European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/4270

7.8.2026

RAPPORT TAL-ATTIVITÀ TAL-KONTROLLUR TAL-GARANZIJI PROĊEDURALI GĦALL-2025

(C/2026/4270)

Daħla

Dan huwa r-raba’ rapport annwali dwar l-attivitajiet tiegħi bħala l-Kontrollur tal-garanziji proċedurali. Ir-Regolament dwar l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) jinkarigani bit-trattament tal-ilmenti mill-persuni kkonċernati. L-ilmenti jikkonċernaw il-konformità tal-OLAF mal-garanziji proċedurali u l-ksur allegat tar-regoli applikabbli għall-investigazzjonijiet tal-OLAF. Dan jinkludi l-ksur potenzjali tar-rekwiżiti proċedurali u tad-drittijiet fundamentali.

Qabel ma nħolqot il-funzjoni ta’ Kontrollur, il-persuni li kienu qed jiġu investigati mill-OLAF ma setgħux jilmentaw ma’ korp jew awtorità indipendenti dwar it-trattament tal-investigazzjoni mill-OLAF. L-unika għażla tagħhom kienuet li jressqu lment quddiem l-Ombudsman Ewropew għal amministrazzjoni ħażina jew li jippruvaw jiskattaw ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni taħt kundizzjonijiet stretti ħafna.

Sabiex dan in-nuqqas jiġi rrimedjat, l-emendi tar-Regolament tal-2020 dwar l-OLAF ħolqu mekkaniżmu xieraq tal-ilmenti, li ppermetta li kull persuna kkonċernata tressaq ilment quddiem il-Kontrollur.

Permezz ta’ dan ir-rimedju amministrattiv indipendenti, il-Kontrollur qed taġġusta gradwalment iżda b’mod kostanti l-prinċipji ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tallinjahom mal-prinċipji ta’ protezzjoni amministrattiva effettiva. Il-Kontrollur dejjem tqis id-drittijiet fundamentali li jirriżultaw mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, il-garanziji proċedurali speċifiċi li jirregolaw l-attivitajiet tal-OLAF u l-prinċipji legali ġenerali u l-ġurisprudenza tal-Qrati tal-UE applikabbli għall-investigazzjonijiet tal-OLAF.

Għall-Kontrollur, huwa importanti li l-mekkaniżmu tal-ilmenti mhux biss ikun rimedju effettiv għall-persuni kkonċernati, iżda jżid ukoll it-trasparenza ġenerali tal-attivitajiet tal-OLAF. Korp effiċjenti u effettiv kontra l-frodi li kapaċi jissalvagwardja l-interessi finanzjarji tal-UE huwa “essenzjali” għall-UE u għall-kontribwenti. Madankollu, daqstant ieħor huwa importanti li l-investigazzjonijiet tal-OLAF dwar frodi possibbli jitwettqu f’konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali u mal-garanziji proċedurali.

Minkejja dan, biex nifhmu aħjar ir-rwol tal-Kontrollur u l-limitazzjonijiet tiegħu, huwa importanti li nżommu f’moħħna li l-Kontrollur ma jaġixxix bħala mħallef li jivvaluta l-legalità tad-deċiżjonijiet u l-atti tal-OLAF. Pjuttost, il-missjoni tal-Kontrollur hija li jsib u jipproponi soluzzjonijiet għall-kwistjonijiet imqajma mill-ilmentaturi. Billi jipproponi soluzzjonijiet u, fl-aħħar mill-aħħar, jagħmel rakkomandazzjonijiet lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF, il-Kontrollur ifittex ukoll li jsolvi l-kwistjonijiet involuti u, b’mod li jħares ’il quddiem, itejjeb il-prattiki amministrattivi u investigattivi tal-OLAF.

Dan ir-rapport isegwi l-istruttura tar-rapporti annwali tal-attività preċedenti tal-Kontrollur. Jibda b’ħarsa ġenerali lejn il-missjoni u l-mandat tal-Kontrollur u l-funzjonament tal-mekkaniżmu tal-ilmenti. Imbagħad jippreżenta l-istatistika u ċ-ċifri ewlenin dwar l-ilmenti ttrattati fl-2025. Ir-rapport jeżamina wkoll l-aspetti proċedurali tal-indirrizzar tal-ilmenti, filwaqt li jenfasizza l-proposta għal soluzzjoni maħruġa mill-Kontrollur matul is-sena li sussegwentement ġiet implimentata bis-sħiħ mill-OLAF. Jistabbilixxi wkoll is-sejbiet ewlenin tal-Kontrollur dwar kwistjonijiet sostantivi ewlenin, b’mod partikolari d-drittijiet tad-difiża tal-persuni kkonċernati, l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-proporzjonalità fl-ispezzjonijiet u fl-operazzjonijiet forensiċi diġitali, u l-lingwi li jistgħu jintużaw fl-investigazzjonijiet tal-OLAF.

Barra minn hekk, ir-rapport jinkludi taqsimiet speċifiċi dwar l-aktar żviluppi importanti li seħħew matul is-sena, inklużi: (i) l-adozzjoni tal-Arranġamenti ta’ Ħidma bejn il-Kontrollur u l-OLAF; (ii) il-konsultazzjoni tal-Kontrollur dwar l-evalwazzjoni tal-applikazzjoni u l-impatt tar-Regolament dwar l-OLAF; u (iii) l-implimentazzjoni mill-OLAF tar-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Kontrollur dwar l-Istruzzjonijiet mill-OLAF lill-Persunal dwar Proċeduri Investigattivi (“il-GIPs”). Ir-rapport jikkonkludi b’kummenti dwar l-involviment tal-Kontrollur mal-partijiet ikkonċernati matul is-sena u jirrikonoxxi l-appoġġ amministrattiv u legali pprovdut mis-Segretarjat, li għalih il-Kontrollur hija tassew grata.

Il-mekkaniżmu tal-ilmenti diġà sar salvagwardja essenzjali għall-persuni kkonċernati, filwaqt li jiżgura li l-attivitajiet tal-OLAF jikkonformaw mal-garanziji proċedurali u mar-regoli rilevanti dwar l-investigazzjonijiet. Lil hinn mis-soluzzjoni ta’ lmenti individwali, id-deċiżjonijiet meħuda mill-Kontrollur għenu fit-tfassil tal-prattika investigattiva tal-OLAF billi ċċaraw l-ambitu u l-applikazzjoni prattika ta’ dawk il-garanziji proċedurali. F’diversi każijiet, ir-raġunament legali żviluppat fid-deċiżjonijiet dwar l-ilmenti informa r-reviżjonijiet tal-GIPs tal-OLAF, u b’hekk estenda l-impatt tal-każijiet individwali lil hinn mill-kuntest fattwali immedjat tagħhom

Nittama li dan ir-rapport jgħin biex titqajjem kuxjenza dwar it-tip ta’ kwistjonijiet li jinsabu fil-qalba tal-ilmenti li jsiru mill-persuni kkonċernati, filwaqt li fl-istess ħin iżid l-akkontabilità tal-OLAF u l-fiduċja tan-nies fis-sistema li ġiet stabbilita mill-UE biex tindirizza l-frodi.

Prof. Dr Julia LAFFRANQUE

Il-Kontrollur tal-garanziji proċedurali

Werrej

Daħla 1

1.

Il-missjoni u l-mandat tal-Kontrollur 4

2.

Il-mekkaniżmu tal-ilmenti 5

3.

Ħarsa ġenerali lejn l-ilmenti li tressqu fl-2025 5

4.

Aspetti proċedurali: Il-passi tat-trattament effetttiv tal-ilmenti 8

4.1

Ammissibbiltà 9

4.1.1

Il-perjodu ta’ preskrizzjoni ta’ xahar għat-tressiq ta’ lment 10

4.1.2.

Ilmenti li jaqgħu barra mill-mandat tal-Kontrollur 11

4.1.3

Każijiet pendenti fi proċedimenti legali 11

4.1.4

Waqfien tal-korrispondenza dwar l-ilmenti ripetittivi 12

4.2

Proċedura kontradittorja 12

4.3

Stedina biex jiġi solvut l-ilment 13

4.4

Deċiżjonijiet tal-għeluq 13

5.

Aspetti sostantivi: Ħarsa ġenerali lejn is-sejbiet ewlenin tal-Kontrollur 14

5.1.

Dritt għad-difiża 14

5.1.1.

Id-dritt li persuna tkun infurmata 14

5.1.2.

Id-dritt li persuna tingħata għajnuna minn persuna tal-għażla tagħha 15

5.1.3.

Opportunità li persuna tikkummenta dwar il-fatti stabbiliti mill-OLAF 16

5.1.4.

Aċċess għall-fajl u għad-dokumenti msemmija fid-dikjarazzjoni tal-fatti 18

5.2.

Proporzjonalità tal-ispezzjonijiet tal-bini u operazzjonijiet forensiċi diġitali 19

5.3.

Lingwi użati 21

6.

Adozzjoni tal-Arranġamenti ta’ Ħidma bejn il-Kontrollur u l-OLAF 21

7.

Konsultazzjoni dwar l-evalwazzjoni tar-Regolament dwar l-OLAF 22

8.

Segwitu għall-adozzjoni tal-GIPs il-ġodda 24

9.

Relazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati 27

10.

Appoġġ amministrattiv u legali 27

11.

Kif tikkuntattja lill-Kontrollur u tressaq ilment 28

Anness.

Referenzi 29
Qafas ġuridiku 29
Rapporti tal-attività annwali u opinjonijiet 29

1.   Il-missjoni u l-mandat tal-Kontrollur

Il-Kontrollur tal-garanziji proċedurali huwa kariga li nħolqot mir-Regolament 2020/2023 (UE, Euratom) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (ir-“Regolament dwar l-OLAF”) biex tipproteġi l-garanziji proċedurali u d-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati (3) fl-investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (“OLAF”). Dr Julia Laffranque inħatret bħala l-ewwel Kontrollur fit-3 ta’ Mejju 2022  (4), b’mandat ta’ 5 snin li ma jiġġeddidx. Hija assistita mis-Segretarjat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza (is-“Segretarjat”).

F’konformità mal-Artikolu 9a(8) tar-Regolament dwar l-OLAF, il-Kontrollur:

“ għandu jissorvelja l-konformità tal-Uffiċċju ma’ garanziji proċedurali msemmija fl-Artikolu 9, kif ukoll mar-regoli applikabbli għall-investigazzjonijiet mill-Uffiċċju. Il-Kontrollur għandu jkun responsabbli mit-trattament tal-ilmenti msemmija fl-Artikolu 9b. ”

Il-Kontrollur twettaq il-kompiti tagħha b’indipendenza sħiħa u ma tieħu struzzjonijiet mingħand ħadd fil-qadi ta’ dmirijietha (5). Peress li l-persuni kkonċernati ma jistgħux, fil-prinċipju, jitolbu rikors ġudizzjarju kontra l-atti jew l-ommissjonijiet tal-OLAF matul investigazzjoni, il-possibbiltà li jressqu lment quddiem il-Kontrollur għandha importanza kbira. Ilmentatur jista’ jirrikorri għand il-Kontrollur, fl-iskadenzi stretti stabbiliti fl-Artikolu 9b tar-Regolament dwar l-OLAF, biex jitlob valutazzjoni indipendenti u bir-reqqa tal-ilment tiegħu.

Meta tittratta lmenti mressqa minn persuni kkonċernati rigward il-konformità tal-OLAF mal-garanziji proċedurali u mar-regoli applikabbli għall-investigazzjonijiet, il-Kontrollur ma tfittixx li tieħu post l-OLAF fit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar kif twettaq investigazzjoni jew kif tiġi vvalutata l-evidenza, jew dwar liema konklużjonijiet għandhom jintlaħqu. Minflok, ir-rwol tagħha huwa li tipprovdi riassigurazzjoni li l-OLAF aġixxa f’konformità mar-regoli stabbiliti fil-qafas legali tiegħu (jekk issib li ma seħħ l-ebda ksur) u li tistieden lill-OLAF jieħu azzjoni biex isolvi lment permezz ta’ proposta għal soluzzjoni kull meta ssib ksur tal-garanziji proċedurali jew tar-regoli applikabbli għall-investigazzjonijiet. Jekk il-Kontrollur ma ssibx li l-azzjoni meħuda mill-OLAF tkun sodisfaċenti, bħala t-tieni pass, hija tagħmel rakkomandazzjoni lill-OLAF dwar kif għandu jiġi solvut l-ilment.

Il-Kontrollur tivvaluta l-ilmenti fi proċedura kontradittorja u tagħti attenzjoni partikolari lill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”) (6), lill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE u lill-ġurisprudenza rilevanti tal-Qrati tal-UE (7). Madankollu, hija ma tinterferix u ma tistax tinterferixxi fit-twettiq ta’ investigazzjoni tal-OLAF (8).

L-2025 kienet kemm sena ta’ sfida kif ukoll sena produttiva minħabba l-kumplessità tal-kwistjonijiet legali mqajma fl-ilmenti riċevuti. Il-Kontrollur ma tistax tirreferi għal każijiet individwali investigati mill-OLAF u trid tiżgura li jibqgħu kunfidenzjali anke wara li jingħalqu (9). Madankollu, dan ir-rapport jipprovdi ħarsa ġenerali lejn it-tipi ta’ tħassib imqajma mill-persuni kkonċernati. Jiddeskrivi wkoll kif dan it-tħassib ġie indirizzat u jispjega kif jaħdem il-mekkaniżmu tal-ilmenti u x’riżultati nkisbu bl-implimentazzjoni tiegħu.

2.   Il-mekkaniżmu tal-ilmenti

Minn meta bdiet il-ħidma tagħha f’Ottubru 2022, il-Kontrollur kellha l-opportunità li tindirizza għadd ta’ mistoqsijiet legali notevoli, filwaqt li żviluppat gradwalment qafas kunċettwali solidu għall-valutazzjoni tal-ilmenti. Matul l-2025, l-ilmenti ġew ipproċessati fil-pront u eżaminati b’mod komprensiv u bir-reqqa.

Biex nifhmu aħjar kif jaħdem il-mekkaniżmu tal-ilmenti, huwa importanti li nżommu f’moħħna li dan il-mekkaniżmu jagħti lill-Kontrollur aċċess speċjali u dirett għall-fajl tal-każ tal-OLAF tal-investigazzjoni rilevanti. Dan huwa bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-Kontrollur għat-trattament tal-ilmenti (id-“Dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni”) (10) u l-arranġamenti ta’ ħidma ffirmati riċentement bejn l-OLAF u l-Kontrollur (l-“Arranġamenti ta’ Ħidma”) (11). Din il-forma ta’ aċċess għall-fajl tal-każ tal-OLAF huwa ta’ importanza assoluta biex l-ilmentaturi jserrħu rashom li l-Kontrollur tista’ tħares bir-reqqa lejn l-attivitajiet investigattivi tal-OLAF, anke f’każijiet fejn parti mill-informazzjoni rilevanti tista’ tkun kunfidenzjali u ma tkunx tista tiġi ddivulgata lilhom. F’dan ir-rigward, ta’ sikwit il-Kontrollur issib bilanċ delikat bejn il-kunfidenzjalità tal-investigazzjoni tal-OLAF, minn naħa waħda, u n-natura kontradittorja tal-mekkaniżmu tal-ilmenti, min-naħa l-oħra.

Fl-2025, il-Kontrollur lestiet il-valutazzjoni ta’ lment wieħed imressaq fl-2024. Fl-2025 tressqu 19-il ilment ġdid minn persuni fiżiċi u ġuridiċi. Matul is-sena ta’ rapportar, il-Kontrollur lestiet il-valutazzjoni tagħha ta’ 17 minnhom. Ilment wieħed ġie ddikjarat ammissibbli matul it-tielet trimestru tas-sena iżda kien jeħtieġ żmien itwal ta’ pproċessar minħabba l-proċedura kontradittorja u talbiet għal estensjonijiet tal-iskadenzi proċedurali ppreżentati kemm mill-OLAF kif ukoll mill-ilmentatur. Ilment ieħor tressaq ftit qabel tmiem is-sena u ġie ddikjarat ammissibbli. Ittieħdet deċiżjoni dwar iż-żewġ ilmenti fl-ewwel nofs tal-2026.

3.   Ħarsa ġenerali lejn l-ilmenti li tressqu fl-2025

Il-biċċa l-kbira mid-19-il ilment li rċeviet il-Kontrollur fl-2025 tressqu minn persuni kkonċernati f’investigazzjonijiet interni tal-OLAF (12) (12), filwaqt li sitta kienu relatati ma’ investigazzjonijiet esterni  (13) u wieħed kien jikkonċerna każ ta’ koordinazzjoni  (14) (Illustrazzjoni 1). Il-biċċa l-kbira tal-ilmenti tressqu bl-Ingliż, iżda ntużaw ukoll lingwi oħra (l-Ispanjol, ir-Rumen u l-Iżvediż) (Illustrazzjoni 2). Tressqu 16-il ilment minn persuni fiżiċi u tlieta minn persuni ġuridiċi (Illustrazzjoni 3). Matul is-sena ta’ rapportar, xi lmentaturi ppreżentaw aktar minn ilment wieħed: għalhekk, l-għadd totali ta’ persuni li lmentaw fl-2025 kien ta’ tmienja, li ħamsa minnhom kienu persuni fiżiċi u tlieta kienu entitajiet legali (Illustrazzjoni 3). Mill-ilmenti riċevuti, erbgħa tressqu b’rappreżentanza minn avukat.

