-rikors b’hekk ikun jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni (C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59

F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-eventwali annullament tad-dispożizzjoni kkontestata jista’ jagħti benefiċċju lir-rikorrenti, jiġifieri dak li ma jkollhiex tikkonforma ruħha mar-rekwiżiti imposti mill-imsemmija dispożizzjoni konformement mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 853/2004.

60

Għaldaqstant, ir-rikorrenti għandha interess ġuridiku.

61

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-rikors għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

Fuq il-mertu

62

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka formalment erba’ motivi, ibbażati:

–

l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 290 TFUE, inkwantu d-dispożizzjoni kkontestata tikkonċerna element essenzjali tar-Regolament Nru 853/2004;

–

it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità sanċit fl-Artikolu 5(4) TUE;

–

it-tielet wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 853/2004, inkwantu d-dispożizzjoni kkontestata ma tagħmilx parti mit-twettiq tal-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament;

–

ir-raba’ wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 13 tal-istess regolament, inkwantu l-Kummissjoni ma kkonsultatx lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) matul il-proċedura ta’ tfassil tad-dispożizzjoni kkontestata.

63

Il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li fl-ewwel lok teżamina r-raba’ motiv.

64

Fil-kuntest tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li, billi naqset milli tikkonsulta lill-EFSA fil-proċedura ta’ tfassil tad-dispożizzjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 853/2004.

65

Barra minn hekk, permezz ta’ argumenti invokati fil-kuntest tal-ewwel, tat-tieni u tat-tielet motiv, hija ssostni, essenzjalment, li l-limitu ta’ 96 siegħa impost mid-dispożizzjoni kkontestata ma huwa bbażat fuq ebda data xjentifika, li l-Kummissjoni ma pprovdietx ġustifikazzjoni dwar dan il-limitu ta’ żmien u li dik l-istituzzjoni kellha tikkonsulta lill-EFSA dwar il-limitu ta’ żmien li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni.

66

Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, issostni li d-dispożizzjoni kkontestata ma tikkonċernax kwistjoni li jista’ jkollha effett sinjifikattiv fuq is-saħħa pubblika fis-sens tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 853/2004. Fil-fatt, dan l-artikolu jillimita l-konsultazzjoni tal-EFSA għal ċerti każijiet biss, jiġifieri meta l-modifiki magħmula jkunu ta’ portata suffiċjentement sinjifikattiva. Issa, f’dan il-każ, peress li d-dispożizzjoni kkontestata ma temendax id-dispożizzjonijiet fis-seħħ qabel l-adozzjoni tagħha, ma jista’ jiġi kkonstatat ebda effett sinjifikattiv fuq is-saħħa. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata minn ittra tat‑12 ta’ Ġunju 2024 tad-Direttur Eżekuttiv tal-EFSA lill-Presidenta tal-Parlament Ewropew. Barra minn hekk, id-dispożizzjoni kkontestata tiċċara s-sitwazzjoni legali u ma tikkonċernax kwistjonijiet xjentifiċi. Barra minn hekk, ma teżistix prova xjentifika ta’ effett pożittiv tal-prattiki tar-rikorrenti fuq is-saħħa tal-konsumaturi.

67

Fil-kontroreplika, bi tweġiba għall-argumenti tar-rikorrenti invokati fil-kuntest tal-ewwel, tat-tieni u tat-tielet motiv, il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, tirrileva li, fir-risposta tagħha, hija bbażat ruħha fuq studji li juru li t-temperatura u t-tul tal-iffriżar tas-salamun affumikat jinfluwenzaw kunsiderevolment il-kwalità tiegħu. Barra minn hekk, il-limitu ta’ żmien ta’ 96 siegħa jieħu inkunsiderazzjoni l-ħin massimu neċessarju sabiex isir it-tqattigħ. Għalhekk, dan il-limitu ta’ żmien jieħu inkunsiderazzjoni l-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel u l-bżonnijiet tas-settur.

68

Skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 853/2004, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-EFSA dwar kull kwistjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament li jista’ jkollha effett sinjifikattiv fuq is-saħħa pubblika.

69

F’dan il-każ, huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-Kummissjoni ma kkonsultatx lill-EFSA qabel l-adozzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata.

