52008DC0415

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - Qafas Komunitarju dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transkonfinali {SEG(2008) 2183} /* KUMM/2008/0415 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 2.7.2008

KUMM(2008) 415 finali

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Qafas Komunitarju dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transkonfinali {SEG(2008) 2183}

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Qafas Komunitarju dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transkonfinali

1. DAħLA

Il-maġġoranza sostanzjali tal-pazjenti ta' l-UE jirċievu l-kura sanitarja f'pajjiżhom stess u jippreferu li jagħmlu dan. Iżda f'ċerti cirkostanzi l-pazjenti jistgħu jirrikorru għal forom oħra ta' kura tas-saħħa li jingħataw barra l-pajjiż. Eżempji jinkludu l-kura speċjalizzata ħafna, jew f'żoni konfinali fejn l-eqreb faċilità adattata hija waħda li tinsab fuq in-naħa l-oħra tal-fruntiera. F'dawn l-aħħar snin, iċ-ċittadini ressqu sensiela ta' kawżi quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja sabiex ifittxu li jasserixxu d-drittijiet tagħhom għall-rimbors għall-kura tas-saħħa mogħtija fi Stati Membri oħra. Fis-sentenzi tagħha f'dawn il-kawżi mill-1998 'l hawn, il-Qorti konsistement qatgħet is-sentenza li l-pazjenti għandhom id-dritt li jingħataw ir-rimbors għall-kura sanitarja mogħtija lilhom barra l-pajjiż minflok ma ngħatatilhom f'pajjiżhom. Jeħtieġ li jiġi ċċarat il-mod kif dawn il-prinċipji stabbiliti fuq dawn il-każijiet speċifiċi għandhom jiġu applikati b'mod ġenerali. Għalhekk jinħtieġu regoli tal-Komunità dwar il-mod kif il-kwalità u s-sikurezza tal-kura sanitarja transkonfinali għandha tiġi żgurata. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni qiegħda tippjana sabiex tipproponi fl-2008 Komunikazzjoni u Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar is-Sikurezza tal-Pazjent u l-Kwalità tas-Servizzi tas-Saħħa kif ukoll rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa.

Fuq il-bażi ta' din il-każistika, din l-inizjattiva timmira li tiżgura qafas ċar u trasparenti għall-forniment ta' kura sanitarja transkonfinali fi ħdan l-UE, għal dawk l-okkażjonijiet fejn il-kura li l-pazjenti jirrikorru għaliha hija mogħtija fi Stat Membru ieħor li mhuwiex pajjiżhom. Meta jiġri hekk, ma għandu jkun hemm l-ebda ostaklu mhux ġustifikat. Il-kura għandha tkun bla periklu u ta' kwalità tajba. Il-proċeduri ta' rimbors ta' l-ispejjeż għandhom ikunu ċari u trasparenti. Filwaqt li jirrispettaw il-prinċipji ta' universalità, aċċess għall-kura ta' kwalità, imparzjalità u solidarjetà, l-għanijiet ta' dan il-qafas għandhom għalhekk ikunu li:

- jipprovdu biżżejjed ċarezza dwar id-drittijiet ta' rimbors għall-kura tas-saħħa mogħtija fi Stati Membri oħra;

- u jiżguraw li r-rekwiżiti meħtieġa għall-kura għas-saħħa ta' kwalità għolja, sikura u effiċjenti jiġu żgurati wkoll għall-kura transkonfinali.

L-Istati Membri huma responsabbli għall-organizzazzjoni u l-forniment ta' servizzi soċjali u kura medika. Huma partikolarment responsabbli għad-determinazzjoni ta' liema regoli għandhom japplikaw għar-rimbors ta' pazjenti u għall-forniment tal-kura tas-saħħa. Din il-proposta ma tbiddel xejn f'dan ir-rigward. Huwa importanti li jiġi enfasizzat li din l-inizjattiva ma tbiddilx l-għażla tar-regoli ta’ l-Istati Membri li għandhom ikunu applikabbli għal każ speċifiku. Minflok, dan il-qafas huma mfassal biex jiffaċilita l-kooperazzjoni Ewropea dwar il-kura tas-saħħa, bħal pereżempju għan-netwerks Ewropej ta' ċentri ta' referenza; it-tqassim tal-valutazzjonijiet ta' teknoloġiji ġodda tas-saħħa; jew l-użu ta' teknoloġija tat-tagħrif u l-komunikazzjoni għall-forniment ta' kura tas-saħħa aktar effiċjenti ("is-saħħa permezz ta' l-Internet"). Billi jagħmel hekk, dan għandu jipprovdi appoġġ addizzjonali lill-Istati Membri sabiex jiksbu l-għanijiet globali tagħhom ta' aċċess universali għall-kura tas-saħħa ta' kwalità għolja fuq il-bażi ta' imparzjalità u solidarjetà, li għandhom igawdu l-pazjenti kollha, kemm jekk jispostaw ruħhom minn pajjiż għal ieħor u kemm jekk le.