Illustrazzjoni 1

Tipi ta’ investigazzjonijiet tal-OLAF li sar ilment dwarhom fl-2025

Image 1

Illustrazzjoni 2

Lingwi tal-ilmenti li tressqu fl-2025

Image 2

Illustrazzjoni 3

Ilmentaturi u għadd ta’ lmenti

Image 3

Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-ilmentaturi invokaw ksur tal-garanziji proċedurali skont l-Artikolu 9 tar-Regolament dwar l-OLAF u d-drittijiet fundamentali tagħhom skont il-Karta (Illustrazzjoni 4). Dawn l-ilmenti kienu jikkonċernaw il-ksur allegat ta’ dawn: (i) il-preżunzjoni ta’ innoċenza u d-dritt għad-difiża (l-Artikolu 48 tal-Karta); (ii) id-dritt li wieħed jinstema’ u l-eżerċizzju effettiv tad-dritt tal-persuni kkonċernati li jikkummentaw dwar fatti li jikkonċernawhom (l-Artikolu 9(4) tar-Regolament dwar OLAF); (iii) id-dritt li persuna tiġi infurmata (l-Artikolu 9(3) tar-Regolament dwar l-OLAF); (iv) il-prinċipji ta’ ġustizzja, oġġettività u imparzjalità fit-twettiq tal-investigazzjonijiet (l-Artikolu 9(1) tar-Regolament dwar l-OLAF); (v) id-dritt għal amministrazzjoni tajba (l-Artikolu 41 tal-Karta); (vi) id-dritt għall-ħajja privata u tal-familja (l-Artikolu 7 tal-Karta); (vii) il-protezzjoni ta’ data personali; u (viii) id-dritt li persuna tingħata għajnuna minn persuna tal-għażla tagħha (l-Artikolu 9(2) tar-Regolament dwar l-OLAF) (Illustrazzjoni 5). L-ilmentaturi lmentaw ukoll dwar ir-regoli applikabbli għall-investigazzjonijiet tal-OLAF (15), b’mod partikolari dwar: (i) it-twettiq ta’ operazzjonijiet forensiċi diġitali; (ii) ir-regoli dwar l-identifikazzjoni u n-notifika tal-persuni kkonċernati; (iii) ir-rispett tal-privileġġ professjonali legali; (iv) l-ambitu tal-investigazzjonijiet tal-OLAF; (v) l-użu tas-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet tal-OLAF; (vi) is-sorveljanza illegali; (vii) l-azzjonijiet tal-persunal tal-OLAF lil hinn mis-setgħat tiegħu; u (viii) il-kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet tal-OLAF (Illustrazzjoni 6).

Illustrazzjoni 4

Suġġett tal-ilmenti li tressqu fl-2025

Image 4

Illustrazzjoni 5

Analiżi tal-allegazzjonijiet differenti rigward il-garanziji proċedurali li tqajmu fl-2025 (inklużi lmenti ammissibbli u inammissibbli)

Image 5

Illustrazzjoni 6

Analiżi tal-allegazzjonijiet rigward ir-regoli applikabbli għall-investigazzjonijiet

Image 6

4.   Aspetti proċedurali: Il-passi tat-trattament effetttiv tal-ilmenti

Il-Kontrollur tittratta l-ilmenti b’mod ġust, indipendenti u imparzjali. Il-proċedura, f’konformità mar-Regolament dwar l-OLAF u d-Dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kontrollur, tinvolvi l-istadji li ġejjin: (i) il-valutazzjoni tal-ammissibbiltà ta’ lment; (ii) il-valutazzjoni tal-argumenti sostantivi mqajma mill-ilmentaturi. Meta l-Kontrollur issib ksur, skont il-kwistjonijiet involuti, hija tista’ tistieden lill-OLAF biex isolvi l-ilment (proposta għal soluzzjoni) u, jekk ikun neċessarju, tagħti rakkomandazzjoni lill-OLAF; u (iii) fi kwalunkwe każ, il-Kontrollur toħroġ deċiżjoni tal-għeluq li tinforma lill-ilmentatur dwar is-sejbiet tagħha.

4.1   Ammissibbiltà

Fi żmien 10 ijiem tax-xogħol mill-wasla ta’ lment, il-Kontrollur trid tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tiegħu. Il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà huma stabbiliti fl-Artikolu 9b(1) u (2) tar-Regolament dwar l-OLAF, u fl-Artikolu 5 tad-Dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni. Sabiex ilment ikun ammissibbli, dan għandu jiġi jitressaq fi żmien xahar minn meta l-ilmentatur isir konxju tal-fatti rilevanti li jikkostitwixxu ksur allegat tal-garanziji proċedurali jew tar-regoli dwar l-investigazzjonijiet. Fi kwalunkwe każ, irid jitressaq mhux aktar tard minn xahar wara l-għeluq tal-investigazzjoni.

Meta teżamina l-ammissibbiltà tal-ilmenti, il-Kontrollur issegwi approċċ li jara li jirrispetta kemm il-formulazzjoni kif ukoll l-għanijiet tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament dwar l-OLAF. Fl-2025, il-Kontrollur ivvalutat l-ammissibbiltà tal-ilmenti kollha fit-terminu stipulat. Hija ddikjarat tliet ilmenti bħala ammissibbli, erbgħa bħala parzjalment ammissibbli u 12 bħala inammissibbli (Illustrazzjoni 7).

Ir-raġunijiet għall-inammissibbiltà kienu dawn li ġejjin: (i) f’għaxar każijiet l-ilmenti għamlu allegazzjonijiet li jaqgħu barra mill-mandat tal-Kontrollur; (ii) f’għaxar każijiet il-Kontrollur sabet li l-allegazzjonijiet kienu manifestament bla bażi, jew minħabba li ma kinux sostanzjati (16) jew minħabba li kienu infondati (17); (iii) f’għaxar każijiet l-ilmenti għamlu allegazzjonijiet ripetittivi (ara s-subtaqsima 4.1.4 tar-Rapport tal-Attività); (iv) f’disa’ każijiet, l-ilmentaturi naqsu milli jirispettaw it-termini stabbiliti fl-Artikolu 9b(2); u (v) f’każ wieħed l-ilment ġie ppreżentat minn xi ħadd li ma kienx persuna kkonċernata (Illustrazzjoni 8).

Illustrazzjoni 7

Ammissibbiltà tal-ilmenti li waslu fl-2025

Image 7

Illustrazzjoni 8

Raġunijiet għall-inammissibbiltà tal-ilmenti li waslu fl-2025 (inklużi lmenti parzjalment ammissibbli)

Image 8

4.1.1.   Il-perjodu ta’ preskrizzjoni ta’ xahar għat-tressiq ta’ lment

Fl-2025 ukoll, l-ammissibbiltà tibqa’ “gwardjan” importanti fil-mekkaniżmu tal-ilmenti tal-Kontrollur. Fil-każijiet kollha fejn l-ilmenti jew l-allegazzjonijiet instabu li kienu inammissibbli, il-Kontrollur spjegat fid-dettall il-bażi legali u r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha lill-ilmentatur. Kif indikat aktar ’il fuq, l-Artikolu 9b(2) tar-Regolament dwar l-OLAF jistabbilixxi perjodu ta’ preskrizzjoni doppju għat-tressiq ta’ lmenti lill-Kontrollur. Skont dik id-dispożizzjoni, l-ilmenti jridu jiġu ppreżentati jew: (i) fi żmien xahar minn meta l-ilmentatur isir konxju mill-fatti li jikkostitwixxu l-ksur allegat; jew (ii) fi żmien xahar mill-għeluq tal-investigazzjoni, jekk l-investigazzjoni tkun ingħalqet. Għall-investigazzjonijiet magħluqa, ir-Regolament dwar l-OLAF jistabbilixxi kundizzjoni ta’ ammissibbiltà addizzjonali u aktar stretta: l-ilment irid jitressaq mhux aktar minn xahar wara l-għeluq tal-investigazzjoni, irrispettivament mill-mument li l-ilmentatur isir konxju mill-fatti rilevanti (l-Artikolu 9b(2) tar-Regolament dwar l-OLAF).

Il-Kontrollur tirrikonoxxi li din il-kundizzjoni bla dubju restrittiva applikabbli għal investigazzjonijiet magħluqa hija mfassla biex tippreserva l-effettività kemm ta’ kwalunkwe proċedura ta’ segwitu fil-livell nazzjonali jew tal-UE kif ukoll tal-proposti tagħha stess għal soluzzjonijiet u għal rakkomandazzjonijiet fil-każ speċifiku. Tabilħaqq, il-kontribut tal-Kontrollur ftit li xejn ikun ta’ użu f’każijiet magħluqa, fejn jista’ jkun hemm proċeduri ta’ segwitu għaddejjin quddiem l-awtoritajiet nazzjonali jew tal-UE rilevanti. F’każijiet rari bħal dawn, il-Kontrollur tqis li l-uniku mod kif il-persuni kkonċernati jistgħu jressqu l-ilmenti tagħhom quddiem dawk l-awtoritajiet huwa billi jużaw ir-rimedji ġudizzjarji jew amministrattivi disponibbli.

Minkejja l-ġustifikazzjoni funzjonali tiegħu, f’ċerti każijiet il-perjodu ta’ preskrizzjoni assolut ta’ xahar applikabbli għal investigazzjonijiet magħluqa jista’ jwassal għal tħassib dwar iċ-ċertezza legali u l-ġustizzja (18). Dan huwa partikolarment problematiku minħabba li bħalissa r-Regolament dwar l-OLAF ma jirrikjedix li l-OLAF jinforma lill-persuni kkonċernati bid-data eżatta li fiha tingħalaq investigazzjoni li tinvolvi sejbiet kontrihom. B’riżultat ta’ dan, il-perjodu ta’ preskrizzjoni ta’ xahar jista’ jibda jiddekorri mingħajr ma tkun taf il-persuna kkonċernata, li fil-prattika jista’ jċaħħadha minn aċċess effettiv għall-mekkaniżmu tal-ilmenti.

F’wieħed mill-ilmenti mressqa fl-2025, il-Kontrollur kienet tinsab eżattament f’din is-sitwazzjoni u kellha ssib bilanċ bejn l-applikazzjoni stretta tar-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 9b(2) tar-Regolament dwar l-OLAF (li kien jirriżulta li l-ilment jiġi ddikjarat inammissibbli peress li kien preskritt) u l-prinċipji ġenerali ta’ ġustizzja u amministrazzjoni tajba minquxa fl-Artikolu 41 tal-Karta.

F’dak il-każ, l-OLAF kien informa lill-ilmentatur dwar il-possibbiltà li jressaq ilment mal-Kontrollur biss wara li jkun diġà għadda l-perjodu ta’ xahar biex jagħmel dan. Għalhekk, il-Kontrollur ikkunsidrat li, minħabba ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali tal-każ, l-applikazzjoni awtomatika tal-Artikolu 9b(2), l-aħħar inċiż, tar-Regolament dwar l-OLAF timmina l-prinċipji tal-ġustizzja u tal-amministrazzjoni tajba, kif garantit mill-Artikolu 41 tal-Karta. Il-Kontrollur ikkonkludiet li, meta l-OLAF informa lill-ilmentatur dwar il-possibbiltà li jressaq ilment mal-Kontrollur, kellu l-intenzjoni li dik in-notifika sservi bħala l-bidu tal-perjodu ta’ preskrizzjoni. Din kienet l-unika interpretazzjoni li ma kinitx tirrendi l-Artikolu 9b(2) tar-Regolament dwar l-OLAF ineffettiv, filwaqt li tiżgura li fil-prattika l-ilmentatur ma jiġix imċaħħad mill-aċċess għall-mekkaniżmu tal-ilmenti. Konsegwentement, l-ilment tqies li huwa ammissibbli.

Fid-dawl ta’ dan, il-Kontrollur identifikat it-terminu strett għall-preżentazzjoni tal-ilmenti, speċjalment iżda mhux esklużivament fil-każ ta’ investigazzjonijiet magħluqa, bħala kwistjoni li jistħoqqilha kunsiderazzjoni bir-reqqa fil-kuntest tal-evalwazzjoni u tar-reviżjoni sussegwenti tar-Regolament dwar l-OLAF  (19).

4.1.2.   Ilmenti li jaqgħu barra mill-mandat tal-Kontrollur

Ix-xogħol ta’ kuljum tal-OLAF jinvolvi l-ipproċessar ta’ ammonti kbar ta’ data personali, inkluża data sensittiva. L-OLAF jista’ jwettaq ukoll attivitajiet investigattivi, bħal operazzjonijiet forensiċi diġitali, li jistgħu jitqiesu bħala intrużivi minn perspettiva ta’ protezzjoni tad-data personali. Għalhekk, ma huwiex sorprendenti li matul l-2025 għadd kbir ta’ ilmentaturi għamlu allegazzjonijiet relatati mad-dritt tagħhom għall-protezzjoni ta’ data personali tagħhom, kif iggarantit mill-Artikolu 8 tal-Karta u r-Regolament (UE) 2018/1725 (ir-“Regolament tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Data”) (20).

Kif indikat preċedentement il-Kontrollur (21), għalkemm il-mandat tagħha jinkludi l-verifika tal-konformità tal-OLAF mad-drittijiet fundamentali, l-UE għandha awtorità superviżorja indipendenti – il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (“KEPD”) – li għandu għadd ta’ responsabbiltajiet li jikkonċernaw id-drittijiet għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-data. L-Artikolu 52 tar-Regolament tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Data jipprevedi li l-KEPD huwa responsabbli għall-monitoraġġ u għall-iżgurar tal-applikazzjoni tar-Regolament u ta’ kwalunkwe att ieħor tal-Unjoni relatat mal-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali minn istituzzjoni jew minn korp tal-UE. Peress li l-UE ħolqot korp speċjalizzat biex jiggarantixxi d-dritt fundamentali għall-protezzjoni ta’ data personali, huwa f’idejn dan il-korp (il-KEPD) aktar milli l-Kontrollur li jittratta l-ilmenti dwar il-ksur allegat tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data. Skont dawn ir-regoli, kwalunkwe persuna tista’ tressaq lment mal-KEPD fi żmien sentejn minn meta ssir taf bil-fatti li fuqhom ikun ibbażat l-ilment. Fl-interess tat-trasparenza, il-Kontrollur inkludiet dispożizzjoni korrispondenti fid-Dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni biex tirrifletti din id-diviżjoni tal-kompetenzi (22).

Filwaqt li l-Kontrollur mhux se tittratta allegazzjonijiet li jinvolvu purament l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tar-Regolament tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Data, hija se tikkunsidra aspetti relatati mal-privatezza u l-protezzjoni tad-data meta tivvaluta l-konformità ġenerali tal-OLAF mal-garanziji proċedurali.

4.1.3.   Każijiet pendenti fi proċedimenti legali

Matul is-sena ta’ rapportar, il-Kontrollur ittrattat ilment li qajjem fatti li kienu pendenti fi proċedimenti legali quddiem il-Qorti Ġenerali. L-Artikolu 6 tad-Dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni jirrikjedi li l-Kontrollur tagħlaq każ meta ssir konxja li l-fatti li jkunu tressqu fl-ilment huma, jew kienu, is-suġġett ta’ proċedimenti legali. Għaldaqstant, bħal fl-2023 (23), il-Kontrollur temmet l-eżami tal-ilment fir-rigward tal-allegazzjonijiet li kienu pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali u ammettiet l-allegazzjonijiet li kien fadal.

Dan il-każ enfasizza diskrepanza leġiżlattiva fir-Regolament dwar l-OLAF, li ma fih l-ebda dispożizzjoni espliċita li tindirizza l-interazzjoni bejn il-mekkaniżmu tal-ilmenti u l-proċedimenti ġudizzjarji quddiem il-qrati nazzjonali jew tal-UE. Dan in-nuqqas joħloq inċertezza kemm għall-ilmentaturi kif ukoll għall-amministrazzjoni dwar kif l-ilmenti għandhom jiġu ttrattati meta l-kwistjonijiet sottostanti jkunu diġà soġġetti għal proċedimenti ġudizzjarji. Peress li l-mekkaniżmu tal-ilmenti huwa maħsub biex jikkomplementa l-azzjonijiet imressqa quddiem awtoritajiet ġudizzjarji bħall-Qorti Ġenerali jew il-QĠUE, minflok ma jimxi b’mod parallel magħhom, in-nuqqas ta’ dispożizzjoni espliċita fir-Regolament dwar l-OLAF ifisser li l-istess kwistjoni tista’ tiġi eżaminata fl-istess ħin mill-Kontrollur u minn awtorità ġudizzjarja. Din id-duplikazzjoni tista’ tirriżulta f’valutazzjonijiet fattwali inkonsistenti.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kontrollur talbet lill-koleġiżlaturi tal-UE biex jemendaw l-Artikolu 9b tar-Regolament dwar l-OLAF biex jinkludi obbligu ċar għall-Kontrollur biex jagħlaq każ meta l-kwistjoni sottostanti tkun pendenti quddiem il-Qrati nazzjonali jew tal-UE (24).

4.1.4.   Waqfien tal-korrispondenza dwar l-ilmenti ripetittivi

Matul is-sena ta’ rapportar, il-Kontrollur ma sabet l-ebda lment li kien fih lingwa abbużiva. Madankollu, hija kienet iffaċċjata b’sitwazzjonijiet li fihom l-ilmentaturi ripetutament ippreżentaw ilmenti li qajmu l-istess allegazzjonijiet, minkejja li l-kwistjonijiet kienu diġà ġew indirizzati permezz ta’ deċiżjoni motivata li ddikjarat l-ilment bħala inammissibbli jew deċiżjoni finali dwar il-merti. Il-Kontrollur ittrattat ukoll każijiet li fihom l-ilmentaturi ppreżentaw għadd kbir ta’ lmenti dwar kwistjonijiet ta’ rilevanza marġinali jew tal-ebda rilevanza għall-investigazzjonijiet tal-OLAF. Tali xejriet ta’ mġiba jirriskjaw li jiddevjaw il-mekkaniżmu tal-ilmenti mill-iskop primarju tiegħu, jiġifieri s-salvagwardja effettiva tad-drittijiet fundamentali u tal-garanziji proċedurali għall-persuni kkonċernati mill-investigazzjonijiet tal-OLAF. Tali prattiki jistgħu wkoll iqiegħdu piż amministrattiv sproporzjonat kemm fuq il-Kontrollur kif ukoll fuq is-Segretarjat, li jirrikjedi l-allokazzjoni ta’ żmien u ta’ riżorsi għal kwistjonijiet li ma jikkontribwixxux b’mod sostantiv għall-protezzjoni tad-drittijiet li l-mekkaniżmu huwa mfassal biex iħares. Għalhekk, l-iżgurar li l-proċedura tal-ilmenti tibqa’ ffukata fuq ilmenti sostanzjati u rilevanti huwa essenzjali biex jiġu ppreservati l-effettività u l-kredibbiltà tagħha.