70

Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, bħalma jirriżulta mill-punti 26 sa 54 iktar ’il fuq, id-dispożizzjoni kkontestata tintroduċi obbligi ġodda fir-rigward tar-rikorrenti.

71

Iċ-ċirkustanza invokata mill-Kummissjoni li tgħid li, fl-ittra tagħha indirizzata lill-Presidenta tal-Parlament, id-Direttur Eżekuttiv tal-EFSA indika li “t-tnaqqis tar-riskji mikrobijoloġiċi huwa diġà kopert mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ, li tiddefinixxi l-kundizzjonijiet tal-ħażna tal-prodotti tas-sajd”, li “[i]r-Regolament […] Nru 853/2004 jippreskrivi t-temperaturi ta’ madwar 0 °C (silġ li qiegħed idub) għall-prodotti friski u ta’ –18 °C għall-prodotti ffriżati” u li “[l]-Codex Alimentarius jeżiġi li l-prodotti tas-sajd friski jinħażnu fit-temperatura tas-silġ li qiegħed idub, u l-prodotti tas-sajd iffriżati, f’–18 °C”, hija mingħajr effett fuq tali interpretazzjoni.

72

Fil-fatt, minbarra l-fatt li, konformement mal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 178/2002, il-missjoni tal-EFSA hija li tipprovdi opinjonijiet xjentifiċi, tali evalwazzjoni ma tagħti ebda preċiżazzjoni dwar l-eventwali dispożizzjonijiet fis-seħħ qabel l-adozzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata li kienu jiddefinixxu l-kunċetti ta’ “ħżin” jew ta’ “prodott iffriżat”, li kienu jindikaw minn liema mument prodott tas-sajd kellu jitqies bħala maħżun jew li kienu jippreċiżaw it-temperatura li fiha tali prodott kellu jitqies bħala prodott iffriżat.

73

Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni kinitx obbligata tikkonsulta lill-EFSA qabel ma tadotta d-dispożizzjoni kkontestata konformement mal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 853/2004.

74

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-partijiet jaqblu ġustament fuq il-fatt li l-kwistjoni li d-dispożizzjoni kkontestata tirrigwarda taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 853/2004.

75

Fir-rigward tal-punt dwar jekk l-imsemmija kwistjoni jistax ikollha effett sinjifikattiv fuq is-saħħa pubblika, għandu jiġi kkonstatat, preliminarjament, li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, tali kwistjoni timplika evalwazzjonijiet xjentifiċi. Fil-fatt, l-introduzzjoni ta’ limitu ta’ żmien li matulu n-negozjanti tal-prodotti tas-sajd huma awtorizzati li jżommu dawn il-prodotti fit-temperatura meħtieġa għat-twebbis tippreżupponi li jiġi analizzat u li jittieħed inkunsiderazzjoni ż-żmien li matulu jista’ jitqies li l-imsemmija prodotti, miżmuma f’tali temperatura, ma jwasslux għal riskju sanitarju.

76

Fir-rigward b’mod partikolari tal-evalwazzjoni tal-effett sinjifikattiv fuq is-saħħa pubblika, għandu jiġi osservat li, għalkemm ir-Regolament Delegat 2024/1141 ma jinkludi ebda ġustifikazzjoni fir-rigward tal-introduzzjoni tar-rekwiżiti relatati mat-tqaxxir, bħalma huwa ppreċiżat fil-punt 41 iktar ’il fuq, mill-parti dwar il-kuntest tal-espożizzjoni tal-motivi ta’ dan ir-regolament isegwi li huwa xieraq li “jiġu ċċarati” r-rekwiżiti f’dak li jirrigwarda “l-operazzjoni biex titnaqqas ftit it-temperatura għat-tqattigħ tal-prodotti tas-sajd friski jew ipproċessati jew biex tiżdied it-temperatura tal-prodotti tas-sajd iffriżati u l-projbizzjoni tal-ħażna jew tat-trasport ta’ prodotti tas-sajd f’dik it-temperatura temporanja meħtieġa teknoloġikament”“sabiex tiġi evitata kull ambigwità”.

