European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1914

6.8.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1914

tal-5 ta’ Awwissu 2026

li jimponi dazju kumpensatorju provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerta karta termali ħafifa li toriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u, b’mod partikolari, l-Artikolu 15 tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Bidu

(1)

Fis-7 ta’ Novembru 2025, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) bdiet investigazzjoni antisussidji fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ċerta karta termali ħafifa (lightweight thermal paper, “LWTP”) li toriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat” jew “ir-RPĊ”) abbażi tal-Artikolu 10 tar-Regolament bażiku. Hija ppubblikat Notifika tal-Bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) (“in-Notifika tal-Bidu”).

(2)

Il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni wara lment ippreżentat fl-24 ta’ Settembru 2025 mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Karta Termali (European Thermal Paper Association, “ETPA”) u l-membri tagħha, produtturi tal-karta termali ħafifa (“l-ilmentaturi”). L-ilment sar f’isem l-industrija tal-Unjoni ta’ ċerta karta termali ħafifa għall-użu fis-sens tal-Artikolu 10(6) tar-Regolament bażiku. L-ilment kien fih evidenza li l-produtturi tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat kienu bbenefikaw minn għadd ta’ sussidji mogħtija mill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

(3)

Qabel il-bidu tal-investigazzjoni antisussidji, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Gvern taċ-Ċina (“GTĊ”) (3) li kienet irċeviet ilment dokumentat kif xieraq u stiednet lill-GTĊ għal konsultazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 10(7) tar-Regolament bażiku. Il-konsultazzjonijiet saru fil-5 ta’ Novembru 2025. Madankollu, ma ntlaħqet l-ebda soluzzjoni miftiehma b’mod reċiproku.

1.2.   Reġistrazzjoni

(4)

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/313 (4), il-Kummissjoni għamlet l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat soġġetti għal reġistrazzjoni bl-għan li tiżgura li, jekk l-investigazzjoni tirriżulta f’sejbiet li jwasslu għall-impożizzjoni ta’ dazji kompensatorji, dawk id-dazji jistgħu, jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet meħtieġa, jiġu imposti b’mod retroattiv fuq l-importazzjonijiet irreġistrati f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali applikabbli (“ir-Regolament dwar ir-reġistrazzjoni”).

1.3.   Partijiet interessati

(5)

Fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkuntattjawha sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni informat speċifikament lill-ilmentaturi, lil produtturi magħrufin oħra tal-Unjoni, lill-produtturi esportaturi magħrufin u lill-awtoritajiet Ċiniżi, lill-importaturi u lill-utenti magħrufin, kif ukoll lill-assoċjazzjonijiet li kien magħruf li kienu kkonċernati, dwar il-bidu tal-investigazzjoni, u stednithom jieħdu sehem.

(6)

Il-partijiet interessati kellhom l-opportunità li jikkummentaw dwar il-ftuħ tal-investigazzjoni u li jitolbu smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali.

(7)

Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment dwar il-bidu jew talba għal seduta ta’ smigħ.

1.4.   Teħid ta’ kampjuni

(8)

Fin-Notifika tal-Bidu, il-Kummissjoni ddikjarat li għandha mnejn tikkampjuna l-partijiet interessati f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

1.4.1.   Kampjunar tal-produtturi tal-Unjoni

(9)

Fin-Notifika tal-Bidu tagħha, il-Kummissjoni ddikjarat li hija kienet għażlet b’mod proviżorju kampjun tal-produtturi tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għażlet il-kampjun fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ u ta’ produzzjoni tal-prodott simili fl-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni, li seta’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli.

(10)

Dan il-kampjun kien jikkonsisti minn tliet produtturi tal-Unjoni f’żewġ Stati Membri differenti. Meta titqies id-data disponibbli fl-istadju tal-bidu, il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun kienu jirrappreżentaw aktar minn 80 % tal-produzzjoni totali stmata fl-Unjoni u tal-bejgħ tal-produtturi kollha tal-Unjoni tal-prodott simili fis-suq tal-Unjoni. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jikkummentaw dwar il-kampjun proviżorju. Ma wasal l-ebda kumment. Il-kampjun ġie kkonfermat fil-11 ta’ Novembru 2025. Il-kampjun huwa rappreżentattiv tal-industrija tal-Unjoni.

1.4.2.   Kampjunar tal-importaturi

(11)

Sabiex tiddeċiedi jekk kienx meħtieġ kampjunar u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-importaturi mhux relatati jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika tal-Bidu.

(12)

L-ebda importatur mhux relatat ma pprovda l-informazzjoni mitluba u qabel li jiġi inkluż fil-kampjun. Konsegwentement, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-kampjunar ma kienx neċessarju.

1.4.3.   Kampjunar tal-produtturi esportaturi fir-RPĊ

(13)

Sabiex tiddeċiedi jekk il-kampjunar kienx neċessarju u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-produtturi esportaturi kollha fir-RPĊ jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika tal-Bidu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet lill-Missjoni tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-Unjoni Ewropea sabiex tidentifika u/jew tikkuntattja lil produtturi esportaturi oħrajn, jekk hemm, li jistgħu jkunu interessati li jipparteċipaw fl-investigazzjoni.

(14)

Erba’ produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat ipprovdew l-informazzjoni mitluba u qablu li jiġu inklużi fil-kampjun. F’konformità mal-Artikolu 27(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għażlet kampjun ta’ tliet (gruppi ta’) kumpaniji li setgħu jiġu investigati b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. L-għażla tal-kampjun kienet ibbażata fuq l-akbar volum rappreżentattiv ta’ produzzjoni, bejgħ jew esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli.

(15)

F’konformità mal-Artikolu 27(2) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi magħrufa kollha kkonċernati u l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat ġew ikkonsultati dwar l-għażla tal-kampjun. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment dwar l-għażla oriġinali tal-kampjun.

(16)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ddeċidiet li tikkonferma l-kampjun provviżorju tagħha:

—

Henan Xianhe Special App Co., Ltd (‘Xianhe’)

—

Gold East Paper Co., Ltd (‘GEP’)

—

Guangdong Guanhao High Tech Co. (‘GGHT’).

(17)

Abbażi tal-informazzjoni disponibbli f’dak l-istadju, il-kampjun kien jammonta għal 41 % tal-produzzjoni Ċiniża stmata tal-LWTP u kopra l-volum totali stmat kollu tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni mir-RPĊ fil-perjodu ta’ investigazzjoni.

(18)

Fil-11 ta’ Diċembru 2025, il-Kummissjoni ġiet infurmata minn Xianhe li l-kumpanija sabet li n-negozjanti domestiċi mhux relatati tagħhom qatgħu r-rombli jumbo tal-karta termali f’rombli żgħar. Peress li dawn ir-rombli żgħar ma jaqgħux fl-ambitu tal-investigazzjoni, il-kumpanija kkonkludiet li fil-fatt ma kinux esportaw il-prodott ikkonċernat lejn l-UE matul il-perjodu ta’ investigazzjoni u għalhekk ma kinitx se twieġeb għall-kwestjonarju (5).

(19)

Fil-5 ta’ Jannar 2026, il-GEP informa wkoll lill-Kummissjoni li ma kienx se jissottometti tweġiba għall-kwestjonarju u li ma kienx se jikkoopera fl-investigazzjoni (6).

(20)

F’dak l-istadju tal-investigazzjoni, ma kienx hemm biżżejjed żmien biex jintgħażel kampjun ġdid ta’ produtturi esportaturi. Barra minn hekk, minħabba l-livell baxx ta’ esportazzjonijiet tar-raba’ produttur esportatur li jifdal (Henan Jianghe) li pprovda tweġiba għall-kampjunar (inqas minn 2 % tal-esportazzjonijiet Ċiniżi totali tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni), kwalunkwe bidla fil-kampjun ma kinitx tirriżulta f’kampjun rappreżentattiv biżżejjed. Għalhekk, il-Kummissjoni abbandunat kompletament il-kampjunar u applikat l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku (7).

(21)

Għalhekk, il-Kummissjoni tat eżami individwali lil GGHT bħala l-unika kumpanija li pprovdiet tweġiba xierqa u f’waqtha għall-kwestjonarju li setgħet tiġi vverifikata f’konformità mal-Artikolu 26(1) tar-Regolament bażiku. Fid-dawl tal-volum baxx ta’ esportazzjonijiet ta’ din il-kumpanija (4 % tal-esportazzjonijiet Ċiniżi totali tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni), din il-kumpanija ma tqisitx rappreżentattiva għall-produtturi esportaturi l-oħra kollha, għalhekk il-livelli tad-dazju għall-kumpaniji l-oħra kollha ma setgħux ikunu bbażati fuq is-sejbiet għal din il-kumpanija, iżda jkunu bbażati fuq l-aħjar fatti disponibbli.

1.4.4.   Tweġibiet għall-kwestjonarju u żjarat ta’ verifika

(22)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-GTĊ, lill-bqija tal-produtturi esportaturi li kkooperaw, lit-tliet produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, lill-ilmentaturi, lill-importaturi magħrufa u lill-utenti. Il-kwestjonarji għall-kumpaniji saru disponibbli wkoll online fil-jum tal-bidu.

(23)

Il-Kummissjoni rċeviet tweġibiet għall-kwestjonarju mill-GTĊ, mill-produttur esportatur, mit-tliet produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u mill-ETPA f’isem l-industrija tal-Unjoni.

(24)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li hija qieset bħala meħtieġa għad-determinazzjoni tal-għoti ta’ sussidji, il-ħsara li tirriżulta u l-interess tal-Unjoni. Iż-żjarat ta’ verifika skont l-Artikolu 26 tar-Regolament bażiku twettqu fil-bini tal-partijiet li ġejjin:

 

— Produtturi tal-Unjoni

—

Jujo Thermal Oy, Kauttua, il-Finlandja

—

Koehler Paper SE, Oberkirch, il-Ġermanja

—

Mitsubishi HiTec Paper Europe GmbH, Bielefeld, Il-Ġermanja

 

— Produtturi esportaturi fir-RPĊ:

—

Il-Grupp GGHT

—

Foshan Huaxin Development Co., Ltd., Zhuhai, iċ-Ċina

—

Hongta Renheng Packaging Co., Ltd., Zhuhai, iċ-Ċina

—

Zhuhai Hongta Renheng New Materials Co., Ltd., Zhuhai, iċ-Ċina

—

Guangdong Guanhao High-Tech Co., Ltd., Zhanjiang, iċ-Ċina

—

China Paper Investment Co., Ltd., Beijing, iċ-Ċina

—

Chengtong Finance Co., Ltd., Beijing, iċ-Ċina

(25)

It-tweġiba għall-kwestjonarju ppreżentata mill-ETPA f’isem l-industrija tal-Unjoni ġiet ivverifikata fil-bini tar-rappreżentant legali tagħha fi Brussell.

(26)

Aġġornament ipprovdut minn Koehler Paper SE wara ż-żjara ta’ verifika kien soġġett għal verifika ta’ kontroverifika mill-bogħod.

1.5.   Perjodu ta’ investigazzjoni u perjodu kkunsidrat

(27)

L-investigazzjoni tas-sussidjar u tad-dannu kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2024 sat-30 ta’ Settembru 2025 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni” jew “PI”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2022 sa tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).

2.   PRODOTT TAĦT INVESTIGAZZJONI

2.1.   Prodott taħt investigazzjoni

(28)

Il-prodott taħt investigazzjoni huwa l-karta termali ħafifa (LWTP, lightweight thermal paper), definita bħala karta termali li għandha piż bażi ta’ 65 g/m2 jew inqas, li tinbiegħ f’rombli b’wisa’ ta’ 20 cm jew aktar, li jiżnu 50 kg jew aktar (inkluża l-karta) u b’dijametru ta’ 40 cm jew aktar (“rombli jumbo”); b’kisja fuq naħa waħda jew fuq iż-żewġ naħat jew mingħajr kisja; b’saff fiżiku jew kimiku termosensittiv (jiġifieri, saff li jiżvela immaġni meta tiġi applikata s-sħana) fuq naħa waħda jew fuq iż-żewġ naħat; u b’kisja ta’ fuq jew mingħajrha (“il-prodott li qed jiġi investigat”), li bħalissa huwa kklassifikat taħt il-kodiċijiet NM ex 4809 90 00 , ex 4811 90 00 , ex 4816 90 00 u ex 4823 90 85 (il-kodiċijiet TARIC 4809 90 00 10, 4811 90 00 10, 4816 90 00 10 u 4823 90 85 20).

(29)

Sakemm ma jkollhiex saff fiżiku termosensittiv, il-LWTP tiġi prodotta bi żviluppatur kimiku, kemm jekk fenoliku kif ukoll jekk mingħajr ebda fenol (LWTP ħielsa mill-fenol). Din l-investigazzjoni tikkonċerna t-tipi kollha.

(30)

Karta termali ħafifa tintuża prinċipalment fl-applikazzjonijiet tal-punt tal-bejgħ (point of sale — POS) bħar-riċevuti li jagħtu l-ħwienet.

2.2.   Prodott ikkonċernat

(31)

Il-prodott ikkonċernat huwa l-prodott taħt investigazzjoni li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

2.3.   Prodott simili

(32)

L-investigazzjoni wriet li dawn il-prodotti li ġejjin għandhom l-istess karatteristiki fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi kif ukoll l-istess użi bażiċi:

—

il-prodott ikkonċernat;

—

il-prodott li huwa prodott u mibjugħ fis-suq domestiku tar-RPĊ; and

—

il-prodott taħt investigazzjoni prodott u mibjugħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni.

(33)

Għalhekk, f’dan l-istadju, il-Kummissjoni ddeċidiet li dawk il-prodotti huma prodotti simili skont it-tifsira tal-Artikolu 2(c) tar-Regolament bażiku.

3.   SUSSIDJU

3.1.   Introduzzjoni: Il-preżentazzjoni tal-pjanijiet, tal-proġetti u ta’ dokumenti oħrajn tal-Gvern

(34)

Qabel ma analizzat l-allegat sussidjar fil-forma ta’ sussidji jew programmi ta’ sussidju, il-Kummissjoni vvalutat il-pjanijiet, il-proġetti u dokumenti oħrajn tal-gvern, li kienu rilevanti għall-analiżi tal-programmi ta’ sussidju investigati.

(35)

Bħala kumment preliminari, il-Kummissjoni indikat li l-istruttura ekonomika ġenerali taċ-Ċina hija karatterizzata minn rwol partikolarment b’saħħtu tal-Istat, fejn l-awtoritajiet tal-Istat min-naħa tagħhom huma kkontrollati mill-Partit Komunist Ċiniż (is-“CCP”), l-entità politika governanti tal-pajjiż. B’riżultat ta’ dan, in-negozji fiċ-Ċina joperaw f’ambjent speċifiku li - b’differenza mill-ekonomiji tal-Punent fejn il-forzi tas-suq jirrappreżentaw il-prinċipju organizzattiv dominanti – huwa kkaratterizzat minn diversi mekkaniżmi li jipprovdu lill-GTĊ bi grad sostanzjali ta’ kontroll fuq kwalunkwe attività ekonomika fil-pajjiż. Dan il-kontroll strett jipprevjeni lill-operaturi ekonomiċi milli jaġixxu bħala operaturi razzjonali tas-suq li jfittxu li jimmassimizzaw il-profitti, u fil-fatt iġiegħelhom jaġixxu bħala fergħa tal-gvern fl-implimentazzjoni tal-politiki u l-pjanijiet tiegħu.

(36)

Il-karatteristiċi li ġejjin huma l-aktar sinifikanti fit-trażmissjoni tad-deċiżjonijiet tal-politika tal-GTĊ fit-tmexxija ta’ kuljum tan-negozju tal-operaturi ekonomiċi: (i) duttrina ta’ ekonomija soċjali tas-suq, (ii) it-tmexxija tas-CCP, (iii) sistema ta’ ppjanar industrijali, (iv) is-sistema finanzjarja.

(37)

Id-duttrina tal-ekonomija tas-suq soċjalista, inkorporata fil-Kostituzzjoni Ċiniża (8), tagħti lill-Istat kontroll inerenti u li jkopri kollox fuq l-ekonomija, li jmur lil hinn mill-istandards tradizzjonali tat-twaqqif ta’ qafas regolatorju li fih l-atturi tas-suq huma liberi li joperaw. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 6 tal-Kostituzzjoni: “Il-bażi tas-sistema ekonomika soċjalista tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina hija s-sjieda pubblika soċjalista tal-mezzi ta’ produzzjoni […]. Fl-istadju primarju tas-soċjaliżmu, l-Istat isostni s-sistema ekonomika bażika li fiha s-sjieda pubblika hija dominanti u diversi forom ta’ sjieda jiżviluppaw b’mod parallel u jżomm is-sistema ta’ distribuzzjoni li fiha d-distribuzzjoni skont ix-xogħol hija dominanti u jeżistu flimkien diversi modi ta’ distribuzzjoni.” Barra minn hekk, skont l-Artikolu 15 tal-Kostituzzjoni: “L-Istat jipprattika ekonomija tas-suq soċjalista. L-Istat isaħħaħ il-leġiżlazzjoni ekonomika, itejjeb il-makroregolamentazzjoni u l-kontroll. L-Istat jipprojbixxi f’konformità mal-liġi kull organizzazzjoni jew individwu milli jfixkel l-ordni soċjoekonomiku.” Barra minn hekk, l-Artikolu 11 tal-Kostituzzjoni jassenja lill-Istat rwol interventist li jmur lil hinn mill-ħarsien tad-drittijiet u tal-interessi tas-setturi mhux pubbliċi, fis-sens li l-Istat għandu “jħeġġeġ, jappoġġja u jiggwida l-iżvilupp tas-setturi mhux pubbliċi tal- ekonomija u, f’konformità mal-liġi, jeżerċita superviżjoni u kontroll fuq is-setturi mhux pubbliċi tal-ekonomija.”

(38)

Dawn il-prinċipji fundamentali kostituzzjonali huma riflessi fil-biċċiet kollha rilevanti tal-leġiżlazzjoni (9) li jenfasizzaw l-ekonomija tas-suq soċjalista bħala l-prinċipju ewlieni li fuqu hija bbażata l-ekonomija Ċiniża. Barra minn hekk, l-Istat, taħt it-tmexxija tas-CCP, tabilħaqq jagħmel użu estensiv minn varjetà ta’ strumenti – kemm billi jinċentiva kif ukoll billi jillimita - biex jiggwida l-ekonomija lejn modernizzazzjoni soċjalista, jiġifieri lejn objettivi (inklużi għanijiet ta’ politika industrijali) stabbiliti mill-GTĊ.

(39)

It-tmexxija tas-CCP — filwaqt li hija formalment minquxa fil-Kostituzzjoni tal-pajjiż (10), kif ukoll fil-leġiżlazzjoni sekondarja rilevanti u fil-Kostituzzjoni tal-Partit (11) innifsu — tieħu diversi forom fil-prattika; b’mod partikolari, peress li s-separazzjoni tas-setgħat ma teżistix fiċ-Ċina u l-Partit jeżerċita kontroll sħiħ fuq il-fergħat leġiżlattivi (12), eżekuttivi (13), kif ukoll ġudizzjarji (14) tal-apparat tal-Istat; barra minn hekk, il-Partit jissorvelja oqsma kruċjali tal-ekonomija, inklużi s-settur finanzjarju u s-setturi industrijali meqjusa strateġiċi, notevolment permezz tas-sjieda u/jew billi jaħtar u jagħmel rotazzjoni ta’ impjegati ewlenin; barra minn hekk, l-istabbiliment ta’ ċelloli tal-Partit huwa obbligatorju fl-intrapriżi kollha b’aktar minn tliet membri tal-Partit (15), kemm tal-Istat kif ukoll privati, u l-istrutturi tal-Partit fi ħdan l-impriżi spiss jiddikjaraw id-dritt li jipparteċipaw fit-teħid ta’ deċiżjonijiet operazzjonali tal-kumpaniji. Dawn il-mekkaniżmi ta’ kontroll kollha jipprovdu lis-CCP b’ħakma stretta fuq l-ekonomija tal-pajjiż u jippermettu lill-Partit jifformula u jimplimenta l-politiki ekonomiċi tiegħu f’konformità mal-konsiderazzjonijiet u l-prijoritajiet strateġiċi tiegħu.

(40)

Id-direzzjoni tal-ekonomija Ċiniża hija ddeterminata b’mod sinifikanti minn sistema elaborata ta’ ppjanar li tistabbilixxi l-prijoritajiet u tippreskrivi l-għanijiet li fuqhom iridu jiffukaw il-gvernijiet ċentrali u lokali. Jeżistu pjanijiet rilevanti fil-livelli kollha tal-gvern u dawn ikopru s-setturi ekonomiċi kollha. L-objettivi stabbiliti mill-istrumenti tal-ippjanar huma ta’ natura vinkolanti u l-awtoritajiet f’kull livell amministrattiv jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-pjanijiet mil-livell korrispondenti aktar baxx tal-gvern. B’mod ġenerali, is-sistema tal-ippjanar fir-RPĊ twassal biex ir-riżorsi jiġu allokati għal setturi ddeżinjati mill-gvern bħala strateġiċi jew inkella politikament importanti, aktar milli jiġu allokati f’konformità mal-forzi tas-suq (16).

(41)

Biex jiġu allokati riżorsi f’konformità mal-prijoritajiet tal-politika tal-GTĊ, l-istrumentalizzazzjoni tas-settur finanzjarju hija essenzjali għall-awtoritajiet Ċiniżi. Is-sistema finanzjarja taċ-Ċina għadha ddominata mis-settur bankarju u l-Istat jikkontrolla s-settur bankarju (ara wkoll it-Taqsima 3.6.1) permezz tas-sjieda (ara l-premessa (122) sa (124)), kif ukoll permezz ta’ rabtiet personali. Għaldaqstant, il-GTĊ, fil-kapaċità tiegħu bħala l-azzjonist maġġoritarju/kontrollanti, għandu s-setgħa li jaħtar l-aktar pożizzjonijiet importanti fi ħdan il-maniġment ta’ banek tal-politika tal-istat(ara l-premessa (132)), kif ukoll tal-banek parzjalment jew kompletament proprjetà tal-Istat innifsu jew ta’ persuni ġuridiċi miżmuma mill-Istat.

(42)

Barra minn hekk, l-artikoli ta’ assoċjazzjoni ta’ banek Ċiniżi ewlenin regolarment ikun fihom kapitlu dedikat lill-ħolqien ta’ kumitat tal-Partit (17). Pereżempju, skont l-artikoli ta’ assoċjazzjoni tal-Bank Industrijali u Kummerċjali taċ-Ċina (l-“ICBC”), “il-president tal-bord tad-diretturi tal-Bank u s-segretarju tal-Kumitat tal-Partit għandhom ikunu l-istess persuna” (18). L-Artikolu 53 jelenka d-dmirijiet tal-kumitat tal-Partit, inkluż il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni prattika tad-deċiżjonijiet tal-Partit u tal-Istat fil-bank. Il-kumitat tal-Partit qed ikollu rwol ukoll fl-għażla u l-evalwazzjoni tal-persunal, flimkien mal-bord tad-diretturi. Fl-aħħar nett, il-kumitat tal-Partit għandu jkun involut fid-diskussjoni ta “kwistjonijiet operazzjonali u ta’ ġestjoni ewlenin u kwistjonijiet ewlenin li jikkonċernaw l-interessi tal-impjegati u jressaq kummenti u suġġerimenti” (19). Barra minn hekk, skont id-dispożizzjonijiet dwar il-bord tad-diretturi, il-kumitat tal-Partit irid jiġi kkonsultat qabel ma jiġu deċiżi kwistjonijiet materjali (20). L-artikoli ta’ assoċjazzjoni tal-Bank Agrikolu taċ-Ċina fih lingwaġġ identiku dwar it-twaqqif tal-kumitat tal-Partit fl-Artikolu 58 dwar l-involviment tal-Kumitat fid-diskussjoni ta’ kwistjonijiet ewlenin fl-Artikolu 161 (21).