Il-Kontrollur tinnota li r-Regolament dwar l-OLAF ma fihx b’mod espliċitu dispożizzjoni li tippermettilha tiddikjara l-ilmenti bħala abbużivi u/jew ripetittivi. Sabiex tindirizza din id-diskrepanza, il-Kontrollur stabbiliet proċedura interna fl-Artikolu 5(4) tad-Dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni u żviluppat prattika amministrattiva mmirata lejn il-mitigazzjoni tal-użu ħażin potenzjali tal-mekkaniżmu tal-ilmenti. Din il-prattika tinvolvi r-reġistrazzjoni tal-ilment bħala lment ġdid u l-ħruġ ta’ deċiżjoni formali ta’ inammissibbiltà bl-ewwel twissija lill-ilmentatur, li tindika li kwalunkwe komunikazzjoni jew ilment ulterjuri dwar il-kwistjoni se jitqiesu ripetittivi u mhux se jibqgħu jiġu vvalutati. Fl-istess deċiżjoni, l-ilmentatur huwa infurmat ukoll li l-korrispondenza dwar il-kwistjoni se titwaqqaf, f’konformità mal-Kodiċi tal-Kummissjoni ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba (25). Kwalunkwe preżentazzjoni jew ilment addizzjonali li l-ilmentatur jippersisti biex jagħmel dwar l-istess kwistjoni se jiġi ttrattat bħala abbużiv.

Fl-2025, kien hemm erba’ każijiet fejn l-ilmentaturi qajmu allegazzjonijiet dwar kwistjonijiet li kienu diġà ġew indirizzati mill-Kontrollur permezz ta’ deċiżjoni motivata ta’ inammissibbiltà jew deċiżjoni finali dwar il-merti. B’riżultat ta’ dan, wara l-prattika amministrattiva deskritta hawn fuq, il-Kontrollur ħadet id-deċiżjoni li twaqqaf il-komunikazzjonijiet dwar dawk il-kwistjonijiet.

4.2   Proċedura kontradittorja

Wara li temmet il-valutazzjoni preliminari tagħha tal-ilmenti, il-Kontrollur stiednet lill-OLAF jipprovdi l-fehmiet tiegħu dwar is-seba’ ilmenti li ġew iddikjarati ammissibbli jew parzjalment ammissibbli. Imbagħad, il-Kontrollur bagħtet it-tweġibiet tal-OLAF lill-ilmentaturi u stednithom jikkummentaw dwar il-fehmiet tal-OLAF.

Bħala kwistjoni ta’ prinċipju, il-Kontrollur tipprova tagħti l-akbar effett possibbli lill-prinċipju ta’ proċedimenti kontradittorji. Għalhekk, iż-żewġ partijiet ingħataw l-opportunità li jippreżentaw il-każ tagħhom u d-dokumenti ta’ sostenn. Fil-prinċipju, huma ġew infurmati wkoll dwar il-preżentazzjonijiet ta’ xulxin u setgħu jikkummentaw dwarhom. Minkejja dan, f’każijiet debitament ġustifikati, il-Kontrollur iddeċidiet li tidderoga minn dan il-prinċipju u tippermetti t-trattament kunfidenzjali tal-informazzjoni ppreżentata mill-OLAF f’konformità mal-Artikolu 7(2) tad-Dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni. B’mod partikolari, il-Kontrollur applikat din il-klawżola biex tipproteġi l-kunfidenzjalità u l-effiċjenza tal-investigazzjonijiet rilevanti meta t-tweġibiet tal-OLAF kienu jiżvelaw il-metodi ta’ ħidma tiegħu, iżommuh milli jiġbor l-evidenza neċessarja jew saħansitra jipperikolaw l-istrateġija investigattiva ġenerali. F’dawn il-każijiet, il-Kontrollur qablet mal-OLAF li dan jipprovdi: (i) verżjoni mhux kunfidenzjali tat-tweġibiet tiegħu biex tintbagħat lill-ilmentatur, sabiex dan ikun jista’ jifhem ir-raġunijiet li fuqhom kienet ibbażata l-imġiba tal-OLAF u b’hekk ikun f’pożizzjoni li jikkontesta t-tweġiba tal-OLAF u jipprovdi kontroargumenti; u (ii) verżjoni kunfidenzjali u aktar dettaljata biex jiġu spjegati aktar ir-raġunijiet imressqa mill-OLAF fil-verżjoni mhux kunfidenzjali. Din is-soluzzjoni bilanċjata ppermettiet lill-Kontrollur twettaq valutazzjoni bir-reqqa tal-każijiet rilevanti kollha filwaqt li tikkonforma mal-obbligu tagħha li tiżgura l-kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet tal-OLAF. Din il-prattika issa ġiet formalizzata fl-Artikolu 10 tal-Arranġamenti ta’ Ħidma (26).

Għalhekk, għalkemm l-ilmentaturi ma humiex intitolati li jirċievu kull biċċa informazzjoni, huma jistgħu jserrħu rashom li l-Kontrollur se twettaq eżami indipendenti u bir-reqqa tal-każ.

4.3   Stedina biex jiġi solvut l-ilment

F’wieħed mill-każijiet ammissibbli deċiżi fl-2025, il-Kontrollur stieden lill-OLAF jieħu azzjoni biex isolvi l-ilment skont l-Artikolu 9b(3) tar-Regolament dwar l-OLAF. F’dak il-każ, l-ilmentatur kien qajjem tħassib dwar il-ġustizzja u l-imparzjalità tal-OLAF fit-twettiq tal-investigazzjoni, b’mod partikolari matul attività speċifika ta’ ġbir ta’ evidenza fl-uffiċċju tal-ilmentatur (27). Abbażi tal-eżami tal-fajl tal-każ, li għalih il-Kontrollur kellha aċċess speċjali (28), u l-preżentazzjonijiet tal-partijiet, il-Kontrollur sabet ksur ta’ dawn id-drittijiet: (i) id-dritt għall-ħajja privata u tal-familja skont l-Artikolu 7 tal-Karta; u (ii) id-dritt għal amministrazzjoni tajba skont l-Artikolu 41 tal-Karta, b’rabta mad-dritt li l-ilmentatur jiġi ttrattat b’ġustizzja, dinjità u poliitess matul il-proċess investigattiv.

Għalhekk, il-Kontrollur ipproponiet li l-OLAF jieħu azzjoni speċifika biex isolvi l-ilment. B’mod partikolari, il-Kontrollur stiednet lill-OLAF, fost affarijiet oħra, biex jeskludi lill-membri tal-persunal tal-OLAF li kienu aġixxew bi ksur tad-drittijiet tal-ilmentatur minn kwalunkwe involviment ulterjuri fl-investigazzjoni tal-OLAF. Il-Kontrollur stiednet ukoll lill-OLAF jibgħat lill-ilmentatur ittra formali li tirrikonoxxi l-ksur li kienet identifikat matul l-investigazzjoni u li tagħti dettalji dwar il-miżuri meħuda biex jiġu indirizzati dawk in-nuqqasijiet. Il-proposti kollha għal soluzzjoni ġew implimentati bis-sħiħ mill-OLAF, għas-sodisfazzjon tal-Kontrollur, li mbagħad għalqet il-każ mingħajr ma għamlet rakkomandazzjoni.

4.4   Deċiżjonijiet tal-għeluq

Sa tmiem l-2025, il-Kontrollur kienet ħadet deċiżjoni tal-għeluq dwar total ta’ sitt ilmenti: Ilment wieħed mill-2024 u ħames ilmenti (ammissibbli u parzjalment ammissibbli) imressqa fl-2025 (29).

Il-Kontrollur ivvalutat diversi allegazzjonijiet u żviluppat ulterjorment il-qafas kunċettwali għall-valutazzjoni tal-ilmenti. Barra minn hekk, kważi 4 snin ta’ attività juru l-importanza tal-valutazzjoni tal-Kontrollur: deċiżjoni tal-għeluq ma sservix biss biex tistieden lill-OLAF jagħmel tajjeb għan-nuqqasijiet f’investigazzjoni jekk jinstab ksur. Issaħħaħ ukoll il-leġittimità tal-investigazzjonijiet tal-OLAF u sservi bħala opportunità importanti ta’ apprendiment għall-ilmentaturi fejn il-Kontrollur ma ssib l-ebda ksur wara proċedura kontradittorja u valutazzjoni legali bir-reqqa.

Il-Kontrollur ma sabet l-ebda ksur tal-garanziji proċedurali u tad-drittijiet tal-ilmentaturi f’ħames ilmenti. Fl-ilment li kien fadal, il-Kontrollur għalqet il-każ wara tweġiba pożittiva mill-OLAF għall-istedina tagħha biex isolvi l-ilment f’konformità mal-Artikolu 9b(3) tar-Regolament dwar l-OLAF (jiġifieri proposta għal soluzzjoni). Għalkemm fil-ħames każijiet l-oħra ma nstab l-ebda ksur fiċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ, il-Kontrollur identifikat prattiki li madankollu jistgħu jwasslu għal tħassib jekk jiġu rripetuti f’kuntesti oħra. F’każijiet bħal dawn, il-Kontrollur ġibdet l-attenzjoni tal-OLAF għal dawn l-aspetti permezz ta’ obiter dicta (kummenti inċidentali) fid-deċiżjoni tal-għeluq.

F’dawn l-obiter dicta, il-Kontrollur stiednet lill-OLAF biex iqis il-kunsiderazzjonijiet rilevanti fit-twettiq tal-investigazzjonijiet futuri tiegħu u, fejn xieraq, biex jirrifletti dwar aġġustamenti possibbli għall-prattiki tiegħu. Dan l-approċċ jippermetti lill-Kontrollur mhux biss tivvaluta l-konformità f’każijiet individwali, iżda wkoll tikkontribwixxi għat-titjib kontinwu tal-prattiki investigattivi tal-OLAF, bl-għan li jiġi evitat ksur potenzjali tal-garanziji proċedurali għall-persuni kkonċernati f’sitwazzjonijiet simili fil-futur. Kif spjegat f’aktar dettall fit-Taqsima 8 ta’ dan ir-Rapport tal-Attività, ir-raġunament legali żviluppat f’diversi deċiżjonijiet, inkluż obiter dicta, informa direttament emendi tal-Istruzzjonijiet mill-OLAF lill-Persunal dwar Proċeduri Investigattivi (“il-GIPs”), u b’hekk estenda l-impatt ta’ każijiet individwali lil hinn mill-kuntest fattwali immedjat tagħhom.

Il-Kontrollur kellha wkoll l-opportunità li tiġbed l-attenzjoni tal-OLAF għall-importanza li tinżamm komunikazzjoni ċara mal-ilmentaturi u li tintuża b’mod konsistenti t-terminoloġija li tinsab fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali tar-Regolament dwar l-OLAF meta jikkomunika b’lingwi oħra minbarra l-Ingliż.

Barra minn hekk, kif spjegat aktar ’il quddiem, il-Kontrollur setgħet tikkontribwixxi biex tiċċara l-applikazzjoni tal-garanziji proċedurali u d-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati meta toħroġ evidenza ġdida matul investigazzjoni tal-OLAF dwar imġiba kriminali potenzjali li taqa’ fil-kompetenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (l-“UPPE”). B’mod partikolari, il-Kontrollur eżaminat l-interazzjoni bejn l-opportunità li tikkummenta skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament dwar l-OLAF u l-applikabbiltà tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 12c(7) tar-Regolament dwar l-OLAF f’sitwazzjonijiet fejn l-OLAF jirrapporta mġiba kriminali possibbli lill-UPPE.

5.   Aspetti sostantivi: Ħarsa ġenerali lejn is-sejbiet ewlenin tal-Kontrollur

Fl-2025, il-Kontrollur ittrattat varjetà ta’ argumenti mqajma mill-ilmentaturi dwar il-garanziji proċedurali u r-regoli applikabbli għall-investigazzjonijiet tal-OLAF. Bis-saħħa tal-aċċess speċjali tagħha għall-fajls tal-każijiet tal-investigazzjonijiet rilevanti, il-Kontrollur setgħet tivvaluta kull ilment abbażi tal-provi u tal-informazzjoni kollha disponibbli.

Il-Kontrollur tqis li l-qafas kunċettwali li qed jiġi stabbilit progressivament mad-deċiżjonijiet tal-għeluq tagħha jipprovdi gwida ċara għall-attivitajiet investigattivi tal-OLAF, kemm jekk fil-forma ta’ proposti għal soluzzjonijiet kif ukoll fil-forma ta’ obiter dicta.

F’konformità mal-prinċipju tal-kunfidenzjalità, il-Kontrollur ma tistax tiżvela s-sustanza tal-investigazzjonijiet tal-OLAF. Filwaqt li tirrispetta dak il-prinċipju, fit-taqsima ta’ hawn taħt il-Kontrollur tipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-aktar argumenti konvinċenti mqajma mill-ilmentaturi u l-mod kif indirizzathom.

5.1.   Dritt għad-difiża

Bħal fl-2024, il-ksur tad-dritt għad-difiża f’investigazzjoni tal-OLAF kien l-aktar allegazzjoni frekwenti li l-Kontrollur kellha tivvaluta matul is-sena ta’ rapportar. Il-varjetà ta’ argumenti ta’ sostenn imqajma ppermettiet lill-Kontrollur tivvaluta ħafna mill-isfumaturi ta’ dan id-dritt proċedurali kruċjali.

5.1.1.   Id-dritt li persuna tkun infurmata

F’każ wieħed, ilmentatur argumenta li l-OLAF kiser l-Artikolu 9(3) tar-Regolament dwar l-OLAF billi naqas milli jipprovdih b’informazzjoni dwar l-istadju tal-investigazzjoni. Fil-fehma tal-ilmentatur, il-prinċipji ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba jirrikjedu li kwalunkwe persuna kkonċernata minn investigazzjoni tal-OLAF tiġi pprovduta b’mill-inqas informazzjoni minima dwar il-progress tal-investigazzjoni.

Il-Kontrollur ħadet l-opportunità li tiċċara l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament dwar l-OLAF u d-drittijiet li jagħti lill-persuni kkonċernati. Hija l-ewwel innotat li d-dispożizzjoni tirrikjedi li l-OLAF jinforma lil uffiċjal jew lil impjegat ta’ istituzzjoni tal-UE li jista’ jkun personalment implikat f’irregolarità sakemm dan ma jippreġudikax it-twettiq tal-investigazzjoni. F’dan is-sens, l-Artikolu 9(3) jiddikjara li “hekk kif l-investigazzjoni tikxef li uffiċjal, aġent ieħor, membru ta’ istituzzjoni jew korp, kap ta’ uffiċċju jew aġenzija, jew membru tal-persunal jista’ jkun persuna kkonċernata, dak l-uffiċjal, aġent ieħor, membru ta’ istituzzjoni jew korp, kap ta’ uffiċċju jew aġenzija, jew membru tal-persunal għandu jiġi infurmat dwar dan”. Bl-istess mod, l-Artikolu 28(1) tal-GIPs jirrikjedi li l-OLAF “jinforma lill-membri, lill-uffiċjali jew lil aġenti oħra tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-uffiċċji u tal-aġenziji tal-UE malli jiġu identifikati bħala persuna kkonċernata” (30).

Il-Kontrollur innotat ukoll li d-dritt ta’ individwu li jiġi infurmat dwar l-istatus tiegħu bħala persuna kkonċernata huwa espliċitament rikonoxxut biss fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet interni. B’kuntrast ma’ dan, ir-Regolament dwar l-OLAF ma jagħtix b’mod espliċitu d-dritt li persuna tiġi infurmata lill-persuni kkonċernati f’investigazzjonijiet esterni, u jiddefinixxi inqas biċ-ċar iż-żmien u l-mod preċiżi tan-notifika.

Il-Kontrollur indikat li f’LA International Cooperation Srl vs Il-Kummissjoni (31), il-Qorti Ġenerali kkonfermat il-ġurisprudenza preċedenti tagħha f’Oikonomopoulos vs Il-Kummissjoni (32), fejn iddikjarat li l-obbligu li persuna kkonċernata tiġi infurmata fil-kuntest ta’ investigazzjoni tal-OLAF, stabbilit fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament dwar l-OLAF, japplika wkoll għal investigazzjonijiet esterni. Skont dik il-ġurisprudenza, meta jsir evidenti matul investigazzjoni esterna li individwu jew entità legali tista’ tkun ikkonċernata minnha, dak l-individwu jew dik l-entità għandha tiġi informata bl-istatus tagħha bħala persuna kkonċernata, dment li dik in-notifika ma tippreġudikax it-twettiq tal-investigazzjoni jew kwalunkwe proċediment investigattiv li jaqa’ fil-kompetenza ta’ awtorità ġudizzjarja nazzjonali.

F’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, il-Kontrollur argumentat li r-Regolament dwar l-OLAF għandu jirrikonoxxi b’mod espliċitu d-dritt tal-persuni kkonċernati f’investigazzjonijiet esterni li jiġu informati dwar l-istatus tagħhom bħala persuna kkonċernata mill-aktar fis possibbli. Għaldaqstant, fl-Opinjoni tagħha dwar l-evalwazzjoni tal-applikazzjoni u l-impatt tar-Regolament dwar l-OLAF, il-Kontrollur ipproponiet li l-Artikolu 9(3) jiġi emendat f’konformità mal-ġurisprudenza eżistenti tal-Qrati tal-UE (33).

Madankollu, fil-każ partikolari analizzat mill-Kontrollur, l-ilmentatur ma ffukax fuq jekk kienx infurmat dwar l-istatus tiegħu bħala persuna kkonċernata. Għall-kuntrarju, id-dikjarazzjonijiet tal-ilmentatur kienu jikkonċernaw id-dritt allegat tiegħu li jiġi infurmat dwar il-progress tal-investigazzjoni. F’dan il-kuntest, il-Kontrollur indikat li r-Regolament dwar l-OLAF ma jagħtix dritt li persuna tiġi infurmata dwar l-istadju preċiż jew il-progress ta’ investigazzjoni li tkun għaddejja, jew dwar l-attivitajiet investigattivi mwettqa mill-OLAF. B’riżultat ta’ dan, il-Kontrollur sabet li d-dikjarazzjoni tal-ilmentatur ma kinitx issostanzjata.