77

Barra minn hekk, mill-premessa 13 tal-verżjoni inizjali tal-espożizzjoni tal-motivi tar-Regolament Delegat 2024/1141 għal-liema r-rikorrenti tirreferi li, “sabiex jiġu evitati prattiki abbużivi li jikkonsistu fl-użu ta’ rekwiżiti ta’ produzzjoni għall-ħażna ta’ prodotti tas-sajd f’temperatura li ma tikkonformax mal-punt 2 tal-Kapitolu VII tas-Sezzjoni VIII tal-Anness III [tar-Regolament Nru 853/2004], it-tnaqqis jew, għall-prodotti diġà ffriżati, iż-żieda fit-temperatura għat-twebbis għandhom isiru malajr kemm jista’ jkun u l-ħażna tal-prodotti tas-sajd f’temperatura li tiffaċilita t-tqattigħ għandha tkun limitata fiż-żmien”.

78

Għandu jiġi rrilevat ukoll li, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, għalkemm il-Kummissjoni ma tiddeċidix espressament fuq il-punt dwar jekk il-kwistjoni li fuqha hija bbażata d-dispożizzjoni kkontestata jistax ikollha effett sinjifikattiv fuq is-saħħa pubblika, hija ssostni, bi tweġiba għat-tieni motiv tar-rikorrenti, li ċerti produtturi abbużaw mit-tolleranza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-użu tat-twebbis fil-proċess ta’ produzzjoni għad-detriment tal-konsumaturi, peress li l-fletti maħżuna fit-temperatura tat-twebbis huma ta’ kwalità inqas tajba u li l-konsumatur, li jaħseb li jkun qiegħed jixtri prodott li ma jkunx ġie ffriżat, ikun żgwidat.

79

Il-Kummissjoni tirrileva li minn ċertu numru ta’ studji xjentifiċi jsegwi li t-temperatura u t-tul ta’ żmien tal-iffriżar tas-salamun affumikat jinfluwenzaw il-kwalità tiegħu b’mod kunsiderevoli. F’dan ir-rigward, hija tirreferi, minn naħa, għall-istudju “Quantification and mapping of tissue damage from freezing in cod by magnetic resonance imaging – Sciencel Direct” (Kwantifikazzjoni u mmappjar tal-leżjonijiet tat-tessut ikkawżati mill-iffriżar tal-merluzz permezz ta’ immaġni b’reżonanza manjetika – ScienceDirect) (Food Control, Vol. 123, Mejju 2021, 107734), li minnu jsegwi li “[l]-iffriżar tal-ħut huwa metodu ta’ pproċessar sinjifikattiv li jista’ jestendi l-perijodu ta’ konservazzjoni tal-prodott, iżda li jista’ jwassal ukoll għal danni sinjifikattivi għat-tessuti jekk dan ma jsirx b’mod korrett” u li “iktar ma l-proċedura ta’ ffriżar tkun f’temperatura negattiva, inqas il-proċess ikun dannuż”. Min-naħa l-oħra, hija tagħmel riferiment għall-istudju intitolat “Effect of Freezing on the Shelf Life of Salmon” (Effett tal-iffriżar fuq il-perijodu ta’ konservazzjoni tas-salamun) (International Journal of Food Science, Awwissu 2018, 1686121), li minnu jsegwi li “[i]t-tul ta’ żmien u t-temperatura tal-ħażna huma fatturi maġġuri li jaffettwaw it-telf ta’ kwalità u t-tul ta’ żmien ta’ konservazzjoni tal-ħut, peress li l-frazzjoni lipidi tkun suġġetta prinċipalment għal bidliet awtossidattivi u idrolitiċi waqt il-ħażna fl-istat iffriżat” u li “[l]-lipidi tal-ħut […] huma sensittivi ħafna għall-ossidazzjoni; għalhekk din tnaqqas il-kwalità nutrittiva, il-konsistenza u l-kulur tal-ħut”.