Dawn il-kwistjonijiet ġew diskussi bosta drabi bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet responsabbli ta' l-Istati Membri kollha, ir-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew kif ukoll bejn il-komunità tal-kura tas-saħħa u l-partijiet interessati l-oħra. Qabel ma ressqet dawn il-proposti, il-Kummissjoni għamlet ukoll konsultazzjoni pubblika fir-rigward ta' azzjoni tal-Komunità dwar is-servizzi tas-saħħa, li r-riżultati tagħha fornew bażi solida għall-iżvilupp u l-għamla ta' dan il-qafas propost[1]. Kemm il-Ministri fil-Kunsill kif ukoll il-Parlament Ewropew talbu wkoll azzjoni fis-servizzi tas-saħħa u l-karattru speċifiku tagħhom ġie kkonfermat permezz ta' l-esklużjoni ta' dawn is-servizzi mid-direttiva tas-servizzi ġenerali.

Din il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 95 tat-Trattat tal-KE dwar it-twaqqif u t-tħaddim tas-suq intern. Hija wkoll konsistenti mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 152 tat-Trattat tal-KE dwar is-saħħa pubblika u tirrispetta r-responsabilitajiet ta' l-Istati Membri għall-organizzazzjoni u l-forniment ta' servizzi tas-saħħa u kura medika kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' Riforma ma għandhomx jaffettwaw il-bażi legali.

2. IL-QAFAS PROPOST

Biex jinkisbu l-għanijiet stipulati hawn fuq, il-Kummissjoni tipproponi t-twaqqif ta' qafas Komunitarju għall-kura tas-saħħa transkonfinali, kif stipulat fil-proposta akkumpanjanti għal direttiva. Minbarra li tistipula definizzjonijiet legali relevanti u dispożizzjonijiet ġenerali, din hija strutturata madwar tliet oqsma ewlenin:

- il -prinċipji komuni fis-sistemi kollha tas-saħħa ta' l-UE , kif miftiehma f'Ġunju 2006 mill-Kunsill, li jistipulaw liema Stat Membru għandu jkun responsabbli għall-iżgurar tal-konformità mal-prinċipji komuni għall-kura tas-saħħa u x’jinkludu dawk ir-responsabilitajiet, biex jiġi żgurat li hemm ċarezza u fiduċja li fir-rigward tagħhom l-awtoritajiet qed jistipulaw u jissorveljaw l-istandards tal-kura tas-saħħa madwar l-UE; Għandha titħeġġeġ kooperazzjoni ulterjuri fost l-Istati Membri, b'mod partikolari fil-proposti imminenti tal-Kummissjoni għal Komunikazzjoni u Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar is-Sikurezza tal-Pazjent u l-Kwalità tas-Servizzi tas-Saħħa kif ukoll rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa;

- qafas speċifiku għall-kura tas-saħħa transkonfinali: id-direttiva għandha tiċċara l-intitolamenti ta' pazjenti sabiex ikollhom kura tas-saħħa fi Stat Membru ieħor, inklużi l-limiti li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu fuq din it-tip ta' kura tas-saħħa, u l-livell ta' kopertura finanzjarja li hija fornita għall-kura tas-saħħa transkonfinali, fuq il-bażi tal-prinċipju li l-pazjenti huma intitolati li jiksbu rimbors sa l-ammont li kien jitħallas kieku kisbu dak it-trattament f'pajjiżhom;

- Il-kooperazzjoni Ewropea fil-kura tas-saħħa : id-direttiva tistabbilixxi qafas għall-kooperazzjoni Ewropea f'oqsma bħalma huma , netwerks Ewropej ta' referenza, valutazzjoni tat-teknoloġija tas-saħħa, ġbir tad- data u kwalità u sikurezza, sabiex jippermettu li jintlaħaq b'mod effettiv u fuq bażi sostnuta l-kontribut potenzjali ta' kooperazzjoni bħal din.

2.1. Qafas speċifiku legali fir-rigward tar-rimbors għall-kura tas-saħħa transkonfinali

Id-direttiva għandha tipprovdi ċarezza biżżejjed dwar ir-regoli li għandhom jiġu applikati għar-rimbors għall-kura tas-saħħa mogħtija fi Stati Membri oħra u dwar il-mod kif id-drittijiet tal-pazjenti għandhom jiġu implimentati fil-prattika f’konformità mal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja. Id-direttiva tirrifletti l-prinċipji li ġejjin:

- Kull kura li ma tingħatax fi sptar li ċ-ċittadini huma intitolati għaliha fl-Istat Membru tagħhom stess, tista’ titfittex ukoll fi Stat Membru ieħor mingħajr awtorizzazzjoni bil-quddiem, u titħallas lura sal-livell ta’ rimbors ipprovdut mis-sistema tagħha.

- Kull kura li tingħata fi sptar li għaliha persuna hi intitolata fl-Istat Membru tagħha nnfisha tista’ wkoll titfittex fi kwalunkwe Stat Membru ieħor. Id-direttiva tippermetti l-Istati Membri li jistipulaw sistema ta' awtorizzazzjoni bil-quddiem għal rimbors ta' spejjeż għall-kura ta' l-isptar mogħtija fi Stat Membru ieħor, jekk l-Istati Membri jistgħu jipprovdu evidenza li l-ħruġ ta' pazjenti li jirriżulta mill-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandu impatt b'tali mod li jdgħajjef b’mod serju jew li aktarx idgħajjef b’mod serju l-ippjanar u r-razjonalizzazzjoni mwettqa fis-settur ta' l-isptarijiet. L-ispejjeż ta' kura bħal din ta' l-isptar mogħtija fi Stat Membru ieħor għandha tiħallas lura wkoll mill-Istat Membru ta' affiljazzjoni mill-inqas sal-livell ta' spejjeż li kienu jinġarrbu kieku l-istess kura tas-saħħa jew kura simili ngħatat fl-Istat Membru ta' affiljazzjoni.