5.1.2.   Id-dritt li persuna tingħata għajnuna minn persuna tal-għażla tagħha

F’żewġ ilmenti, il-Kontrollur indirizzat il-kwistjoni tad-dritt tal-persuna kkonċernata li tingħata għajnuna minn persuna tal-għażla tagħha u d-dritt li tiġi evitata l-awtoinkriminazzjoni fil-kuntest tal-investigazzjonijiet interni. Fiż-żewġ każijiet, l-ilmentaturi ddikjaraw li l-OLAF kien naqas milli jipprovdilhom spjegazzjonijiet suffiċjenti tad-drittijiet għad-difiża tagħhom, u b’mod partikolari tad-dritt tagħhom li jingħataw għajnuna minn avukat u d-dritt tagħhom li jevitaw l-awtoinkriminazzjoni fil-bidu tal-ispezzjoni tal-bini fi ħdan istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija (IBOA). Fiż-żewġ każijiet, il-Kontrollur irrikonoxxiet li, f’investigazzjonijiet interni, l-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament dwar l-OLAF ma jagħmilx referenza espliċita għad-dritt tal-persuna kkonċernata li tingħata għajnuna minn avukat matul spezzjoni. Lanqas ma jirreferi għad-dritt tal-persuna kkonċernata li tiġi infurmata meta titwettaq spezzjoni mill-OLAF uffiċċju tagħha. Fil-fatt, l-Artikolu 4(2)(a) jagħti lill-OLAF id-dritt ta’ “aċċess immedjat u mingħajr avviż għal kwalunkwe informazzjoni u data rilevanti, relatati mal-kwistjoni li tkun qed tiġi investigata […] miżmuma mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji, u għall-bini tagħhom”. L-Artikolu 47(1) tal-GIPs (34) jispeċifika wkoll li l-OLAF jista’ jwettaq spezzjonijiet fil-bini “fi kwalunkwe ħin matul investigazzjoni”.

Mill-qafas legali applikabbli jirriżulta li l-preżenza tal-persuna kkonċernata, jew tal-avukat tagħha, ma hijiex prerekwiżit għal-legalità ta’ spezzjoni tal-bini mwettqa mill-OLAF. Jekk ikun neċessarju, l-OLAF jista’ jwettaq spezzjoni anke fl-assenza tal-persuna kkonċernata, dment li jkun preżenti membru tal-persunal ieħor jew gwardja tas-sigurtà tal-IBOA tal-UE kkonċernati. Għalhekk, l-OLAF ma għandux obbligu ċar, skont ir-Regolament dwar l-OLAF, li jinforma lill-persuni kkonċernati fl-investigazzjonijiet interni dwar il-possibbiltà li jingħataw għajnuna minn avukat matul spezzjoni tal-uffiċċju tagħhom.

Fil-każijiet speċifiċi inkwistjoni, il-Kontrollur ikkonkludiet li l-OLAF ma kisirx id-drittijiet għad-difiża tal-ilmentaturi u aġixxa f’konformità mal-qafas legali applikabbli. Barra minn hekk, mill-fajl tal-każ u mill-preżentazzjonijiet tal-partijiet fiż-żewġ każijiet irriżulta li, fil-prattika, l-ilmentaturi setgħu u kienu effettivament jeżerċitaw id-drittijiet għad-difiża tagħhom.

Madankollu, il-Kontrollur kellha l-fehma li, filwaqt li r-Regolament dwar l-OLAF ma jipprevedix dritt formali għall-għajnuna legali fil-kuntest ta’ spezzjoni mill-OLAF ta’ bini fl-IBOAs, lanqas ma jipprojbixxi lill-persuni kkonċernati milli jingħataw għajnuna minn avukat. Fiż-żewġ każijiet, il-Kontrollur sostniet li l-OLAF ma jistax jipprevjeni lil persuna kkonċernata milli tfittex jew tirċievi għajnuna legali, u għalhekk l-individwu jżomm il-possibbiltà li jikkonsulta avukat fi kwalunkwe ħin matul dawn l-ispezzjonijiet. Madankollu, din il-possibbiltà ma għandhiex tkun ostaklu għat-twettiq ta’ spezzjoni tal-OLAF (35).

Barra minn hekk, il-Kontrollur enfasizzat li, filwaqt li l-qafas legali applikabbli ma jippreskrivix il-mod speċifiku li bih l-OLAF irid jikkomunika dawn id-drittijiet, hija qieset li, minħabba l-importanza fundamentali tagħhom, l-informazzjoni dwar id-drittijiet fundamentali u l-garanziji proċedurali mogħtija lill-persuni kkonċernati għandha tiġi kkomunikata bil-miktub, bħala kwistjoni ta’ prattika amministrattiva tajba. Barra minn hekk, anke fin-nuqqas ta’ rekwiżit formali fir-Regolament dwar l-OLAF, il-Kontrollur ħeġġet lill-OLAF jadotta l-prattika li jinforma b’mod ċar lill-persuni kkonċernati matul l-ispezzjonijiet li huma jibqgħu liberi li jfittxu parir legali jekk ikunu jixtiequ jagħmlu dan  (36).

5.1.3.   Opportunità li persuna tikkummenta dwar il-fatti stabbiliti mill-OLAF

Skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament dwar l-OLAF, ladarba titlesta l-investigazzjoni u qabel ma jitfasslu konklużjonijiet li jirreferu għal persuna kkonċernata b’isimha, l-OLAF għandu jagħti lil dik il-persuna l-opportunità li tikkummenta dwar il-fatti li jikkonċernawha. L-Artikolu 9(4) jispeċifika wkoll kif għandha tingħata din l-opportunità, jiġifieri, billi tingħata ġabra fil-qosor tal-fatti.

L-opportunità li persuna tikkummenta dwar il-ġabra fil-qosor tal-fatti tal-OLAF hija l-espressjoni tad-dritt li wieħed jinstema’ fil-kuntest tal-investigazzjonijiet tal-OLAF u garanzija proċedurali essenzjali għall-persuni kkonċernati. Skont il-ġurisprudenza tal-Qrati tal-UE, id-dritt li wieħed jinstema’ jifforma parti mid-drittijiet għad-difiża, u r-rispett għal dawk id-drittijiet huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-UE (37). Il-Qrati tal-UE jispeċifikaw li d-dritt li wieħed jinstema’ jagħti lill-persuna l-opportunità li tesprimi l-fehmiet tagħha b’mod effettiv waqt proċedura amministrattiva u qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni li tista’ taffettwa ħażin l-interessi tagħha (38).

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta (39) li l-objettiv primarju tad-dikjarazzjoni tal-fatti huwa li jiġi żgurat li l-persuna kkonċernata tkun konxja tal-fatti u tal-evidenza li l-OLAF ikun ġabar matul l-investigazzjoni. Dan jippermetti lill-individwu jifhem il-każ kontrih u jeżerċita d-dritt tiegħu li jiddefendi lilu nnifsu billi jipprovdi kummenti, spjegazzjonijiet jew informazzjoni addizzjonali. Billi jagħti lill-persuna l-opportunità li tikkummenta, l-OLAF jiżgura l-ġustizzja u jirrispetta l-prinċipju ta’ proċess ġust. Dan jipprevjeni deċiżjonijiet ibbażati fuq informazzjoni mhux kompluta jew unilaterali, u joffri lill-persuna l-opportunità li tikkontesta kwalunkwe fatt potenzjalment mhux korrett jew mhux komplut ippreżentat mill-OLAF. Fl-aħħar nett, l-opportunità li l-persuna tikkummenta tista’ tgħin ukoll biex tittejjeb il-kwalità ġenerali tal-investigazzjoni. Il-persuna kkonċernata tista’ tipprovdi informazzjoni li l-OLAF seta’ ma kkunsidrax li jista’ potenzjalment ikollha impatt fuq l-eżitu tal-investigazzjoni. Il-Kontrollur tqis li l-abbozzar tad-dikjarazzjoni tal-fatti u l-għoti lill-individwi tal-opportunità li jikkummentaw dwar dawk il-fatti huma salvagwardja proċedurali ewlenija biex jiġu żgurati l-imparzjalità u l-ġustizzja fl-investigazzjoni. Għall-Kontrollur, huwa ta’ importanza kbira li d-dikjarazzjoni tal-fatti pprovduta mill-OLAF lill-persuni kkonċernati tinkludi sejbiet ċari, oġġettivi u bbażati fuq il-fatti, mingħajr ma jitfasslu konklużjonijiet jew issir valutazzjoni legali ta’ dawk il-fatti. Dan jiżgura l-ġustizzja tal-proċess, jipproteġi kontra kwalunkwe preġudizzju fil-fażi investigattiva u jirrispetta d-drittijiet tal-individwi involuti.

F’każ wieħed, l-ilmentatur argumenta li kienu nkisru l-Artikolu 9(4) tar-Regolament dwar l-OLAF u d-dritt tiegħu li jkollu investigazzjoni ġusta, imparzjali u oġġettiva. Fil-fehma tal-ilmentatur, id-dikjarazzjoni tal-fatti li rċieva kienet tinkludi mhux biss il-fatti stabbiliti mill-OLAF matul l-investigazzjoni, iżda wkoll il-konklużjonijiet u l-interpretazzjonijiet suġġettivi tal-OLAF, li kienu jirriflettu ġudizzju suġġettiv u ħolqu ambigwità fid-dokument.

F’termini ġenerali, il-Kontrollur fakkret lill-OLAF li għandu joqgħod attent biex, meta jabbozza d-dikjarazzjoni tal-fatti, jevita l-użu ta’ kwalunkwe formulazzjoni li tista’ tiġi perċepita mill-ilmentatur bħala valutazzjoni kwalitattiva jew tagħti l-impressjoni ta’ din. Madankollu, fil-każ speċifiku, il-Kontrollur ikkunsidrat li l-formulazzjoni użata mill-OLAF fid-dikjarazzjoni tal-fatti indirizzata lill-ilmentatur ma kinitx tikser id-drittijiet tal-ilmentatur.

Il-Kontrollur sabet li l-ġabra fil-qosor tal-fatti kienet dettaljata biżżejjed biex l-ilmentatur jifhem in-natura u l-ambitu tal-każ kontrih u b’hekk jeżerċita b’mod sinifikanti d-dritt tiegħu li jinstema’. Barra minn hekk, fid-dikjarazzjoni tal-fatti, il-Kontrollur ma sabet l-ebda valutazzjoni jew dikjarazzjoni konklużiva li tista’ titqies bħala ambigwa jew li tista’ tiġi interpretata bħala valutazzjoni suġġettiva mill-OLAF li tista’ tipperikola l-oġġettività, l-imparzjalità u l-ġustizzja tal-investigazzjoni. Il-Kontrollur ikkonfermat li t-termini użati mill-OLAF fid-dikjarazzjoni tal-fatti jirreferu għal elementi fattwali u kuntestwali konkreti. Barra minn hekk, fit-taqsimiet rilevanti kollha, l-OLAF ipprovda spjegazzjonijiet addizzjonali u kuntest fattwali li ppermettew lill-persuna kkonċernata tifhem bis-sħiħ il-fatti kif stabbiliti mill-OLAF.

F’każ ieħor, il-Kontrollur kellha l-opportunità li tivvaluta l-interazzjoni bejn l-opportunità ta’ kkummentar skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament dwar l-OLAF u l-applikabbiltà tal-Artikolu 12c(7) tar-Regolament dwar l-OLAF f’każijiet fejn l-OLAF jirrapporta lill-UPPE.

F’dan il-każ, l-ilmentatur argumenta li l-OLAF kien kiser id-drittijiet tiegħu skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament dwar l-OLAF peress li ma tahx l-opportunità li jikkummenta dwar il-fatti stabbiliti qabel ma ddeċieda li jwaqqaf l-investigazzjoni tiegħu, f’konformità mal-Artikolu 12c(5) u 12c(7) tar-Regolament dwar l-OLAF.

F’dan il-każ, il-Kontrollur indikat li, skont l-Artikolu 12c tar-Regolament dwar l-OLAF, l-OLAF huwa taħt obbligu strett li jirrapporta lill-UPPE kwalunkwe mġiba kriminali li tista’ taffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE li jaqgħu fil-kompetenza tal-UPPE kif definit fil-Kapitolu IV tar-Regolament dwar l-UPPE. Skont din id-dispożizzjoni, l-OLAF huwa obbligat li jippreżenta rapport tal-UPPE dwar il-Kriminalità (“ECR”) lill-UPPE mingħajr dewmien żejjed, malli jsir konxju li l-imġiba inkwistjoni tista’ tkun kriminali u taqa’ fil-kompetenza tal-UPPE. Jekk l-UPPE jinforma lill-OLAF bil-ftuħ ta’ investigazzjoni kriminali dwar l-istess fatti, l-OLAF iwaqqaf l-investigazzjoni tiegħu stess biex jevita d-duplikazzjoni u jinforma lill-UPPE kif xieraq. Skont l-Artikolu 12c(5), meta l-UPPE jiddeċiedi li jiftaħ investigazzjoni, l-OLAF ma jistax ikompli bl-investigazzjonijiet tiegħu stess tal-istess fatti (40).

F’din is-sitwazzjoni, il-Kontrollur iddikjarat li l-Artikolu 12c(7) tar-Regolament dwar l-OLAF jipprevedi b’mod espliċitu eċċezzjoni għad-dritt li persuna tikkummenta skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament dwar l-OLAF f’każijiet fejn l-OLAF iwaqqaf investigazzjoni wara li jintbagħat ECR lill-UPPE.

Fil-każ inkwistjoni, il-Kontrollur ikkonfermat li l-OLAF ma kienx ikkonkluda l-investigazzjoni tiegħu stess abbażi ta’ sejbiet investigattivi skont l-Artikolu 11 tar-Regolament dwar l-OLAF, iżda minflok kien waqqaf l-investigazzjoni tiegħu skont l-Artikolu 12c(5) tar-Regolament dwar l-OLAF. Għalhekk, f’konformità mal-obbligi li jirriżultaw mill-interazzjoni tar-Regolament dwar l-OLAF u r-Regolament dwar l-UPPE (41), l-OLAF: (i) issospenda l-investigazzjoni tiegħu stess; (ii) bagħat rapport dwar il-kriminalità lill-UPPE u, wara li ġie infurmat li l-UPPE kien qed jiftaħ investigazzjoni kriminali dwar l-istess fatti; (iii) ma kompliex l-investigazzjoni tiegħu stess; u (iv) ittrasferixxa l-fajl tal-każ lill-UPPE. Il-Kontrollur ikkonfermat ukoll li, f’konformità ma’ dawk id-dispożizzjonijiet, l-OLAF ġie prekluż milli jfassal kwalunkwe konklużjoni sostantiva dwar l-ilmentatur u kien bagħat l-informazzjoni rilevanti fil-pussess tiegħu lill-UPPE għall-valutazzjoni.

B’konsegwenza ta’ dan, l-investigazzjoni tal-OLAF qatt ma laħqet il-punt li fih kien jiġi skattat id-dritt tal-ilmentatur li jikkummenta dwar il-fatti li jikkonċernawh, peress li dawk il-fatti rilevanti kienu għadhom ma ġewx stabbiliti. Għalhekk, il-Kontrollur ikkonkludiet li l-OLAF kien aġixxa f’konformità sħiħa mal-qafas legali applikabbli meta ma tax lill-ilmentatur l-opportunità li jikkummenta, skont l-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 12c(7) tar-Regolament dwar l-OLAF.

Minkejja s-sejbiet tal-Kontrollur, hija assigurat lill-ilmentatur li d-drittijiet fundamentali tiegħu u l-garanziji proċedurali kienu se jkomplu jiġu rrispettati matul l-investigazzjoni tal-UPPE. L-ilmentatur ikollu l-opportunità li jippreżenta lill-UPPE kwalunkwe allegazzjoni jew dokumentazzjoni li seta’ ppreżenta fl-istadju xieraq tal-investigazzjoni tal-OLAF. Barra minn hekk, id-drittijiet fundamentali u l-garanziji proċedurali tal-ilmentatur jingħataw standard għoli ta’ protezzjoni meta jitqies li, b’kuntrast mal-investigazzjonijiet amministrattivi mwettqa mill-OLAF, l-UPPE jwettaq investigazzjonijiet kriminali li huma soġġetti għas-salvagwardji proċedurali stretti stabbiliti fil-Kapitolu VI tar-Regolament dwar l-UPPE.

5.1.4.   Aċċess għall-fajl u għad-dokumenti msemmija fid-dikjarazzjoni tal-fatti

Matul l-2025, il-Kontrollur ittrattat ukoll ilment dwar il-ksur allegat tad-drittijiet fundamentali u tal-garanziji proċedurali skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament dwar l-OLAF, inklużi d-dritt għad-difiża u d-dritt li wieħed jinstema’, b’rabta mar-rifjut tal-OLAF li jagħti aċċess lill-ilmentatur għall-fajl tal-każ tal-investigazzjoni li kienet għaddejja u għad-dokumenti kollha msemmija fil-ġabra fil-qosor tal-fatti.

Il-Kontrollur l-ewwel indikat li: (i) l-aċċess għall-fajl tal-investigazzjonijiet tal-OLAF ma huwiex dritt inkluż fost il-garanziji proċedurali pprovduti mill-Artikolu 9 tar-Regolament dwar l-OLAF; u (ii) ir-Regolament dwar l-OLAF ma jagħtix id-dritt lill-persuna kkonċernata li taċċessa l-evidenza kollha miġbura mill-OLAF, peress li dan jista’ jipperikola l-attività tal-OLAF jew kwalunkwe azzjoni ta’ segwitu possibbli mill-awtoritajiet kompetenti meta l-OLAF ikun ħareġ rakkomandazzjoni. Tabilħaqq, skont il-ġurisprudenza tal-Qrati tal-UE (42), l-OLAF ma għandu l-ebda obbligu li jagħti lil persuna kkonċernata f’investigazzjoni aċċess għad-dokumenti li huma s-suġġett ta’ tali investigazzjoni jew għal dawk imfassla mill-OLAF innifsu għal dak l-għan, peress li l-effettività u l-kunfidenzjalità tal-missjoni fdata lill-OLAF u l-indipendenza tal-OLAF jistgħu jiġu kompromessi. Kif iddikjaraw il-Qrati tal-UE, id-dritt għad-difiża ta’ persuna kkonċernata f’investigazzjoni tal-OLAF huwa garantit b’mod suffiċjenti mill-informazzjoni li tirċievi u mill-fatt li tingħata l-opportunità li tikkummenta dwar il-ġabra fil-qosor tal-fatti mat-tlestija tal-investigazzjoni tal-OLAF u qabel ma jitfasslu l-konklużjonijiet li jirreferu għaliha b’isimha.

Mill-ġurisprudenza applikabbli tal-Qrati Ewropej jirriżulta li persuna kkonċernata ma għandhiex dritt ta’ aċċess għall-fajl tal-każ ta’ investigazzjoni tal-OLAF li tkun għaddejja. Għalhekk, il-Kontrollur ikkonkludiet li r-rifjut mill-OLAF ta’ tali aċċess ma jmurx kontra l-Artikolu 41 tal-Karta.