(43)

Minbarra l-kapaċità tal-GTĊ li jikkontrolla s-settur bankarju permezz tas-sjieda u l-istruttura organizzazzjonali, il-GTĊ jeżerċita kontroll fuq is-settur anki fid-dawl tal-leġiżlazzjoni Ċiniża applikabbli (ara t-Taqsima 3.6.1.4 għall-analiżi tad-dokumenti regolatorji rilevanti) li tirrikjedi li l-banek jallinjaw mal-objettivi tal-politika industrijali tal-pajjiż meta jieħdu deċiżjonijiet finanzjarji.

(44)

Bħala konklużjoni, dawn l-elementi kollha juru li l-istruttura tas-sistema legali u politika fir-RPĊ tiddependi fuq ħakma stretta mill-gvern fuq l-aspetti kollha tal-ekonomija u tal-kummerċ, peress li huma ġestiti ċentralment u mmonitorjati mill-GTĊ. L-operaturi ekonomiċi huma parti integrali minn din is-sistema mhux bħala atturi tas-suq ħieles li għandhom l-għan li jieħdu deċiżjonijiet kummerċjali purament xprunati mil-loġika ekonomika u l-massimizzazzjoni tal-profitt, iżda pjuttost bħala wieħed mill-atturi integrali biex jimplimentaw il-politiki ġenerali u l-objettivi speċifiċi tagħhom stabbiliti mill-GTĊ fil-livell ċentrali.

3.2.   Pjanijiet u politiki tal-gvern biex jappoġġaw l-LWTP u l-industrija tal-manifattura tal-karta

(45)

F’dan l-isfond, il-Kummissjoni analizzat għadd ta’ dokumenti tal-politika industrijali li ġew stabbiliti suċċessivament mill-inqas mill-2005 u li huma elenkati hawn taħt, sabiex tistabbilixxi jekk is-sussidji jew il-programmi ta’ sussidju li qed jiġu vvalutati jiffurmawx parti mill-implimentazzjoni tal-ippjanar ċentrali tal-GTĊ biex jinkoraġġixxi l-industrija tal-LWTP.

(46)

Il-LWTP hija parti integrali mis-settur tal-manifattura tal-karta, flimkien ma’ tipi oħra ta’ karta u fdalijiet tal-injam. Fiċ-Ċina, is-settur tal-manifattura tal-karta huwa kkoordinat mill-Assoċjazzjoni tal-Karta taċ-Ċina (China Paper Association, CPA).

3.2.1.   Id-Deċiżjoni Nru 40 tal-Kunsill tal-Istat dwar il-Promulgamazzjoni u l-Implimentazzjoni tad-“Dispożizzjonijiet Temporanji dwar il-Promozzjoni tal-Aġġustament tal-Istruttura Industrijali”

(47)

Id-Deċiżjoni Nru 40 tal-Kunsill tal-Istat tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina hija dokument legali maħruġ fl-2005 li għandu l-għan li jippromwovi aġġustamenti fl-istruttura industrijali fiċ-Ċina billi jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ industriji ta’ teknoloġija avvanzata u l-eliminazzjoni ta’ kapaċità ta’ produzzjoni skaduta.

(48)

Il-“Katalgu ta’ Gwida għall-Aġġustament tal-Istruttura Industrijali”, li huwa miżura ta’ implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 40, jistabbilixxi l-bażi għall-gwida tad-direzzjonijiet ta’ investiment billi jinnomina setturi industrijali li jenħtieġ li jibbenefikaw minn aċċess privileġġat għall-kreditu. Huwa jiggwida wkoll lill-GTĊ sabiex jamministra l-proġetti ta’ investiment u sabiex jifformula u jinforza politiki dwar il-finanzi pubbliċi, it-tassazzjoni, il-kreditu, l-art, l-importazzjoni u l-esportazzjoni. Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Iżvilupp u r-Riforma (National Development and Reform Commission, “NDRC”) ħarġet, u aktar tard emendat, katalogu ta’ gwida fl-2019 u fl-2024. Il-Kummissjoni identifikat hemmhekk referenza ċara għal-linji integrati ta’ produzzjoni tal-forestrija u tal-karta li għalihom tappartjeni l-LWTP (22).

3.2.2.   Made in China 2025

(49)

Fl-2015, il-GTĊ ippubblika l-istrateġija industrijali komprensiva fit-tul tiegħu magħrufa bħala Made in China 2025 (23). Din l-istrateġija tistabbilixxi stadji importanti għat-titjib tas-setturi tal-manifattura magħżula tal-pajjiż sal-2020 u l-2025 u tenniet l-intenzjoni tal-GTĊ li juża f’dan ir-rigward politiki ta’ appoġġ finanzjarju mtejba, inkluża d-direzzjoni tal-finanzjament permezz tal-banek tal-Istat (“SOBs”) għall-espansjoni barra mill-pajjiż tal-industrija tal-manifattura, kif ukoll għall-espansjoni tal-appoġġ fiskali u appoġġ ieħor għat-tassazzjoni. B’mod kruċjali, il-Linji Gwida tal-Made in China jiddikjaraw li “il-finanzjament [se jiġi] allokat lil proġetti li ma jistawx jiksbu finanzjament mis-suq u jeħtieġu appoġġ ċentrali.” Għalhekk, hemm appoġġ sostanzjali mill-gvern biex javvanza l-iżvilupp ta’ setturi identifikati tal-ekonomija permezz tad-direzzjoni tar-riżorsi fl-implimentazzjoni tal-għanijiet ta’ politika (24).

(50)

Taħt l-Inizjattiva “Made in China 2025”, l-industrija ħafifa Ċiniża, li għaliha tappartjeni l-industrija tal-karta, hija eliġibbli għal appoġġ biex tiffinanzja l-aġġornament teknoloġiku tagħha, l-akkwist ta’ tagħmir modern tal-produzzjoni, u l-aċċellerazzjoni tat-trasformazzjoni ekoloġika tagħha.

(51)

F’dan ir-rigward, permezz tal-programm Made in China 2025, il-GTĊ jappoġġa l-iżvilupp rapidu tal-industrija tal-manifattura tal-karta, filwaqt li jippromwovi wkoll ir-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) u l-industrijalizzazzjoni tas-settur.

3.2.3.   L-14-il Pjan ta’ Ħames Snin nazzjonali Ċiniż

(52)

Minħabba n-natura tas-sistema ta’ ppjanar Ċiniża, il-pjanijiet ta’ livell ogħla – bħat-12, it-13 jew l-14-il Pjan nazzjonali ta’ Ħames Snin (Five Years Plans, “FYPs”) – għandhom jiġu segwiti u implimentati mill-awtoritajiet rilevanti kollha. Il-pjanijiet nazzjonali jistabbilixxu obbligi espliċiti f’dak ir-rigward, bħall-Artikolu LXV tal-14-il FYP nazzjonali (25), li skontu l-GTĊ “se jsaħħaħ l-organizzazzjoni, il-koordinazzjoni u s-superviżjoni tal-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan u jistabbilixxi u jtejjeb il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-ippjanar u tal-implimentazzjoni, l-assigurazzjoni tal-politika, u l-mekkaniżmi ta’ valutazzjoni u superviżjoni.” Għaldaqstant, l-awtoritajiet ta’ livell aktar baxx “iridu joħolqu ambjent ta’ politika, ambjent istituzzjonali, u ambjent legali favorevoli. Il-pjanijiet annwali għandhom jimplimentaw l-għanijiet ta’ żvilupp u l-kompiti ewlenin proposti f’dan il-pjan” (26).

(53)

B’mod kruċjali, il-GTĊ jimpenja ruħu b’mod inekwivoku li jipprovdi appoġġ finanzjarju, kif ukoll appoġġ fil-forma ta’ fatturi oħra ta’ produzzjoni – bħall-art – għal proġetti u setturi identifikati fil-Pjan: “[a]ħna se naderixxu mal-prinċipju tal-pjan li jistabbilixxi d-direzzjoni, bl-infiq fiskali bħala garanzija, il-finanzi bħala appoġġ, u l-koordinazzjoni ma’ politiki oħra. […] Se nippersistu bil-għan li l-infiq fiskali pubbliku jobdi u jaqdi l-politika pubblika, isaħħaħ l-appoġġ finanzjarju għal kompiti strateġiċi nazzjonali ewlenin, isaħħaħ il-koordinazzjoni tal-pjanijiet finanzjarji ta’ nofs it-terminu u l-baġits annwali, il-pjanijiet ta’ investiment tal-gvern, u l-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan, u jagħti prijorità lill-fondi fiskali ċentrali għall-kompiti ewlenin u l-proġetti kbar ta’ inġinerija identifikati f’dan il-pjan. Se ninsistu li l-proġetti jsegwu l-pjan u l-fondi u l-fatturi tal-produzzjoni jsegwu l-proġetti, jiżviluppaw lista ta’ proġetti kbar ta’ inġinerija bbażata fuq dan il-pjan, jissimplifikaw il-proċeduri ta’ approvazzjoni għall-proġetti fil-lista, u jiżguraw li tingħata prijorità lill-ippjanar tal-għażla tas-siti, il-provvista tal-art, u l-ħtiġijiet kapitali. Il-ħtiġijiet tal-art għal proġetti individwali kbar ta’ inġinerija huma ggarantiti mill-Istat b’mod unifikat” (27).

(54)

L-14-il FYP jidentifika l-industrija tal-manifattura tal-karta bħala industrija ewlenija (imħeġġa) billi jiddikjara li: “Aħna se nittrasformaw u naġġornaw l-industriji tradizzjonali, jippromwovi l-ottimizzazzjoni u l-aġġustament strutturali tal-industriji tal-materja prima bħall-petrokimiċi, l-azzar, il-metalli mhux ferrużi, u l-materjali tal-bini, jespandi l-provvista ta’ prodotti ta’ kwalità għolja f’setturi bħall-industrija ħafifa u t-tessuti, iħaffef it-trasformazzjoni u t-titjib tal-intrapriżi f’ industriji ewlenin bħall-industrija kimika u l-produzzjoni tal-karta , u jtejjeb is-sistema tal-manifattura ekoloġika” (enfażi miżjuda) (28).

3.2.4.   L-14-il Pjan ta’ Żvilupp ta’ Ħames Snin għall-Iżvilupp tal-Industrija tal-Karta

(55)

Ir-RPĊ ippubblikat ukoll FYP speċifiku għall-industrija tal-karta. Dan il-pjan jikkategorizza s-settur tal-industrija tal-manifattura tal-karta bħala “industrija tal-materja prima bażika importanti relatata mill-qrib mal-iżvilupp ekonomiku u soċjali nazzjonali u kkaratterizzata mis-sostenibbiltà” u l-livell ta’ konsum tal-karta huwa deskritt bħala “indikatur importanti tal-livell ta’ żvilupp ekonomiku u ċivilizzazzjoni ta’ pajjiż”.

(56)

Dan l-FYP jikkonferma l-objettivi tas-settur tal-forestrija, tal-fdalijiet u tal-karta fil-qafas tal-ekonomija Ċiniża kollha kemm hi, bil-miri ewlenin ta’ aġġustament strutturali, it-titjib tal-kwalità, u l-innovazzjoni teknoloġika bl-għan tal-espansjoni tal-esportazzjoni. Il-pjan għandu wkoll l-għan li jaġġusta l-istruttura tal-materja prima sabiex titnaqqas id-dipendenza mill-fdalijiet importata u jiffoka fuq l-iżvilupp integrat tal-forestrija, tal-fdalijiet u tal-karta.

(57)

Il-pjan ma jħalli l-ebda lok għall-iżvilupp tas-suq ħieles, l-istabbiliment ta’ għanijiet ambjentali u tekniċi ċari għall-industrija kif ukoll id-definizzjoni ta’ miri (sal-2035) għall-output nazzjonali tal-produzzjoni tal-karta, il-proporzjon tal-polpa verġni użata, l-użu tal-enerġija tal-bijomassa, il-proporzjon tal-konsum tal-polpa u l-utilitajiet, u l-livell ta’ tniġġis.

3.3.   Il-LWTP bħala industrija mħeġġa

(58)

Il-GTĊ sostna li l-LWTP mhijiex industrija mħeġġa peress li l-prodott mhuwiex elenkat fil-Katalogu tal-Industriji tal-Inkoraġġiment għall-Investimenti Barranin (29) “Katalogu”, l-14-il FYP, jew fid-dokument “Made in China 2025”.

(59)

Għal dawn ir-raġunijiet, il-GTĊ qies li l-iskemi relatati mat-trattament preferenzjali ma għandhomx jiġu investigati minħabba n-nuqqas ta’ speċifiċità. Il-GTĊ osserva wkoll li l-fatt li wħud mill-industriji upstream u downstream jappartjenu għal industriji mħeġġa ma għandux impatt fuq l-istatus tal-industrija tal-LWTP nnifisha u li l-iskemi relatati mal-forniment ta’ inputs għal remunerazzjoni inqas minn adegwata lanqas ma għandhom jiġu investigati.

(60)

Madankollu, l-investigazzjoni żvelat li l-LWTP hija parti mis-settur tal-manifattura tal-karta li huwa stess huwa industrija mħeġġa kif imsemmi fid-Deċiżjoni Nru 40 (ara l-premessa (47) sa (48), id-dokument Made in China 2025 (ara l-premessa (50) u fl-14-il FYP ara l-premessa (54)).

(61)

Fir-rigward tal-Katalogu, is- “sustanzi kimiċi tal-manifattura tal-karta” huma elenkati bħala industrija tal-manifattura mħeġġa (30). Il-lista ta’ industriji mħeġġa tinkludi wkoll:

—

“Manifattura ta’ settijiet sħaħ ta’ magni ġodda li jagħmlu l-karta (inkluża l-polpa)” (31). Dawn ovvjament jintużaw biex jipproduċu l-LWTP u jikkonfermaw l-istrateġija li ilha teżisti tar-RPĊ biex tissussidja l-magni tal-manifattura tal-karta.

—

“Il-manifattura ta’ tagħmir industrijali li jiffranka l-ilma għal industriji b’konsum għoli tal-ilma bħall-industriji tal-azzar, tal-manifattura tal-karta, tat-tessuti, petrokimiċi, kimiċi, u metallurġiċi” (enfasi miżjuda) (32). Il-produzzjoni tal-LWTP teħtieġ volumi sinifikanti ta’ ilma f’diversi stadji tal-produzzjoni (eż. il-manifattura tal-karta bażi fejn l-ewwel ikun meħtieġ l-ilma għall-polpa tal-karta, imbagħad għall-wajer, u fl-aħħar nett biex jitneħħa l-ilma mill-wajer biex tiġi ffurmata xibka jew folja fuq il-wajer). Għalhekk, it-tagħmir industrijali li jiffranka l-ilma jipprovdi benefiċċju kbir għall-produtturi tal-LWTP.

—

“Produzzjoni ta’ kisjiet ta’ prestazzjoni għolja, adeżivi, kisjiet industrijali, kisjiet b’livell għoli ta’ solidi, kisjiet b’bażi ta’ ilma, trab, ikkurar bir-radjazzjoni, kisjiet industrijali mingħajr solventi, u kisjiet industrijali oħra b’kontenut baxx ta’ KOV u reżini ta’ appoġġ, kisjiet industrijali b’bażi ta’ ilma u reżini awżiljarji b’bażi ta’ ilma (inkluż akrilat tal-butil ta’ livell għoli u akrilat tal-ottil ta’ livell għoli)” (33). Il-kisjiet ta’ prestazzjoni għolja għandhom rwol kruċjali fil-produzzjoni tal-LWTP. Dawn il-kisjiet huma ddisinjati biex itejbu l-funzjonalità u d-durabbiltà tal-karta.

—

“Sistemi termali ta’ ġestjoni u kontroll” (34). Dawn għandhom ukoll rwol vitali fil-produzzjoni tal-LWTP peress li jiżguraw li l-kisja tiġi applikata f’livell ta’ temperatura u umdità konsistentement korrett biex tinkiseb il-kwalità tal-immaġni mixtieqa.

(62)

Hemm ukoll referenzi għal-LWTP jew għas-settur tal-manifattura tal-karta bħala industrija mħeġġa f’xi dokumenti fil-livell provinċjali u muniċipali.

(63)

L-14-il FYP (35) tal-Provinċja ta’ Guangdong fl-Anness 2 tiegħu (Kompilazzjoni ta’ Proġetti Kbar ta’ Kostruzzjoni fl-14-il Pjan ta’ Ħames Snin tal-Provinċja ta’ Guangdong) jappella biex “Tiġi aċċellerata l-formazzjoni ta’ ċentru tal-innovazzjoni u tal-kreattività, iċċentrat fuq Guangzhou u Shenzhen, u network bażi tal-manifattura li jiffoka fuq iċ-ċinturin ekonomiku kostali u diversi raggruppamenti industrijali distintivi. Jiġu promossi mudelli ta’ żvilupp innovattivi f’industriji bħat-tessuti u l-ilbies, il-plastik, il-ġilda, is-sustanzi kimiċi ta’ kuljum, l-hardware, l-għamara, il-manifattura tal-karta , u l-arti u s-snajja’; tiġi aċċellerata l-integrazzjoni ma’ teknoloġiji ġodda, materjali ġodda, kultura, kreattività u moda; jiġu żviluppati prodotti intelliġenti, tajbin għas-saħħa, ekoloġiċi u personalizzati ta’ livell medju sa għoli; u jiġu kkultivati ditti nazzjonali u anke internazzjonali rinomati” (enfażi miżjuda).

(64)

F’termini prattiċi, jenħtieġ li jissemma wkoll li l-produttur tal-LWTP eżaminat individwalment — GGHT — jinsab fil-Provinċja ta’ Guangdong. Il-kumpanija nstabet li tuża t-tnaqqis addizzjonali tal-VAT għall-iskema tal-intrapriżi tal-manifattura avvanzata. Kif spjegat fil-premessi (287) sa (290) sabiex tkun eliġibbli għal din l-iskema, il-kumpanija kellha tiġi rikonoxxuta bħala intrapriża ta’ teknoloġija avvanzata u ġdida u l-prodott tagħha kellu jiġi inkluż bħala mħeġġeġ fil-lista speċifika mħejjija fil-livell ta’ provinċja, reġjun awtonomu jew muniċipalità.

(65)

Fis-16 ta’ Marzu 2022, id-Dipartiment Provinċjali ta’ Hubei tal-Ekoloġija u l-Ambjent ippubblika t-“Tweġiba dwar l-iżvilupp ta’ kwalità għolja tal-industrija tal-karta” tiegħu (36). Fit-tweġiba tiegħu, id-Dipartiment Provinċjali ta’ Hubei tal-Ekoloġija u l-Ambjent indika li “l-provinċja tagħna qed tippjana li żżid 13-il proġett ġdid ta’ polpa u karta fil-futur qrib, b’kapaċità ġdida ta’ produzzjoni tal-karta ta’ 19,16 miljun tunnellata u kapaċità ta’ produzzjoni tal-polpa ta’ 7,5 miljun tunnellata” u li “Proġetti approvati mill-EIA jinkludu l-proġett Jingzhou (Jiulong, Shanying, Xianhe, Rongcheng), il-proġett Huanggang Chenming, il-proġett Qianjiang Fuda, eċċ., b’kapaċità totali ta’ produzzjoni tal-karta ta’ 11,84 miljun tunnellata u produzzjoni tal-polpa ta’ 3,15 miljun tunnellata.”.

(66)

Barra minn hekk, ir-RPĊ tappoġġa b’mod espliċitu lill-kumpaniji kimiċi tal-manifattura tal-karta li jipprovdu materja prima li hija essenzjali fil-produzzjoni tal-LWTP. Pereżempju, il-Provinċja ta’ Jiangsu, ħarġet il-Pjan Kimiku ta’ Jiangsu li għandu l-għan li “Jissaħħaħ l-attrazzjoni ta’ kumpaniji ewlenin tal-manifattura tal-karta fid-dinja u jibni tagħmir tal-manifattura kompetittiv internazzjonalment. Fi tmiem l-“14-il Pjan ta’ Ħames Snin”, l-industrija kimika tal-manifattura tal-karta tal-provinċja għandha tistinka biex tikseb valur tal-output totali ta’ CNY 6 biljun” (37).

(67)

Fl-aħħar nett, kif indikat fl-Artikolu 59 tal-Istatut ta’ Assoċjazzjoni tagħha, is-sussidji tal-gvern huma s-sors tal-introjtu tas-CPA.

(68)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-LWTP, li huwa parti mis-settur tal-manifattura tal-karta, huwa industrija mħeġġa.

3.4.   Nuqqas ta’ kooperazzjoni parzjali u użu tal-fatti disponibbli

3.4.1.   L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament bażiku b’rabta mal-GTĊ

(69)

Għalkemm il-GTĊ wieġeb għal ċerti talbiet għal informazzjoni mill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni, f’ħafna każijiet it-tweġibiet ma kinux kompluti, jew ma ġiet ipprovduta l-ebda informazzjoni. Speċifikament, fit-tweġiba tiegħu għall-kwestjonarju lill-gvern, il-GTĊ naqas milli jipprovdi informazzjoni meħtieġa relatata mat-tħejjija, il-monitoraġġ, u l-implimentazzjoni ta’ diversi skemi. Dawn l-elementi kritiċi kollha ġew dokumentati bir-reqqa fl-ittra dwar l-Artikolu 28 mibgħuta lill-GTĊ. Il-GTĊ wieġeb b’kummenti, li l-Kummissjoni indirizzat fit-taqsimiet hawn taħt.

3.4.2.   L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament bażiku rigward is-self preferenzjali

(70)

Sabiex tikseb l-informazzjoni meħtieġa mill-istituzzjonijiet finanzjarji fiċ-Ċina b’mod effettiv u għall-konvenjenza amministrattiva, il-Kummissjoni talbet lill-GTĊ biex jibgħat kwestjonarji speċifiċi lil kwalunkwe istituzzjoni finanzjarja li kienet ipprovdiet self jew krediti għall-esportazzjoni lill-kumpaniji fil-kampjun.

(71)

Il-GTĊ qies li t-talba tal-Kummissjoni lill-GTĊ biex jibgħat il-kwestjonarju speċifiku kisret l-Artikoli 12.1 u 12.9 tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kumpensatorji (il-Ftehim SCM, Subsidies and Countervailing Measures). Huwa qies li l-obbligu li titwettaq l-investigazzjoni u li tinġabar informazzjoni mill-istituzzjonijiet finanzjarji huwa tal-awtorità investigattiva u ma tistax titlob lill-GTĊ biex jibgħat il-kwestjonarji lill-istituzzjonijiet finanzjarji fuq preżunzjoni li dawn l-entitajiet huma korpi pubbliċi. Huwa argumenta li dan l-approċċ preżunt huwa inkonsistenti mal-Artikolu 1.1(a)(1) tal-Ftehim SCM. Il-GTĊ argumenta wkoll li l-Kummissjoni diġà kellha aċċess għal-lista ta’ banek kummerċjali tal-produtturi esportaturi fil-kampjun u setgħet tibgħat il-kwestjonarji direttament lill-istituzzjonijiet finanzjarji involuti.

(72)

Il-GTĊ iddikjara wkoll li l-istituzzjonijiet finanzjarji ma ġewx innotifikati kif suppost bl-informazzjoni meħtieġa minnhom, ma ngħatawx 30 jum biex jipprovdu l-informazzjoni mitluba u lanqas ma ngħataw biżżejjed opportunitajiet biex jipprovdu l-informazzjoni rilevanti bil-miktub skont it-tifsira tal-Artikolu 12.1 tal-Ftehim SCM. Barra minn hekk, il-GTĊ ikkunsidra wkoll li l-membri tal-persunal ta’ dawk il-banek kummerċjali mhumiex permessi jiżvelaw sigrieti tal-Istat jew sigrieti kummerċjali li saru jafu bihom matul l-impjieg tagħhom skont l-Artikolu 53 tal-Liġi dwar il-Banek Kummerċjali, u għalhekk ma jistgħux jirrispondu għall-kwestjonarju.