Fi kwalunkwe każ, l-Istati Membri tal-pazjent jistgħu jimponu l-istess kondizzjonijiet li japplikaw domestikament, bħalma huwa r-rekwiżit li ssir konsultazzjoni ma' tabib li jipprattika l-mediċina ġenerali qabel ma ssir konsultazzjoni ma’ speċjalista jew qabel ma tingħata kura l-isptar.

Dan ma jbiddilx id-dritt ta' l-Istati Membri li jiddefinixxu l-benefiċċji li huma jagħżlu li jipprovdu. Jekk Stat Membru ma jinkludix trattament partikolari bħala parti mill-intitolament taċ-ċittadini tiegħu f'pajjiżhom, din id-direttiva ma toħloq l-ebda intitolament ġdid għal pazjenti biex ikollhom trattament bħal dan barra l-pajjiż u jitħallsu lura. Pereżempju, il-kondizzjonijiet li fuqhom titħallas lura l-kirurġija plastika fi Stat Membru ta' oriġini għandhom ikomplu japplikaw meta l-pazjent ifittex rimbors għal trattament li ngħata fi Stati Membri oħrajn. L-istess japplika pereżempju għal terapija idrika jew terapija balneari kif ukoll għall-kura mil-ispas. Barra minn dan, il-proposta ma twaqqafx lill-Istati Membri milli jestendu l-iskemi tagħhom ta' benefiċċji fi flus għall-kura tas-saħħa mogħtija fi Stati Membri oħrajn, possibilità li diġà hija implimentata minn bosta Stati Membri.

Id-direttiva proposta għandha tiċċara wkoll uħud mit-termini relevanti kif ukoll il-kriterji għall-proċeduri li għandhom jissegwew għall-kura transkonfinali sabiex tiżgura li dawn ikunu oġġettivament ġustifikati, meħtieġa u proporzjonati. Għandha tobbliga wkoll mekkaniżmi xierqa li għandhom jitwaqqfu sabiex jipprovdu tagħrif u għajnuna għal pazjenti permezz ta' punti nazzjonali ta' kuntatt.

Billi tipprovdi qafas legali ċar fir-rigward ta' drittijiet għal rimbors għall-kura tas-saħħa transkonfinali, il-proposta għandha tnaqqas l-inugwaljanzi intrinsiċi li jeżistu fl-inċertezza attwali fir-rigward ta' l-applikazzjoni ġenerali tal-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza. Iċ-ċittadini għandhom ikunu żguri dwar meta se jitħallsu lura u meta mhumiex għall-kura li ssir fi Stat Membru ieħor, u fuq liema bażi, u għandu jkollhom proċessi ċari għal kwalunkwe sentenza jew appell. L-Istati Membri jistgħu wkoll jieħdu passi ulterjuri sabiex jindirizzaw inugwaljanzi bħal dawn, pereżempju billi jkopru l-ispejjeż bil-quddiem, jew billi jagħmlu arranġamenti biex iħallsu lura direttament lill-fornituri tal-kura għas-saħħa minflok jobbligaw lill-pazjenti jħallsu huma bil-quddiem.

Flimkien mad-direttiva proposta, il-qafas attwali għal koordinazzjoni ta' l-iskemi tas-sigurtà soċjali għandu jibqa' stabbilit bil-prinċipji ġenerali kollha li fuqhom huma bbażati r-regolamenti u l-iskemi tas-siġurtà soċjali, inkluż li l-pazjent li qed jirċievi trattament fi Stat Membru ieħor jingħatalu l-istess status bħar-residenti ta' dak l-Istat Membru, u l-Karta attwali tas-Sigurtà Ewropea tas-Saħħa. F'termini ta' pazjenti li jirrikorru barra l-pajjiż għal kura tas-saħħa ppjanata, dan ir-regolament jiżgura li jekk il-kura xierqa għall-kondizzjoni tal-pazjenti ma tistax tingħata f'pajjiżhom stess mingħajr dewmien bla bżonn, allura għandhom ikunu awtorizzati li jmorru barra l-pajjiż, u kwalunkwe spiża addizzjonali tat-trattament għandha tkun koperta mill-fondi pubbliċi. Kull meta jintlaħqu l-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 22(2) tar-Regolament (KE) Nru 1408/71, l-awtorizzazzjoni għandha tingħata u l-benefiċċji għandhom jingħataw skond dak ir-Regolament. Dan huwa rikonoxxut b'mod espliċitu mid-direttiva proposta. Ir-Regolament (KE) Nru 1408/71 għalhekk għandu jissokta jipprovdi l-għodda ġenerali u x-"xibka ta' sigurtà" sabiex jiżgura li kwalunkwe pazjent li ma jistax ikollu aċċess għall-kura tas-saħħa f'pajjiżu stess fi żmien raġjonevoli għandu jkun awtorizzat li jkollu dik il-kura tas-saħħa fi Stat Membru ieħor.