L-ilmentatur argumenta wkoll li ma setax jeżerċita b’mod effettiv id-dritt tiegħu li jinstema’ minħabba li ma kellux aċċess għad-dokumenti msemmija fil-ġabra fil-qosor tal-fatti. F’dan ir-rigward, il-Kontrollur sabet li kwalunkwe ksur allegat tad-dritt għad-difiża matul investigazzjoni tal-OLAF, li jinkludi d-dritt li wieħed jinstema’, irid jiġi eżaminat fir-rigward tal-informazzjoni li l-ilmentatur irċieva u tal-fatt li ngħata l-opportunità li jiddikjara l-fehmiet tiegħu u li jinstema’ (43). F’dan il-każ, il-Kontrollur ikkunsidrat li l-OLAF kien ipprovda dikjarazzjoni tal-fatti li kienet suffiċjenti biex l-ilmentatur setta’ jeżerċita d-dritt tiegħu li jinstema’. Il-Kontrollur innotat ukoll li l-ilmentatur kien għamel użu mid-dritt tiegħu li jinstema’ u ppreżenta osservazzjonijiet dettaljati lill-OLAF f’diversi okkażjonijiet. Għalhekk, il-Kontrollur ikkonkludiet li l-ilmentatur seta’ jippreżenta l-kummenti tiegħu dwar il-fatti stabbiliti mill-OLAF, filwaqt li ddikjara l-fehma tiegħu, u ngħata dritt sinifikattiv li jinstema’. Fl-aħħar nett, il-Kontrollur indikat li ma hemm l-ebda dispożizzjoni li tagħti lill-persuna kkonċernata d-dritt li tieħu pożizzjoni dwar kull dikjarazzjoni ta’ evidenza jew li tesprimi fehmiet dwar il-konklużjonijiet li jistgħu jittieħdu mill-OLAF (44).

5.2.   Proporzjonalità tal-ispezzjonijiet tal-bini u operazzjonijiet forensiċi diġitali

L-ispezzjonijiet tal-bini u l-operazzjonijiet forensiċi diġitali huma attivitajiet investigattivi li jitqiesu “ta’ natura intrużiva” u, għalhekk, huma soġġetti għal regoli speċifiċi (45). Matul l-2025, kien hemm żewġ każijiet li fihom l-ilmentaturi qajmu dubji dwar il-proporzjonalità ta’ dawk l-attivitajiet investigattivi, speċjalment fir-rigward ta’ apparati bi sjieda privata.

Qabel ma daħlet fil-merti taż-żewġ ilmenti, il-Kontrollur l-ewwel indirizzat il-prinċipji ġenerali li jirregolaw l-operazzjonijiet forensiċi diġitali tal-OLAF.

Qafas applikabbli għall-operazzjonijiet forensiċi diġitali

Fil-kuntest tal-investigazzjonijiet interni, l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar l-OLAF jippermetti lill-OLAF iwettaq operazzjonijiet forensiċi diġitali fil-bini tal-istituzzjonijiet tal-UE. Għal dan l-għan, l-Artikoli 47(1) u 53(1) tal-GIPs jelenkaw kemm l-ispezzjonijiet tal-bini kif ukoll l-operazzjonijiet forensiċi diġitali bħala mezz li bih l-unitajiet ta’ investigazzjoni jiġbru l-evidenza matul il-fażi ta’ investigazzjoni.

L-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament dwar l-OLAF jiddikjara b’mod partikolari li l-OLAF irid ikollu aċċess immedjat u mhux imħabbar għal kwalunkwe “informazzjoni u data rilevanti, relatati mal-kwistjoni li tkun qed tiġi investigata, irrispettivament mill-mezz li fuqu jkunu maħżuna, miżmuma mill-istituzzjonijiet, […] u għall-bini tagħhom.” L-Artikolu 47(3) tal-GIPs fih dispożizzjonijiet simili.

L-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament dwar l-OLAF jispeċifika li l-OLAF jista’ jispezzjona apparati li jkunu proprjetà privata skont tliet kundizzjonijiet kumulattivi: (i) l-apparati jintużaw għal skopijiet ta’ xogħol; (ii) il-kundizzjonijiet speċifiċi biex isir dan ikunu stabbiliti fid-deċiżjonijiet interni adottati mill-istituzzjonijiet ikkonċernati; u (iii) l-OLAF ikollu raġunijiet raġonevoli biex jissuspetta li l-kontenut tagħhom jista’ jkun rilevanti għall-investigazzjoni.

Il-Kontrollur indikat ukoll li, skont l-Artikolu 1(5) tal-Linji Gwida dwar proċeduri forensiċi diġitali għall-persunal tal-OLAF (“DFPs”) (46), operazzjoni forensika diġitali hija “ spezzjoni, akkwist, u eżami teknoloġiċi tal-midja diġitali u/jew tal-kontenut tagħha, imwettqa mill-Ispeċjalisti tal-Evidenza Diġitali (DES) tal-OLAF bl-użu ta’ tagħmir u għodod tas-software forensiċi. L-objettiv huwa li tiġi lokalizzata, identifikata, tinġabar u/jew tiġi akkwistata u ppreservata d-data li tista’ tkun rilevanti għal investigazzjoni, u li tista’ tintuża bħala evidenza fi proċeduri amministrattivi, dixxiplinari u ġudizzjarji.”

Matul proċedura forensika diġitali, l-OLAF iwettaq l-operazzjonijiet distinti li ġejjin: (i) il-ġbir forensiku diġitali, li huwa l-proċess tal-ġbir tal-apparati fiżiċi li fihom evidenza diġitali potenzjali (47); (ii) l-akkwist forensiku diġitali, li huwa l-akkwist (l-ikkopjar) ta’ kwalunkwe data maħżuna fuq mezz diġitali permezz ta’ proċess ta’ immaġni forensiċi (48); (iii) previżjoni tad-data, li tikkonsisti fl-ewwel spezzjoni ta’ mezz diġitali bl-użu ta’ għodda forensika xierqa sabiex jiġi stabbilit jekk jistax ikun fih data potenzjalment rilevanti għall-investigazzjoni (dan jista’ jsir qabel (49) jew wara (50) l-akkwist diġitali tad-data); u (iv) eżami forensiku diġitali, li huwa l-proċess tal-analiżi tad-data miġbura matul operazzjoni forensika diġitali (51).

Il-Kontrollur iddikjarat ukoll li l-GIPs jispeċifikaw ukoll li l-operazzjonijiet forensiċi għandhom jitwettqu f’konformità mal-prinċipju tan-neċessità u tal-proporzjonalità u mal-enfasi fuq l-apparati li għandhom indikazzjoni ċara ta’ użu kummerċjali  (52). L-operazzjonijiet forensiċi diġitali jistgħu jinkludu wkoll l-aċċess għal apparati li jkunu proprjetà privata użati għal skopijiet ta’ xogħol. Fl-aħħar nett, l-eżami u l-analiżi forensiċi diġitali tad-data miġbura matul l-operazzjoni forensika diġitali jridu jkunu limitati għall-estrazzjoni tad-data neċessarja u rilevanti għall-investigazzjoni kkonċernata.

Applikazzjoni fil-każijiet speċifiċi

Fir-rigward taċ-ċirkostanzi speċifiċi taż-żewġ ilmenti li għamlu dawn l-allegazzjonijiet, fiż-żewġ każijiet il-Kontrollur innotat li l-apparati diġitali li kienu ġew ipprovdut lill-ilmentaturi minn IBOA kien il-proprjetà tal-IBOA, mogħtija lill-ilmentatur l-ewwel u qabel kollox għal skopijiet ta’ xogħol. Dawn kienu proprjetà tal-IBOA, li kienet dik li “żammet” l-apparati u d-data li kienet tinsab fihom għall-finijiet tal-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament dwar l-OLAF. Konsegwentement, irrispettivament mill-użu speċifiku li l-ilmentatur għamel minnhom, il-ġbir u l-akkwist tagħhom kienu ġġustifikati bis-sħiħ skont id-dispożizzjoni msemmija hawn fuq. Fiż-żewġ każijiet, il-Kontrollur tista’ tikkonferma permezz tal-aċċess speċjali tagħha għall-fajl tal-każ li l-apparati li kienu proprjetà privata kienu ntużaw għal skopijiet ta’ xogħol. F’dan ir-rigward, il-Kontrollur innotat li ladarba jiġi identifikat użu professjonali, il-firxa ta’ dak l-użu (limitat jew sostanzjali) jew ir-raġuni għalih (fuq inizjattiva proprja jew fuq talba) hija irrilevanti. Għaldaqstant, fiż-żewġ każijiet, il-fehma tal-Kontrollur kienet li d-deċiżjoni tal-OLAF li jiġbor l-apparati u jakkwista d-data li tinsab fihom skont l-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament dwar l-OLAF kienet legali.

Analiżi tal-proporzjonalità

Fir-rigward tal-proporzjonalità tal-attivitajiet investigattivi, il-Kontrollur indikat dan li ġej. Kif ikkonfermat mill-Qorti Ġenerali, is-setgħa tal-investigaturi tal-OLAF li jaċċessaw (bl-istess kundizzjonijiet bħall-ispetturi amministrattivi nazzjonali u f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali) l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni rilevanti kollha meħtieġa għat-twettiq xieraq tal-kontrolli u l-ispezzjonijiet fuq il-post ma tistax tiġi interpretata li tħalli lill-persuna kkonċernata tiddetermina d-data rilevanti għall-finijiet ta’ investigazzjoni tal-OLAF  (53).

Il-Kontrollur enfasizzat ukoll li mhux id-data kollha akkwistata inizjalment matul spezzjoni u operazzjoni forensika diġitali tifforma parti mill-fajl tal-każ tal-OLAF. F’konformità mal-Artikolu 8(4) tad-DFPs, id-data rilevanti għall-investigazzjoni biss tiġi ttrasferita fil-fajl tal-każ. F’termini prattiċi, l-immaġni forensika li jakkwista l-OLAF l-ewwel tiġi ttrasformata f’“fajl ta’ ħidma forensika”, li huwa kopja tad-data forensika diġitali akkwistata, iżda f’forma li tista’ tiġi “indiċizzata” mill-OLAF. Ladarba d-data tiġi indiċizzata, l-OLAF jista’ finalment jipproċedi bit-“tiftix u l-identifikazzjoni” tad-data rilevanti għall-investigazzjoni. Jekk, fi tmiem it-tiftix, xi fajl jiġi identifikat bħala “rilevanti” għall-investigazzjoni li tkun għaddejja, dan imbagħad isir parti mill-fajl tal-każ tal-OLAF u jsir evidenza li l-OLAF jista’ juża.

F’wieħed mill-ilmenti, il-persuna kkonċernata saħansitra argumentat li kellha tiġi mistiedna tikkummenta dwar il-lista ta’ kliem ewlieni mħejjija mill-investigaturi tal-OLAF biex ifittxu d-data akkwistata. Fir-rigward ta’ din il-kwistjoni, il-Kontrollur kienet tal-fehma li d-diskussjoni tal-lista mal-persuna kkonċernata jew il-qbil dwarha ma’ din il-persuna jimminaw l-indipendenza tal-investigaturi u jipperikolaw l-investigazzjoni. Il-Kontrollur issottolinjat li l-OLAF iwettaq l-investigazzjonijiet tiegħu b’indipendenza sħiħa skont ir-Regolament dwar l-OLAF. Għalhekk, l-għażla tal-kliem ewlieni hija esklużivament fi ħdan il-mandat tal-investigaturi, u tirrifletti l-istrateġija investigattiva tagħhom, li l-OLAF la jista’ jaqsam ma’ partijiet terzi u lanqas jiftiehem dwarha magħhom, b’mod partikolari mal-persuni kkonċernati. Bl-istess mod, il-Kontrollur irrifjutat il-proposta tal-ilmentatur li tiskrutinizza l-lista ta’ kliem ewlieni u l-ġustifikazzjoni korrispondenti għall-użu tagħhom. Hija affermat li huwa f’idejn l-OLAF li jiddeċiedi, f’kull każ, liema kliem ewlieni jista’ jkun rilevanti għall-finijiet tal-investigazzjoni.

Iż-żewġ ilmentaturi kellhom problema bit-tul ta’ żmien li l-OLAF żamm l-apparati tagħhom li huma proprjetà privata. Fiż-żewġ każijiet, permezz tal-aċċess speċjali tagħha għall-fajl tal-każ, il-Kontrollur ikkonfermat li l-OLAF żamm l-apparati għaż-żmien neċessarju biex ilesti l-akkwist tad-data. Madankollu, il-Kontrollur indikat li l-mowbajls kienu qed isiru universali u ċentrali għall-ħajja ta’ kuljum tan-nies u stiednet lill-OLAF biex jirrifletti dwar dak il-fatt. Aktar milli huma sempliċiment apparati ta’ komunikazzjoni, l-ismartphones issa jservu bħala, pereżempju, gateways għas-sistemi bankarji u ta’ pagament, għas-sistemi ta’ sigurtà tad-djar, għar-riżorsi professjonali, għall-passes tat-trasport, għall-applikazzjonijiet għall-kura tas-saħħa, u anke għal-lokalizzazzjoni u s-sikurezza tat-tfal. Għalhekk, iċ-ċaħda tal-aċċess għal dawn l-apparati jista’ jkollha impatt aktar profond fuq l-isfera personali ta’ persuna kkonċernata milli kien ikollha xi snin ilu. Filwaqt li fil-każ partikolari l-akkwist tal-apparat tal-ilmentatur li jkun proprjetà privata tiegħu ma kienx sproporzjonat, il-Kontrollur ħeġġet lill-OLAF jibqa’ jagħti attenzjoni għal din ir-realtà u dejjem jiżgura li l-mowbajls personali jinżammu biss għaż-żmien li jkun strettament neċessarju għall-finijiet tal-investigazzjoni.

Fiż-żewġ każijiet, il-Kontrollur ikkunsidrat li l-attivitajiet investigattivi tal-OLAF u l-operazzjonijiet forensiċi diġitali: (i) twettqu skont il-liġi; (ii) segwew l-għan leġittimu ta’ investigazzjoni tal-allegazzjonijiet ta’ mġiba ħażina possibbli mill-ilmentaturi; u (iii) kienu allinjati mal-ambitu u mal-iskop tal-investigazzjoni fis-sens li kienu neċessarji biex jiġu pprovati jew miċħuda l-allegazzjonijiet. Għalhekk, il-Kontrollur sabet li l-OLAF aġixxa f’konformità mal-qafas legali applikabbli u mal-proċedura deskritta fid-DFPs, u fl-ambitu tal-investigazzjoni. Għalhekk, il-Kontrollur ma sabet l-ebda ksur tal-prinċipju tan-neċessità u tal-proporzjonalità fl-operazzjonijiet forensiċi diġitali mwettqa mill-OLAF.

5.3.   Lingwi użati

F’każ wieħed, il-Kontrollur intalbet tivvaluta jekk persuna kkonċernata f’investigazzjoni interna, li kienet membru tal-persunal tal-UE (54), kellhiex id-dritt li titlob li l-informazzjoni jew il-komunikazzjonijiet mibgħuta mill-OLAF f’waħda mil-lingwi ta’ ħidma tiegħu (l-Ingliż) jingħataw ukoll bil-lingwa materna tagħha.

Kif iddikjarat qabel mill-Kontrollur (55), l-obbligu tal-istituzzjonijiet tal-UE skont l-Artikolu 41(4) tal-Karta li jikkorrispondu maċ-ċittadini fil-lingwa magħżula tagħhom japplika biss għar-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u ċ-ċittadini tal-UE, u mhux għall-persunal tal-UE. L-ilmentatur, peress li huwa uffiċjal pubbliku tal-UE, kien mistenni li jkollu għarfien tajjeb tal-Ingliż. L-Ingliż kien ukoll waħda mil-lingwi ta’ ħidma tal-ilmentatur.

Kif stabbilit fil-ġurisprudenza tal-Qrati tal-UE (56), id-dritt li tintgħażel lingwa li għandha tintuża ma huwiex dritt assolut għall-persunal tal-UE peress li l-istituzzjonijiet tal-UE jeħtieġ li joperaw mingħajr xkiel. B’riżultat ta’ dan, il-Kontrollur sab li r-rifjut tal-OLAF li jipprovdi t-traduzzjonijiet mitluba ma kisirx id-drittijiet proċedurali tal-ilmentatur.

6.   Adozzjoni tal-Arranġamenti ta’ Ħidma bejn il-Kontrollur u l-OLAF

Stadju importanti ewlieni fil-kooperazzjoni bejn l-OLAF u l-Kontrollur kien l-iffirmar tal-Arranġamenti ta’ Ħidma mis-Sur Ville Itälä, ex Direttur Ġenerali tal-OLAF, u Dr Julia Laffranque. L-arranġamenti daħlu fis-seħħ fit-18 ta’ Lulju 2025 u huma disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tal-Kontrollur (57).

L-Arranġamenti ta’ Ħidma jipprovdu aktar ċarezza fit-trattament tal-mekkaniżmu tal-ilmenti u wrew li huma strument utli biex tiġi żgurata kooperazzjoni saħansitra aktar armonjuża u aktar effettiva mal-OLAF. L-arranġamenti jifformalizzaw u jikkodifikaw il-prattiki stabbiliti sew li diġà ggwidaw il-kooperazzjoni kostruttiv bejn iż-żewġ Uffiċċji. F’dan ir-rigward, il-Kontrollur jilqa’ d-djalogu kostruttiv mal-OLAF matul il-proċess ta’ abbozzar, li ppermetta li t-test jirrifletti b’mod akkurat il-mandati, ir-rwoli u l-ħtiġijiet operazzjonali rispettivi taż-żewġ partijiet.

B’rispett sħiħ tal-qafas legali applikabbli u tal-indipendenza kemm tal-OLAF kif ukoll tal-Kontrollur, l-Arranġamenti ta’ Ħidma jispeċifikaw l-aspetti rilevanti fil-proċess tat-trattament tal-ilmenti. Dawn jinkludu: (i) il-proċedura li għandha tiġi segwita wara li jiġi riċevut ilment u l-ipproċessar inizjali tiegħu; (ii) l-azzjonijiet ta’ ġbir tal-informazzjoni disponibbli għall-Kontrollur; (iii) id-distinzjoni bejn l-istediniet biex jiġi solvut ilment skont l-Artikolu 9b(3) u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kontrollur skont l-Artikolu 9b(5) tar-Regolament dwar l-OLAF; (iv) il-kalkolu tat-termini rilevanti; u (v) il-proċedura li għandha tiġi segwita meta jew l-OLAF jew il-Kontrollur isir konxju dwar il-bidu ta’ proċedimenti legali jew ta’ inkjesti mill-Ombudsman Ewropew jew mill-KEPD f’fatti mqajma fi lment.