(73)

Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din il-fehma. L-ewwel nett, il-Kummissjoni tifhem li l-informazzjoni mitluba minn entitajiet tal-Istat hija disponibbli għall-GTĊ għall-entitajiet kollha fejn il-GTĊ huwa l-azzjonist ewlieni jew maġġoritarju. Barra minn hekk, filwaqt li l-Kummissjoni bl-ebda mod ma assumiet li l-entitajiet huma korpi pubbliċi, hija kkunsidrat li l-GTĊ għandu wkoll l-awtorità meħtieġa biex jinteraġixxi mal-istituzzjonijiet finanzjarji anki meta ma jkunux proprjetà tal-Istat, minħabba li kollha jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Amministrazzjoni Regolatorja Finanzjarja Nazzjonali (“NFRA”, National Financial Regulatory Administration), li ħadet post il-Kummissjoni Regolatorja Bankarja u tal-Assigurazzjoni taċ-Ċina (“CBIRC”, China Banking and Insurance Regulatory Commission) (38) fl-2023. F’dan ir-rigward, il-fatt li l-Kummissjoni setgħet tikkuntattja lill-istituzzjonijiet finanzjarji kkonċernati direttament huwa irrilevanti, peress li l-forma u l-modalitajiet għall-ġbir tal-informazzjoni meħtieġa jibqgħu fid-diskrezzjoni tal-awtorità investigattiva (39). Il-Kummissjoni nnutat ukoll li l-GTĊ kien bagħat il-kwestjonarju lil ċerti banek f’investigazzjonijiet preċedenti (40) mingħajr ma ddubita l-approċċ meħud mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, f’dak li għandu x’jaqsam mal-informazzjoni mitluba u l-iskadenza għas-sottomissjoni ta’ tweġiba għall-kwestjonarju, il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda talba għal kjarifika jew talba għal estensjoni tal-iskadenza mill-ebda istituzzjoni finanzjarja.

(74)

Il-Kummissjoni ma indirizzatx il-kwestjonarju tagħha lill-persunal tal-istituzzjonijiet finanzjarji iżda lill-istituzzjonijiet infushom. Fi kwalunkwe każ, il-fatt li ċerta informazzjoni tista’ titqies bħala sigriet statali jew kummerċjali huwa irrilevanti fil-qafas ta’ proċediment antisussidji minħabba t-trattament ta’ kunfidenzjalità mogħti lil kwalunkwe informazzjoni sottomessa meqjusa kunfidenzjali. Barra minn hekk, il-produttur eżaminat individwalment (Guanhao Group) intalab jipprovdi awtorizzazzjoni bankarja li tagħti permess espliċitu lir-rappreżentanti tal-Kummissjoni biex jirrieżaminaw id-dokumenti kollha (41) li jappartjenu għas-self ipprovdut minn istituzzjonijiet finanzjarji individwali u ġiet ipprovduta l-awtorizzazzjoni mitluba.

(75)

Barra minn hekk, f’din il-proċedura l-Kummissjoni bagħtet ukoll il-kwestjonarji direttament lill-banek elenkati bħala l-kredituri ewlenin tal-Grupp eżaminat individwalment u ma waslet l-ebda tweġiba.

(76)

Fin-nuqqas ta’ tali informazzjoni, il-Kummissjoni qieset li ma kinitx irċeviet l-informazzjoni meħtieġa li kienet kruċjali fir-rigward ta’ dan l-aspett tal-investigazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni infurmat lill-GTĊ li hija jista’ jkollha tirrikorri għall-użu tal-fatti disponibbli skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament bażiku meta teżamina l-eżistenza u l-firxa tal-allegat sussidjar mogħti permezz ta’ self preferenzjali. B’mod speċifiku, il-Kummissjoni infurmat lill-GTĊ li ma kienet irċeviet l-ebda tweġiba mill-banek Ċiniżi li kienu pprovdew self preferenzjali lill-produtturi. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonferma l-affermazzjonijiet magħmula mill-GTĊ relatati, fost l-oħrajn, mal-affidabbiltà tal-kreditu u l-għoti ta’ self jew strumenti oħra ta’ finanzjament li minnhom kienu bbenefikaw il-produtturi. Barra minn hekk, il-GTĊ naqas milli jipprovdi informazzjoni dwar il-parteċipazzjoni azzjonarja tal-banek ikkomunikata mill-produtturi kif ukoll naqas milli juri u jissostanzja l-mekkaniżmu ta’ formazzjoni tar-rata prima tas-self kif spjegat fit-tweġiba tiegħu għall-kwestjonarju.

(77)

Fit-13 ta’ Mejju 2026, il-GTĊ issottometta kummenti dwar l-ittra tal-Kummissjoni bid-data tas-6 ta’ Mejju 2026 li fihom jindika l-intenzjoni tiegħu li japplika l-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku (“l-Ittra dwar l-Artikolu 28”).

(78)

Bi tweġiba għat-talba biex l-Appendiċi A jintbagħat lill-istituzzjonijiet finanzjarji, il-GTĊ sostna li l-istituzzjonijiet finanzjarji huma entitajiet ekonomiċi indipendenti, mhux affiljati mal-GTĊ. Għalhekk, il-GTĊ ma bagħatx l-Appendiċi A lill-istituzzjonijiet finanzjarji u ddikjara wkoll nuqqas ta’ awtorità biex iġiegħel lill-banek iwieġbu għall-kwestjonarji li rċevew direttament mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-GTĊ sostna li l-Appendiċi A jitlob informazzjoni kunfidenzjali u sensittiva għan-negozju.

(79)

Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din il-fehma. L-ewwel nett, il-Kummissjoni tifhem li l-informazzjoni mitluba minn entitajiet tal-Istat (kemm jekk ikunu kumpaniji jew istituzzjonijiet pubbliċi/finanzjarji) hija disponibbli għall-GTĊ għall-entitajiet kollha fejn il-GTĊ huwa l-azzjonist ewlieni jew maġġoritarju. Tabilħaqq, skont il-Liġi tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar l-Assi tal-Istat tal-Impriżi (42), l-aġenziji tas-superviżjoni u tal-amministrazzjoni tal-assi tal-Istat stabbiliti mill-Kummissjoni għas-Superviżjoni u l-Amministrazzjoni tal-Assi tal-Istat tal-Kunsill tal-Istat u l-gvernijiet tal-poplu lokali jwettqu d-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tal-kontributur tal-kapital ta’ intrapriża b’investiment mill-Istat f’isem il-gvern. Dawn l-aġenziji huma għalhekk intitolati li jirċievu redditu fuq l-assi, jieħdu sehem fit-teħid ta’ deċiżjonijiet maġġuri u jagħżlu persunal maniġerjali ta’ intrapriżi b’investiment mill-Istat. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 17 tal-Liġi msemmija aktar ‘il fuq dwar l-Assi tal-Istat, l-intrapriżi b’investiment mill-Istat għandhom jaċċettaw l-amministrazzjoni u s-superviżjoni mill-gvernijiet u d-dipartimenti u l-aġenziji governattivi rilevanti, jaċċettaw is-superviżjoni pubblika, u jkunu responsabbli lill-kontributuri kapitali.

(80)

Barra minn hekk, il-GTĊ għandu wkoll l-awtorità meħtieġa biex jinteraġixxi mal-istituzzjonijiet finanzjarji anki meta ma jkunux proprjetà tal-Istat, minħabba li kollha jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tal-awtorità regolatorja bankarja Ċiniża. Pereżempju, skont l-Artikoli 33 u 36 tal-Liġi dwar is-Superviżjoni Bankarja (43), l-NFRA għandha l-awtorità li tesiġi li l-istituzzjonijiet finanzjarji kollha stabbiliti fir-RPĊ jippreżentaw informazzjoni, bħal rapporti finanzjarji, rapporti statistiċi u informazzjoni dwar l-operazzjonijiet tan-negozju u l-ġestjoni. L-NFRA tista’ wkoll tagħti struzzjonijiet lill-istituzzjonijiet finanzjarji biex jiddivulgaw informazzjoni lill-pubbliku.

(81)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet lill-GTĊ sempliċiment jibgħat il-kwestjonarji speċifiċi (l-Appendiċi A) lill-istituzzjonijiet finanzjarji rilevanti u jipprovdi lill-Kummissjoni bil-prova li l-GTĊ ittrasferixxa l-kwestjonarji speċifiċi msemmija hawn fuq. L-Appendiċijiet kien fihom informazzjoni għall-istituzzjonijiet finanzjarji inkwistjoni rigward l-iskadenzi għas-sottomissjoni u l-metodi ta’ sottomissjoni kif ukoll it-trattament ta’ data mhux kunfidenzjali. Il-GTĊ sempliċiment naqas milli jibgħat dawn il-kwestjonarji u naqas milli jiżgura l-kooperazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji f’din il-proċedura.

(82)

Fin-nuqqas tal-informazzjoni mitluba, il-Kummissjoni qieset li ma kinitx irċeviet l-informazzjoni meħtieġa li kienet rilevanti għal dan l-aspett tal-investigazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li kellha tiddependi fuq il-fatti disponibbli għas-sejbiet tagħha dwar il-finanzjament preferenzjali.

3.4.3.   Applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament bażiku fir-rigward ta’ għotjiet/assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni/drittijiet tal-użu tal-art/tassazzjoni

(83)

Il-Kummissjoni infurmat lill-GTĊ fl-ittra dwar l-Artikolu 28 li ma kinitx irċeviet informazzjoni meħtieġa rilevanti għal ċerti skemi ta’ sussidju investigati bħal għotjiet, assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni, u l-forniment ta’ użu tal-art. Għalhekk, il-Kummissjoni infurmat lill-GTĊ li jista’ jkollha tirrikorri għall-użu tal-fatti disponibbli skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament bażiku meta teżamina l-eżistenza u l-firxa tal-allegat sussidjar mogħti permezz tal-iskemi ta’ hawn fuq.

(84)

Fir-rigward tal-għotjiet, il-GTĊ naqas milli jipprovdi kwalunkwe informazzjoni dwar l-għotjiet ipprovduti lill-produtturi tal-LWTP. Il-GTĊ naqas ukoll milli jipprovdi evidenza ta’ kuntatt ma’ gvernijiet subċentrali f’dan ir-rigward. Għalhekk, il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda data dwar l-għotjiet riċevuti mis-settur tal-LWTP, il-kriterji ta’ eliġibbiltà tagħhom u l-bażi legali tagħhom.

(85)

Fir-rigward tal-assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni, Sinosure ma pprovdietx it-tweġiba għall-Appendiċi A tal-kwestjonarju. Għalhekk, il-Kummissjoni ma kellhiex l-informazzjoni meħtieġa f’ħafna aspetti kruċjali:

—

Sinosure naqset milli tipprovdi informazzjoni dwar l-introjtu mill-investiment irrapportat fir-rapport annwali tagħha;

—

Sinosure naqset milli tipprovdi evidenza ta’ sostenn dwar kwistjonijiet relatati mad-dikjarazzjoni finanzjarja tagħha bħall-ispejjeż operatorji, id-dħul, l-introjtu mill-investiment, is-somma globali assigurata, is-somma assigurata tas-settur tal-industrija tal-makkinarju;

—

Sinosure naqset milli tipprovdi informazzjoni dwar l-istatut ta’ assoċjazzjoni tagħha;

—

Sinosure naqset milli tipprovdi informazzjoni dwar il-kumpanija eżaminata minkejja l-eżistenza ta’ awtorizzazzjonijiet rilevanti tal-kumpanija;

—

Sinosure naqset milli tipprovdi informazzjoni ta’ sostenn dwar l-indipendenza tas-sistema ta’ valutazzjoni tar-riskju ta’ kreditu tagħha.

(86)

Dawk id-dokumenti u l-informazzjoni kollha lanqas ma ġew ipprovduti mill-GTĊ għalkemm intalbu mill-Kummissjoni matul iż-żjara ta’ verifika.

(87)

Fir-rigward tad-drittijiet tal-użu tal-art, il-GTĊ naqas milli jipprovdi informazzjoni meħtieġa fir-rigward tal-akkwist tal-art mill-produtturi/esportaturi tal-LWTP. Il-GTĊ naqas milli jipprovdi data dwar parametri referenzjarji possibbli fir-rigward tal-forniment tad-drittijiet tal-użu tal-art.

(88)

Fir-rigward tal-eżenzjonijiet u t-tnaqqis mit-taxxa, il-GTĊ naqas milli jipprovdi informazzjoni meħtieġa fir-rigward tal-iskemi użati mill-produtturi/esportaturi tal-LWTP.

(89)

Fir-rigward tal-elettriku, il-materjali tal-input u l-infużjonijiet tal-ekwità, il-Kummissjoni ma rċevietx diversi dokumenti u informazzjoni meħtieġa mitluba. Dawn id-dokumenti huma elenkati fl-ittra dwar l-Artikolu 28 mibgħuta lill-GTĊ. Madankollu, kif imsemmi fit-Taqsima 3.11, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi dwar il-kumpens ta’ dawn il-programmi.

(90)

Fit-tweġiba għall-ittra dwar l-Artikolu 28 tal-Kummissjoni, il-GTĊ oġġezzjona għall-applikazzjoni tal-fatti disponibbli.

(91)

Il-GTĊ sostna li pprovda l-informazzjoni u d-data kollha permessi mil-liġi u li jistgħu jinkisbu b’mod oġġettiv. Il-GTĊ iddikjara wkoll li ma għandux jew ma jistax jikseb ċerta informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni (pereżempju strutturi ta’ sjieda/ekwità tal-produtturi tal-LWTP, data dwar il-prodotti u l-bejgħ, data operazzjonali tal-assoċjazzjonijiet tal-industrija), filwaqt li informazzjoni mitluba oħra tikkostitwixxi sigrieti kummerċjali u data operazzjonali awtonoma.

(92)

Barra minn hekk, il-GTĊ afferma li l-Kummissjoni titlob informazzjoni irrilevanti u timponi piżijiet mhux raġonevoli.

(93)

Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din id-dikjarazzjoni. L-informazzjoni għandha titqies bħala “meħtieġa” skont it-tifsira tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament bażiku jekk tkun tali li tippermetti lill-Kummissjoni tistabbilixxi s-sejbiet xierqa f’din l-investigazzjoni antisussidji. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tqis li l-informazzjoni kollha mitluba kienet meħtieġa. Il-Kummissjoni qieset ukoll li l-informazzjoni limitata pprovduta mill-GTĊ u d-dikjarazzjonijiet li saru fil-kwestjonarju tiegħu ma setgħux jiġu vverifikati skont evidenza valida ta’ sostenn wara li l-GTĊ irrifjuta li jipprovdi d-dokumenti u d-data sottostanti mitluba.

(94)

Peress li l-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda informazzjoni mill-GTĊ dwar l-elementi elenkati hawn fuq, il-Kummissjoni qieset li ma kinitx irċeviet l-informazzjoni meħtieġa rilevanti għall-investigazzjoni u li kellha tiddependi fuq il-fatti disponibbli għas-sejbiet tagħha dwar l-għotjiet, l-assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni, l-għoti ta’ dritt għall-użu tal-art għal remunerazzjoni inqas minn adegwata u skemi ta’ taxxa fuq l-introjtu.

3.4.4.   Applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament bażiku għall-produttur tal-LWTP eżaminat individwalment

(95)

Il-Kummissjoni infurmat lill-Grupp Guanhao f’ittra skont l-Artikolu 28 tas-6 ta’ Mejju 2026 li ma kinitx irċeviet dokumenti ta’ sostenn dwar l-investimenti ta’ ekwità tal-azjenda tal-ogħla grupp — China Chengtong Holding Group Ltd. (CCHG) f’China Investment Corporation (kumpanija omm ta’ GGHT). L-azjenda rrifjutat ukoll verifika tat-tweġiba tagħha għall-kwestjonarju fil-bini tagħha.

(96)

Fit-13 ta’ Mejju 2026, il-grupp issottometta kummenti dwar l-ittra tal-Kummissjoni bid-data tas-6 ta’ Mejju 2026 li fihom jindika l-intenzjoni tiegħu li japplika l-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.

(97)

Il-kumpanija sostniet li s-CCHG ma għandhiex tiġi ttrattata bħala parti interessata meħtieġa li tikkoopera fl-investigazzjoni attwali peress li mhijiex produttur esportatur tal-prodott li qed jiġi investigat u mhijiex involuta fil-bejgħ tagħha u lanqas fil-produzzjoni ta’ assi fissi jew inputs użati fil-proċess tal-produzzjoni tal-produttur esportatur. Barra minn hekk, il-kumpanija ma tipprovdix kapital, self, garanziji jew finanzjament ieħor lil jew f’isem il-produttur esportatur, u lanqas ma hija involuta fix-xiri tal-art f’isem il-produttur esportatur jew fil-kiri ta’ art lilu.

(98)

Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din il-pretensjoni. CCHG hija l-holding prinċipali tal-grupp u azzjonista indiretta fil-produttur tal-LWTP. Dan ġie investigat fil-kuntest ta’ allegat sussidjar ta’ infużjonijiet ta’ ekwità. Barra minn hekk, bħal fl-investigazzjoni antisussidji preċedenti (44), il-Kummissjoni kienet qed tinvestiga s-sussidji riċevuti mill-parteċipazzjonijiet li kienu azzjonisti indiretti tal-produtturi tal-prodott taħt investigazzjoni. Il-benefiċċji taħt dawn l-iskemi ta’ sussidju aktar tard ġew allokati lill-produtturi.

(99)

Kif imsemmi fit-Taqsima 3.11, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi dwar il-kumpens tal-infużjonijiet ta’ ekwità.

(100)

Madankollu, peress li l-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda informazzjoni mill-grupp dwar is-sussidjar tas-CCHG u ma setgħetx tiffinalizza l-investigazzjoni tagħha fuq il-post, il-Kummissjoni qieset li ma kinitx irċeviet l-informazzjoni meħtieġa rilevanti għall-investigazzjoni u li kellha tibbaża fuq il-fatti disponibbli għas-sejbiet tagħha dwar is-sussidjar (permezz ta’ finanzjament preferenzjali) tal-azjenda.

3.5.   Sussidji u programmi ta’ sussidju li ġew investigati

(101)

Abbażi tal-informazzjoni li tinsab fil-Memorandum dwar is-suffiċjenza tal-evidenza, fin-Notifika ta’ Bidu u fit-tweġibiet għall-kwestjonarji tal-Kummissjoni, ġew investigati s-sussidji li ġejjin mill-GTĊ:

—

L-għoti ta’ finanzjament preferenzjali u krediti diretti minn banek tal-politika tal-Istat u banek kummerċjali tal-Istat (eż. self preferenzjali, linji ta’ kreditu, bonds preferenzjali, abbozzi ta’ aċċettazzjoni bankarja, finanzjament u assigurazzjoni preferenzjali għall-esportazzjoni)

—

Programmi ta’ għotjiet

—

Il-forniment ta’ prodotti u servizzi mill-gvern għal remunerazzjoni anqas minn adegwata (LTAR, less than adequate remuneration)

—

L-għoti mill-gvern ta’ drittijiet għall-użu tal-art għal remunerazzjoni inqas minn adegwata.

—

Il-forniment tal-elettriku mill-gvern għal remunerazzjoni inqas minn adegwata.

—

Il-forniment mill-gvern ta’ inputs (jiġifieri polpa tal-injam) għal remunerazzjoni inqas minn adegwata.

—

Dħul mitluf permezz ta’ programmi ta’ Eżenzjoni mit-Taxxa u Tnaqqis tat-Taxxa

—

Tnaqqis fit-Taxxa fuq l-Introjtu tal-Intrapriżi (“EIT”, Enterprise Income Tax) għall-Intrapriżi ta’ Teknoloġija Avvanzata u Ġdida.

—

Tnaqqis preferenzjali qabel it-taxxa tal-ispejjeż tar-riċerka u l-iżvilupp.

—

Deprezzament aċċellerat ta’ strumenti u tagħmir użati minn intrapriżi ta’ Teknoloġija Avvanzata għall-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ Teknoloġija Avvanzata.

—

Eżenzjoni mid-dividendi bejn intrapriżi residenti kwalifikati.

—

Tnaqqis fit-taxxa fuq l-esportazzjoni

—

Tnaqqis u eżenzjonijiet mill-VAT u mit-tariffi

—

Infużjonijiet ta’ ekwità

3.6.   Finanzjament preferenzjali

3.6.1.   Istituzzjonijiet finanzjarji li jipprovdu finanzjament preferenzjali

(102)

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-grupp eżaminat individwalment, 12-il istituzzjoni finanzjarja li jinsabu fir-RPĊ kienu pprovdew finanzjament lill-produttur esportatur tal-LWTP u lill-kumpaniji relatati tiegħu. L-ebda waħda mill-istituzzjonijiet finanzjarji, kemm jekk kompletament jew parzjalment proprjetà tal-Istat, jew privata, ma lestiet il-kwestjonarju speċifiku minkejja talba li saret lill-GTĊ li kopriet l-istituzzjonijiet finanzjarji kollha li kienu pprovdew self lill-kumpaniji eżaminati.

(103)

Kif imsemmi fil-premessa (71), il-GTĊ ma bagħatx il-kwestjonarji lill-istituzzjonijiet finanzjarji u ma pprovdiex informazzjoni dwar is-sjieda tal-istituzzjonijiet finanzjarji li pprovdew self lill-kumpaniji eżaminati. Għalhekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tiddetermina jekk l-istituzzjonijiet finanzjarji kinux proprjetà tal-Istat jew proprjetà privata.

3.6.1.1.   Istituzzjonijiet finanzjarji tal-istat li jaġixxu bħala korpi pubbliċi

Standard legali

(104)

Il-Kummissjoni vverifikat jekk il-banek tal-Istat kinux qegħdin jaġixxu bħala korpi pubbliċi fis-sens tal-Artikoli 3 u 2(b) tar-Regolament bażiku. Skont il-ġurisprudenza rilevanti tad-WTO (45), korp pubbliku huwa entità li “tippossjedi, teżerċita jew hija vestita b’awtorità governattiva”. Trid issir inkjesta ta’ korp pubbliku każ b’każ, filwaqt li jitqiesu kif xieraq “il-karatteristiċi u l-funzjonijiet ewlenin tal-entità rilevanti”, “ir-relazzjoni mal-gvern” ta’ dik l-entità, u “l-ambjent legali u ekonomiku prevalenti fil-pajjiż li fih topera l-entità investigata”. Skont iċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull każ, l-evidenza rilevanti tista’ tinkludi: (i) evidenza li “entità, fil-fatt, teżerċita funzjonijiet governattivi”, speċjalment fejn tali evidenza “tindika prattika sostnuta u sistematika”; (ii) evidenza dwar “l-ambitu u l-kontenut tal-politiki tal-gvern relatati mas-settur li fih topera l-entità investigata”; u (iii) evidenza li gvern jeżerċita “kontroll sinifikattiv fuq entità u fuq l-imġiba tagħha”. Meta twettaq inkjesta tal-korp pubbliku, awtorità investigattiva trid “tevalwa u tagħti kunsiderazzjoni xierqa lill-karatteristiċi rilevanti kollha tal-entità” u teżamina t-tipi kollha ta’ evidenza li jistgħu jkunu pertinenti għal dik l-evalwazzjoni; meta tagħmel dan, jenħtieġ li tevita “li tiffoka esklużivament jew bla bżonn fuq kwalunkwe karatteristika waħda mingħajr ma tagħti kunsiderazzjoni xierqa lil oħrajn li jistgħu jkunu rilevanti”.