80

Barra minn hekk, fil-kuntest tal-kunsiderazzjonijiet preliminari tagħha fuq il-kuntest ġuridiku, il-Kummissjoni ssostni li s-salamun affumikat, impoġġi f’temperatura inferjuri għal dik tal-iffriżar, għandu jiġi kkunsidrat bħala prodott iffriżat u, bħala tali, inkwantu huwa maħżun, bħala prodott suġġett għad-dispożizzjonijiet dwar il-ħażna tal-prodotti ffriżati, jiġifieri l-punt 2 tal-Kapitolu VII tas-Sezzjoni VIII tal-Anness III tar-Regolament Nru 853/2004. Hija tippreċiża f’dan ir-rigward li, minħabba l-ħażna tas-salamun affumikat fit-temperatura prevista għall-qtugħ f’biċċiet, teżisti ċerta perċentwali ta’ ilma li, f’din it-temperatura, ma hijiex ikkristalizzata, li jista’, f’ċerti każijiet, jippermetti l-iżvilupp tal-flora batterika f’dan l-ilma. Il-Kummissjoni żżid li l-ħażna ta’ dan il-prodott fit-temperatura tat-twebbis, fil-każ ta’ varjazzjonijiet fit-temperaturi, tista’ tikkawża lisi taċ-ċelloli, jiġifieri diżintegrazzjoni taċ-ċelloli (meta l-kristalli tas-silġ jikkawżaw ħsara lill-istruttura taċ-ċelloli), li jwassal għal żieda fir-riskji sanitarji u jaffettwa l-konsistenza, it-togħma u l-valur nutrittiv tal-prodott lest. Hija tirrileva li mid-dokumentazzjoni disponibbli fuq is-sit internet tal-FAO jsegwi li “[i]l-proteini tal-ħut jinbidlu b’mod permanenti waqt l-iffriżar u l-ħażna fil-kesħa”, li “l-veloċità li biha jseħħ dan l-iżnaturament tiddependi ħafna fuq it-temperatura”, li, “f’temperaturi qrib il-punt ta’ ffriżar, pereżempju 28 °F [– 2 °C], iseħħu bidliet sinjifikattivi malajr” u li, “anki sa 15 °F [– 10 °C], il-bidliet tant huma malajr li prodott inizjalment ta’ kwalità tajba jista’ jiddeterjora fi ftit ġimgħat”.

81

Il-Kummissjoni ssostni wkoll li, jekk tiġi aċċettata bħala korretta l-interpretazzjoni tar-rikorrenti li huma biss il-prodotti li t-temperatura tagħhom tkun tniżżlet għal –18 °C li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala ffriżati, dan ikun ifisser li l-prodotti tas-sajd li t-temperatura tagħhom tkun tniżżlet biss, pereżempju, għal –17.5 °C ma jkunux suġġetti għall-obbligu ta’ ħażna f’temperatura ta’ –18 °C u jkunu jistgħu jinbiegħu lill-konsumaturi bħala prodotti li qatt ma jkunu ġew iffriżati u li din is-sitwazzjoni hija “manifestament perikoluża għas-saħħa tal-konsumaturi”, fid-dawl tar-riskju li għalih dawn ikunu esposti minħabba l-possibbiltà li dan l-istess prodott ikun ġie mniżżel mill-iffriżar diversi drabi.

82

Għalhekk, mix-xogħol preparatorju tar-Regolament Delegat 2024/1141 u mill-argumenti tal-Kummissjoni żviluppati fil-kuntest ta’ dan ir-rikors jista’ jiġi dedott li r-raġuni li wasslet għall-adozzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata hija marbuta mal-fatt li kienu jeżistu “ambigwitajiet” fil-kuntest ġuridiku preċedenti f’dak li jirrigwarda t-twebbis u l-projbizzjoni ta’ ħażna jew ta’ trasport ta’ prodotti tas-sajd fit-temperatura meħtieġa minn din it-teknika, filwaqt li ż-żamma tas-salamun affumikat f’din it-temperatura għal perijodu twil tista’ twassal għal riskji sanitarji.

83

Issa, tali kwistjoni għandha tiġi kklassifikata bħala kwistjoni li jista’ jkollha effett sinjifikattiv fuq is-saħħa pubblika.

84

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, bħalma ġie ppreċiżat fil-punt 82 iktar ’il fuq, mill-argumenti tal-Kummissjoni stess isegwi, essenzjalment, li ż-żamma tas-salamun affumikat fit-temperatura meħtieġa għat-twebbis għal perijodu twil jista’ jkollha impatt fuq is-saħħa tal-konsumaturi u, għaldaqstant, jista’ jkollha effett fuq is-saħħa pubblika.

85

Barra minn hekk, bħalma jsegwi wkoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, tali effett fuq is-saħħa pubblika jidher li huwa importanti. Fil-fatt, il-Kummissjoni tippreċiża li l-aċċettazzjoni tal-interpretazzjoni adottata mir-rikorrenti fir-rigward tal-punt 2 tal-Kapitolu VII tat-Taqsima VIII tal-Anness III tar-Regolament Nru 853/2004 tkun twassal għal sitwazzjoni “manifestament perikoluża għas-saħħa tal-konsumaturi”.