Dispożizzjonijiet oħra tal-Arranġamenti ta’ Ħidma jikkonċernaw l-aċċess għal informazzjoni relatata mal-każ fis-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet tal-OLAF, OLAF Content Management (“OCM”), li għaliha l-Kontrollur għandu aċċess speċjali skont l-Artikolu 8(1) u (2) tad-Dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni. L-Arranġamenti ta’ Ħidma jiċċaraw ukoll: (i) l-obbligi ta’ informazzjoni tal-OLAF lejn il-Kontrollur fit-trattament tal-ilmenti; (ii) il-proċedura li għandha tiġi segwita meta l-Kontrollur u s-Segretarjat jingħataw aċċess elettroniku għal informazzjoni relatata mal-każ fl-OCM; u (iii) arranġamenti alternattivi għall-aċċess tal-Kontrollur għal informazzjoni relatata mal-każ.

Kif stabbilit aktar fir-Rapport tal-Attività, l-Arranġamenti ta’ Ħidma fformalizzaw ukoll l-obbligu tal-Kontrollur li tiżgura l-kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet tal-OLAF meta tittratta l-ilmenti. Barra minn hekk, l-Arranġamenti ta’ Ħidma jindirizzaw sitwazzjonijiet li fihom ilmentatur jista’ jitlob aċċess għall-fajl tal-każ tal-ilment, kif ukoll l-ipproċessar ta’ talbiet għal aċċess pubbliku għal dokumenti miżmuma mill-Kontrollur skont ir-Regolament (KE) 1049/2001 (58) u r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament, annessi mar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni (59).

7.   Konsultazzjoni dwar l-evalwazzjoni tar-Regolament dwar l-OLAF

L-Artikolu 9b(9) tar-Regolament dwar l-OLAF jipprevedi li d-Direttur Ġenerali tal-OLAF “jista’ jitlob l-opinjoni tal-Kontrollur dwar kwalunkwe suġġett relatat mal-garanziji proċedurali jew mad-drittijiet fundamentali li jaqa’ fil-mandat tal-Kontrollur”.

Abbażi ta’ dan, fil-15 ta’ Settembru 2025, id-Direttur Ġenerali tal-OLAF talab formalment l-opinjoni tal-Kontrollur dwar id-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar l-OLAF relatati mal-garanziji proċedurali u mad-drittijiet fundamentali li jaqgħu taħt il-mandat tal-Kontrollur. Dan kien fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-applikazzjoni u tal-impatt tar-Regolament skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament dwar l-OLAF.

Il-Kontrollur laqgħet l-opportunità li tiġi kkonsultata dwar din il-kwistjoni importanti u bbażat fuq l-esperjenza sostanzjali tagħha akkumulata matul il-mandat tagħha (60). Fl-opinjoni tagħha, hija ressqet total ta’ 31 proposta għal titjib f’oqsma fejn il-prattika wriet li kienu ġġustifikati salvagwardji aktar ċari, aktar b’saħħithom jew aktar effettivi (61).

L-opinjoni kienet strutturata madwar sitt oqsma ewlenin: (i) id-drittijiet fundamentali u l-garanziji proċedurali (il-proposti 1-12); (ii) il-mekkaniżmu tal-ilmenti (il-proposti 13-19); (iii) il-funzjoni tal-Kontrollur (il-proposti 20-25); (iv) ir-relazzjonijiet bejn il-Kontrollur u d-Direttur Ġenerali tal-OLAF (il-proposta 26); (v) ir-relazzjonijiet bejn il-Kontrollur u l-Kumitat ta’ Sorveljanza (il-proposti 27-30); u (vi) ir-relazzjonijiet ma’ partijiet ikkonċernati oħra (il-proposta 31) (Illustrazzjoni 9).

Illustrazzjoni 9

Għadd ta’ proposti mressqa mill-Kontrollur fl-Opinjoni dwar l-evalwazzjoni tal-applikazzjoni u l-impatt tar-Regolament dwar l-OLAF

Image 9

Il-proposti dwar id-drittijiet fundamentali u l-garanziji proċedurali, li huma l-aktar numerużi, jindirizzaw: (i) in-nuqqas ta’ referenza espliċita għall-Karta fl-Artikoli 9 u 9b(1) tar-Regolament dwar l-OLAF; (ii) il-ħtieġa ta’ ċarezza dwar meta operatur individwali jew ekonomiku jakkwista l-istatus ta’ persuna kkonċernata; (iii) l-ugwalizzazzjoni tad-drittijiet tal-persuni kkonċernati fl-investigazzjoni interna u esterna sa fejn ikun l-aktar possibbli; (iv) il-ħtieġa li tiġi pprovduta bil-miktub informazzjoni dwar il-garanziji proċedurali u d-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati; (v) il-prinċipju ta’ ġustizzja li jrid jiġi osservat mill-persunal tal-OLAF, f’konformità mal-ogħla standards professjonali; (vi) it-tisħiħ tad-dritt li wieħed jinstema’; (vii) it-tisħiħ tad-dritt li persuna tiġi infurmata; u (viii) in-nuqqas ta’ ċarezza dwar l-istatus, id-drittijiet u l-garanziji proċedurali mogħtija lill-informaturi skont id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tal-Informaturi (62), lill-informaturi skont l-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal (63) u lil sorsi oħra ta’ informazzjoni u lil vittmi ta’ mġiba ħażina li taqa’ fil-mandat investigattiv tal-OLAF (64).

L-oqsma potenzjali għat-titjib fil-mekkaniżmu tal-ilmenti identifikati fl-Opinjoni jikkonċernaw: (i) l-ambitu personali, materjali u temporali tar-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà; (ii) in-nuqqas ta’ proċedura ta’ rieżami għad-deċiżjonijiet ta’ ammissibbiltà; (iii) il-kwistjoni ta’ jekk l-ilmenti jistgħux jew għandux ikollhom effett sospensiv; (iv) it-trattament ta’ lmenti li jqajmu kwistjonijiet pendenti quddiem il-qrati; u (v) il-konsegwenzi legali ta’ deċiżjoni ipotetika mid-Direttur Ġenerali tal-OLAF biex ma jsegwix rakkomandazzjoni maħruġa mill-Kontrollur skont l-Artikolu 9b(5) tar-Regolament dwar l-OLAF.

Kif spiss ikun il-każ meta jiġu introdotti riformi istituzzjonali sinifikanti, il-ħolqien tal-funzjoni tal-Kontrollur mir-Regolament 2020/2223 kien akkumpanjat minn ċerti ambigwitajiet kunċettwali li għadhom jippersistu sal-lum. Din hija r-raġuni għaliex l-Opinjoni tressaq proposti biex jiġu indirizzati l-ambigwitajiet dwar l-indipendenza tal-Kontrollur fir-rigward tal-Kumitat ta’ Sorveljanza u tal-istatus amministrattiv tal-Kontrollur, kif ukoll dwar il-ħtieġa ta’ kjarifika fir-Regolament dwar l-OLAF tar-rwol doppju tas-Segretarjat, li jipprovdi appoġġ legali u amministrattiv kemm lill-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF kif ukoll lill-Kontrollur.

Barra minn hekk, l-Opinjoni targumenta li l-inklużjoni ta’ bażi legali fir-Regolament dwar l-OLAF biex il-Kontrollur joħroġ opinjonijiet fuq inizjattiva proprja indirizzati lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF iżżid il-valur u t-trasparenza għad-deċiżjonijiet tiegħu u obiter dicta u tikkontribwixxi b’mod ġenerali għall-eżerċizzju effettiv tal-mandat tal-Kontrollur.

Filwaqt li l-Kontrollur u l-Kumitat ta’ Sorveljanza għandhom għanijiet komplementari u jsegwu objettivi komuni, dawn huma funzjonijiet u korpi distinti, u joperaw fuq bażi ugwali fl-ambitu tal-mandati rispettivi tagħhom. Għaldaqstant, sabiex tissaħħaħ l-indipendenza tal-Kontrollur, l-Opinjoni tipproponi li r-Regolament dwar l-OLAF jiġi emendat sabiex, minflok ma tirrapporta jew tikkonsulta, hija tinforma lill-Kumitat ta’ Sorveljanza dwar kwalunkwe kwistjoni sistemika rrapportata lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF permezz ta’ opinjoni, kif ukoll dwar kwalunkwe rakkomandazzjoni indirizzata lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF jew kwalunkwe reviżjoni għad-Dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-relazzjonijiet ma’ partijiet ikkonċernati oħra, l-Opinjoni tipproponi li l-Artikolu 16 tar-Regolament dwar l-OLAF jiġi emendat biex jipprevedi b’mod espliċitu l-parteċipazzjoni tal-Kontrollur fl-iskambju ta’ fehmiet bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni. Fil-fehma tal-Kontrollur, din l-emenda tgħin biex titqajjem kuxjenza dwar it-tipi ta’ allegazzjonijiet magħmula skont il-mekkaniżmu tal-ilmenti u tipprovdi viżibbiltà akbar ta’ kif l-OLAF jittratta l-garanziji proċedurali u d-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati.

L-opinjoni ntbagħtet lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF fis-27 ta’ Frar 2026, u se tiġi annessa mal-preżentazzjoni tal-Kummissjoni lill-koleġiżlaturi. Il-Kontrollur għandha fiduċja li l-evalwazzjoni u r-reviżjoni possibbli tar-Regolament dwar l-OLAF se jibbenefikaw b’mod sinifikanti mill-implimentazzjoni tal-osservazzjonijiet ippreżentati fl-opinjoni tagħha.

8.   Segwitu għall-adozzjoni tal-GIPs il-ġodda

F’Novembru 2023, fil-kuntest tar-reviżjoni tal-GIPs, il-Kontrollur ġiet mistiedna tagħti l-opinjoni tagħha dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mal-garanziji proċedurali jew mad-drittijiet fundamentali li jaqgħu fil-mandat tagħha. Il-Kontrollur bagħtet l-opinjoni tagħha lill-OLAF f’Ġunju 2024. Il-verżjoni redatta tal-opinjoni tal-Kontrollur dwar il-GIPs ġiet ippubblikata fuq is-sit web tagħha f’Lulju 2025 (65).

Fl-opinjoni tagħha, il-Kontrollur għamlet ħames kummenti ewlenin dwar:

(i)

Il-ħtieġa ta’ ambitu ċar u definit sew tal-investigazzjonijiet tal-OLAF.

(ii)

Ir-reġistrazzjoni f’waqtha fil-fajl tal-każ tal-istatus ta’ persuna bħala persuna kkonċernata meta din tkun diġà msemmija fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ.

(iii)

Il-ħtieġa li l-persuni kkonċernati jiġu infurmati dwar l-eżistenza tal-mekkaniżmu tal-ilmenti skont l-Artikolu 9b u dwar it-termini applikabbli għat-tressiq ta’ lment.

(iv)

Il-kjarifika li l-istedina biex jiġi solvut ilment skont l-Artikolu 9b(3) u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kontrollur skont l-Artikolu 9b(5) jikkostitwixxu żewġ passi distinti fil-mekkaniżmu tal-ilmenti.

(v)

L-importanza, bħala kwistjoni ta’ prattika amministrattiva tajba, li jiġi żgurat li l-kummenti ppreżentati mill-persuni kkonċernati jkunu riflessi kif xieraq fir-Rapport Finali. F’dan ir-rigward, il-Kontrollur irrakkomandat approċċ kumulattiv li jikkonsisti fil-passi li ġejjin: (a) il-kummenti tal-persuna kkonċernata dwar il-fatti li jikkonċernawha jiġu annessi mar-Rapport Finali; (b) meta ikun neċessarju, dawn il-kummenti jiġu deskritti fil-partijiet rilevanti korrispondenti tar-Rapport Finali; u (c) jiġi spjegat kif l-OLAF ikkunsidra dawn il-kummenti jew, fejn xieraq, għaliex tqiesu bħala infondati jew irrilevanti.

Il-verżjoni finali tal-GIPs riveduti ġiet adottata f’Novembru 2025 u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2026. B’mod ġenerali, il-Kontrollur tilqa’ l-adozzjoni tal-GIPs il-ġodda u tinnota b’sodisfazzjon li l-biċċa l-kbira tal-kummenti tagħha ġew ikkunsidrati mill-OLAF u riflessi fid-dispożizzjonijiet tal-GIPs, b’mod partikolari l-Artikoli 21(1), 37(2), 37(3), 66(2), 66(3) u 72(3) (Illustrazzjoni 10).

Il-Kontrollur l-ewwel tilqa’ l-inkorporazzjoni espliċita tal-ewwel kumment tagħha fl-Artikolu 21(1) tal-GIPs dwar l-ambitu tal-każ. L-emenda hija pożittiva, fis-sens li tispeċifika li l-ambitu tal-investigazzjoni “dejjem għandu jkun definit b’mod ċar fid-deċiżjoni tal-ftuħ”.

Il-Kontrollur tinnota b’mod pożittiv il-kjarifiki miżjuda fl-Artikolu 37(2) tal-GIPs, moqri flimkien mal-Artikolu 28(1), li jindirizzaw it-tħassib ewlieni dwar meta jiġi identifikat l-istatus tal-persuna kkonċernata. L-Artikolu 37(2) jipprovdi li l-individwu jew l-entità legali msemmija bħala persuna kkonċernata fid-deċiżjoni tal-ftuħ għandha tiġi rreġistrata fl-OCM fi żmien xahar mid-deċiżjoni tal-ftuħ. L-introduzzjoni ta’ din l-iskadenza għandha l-għan li tevita d-dewmien fl-identifikazzjoni tal-persuna kkonċernata li jista’ jkollu impatt fuq id-dritt tagħha li tiġi infurmata skont l-Artikolu 9(3) tar-Regolament dwar l-OLAF. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-investigazzjonijiet interni, l-Artikolu 28(1) tal-GIPs jiżgura li persuna identifikata bħala persuna kkonċernata f’deċiżjoni tal-ftuħ tiġi infurmata wkoll kif xieraq (u tiġi nnotifikata wkoll bl-ambitu tal-investigazzjoni sa fejn din tkun relatata magħha), dment li din l-informazzjoni ma tippreġudikax it-twettiq tal-investigazzjoni.

Il-Kontrollur osservat ukoll li t-tielet kumment tagħha dwar l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-persuni kkonċernati (66) ġiet implimentata fl-Artikolu 2(2) tal-Arranġamenti ta’ Ħidma u fl-Artikolu 37(4) tal-GIPs. L-ewwel nett, l-Arranġamenti ta’ Ħidma jistipulaw li meta l-OLAF jirċievi lment maħsub għall-Kontrollur, l-OLAF “jinforma lill-ilmentatur dwar il-proċedura tal-mekkaniżmu tal-ilmenti u l-iskadenzi stretti ta’ ammissibbiltà għat-tressiq ta’ lment mal-Kontrollur”. It-tieni, fost il-garanziji proċedurali mogħtija lill-persuni kkonċernati li jridu jiġu osservati mill-OLAF, l-Artikolu 37(4)(e) tal-GIPs jelenka “id-dritt li jitressaq ilment mal-Kontrollur tal-garanziji proċedurali”.

Il-Kontrollur tinnota b’sodisfazzjon ir-referenza ċara introdotta fil-GIPs għaż-żewġ bażijiet legali distinti għall-istediniet tal-Kontrollur biex jissolva lment u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kontrollur. L-Artikolu 66(2) tal-GIPs issa jirreferi għall-istedina tal-Kontrollur biex jissolva l-ilment skont l-Artikolu 9b(3) tar-Regolament dwar l-OLAF, filwaqt li l-Artikolu 66(3) jirreferi għar-rakkomandazzjoni tal-Kontrollur li jissolva lment skont l-Artikolu 9b(5) tar-Regolament dwar l-OLAF. Din is-separazzjoni tipprovdi aktar ċarezza għall-ilmentaturi biex jifhmu l-passi separati tal-mekkaniżmu tal-ilmenti.

Il-Kontrollur tilqa’ wkoll l-inklużjoni fil-GIPs il-ġodda tal-kummenti tagħha dwar kif l-OLAF għandu jinkorpora l-kummenti tal-persuni kkonċernati fir-Rapport Finali. L-Artikolu 72(3) tal-GIPs il-ġodda jakkomoda l-essenza tar-rakkomandazzjoni tagħha, filwaqt li ma jsegwix b’mod strett l-approċċ kumulattiv issuġġerit. Il-GIPs issa jeħtieġu li l-kummenti tal-persuna kkonċernata jiġu deskritti u akkumpanjati mill-valutazzjoni tal-OLAF tagħhom u barra minn hekk jipprevedu li l-kummenti jiġu annessi mar-Rapport Finali. Filwaqt li l-GIPs jistabbilixxu eċċezzjonijiet għal dan l-annessar minħabba l-kunfidenzjalità, il-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali jew it-twettiq ta’ investigazzjonijiet oħra, il-fehma tal-Kontrollur hija li dawk l-eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv, peress li huma intrinsikament marbuta mal-garanziji proċedurali għall-persuna kkonċernata. Barra minn hekk, il-Kontrollur tqis li, meta l-kummenti dwar l-elementi kruċjali tas-sejbiet preliminari ma jiġux ikkunsidrati fir-Rapport Finali, il-valutazzjoni tal-OLAF għandha tirrifletti r-raġunament għaliex dan ma sarx.

Illustrazzjoni 10

Implimentazzjoni tal-kummenti tal-Kontrollur mill-Opinjoni dwar l-abbozz tal-GIPs

Image 10

Barra minn hekk, il-Kontrollur tqis b’mod pożittiv l-emendi introdotti fl-Artikoli 37(4), 37(5) u 80(1), li huma r-riżultat tal-mekkaniżmu tat-trattament tal-ilmenti. Dawn il-modifiki jirriflettu s-sejbiet li saru matul l-ewwel sena tal-attivitajiet tagħha, kif ukoll obiter dicta minn diversi deċiżjonijiet tagħha, u huma allinjati ma’ xi wħud mill-proposti mressqa fl-Opinjoni tagħha dwar l-applikazzjoni u l-impatt tar-Regolament dwar l-OLAF (67).