(105)

B’mod partikolari, il-ġurisprudenza tad-WTO speċifikat li (46): “Li jgħodd huwa jekk entità għandhiex l-awtorità li teżerċita funzjonijiet governattivi, aktar milli kif din l-awtorità tkun inkisbet. Hemm ħafna modi differenti ta’ kif il-gvern fis-sens ristrett jista’ jipprovdi lill-entitajiet b’awtorità. Għaldaqstant, hemm tipi differenti ta’ evidenza li jistgħu jkunu rilevanti biex jintwera li tali awtorità ngħatat lil entità partikolari. Evidenza li entità qiegħda, fil-fatt, teżerċita funzjonijiet governattivi tista’ sservi bħala evidenza li hi għandha jew ingħatat awtorità governattiva, b’mod partikolari meta din l-evidenza tindika prattika sostnuta u sistematika. Jirriżulta, fil-fehma tagħna, li l-evidenza li gvern jeżerċita kontroll sinifikanti fuq entità u l-aġir tagħha tista’ sservi, f’ċerti ċirkostanzi, bħala evidenza li l-entità rilevanti għandha awtorità governattiva u teżerċita tali awtorità fit-twettiq ta’ funzjonijiet governattivi. Madankollu, aħna nenfasizzaw li, apparti minn delega espliċita ta’ awtorità fi strument legali, l-eżistenza ta’ sempliċi rabtiet formali bejn entità u gvern fis-sens ristrett x’aktarx ma jkunx biżżejjed sabiex jiġi stabbilit il-pussess meħtieġ ta’ awtorità governattiva. Għalhekk, pereżempju, is-sempliċi fatt li gvern huwa l-azzjonista maġġoritarju ta’ entità ma jurix li l-gvern jeżerċita kontroll sinifikanti fuq l-aġir ta’ dik l-entità, u ferm anqas li l-gvern taha awtorità governattiva. Madankollu, f’xi każijiet, fejn l-evidenza turi li l-indizji formali tal-kontroll tal-gvern huma diversi, u fejn ikun hemm ukoll evidenza li tali kontroll kien eżerċitat b’mod sinifikanti, tali evidenza tista’ tippermetti li ssir inferenza li l-entità kkonċernata qiegħda teżerċita awtorità governattiva.”

(106)

Sabiex entità tiġi kkaratterizzata b’mod xieraq bħala korp pubbliku f’każ partikolari, jista’ jkun rilevanti li jiġi kkunsidrat “jekk il-funzjonijiet jew l-imġiba [tal-entità] humiex ta’ tip li normalment huma kklassifikati bħala governattivi fl-ordni legali tal-Membru rilevanti” (47), u l-klassifikazzjoni u l-funzjonijiet tal-entitajiet fi ħdan il-Membri tad-WTO b’mod ġenerali. Għalhekk, jekk il-funzjonijiet jew l-imġiba tkunx ta’ tip li normalment ikun ikklassifikat bħala governattiv fl-ordni ġuridiku tal-Membru rilevanti jista’ jkun kunsiderazzjoni rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk entità speċifika tkunx korp pubbliku jew le.

(107)

Hemm ħafna modi differenti ta’ kif il-gvern fis-sens ristrett jista’ jipprovdi lill-entitajiet b’awtorità. Għaldaqstant, hemm tipi differenti ta’ evidenza li jistgħu jkunu rilevanti biex jintwera li tali awtorità ngħatat lil entità partikolari. Evidenza li entità qiegħda, fil-fatt, teżerċita funzjonijiet governattivi tista’ sservi bħala evidenza li hi għandha jew ingħatat awtorità governattiva, b’mod partikolari meta din l-evidenza tindika prattika sostnuta u sistematika.

(108)

Evidenza li gvern jeżerċita kontroll sinifikattiv fuq entità u fuq l-imġiba tagħha tista’ sservi, f’ċerti ċirkostanzi, bħala evidenza li l-entità rilevanti jkollha awtorità governattiva u teżerċita din l-awtorità fit-twettiq ta’ funzjonijiet governattivi. Tabilħaqq, is-sjieda tal-gvern ta’ entità, filwaqt li mhijiex kriterju deċiżiv, tista’ sservi, flimkien ma’ elementi oħra, bħala evidenza. Madankollu, l-eżistenza ta’ sempliċi rabtiet formali bejn entità u gvern fis-sens ristrett x’aktarx li ma hijiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita awtorità governattiva. Għalhekk, pereżempju, is-sempliċi fatt li gvern huwa l-azzjonista maġġoritarju ta’ entità minnu nnifsu ma jurix li l-gvern jeżerċita kontroll sinifikattiv fuq l-imġiba ta’ dik l-entità, u ferm anqas li l-gvern taha awtorità governattiva. Madankollu, f’xi każijiet, fejn l-evidenza turi li l-indizji formali tal-kontroll tal-gvern huma bosta, u jkun hemm ukoll evidenza li dan il-kontroll ikun ġie eżerċitat b’mod sinifikattiv, din l-evidenza tista’ tippermetti li ssir inferenza li l-entità kkonċernata qed teżerċita awtorità governattiva.

(109)

Il-fokus ċentrali ta’ inkjesta ta’ korp pubbliku ma huwiex jekk l-imġiba li allegatament twassal għal kontribuzzjoni finanzjarja hijiex konnessa b’mod loġiku ma’ “funzjoni tal-gvern” identifikata. F’dan ir-rigward, l-istandard legali għad-determinazzjonijiet tal-korpi pubbliċi skont l-Artikolu 1.1(a)(1) tal-Ftehim SCM ma jistipulax konnessjoni ta’ grad jew ta’ natura partikolari li trid bilfors tkun stabbilita bejn funzjoni tal-gvern identifikata u l-kontribuzzjoni finanzjarja partikolari inkwistjoni. Minflok, l-inkjesta rilevanti tiddependi fuq il-fatt li l-entità li tkun involuta f’dik l-imġiba, il-karatteristiċi ewlenin tagħha, u r-relazzjoni tagħha mal-gvern. Din l-enfasi fuq l-entità, għall-kuntrarju tal-imġiba allegata li twassal għal kontribuzzjoni finanzjarja, tikkorrispondi għall-fatt li “gvern” (fis-sens ristrett) u “korp pubbliku” jaqsmu “livell ta’ komunalità jew ta’ trikkib fil-karatteristiċi essenzjali tagħhom” – jiġifieri t-tnejn huma “governattivi” fin-natura tagħhom.

(110)

In-natura tal-imġiba jew tal-prattika ta’ entità tista’ ċertament tikkostitwixxi evidenza rilevanti għal inkjesta tal-korp pubbliku. Tabilħaqq, l-imġiba ta’ entità – b’mod partikolari meta tindika “prattika mtennija u sistematika” – hija wieħed mid-diversi tipi ta’ evidenza li, skont iċ-ċirkostanzi ta’ kull investigazzjoni, jistgħu jitfgħu dawl fuq il-karatteristiċi ewlenin ta’ entità u fuq ir-relazzjoni tagħha mal-gvern fis-sens ristrett. Madankollu, il-valutazzjoni ta’ din l-evidenza għandha l-għan li twieġeb il-mistoqsija ċentrali ta’ jekk l-entità nfisha għandhiex il-karatteristiċi u l-funzjonijiet ewlenin li kieku jikkwalifikawha bħala korp pubbliku. Pereżempju, rilevanti għall-valutazzjoni dwar jekk entità hijiex korp pubbliku fil-kuntest ta’ banek kummerċjali Ċiniżi proprjetà tal-Istat (“SOCBs”, State-owned commercial banks) f’DS379 kienet ukoll informazzjoni li wriet li: (i) “[i]l-kap eżekuttiv tal-uffiċċji prinċipali tal-SOCBs huwa maħtur mill-gvern u s-[CCP] iżomm influwenza sinifikanti fl-għażla tagħhom”; u (ii) l-SOCBs “għad għandhom nuqqas ta’ ħiliet ta’ ġestjoni tar-riskju u analitiċi suffiċjenti”. Din l-evidenza ma kinitx limitata għall-attività ta’ self tal-SOCBs per se, iżda pjuttost kienet dwar il-karatteristiċi organizzazzjonali tagħhom, il-ktajjen tal-awtorità tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u r-relazzjoni ġenerali mal-GTĊ. Għalhekk, il-Korp tal-Appell tad-WTO (“AB”) fid-DS379 innota li, filwaqt li d-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti (“USDOC”, United States Department of Commerce) qies l-evidenza relatata mal-imġiba tal-SOCBs [“li jagħmlu self”], huwa għamel dan fil-qafas tal-inkjesta tiegħu dwar il-karatteristiċi ewlenin ta’ dawk l-entitajiet u r-relazzjoni tagħhom mal-GTĊ. Dawn l-SOCBs eżerċitaw funzjonijiet governattivi f’isem il-Gvern Ċiniż.

(111)

Barra minn hekk, l-AB ta wkoll importanza għall-fatt li l-gvern inkwistjoni naqas milli jikkoopera matul l-investigazzjoni. Tabilħaqq, f’DS379, l-AB ikkonferma d-determinazzjoni tal-USDOC li l-SOCBs fl-investigazzjoni dwar il-Karta CFS kienu jikkostitwixxu “korpi pubbliċi” fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin: (i) kważi s-sjieda sħiħa mill-Istat tas-settur bankarju fiċ-Ċina; (ii) l-Artikolu 34 tal-Liġi Bankarja Kummerċjali, li jiddikjara li l-banek huma meħtieġa “jwettqu n-negozju tas-self tagħhom skont il-bżonnijiet tal-ekonomija nazzjonali u tal-iżvilupp soċjali u taħt il-gwida ta’ politiki industrijali tal-Istat”; (iii) evidenza rreġistrata li tindika li l-SOCBs għadhom neqsin minn ġestjoni tar-riskju u minn ħiliet analitiċi adegwati; u (iv) il-fatt li “matul [dik] l-investigazzjoni, il- [USDOC] ma rċiviex l-evidenza neċessarja sabiex jiddokumenta b’mod komprensiv il-proċess li bih intalab, ingħata u ġie evalwat is-self lill-industrija tal-karti” (48).

(112)

Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-banek tal-Istat għandhomx, jeżerċitawx jew ingħatawx awtorità governattiva, il-Kummissjoni tat kunsiderazzjoni xierqa lill-karatteristiċi u l-funzjonijiet ewlenin tal-banek, ir-relazzjoni tagħhom mal-gvern, u l-ambjent legali u ekonomiku prevalenti fil-pajjiż li fiha topera l-entità investigata. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni fittxet informazzjoni dwar is-sjieda tal-Istat, kif ukoll indizji formali ta’ kontroll tal-gvern fil-banek tal-Istat. Hija analizzat ukoll jekk il-kontroll kienx eżerċitat b’mod sinifikanti vis-à-vis il-qafas normattiv li huwa fis-seħħ. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni kellha tibbaża fuq il-fatti disponibbli minħabba r-rifjut tal-GTĊ li jibgħat il-kwestjonarji rilevanti lill-istituzzjonijiet finanzjarji kkonċernati u jipprovdi evidenza dwar il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet li kien wassal għas-self preferenzjali, kif stabbilit fit-taqsima 3.4.2.

3.6.1.2.   Karatteristiċi u funzjonijiet ewlenin ta’ banek tal-Istat

(113)

Is-settur bankarju Ċiniż huwa ddominat minn Banek tal-Istat, abbażi tal-funzjonijiet primarji speċifiċi tagħhom tipikament imsejħa SOCBs jew banek tal-politika tal-Istat (ara l-premessa (41)).

(114)

Peress li l-Istat iżomm kontroll fuq il-banek tal-Istat permezz ta’ diversi kanali – minbarra l-parteċipazzjoni azzjonarja, jiżgura wkoll il-preżenza ta’ strutturi tal-Partit u l-influwenza tagħhom fl-istituzzjonijiet finanzjarji u jagħti mandat għal ċerti tipi ta’ mġiba kummerċjali tal-banek permezz ta’ miżuri regolatorji (ara t-Taqsima 3.6.1.44) –, huwa f’pożizzjoni li jagħmel użu mir-riżorsi tas-settur finanzjarju biex jilħaq l-objettivi ta’ politika tiegħu (ara wkoll il-premessi (130) sa (132), inkluż l-għan ġenerali li “jippromwovi l-iżvilupp tal-ekonomija tas-suq soċjalista”, kif stipulat fl-Artikolu 1 tal-Liġi Bankarja (ara t-Taqsima 3.6.1.4 għal analiżi aktar dettaljata tal-Liġi Bankarja).

(115)

B’dan il-mod, il-funzjonijiet ewlenin tal-istituzzjonijiet bankarji, b’mod partikolari l-politiki ta’ self tagħhom huma mfassla biex jaqdu skopijiet politiċi, il-prestazzjoni ekonomika tal-banek hija subordinata għar-rekwiżiti tal-politiki industrijali tal-GTĊ. Il-qafas legali applikabbli u l-istruttura istituzzjonali jiżguraw f’dan ir-rigward li kull meta l-GTĊ jidentifika prijoritajiet ekonomiċi, pereżempju l-iżvilupp tas-settur tal-LWTP, il-fondi meħtieġa jiġu mgħoddija bħala prijorità lejn proġetti korrispondenti permezz tas-settur finanzjarju. Konsegwentement, il-banek tal-Istat effettivament iwettqu funzjonijiet tal-gvern, sa fejn il-persunal maniġerjali ewlieni tagħhom ikun meħtieġ li jkun affiljat mas-CCP — u, għalhekk, primarjament leali lejn il-Parti — u l-attivitajiet kummerċjali ewlenin tagħhom iridu jitwettqu b’kunsiderazzjoni xierqa għall-objettivi ta’ politika stabbiliti mill-awtoritajiet tal-gvern.

3.6.1.3.   Sjieda, indizji formali u eżerċizzju ta’ kontroll mill-GTĊ

(116)

Kif indikat fil-premessa (71), il-GTĊ irrifjuta li jibgħat il-kwestjonarji lill-banek fuq il-bażi li din it-talba kisret il-Ftehim SCM billi talbet b’mod mhux xieraq informazzjoni mill-istituzzjonijiet finanzjarji Ċiniżi, ikklassifikathom ħażin bħala korpi pubbliċi, naqset milli tinnotifikahom kif suppost, u injorat it-tħassib dwar il-kunfidenzjalità skont il-liġi Ċiniża.

(117)

Matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni ċċarat l-intitolament tagħha li titlob data mill-istituzzjonijiet finanzjarji Ċiniżi, inklużi entitajiet tal-Istat, taħt is-sorveljanza tal-awtoritajiet Ċiniżi, u kkonfermat li kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali se tiġi ġestita f’konformità mal-protokolli ta’ kunfidenzjalità rilevanti. Barra minn hekk, ir-rekwiżit ta’ kunfidenzjalità ġie rrinunzjat, kif muri mill-awtorizzazzjoni bil-miktub mill-kumpaniji fil-kampjun, li rrinunzjaw b’mod espliċitu għall-privileġġi ta’ kunfidenzjalità tagħhom.

(118)

Konsegwentement, u kif stabbilit fil-premessa (76), l-ebda waħda mill-istituzzjonijiet finanzjarji, li pprovdiet self lill-kumpaniji eżaminati, ma wieġbet għall-kwestjonarju speċifiku.

(119)

Il-GTĊ ma pprovdiex informazzjoni la dwar is-sjieda tal-banek, u lanqas dwar l-istruttura ta’ governanza tagħhom, il-valutazzjoni tar-riskju jew eżempji relatati ma’ self speċifiku lill-industrija tal-LWTP.

(120)

Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tuża l-fatti disponibbli biex tiddetermina jekk dawk l-istituzzjonijiet finanzjarji jikkwalifikawx bħala korpi pubbliċi.

(121)

F’investigazzjoni antisussidji preċedenti (49) , il-Kummissjoni stabbiliet li l-banek li kienu pprovdew self lill-gruppi ta’ produtturi esportaturi fil-kampjun fl-investigazzjoni kienu parzjalment jew kompletament proprjetà tal-Istat innifsu jew ta’ persuni ġuridiċi miżmuma mill-Istat. Peress li l-banek ma weġbux għall-kwestjonarju speċifiku, il-Kummissjoni użat informazzjoni disponibbli għall-pubbliku, bħas-sit web tal-bank, ir-rapporti annwali, l-informazzjoni disponibbli fid-direttorji bankarji jew fuq l-internet. F’konformità mas-sejbiet ta’ dawn l-investigazzjonijiet tal-passat, id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (50) kkonferma li l-Istat jiddomina s-settur bankarju (51) billi jżomm ishma ta’ kontroll fil-banek kummerċjali kollha tal-Istat, kif ukoll billi jkun l-azzjonist maġġoritarju f’għadd ta’ banek kummerċjali b’ishma konġunti, jew permezz ta’ investiment dirett minn Huijin Ċentrali jew indirettament permezz ta’ entitajiet legali oħra tal-Istat. Fin-nuqqas ta’ bidliet minn investigazzjonijiet simili reċenti (52), tqies li l-istituzzjonijiet finanzjarji kollha tal-Istat li pprovdew finanzjament lill-kumpaniji eżaminati bħala parzjalment jew kompletament proprjetà tal-Istat innifsu jew ta’ persuni ġuridiċi miżmuma mill-Istat.

(122)

Fir-rigward tal-indizji formali tal-kontroll tal-gvern tal-banek tal-Istat, il-Kummissjoni kkwalifikathom bħala “istituzzjonijiet finanzjarji tal-Istat ewlenin”. B’mod partikolari, l-avviż “Regolamenti Interim dwar il-Bord tas-Superviżuri f’Istituzzjonijiet Finanzjarji tal-Istat Ewlenin” (53) jiddikjara li: ‘”L-istituzzjonijiet finanzjarji ewlenin tal-Istat imsemmija f’dawn ir-Regolamenti jirreferu għal banek tal-politika tal-Istat, banek kummerċjali, kumpaniji tal-ġestjoni tal-assi finanzjarji, kumpaniji tat-titoli, kumpaniji tal-assigurazzjoni, eċċ. (minn hawn ‘il quddiem imsejħa istituzzjonijiet finanzjarji tal-Istat), li lilhom il-Kunsill tal-Istat jibgħat bordijiet ta’ superviżuri‘.

(123)

Il-Bord tas-Superviżuri tal-istituzzjonijiet finanzjarji tal-Istat ewlenin jinħatar skont ir-“Regolamenti Interim tal-Bord tas-Superviżuri tal-Istituzzjonijiet Finanzjarji tal-Istat Ewlenin”. Abbażi tal-Artikoli 3 u 5 ta’ dawn ir-Regolamenti Interim, il-Kummissjoni stabbiliet li l-Membri tal-Bord tas-Superviżuri huma mibgħuta minn u responsabbli lejn il-Kunsill tal-Istat, u b’hekk juru l-kontroll istituzzjonali tal-Istat fuq l-attivitajiet kummerċjali tal-bank tal-Istat.

(124)

Fir-rigward tal-SOCBs, il-Kummissjoni osservat li s-sitt l-akbar banek kienu jirrappreżentaw aktar minn 40 % tat-termini tas-settur finanzjarju Ċiniż tal-assi totali sa tmiem l-2022 (54). Mill-inqas tnejn minn dawn is-sitt SOCBs, jiġifieri ICBC u ABC, huma fost l-istituzzjonijiet finanzjarji li pprovdew self lill-kumpaniji eżaminati fl-investigazzjoni preżenti. L-Istat għandu sehem maġġoritarju kemm fl-ICBC (55) kif ukoll fl-ABC (56). Minbarra li jikkontrolla l-akbar sitt SOCBs, l-Istat iżomm ishma sinifikanti f’numru ta’ SOCBs oħra, li fihom l-involviment tiegħu spiss ikun indirett, eż. permezz ta’ SOEs.

(125)

Il-Kummissjoni sabet ukoll li l-istituzzjonijiet finanzjarji tal-Istat biddlu l-Artikoli ta’ Assoċjazzjonijiet tagħhom fl-2017 biex iżidu r-rwol tas-CCP fl-ogħla livell ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-banek (57).

(126)

Dan l-Istatut ta’ Assoċjazzjoni ġdid jistipula li:

—

Il-President tal-Bord tad-Diretturi għandu jkun l-istess persuna bħas-Segretarju tal-Kumitat tal-Partit;

—

Ir-rwol tas-CCP huwa li jiżgura u jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Bank tal-politiki u l-linji gwida tas-CCP u tal-Istat; kif ukoll li jaqdi rwol ta’ tmexxija u ta’ gwardjan fil-ħatra tal-persunal (inkluż il-maniġment superjuri); and

—

L-opinjonijiet tal-Kumitat tal-Partit għandhom jinstemgħu mill-Bord tad-Diretturi biex jittieħdu deċiżjonijiet ewlenin.

(127)

Il-premessa (42) tipprovdi eżempji speċifiċi ta’ dawn il-bidliet fl-Istatut tal-Assoċjazzjoni fir-rigward tal-ICBC u l-ABC.

3.6.1.4.   Kontroll sinifikanti mill-GTĊ

(128)

Il-Kummissjoni fittxet ukoll informazzjoni dwar jekk il-GTĊ eżerċitax kontroll sinifikanti fuq l-imġiba tal-istituzzjonijiet finanzjarji tal-Istat, fir-rigward tas-self u l-valutazzjoni tal-politiki tar-riskju tagħhom, fejn ipprovdew self lill-industrija tal-LWTP. F’dan ir-rigward, ġew ikkunsidrati d-dokumenti regolatorji li ġejjin:

(1)

L-Artikolu 34 tal-Liġi tar-RPĊ dwar il-Banek Kummerċjali (“il-Liġi Bankarja”)

(2)

L-Artikolu 15 tar-Regoli Ġenerali dwar is-Self (implimentati mill-People’s Bank of China)

(3)

Id-Deċiżjoni Nru 40

(4)

Miżuri ta’ Implimentazzjoni tas-CBIRC għal Kwistjonijiet ta’ Liċenzjar Amministrattiv għal Banek Kummerċjali ffinanzjati miċ-Ċina (Ordni tas-CBIRC [2017] Nru 1)

(5)

Miżuri ta’ Implimentazzjoni tas-CBIRC għal Kwistjonijiet ta’ Liċenzjar Amministrattiv relatati ma’ Banek b’Finanzjament Barrani (Ordni tas-CBIRC [2015] Nru. 4)

(6)

Miżuri Amministrattivi għall-Kwalifiki tad-Diretturi u l-Uffiċjali Għolja ta’ Istituzzjonijiet Finanzjarji fis-Settur Bankarju (CBIRC [2013] Nru 3)

(7)

Il-pjan ta’ azzjoni ta’ tliet snin għat-titjib tal-governanza korporattiva tas-setturi bankarji u tal-assigurazzjoni (2020-2022) (CBIRC, it-28 ta’ Awwissu 2020)

(8)

L-Avviż dwar il-metodu ta’ evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-banek kummerċjali, (CBIRC, il-15 ta’ Diċembru 2020)

(9)

L-Avviż dwar ir-Regolamenti ta’ superviżjoni li jikkonċernaw l-imġiba ta’ azzjonisti kbar ta’ banek u istituzzjonijiet tal-assigurazzjoni (CBIRC, [2021] Nru 43).

(129)

Filwaqt li analizzat dawn id-dokumenti regolatorji, il-Kummissjoni sabet li l-istituzzjonijiet finanzjarji fir-RPĊ joperaw fi ħdan qafas legali li jidderiġihom biex jallinjaw mal-objettivi tal-politika industrijali tal-GTĊ, li jinkludu l-iżvilupp tas-settur tal-manifattura tal-karta. Rikonoxxuta bħala parti mill-industrija tal-manifattura tal-karta, il-LWTP hija enfasizzata fi pjanijiet nazzjonali u reġjonali ewlenin, inklużi d-Deċiżjoni 40, Made in China 2025, l-14-il FYP, il-Katalogu, u diversi strateġiji ta’ żvilupp provinċjali u muniċipali f’Guangdong, Hubei u Jiangsu. Dawn il-politiki jippromwovu l-appoġġ finanzjarju, l-inċentivi għar-riċerka u l-iżvilupp, u l-clusters industrijali, filwaqt li jħeġġu lill-istituzzjonijiet finanzjarji jipprijoritizzaw il-finanzjament għall-kumpaniji f’dan is-settur.

(130)

Fil-livell ġenerali, l-Artikolu 34 tal-Liġi Bankarja, li japplika għall-istituzzjonijiet finanzjarji kollha li joperaw fiċ-Ċina, jistabbilixxi li “il-banek kummerċjali għandhom iwettqu n-negozju ta’ self tagħhom skont il-ħtiġijiet tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali nazzjonali u taħt il-gwida tal-politiki industrijali tal-Istat”. Għalkemm l-Artikolu 4 tal-Liġi Bankarja jiddikjara li, “il-banek kummerċjali għandhom, skont il-liġi, iwettqu operazzjonijiet ta’ negozju mingħajr interferenza minn kwalunkwe unità jew individwu. Il-banek kummerċjali għandhom jassumu b’mod indipendenti responsabbiltà ċivili bil-proprjetà kollha tagħhom bħala persuna ġuridika”, l-investigazzjoni wriet li l-Artikolu 4 tal-Liġi Bankarja huwa applikat soġġett għall-Artikolu 34 tal-Liġi Bankarja, jiġifieri meta l-Istat jistabbilixxi politika pubblika, il-banek jimplimentawha u jsegwu l-istruzzjonijiet tal-Istat.