2.2. Il-garanzija ta' kwalità u sikurezza għall-kura tas-saħħa transkonfinali:

Kull darba li tingħata kura tas-saħħa, huwa importanti għall-pazjenti li jiżguraw:

- tagħrif ċar li jippermetti lin-nies jagħmlu għażliet infurmati dwar il-kura ta' saħħithom;

- mekkaniżmi li jiżguraw il-kwalità u s-sikurezza tal-kura tas-saħħa mogħtija;

- kontinwità tal-kura bejn il-professjonisti u l-organizzazzjonijiet differenti li qed joffru t-trattament;

- u mekkaniżmi li jiżguraw rimedji u kumpens xierqa għall-ħsara li toriġina mill-kura tas-saħħa.

Minkejja dan, mhemm l-ebda regola ċara fil-livell tal-Komunità dwar il-mod kif dawn ir-rekwiżiti għandhom jiġu sodisfatti għall-kura tas-saħħa transkonfinali, jew dwar min huwa responsabbli li jiżgura li jintlaħqu. Dan japplika dejjem irrispettivament mill-mod kif titħallas il-kura - kemm jekk titħallas mis-settur pubbliku, kemm jekk titwettaq permezz ta' regolament dwar il-koordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali kif ukoll jekk hija applikazzjoni tad-drittijiet addizzjonali tal-moviment liberu msemmija hawn fuq. Mingħajr din it-tip ta' ċarezza, hemm riskju ta' konfużjoni li twassal għal diffikultajiet fl-iżgurar ta' kwalità u sikurezza tal-kura sanitarja fil-każijiet transkonfinali.

Għalhekk id-direttiva proposta għandha tistipula liema huma l-prinċipji komuni fis-sistemi kollha tas-saħħa ta' l-UE, u tieħu bħala bażi l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar "Valuri u prinċipji komuni fis-Sistemi tas-Saħħa ta' l-Unjoni Ewropea" f'Ġunju 2006, u l-prinċipju li għandhom ikunu l-awtoritajiet ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jingħataw il-kura tas-saħħa li jiżgura konformità ma' prinċipji komuni tali. Id-direttiva għandha tiċċara li r-responsabilitajiet ta' l-awtoritajiet ta' dak l-Istat Membru għandhom jinkludu li l-kura tas-saħħa tingħata skond standards ċari ta' kwalità u sikurezza definiti mill-Istat Membru minn qabel, li l-fornituri tas-saħħa jagħmlu t-tagħrif relevanti disponibbli biex jippermettu għażliet informati mill-pazjenti, li l-pazjenti għandhom mezz li jagħmlu lmenti u jiksbu kumpens jekk jindarbu mill-kura tas-saħħa li jirċievu, u li kemm l-aċċess għar-reġistri mediċi kif ukoll il-privatezza tagħhom ikunu garantiti.

L-Istati Membri jibqgħu responsabbli għat-twaqqif ta' l-istandards li japplikaw għall-kura tas-saħħa f'pajjiżhom. Iżda billi tiċċara liema Stat membru huwa dak responsabbli fi kwalunkwe sitwazzjoni speċifika, id-direttiva għandha tiżgura li l-kwalità u s-sikurezza tal-kura tas-saħħa jkunu garantiti madwar l-Unjoni kollha.

2.3. Kooperazzjoni Ewropea prattika futura fil-kura tas-saħħa

Hemm sitwazzjonijiet fejn il-kooperazzjoni Ewropea tista' żżid il-valur lill-azzjonijiet ta' l-Istati Membri minħabba l-iskala jew in-natura tal-kura tas-saħħa kkonċernata. Il-qafas stabbilit bid-direttiva għandu jgħin sabiex jintlaħaq il-potenzjal ta' dan il-valur miżjud Ewropew. Huwa jistipula l-iżvilupp ta' kooperazzjoni futura prattika fil-livell Ewropew fi tliet oqsma partikolari.

Barra minn hekk, skond il-parti transkonfini ta’ l-l-Objettiv tal-Koeżjoni Territorjali tal-Politika tal-Koeżjoni firxa wiesgħa ta' proġetti li jiffaċilitaw l-aċċess ta’ pazjenti għal servizzi tas-saħħa trans-konfinali huma appoġġjati finanzjarjament. Il-Kummissjoni se tkun ukoll involuta b’mod attiv f’wieħed minn dawn il-proġetti ffinanzjati taħt ol-programm URBACT II. It-titlu ta’ dan il-proġett huwa ‘Nibnu Komunitajiet b’Saħħithom’.

2.3.1. Netwerks Ewropej ta' referenza

Netwerks Ewropej ta' ċentri ta' referenza ("netwerks Ewropej ta' referenza") għandhom ilaqqgħu fuq bażi volontarja ċentri speċjalizzati fi Stati Membri differenti. Dawn jistgħu jgħinu sabiex jipprovdu tal-kura sanitarja lil pazjenti li għandhom kondizzjonijiet li jirrikjedu konċentrazzjoni partikolari ta' riżorsi jew ta' għarfien espert biex tingħata kura ta' kwalità għolja u ekonomikament effettiva. Spiss dan jista' jinkiseb billi jitużaw netwerks bħal dawn biex iwasslu għarfien espert relevanti għand il-pazjent, għalkemm f'uħud mill-każijiet il-pazjenti jkollhom imorru f’ċentri f'pajjiżi oħra.