Matul l-ewwel sena tal-attivitajiet tagħha, il-Kontrollur sabet ksur tad-dritt ta’ ilmentatur li jiġi infurmat dwar l-għeluq ta’ investigazzjoni tal-OLAF mingħajr sejbiet kontrih. Skont l-Artikolu 11(7) tar-Regolament dwar l-OLAF, l-OLAF għandu obbligu ċar li jinforma lill-persuna kkonċernata, fi żmien 10 ijiem tax-xogħol mid-deċiżjoni li jagħlaq investigazzjoni li fiha ma tkun instabet l-ebda evidenza kontrih. Mat-tlestija tal-investigazzjoni, l-OLAF ma sab l-ebda evidenza kontra l-ilmentatur. Madankollu, l-OLAF ma informax lill-ilmentatur b’mod inekwivoku. F’dan il-każ partikolari, il-Kontrollur ma ressqitx proposta għal soluzzjoni peress li l-ilmentatur kien kiseb aċċess għar-Rapport Finali waqt li l-ilment kien qed jiġi pproċessat, u b’hekk sar konxju li ma kienet instabet l-ebda evidenza kontrih. Madankollu, il-Kontrollur fakkret lill-OLAF li dan kien ksur serju u stiednet lill-OLAF biex joqgħod attent ħafna f’każijiet simili fil-futur (68). F’dan l-isfond, il-Kontrollur tilqa’ l-introduzzjoni fl-Artikolu 37(5) tal-GIPs tad-diversi mezzi ta’ komunikazzjoni disponibbli għall-unitajiet ta’ investigazzjoni biex jiġi żgurat li l-persuni kkonċernati jiġu nnotifikati b’mod effettiv bil-ftuħ ta’ investigazzjoni, bl-opportunità li jikkummentaw u bl-għeluq ta’ investigazzjoni.

Barra minn hekk, il-Kontrollur tenfasizza li l-Artikolu 37(4) tal-GIPs jindika b’mod ċar il-garanziji proċedurali applikabbli għall-persuni kkonċernati li jridu jiġu osservati mill-persunal tal-OLAF meta jwettaq l-investigazzjonijiet, b’mod partikolari:

(i)

id-dritt li jevitaw l-awtoinkriminazzjoni;

(ii)

id-dritt li jingħataw għajnuna minn persuna tal-għażla tagħhom waqt l-intervisti, l-ispezzjonijiet u l-kontrolli fuq il-post;

(iii)

in-notifika dwar il-ftuħ u l-għeluq ta’ investigazzjoni;

(iv)

id-dritt li jressqu lment quddiem il-Kontrollur.

L-ewwel żewġ drittijiet huma allinjati mad-deċiżjonijiet tal-Kontrollur imsemmija fit-Taqsima 5.1.1 ta’ dan ir-Rapport tal-Attività. In-notifika tal-ftuħ u tal-għeluq ta’ investigazzjoni hija relatata, rispettivament, mal-kummenti tal-Kontrollur dwar ir-reġistrazzjoni tal-persuna kkonċernata fl-OCM (69) u mat-tħassib imqajjem mill-Kontrollur dwar il-perjodu ta’ preskrizzjoni assolut ta’ xahar applikabbli għal investigazzjonijiet magħluqa skont l-Artikolu 9b(2) tar-Regolament dwar l-OLAF (70). Id-dritt li jitressaq ilment mal-Kontrollur, kif imsemmi aktar ’il fuq, huwa relatat mal-kumment magħmul mill-Kontrollur fl-opinjoni tagħha dwar l-abbozz tal-GIPs fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-persuni kkonċernati (71).

Fl-aħħar nett, il-Kontrollur tosserva li l-Artikolu 80(1) issa jipprevedi li “l-persuna kkonċernata għandha tiġi infurmata bid-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali li jagħlaq l-investigazzjoni, sakemm ma tkunx ta’ detriment għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet, jew jekk ikunu applikabbli r-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità”. Id-dispożizzjoni tispeċifika wkoll li “dan jinkludi l-indikazzjoni tad-data tal-għeluq tal-investigazzjoni”. F’dan ir-rigward, il-GIPs jikkodifikaw il-prattika amministrattiva tajba żviluppata mill-OLAF li tmur lil hinn mir-rekwiżit minimu stabbilit fl-Artikolu 11(7) tar-Regolament dwar l-OLAF, li jeħtieġ biss li l-persuna kkonċernata tiġi infurmata fi żmien 10 ijiem tax-xogħol mill-għeluq ta’ investigazzjoni jekk ma tkun instabet l-ebda evidenza kontriha. Din il-prattika amministrattiva tajba kienet ġiet imfaħħra mill-Kontrollur fil-passat u hija konformi mal-proposti magħmula mill-Kontrollur fil-qafas tal-evalwazzjoni tar-Regolament dwar l-OLAF (72).

9.   Relazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-Kontrollur tqis li huwa importanti li jinżamm kuntatt regolari mal-istituzzjonijiet tal-UE, mad-Direttur-Ġenerali tal-OLAF u ma’ partijiet ikkonċernati oħra biex tikseb feedback dwar ir-rwol tal-Kontrollur u, fl-aħħar mill-aħħar, biex tittejjeb il-protezzjoni tal-garanziji proċedurali u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati fl-investigazzjonijiet imwettqa mill-OLAF.

Fil-11 ta’ Settembru 2025, il-Kontrollur ippreżentat ir-Rapport tal-Attività għall-2024 lill-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar il-Ġlieda Kontra l-Frodi u kellha skambju ta’ fehmiet mal-membri tiegħu dwar ir-rwol tagħha u dwar il-protezzjoni tal-garanziji proċedurali ta’ dawk li jkunu qed jiġu investigati mill-OLAF. Fis-16 ta’ Ottubru 2025, hija ppreżentat ukoll ir-Rapport Annwali tagħha għall-2024 lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament Ewropew.

Il-Kontrollur issoktat ukoll skambji regolari u relazzjonijiet ta’ ħidma produttivi mad-Direttur Ġenerali tal-OLAF, abbażi tal-fiduċja reċiproka u l-kooperazzjoni tajba. Eżempju ewlieni wieħed kien il-laqgħa li saret mill-Kontrollur fis-16 ta’ Ottubru 2025, flimkien mal-membri tas-Segretarjat, mas-Sa Salla Saastamoinen (li kienet l-aġent Direttur Ġenerali tal-OLAF) u mal-membri tal-persunal tal-Unità ta’ Konsulenza Ġuridika u t-Tim ta’ Rieżami tal-OLAF biex jiddiskutu l-mekkaniżmu tal-ilmenti. Din il-laqgħa wriet li hija opportunità utli biex issir riflessjoni dwar l-esperjenza miksuba matul l-ewwel snin tal-attività tal-Kontrollur u dwar modi kif jittejbu s-salvagwardji għall-garanziji proċedurali u d-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati fl-investigazzjonijiet tal-OLAF.

10.   Appoġġ amministrattiv u legali

Bil-ħsieb tal-użu effiċjenti tar-riżorsi, ir-Regolament dwar l-OLAF inkariga lis-Segretarjat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza bil-kompitu li jipprovdi appoġġ legali u amministrattiv lill-Kontrollur.

Din l-għażla hija ġġustifikata wkoll mill-komplementarjetà tal-missjonijiet u mill-għanijiet komuni segwiti mill-Kontrollur u mill-Kumitat ta’ Sorveljanza. Is-Segretarjat jiżgura kontinwità, komunikazzjoni kostanti u kooperazzjoni armonjuża kemm mal-ilmentaturi kif ukoll mal-OLAF.

Tim dedikat ta’ persunal b’ħiliet għolja fis-Segretarjat, taħt id-direzzjoni tal-Kap tas-Segretarjat, ipprovda pariri u assistenza siewja lill-Kontrollur filwaqt li rrispetta s-segretezza u l-kunfidenzjalità professjonali.

Fl-Opinjoni tagħha dwar l-evalwazzjoni u l-applikazzjoni tar-Regolament dwar l-OLAF, il-Kontrollur sostniet li għandha tiġi kkunsidrata mill-ġdid ir-rabta amministrattiva kurrenti tas-Segretarjat mal-Uffiċċju tal-Amministrazzjoni u l-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali, magħruf ukoll bħala l-Uffiċċju tal-Paymaster (il-“PMO”) (73). Minħabba li l-istatus u l-funzjonijiet tas-Segretarjat ma humiex allinjati mal-missjoni ewlenija tal-PMO, il-Kontrollur tara l-ħtieġa li jiġi identifikat post organizzazzjonali aktar xieraq u funzjonalment konsistenti għas-Segretarjat li jallinja aħjar mal-mandat tiegħu filwaqt li jiggarantixxi wkoll l-indipendenza tiegħu. F’dan ir-rigward, hija tqis li jista’ jinstab post aktar xieraq, pereżempju, fi ħdan is-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni jew id-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi.

Wara t-tluq tal-Kap tas-Segretarjat (“HoS”) fi Frar 2025, l-aktar membru anzjan tas-Segretarjat assuma l-kariga ta’ aġent HoS f’Marzu 2025. Ir-reklutaġġ ta’ HoS ġdid ġie ffinalizzat fil-bidu tal-2026, u l-HoS il-ġdid inħatar fl-1 ta’ April 2026.

Il-Kontrollur ġiet mistiedna tipparteċipa bħala osservatur fil-proċess tal-għażla għall-HoS il-ġdid bħala kwistjoni ta’ korteżija istituzzjonali. Madankollu, il-Kontrollur tenfasizza li ma hemm l-ebda dispożizzjoni fir-Regolament dwar l-OLAF, simili għal dik għall-Kumitat ta’ Sorveljanza (74), li tagħti dettalji dwar proċedura formali għall-konsultazzjoni tal-Kontrollur u li tiddeskrivi kif l-Opinjoni tal-kontrollur għandha titqies mill-awtorità tal-ħatra fl-għażla tal-persunal tas-Segretarjat.

Fid-dawl tar-rwol doppju tas-Segretarjat fl-appoġġ kemm tal-Kumitat ta’ Sorveljanza kif ukoll tal-Kontrollur, hija l-fehma tal-Kontrollur li jkun ta’ benefiċċju għaż-żewġ entitajiet li jkunu involuti fil-proċess ta’ reklutaġġ fuq bażi ugwali u li l-fehmiet tagħhom jitqiesu kif xieraq. Għaldaqstant, il-Kontrollur talbet lill-koleġiżlaturi jikkunsidraw din il-kwistjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni kurrenti u tar-reviżjoni futura possibbli tar-Regolament dwar l-OLAF (75).

11.   Kif tikkuntattja lill-Kontrollur u tressaq ilment

Tista’ tikkuntattja lill-Kontrollur permezz ta’ email jew bil-posta fuq l-indirizzi li ġejjin:

OLAF-FMB-Controller-Procedural-Guarantees@ec.europa.eu

Controller of Procedural Guarantees/Secretariat of the Supervisory Committee of OLAF

Rue Joseph II, 30

B-1049 Brussels, Belgium

Biex iressqu lment lill-Kontrollur, l-ilmentaturi huma ġentilment mitluba:

(i)

jimlew il-formola;

(ii)

jibagħtuha b’email jew bil-posta fuq l-indirizzi ta’ hawn fuq.

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkonsulta s-sit web:

https://supervisory-committee-olaf.europa.eu/controller-procedural-guarantees_en?prefLang=mt


(1)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2223 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Diċembru 2020 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-effettività tal-investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (ĠU L 437, 28.12.2020, p. 49, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/2223/oj).

(2)  Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(3)  Skont l-Artikolu 2(5) tar-Regolament dwar l-OLAF, persuna kkonċernata hija “kwalunkwe persuna jew operatur ekonomiku ssuspettat li wettaq frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u li għalhekk hija soġġetta għal investigazzjoni mill-Unjoni”. L-ilmenti ppreżentati minn persuni li ma humiex persuni kkonċernati, inklużi xhieda u kollaboraturi, jaqgħu barra mill-mandat tal-Kontrollur.

(4)  Il-Kontrollur ħadet il-kariga tagħha f’Settembru 2022.

(5)  L-Artikolu 9a(6) tar-Regolament dwar l-OLAF.

(6)  Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 326, 26.10.2012, p. 391).

(7)  Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (“QĠUE”) hija magħmula minn żewġ qrati: il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali.

(8)  L-Artikolu 9b(6) tar-Regolament dwar l-OLAF.

(9)  L-Artikolu 9a(9) tar-Regolament dwar l-OLAF.

(10)  L-Artikolu 8(1) u (2) tad-Deċiżjoni tal-Kontrollur ta’ garanziji proċedurali li tadotta dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni għat-trattament tal-ilmenti, 2022/C 494/07, PUB/2022/1609 (OJ C 494, 28.12.2022, p. 17, disponibbli wkoll hawnhekk: https://supervisory-committee-olaf.europa.eu/controller-procedural-guarantees/about-controller/legal-framework_en?prefLang=mt.

(11)  Ara l-Kapitolu III tal-Working Arrangements between the European Anti-Fraud Office and the Controller of Procedural Guarantees tat-18 ta’ Lulju 2025, disponibbli fuq: https://supervisory-committee-olaf.europa.eu/document/download/ea81e700-4540-4ae6-b7ab-e56fb9a2d075_en?filename=SIGNED_WA_OLAF-Controller.pdf.

(12)  L-investigazzjonijiet interni huma investigazzjonijiet imwettqa mill-OLAF fi ħdan l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji Ewropej stabbiliti mit-Trattati tal-UE jew abbażi tagħhom. L-iskop ta’ dawn l-investigazzjonijiet huwa l-ġlieda kontra l-frodi, l-approprjazzjoni indebita, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE. Għal dak l-għan, l-OLAF jinvestiga: (i) kwistjonijiet serji relatati mat-twettiq ta’ dmirijiet professjonali li jikkostitwixxu negliġenza fl-obbligi ta’ uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-UE li jistgħu jirriżultaw fi proċedimenti dixxiplinari jew, skont il-każ, fi proċedimenti kriminali; jew (ii) nuqqas ekwivalenti ta’ twettiq ta’ obbligi minn membri ta’ istituzzjonijiet u ta’ korpi, kapijiet ta’ uffiċċji u aġenziji jew membri tal-persunal ta’ istituzzjonijiet, ta’ korpi, ta’ uffiċċji jew ta’ aġenziji mhux soġġetti għar-Regolamenti tal-Persunal (l-Artikoli 1(4) u 4 tar-Regolament dwar l-OLAF).

(13)  L-investigazzjonijiet esterni huma investigazzjonijiet li l-OLAF iwettaq skont l-Artikolu 3 tar-Regolament dwar l-OLAF. Il-mandat tal-OLAF ikopri n-nefqa kollha tal-UE (jiġifieri l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, il-politika agrikola, in-nefqa diretta u l-għajnuna esterna) u parti sostanzjali tad-dħul tal-UE (iżda mhux kollu, prinċipalment id-dazji doganali u d-dazji agrikoli).

(14)  Il-każijiet ta’ koordinazzjoni huma dawk li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ investigazzjonijiet esterni tal-OLAF, iżda fejn ir-rwol tal-OLAF huwa minflok limitat biex jikkontribwixxi għal investigazzjonijiet li jkunu qed jitwettqu minn servizzi nazzjonali jew tal-UE oħrajn. Dan jagħmlu, fost affarijiet oħra, billi jiffaċilita l-ġbir u l-iskambju ta’ informazzjoni u jiżgura sinerġija operazzjonali fost is-servizzi nazzjonali u tal-UE rilevanti. Il-bażi legali tista’ tinstab fl-Artikolu 12b tar-Regolament dwar l-OLAF u fil-leġiżlazzjoni speċifika għas-settur, bħar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 tat-13 ta’ Marzu 1997 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri u l-koperazzjoni bejn dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni biex ikun assigurat l-applikar korrett tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli (ĠU L 82, 22.3.1997, p. 1) u r-Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 (ĠU L 181, 29.6.2013, p. 15).

(15)  Dawn jinkludu r-regoli stabbiliti fir-Regolament dwar l-OLAF u dawk li jinsabu f’diversi testi, inklużi r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2). Eżempji notevoli oħra jinkludu l-Istruzzjonijiet mill-OLAF lill-Persunal dwar Proċeduri Investigattivi (“il-GIPs”) validi mill-1 ta’ Jannar 2026, disponibbli fuq: https://anti-fraud.ec.europa.eu/document/download/e1994c22-7d58-4e61-8d34-0937a0be8f98_en; u l-Linji Gwida dwar Proċeduri Forensiċi Diġitali għall-Persunal tal-OLAF (id-“DFPs”), tal-15 ta’ Frar 2026, disponibbli fuq: https://anti-fraud.ec.europa.eu/document/download/87e5deb1-8a64-42ca-8e08-234355dbe544_en.

(16)  Ilmenti mhux sostanzjati fihom allegazzjonijiet li ma humiex appoġġati minn evidenza ċara jew li huma internament kontradittorji.

(17)  Ilmenti manifestament infondati jikkonsistu f’allegazzjonijiet foloz jew f’talbiet frivoli b’mod ċar.

(18)  Ara r-Rapport tal-Attività tal-Kontrollur tal-Garanziji Proċedurali għall-2022 (ĠU C 248, 13.7.2023, p. 1), is-subtaqsima 3.3.1.; ir-Rapport tal-Attività tal-Kontrollur tal-Garanziji Proċedurali għall-2023 (ĠU C, C/2024/5673, 23.9.2024), it-Taqsima 4.1; u r-Rapport tal-Attività tal-Kontrollur tal-Garanziji Proċedurali għall-2024 (ĠU C, C/2025/4511, 7.8.2025), it-Taqsima 4.1.

(19)  Ara l-Opinion on the evaluation of the application and impact of Regulation No 883/2013 tal-Kontrollur, disponibbli fuq https://supervisory-committee-olaf.europa.eu/document/download/3c7a4446-920f-4cdb-92a3-f465e766a30e_en?filename=Annex%20-%20CTR%20Opinion%20on%20evaluation.pdf, il-proposti 9 u 16.

(20)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE, PE/31/2018/REV/1 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(21)  Ara r-Rapport tal-Attività tal-Kontrollur tal-Garanziji Proċedurali għall-2022, is-subtaqsima 3.3.2.

(22)  L-Artikolu 5(3) tad-Dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni jipprevedi li “l-Kontrollur għandu jiddikjara wkoll inammissibbli kwalunkwe lment li jqajjem kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD), jiġifieri lmenti relatati mal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1725 u r-rispett tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali.”

(23)  Ara r-Rapport tal-Attività tal-Kontrollur tal-Garanziji Proċedurali għall-2023, op. cit., it-Taqsima 4.3.