(131)

Barra minn hekk, l-Artikolu 15 tar-Regoli Ġenerali dwar is-Self jistabbilixxi li “F’konformità mal-politika tal-Istat, id-dipartimenti rilevanti jistgħu jissussidjaw l-imgħaxijiet fuq is-self, bil-ħsieb li jippromwovu t-tkabbir ta’ ċerti industriji u l-iżvilupp ekonomiku f’xi oqsma”.

(132)

Bl-istess mod, id-Deċiżjoni Nru 40 tagħti struzzjonijiet lill-istituzzjonijiet finanzjarji kollha sabiex jipprovdu appoġġ ta’ kreditu speċifikament lill-proġetti “mħeġġa”. Kif diġà ġie spjegat fit-Taqsima 3.3 u b’mod aktar speċifiku fil-premessi (60)-(68), il-proġetti tal-industrija tal-LWTP jappartjenu għall-kategorija “mħeġġa”. Id-Deċiżjoni Nru 40 għalhekk tikkonferma sejbiet preċedenti fir-rigward tal-Liġi Bankarja li l-banek jeżerċitaw awtorità governattiva fil-forma ta’ operazzjonijiet ta’ kreditu preferenzjali. Il-Kummissjoni sabet ukoll li l-NFRA għandha awtorità tal-approvazzjoni estensiva fuq l-aspetti kollha tal-ġestjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji kollha stabbiliti fir-RPĊ (inklużi istituzzjonijiet finanzjarji bi sjieda privata u bi sjieda barranija), bħal (58):

—

l-approvazzjoni tal-ħatra tal-maniġers kollha tal-istituzzjonijiet finanzjarji, kemm fil-livell tal-kwartieri ġenerali kif ukoll fil-livell tal-fergħat lokali. L-approvazzjoni tas-NFRA hija meħtieġa għar-reklutaġġ tal-livelli kollha tal-maniġment, mill-aktar pożizzjonijiet għolja sal-maniġers tal-fergħat, u tinkludi wkoll maniġers maħtura f’fergħat barranin, kif ukoll maniġers responsabbli għall-funzjonijiet ta’ appoġġ (pereżempju, il-maniġers tal-IT); and

—

lista twila ħafna ta’ approvazzjonijiet amministrattivi, inklużi approvazzjonijiet għat-twaqqif ta’ fergħat, għall-bidu ta’ linji ta’ negozju ġodda jew għall-bejgħ ta’ prodotti ġodda, għat-tibdil tal-Istatut ta’ Assoċjazzjoni tal-bank, għall-bejgħ ta’ aktar minn 5 % tal-azzjonijiet tagħhom, għal żidiet fil-kapital, għal bidliet tad-domiċilju, għal bidliet tal-forma organizzattiva, eċċ.

(133)

Il-liġi Bankarja hija legalment vinkolanti. In-natura obbligatorja tal-Pjanijiet ta’ Ħames Snin u tad-Deċiżjoni Nru 40 ġiet stabbilita hawn fuq fit-Taqsima 3.6.1.4. In-natura obbligatorja tad-dokumenti regolatorji tal-NFRA tirriżulta mis-setgħat tagħha bħala awtorità regolatorja bankarja. In-natura obbligatorja ta’ dokumenti oħrajn tidher permezz tal-klawżoli ta’ superviżjoni u evalwazzjoni li fihom.

(134)

Id-Deċiżjoni Nru 40 tal-Kunsill tal-Istat tagħti struzzjonijiet lill-istituzzjonijiet finanzjarji kollha biex jipprovdu appoġġ ta’ kreditu biss għal proġetti ta’ investiment li jappartjenu għall-kategorija mħeġġa u twiegħed l-implimentazzjoni “ta’ politiki preferenzjali oħra għal proġetti li jappartjenu għall-kategorija tal-industriji mħeġġa”. Fuq din il-bażi, il-banek huma meħtieġa li jipprovdu appoġġ ta’ kreditu lill-industrija tal-manifattura tal-karta bħala industrija mħeġġa.

(135)

Barra minn hekk, anke deċiżjonijiet bankarji kummerċjali privati jridu jiġu ssorveljati mis-CCP u jibqgħu konformi mal-politiki nazzjonali. Fil-fatt, wieħed mit-tliet għanijiet ġenerali tal-Istat fir-rigward tal-governanza bankarja issa huwa li tissaħħaħ it-tmexxija tal-Partit fis-settur bankarju u tal-assigurazzjoni, inkluż fir-rigward ta’ kwistjonijiet operazzjonali u ta’ ġestjoni fil-kumpaniji. F’dan ir-rigward, il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tliet Snin tas-CBIRC għas-snin mill-2020 sal-2022 jagħti struzzjonijiet sabiex “ikompli jiġi implimentat l-ispirtu inkorporat fid-diskors ewlieni tas-Segretarju Ġenerali Xi Jinping dwar l-avvanz tar-riforma tal-governanza korporattiva tas-settur finanzjarju”. Barra minn hekk, it-taqsima II tal-Pjan għandha l-għan li tippromwovi l-integrazzjoni organika tat-tmexxija tal-Partit fil-governanza korporattiva: “se nbiddlu l-integrazzjoni tat-tmexxija tal-Partit f’governanza korporattiva, aktar sistematika, standardizzata u bbażata fuq il-proċeduri […] Il-kwistjonijiet operattivi u ta’ ġestjoni prinċipali jridu l-ewwel ikunu ġew diskussi mill-Kumitat tal-partit qabel ma tittieħed deċiżjoni dwarhom mill-Bord tad-Diretturi jew mill-maniġment superjuri.”

(136)

Barra minn hekk, il-GTĊ reċentement stipula li anke l-azzjonisti tal-istituzzjonijiet finanzjarji jeħtieġ li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tal-kontroll tal-GTĊ permezz tal-qafas ta’ governanza korporattiva tal-istituzzjoni, kif ġej: “Azzjonisti kbar ta’ banek u istituzzjonijiet tal-assigurazzjoni għandhom jappoġġaw banek u istituzzjonijiet tal-assigurazzjoni fl-istabbiliment ta’ struttura ta’ governanza korporattiva indipendenti u soda b’kontrolli u bilanċi effettivi, u jinkoraġġixxu u jappoġġaw banek u istituzzjonijiet tal-assigurazzjoni sabiex jiżguraw l-integrazzjoni organika tat-tmexxija tal-Partit mal-governanza korporattiva” (59).

(137)

Fl-aħħar nett, il-kriterji tal-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-NFRA għall-banek kummerċjali issa, b’mod partikolari, iqisu kif l-istituzzjonijiet finanzjarji “jaqdu l-objettivi nazzjonali tal-iżvilupp u l-ekonomija reali”, u b’mod partikolari kif “iservu l-industriji strateġiċi u emerġenti” (60).

(138)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-GTĊ ħoloq qafas normattiv li kellu jiġi rrispettat mill-maniġers u mis-superviżuri tal-bank tal-Istat, maħtura mill-GTĊ u miżmuma responsabbli quddiem il-GTĊ. Għalhekk, il-GTĊ qagħad fuq dan il-qafas normattiv sabiex jeżerċita kontroll b’mod sinifikanti fuq l-imġiba tal-bank tal-Istat kull meta kien qed jipprovdi self lill-industrija tal-LWTP. Il-funzjonijiet ewlenin tal-bank tal-Istat huma relatati mal-kompiti speċifiċi assenjati mill-GTĊ permezz ta’ dan il-qafas normattiv, li jwassal biex isir l-għodda tal-GTĊ biex iwettaq funzjonijiet tal-gvern.

(139)

Matul l-investigazzjoni, il-GTĊ irrefera għall-interpretazzjoni tal-NPC tal-Liġi Bankarja u l-Artikolu 4 tal-Liġi Bankarja billi sostna li l-banek kummerċjali fiċ-Ċina kienu qed joperaw bħala entitajiet legali indipendenti li “jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom stess”, “mingħajr interferenza minn kwalunkwe unità jew individwu” u li “l-ebda entità jew individwu ma jista’ jġiegħel lil bank kummerċjali jagħti self jew jipprovdi garanzija”.

(140)

Kif ġie spjegat fil-premessa (133) hawn fuq, il-Kummissjoni qieset li l-Liġi Ċiniża dwar il-Banek u d-Deċiżjoni Nru 40 huma ta’ natura obbligatorja. Barra minn hekk, is-sejbiet ta’ din l-investigazzjoni, kif ukoll is-sejbiet tal-Kummissjoni f’investigazzjonijiet preċedenti dwar l-istess programm ta’ sussidju (61) ma appoġġawx l-affermazzjoni li l-banek ma jqisux il-politika u l-pjanijiet tal-gvern meta jieħdu deċiżjonijiet dwar is-self. Pereżempju, il-Kummissjoni sabet li l-grupp eżaminat ibbenefika minn self preferenzjali b’rati tal-imgħax aktar baxxi minn dawk tas-suq.

(141)

L-investigazzjoni ddeterminat ukoll li l-Artikolu 4 japplika biss sakemm jallinja mal-Artikolu 33. Dan ifisser li filwaqt li l-banek jistgħu joperaw taħt il-qafas legali ġenerali tagħhom, huma jridu jikkonformaw mal-politiki tal-istat meta jiġu diretti. Fil-fatt, filwaqt li l-Artikoli 4 tal-Liġi Bankarja huma parti mill-Kapitolu I, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali, l-Artikolu 33 huwa parti mill-Kapitolu IV, li jistabbilixxi r-regoli bażiċi li jirregolaw is-self. Il-formulazzjoni tal-Artikolu 33: “il-banek kummerċjali jwettqu n-negozju tas-self tagħhom skont il-ħtiġijiet tal-ekonomija nazzjonali u l-iżvilupp soċjali u taħt il-gwida tal-politiki industrijali tal-Istat”, juri li din id-dispożizzjoni ma hijiex ta’ natura ta’ gwida, iżda pjuttost għandha karattru obbligatorju u tipprovdi struzzjoni ċara lill-banek biex iqisu l-politiki industrijali tal-Istat meta jwettqu n-negozju tas-self tagħhom. Il-Kummissjoni nnutat ukoll li d-Deċiżjoni Nru 40 tal-Kunsill tal-Istat tagħti struzzjonijiet lill-istituzzjonijiet finanzjarji kollha biex jipprovdu appoġġ ta’ kreditu biss għal proġetti mħeġġa u twiegħed l-implimentazzjoni ta’ “politiki preferenzjali oħrajn dwar il-proġetti mħeġġa”. Filwaqt li l-Artikolu 17 tal-istess Deċiżjoni jirrikjedi li l-banek jirrispettaw il-prinċipji ta’ kreditu, il-Kummissjoni stabbiliet li l-banek ma kinux qed jirrispettaw il-prinċipji ta’ kreditu matul l-investigazzjoni. Il-Kummissjoni talbet dokumenti ta’ sostenn li juru li l-istituzzjonijiet finanzjarji kienu qed jirrispettaw tali prinċipji. Il-GTĊ u l-istituzzjonijiet finanzjarji ma pprovdewx tali informazzjoni. B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni kellha tagħmel tali valutazzjoni abbażi tal-fatti disponibbli. Fatti bħal dawn urew li ngħata self lill-produtturi esportaturi irrispettivament mis-sitwazzjoni finanzjarja u l-affidabbiltà kreditizja tagħhom. Din is-sejba mhijiex ġdida u diġà saret f’investigazzjonijiet preċedenti (62) fejn il-Kummissjoni preċedentement uriet li l-Artikolu 17 ma jissarrafx b’mod effettiv fi prinċipju ta’ kreditu għall-industriji mħeġġa. Matul l-investigazzjoni attwali, il-Kummissjoni ma setgħetx tistabbilixxi konformità minħabba nuqqas ta’ kooperazzjoni, li tkompli ssaħħaħ it-tħassib dwar it-trasparenza u l-aderenza ma’ proċeduri xierqa ta’ valutazzjoni tal-kreditu.

(142)

Fl-aħħar nett, kif innotat fil-premessi (125) u (126) hawn fuq, il-fatt li l-kwistjonijiet operazzjonali u ta’ ġestjoni ewlenin kollha tal-bank jiġu rieżaminati mill-Parti, li huwa inkorporat bir-reqqa fl-istruttura tal-governanza korporattiva tal-banek, u l-fatt li l-prestazzjoni tal-banek tiġi evalwata f’konformità mal-isforzi tagħhom biex jaqdu intrapriżi strateġiċi u emerġenti bħall-industrija tal-LWTP, juri wkoll in-natura stretta u vinkolanti tal-qafas regolatorju fuq l-operazzjonijiet tal-istituzzjonijiet finanzjarji.

(143)

Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni u evidenza konkreta tal-valutazzjonijiet tal-affidabbiltà kreditizja, il-Kummissjoni għalhekk eżaminat l-ambjent legali ġenerali kif stabbilit hawn fuq fil-premessi (130) sa (138), fir-rigward tas-self ipprovdut lill-grupp eżaminat. Din l-imġiba kkuntrastat mal-pożizzjoni uffiċjali tagħha peress li fil-prattika l-banek tal-Istat ma kinux qed jaġixxu abbażi ta’ valutazzjonijiet tar-riskju bir-reqqa bbażati fuq is-suq.

(144)

Matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni sabet li s-self ingħata lill-kumpaniji eżaminati b’rati tal-imgħax taħt jew qrib ir-Rata Prima tas-Self (“LPR”, Loan Prime Rate), kif imħabbar miċ-Ċentru Nazzjonali ta’ Finanzjament Interbankarju (NIFC, National Interbank Funding Center). Il-LPR ġie introdott fl-20 ta’ Awwissu 2019, u jissostitwixxi r-rata referenzjali preċedenti tal-bank ċentrali tal-Bank tal-Poplu taċ-Ċina (PBOC) (63). L-għoti ta’ finanzjament b’rati taħt jew qrib ir-rata tal-imgħax mingħajr riskju tal-pajjiż fis-suq interbankarju juri biċ-ċar li r-riskju ma ġiex ikkunsidrat b’mod adegwat. Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-GTĊ u mill-istituzzjonijiet finanzjarji, il-Kummissjoni kellha tuża l-fatti disponibbli u b’hekk ikkonkludiet li s-self ingħata irrispettivament mis-sitwazzjoni finanzjarja u tar-riskju ta’ kreditu reali tal-kumpaniji, kif stabbilit fit-taqsima 3.6.3 hawn taħt. Għalhekk, is-self ingħata taħt ir-rati tas-suq meta mqabbla mar-rata li tikkorrespondi għall-profil tar-riskju tal-grupp eżaminat.

(145)

Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-GTĊ ħoloq qafas normattiv fir-rigward tas-self lill-industriji mħeġġa li kellu jiġi rispettat mill-maniġers u mis-superviżuri tal-bank, li huma maħtura mill-GTĊ u miżmuma responsabbli quddiem il-GTĊ. Dan il-qafas normattiv ma kien iħalli l-ebda marġni ta’ manuvrar lill-maniġers u lis-superviżuri tal-bank dwar jekk kellhomx isegwu dan il-qafas jew le fir-rigward tal-grupp eżaminat, li għalhekk kien ipoġġi l-ġestjoni ta’ dan il-bank f’pożizzjoni ta’ dipendenza.

(146)

Għalhekk, il-GTĊ qagħad fuq il-qafas normattiv sabiex jeżerċita kontroll b’mod sinifikanti fuq l-imġiba tal-bank kull meta kien qiegħed jipprovdi self lill-industrija tal-LWTP.

(147)

Fin-nuqqas ta’ evidenza konkreta ta’ valutazzjonijiet tar-riskju ta’ kreditu, il-Kummissjoni eżaminat l-ambjent legali ġenerali applikabbli għas-self lil industriji mħeġġa bħall-industrija tal-LWTP u stabbiliet li l-bank ma kienx qed jaġixxi abbażi ta’ valutazzjonijiet tar-riskju ta’ kreditu bir-reqqa bbażati fuq is-suq.

(148)

Barra minn hekk, kif spjegat fil-premessa (140), is-self ġie pprovdut lill-kumpaniji eżaminati b’rati tal-imgħax taħt jew qrib ir-Rata Prima tas-Self irrispettivament mis-sitwazzjoni finanzjarja u tar-riskju ta’ kreditu tagħhom. Għalhekk, meta jitqies il-profil tar-riskju tal-Guanhao Group deskritt fit-Taqsima 3.6.4.3 hawn taħt u li, skont l-analiżi tar-riskju mwettqa mill-Kummissjoni, hija kellha tirċievi klassifikazzjoni tal-kreditu B u għalhekk kellha tħallas rati tal-imgħax ferm ogħla mir-rata mingħajr riskju, il-Kummissjoni kkonkludiet li s-self inkwistjoni ġie pprovdut taħt ir-rati tas-suq.

(149)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-GTĊ eżerċita kontroll sinifikanti fuq l-imġiba tal-bank fir-rigward tal-politiki ta’ self tiegħu u l-valutazzjoni tar-riskju li tikkonċerna l-industrija tal-LWTP.

3.6.1.5.   Konklużjoni dwar l-istituzzjonijiet finanzjarji kollha tal-Istat

(150)

Il-Kummissjoni stabbiliet li l-banek tal-Istat implimentaw il-qafas legali stabbilit hawn fuq fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet governattivi fir-rigward tas-settur tal-LWTP. Għalhekk, huwa kien qed jaġixxi bħala korp pubbliku fis-sens tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament bażiku moqri flimkien mal-Artikolu 3(1)(a)(i) tar-Regolament bażiku u f’konformità mal-ġurisprudenza rilevanti tad-WTO.

(151)

Barra minn hekk, anki li kieku l-istituzzjonijiet finanzjarji tal-Istat ma kellhomx jitqiesu bħala korpi pubbliċi, il-Kummissjoni stabbiliet fuq il-bażi tal-istess informazzjoni li kienu jitqiesu inkarigati jew mogħtija direzzjonijiet mill-GTĊ sabiex iwettqu funzjonijiet normalment vestiti fil-gvern skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(a)(iv) tar-Regolament bażiku għall-istess raġunijiet, kif stabbilit fit-Taqsima 3.6.2 hawn taħt. Għalhekk, fi kwalunkwe każ, l-imġiba tagħhom tkun attribwita lill-GTĊ.

3.6.2.   Istituzzjonijiet finanzjarji privati inkarigati jew mogħtija direzzjoni mill-GTĊ

(152)

Bħal f’investigazzjonijiet preċedenti (64) , f’konformità mal-analiżi korrispondenti pprovduta fil-premessi (128) sa (149) tqies li dawn il-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji privati kienu qed joperaw taħt is-superviżjoni tal-NFRA (li tissostitwixxi s-CBRC) u ġew fdati jew diretti mill-GTĊ. Billi ma ngħatat l-ebda informazzjoni li tindika mod ieħor, il-Kummissjoni sostniet l-istess konklużjoni fl-investigazzjoni preżenti.

(153)

Il-Kummissjoni analizzat jekk dawn l-istituzzjonijiet finanzjarji kinux ġew inkarigati jew mogħtija direzzjoni mill-GTĊ biex jagħtu sussidji lis-settur tal-LWTP skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(a)(iv) tar-Regolament bażiku.

(154)

Skont il-Korp tal-Appell tad-WTO, “inkarigu” jseħħ meta gvern jagħti responsabbiltà lil korp privat u “direzzjoni” tirreferi għal sitwazzjonijiet fejn il-gvern jeżerċita l-awtorità tiegħu fuq korp privat (65). Fiż-żewġ każijiet, il-gvern juża korp privat bħala indikatur biex jagħmel il-kontribuzzjoni finanzjarja u “fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, wieħed jistenna li l-inkarigu jew id-direzzjoni ta’ korp privat ikunu jinvolvu xi forma ta’ theddida jew inċitament” (66). Fl-istess ħin, l-Artikolu 3(1)(a) (iv) ma jippermettix lill-Membri jimponu miżuri kompensatorji għall-prodotti “kull meta l-gvern ikun sempliċiment qed jeżerċita s-setgħat regolatorji ġenerali tiegħu” (67) jew meta l-intervent tal-gvern “jista’ jkollu jew ma jkollux riżultat partikolari sempliċiment fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi fattwali partikolari u l-eżerċitar tal-għażla ħielsa mill-atturi f’dak is-suq” (68). Minflok, l-inkarigu jew d-direzzjoni jimplikaw “rwol iżjed attiv tal-gvern minn sempliċi atti ta’ inkoraġġiment (69) .

(155)

Il-Kummissjoni nnutat li l-qafas normattiv li jikkonċerna l-industrija msemmija hawn fuq fil-premessi minn (130) sa (135) japplika għall-istituzzjonijiet finanzjarji kollha fir-RPĊ, inklużi l-istituzzjonijiet finanzjarji privati. Biex turi dan, il-Liġi Bankarja u d-diversi ordnijiet tal-NFRA (li qabel kienet is-CBIRC) ikopru l-banek kollha ffinanzjati miċ-Ċina u b’investiment barrani taħt il-ġestjoni tal-NFRA.

(156)

Barra minn hekk, il-maġġoranza tal-kuntratti ta’ self ma’ istituzzjonijiet finanzjarji privati kellhom kundizzjonijiet simili bħall-kuntratti mal-banek tal-Istat, u r-rati ta’ self ipprovduti mill-istituzzjonijiet finanzjarji privati kienu simili għar-rati pprovduti mill-istituzzjonijiet finanzjarji tal-Istat. Dan juri li kundizzjonijiet ta’ self preferenzjali de facto jingħataw minn dawk il-banek f’konformità mal-kontroll tal-GTĊ fuq is-settur bankarju.

(157)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe informazzjoni diverġenti riċevuta mill-istituzzjonijiet finanzjarji privati, il-Kummissjoni kkonkludiet li, sa fejn hija kkonċernata l-industrija tal-LWTP, l-istituzzjonijiet finanzjarji kollha (inklużi l-istituzzjonijiet finanzjarji privati) li joperaw fiċ-Ċina taħt is-superviżjoni tal-NFRA ġew fdati jew ordnati mill-Istat fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) (iv) tar-Regolament bażiku biex isegwu politiki governattivi u jipprovdu self b’rati preferenzjali lill-industrija tal-LWTP (70), għalhekk, funzjonijiet li mhumiex differenti mill-funzjonijiet li normalment jitwettqu mill-gvernijiet.

3.6.3.   Klassifikazzjonijiet tal-kreditu

(158)

F’investigazzjonijiet antisussidji preċedenti, il-Kummissjoni diġà ddeterminat li l-klassifikazzjonijiet tal-kreditu domestiċi mogħtija lill-kumpaniji Ċiniżi ma kinux affidabbli, abbażi ta’ studju ppubblikat mill-Fond Monetarju Internazzjonali (71) , li juri diskrepanza bejn il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu internazzjonali u Ċiniżi. Tabilħaqq, skont il-FMI, ‘il fuq minn 90 % tal-bonds Ċiniżi huma kklassifikati minn AA sa AAA mill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni lokali. Dan mhuwiex komparabbli ma’ swieq oħra, bħall-UE jew l-Istati Uniti tal-Amerka (“l-Istati Uniti”). Pereżempju, anqas minn 2 % tad-ditti jgawdu minn dawn il-klassifikazzjonijiet tal-ogħla livell fis-suq tal-Istati Uniti. B’hekk, l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu Ċiniżi jxaqilbu b’mod qawwi lejn l-ogħla tarf tal-iskala ta’ klassifikazzjoni. Huma għandhom skali ta’ klassifikazzjoni wiesgħa ħafna u għandhom tendenza li jiġbru flimkien bonds b’riskji ta’ inadempjenza differenti b’mod sinifikanti f’kategorija waħda wiesgħa ta’ klassifikazzjoni (72). Skont l-għarfien tas-suq tal-bonds taċ-Ċina tal-2021 minn Bloomberg (73) , ħames aġenziji ta’ klassifikazzjoni lokali Ċiniżi jiddominaw is-suq tal-bonds: China Chengxin, Dagong, Lianhe, Shanghai Brilliance, u Golden credit rating, u madwar 90 % tal-bonds huma kklassifikati AAA mill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni lokali. Madankollu, ħafna mill-emittenti rċevew klassifikazzjoni tal-emittent globali ta’ S&P aktar baxxa ta’ A u BBB (74) .