Netwerks Ewropej ta' referenza jistgħu jkunu wkoll punti fokali għat-taħriġ u r-riċerka medika, it-tixrif tat-tagħrif u l-valutazzjoni. Il-kollaborazzjoni f'dan il-qasam għandha potenzjal kbir li twassal benefiċċji lil pazjenti permezz ta' aċċess aktar faċli għal kura speċjalizzata ħafna, u għal sistemi tas-saħħa billi tippermetti l-aktar użu effiċjenti tar-riżorsi, pereżempju permezz ta' l-amalgamazzjoni tar-riżorsi għat-trattament ta’ kondizzjonijiet rari.

Il-Kummissjoni diġà qiegħda tiffinanzja proġetti bi prova biex teżamina l-kunċett ta' netwerks Ewropej ta' referenza żviluppati mill-Grupp ta' Livell Għoli dwar servizzi sanitarji u kura medika[2]. L-għan ta' dawn il-proġetti bi prova, żviluppati b'mod speċjali fil-qasam ta' mard rari, huwa li jidentifikaw l-aqwa prassi għat-twaqqif ta' netwerks Ewropej ta' referenza, biex jidentifikaw l-ostakli legali jew prattiċi pendenti li qed jaffaċċjaw in-netwerks u biex jiżviluppaw konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet ġenerali li jistgħu jintużaw lil hinn mill-qasam tal-mard rari. Qafas ċar għal netwerks Ewropej ta' referenza jista' jitwaqqaf taħt id-direttiva proposta fuq il-bażi tar-riżultati ta' dawn il-proġetti.

2.3.2. Il-Valutazzjoni tat-Teknoloġija tas-Saħħa

L-innovazzjonijiet kostanti fix-xjenza medika u t-teknoloġiji tas-saħħa jġibu benefiċċji f'kura aħjar tas-saħħa. Minkejja dan, joħolqu wkoll sfida kontinwa għas-sistemi sanitarji biex jiżguraw li huma vvalutati kif suppost u użati fl-aktar mod ekonomikament effettiv possibbli. Il-Valutazzjoni tat-Teknoloġija tas-Saħħa ( Health Technology Assessment - HTA) hija proċess multidixxiplinarju li jikkondensa tagħrif dwar kwistjonijiet mediċi, soċjali, ekonomiċi u etiċi relatati ma' l-użu ta' teknoloġija tas-saħħa, biex jiżgurawha. Din hija żona ċara tal-valur miżjud Ewropew, fejn il-kooperazzjoni fil-livell tal-Komunità tista' tgħin biex tnaqqas il-koinċidenza u d-duplikazzjoni ta' l-isforzi u b'hekk tippromwovi użu effettiv u effiċjenti ta' riżorsi.

Il-Komunikazzjoni qiegħda tappoġġja netwerk Ewropew bi prova dwar il-valutazzjoni tat-teknoloġija tas-saħħa msejjaħ "EUnetHTA". L-għan globali ta' l-EUnetHTA huwa li jistabbilixxi netwerk Ewropew effettiv u sostenibbli għal valutazzjoni tat-teknoloġija tas-saħħa li jinforma d-deċiżjonijiet tal-politika. EUnetHTA jgħaqqad flimkien aġenziji HTA, istituzzjonijiet ta' riċerka u ministri tas-saħħa biex jippermetti skambju effettiv ta' tagħrif u appoġġ għal deċiżjonijiet politiċi mill-Istati Membri. Il-proġett EUnetHTA qiegħed jiġi kofinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea u minn kontribuzzjonijiet mill-membri tan-netwerks. Bħal fil-każ ta’ netwerks Ewropej ta' referenza, qafas ċar għall-espansjoni ta' dawn l-attivitajiet jista' jitwaqqaf taħt id-direttiva fuq il-bażi tar-riżultati ta' dan il-proġett bi prova.

2.3.3. Is-Saħħa Permezz ta' l-Internet

Teknoloġiji ta' tagħrif u komunikazzjoni għandhom potenzjali enormi biex itejbu l-kwalità, is-sikurezza u l-effiċjenza tal-kura għas-saħħa. Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tappoġġja ħidma f'dan il-qasam skond il-Pjan ta' Azzjoni tas-Saħħa permezz ta' l-Internet[3], u diġà jeżistu ħafna eżempji ta' proġetti tas-Saħħa permezz ta' l-Internet. Dawn ikopru oqsma bħal pereżempju forniment remot ta' appoġġ speċjalizzat minn sptarijiet kbar għal faċilitajiet lokali iżgħar; interpretazzjoni remota ta' immaġnijiet dijanjostiċi; monitoraġġ ta' mard kroniku li jippermetti nies b'kondizzjonijiet kroniċi biex jibqgħu attivi, minflok ikollhom jinżammu l-isptar; jew l-iżgurar ta' koordinazzjoni bejn fornituri differenti tal-kura tas-saħħa biex jipprovdu pakketti integrati ta' kura lill-pazjenti individwali.

Minkejja dan, il-forniment sikur u effiċjenti ta' servizzi tas-saħħa permezz ta' l-internet jirrikjedi formati u standards komuni li jistgħu jintużaw bejn sistemi differenti u pajjiżi differenti, u dawn bħalissa huma neqsin. Għalhekk id-direttiva għandha tippermetti t-twaqqif ta' formati u standards bħal dawn, u tippermetti kooperazzjoni informali u proġetti individwali biex jitkomplew u jiġu ġeneralizzati fuq bażi aktar solida u sostenibbli. Il-proposta ma tobbliga l-ebda introduzzjoni ta' sistemi jew servizzi tas-saħħa permezz ta' l-Internet iżda għandha l-għan li tiżgura interoperabilità ladarba tittieħed l-għażla ta' introduzzjoni ta' sistemi bħal dawn mill-Istati Membri.