86

Għaldaqstant, għandu jitqies li l-Kummissjoni kienet obbligata tikkonsulta lill-EFSA qabel ma tadotta d-dispożizzjoni kkontestata, konformement mal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 853/2004.

87

Din il-konstatazzjoni hija sostnuta mill-fatt li, bħalma ssostni l-Kummissjoni stess, mill-premessa 27 tar-Regolament Nru 853/2004 jsegwi li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-iġjene tal-prodotti tal-ikel għandha tkun ibbażata fuq opinjonijiet xjentifiċi.

88

Issa, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamlet ir-rikorrenti, li l-bażi xjentifika meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni għall-finijiet tat-tfassil tad-dispożizzjoni kkontestata la tirriżulta mir-Regolament Delegat 2024/1141 u lanqas mill-espożizzjoni tal-motivi tiegħu.

89

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tikkontestax l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq tali assenza ta’ bażi xjentifika. Fil-fatt, fil-kontroreplika, hija sempliċement tippreċiża li, fir-risposta, hija bbażat ruħha fuq studji li juru li t-temperatura u t-tul tal-iffriżar tas-salamun affumikat jaffettwaw kunsiderevolment il-kwalità tiegħu, iżda ma tiddeċidix fuq l-assenza ta’ bażi xjentifika tad-dispożizzjoni kkontestata fil-kuntest tat-tfassil tagħha.

90

L-assenza ta’ bażi xjentifika tad-dispożizzjoni kkontestata fil-kuntest tat-tfassil tagħha jista’, barra minn hekk, jiġi dedott mill-argument tal-Kummissjoni bi tweġiba għat-tieni motiv tar-rikorrenti, li jgħid li t-tul massimu ta’ 96 siegħa jirriżulta minn “kunsens fost il-produtturi tas-settur” fir-rigward taż-żmien neċessarju għat-tqattigħ tas-salamun affumikat li jkun imwebbes u li jgħid li “dan huwa mingħajr dubju terminu raġjonevoli u suffiċjenti sabiex jitwettaq il-proċess ta’ tqattigħ fil-veru sens tal-kelma, fid-dawl tal-bżonnijiet loġistiċi u organizzattivi tas-settur f’dan l-istadju tal-produzzjoni”.

91

Ċertament, bħalma ssostni l-Kummissjoni, il-Presidenta tal-Parlament talbet lill-EFSA, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament Nru 178/2002, f’ittra tal‑14 ta’ Mejju 2024, għal opinjoni xjentifika dwar l-impatt tal-proċeduri ta’ twebbis u ta’ tneħħija mill-iffriżar fuq is-sopravivenza u l-iżvilupp tar-riskji bijoloġiċi, li għaliha d-Direttur Eżekuttiv ta’ din tal-aħħar wieġeb permezz tal-ittra tat‑12 ta’ Ġunju 2024, li fiha huwa jippreċiża li ma huwa “f’pożizzjoni li jidentifika ebda kwistjoni pendenti fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel jew tar-riskju għas-saħħa pubblika fil-kundizzjonijiet ta’ ħażna deskritti fit-talba”.

92

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li tali skambju seħħ wara l-adozzjoni tar-Regolament Delegat 2024/1141, jiġifieri fl‑14 ta’ Diċembru 2023, u li, minħabba f’hekk, huwa, fi kwalunkwe każ, mingħajr effett fuq il-legalità ta’ dan ir-regolament.

93

Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-raba’ motiv għandu jintlaqa’ u d-dispożizzjoni kkontestata għandha tiġi annullata, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-argumenti u l-motivi l-oħra invokati mir-rikorrenti.

Fuq l-ispejjeż

94

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress illi l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mir-rikorrenti, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar.

95

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Minn dan jirriżulta li r-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-punt 3(e) tal-anness tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/1141 tal‑14 ta’ Diċembru 2023 li jemenda l-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ rekwiżiti speċifiċi ta’ iġjene għal ċertu laħam, prodotti tas-sajd, prodotti tal-ħalib u bajd, huwa annullat.

 

2)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti minn Mowi Poland S.A.

 

3)

Ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

 

Costeira

Öberg

Zilgalvis

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-24 ta’ Settembru 2025.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.