(159)

Barra minn hekk, l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni barranin, bħal Standard and Poor’s u Moody’s, tipikament japplikaw żieda fuq il-klassifikazzjoni ta’ kreditu tal-linja bażi tal-emittent abbażi ta’ stima tal-importanza strateġika tad-ditta għall-Gvern Ċiniż u s-saħħa ta’ kwalunkwe garanzija impliċita meta jikklassifikaw bonds Ċiniżi maħruġa barra l-pajjiż (75).

(160)

Biex tikkomplementa din l-analiżi, każijiet preċedenti wrew li l-GTĊ jista’ jeżerċita ċerta influwenza fuq is-suq tal-klassifikazzjoni tal-kreditu (76) .

(161)

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-GTĊ f’każijiet preċedenti, kien hemm 14-il aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu attivi fis-suq tal-bonds taċ-Ċina, inklużi 12-il aġenzija tal-klassifikazzjoni domestika. It-tieni, ma hemmx dħul liberu fis-suq Ċiniż tal-klassifikazzjoni tal-kreditu. Huwa essenzjalment suq magħluq, peress li l-aġenziji tal-klassifikazzjoni jridu jiġu approvati mill-Kummissjoni Regolatorja tat-Titoli taċ-Ċina (China Securities Regulatory Commission, CSRC) jew mill-PBOC qabel ma jkunu jistgħu jibdew l-operazzjonijiet tagħhom (77). Il-PBOC ħabbar f’nofs l-2017 li l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni barranin se jkunu permessi jwettqu klassifikazzjonijiet tal-kreditu fuq parti mis-suq tal-bonds domestiku, taħt ċerti kundizzjonijiet. Madankollu, dawn l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu jsegwu l-iskali ta’ klassifikazzjoni Ċiniżi u, b’hekk, ma humiex eżattament komparabbli mal-klassifikazzjonijiet internazzjonali, kif spjegat fil-premessa (159).

(162)

Riċerka tal-2021 minn Allianz Global Investors tikkonferma s-sejbiet tal-Kummissjoni, u tiddikjara li “s-sistema ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu fuq l-art taċ-Ċina hija differenti mill-konvenzjonijiet internazzjonali ta’ klassifikazzjoni. Pereżempju, bonds onshore ikklassifikati AA+ tipikament jiġu kklassifikati bħala ta’ “rendiment għoli” fuq skala internazzjonali” (78) .

(163)

Fl-aħħar nett, l-OECD indikat fl-2022 li “n-nuqqasijiet fis-suq tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, inklużi klassifikazzjonijiet minfuħa u sistemi ta’ twissija dgħajfa jfixklu l-iżvilupp b’saħħtu tas-suq tal-bonds” (79) .

(164)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ddeterminat ukoll li (80) s-sistema ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu Ċiniża ma tistax titqies li hija mmexxija biss mill-forzi tas-suq u li topera fuq bażi distorta.

(165)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni deskritta fil-premessi minn (158) sa (163) ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-klassifikazzjonijiet ta’ kreditu Ċiniżi ma jipprovdu l-ebda stima affidabbli tar-riskju ta’ kreditu tal-assi sottostanti. Dawk il-klassifikazzjonijiet kienu distorti wkoll mill-objettivi ta’ politika li jħeġġu industriji strateġiċi ewlenin, bħall-industrija tal-LWTP.

3.6.4.   Finanzjament preferenzjali: self

3.6.4.1.   Tipi ta’ self

Self għal żmien qasir u fit-tul

(166)

Il-Kummissjoni stabbiliet li l-kumpaniji fil-Grupp Guanhao użaw self għal żmien qasir u fit-tul biex jiffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom. Dan is-self intuża prinċipalment għal operazzjonijiet ta’ kuljum, ħtiġijiet ta’ kapital operatorju, għal proġetti u investimenti speċjali.

3.6.4.2.   Speċifiċità

(167)

Kif muri fil-premessa (128), diversi dokumenti legali, li huma mmirati wkoll lejn il-kumpaniji fis-settur tal-manifattura tal-karta bħala industrija mħeġġa, jidderieġu lill-istituzzjonijiet finanzjarji biex jipprovdu self b’rati preferenzjali lill-industrija tal-LWTP. Dawn id-dokumenti juru li l-istituzzjonijiet finanzjarji jipprovdu biss finanzjament preferenzjali lil għadd limitat ta’ industriji jew kumpaniji, li jikkonformaw mal-politiki rilevanti tal-GTĊ. Il-Kummissjoni qieset li r-referenza għall-industrija tal-manifattura tal-karta, li l-industrija tal-LWTP tifforma parti minnha, hija ċara biżżejjed peress li din l-industrija hija identifikata b’referenza għall-prodott manifatturat mill-grupp tal-industrija li tappartjeni għalih. Għalhekk, il-fatt li l-GTĊ jappoġġa grupp limitat ta’ industriji mħeġġa, li jinkludi l-industrija tal-LWTP, jagħmel dan is-sussidju speċifiku.

3.6.4.3.   Kalkolu tal-ammont tas-sussidju

(168)

Il-Kummissjoni kkalkolat l-ammont tas-sussidju kumpensabbli abbażi tal-benefiċċju mogħti lir-riċevituri matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Skont l-Artikolu 6(b) tar-Regolament bażiku, il-benefiċċju mogħti lir-riċevituri huwa d-differenza bejn l-ammont ta’ mgħax li l-kumpanija ħallset fuq is-self preferenzjali u l-ammont li l-kumpanija kienet tħallas għal self kummerċjali komparabbli, li l-kumpanija setgħet tikseb fis-suq.

(169)

Kif spjegat fit-Taqsimiet 3.6.1 u 3.6.2 hawn fuq, is-self ipprovdut mill-istituzzjonijiet finanzjarji Ċiniżi jirrifletti intervent sostanzjali tal-gvern u ma jirriflettix rati li normalment jinstabu f’suq li jiffunzjona.

(170)

Il-Kummissjoni vvalutat is-sitwazzjoni finanzjarja tal-Grupp Guanhao eżaminat individwalment. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni segwiet il-metodoloġija tal-kalkolu għall-finanzjament preferenzjali permezz ta’ self stabbilit fl-investigazzjoni antisussidji dwar il-fojl tal-aluminju għall-modifikazzjoni li joriġina mir-RPĊ, kif ukoll l-investigazzjoni antisussidji dwar prodotti tal-azzar ċatti b’laminazzjoni termali li joriġinaw mir-RPĊ, l-investigazzjonijiet antisussidji dwar tajers li joriġinaw mir-RPĊ, ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-RPĊ, kejbils tal-fibra ottika li joriġinaw mir-RPĊ, vetturi elettriċi ġodda bil-batterija ddisinjati għat-trasport ta’ persuni li joriġinaw mir-RPĊ u tagħmir għall-aċċess mobbli li joriġina mir-RPĊ (81), kif spjegat fil-premessi (180) sa (181) hawn taħt. B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni kkalkolat il-benefiċċju mill-finanzjament preferenzjali permezz ta’ prattiki ta’ self għall-Grupp Guanhao u allokat tali benefiċċju għall-prodott taħt investigazzjoni.

(171)

Kif imsemmi fil-premessa (76), l-istituzzjonijiet finanzjarji tas-self Ċiniżi ma ssottomettew l-ebda tweġiba għall-kwestjonarju li setgħet tiċċara l-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja mwettqa. Għalhekk, sabiex tistabbilixxi l-benefiċċju, il-Kummissjoni kellha tivvaluta jekk ir-rati tal-imgħax għas-self mogħti lill-Grupp Guanhao kinux fil-livell tas-suq.

(172)

Il-Grupp Guanhao rrapporta sitwazzjoni finanzjarja ġeneralment profittabbli bejn l-2022 u l-2024. Madankollu, il-profittabbiltà tiegħu naqas b’mod drammatiku fil-perjodu ta’ investigazzjoni fejn il-kumpanija rrapportat telf ta’ 2,2 %. Dan ġie kkonfermat ukoll mill-kontijiet finanzjarji awditjati ppubblikati tal-kumpanija tal-2025 fejn it-telf laħaq l-4,2 %.

(173)

Il-Guanhao Group uża dejn għal żmien qasir u fit-tul sabiex jiffinanzja l-operazzjonijiet tiegħu. Il-Kummissjoni vvalutat il-likwidità b’terminu qasir u s-sitwazzjoni ta’ solvenza fit-tul tal-grupp.

(174)

Fir-rigward tal-likwidità b’terminu qasir, il-Kummissjoni użat il-proporzjon kurrenti u l-proporzjon malajr. Dawn il-proporzjonijiet ikejlu l-kapaċità tal-kumpanija li tħallas obbligi b’terminu qasir, inkluż dejn b’terminu qasir.

(175)

Il-proporzjon kurrenti tal-kumpanija kien ta’ 1,35 fl-2023, naqas għal 1,01 fl-2022 u mbagħad naqas għal 0,97 fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Għalhekk, l-assi kurrenti tal-kumpanija ma kinux biżżejjed biex jitħallsu l-obbligi fuq terminu qasir. Dan ma jiġġustifikax klassifikazzjoni ta’ kreditu għolja, li għaliha kumpanija jenħtieġ li tippreżenta proporzjon ta’ mill-anqas 2.

(176)

Il-proporzjon malajr tal-kumpanija kien ta’ 0,84 fl-2023, 0,81 fl-2024 u 0,7 fi tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni, filwaqt li proporzjon malajr ta’ mill-inqas 1 jitqies bħala referenza. Fil-fatt, kumpanija li għandha proporzjon malajr ta’ anqas minn 1 tista’ ma tkunx kapaċi tħallas l-obbligazzjonijiet kurrenti tagħha fuq medda qasira ta’ żmien. Għalhekk, il-kumpanija ma kellhiex biżżejjed flus kontanti disponibbli biex tħallas id-dejn b’terminu qasir tagħha. Wara li qieset l-indikatur tal-likwidità ta’ terminu qasir, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kumpanija inkwistjoni ppreżentat problemi ta’ likwidità ta’ terminu qasir li jirriżultaw fi profil ta’ debitur b’riskju għoli.

(177)

F’termini ta’ solvenza, il-proporzjon ta’ dejn-ekwità tal-kumpanija żdied kontinwament minn 0,40 fl-2002 għal 0,92 fil-perjodu ta’ investigazzjoni, li jindika l-fatt li l-kumpanija qed tiffinanzja dejjem aktar l-attività tagħha prinċipalment permezz tad-dejn. Tali ingranaġġ għoli jagħmel lill-kumpanija vulnerabbli għal rati tal-imgħax jew tnaqqis fir-ritmu ekonomiku li qed jiżdied, peress li l-kapaċità tagħha li tħallas id-dejn tista’ tkun taħt pressjoni. Id-dipendenza fuq il-finanzjament tad-dejn iżżid ir-riskju ta’ insolvenza, speċjalment jekk it-tkabbir tad-dħul jew il-profittabbiltà jonqsu. Dan l-ingranaġġ huwa tħassib serju li jista’ jipperikola s-saħħa finanzjarja tal-kumpanija.

(178)

Għalhekk, meta wieħed iqis il-kwistjonijiet ta’ likwidità, solvenza u effiċjenza deskritti fil-premessi (172) sa (177), il-Kummissjoni qieset li l-kumpanija ma kinitx f’sitwazzjoni finanzjarja solida u ppreżentat profil ta’ riskju għoli għas-selliefa u l-investituri potenzjali.

(179)

Il-Kummissjoni qieset li s-sitwazzjoni finanzjarja ġenerali tal-grupp tikkorrispondi għal klassifikazzjoni B, li ma tikkwalifikax bħala “grad ta’ investiment”.

(180)

Abbażi tad-data disponibbli għall-pubbliku dwar Bloomberg, il-Kummissjoni użat bħala punt ta’ riferiment il-primjum mistenni fuq bonds maħruġa minn ditti bi klassifikazzjoni B, li ġie applikat għar-Rata Referenzjarja tas-Self tal-PBOC, jew wara l-20 ta’ Awwissu 2019 għar-Rata Prima tas-Self kif imħabbar mill-NIFC sabiex tiġi ddeterminata r-rata tas-suq.

(181)

Dik il-mark-up ġiet stabbilita permezz tal-kalkolu tal-firxa relattiva bejn l-indiċijiet ta’ bonds korporattivi tal-Istati Uniti kklassifikati bħala AA u l-bonds korporattivi tal-Istati Uniti kklassifikati bħala B abbażi tad-data ta’ Bloomberg għas-segmenti industrijali. Il-firxa relattiva kkalkolata b’dan il-mod imbagħad ġiet miżjuda mar-Rata Referenzjarja tas-Self tal-PBOC, jew wara l-20 ta’ Awwissu 2019 mal-Rata Prima tas-Self ippubblikata mill-NIFC, fid-data meta ngħata s-self (82) u għall-istess durata bħas-self inkwistjoni. Dan sar individwalment għal kull self ipprovdut lill-kumpaniji eżaminati fil-grupp.

3.6.4.4.   Konklużjoni dwar il-finanzjament preferenzjali: self

(182)

Il-Kummissjoni stabbiliet li l-Grupp Guanhao bbenefika minn finanzjament preferenzjali permezz ta’ self matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Fid-dawl tal-eżistenza ta’ kontribuzzjoni finanzjarja, benefiċċju għall-produtturi esportaturi u l-ispeċifiċità, il-Kummissjoni qieset il-finanzjament preferenzjali permezz ta’ self bħala sussidju kumpensabbli.

(183)

Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni minn kwalunkwe istituzzjoni finanzjarja Ċiniża, il-Kummissjoni kellha tirrikorri għal parametru referenzjarju barra mill-pajjiż. Il-Kummissjoni qieset li s-suq tal-Istati Uniti kien ta’ daqs ekwivalenti u offriet statistika rappreżentattiva disponibbli f’dak li għandu x’jaqsam ma’ bonds ta’ diversi klassifikazzjonijiet ta’ kreditu. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li l-ebda parti interessata ma pproponiet parametru referenzjarju alternattiv validu barra mill-pajjiż f’dan ir-rigward.

(184)

Ir-rati ta’ sussidju stabbiliti fir-rigward tal-finanzjament preferenzjali permezz ta’ self matul il-perjodu ta’ investigazzjoni għall-Grupp Guanhao ammontaw għal 20,29 %.

3.6.5.   Finanzjament preferenzjali: tipi oħra ta’ finanzjament

3.6.5.1.   Linji ta’ kreditu

(185)

L-iskop ta’ linja ta’ kreditu huwa li jiġi stabbilit limitu ta’ self li l-kumpanija tista’ tuża fi kwalunkwe ħin sabiex tiffinanzja l-operazzjonijiet attwali tagħha, sabiex b’hekk il-finanzjament tal-kapital operatorju jsir flessibbli u disponibbli minnufih meta jkun meħtieġ. Il-ftehimiet ta’ linja ta’ kreditu mogħtija lill-grupp eżaminat jirreferu għad-diversi forom ta’ finanzjament disponibbli għall-kumpaniji li jiffirmaw tali ftehimiet, li jkopru kull tip ta’ finanzjament għal żmien qasir, bħal self għal żmien qasir, aċċettazzjonijiet bankarji, ittri ta’ kreditu, eċċ. Barra minn hekk, skont il-letteratura finanzjarja, il-linji ta’ kreditu huma wkoll prevalenti fil-maġġoranza tal-każijiet fl-ekonomiji tas-suq. Pereżempju, dawn jammontaw għal aktar minn 80 % tal-finanzjament bankarju pprovdut lil ditti pubbliċi tal-Istati Uniti (83). Barra minn hekk, fil-Kanada, fejn l-aċċettazzjonijiet bankarji huma responsabbiltà diretta u inkondizzjonata tal-bank li jaċċetta (kif inhu l-każ fiċ-Ċina), il-banek normalment jaċċettaw biss l-aċċettazzjoni bankarja minn mutwatarji korporattivi li jkollhom linja ta’ kreditu stabbilita ma’ dak il-bank (84) . Għalhekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li fil-prinċipju, il-finanzjament kollu fuq terminu qasir tal-kumpaniji fil-kampjun, bħal self b’terminu qasir, abbozzi ta’ aċċettazzjoni bankarja, eċċ., jenħtieġ li jkun kopert minn strument tal-linja ta’ kreditu (85),

(a)   Sejbiet tal-investigazzjoni

(186)

Il-Kummissjoni stabbiliet li l-istituzzjonijiet finanzjarji Ċiniżi pprovdew linji ta’ kreditu lill-kumpaniji eżaminati tal-Grupp Guanhao b’rabta mal-forniment ta’ finanzjament. Dawn kienu jikkonsistu fi ftehimiet qafas, li skonthom il-bank jippermetti lill-kumpaniji eżaminati jużaw diversi strumenti ta’ dejn, bħal self ta’ kapital operatorju, abbozzi ta’ aċċettazzjoni bankarja u forom oħrajn ta’ finanzjament tal-kummerċ sa ċertu ammont massimu.

(187)

Kif imsemmi fil-premessa (185) hawn fuq, il-finanzjament kollu b’terminu qasir jenħtieġ li jkun kopert minn linja ta’ kreditu. Għalhekk, il-Kummissjoni qabblet l-ammont tal-linji ta’ kreditu disponibbli għall-kumpaniji li kkooperaw matul il-perjodu ta’ investigazzjoni mal-ammont ta’ finanzjament b’terminu qasir użat minn dawn il-kumpaniji matul l-istess perjodu sabiex tistabbilixxi jekk il-finanzjament kollu b’terminu qasir kienx kopert minn linja ta’ kreditu. Fejn l-ammont tal-finanzjament fuq terminu qasir qabeż il-limitu tal-linja ta’ kreditu, il-Kummissjoni żiedet l-ammont tal-linja ta’ kreditu eżistenti bl-ammont fil-fatt użat mill-produtturi esportaturi lil hinn minn dak il-limitu tal-linja ta’ kreditu.

(b)   Benefiċċju

(188)

F’ċirkostanzi normali tas-suq, il-linji ta’ kreditu jkunu soġġetti għall-hekk imsejħa tariffa ta’ “arranġament” jew “impenn” biex jikkumpensaw għall-kostijiet u r-riskji tal-bank fil-ftuħ ta’ linja ta’ kreditu (86) . Dawn it-tariffi jkopru l-ispejjeż amministrattivi, bħall-ispiża tal-ipproċessar tal-applikazzjoni, u t-twettiq tal-kontrolli tas-sigurtà, iżda wkoll l-ispiża li tirriżulta mir-rekwiżiti prudenzjali imposti fuq il-banek, peress li l-kapital kommess taħt linja ta’ kreditu jnaqqas il-proporzjonijiet tal-kapital tal-bank, li jeħtieġ li jżomm bħala assigurazzjoni kontra riskji sistemiċi. Madankollu, il-Kummissjoni stabbiliet li l-kumpaniji eżaminati tal-Grupp Guanhao bbenefikaw minn linji ta’ kreditu pprovduti mingħajr ħlas. Għalhekk, ingħata benefiċċju lill-kumpaniji eżaminati tal-Grupp Guanhao fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 6(d) tar-Regolament bażiku.

(c)   Speċifiċità

(189)

Kif imsemmi fil-premessa (132), skont id-Deċiżjoni Nru 40, l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jipprovdu appoġġ ta’ kreditu lill-industriji mħeġġa.

(190)

Il-Kummissjoni qieset li peress li l-linji ta’ kreditu huma intrinsikament marbuta mat-tipi kollha ta’ finanzjament fuq terminu qasir ipprovdut lill-kumpaniji eżaminati tal-Grupp Guanhao, jenħtieġ li dawn jitqiesu bħala forma ta’ appoġġ finanzjarju preferenzjali mill-istituzzjonijiet finanzjarji lil industriji mħeġġa bħas-settur LWTP. Kif speċifikat fit-Taqsima 3.3 hawn fuq, is-settur tal-LWTP huwa fost l-industriji mħeġġa u għalhekk huwa eliġibbli għall-appoġġ finanzjarju kollu possibbli.

(d)   Kalkolu tal-ammont ta’ sussidju

(191)

F’konformità mal-Artikolu 6(d)(ii) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni qieset il-benefiċċju mogħti lir-riċevituri bħala d-differenza bejn l-ammont li ħallsu bħala tariffa għall-ftuħ tal-linji ta’ kreditu mill-istituzzjonijiet finanzjarji Ċiniżi, u l-ammont li kienu jħallsu għal linja ta’ kreditu kummerċjali komparabbli miksuba b’rata tas-suq mingħajr distorsjoni.

(192)

L-ebda waħda mill-kumpaniji eżaminati tal-Grupp Guanhao ma ħallset tariffa għal-linja ta’ kreditu tagħha. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma sabet l-ebda tariffa tal-linja ta’ kreditu li tapplika fi ħdan il-pajjiż f’investigazzjonijiet preċedenti. L-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku tidher li tissuġġerixxi li f’xi każijiet, l-imposti tal-linja ta’ kreditu jiġu imposti għall-kumpaniji fiċ-Ċina (87) , iżda l-livell ta’ dawn it-tariffi ma setax jinstab. Għalhekk, il-Kummissjoni fittxet parametru referenzjarju tarifarju xieraq barra miċ-Ċina. Għalhekk, ir-rati għat-tariffa tal-arranġament ġew stabbiliti għal 1,75 % b’referenza għad-data disponibbli għall-pubbliku (88).

(193)

Fil-prinċipju, it-tariffi tal-arranġament huma pagabbli fuq bażi ta’ somma f’daqqa fiż-żmien tal-ftuħ ta’ linja ta’ kreditu ġdida jew it-tiġdid ta’ linja ta’ kreditu eżistenti rispettivament. Madankollu, għall-finijiet tal-kalkolu, il-Kummissjoni qieset il-linji ta’ kreditu li kienu nfetħu jew iġġeddu qabel il-perjodu ta’ investigazzjoni iżda li kienu disponibbli għall-kumpaniji eżaminati matul il-perjodu ta’ investigazzjoni kif ukoll il-linji ta’ kreditu li nfetħu matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

3.6.5.2.   Kontijiet Skontati

(a)   Sejbiet tal-investigazzjoni

(194)

L-investigazzjoni wriet li l-istituzzjonijiet finanzjarji Ċiniżi skontaw ir-riċevibbli lill-Grupp Guanhao bi skambju għall-flus.

(195)

Permezz ta’ din l-operazzjoni, l-intermedjarji finanzjarji avvanzaw ammonti riċevibbli qabel id-data li fiha kienu dovuti. Il-kumpaniji rċevew fondi minn kmieni billi ttrasferew id-drittijiet ta’ riċevibbli futuri lil istituzzjonijiet finanzjarji wara t-tnaqqis ta’ tariffi u tar-rati ta’ skont applikabbli. Ir-rata ta’ skont applikabbli jenħtieġ li tikkumpensa speċifikament ir-riskju ta’ inadempjenza, li huwa influwenzat ħafna mill-klassifikazzjoni tal-kreditu tal-aħħar entità responsabbli li tissodisfa l-obbligu tal-ħlas.

(b)   Benefiċċju

(196)

Kif stabbilit f’investigazzjonijiet preċedenti (89), f’ċirkostanzi normali tas-suq, jenħtieġ li r-rata ta’ skont applikabbli tikkumpensa għall-ispejjeż u r-riskji tal-bank. Kif spjegat fit-Taqsimiet 3.5.1 u 3.5.2 hawn fuq, is-self ipprovdut mill-istituzzjonijiet finanzjarji Ċiniżi jirrifletti intervent sostanzjali tal-gvern, b’mod partikolari li jaffettwa l-klassifikazzjoni tal-kreditu tal-produtturi esportaturi, u ma jirriflettix rati li normalment jinsabu f’suq li jiffunzjona.

(197)

Il-benefiċċju hekk ikkonferit lir-riċevituri jkun id-differenza bejn ir-rata ta’ skont applikata mill-istituzzjonijiet finanzjarji Ċiniżi u r-rata ta’ skont applikabbli għal operazzjoni komparabbli fis-suq, pereżempju self.