3. L-IMPATT TAL-QAFAS

3.1. X'inhuwa d-daqs tal-kura tas-saħħa transkonfinali?

Il-Kummissjoni tistima li madwar 1 % tal-baġits pubbliċi tal-kura tas-saħħa jintnefaq fuq kura tas-saħħa transkonfinali, li jsarraf għal madwar €10 biljun għall-Komunità bħala entità sħiħa. Dan is-sehem jista' jkun ogħla f'ċerti każijiet:

- f'reġjuni konfinali

- għall-Stati Membri iżgħar fid-daqs

- għal mard rari

- f'żoni li jiġbdu ammont kbir ta' turisti;

għalkemm anki f'dawn il-każijiet, il-kura tas-saħħa transkonfinali tibqa' limitata għal ftit perċentwali tal-volumi globali.

Din il-kura tas-saħħa transkonfinali relattivament ta' skala żgħira mhijiex sorprendenti, għaliex in-nies jippreferu jkollhom kura tas-saħħa viċin id-dar kemm jista' jkun. L-istħarriġ tal-Kummissjoni[4] juri li l-ħtiġijiet tal-kura tas-saħħa tal-maġġoranza vasta tal-pazjenti madwar l-UE huma sodisfatti permezz tal-kura li tingħata mis-sistema domestika tagħhom - 'il fuq minn 90 % madwar l-UE bħala entità sħiħa. Għalhekk minkejja li dan il-qafas huwa ta' importanza kbira għall-individwi kkonċernati, il-volum globali tal-kura tas-saħħa transkonfinali ma għandhiex tħalli impatt maġġuri fuq is-sistemi tas-saħħa b'mod ġenerali.

3.2. X'se jkun l-impatt ta' din il-proposta għaċ-ċittadini?

Għalkemm din id-direttiva hija bbażata fuq drittijiet diġà stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-interpretazzjoni tagħha tat-Trattat, id-direttiva ġġib valur miżjud fis-sens li għandha tipprovdi ċarezza dwar dawn id-drittijiet addizzjonali mogħtija lill-pazjenti meta jirrikorru għall-kura tas-saħħa, li huma intitolati għaliha minn fornituri fi Stati Membri oħra u l-mod kif jiġu rimborsati. U kull fejn tingħata kura tas-saħħa transkonfinali, il-pazjenti jista' jkollhom fiduċja fil-kwalità u s-sikurezza ta' dik il-kura tas-saħħa. Għal dawk li ma jistgħux jieħdu kura tas-saħħa li huma intitolati għaliha fi żmien raġjonevoli f'pajjiżhom stess, ir-regolamenti attwali tas-sigurtà soċjali jiżguraw li jistgħu jmorru għand Stat Membru ieħor[5]. Din is-sistema tibqa' mingħajr ebda bidla. Għalhekk din il-proposta tipprovdi alternattiva addizzjonali għal kura tas-saħħa transkonfinali, li tirreaġixxi għall-każijiet imressqa miċ-ċittadini nfushom u li rriżultat fil-ġurisprudenza tal-Qorti. Importanti li jiġi enfasizzat li d-drittijiet imnissla minn din il-ġurisprudenza ma jibdlu l-ebda dritt li jaqa' taħt l-oqfsa nazzjonali jew ir-Regolament (KE) Nru 1408/71 iżda jirrappreżentaw drittijiet addizzjonali li ċ-ċittadini jistgħu jagħżlu li jeżerċitaw. Għalhekk jipprovdu aċċess aħjar għal kulħadd għal kura tas-saħħa differenti fi ħdan l-UE. Għandu jiġi nnutat, kif issemma diġà, li ċerti Stati membri diġà għażlu, taħt ċerti kondizzjonijiet, li jestendu l-iskemi ta' benefiċċji fi flus lill-pazjenti li jirrikorru għall-kura tas-saħħa transkonfinali. Id-dispożizzjonijiet tal-proposta għandhom jgħinu wkoll għall-ħolqien ta' valur miżjud minn kooperazzjoni usa' u aktar effiċjenti li tifrex ma' l-UE fil-kura tas-saħħa. Jistgħu jinkisbu benefiċċji addizzjonali għall-pazjent minn din il-proposta. Il-ħolqien ta' netwerks Ewropej ta' referenza waqt li qegħdin fuq bażi volontarja għandu jsaħħaħ l-għarfien espert f'oqsma terapewtiċi ġodda u għandu jgħin biex dawn it-terapiji jsiru aktar disponibbli b'mod aktar faċli għall-pazjenti irrispettivament minn pajjiżhom. Il-kooperazzjoni mtejba dwar il-ġestjoni ta' teknoloġiji ġodda tas-saħħa għandha tipprovdi għodda addizzjonali lill-Istati Membri biex jivvalutaw dawk it-teknoloġiji, u tagħmel l-għażliet tagħhom aktar effiċjenti u aktar sostenibbli. Permezz ta' monitoraġġ aħjar tad- data u r-raggruppament ta' għodda ta' l-istatistika d-direttiva proposta għandha ttejjeb ukoll il-monitoraġġ ta' l-għoti tal-kura tas-saħħa transkonfinali, bl-effett dirett ta' stimolu ta' għarfien aħjar dwat xejriet epidemjoloġiċi.