(24)  Ara l-Opinion on the evaluation of the application and impact of Regulation No 883/2013 tal-Kontrollur, op. cit., il-proposta 19.

(25)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/3083 tal-4 ta’ Diċembru 2024 li tistabbilixxi l-Kodiċi ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba għall-Membri tal-Persunal tal-Kummissjoni Ewropea fir-relazzjonijiet tagħhom mal-pubbliku (ĠU L, 2024/3083, 5.12.2024).

(26)  Ara n-nota 10 f’qiegħ il-paġna.

(27)  Għal aktar dettalji dwar is-sustanza tal-ilment, ara s-subtaqsima 5.1.2 u t-Taqsima 5.2 hawn taħt.

(28)  Ara n-nota 9 f’qiegħ il-paġna.

(29)  Il-Kontrollur iddikjarat seba’ lmenti mressqa matul l-2025 bħala ammissibbli. Madankollu, hija ħarġet deċiżjonijiet tal-għeluq dwar il-merti għal ħamsa minnhom matul dik l-istess sena. Kif imsemmi hawn fuq fit-Taqsima 2, ittieħdet deċiżjoni dwar iż-żewġ ilmenti ammissibbli li kien fadal matul l-ewwel nofs tal-2026.

(30)  L-investigazzjonijiet li kienu s-suġġett ta’ lmenti ttrattati mill-kontrollur fl-2025 twettqu skont l-Istruzzjonijiet tal-2021 mill-OLAF lill-Persunal dwar Proċeduri Investigattivi (il-“GIPs tal-2021”), disponibbli fuq: https://anti-fraud.ec.europa.eu/document/download/3dc10699-df07-4782-ae0d-232cd698286c_en?filename=gip_2021_en.pdf. Il-GIPs ġew sussegwentement emendati u sostitwiti b’verżjoni ġdida, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2026 (il-“GIPs tal-2026”), disponibbli fuq: https://anti-fraud.ec.europa.eu/document/download/e1994c22-7d58-4e61-8d34-0937a0be8f98_en?filename=gips-2026_en.pdf. Sabiex jiġi adottat approċċ li jħares ’il quddiem u jiġi ffaċilitat il-fehim tal-qarrej tal-qafas legali li bħalissa huwa applikabbli għall-investigazzjonijiet tal-OLAF u l-interpretazzjoni tiegħu mill-Kontrollur, ir-referenzi għall-GIPs tal-2021 li oriġinarjament kienu inklużi fid-deċiżjonijiet tal-Kontrollur ġew adattati f’dan ir-Rapport Annwali biex jirreferu minflok għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-GIPs tal-2026. F’dan il-każ, il-Kontrollur irreferiet għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-GIPs tal-2021 fid-deċiżjoni, iżda d-dikjarazzjonijiet u l-konklużjonijiet imfassla mill-Kontrollur huma applikabbli bl-istess mod għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-GIPs tal-2026. L-Artikolu 9(2) tal-GIPs tal-2021 ipprovda, b’formulazzjoni simili, li “l-unità tal-investigazzjoni għandha tinforma lill-Membri, lill-uffiċjali jew lil aġenti oħra tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-uffiċċji u tal-aġenziji tal-UE mill-aktar fis possibbli dwar l-implikazzjoni possibbli tagħhom f’investigazzjoni miftuħa”.

(31)  Ara s-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2022, LA International Cooperation Srl vs Il-Kummissjoni, T-609/20, ECLI:EU:T:2022:407, il-punti 22 u 23.

(32)  Ara s-sentenza tal-20 ta’ Lulju 2016, Oikonomopoulos vs Il-Kummissjoni, T-483/13, ECLI:EU:T:2016:421, il-punti 229 u 230.

(33)  Ara l-Opinion on the evaluation of the application and impact of Regulation 883/2013 tal-Kontrollur, op. cit., il-proposta 3.

(34)  Kif spjegat fin-nota 29 f’qiegħ il-paġna, il-Kontrollur irreferiet għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-GIPs tal-2021 fid-deċiżjoni, iżda d-dikjarazzjonijiet u l-konklużjonijiet imfassla mill-Kontrollur huma applikabbli bl-istess mod għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-GIPs tal-2026. F’dan il-każ, il-Kontrollur tinnota li l-Artikolu 17(1) u (4) tal-GIPs tal-2021 jikkorrispondi, essenzjalment, għall-Artikolu 47 tal-GIPs tal-2026.

(35)  Ara l-Opinion on the evaluation of the application and impact of Regulation 883/2013 tal-Kontrollur, op. cit., il-proposta 4.

(36)   Ibid., il-proposta 5.

(37)  Ara s-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2022, Sistem Ecologica vs Il-Kummissjoni, T-81/21, ECLI:EU:T:2022:641, il-punt 103; u s-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2016, Marchiani vs Il-Parlament Ewropew, C-566/14, ECLI:EU:C:2016:437, il-punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata.

(38)  Ara s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2020, Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) vs De Loecker, C-187/19 P, ECLI EU:C:2020:444, il-punt 68.

(39)  Ara s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2020, Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) vs De Loecker, C-187/19 P, il-punt 69; is-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2014, Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics, C-129/13 u C-130/13, il-punt 38; u s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida, C-249/13, il-punti 37 u 59.

(40)  L-Artikolu 12c(5) tar-Regolament dwar l-OLAF jipprevedi li, f’dawn iċ-ċirkostanzi, “l-Uffiċċju m’għandux ikompli l-investigazzjoni tiegħu dwar l-istess fatti għajr f’konformità mal-Artikolu 12e jew l-Artikolu 12f”. Din il-kjarifika finali hija dovuta għall-fatt li, bħala parti mill-kooperazzjoni bejn l-OLAF u l-UPPE, il-qafas legali applikabbli jipprevedi l-possibbiltà li l-OLAF iwettaq kemm attivitajiet ta’ appoġġ kif ukoll investigazzjonijiet komplementari filwaqt li tkun għaddejja investigazzjoni tal-UPPE. L-ewwel nett, l-OLAF jista’ jappoġġa jew jikkomplementa l-attività tal-UPPE (b’mod partikolari billi: (i) jipprovdi informazzjoni, analiżi – inkluża analiżi forensika, għarfien espert u appoġġ operazzjonali; (ii) jiffaċilita l-koordinazzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi tal-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali kompetenti u l-korpi tal-Unjoni; u (iii) iwettaq investigazzjonijiet amministrattivi), skont it-termini stabbiliti fl-Artikolu 12e tar-Regolament dwar l-OLAF. It-tieni, filwaqt li l-UPPE jwettaq l-investigazzjoni kriminali tiegħu, l-OLAF jista’ jibda wkoll investigazzjoni komplementari, bl-għan li jiffaċilita l-adozzjoni ta’ miżuri kawtelatorji jew ta’ azzjoni finanzjarja, dixxiplinari jew amministrattiva, f’konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 12f tar-Regolament dwar l-OLAF.

(41)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).

(42)  Ara s-sentenza tal-20 ta’ Lulju 2016, Oikonomopoulos vs Il-Kummissjoni Ewropea, T-483/13, ECLI:EU:T:2016:421, il-punti 238 sa 240 u l-ġurisprudenza ċċitata.

(43)   Ibid.

(44)  Ara s-sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2019, Dalli vs Il-Kummissjoni, T-399/17, ECLI:EU:T:2019:384, il-punti 143 sa 144.

(45)  Skont l-Artikolu 47(2) tal-GIPs, dawn l-attivitajiet jistgħu jitwettqu biss wara awtorizzazzjoni mid-Direttur Ġenerali tal-OLAF. Meta l-unità investigattiva tippjana attività ta’ investigazzjoni li teħtieġ awtorizzazzjoni mid-Direttur Ġenerali, hija tabbozza talba għal awtorizzazzjoni u tippreżentaha lil unità speċjalizzata tal-OLAF, it-“Tim tar-Rieżami” (ara l-Artikolu 36(2) tal-GIPs). It-Tim tar-Rieżami jivverifika l-legalità, in-neċessità u l-proporzjonalità tal-attività investigattiva proposta u jipprovdi opinjoni lid-Direttur Ġenerali, li abbażi tagħha d-Direttur Ġenerali jieħu deċiżjoni (ara l-Artikolu 36(4) tal-GIPs). Dawn is-salvagwardji proċedurali huma konsistenti mal-interpretazzjoni tal-Qrati tal-UE tal-prinċipju tal-proporzjonalità. Bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-UE, dak il-prinċipju jeħtieġ li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-UE jkunu xierqa biex jintlaħqu l-objettivi leġittimi segwiti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex jinkisbu dawk l-objettivi. Dwar dan, ara s-sentenza tas-16 ta’ Frar 2022, L-Ungerija vs Il-Parlament u l-Kunsill, C–156/21, ECLI:EU:C:2022:97, il-punt 340 u l-ġurisprudenza ċċitata.

(46)  Ara l-Linji Gwida dwar Proċeduri Forensiċi Diġitali għall-Persunal tal-OLAF, disponibbli fuq: https://anti-fraud.ec.europa.eu/investigations/digital-forensics_en?prefLang=mt.

(47)  Ara l-Artikolu 1(7) tad-DFPs.

(48)  Ara l-Artikolu 1(8) tad-DFPs.

(49)  Ara l-Artikolu 4(4) tad-DFPs.

(50)  Ara l-Artikolu 5(4), (5) u (6)tad-DFPs.

(51)  Ara l-Artikolu 8 tad-DFPs.

(52)  Kif spjegat fin-nota 29 f’qiegħ il-paġna, il-Kontrollur irreferiet għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-GIPs tal-2021 fid-deċiżjoni, iżda d-dikjarazzjonijiet u l-konklużjonijiet maħruġa mill-Kontrollur dwar it-twettiq ta’ operazzjonijiet forensiċi huma applikabbli bl-istess mod għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-GIPs tal-2026.

(53)  Ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Ġunju 2019, Vialto Consulting vs Il-Kummissjoni, T-617/17, ECLI:EU:T:2019:446, il-punt 67 (mhux ippubblikata). Bil-Franċiż oriġinali: “En outre, ainsi que le fait valoir la Commission à juste titre, l’article 7, paragraphe 1, du règlement no 2185/96 ne saurait être interprété d’une manière telle qu’il autorise la personne ou l’entité contrôlée à déterminer elle-même les données pertinentes aux fins d’une enquête de l’OLAF”.

(54)  Il-persunal tal-UE jinkludi uffiċjali tal-UE u aġenti oħra impjegati b’kuntratt mill-UE (bħal persunal temporanju, persunal bil-kuntratt, persunal lokali, konsulenti speċjali jew assistenti parlamentari akkreditati).

(55)  Ara r-Rapport tal-Attività tal-Kontrollur tal-Garanziji Proċedurali għall-2023, op. cit., is-subtaqsima 4.4.5.

(56)  Ara s-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2009, V vs Il-Kummissjoni, il-Kawża F-33/08, ECLI:EU:F:2009:141, il-punti 170-171.

(57)  Ara n-nota 10 f’qiegħ il-paġna.

(58)  Ara r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(59)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/3080 tal-4 ta’ Diċembru 2024 li tistabbilixxi r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni u li temenda d-Deċiżjoni C(2000) 3614 (ĠU L, 2024/3080, 5.12.2024).

(60)  Sa tmiem l-2025, il-Kontrollur kienet ittrattat total ta’ 73 ilment mill-bidu tal-mandat tagħha.

(61)  Ara l-Opinion on the evaluation of the application and impact of Regulation 883/2013 tal-Kontrollur, op. cit.

(62)  Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17).

(63)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 15).

(64)  Ara s-sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2019, Dalli vs Il-Kummissjoni, T-399/17, ECLI:EU:T:2019:384, ikkonfermata bis-sentenza tal-25 ta’ Frar 2021, Dalli vs Il-Kummissjoni, C-615/19P, ECLI:EU:C:2021:133.

(65)  Ara l-verżjoni redatta tal-Opinjoni tal-Kontrollur dwar l-abbozz tal-Istruzzjonijiet dwar Proċeduri Investigattivi (GIPs), disponibbli fuq: https://supervisory-committee-olaf.europa.eu/document/download/4f655d63-4b02-40df-8b93-038c44f1bb2e_en?filename=Opinion%20of%20the%20Controller%20on%20draft%20GIPs_redacted%20final.pdf.

(66)  Ara l-Verżjoni redatta tal-Opinjoni tal-Kontrollur dwar l-abbozz tal-Istruzzjonijiet dwar Proċeduri Investigattivi (GIPs), op. cit., it-tielet kumment.

(67)  Ara l-Opinion on the evaluation of the application and impact of Regulation 883/2013 tal-Kontrollur, op. cit.

(68)  Ara r-Rapport tal-Attività tal-Kontrollur tal-garanziji proċedurali għall-2022, op. cit., is-soubtaqsima 3.5.2. Ara wkoll ir-Rapport tal-Attività tal-Kontrollur tal-garanziji proċedurali għall-2024, op. cit., it-Taqsima 5.5.

(69)  Ara l-Verżjoni redatta tal-Opinjoni tal-Kontrollur dwar l-abbozz tal-Istruzzjonijiet dwar Proċeduri Investigattivi (GIPs), op. cit., it-tieni kumment.

(70)  Ara l-Opinion on the evaluation of the application and impact of Regulation 883/2013 tal-Kontrollur, op. cit., il-proposti 9 u 16. Ara wkoll ir-Rapport tal-Attività tal-Kontrollur tal-Garanziji Proċedurali għall-2022, op. cit., is-subtaqsima 3.3.1.; ir-Rapport tal-Attività tal-Kontrollur tal-Garanziji Proċedurali għall-2023, op. cit., it-Taqsima 4.1; u r-Rapport tal-Attività tal-Kontrollur tal-Garanziji Proċedurali għall-2024, op. cit., it-Taqsima 4.1.

(71)  Ara l-Verżjoni redatta tal-Opinjoni tal-Kontrollur dwar l-abbozz tal-Istruzzjonijiet dwar Proċeduri Investigattivi (GIPs), op. cit., it-tielet kumment.

(72)  Ara l-Opinion on the evaluation of the application and impact of Regulation 883/2013 tal-Kontrollur, op. cit., il-proposta 9.

(73)  Ara l-Opinion on the evaluation of the application and impact of Regulation No 883/2013 tal-Kontrollur, op. cit., il-proposta 24.

(74)  Ara l-Artikolu 15(8) tar-Regolament dwar l-OLAF.

(75)  Ara l-Opinion on the evaluation of the application and impact of Regulation No 883/2013 tal-Kontrollur, op. cit., il-proposta 22.


ANNESS

Referenzi

Qafas ġuridiku

Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2223 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Diċembru 2020 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-effettività tal-investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (ĠU L 437, 28.12.2020, p. 49).

L-istruzzjonijiet mill-OLAF lill-persunal dwar proċeduri investigattivi, il-11 ta’ Ottubru 2021, Ref. Ares (2021)6071905 – 06/10/2021, disponibbli fuq: https://anti-fraud.ec.europa.eu/document/download/3dc10699-df07-4782-ae0d-232cd698286c_en?filename=gip_2021_en.pdf.

L-istruzzjonijiet mill-OLAF lill-persunal dwar proċeduri investigattivi, l-1 ta’ Jannar 2026, Ref. Ares(2025)9710596 – 11/11/2025, disponibbli fuq: https://anti-fraud.ec.europa.eu/document/download/e1994c22-7d58-4e61-8d34-0937a0be8f98_en?filename=gips-2026_en.pdf.

Guidelines on digital forensic procedures for OLAF staff, il-15 ta’ Frar 2016, disponibbli fuq: https://anti-fraud.ec.europa.eu/document/download/87e5deb1-8a64-42ca-8e08-234355dbe544_en.

Working Arrangements between the European Anti-Fraud Office and the Controller of Procedural Guarantees, it-18 ta’ Lulju 2025, Ref. Ares(2025)6027144 – 24/07/2025, disponibbli fuq: https://supervisory-committee-olaf.europa.eu/document/download/ea81e700-4540-4ae6-b7ab-e56fb9a2d075_en?filename=SIGNED_WA_OLAF-Controller.pdf

Id-Deċiżjoni tal-Kontrollur ta’ garanziji proċedurali li tadotta dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni għat-trattament tal-ilmenti 2022/C 494/07 (ĠU C 494, 28.12.2022, p. 17-23), disponibbli wkoll fuq: https://supervisory-committee-olaf.europa.eu/controller-procedural-guarantees/about-controller/legal-framework_en?prefLang=mt.

Rapporti tal-attività annwali u opinjonijiet

Ir-Rapport tal-Attività tal-Kontrollur tal-Garanziji Proċedurali għall-2022 (ĠU C 248, 13.7.2023, p. 1), disponibbli wkoll fuq: https://supervisory-committee-olaf.europa.eu/document/download/fdcb45a3-1934-423d-8198-689d2a96bc1c_en?filename=Controller%20-%20Annual%20Report%202022%20.pdf.

Ir-Rapport tal-Attività tal-Kontrollur tal-Garanziji Proċedurali għall-2023 (ĠU C, C/2024/5673, 23.9.2024), disponibbli wkoll fuq: https://supervisory-committee-olaf.europa.eu/document/download/5add81b3-44e1-41a4-bdf1-806c1186b9dd_en?filename=Controller-Annual%20Report%202023%20.pdf.

Ir-Rapport tal-Attività tal-Kontrollur tal-Garanziji Proċedurali għall-2024 (ĠU C, C/2025/4511, 7.8.2025), disponibbli wkoll fuq: https://supervisory-committee-olaf.europa.eu/document/download/8a8d23c3-9e4c-4f0f-8020-a555e317aa87_en?filename=COAR%202024.pdf.

L-Opinjoni tal-Kontrollur dwar l-abbozz tal-Istruzzjonijiet dwar Proċeduri Investigattivi (GIPs), disponibbli fuq: https://supervisory-committee-olaf.europa.eu/document/download/4f655d63-4b02-40df-8b93-038c44f1bb2e_en?filename=Opinion%20of%20the%20Controller%20on%20draft%20GIPs_redacted%20final.pdf.

Opinion on the evaluation of the application and impact of Regulation No 883/2013 tal-Kontrollur, Ref. Ares(2026)2209882 – 27/02/2026, disponibbli fuq https://supervisory-committee-olaf.europa.eu/document/download/3c7a4446-920f-4cdb-92a3-f465e766a30e_en?filename=Annex%20-%CTR 20%20Opinion%20on%20evaluation.pdf.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/4270/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)