(c)   Speċifiċità

(198)

Fir-rigward tal-ispeċifiċità, kif imsemmi fil-premessa (189), skont id-Deċiżjoni Nru 40, l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jipprovdu appoġġ ta’ kreditu lill-industriji mħeġġa.

(199)

Kif stabbilit f’investigazzjonijiet preċedenti (90), il-Kummissjoni qieset li l-kontijiet skontati huma forma oħra ta’ appoġġ finanzjarju preferenzjali mill-istituzzjonijiet finanzjarji lil industriji mħeġġa bħas-settur tal-LWTP. Tabilħaqq, kif speċifikat fit-Taqsima 3.3 hawn fuq, is-settur tal-LWTP huwa fost l-industriji mħeġġa u għalhekk huwa eliġibbli għall-appoġġ finanzjarju kollu possibbli. Kontijiet skontati, bħala forma ta’ finanzjament, huma parti mis-sistema ta’ appoġġ finanzjarju preferenzjali mill-istituzzjonijiet finanzjarji lill-industriji mħeġġa, bħall-industrija tal-LWTP.

(200)

Ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza li kwalunkwe impriża fir-RPĊ (għajr fi ħdan l-industriji mħeġġa) tista’ tibbenefika minn kontijiet skontati taħt l-istess termini u kundizzjonijiet preferenzjali.

(d)   Kalkolu tal-ammont tas-sussidju

(201)

Kif imsemmi fil-premessa (194), il-Kummissjoni sabet li l-grupp eżaminat uża kontijiet skontati biex jindirizza l-ħtiġijiet tiegħu għal finanzjament fuq terminu qasir.

(202)

F’konformità mal-Artikolu 6(b) tar-Regolament bażiku, wara li qieset li kontijiet skontati huma forma ta’ finanzjament fuq terminu qasir u li effettivament għandhom l-istess skop bħal self ta’ kapital operatorju b’terminu qasir, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-benefiċċju hekk mogħti lir-riċevituri huwa d-differenza bejn ir-rata ta’ skont li fil-fatt ħallset u l-ammont li jenħtieġ li tħallas billi tapplika rata tal-imgħax ta’ finanzjament fuq terminu qasir.

(203)

Il-Kummissjoni ddeterminat il-benefiċċju li jirriżulta min-nuqqas ta’ ħlas ta’ kost ta’ finanzjament b’terminu qasir. Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kontijiet skontati jenħtieġ li jġarrbu kost ekwivalenti għal finanzjament ta’ self b’terminu qasir. Għalhekk, il-Kummissjoni applikat l-istess metodoloġija bħall-finanzjament ta’ self fuq terminu qasir denominat f’CNY, deskritt fit-Taqsima 3.6.4.3.

3.6.5.3.   Konklużjoni dwar tipi oħra ta’ finanzjament preferenzjali

(204)

Il-Kummissjoni stabbiliet li l-kumpanija eżaminata bbenefikat minn finanzjament preferenzjali fil-forma ta’ linji ta’ kreditu u kontijiet skontati. Fid-dawl tal-eżistenza ta’ kontribuzzjoni finanzjarja, benefiċċju għall-produtturi esportaturi u l-ispeċifiċità, il-Kummissjoni qieset il-finanzjament preferenzjali bħala sussidju kumpensabbli.

(205)

Ir-rata ta’ sussidju stabbilita fir-rigward tal-finanzjament preferenzjali deskritt hawn fuq matul il-perjodu ta’ investigazzjoni għall-Grupp Guanhao kienet tammonta għal 2,82 %.

3.7.   Assigurazzjoni preferenzjali: assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni

(206)

L-ilmentatur allega li Sinosure pprovdiet assigurazzjoni preferenzjali ta’ kreditu għall-esportazzjoni, fuq bażi konċessjonali lill-industriji mħeġġa, bħall-industrija tal-LWTP. Fuq is-sit web ġenerali tagħha, Sinosure tiddikjara li hija tippromwovi l-esportazzjonijiet Ċiniżi ta’ oġġetti, speċjalment l-esportazzjoni ta’ prodotti ta’ teknoloġija avvanzata. Skont studju mwettaq mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (“OECD”), l-industrija Ċiniża tat-teknoloġija avvanzata, li minnha tagħmel parti l-industrija tal-LWTP, irċeviet 21 % tal-assigurazzjoni totali tal-kreditu għall-esportazzjoni pprovduta minn Sinosure (91). Barra minn hekk, Sinosure ħadet rwol attiv fit-twettiq tal-inizjattiva “Made in China 2025”, li tiggwida lill-intrapriżi biex jużaw riżorsi ta’ kreditu nazzjonali, twettaq innovazzjoni xjentifika u teknoloġika u aġġornament teknoloġiku, u tgħin lill-intrapriżi “joħorġu” jsiru aktar kompetittivi fis-suq globali (92).

(a)   Bażi legali

(b)   Sejbiet tal-investigazzjoni

(207)

Il-produttur esportatur tal-LWTP eżaminat kellu ftehimiet ta’ assigurazzjoni tal-esportazzjoni pendenti ma’ Sinosure matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(208)

Kif imsemmi fil-premessa (85) hawn fuq, Sinosure naqset milli tipprovdi informazzjoni dwar l-introjtu mill-investiment irrapportat fir-rapport annwali tagħha, evidenza dwar kwistjonijiet relatati mar-rapport finanzjarju tagħha bħall-ispejjeż operatorji, id-dħul, l-introjtu mill-investiment, is-somma globali assigurata, is-somma assigurata tas-settur tal-industrija tal-manifattura tal-karta; informazzjoni dwar l-istatut ta’ assoċjazzjoni tagħha, informazzjoni dwar il-produtturi eżaminati minkejja l-eżistenza ta’ awtorizzazzjonijiet rilevanti tal-kumpanija u informazzjoni ta’ sostenn dwar l-indipendenza tas-sistema ta’ valutazzjoni tar-riskju ta’ kreditu tagħha.

(209)

Għalhekk, il-Kummissjoni kellha tikkomplementa l-informazzjoni pprovduta bil-fatti disponibbli.

(210)

Skont l-informazzjoni pprovduta f’investigazzjonijiet antisussidji preċedenti (93) u skont is-sit web ta’ Sinosure (94),Sinosure hija kumpanija tal-assigurazzjoni orjentata lejn il-politika tal-Istat stabbilita u appoġġata mill-Istat biex tappoġġa l-iżvilupp u l-kooperazzjoni ekonomiċi u kummerċjali barranin tar-RPĊ. Il-kumpanija hija 100 % proprjetà tal-Istat. Hija għandha bord ta’ diretturi u bord ta’ superviżuri. Il-Gvern għandu s-setgħa li jaħtar u jkeċċi l-maniġers superjuri tal-kumpanija. Abbażi ta’ din l-informazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li hemm indizji formali ta’ kontroll tal-gvern fir-rigward ta’ Sinosure.

(211)

Il-Kummissjoni fittxet ukoll informazzjoni dwar jekk il-GTĊ eżerċitax kontroll sinifikanti fuq l-imġiba ta’ Sinosure fir-rigward tal-industrija tal-LWTP.

(212)

Skont l-Avviż dwar il-ħruġ tal-edizzjoni tal-2006 tal-Katalogu tal-Esportazzjoni ta’ Prodotti ta’ Teknoloġija Avvanzata taċ-Ċina Nru. 16, “il-prodotti inklużi fl-edizzjoni tal-2006 tal-Katalogu tal-Esportazzjoni jistgħu jgawdu minn politiki preferenzjali mogħtija mill-Istat għall-esportazzjoni ta’ prodotti ta’ teknoloġija ta’ livell għoli”.

(213)

Barra minn hekk, skont l-Avviż dwar l-Implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Promozzjoni tal-Kummerċ permezz tax-Xjenza u t-Teknoloġija bl-Użu tal-Assigurazzjoni tal-Kreditu għall-Esportazzjoni (95), jenħtieġ li Sinosure żżid l-appoġġ tagħha għal industriji u prodotti ewlenin billi ssaħħaħ l-appoġġ ġenerali tagħha għall-esportazzjoni ta’ prodotti ta’ teknoloġija avvanzata u ġdida, inklużi prodotti ta’ “informazzjoni u komunikazzjoni”. Jenħtieġ li tittratta l-industriji tat-teknoloġija avvanzata u ġdida, bħall-industrija tal-LWTP, elenkati fil-Katalogu tal-Esportazzjoni ta’ Prodotti ta’ Teknoloġija Avvanzata taċ-Ċina, bħala l-fokus kummerċjali tagħha u tipprovdi appoġġ komprensiv f’termini ta’ proċeduri ta’ sottoskrizzjoni, approvazzjoni b’limiti, veloċità tal-ipproċessar tat-talbiet u flessibbiltà tar-rati. Fir-rigward tal-flessibbiltà tar-rati, jenħtieġ li din tagħti lill-prodotti l-iskont massimu tar-rata tal-premium fil-medda varjabbli pprovduta mill-kumpanija tal-assigurazzjoni tal-kreditu.

(214)

Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-GTĊ ħoloq qafas normattiv li kellu jiġi rrispettat mill-maniġers u mis-superviżuri maħtura mill-GOC u li huma responsabbli lejn il-GTĊ. Għalhekk, il-GTĊ qagħad fuq tali qafas normattiv sabiex jeżerċita kontroll b’mod sinifikanti fuq l-imġiba ta’ Sinosure.

(215)

Il-Kummissjoni fittxet ukoll prova konkreta tal-eżerċizzju ta’ kontroll b’mod sinifikanti abbażi ta’ ftehimiet ta’ assigurazzjoni konkreti. Matul iż-żjara ta’ verifika, il-GTĊ sostna li fil-prattika l-premiums ta’ Sinosure kienu orjentati lejn is-suq u bbażati fuq il-prinċipji tal-valutazzjoni tar-riskju. Madankollu, ma ġie pprovdut l-ebda eżempju speċifiku fir-rigward tal-industrija tal-LWTP jew tal-kumpaniji eżaminati minkejja li l-grupp eżaminat kien ipprovda awtorizzazzjoni rilevanti li tippermetti aċċess għad-dokumentazzjoni rilevanti.

(216)

Fin-nuqqas ta’ evidenza konkreta, il-Kummissjoni għalhekk eżaminat l-imġiba konkreta ta’ Sinosure dwar l-assigurazzjoni pprovduta lill-kumpaniji eżaminati. Din l-imġiba kkuntrast mal-pożizzjoni uffiċjali tagħhom, peress li ma kinux qegħdin jaġixxu abbażi tal-prinċipji tas-suq.

(217)

Wara li qabblet il-pretensjonijiet totali mħallsa mal-ammonti totali assigurati, abbażi tad-data fir-Rapport Annwali 2023 ta’ Sinosure (96), il-Kummissjoni kkonkludiet li bħala medja Sinosure jkollha bżonn titlob 0,29 % tal-ammont assigurat bħala primjum sabiex tkopri l-kost tal-pretensjonijiet (mingħajr ma jitqiesu l-ispejjeż ġenerali).

(218)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnotat li Sinosure kienet irreġistrat telf nett mill-attivitajiet operatorji tagħha fl-2022 u fl-2023 (97); jiġifieri l-forniment ta’ assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni, u li tkun qed tagħmel telf b’mod ġenerali jekk ma jiġix irreġistrat dħul sinifikanti mill-introjtu mill-investiment. Kif imsemmi fil-premessa (85), Sinosure naqset milli tipprovdi informazzjoni dwar tali introjtu mill-investiment.

(219)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-qafas legali stabbilit iktar ‘il fuq qed jiġi implimentat minn Sinosure fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet governattivi fir-rigward tas-settur tal-LWTP. Sinosure aġixxiet bħala korp pubbliku fis-sens tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament bażiku moqri flimkien mal-Artikolu 3(1)(a)(i) tar-Regolament bażiku u f’konformità mal-ġurisprudenza rilevanti tad-WTO. Barra minn hekk, il-kumpaniji eżaminati tal-Grupp Guanhao rċevew benefiċċju, peress li l-assigurazzjoni ġiet ipprovduta b’rati taħt it-tariffa minima meħtieġa biex Sinosure tkopri l-kostijiet operazzjonali tagħha.

(c)   Benefiċċju

(220)

Il-Kummissjoni qieset li l-benefiċċju mogħti lir-riċevituri huwa d-differenza bejn l-ammont li l-kumpanija kienet fil-fatt ħallset bħala primjum tal-assigurazzjoni u l-ammont li kellha tħallas billi tapplika r-rata tal-primjum ta’ referenza esterna msemmija fil-premessa (222).

(d)   Speċifiċità

(221)

Il-Kummissjoni ddeterminat li s-sussidji mogħtija skont il-programm ta’ assigurazzjoni għall-esportazzjoni huma speċifiċi, għax ma setgħux jinkisbu mingħajr l-esportazzjoni u għalhekk huma kontinġenti fuq l-esportazzjoni fit-tifsira tal-Artikolu 4(4)(a) tar-Regolament bażiku.

(e)   Kalkolu tal-ammont tas-sussidju

(222)

Billi Sinosure kellha pożizzjoni predominanti fis-suq matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, il-Kummissjoni ma setgħetx issib primjum tal-assigurazzjoni domestika bbażat fis-suq. Għalhekk, f’konformità mal-investigazzjonijiet antisussidji preċedenti, il-Kummissjoni b’hekk użat l-aktar punt ta’ riferiment estern xieraq, li għalih l-informazzjoni kienet disponibbli faċilment, jiġifieri r-rati tal-primjum applikati mill-Export-Import Bank tal-Istati Uniti tal-Amerika għal istituzzjonijiet mhux finanzjarji għal esportazzjonijiet lejn pajjiżi tal-OECD.

(f)   Konklużjoni

(223)

Ir-rata ta’ sussidju stabbilita fir-rigward ta’ din l-iskema matul il-perjodu ta’ investigazzjoni għall-Grupp Guanhao kienet tammonta għal 0,69 %.

3.8.   Programmi ta’ għotja

(a)   Bażi legali

(224)

L-għotjiet stabbiliti għall-Grupp Guanhao eżaminat ingħataw abbażi ta’:

—

Zhanjiang Economic and Technological Development Zone Finance Bureau Provincial Special Fund for Promoting High-Quality Economic Development Enterprise Technological Transformation Zhan Cai Gong (2021) No 89;

—

Zhanjiang Economic and Technological Development Zone Finance Bureau Provincial Special Fund for the Development of Advanced Manufacturing Industry (2023) No 37;

—

Avviż dwar it-Tkomplija tal-Implimentazzjoni tal-Politika tal-Assigurazzjoni tal-Qgħad għall-Appoġġ tal-Intrapriżi u l-Impjiegi Stabbilistiċi maħruġ b’mod konġunt mid-Dipartiment Provinċjali tar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà Soċjali ta’ Guangdong,

—

id-Dipartiment Provinċjali tal-Finanzi ta’ Guangdong, u s-Servizz Provinċjali tat-Taxxa ta’ Guangdong tal-Amministrazzjoni Statali tat-Tassazzjoni (Yue Ren She Gui [2024] Nru 16);

—

Iċ-Ċirkolari tal-Gvern tal-Poplu Muniċipali ta’ Zhanjiang dwar l-Impenn tal-Intrapriżi rebbieħa tat-Tieni Premju għall-Kwalità tal-Gvern Muniċipali Zhanjiang (Zhan Fu Han [2023] Nru 135);

—

Miżuri tal-Amministrazzjoni Muniċipali ta’ Zhanjiang għar-Regolamentazzjoni tas-Suq (Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali) għas-Sussidji li Jappoġġaw il-Promozzjoni tal-Proprjetà Intellettwali (Zhan Shi Jian Gui Zi [2020] Nru 2);

—

L-Avviż tal-Uffiċċju Muniċipali tal-Kummerċ ta’ Zhanjiang dwar il-Ħruġ tal-Pjan tal-Proġett għall-Fond Speċjali tal-2024 li Jappoġġa l-Iżvilupp tal-Kummerċ Barrani (Zhan Shang Wu [2024] Nru 318);

—

L-Avviż tal-Uffiċċju tal-Finanzi Muniċipali ta’ Zhanjiang dwar l-Aġġustament u l-Allokazzjoni tal-Fond Speċjali Provinċjali għall-Promozzjoni tal-Livell ta’ Żvilupp ta’ Ekonomija Miftuħa (Tmien Miżuri għall-Istabbilizzazzjoni tal-Kummerċ Barrani) (l-Ewwel Lott) (Zhan Cai Gong [2024] Nru 46);

—

L-Avviż tal-Uffiċċju Muniċipali tal-Kummerċ ta’ Zhanjiang dwar il-Ħruġ tal-Pjan tal-Proġett għall-Fond Speċjali tal-2023 li Jappoġġa l-Iżvilupp tal-Kummerċ Barrani (Zhan Shang Wu [2024] Nru 162).

(b)   Sejbiet tal-investigazzjoni

(225)

Il-Kummissjoni sabet li l-Grupp Guanhao bbenefika minn diversi programmi ta’ għotjiet. L-għotjiet ingħataw mill-awtoritajiet provinċjali u muniċipali jew fi ħdan iż-Żona ta’ Żvilupp Ekonomiku u Teknoloġiku ta’ Zhanjiang. L-evidenza tal-eżistenza ta’ għotjiet u l-fatt li kienu ngħataw minn diversi livelli tal-GTĊ inizjalment ġew ipprovduti mill-kumpanija eżaminata u kkonfermata mid-dikjarazzjonijiet finanzjarji tagħha u matul iż-żjarat ta’ verifika.

(226)

Fir-rigward ta’ produtturi oħra tal-LWTP, id-dettalji tal-għotjiet u kwalunkwe bażi legali għalihom, ma ġewx żvelati lill-Kummissjoni. Kif imsemmi fil-premessa (84), il-GTĊ naqas ukoll milli jipprovdi tali informazzjoni.

(c)   Benefiċċju

(227)

Dawn l-għotjiet kienu jikkostitwixxu sussidji skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(a)(i) u l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku, peress li seħħ trasferiment ta’ fondi mill-GTĊ fil-forma ta’ għotjiet lill-grupp ta’ kumpaniji eżaminat li ta benefiċċju ugwali għall-ammont tal-għotja.

(d)   Speċifiċità

(228)

Il-Kummissjoni vvalutat l-għotjiet kollha li rċevew il-kumpaniji eżaminati u sabet li mhux kollha kienu speċifiċi għall-produzzjoni tal-LWTP. Madankollu, l-għotjiet relatati mat-teknoloġija, l-innovazzjoni u l-iżvilupp, it-tnaqqis tal-qgħad u l-appoġġ u l-promozzjoni industrijali tqiesu bħala speċifiċi fi ħdan it-tifsira tal-Artikoli 4(2)(a) u 4(3) tar-Regolament bażiku minħabba li, jidhru li huma limitati għal ċerti kumpaniji, ċerti industriji, jew proġetti speċifiċi f’reġjuni speċifiċi.

(229)

Barra minn hekk, uħud mill-għotjiet tqiesu bħala speċifiċi fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 4(4)(a) tar-Regolament bażiku minħabba li, jidhru li huma kontinġenti fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni.

(e)   Kalkolu tal-ammont tas-sussidju

(230)

Il-benefiċċju ġie kkalkulat bħala l-ammont riċevut fil-perjodu ta’ investigazzjoni, jew allokat għall-perjodu ta’ investigazzjoni fejn l-ammont ġie deprezzat matul il-ħajja utli tal-assi fiss li miegħu kienet relatata l-għotja riċevuta qabel il-perjodu ta’ investigazzjoni. Madankollu, abbażi tal-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Ammont ta’ Sussidju fl-Investigazzjonijiet dwar id-Dazju Kumpensatorju (98), is-sussidji mhux rikorrenti riċevuti fil-PI, li ammontaw għal inqas minn 1 % ad valorem, intużaw, anki meta kienu marbuta max-xiri ta’ assi fissi. Dan il-metodu ta’ allokazzjoni huwa kompletament konformi mar-rapport tad-WTO mill-grupp informali ta’ esperti li jipprevedi li jenħtieġ li jingħataw għotjiet li l-iskop tagħhom huwa li jinxtraw assi fissi filwaqt li “tqies xieraq, primarjament mill-perspettiva ta’ konvenjenza amministrattiva, li jiġu inklużi sussidji żgħar ħafna irrispettivament mit-tip jew minn kunsiderazzjonijiet oħrajn. Huwa rrakkomandat livell ta’ anqas minn 0,5 fil-mija tal-bejgħ għal kwalunkwe sussidju individwali għal dan il-limitu” (99).

(f)   Konklużjoni

(231)

Ir-rata ta’ sussidju stabbilita fir-rigward ta’ din l-iskema matul il-perjodu ta’ investigazzjoni għall-Grupp Guanhao kienet tammonta għal 0,13 %.

3.9.   Il-forniment ta’ prodotti u servizzi mill-gvern għal remunerazzjoni anqas minn adegwata (LTAR, less than adequate remuneration)

3.9.1.   L-għoti mill-gvern ta’ drittijiet għall-użu tal-art għal remunerazzjoni inqas minn adegwata

(232)

L-art kollha fir-RPĊ hija proprjetà tal-Istat jew ta’ kollettività, magħmula jew minn villaġġi jew minn bliet żgħar, qabel ma t-titolu ġuridiku jew ekwitabbli tal-art ikun jista’ jingħata privattiva jew jingħata lil sidien korporattivi jew individwali. L-irqajja’ tal-art kollha f’żoni urbanizzati huma proprjetà tal-Istat u l-irqajja’ tal-art kollha fiż-żoni rurali huma proprjetà tal-irħula jew tal-ibliet.

(233)

Skont il-Kostituzzjoni tar-RPĊ u l-Liġi dwar l-Artijiet, il-kumpaniji u l-individwi jistgħu madankollu jixtru “drittijiet tal-użu tal-art” (“LUR”, land use rights). Għal art industrijali, il-kera hija normalment ta’ 50 sena, li tiġġedded għal perjodu ieħor ta’ 50 sena.

(234)

Il-GTĊ indika li l-LUR la huma oġġetti (proprjetà personali tanġibbli jew mobbli għajr flus (100)) u lanqas servizzi, u b’hekk l-allegat programm ma jikkostitwixxix “provvisti ta’ oġġetti jew servizzi f’LTAR” skont l-Artikolu 3(1)(a) (iii) tar-Regolament bażiku.

(235)

Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din l-allegazzjoni. L-ewwel nett, il-Manwal dwar l-Istatistika tal-Kummerċ Internazzjonali fis-Servizzi (“il-Manwal”) li fuqu jibbaża l-GTĊ biex jallega li l-LUR mhumiex servizzi, fih kategorija relatata ma’ “… servizzi tal-gvern mhux inklużi band’ oħra” li huma identifikati bħala komponenti ewlenin ta’ servizzi standard. Barra minn hekk, irrispettivament mill-mezzi legali li bihom tiġi akkwistata l-art, jibqa’ l-fatt li l-provvista ta’ LURs tammonta in fine għall-provvista ta’ art. F’dan ir-rigward, il-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO diġà kkonferma li l-art titqies bħala oġġett “immobbli” u li jista’ japplika l-Artikolu 1.1(a)(1)(iii) tal-Ftehim SCM (101). Għalhekk, il-forniment ta’ LUR huwa provvista ta’ oġġetti jew servizzi.