3.3. X'se jkun l-impatt ta' din il-proposta għall-professjonisti tas-saħħa?

Din il-proposta hija mmirata biex tiżgura qafas ċar għal kura tas-saħħa sikura, ta' kwalità għolja u effiċjenti madwar l-Unjoni kollha. Għalhekk il-professjonisti tas-saħħa għandhom jibbenefikaw minn sett ċar ta' regoli dwar l-istandards ta' kwalità u sigurtà applikabbli meta jittrattaw il-pazjenti minn Stati Membri oħra jew meta jipprovdu servizzi fi Stati Membri oħra.

Minkejja dan, din id-direttiva ma għandhiex taffettwa d-dispożizzjonijiet attwali tal-liġi tal-Komunità. B'mod partikolari, ma għandhiex taffettwa dispożizzjonijiet li jirrigwardaw kwalifiki professjonali jew toħloq ostakli addizzjonali għal għarfien bħal dan; l-anqas ma għandha taffettwa d-drittijiet tal-professjonisti tas-saħħa li jistabbilixxu ruħhom fi Stati Membri oħra. Barra minn dan, .se tagħmilha ċara li irrispettivament mill-istatus ta' professjonist tal-kura tas-saħħa, ir-regoli applikabbli għalll-kura tas-saħħa huma dawk tal-pajjiż tat-trattament (jiġifieri l-pajjiż fejn tingħata l-kura) .

3.4. X'se jkun l-impatt ta' din il-proposta fuq l-Istati Membri u l-baġits pubbliċi?

Mifrux fuq perjodu twil ta' żmien, il-valur miżjud ta' kooperazzjoni Ewropea dwar kwistjonijiet bħalma huma netwerks Ewropej ta' ċentri ta' referenza; it-tqassim tal-valutazzjonijiet ta' teknoloġiji ġodda tas-saħħa; u l-użu ta' teknoloġija tat-tagħrif u tal-komunikazzjoni biex tingħata kura aktar effiċjenti ("saħħa permezz ta' l-internet") għandu jgħin sabiex itejjeb il-kwalità u l-effiċjenza tal-kura tas-saħħa kollha, kemm għal dawk il-pazjenti li jispostaw ruħhom minn pajjiżhom kif ukoll għal dawk li ma jagħmlux hekk.

Mifruxa fuq perjodu qasir ta' żmien, l-istima tagħna ta' l-impatt turi li spejjeż addizzjonali ta' trattament minn dawn il-proposti mhumiex probabbli li se jkunu b'tali mod li jdgħajfu s-sostenibilità u l-ippjanar tas-sistemi globali tas-saħħa. Dan għaliex iċ-ċittadini huma intitolati biss li jkollhom rimbors għall-kura tas-saħħa li kienu intitolati għaliha f'pajjiżhom, u għalhekk l-Istati Membri jkollhom iħallsu biss għall-kura tas-saħħa li jkollhom iħallsu għaliha xorta waħda. L-istima ta' l-impatt ikkalkolat li l-ispejjeż addizzjonali ta' trattament għandhom ikunu frazzjoni żgħira ta' wieħed fil-mija tan-nefqiet globali tas-saħħa, u jitpattew bil-kbir permezz tal-benefiċċji. U jekk fuq medda ta' żmien qasir ikollha sseħħ żieda f'daqqa mhux prevista ta' kura tas-saħħa transkonfinali li tikkawża problema maġġuri - fl-ippjanar ta' faċilitajiet lokali, pereżempju - il-proposta tippermetti lill-Istati Membri biex iwaqqfu limiti meħtieġa biex jissalvagwardjaw is-sistema globali tagħhom ), filwaqt li jirrispettaw il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. F'każ bħal dan, Stat Membru jista' jintroduċi awtorizzazzjoni preċedenti għall-pazjenti li jirrikorru għall-kura tas-saħħa transkonfinali fil-kondizzjonijiet stipulati bid-Direttiva li tirrifletti l-każistika mill-Qorti.

X'se jkun l-impatt fuq l-organizzazzjoni globali tas-sistemi tas-saħħa?

Uħud mill-partijiet interessati esprimew tħassib dwar il-potenzjal tal-kura sanitarja transkonfinali li tbiddel il-possibilitajiet ta' Stati Membri li jikkontrollaw aċċess għall-kura tas-saħħa. Il-kura tas-saħħa transkonfinali tista' tipprovdi rotta għal aċċess iktar rapidu għall-kura. Tista' wkoll tgħin biex tiżgura organizzazzjoni globali aktar effiċjenti tas-sistemi tas-saħħa. Il-forniment tal-kura tas-saħħa jirrikjedi massa kritika ta' pazjenti biex tippermetti u tippreserva servizzi ta' kwalità għolja u naturalment sabiex tiġġustifika investimenti li għal ċerti terapiji jistgħu jkunu ta' piż kbir u jistgħu ma jkunux disponibbli f'ċerti Stati Membri. Jekk il-forniment ta' kura tas-saħħa transkonfinali jista' jiġġenera massa kritika bħal din, jista' wkoll jgħin biex jappoġġja kura tas-saħħa aktar żviluppata li għandha tagħti benefiċċji wkoll lill-pazjenti domestiċi.

Fi kwalunkwe każ, il-forniment ta' kura lil pazjenti li ġejjin minn pajjiżi oħra ma għandux idgħajjef l-iskop primarju tas-sistemi tas-saħħa ta' l-Istati Membri, li huwa li jipprovdu l-kura tas-saħħa lir-residenti tagħhom. Id-direttiva proposta tagħmilha ċara li l-użu ta' dan il-qafas għall-kura transkonfinali ma tintitolax persuni minn barra l-pajjiż biex jiġu ttrattati aktar malajr minn pazjenti domestiċi. Fejn hemm listi ta' stennija għal tip partikolari ta' trattament, il-pazjenti mill-Istati Membri l-oħra għandhom jiġu integrati fuq l-istess bażi, u għandhom jistennew daqs pazjent domestiku bi bżonn tas-saħħa simili. Minbarra dan, il-fornituri tal-kura sanitarja mhumiex obbligati li jaċċettaw pazjenti minn barra l-pajjiż għal trattament ippjanat jekk dan ikollu jipperikola l-preservazzjoni tal-kapaċità ta' trattament jew il-kompetenza medika fl-Istat Membru riċevitur. Iżda fejn il-pajjiż għandu l-kapaċità li jitratta pazjenti aktar malajr milli f'pajjiżhom mingħajr ma jżid iż-żmien ta' stennija għall-oħrajn, u l-pazjenti kkonċernati huma disposti li jgħaddu mill-inkonvenjenza ta' vvjaġġar lejn pajjiż ieħor ħalli jieħdu dak it-trattament dan ifisser kura aktar effiċjenti għal kulħadd.

4. IL-KONKLUżJONI

L-għanijiet komuni tas-sistemi tas-saħħa madwar l-Unjoni Ewropea jirriflettu wħud mill-valuri l-aktar fundamentali taċ-ċittadini Ewropej. Il-prinċipji fundamentali ta' universalità, imparzjalità, kwalità għolja u solidarjetà jridu jiġu rispettati. L-organizzazzjoni u l-forniment tas-servizzi tas-saħħa u l-kura medika huma u jibqgħu fil-kompetenzi ta' l-Istati Membri, kompetenzi li jridu jiġu eżerċitati fil-waqt li jirrispettaw it-Trattat. Barra minn dan, l-Unjoni Ewropea tista' ġġib valur miżjud sinifikanti permezz ta' kooperazzjoni msaħħa għall-benefiċċju kemm ta' dawk il-pazjenti li jispostaw ruħhom minn pajjiżhom kif ukoll ta’ dawk li ma jagħmlux hekk. Billi tagħmel hekk, l-UE se tkun qiegħda tgħin biex tilħaq uħud mill-prijoritajiet l-aktar ċentrali taċ-ċittadini tagħha, u se tkun qiegħda tagħti eżempju tanġibbli tal-benefiċċji ta' l-integrazzjoni Ewropea fil-ħajja ta' kuljum tagħhom. Għandu jitfakkar li l-ġurisprudenza kollha tal-Qorti tal-Ġustizzja f'din il-kwistjoni hija bbażata fuq rakkomandazzjonijiet mibdija minn ċittadini waħidhom li kienu qed jippruvaw jeżerċitaw drittijiet individwali mnissla mit-Trattat innifsu tal-KE.

L-għan ewlieni tal-qafas legali propost huwa għalhekk li jiċċara l-prinċipji tal-Qorti tal-Ġustizzja li jiddikjaraw li l-pazjenti għandhom id-dritt li jitħallsu lura għall-kura tas-saħħa mogħtija fi Stat Membru ieħor sal-livell mogħti lilhom kieku ngħataw il-kura tas-saħħa fl-Istat Membru tagħhom stess. Dan id-dritt huwa applikazzjoni diretta tat-Trattat tal-KE u l-qafas legali propost mill-Kummissjoni jimmira li jiffaċilita l-applikazzjoni prattika tiegħu.

Għalhekk il-biċċa l-kbira ta' l-appoġġ tal-Komunità , jitratta kooperazzjoni u tagħlim reċiproku. Minkejja dan, l-ewwel pass ewlieni huwa t-twaqqif ta' qafas legali li fi ħdanu tista' sseħħ kooperazzjoni Ewropea bħal din. Dan huwa l-għan ta' din l-inizjattiva.

[1] Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Konsultazzjoni rigward azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-servizzi ta’ saħħa" (SEC(2006)1195 tas-26 ta' Settembru 2006; u r-riżultati tal-konsultazzjoni u r-rapport tas-sommarju, disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/health/ph_overview/co_operation/mobility/results_open_consultation_en.htm.

[2] Ara http://ec.europa.eu/health/ph_overview/co_operation/mobility/patient_mobility_en.htm.

[3] COM(2004) 356 tat-30 ta' April 2004.

[4] Ara l-istimi tal-ħtieġa medika mhux sodisfatta pprovduti mill-Istatistika Ewropea fuq l-Introjtu u l-Kondizzjonijiet ta' Ħajja (EU-SILC).

[5] Dwar l-użu tal-formoli E112 – ara http://ec.europa.eu/employment_social/social_security_schemes/healthcare/e112/conditions_en.htm.