(a)   Bażi legali/Qafas regolatorju

(236)

Id-dispożizzjoni tad-dritt tal-użu tal-art fiċ-Ċina taqa’ taħt il-Liġi dwar l-Amministrazzjoni tal-Artijiet tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (102). Barra minn hekk, id-dokumenti li ġejjin ukoll huma parti mill-bażi legali:

(1)

L-Artikoli 205-462 tal-Kodiċi Ċivili li daħal fis-seħħ f’Jannar 2021, u b’mod partikolari l-Artikoli 246, 260-261 u 330-361;

(2)

Il-Liġi dwar l-Amministrazzjoni tal-Artijiet tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (Ordni tal-President tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina Nru 28) (103) kif emendata l-aħħar fl-2019 bl-Ordni tal-President tar-RPĊ Nru 32;

(3)

Il-liġi tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar l-Amministrazzjoni tal-Proprjetà Immobbli Urbana (l-Ordni tal-President tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina Nru 29) (104) emendata fl-2019 u ppubblikata skont l-Ordni tal-President tar-RPĊ Nru 32;

(4)

Ir-Regolamenti Interim tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar l-Għoti u t-Trasferiment tad-Dritt għall-Użu tal-Art tal-Istat fiż-Żoni Urbani (id-Digriet Nru 55 tal-Kunsill tal-Istat tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina) (105) emendati fid-29 ta’ Novembru 2020 bħala d-digriet Nru 732 tal-Kunsill tal-Istat;

(5)

Ir-Regolament dwar l-Implimentazzjoni tal-Liġi dwar l-Amministrazzjoni tal-Artijiet tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (l-Ordni tal-Kunsill tal-Istat tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina [2014] Nru 653) (106) emendat fl-2021 bl-Ordni tal-Kunsill tal-Istat Nru 743);

(6)

Id-Dispożizzjoni dwar l-Għoti tad-Dritt għall-Użu ta’ Art tal-Istat għall-Kostruzzjoni permezz ta’ Sejħa għall-Offerti, Irkant u Kwotazzjoni (it-Tħabbira Nru 39 tas-CSRC) (107); u

(7)

L-Avviż tal-Kunsill tal-Istat dwar il-Kwistjonijiet Rilevanti Rigward it-Tisħiħ tal-Kontroll tal-Art (Guo Fa (2006) Nru 31) (108).

(a)   Sejbiet tal-investigazzjoni

(237)

Skont l-Artikolu 10 tad-Dispożizzjoni dwar l-Għoti tad-Dritt għall-Użu ta’ Art tal-Istat għall-Kostruzzjoni permezz ta’ Sejħa għall-Offerti, Irkant u Kwotazzjoni, l-awtoritajiet lokali stabbilew il-prezzijiet tal-art skont is-sistema ta’ evalwazzjoni tal-art urbana, li tiġi aġġornata kull tliet snin, u skont il-politika industrijali tal-gvern.

(238)

F’investigazzjonijiet preċedenti (109), il-Kummissjoni sabet li l-prezzijiet imħallsa għal-LURs fir-RPĊ ma kinux rappreżentattivi ta’ prezz tas-suq iddeterminat mill-provvista u d-domanda tas-suq ħieles, peress li s-sistema tal-irkantar instabet li ma kinitx ċara, mhux trasparenti u ma kinitx qiegħda tiffunzjona fil-prattika, u l-prezzijiet instabu li kienu stabbiliti b’mod arbitrarju mill-awtoritajiet. Kif issemma fil-premessa preċedenti, l-awtoritajiet jistabbilixxu l-prezzijiet skont is-sistema ta’ evalwazzjoni tal-art urbana li, fost kriterji oħrajn, tagħtihom struzzjonijiet sabiex jikkunsidraw ukoll il-politika industrijali meta jistabbilixxu l-prezz tal-art industrijali.

(239)

L-evidenza ta’ hawn fuq tikkontradixxi l-affermazzjonijiet tal-GTĊ li l-prezzijiet imħallsa għal-LUR fir-RPĊ huma rappreżentattivi ta’ prezz tas-suq, li huwa ddeterminat mill-provvista u d-domanda tas-suq ħieles.

(240)

Il-Kummissjoni fakkret ukoll li l-GTĊ naqas milli jipprovdi informazzjoni fir-rigward tal-akkwist ta’ art mill-produtturi/esportaturi tal-LWTP. Kif spjegat fil-premessa (87), dawk in-nuqqasijiet kienu fost il-punti mqajma fl-Ittra tal-Artikolu 28.

(b)   Benefiċċju

(241)

Is-sejbiet ta’ din l-investigazzjoni juru li s-sitwazzjoni li tikkonċerna l-akkwiżizzjoni ta’ LUR fir-RPĊ ma hijiex trasparenti u l-prezzijiet ġew stabbiliti b’mod arbitrarju mill-awtoritajiet.

(242)

Għalhekk, l-għoti ta’ drittijiet għall-użu tal-art mill-GTĊ jenħtieġ li jitqies bħala sussidju fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a)(iii) u tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku fil-forma ta’ provvista ta’ oġġetti li tagħti benefiċċju lill-kumpaniji riċevituri. Kif spjegat fil-premessi (232) sa (233) u (237) sa (239) hawn fuq, ma hemm l-ebda suq li jiffunzjona għall-art fir-RPĊ u l-użu ta’ punt ta’ riferiment estern (ara l-premessa (246)) juri li l-ammont imħallas għad-drittijiet tal-użu tal-art mill-produttur esportatur eżaminat huwa ferm taħt ir-rata normali tas-suq.

(c)   Speċifiċità

(243)

Fil-kuntest ta’ aċċess preferenzjali għal art industrijali għall-kumpaniji li jappartjenu għal ċerti industriji, il-Kummissjoni tinnota li l-prezz stabbilit mill-awtoritajiet lokali għandu jqis il-politika industrijali tal-gvern, kif imsemmi hawn fuq fil-premessa (238). Fi ħdan din il-politika industrijali, il-LWTP bħala parti mill-industrija tal-manifattura tal-karta hija industrija mħeġġa. Barra minn hekk, skont id-Deċiżjoni Nru 40 tal-Kunsill tal-Istat, l-awtoritajiet pubbliċi għandhom iqisu “Il-Katalogu ta’ Gwida tar-Ristrutturar Industrijali” u l-politiki industrijali meta jipprovdu l-art. L-Artikolu XVIII tad-Deċiżjoni Nru. 40 jagħmilha ċara li l-industriji li huma “ristretti” mhux se jkollhom aċċess għad-drittijiet tal-użu tal-art. Minn dan isegwi li s-sussidju huwa speċifiku skont l-Artikolu 4(2)(a) u 4(2)(c) tar-Regolament bażiku minħabba li l-provvista preferenzjali tal-art hija limitata għal kumpaniji li jappartjenu għal ċerti industriji, f’dan il-każ l-industrija tal-LWTP, u l-prattiki tal-gvern f’dan il-qasam mhumiex ċari u mhumiex trasparenti.

(d)   Kalkolu tal-ammont tas-sussidju

(244)

Bħal f’investigazzjonijiet preċedenti (110) u f’konformità mal-Artikolu 6(d) (ii) tar-Regolament bażiku, il-prezzijiet tal-art mit-Territorju Doganali Separat tat-Tajwan, Penghu, Kinmen u Matsu (“it-Taipei Ċiniż”) intużaw bħala parametru referenzjarju estern (111). Il-benefiċċju mogħti lir-riċevituri jiġi kkalkulat billi tiġi kkunsidrata d-differenza bejn l-ammont effettivament imħallas minn produttur esportatur eżaminat (jiġifieri l-prezz effettiv imħallas kif iddikjarat fil-kuntratt u, meta applikabbli, il-prezz iddikjarat fil-kuntratt imnaqqas bl-ammont ta’ rifużjonijiet/għotjiet mill-gvern lokali) għad-drittijiet għall-użu tal-art u l-ammont li normalment jenħtieġ jitħallas abbażi tal-valur referenzjarju tat- Taipei Ċiniż.

(245)

Il-Kummissjoni tqis it-Taipei Ċiniż bħala punt ta’ riferiment estern xieraq għar-raġunijiet li ġejjin:

—

il-livell komparabbli ta’ żvilupp ekonomiku, il-PDG u l-istruttura ekonomika fit-Taipei Ċiniż u l-maġġoranza tal-provinċji u tal-bliet fir-RPĊ fejn huma bbażati l-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun;

—

il-prossimità fiżika tar-RPĊ u tat-Taipei Ċiniż;

—

il-livell għoli ta’ infrastruttura industrijali kemm fit-Taipei Ċiniż kif ukoll f’ħafna provinċji tar-RPĊ;

—

ir-rabtiet ekonomiċi b’saħħithom u l-kummerċ transfruntier bejn it-Taipei Ċiniż u r-RPĊ;

—

id-densità għolja tal-popolazzjoni f’ħafna mill-provinċji tar-RPĊ u fit-Taipei Ċiniż;

—

is-similarità bejn it-tip ta’ art u t-tranżazzjonijiet użati għat-tiswir tal-punt ta’ riferiment rilevanti fit-Taipei Ċiniż ma’ dawk fir-RPĊ; u

—

l-karatteristiċi demografiċi, lingwistiċi u kulturali komuni bejn it-Taipei Ċiniż u r-RPĊ.

(246)

Wara l-metodoloġija applikata fl-investigazzjonijiet preċedenti (112), il-Kummissjoni użat il-prezz medju tal-art għal kull metru kwadru stabbilit fit-Taipei Ċiniż ikkoreġut għall-inflazzjoni u l-evoluzzjoni tal-PDG mid-dati tal-kuntratti LUR rispettivi. L-informazzjoni dwar il-prezzijiet tal-art industrijali mill-2015 inkisbet mis-sit web tal-Uffiċċju Industrijali tal-Ministeru tal-Affarijiet Ekonomiċi tat-Tajwan (113). Għas-snin ta’ qabel, il-prezzijiet ġew ikkoreġuti bl-użu tar-rati ta’ inflazzjoni u l-evoluzzjoni tal-PDG per capita bi prezzijiet kurrenti f’USD għat-Taipei Ċiniż kif ippubblikat mill-IMF għall-2015.

(247)

Il-GTĊ sostna li l-parametru referenzjarju ta’ hawn fuq mhuwiex korrett peress li l-Kummissjoni qed tqabbel il-prezz għas-sjieda tal-art fit-Taipei Ċiniż mal-prezz tad-drittijiet tal-użu tal-art għad-durata limitata fir-RPĊ.

(248)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnotat li l-għażla tat-Taipei Ċiniż bħala parametru referenzjarju kienet ibbażata fuq l-eżami ta’ diversi fatturi elenkati fil-premessa (245) hawn fuq. Madankollu, il-Kummissjoni qieset li anki li kieku kien hemm ċerti differenzi fil-kundizzjonijiet tas-suq bejn id-drittijiet tal-użu tal-art fiċ-Ċina kontinentali u l-bejgħ tal-art fit-Taipei Ċiniż, dawn ma jkunux ta’ tali natura li jinvalidaw l-għażla tat-Taipei Ċiniż bħala parametru referenzjarju validu. Matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni ma setgħetx tidentifika xi parametru referenzjarju jew metodu ta’ aġġustament adegwat ieħor li jkun jirrifletti b’mod adegwat dawn id-differenzi fil-kundizzjonijiet tas-suq.

(e)   Konklużjoni

(249)

Ir-rata ta’ sussidju stabbilita fir-rigward ta’ din l-iskema matul il-perjodu ta’ investigazzjoni għall-Grupp Guanhao kienet tammonta għal 0,13 %.

3.10.   Dħul mitluf permezz ta’ programmi ta’ eżenzjoni mit-taxxa u tnaqqis tat-taxxa

3.10.1.   Tnaqqis fit-Taxxa fuq l-Introjtu tal-Intrapriżi (“EIT”, Enterprise Income Tax) għall-Intrapriżi ta’ Teknoloġija Avvanzata u Ġdida

(250)

Skont il-Liġi tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar it-Taxxa fuq l-Introjtu tal-Intrapriżi (“il-Liġi dwar l-EIT”), intrapriżi ta’ teknoloġija avvanzata u ġdida li għalihom l-Istat jeħtieġ li jagħti appoġġ ewlieni jibbenefikaw minn tnaqqis fir-rata tat-taxxa fuq l-introjtu tal-intrapriżi ta’ 15 % minflok ir-rata ta’ taxxa standard ta’ 25 %.

(a)   Bażi legali

(251)

Il-bażi legali ta’ dan il-programm huwa l-Artikolu 28 tal-Liġi EIT u l-Artikolu 93 tar-Regoli tal-Implimentazzjoni għal-Liġi tar-RPĊ (114) dwar it-Taxxa fuq l-Introjtu tal-Intrapriżi, kif ukoll:

—

Iċ-ċirkulari tal-Ministeru tax-Xjenza u t-Teknoloġija, il-Ministeru tal-Finanzi u l-Amministrazzjoni Statali tat-Tassazzjoni dwar ir-reviżjoni u l-ħruġ ta’ Miżuri Amministrattivi għar-Rikonoxximent ta’ Intrapriżi ta’ Teknoloġija Avvanzata (Nru 32 tal-2016);

—

Iċ-ċirkulari tal-Ministeru tax-Xjenza u t-Teknoloġija, il-Ministeru tal-Finanzi u l-Amministrazzjoni Statali tat-Tassazzjoni dwar ir-Reviżjoni u l-Ħruġ tal-Linji Gwida għall-Amministrazzjoni tal-Akkreditazzjoni tal-Intrapriżi ta’ Teknoloġija Avvanzata, (Nru 195 tal-2016);

—

Avviż tal-Amministrazzjoni Statali tat-Tassazzjoni dwar l-Applikazzjoni ta’ Politiki Preferenzjali tat-Taxxa fuq l-Introjtu għal Intrapriżi ta’ Teknoloġija ta’ Avvanzata (Avviż Nru 24 tal-2017);

—

Il-Katalogu tal-2016 ta’ Oqsma ta’ Teknoloġija Avvanzata Appoġġati mill-Istat (115).

(252)

Il-Kapitolu IV tal-Liġi dwar l-EIT fih dispożizzjonijiet rigward “Trattament tat-Taxxa Preferenzjali”. L-Artikolu 25 tal-Liġi dwar l-EIT, li jagħmilha ta’ introduzzjoni għall-Kapitolu IV, jipprovdi li “L-Istat se joffri preferenzi tat-taxxa fuq l-introjtu lil Intrapriżi involuti f’industriji jew proġetti li l-iżvilupp tagħhom huwa appoġġat u mħeġġeġ b’mod speċjali mill-Istat”. L-Artikolu 28 tal-Liġi dwar l-EIT jipprevedi li “r-rata tat-taxxa fuq l-introjtu tal-intrapriżi fuq intrapriżi teknoloġiċi għoljin u ġodda li jeħtieġu appoġġ speċjali mill-Istat għandha titnaqqas għal 15 %”.

(253)

L-Artikolu 93 tar-Regoli ta’ Implimentazzjoni tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq l-Introjtu tal-Intrapriżi jiċċara li:

“L-intrapriżi importanti tat-teknoloġija avvanzata u ġdida li se jiġu appoġġati mill-Istat” kif imsemmi fil-Klawżola 2 tal-Artikolu 28 tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq l-Introjtu tal-Intrapriżi jirreferu għall-intrapriżi li għandhom drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ewlenin u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

1.

Jikkonformaw mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Oqsma Ewlenin ta’ Teknoloġija Avvanzata u Ġdida appoġġjati mill-Istat;

2.

Il-proporzjon tal-ispiża tar-riċerka u l-iżvilupp mill-introjtu mill-bejgħ ma għandux ikun anqas mill-proporzjon preskritt;

3.

Il-proporzjon tal-introjtu minn teknoloġija/prodott/servizz ta’ teknoloġija avvanzata mill-introjtu totali tal-intrapriża ma għandux ikun anqas mill-proporzjon preskritt;

4.

Il-proporzjon tal-persunal tekniku mit-total tal-impjegati tal-intrapriża ma għandux ikun anqas mill-proporzjon preskritt;

5.

Kundizzjonijiet oħra preskritti fil-Miżuri għall-Amministrazzjoni tal-Identifikazzjoni tal-Intrapriżi tat-Teknoloġija Avvanzata.

Il-Miżuri għall-Amministrazzjoni tal-Identifikazzjoni tal-Intrapriżi ta’ Teknoloġija Avvanzata u taż-Żoni Ewlenin ta’ Teknoloġija Avvanzata u Ġdida appoġġjati mill-Istat għandhom jiġu fformulati b’mod konġunt mid-dipartimenti tat-teknoloġija, tal-finanzi u tat-tassazzjoni taħt il-Kunsill tal-Istat u jidħlu fis-seħħ wara li jiġu approvati mill-Kunsill tal-Istat”.

(254)

Id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq jispeċifikaw b’mod ċar li r-rata mnaqqsa tat-taxxa fuq l-introjtu tal-intrapriżi hija riżervata għal “intrapriżi importanti ta’ teknoloġija avvanzata u ġdida li għandhom jiġu appoġġjati mill-Istat” li għandhom drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ewlenin u jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet bħall-“konformità mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Oqsma Ewlenin ta’ Teknoloġija Avvanzata u Ġdida appoġġjati mill-Istat”.

(255)

Skont l-Artikolu 11 tal-Miżuri Amministrattivi għar-Rikonoxximent tal-Intrapriżi tat-Teknoloġija Avvanzata, sabiex tiġi rikonoxxuta bħala Intrapiża ta’ Teknoloġija Avvanzata, fl-istess ħin trid tissodisfa ċerti kundizzjonijiet li fosthom: “tkun kisbet is-sjieda tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, li għandha rwol ċentrali fl-appoġġ tekniku tal-prodotti (servizzi) ewlenin tagħha, permezz ta’ riċerka indipendenti, trasferiment, għotja, fużjonijiet u akkwiżizzjonijiet, eċċ.” u “it-teknoloġija li għandha rwol ċentrali fl-appoġġ tekniku tal-prodotti (servizzi) ewlenin tagħha hija fil-firxa predeterminata fl-oqsma tat-teknoloġija avvanzata appoġġjati mill-Istat”.

(256)

Il-kumpaniji li jibbenefikaw minn din il-miżura għandhom jippreżentaw id-dikjarazzjoni tat-taxxa fuq l-introjtu tagħhom u l-annessi rilevanti. L-ammont proprju tal-benefiċċju huwa inkluż fid-dikjarazzjoni tat-taxxa.

(b)   Sejbiet tal-investigazzjoni

(257)

Il-Kummissjoni ddeċidiet li l-produttur tal-LWTP eżaminat ikkwalifika bħala kumpanija b’teknoloġija avvanzata matul il-perjodu ta’ investigazzjoni u għalhekk ibbenefika minn rata ta’ EIT mnaqqsa ta’ 15 %.

(c)   Benefiċċju

(258)

Il-Kummissjoni qieset li t-tpaċija tat-taxxa inkwistjoni hija sussidju fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a)(ii) u l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku minħabba li hemm kontribuzzjoni finanzjarja fil-forma ta’ dħul mitluf mill-GTĊ li tagħti benefiċċju lill-kumpaniji kkonċernati. Il-benefiċċju għar-riċevituri huwa ugwali għall-iffrankar tat-taxxa.

(d)   Speċifiċità

(259)

Dan is-sussidju huwa speċifiku fis-sens tal-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament bażiku minħabba li l-leġiżlazzjoni nnifisha tillimita l-applikazzjoni ta’ din l-iskema għal intrapriżi biss li joperaw f’ċerti oqsma ta’ prijorità ta’ teknoloġija avvanzata stabbiliti mill-Istat. L-industrija tal-LWTP hija tali prijorità ta’ teknoloġija avvanzata.

(260)

Għalhekk, il-leġiżlazzjoni li skontha topera l-awtorità tal-għoti tillimita b’mod espliċitu l-aċċess għal sussidju għal ċerti kumpaniji u setturi.

(e)   Kalkolu tal-ammont

(261)

L-ammont ta’ sussidju kumpensabbli ġie kkalkolat f’termini tal-benefiċċju mogħti lir-riċevituri matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Dan il-benefiċċju ġie kkalkolat bħala d-differenza bejn it-taxxa totali pagabbli skont ir-rata normali tat-taxxa u t-taxxa totali pagabbli skont ir-rata mnaqqsa tat-taxxa.

(f)   Konklużjoni

(262)

Ir-rata ta’ sussidju stabbilita fir-rigward ta’ din l-iskema matul il-perjodu ta’ investigazzjoni għall-Grupp Guanhao kienet tammonta għal 0,45 %.

3.10.2.   Tnaqqis preferenzjali qabel it-taxxa tal-ispejjeż tar-riċerka u l-iżvilupp

(263)

It-tpaċija tat-taxxa għar-riċerka u l-iżvilupp tintitola lill-kumpaniji għal trattament tat-taxxa preferenzjali għall-attivitajiet tagħhom ta’ R&Ż f’ċerti oqsma ta’ prijorità ta’ teknoloġija avvanzata ddeterminati mill-Istat u meta jintlaħqu ċerti limiti għall-infiq fuq ir-R&Ż.

(264)

B’mod aktar speċifiku, l-ispejjeż tar-R&Ż imġarrba minn intrapriża meta twettaq kwalunkwe attività ta’ R&Ż, 100 % addizzjonali tal-ammont tal-ispejjeż ta’ R&Ż effettivament imġarrba għandhom jitnaqqsu qabel il-ħlas tat-taxxa, flimkien mat-tnaqqis tal-ispejjeż attwali kif preskritt, mill-1 ta’ Jannar 2023, sakemm l-ispejjeż imsemmija ma jiġux ikkonvertiti f’assi intanġibbli u inklużi fil-profitti u t-telf kurrenti.

(265)

Jekk l-imsemmija spejjeż ikunu ġew ikkonvertiti f’assi intanġibbli, tali spejjeż jistgħu jiġu amortizzati b’rata ta’ 200 % tal-kostijiet tal-assi intanġibbli qabel it-taxxa mill-1 ta’ Jannar 2023.

(a)   Bażi legali

(266)

Il-bażi legali għall-programm hija l-Artikolu 30(1) tal-Liġi dwar l-EIT, flimkien mal-Artikolu 95 tar-Regoli ta’ Implimentazzjoni għal-Liġi tar-RPĊ dwar it-Taxxa fuq l-Introjtu tal-Intrapriżi kif ukoll l-avviżi li ġejjin:

—

Avviż tal-Amministrazzjoni Statali tat-Tassazzjoni dwar Kwistjonijiet li jikkonċernaw il-Kamp ta’ Applikazzjoni tal-Attribuzzjoni tat-Tnaqqis Ponderat Qabel it-Taxxa tal-Ispejjeż tar-R&Ż (Avviż Nru 40 tal-2017);

—

Avviż tal-Ministeru tal-Finanzi u l-Amministrazzjoni Statali tat-Tassazzjoni dwar Titjib Ulterjuri tal-Politiki Rigward it-Tnaqqis Ponderat Qabel it-Taxxa tal-Ispejjeż tar-R&Ż (Avviż Nru 7 tal-2023).

(267)

L-Artikolu 25 tal-EIT, li huwa chapeau għall-Kapitolu IV “Politiki ta’ Taxxa Preferenzjali”, jistabbilixxi li “L-Istat se joffri preferenzi tat-taxxa fuq l-introjtu lil Intrapriżi involuti f’industriji jew proġetti li l-iżvilupp tagħhom huwa appoġġjat u mħeġġeġ b’mod speċjali mill-Istat”.

(b)   Sejbiet tal-investigazzjoni

(268)

Il-Kummissjoni saret taf li l-kumpaniji eżaminati tal-Grupp Guanhao bbenefikaw minn tnaqqis addizzjonali fuq l-ispejjeż tar-riċerka u l-iżvilupp imġarrba mir-riċerka u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda, prodotti ġodda u tekniki ġodda.

(c)   Benefiċċju

(269)

Il-Kummissjoni qieset li t-tpaċija tat-taxxa inkwistjoni hija sussidju fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a)(ii) u l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku minħabba li hemm kontribuzzjoni finanzjarja fil-forma ta’ dħul mitluf mill-GTĊ li tagħti benefiċċju lill-kumpaniji kkonċernati. Il-benefiċċju għar-riċevituri huwa ugwali għall-iffrankar tat-taxxa.

(d)   Speċifiċità

(270)

Dan is-sussidju huwa speċifiku skont it-tifsira tal-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament bażiku peress li l-leġiżlazzjoni nnifisha tillimita l-applikazzjoni ta’ din il-miżura biss għal intrapriżi li jġarrbu spejjeż tar-R&Ż f’ċerti oqsma ta’ prijorità ta’ teknoloġija għolja ddeterminati mill-Istat, bħas-settur tal-LWTP. Għalhekk, il-leġiżlazzjoni li skontha topera l-awtorità tal-għoti tillimita b’mod espliċitu l-aċċess għal sussidju għal ċerti kumpaniji u setturi.

(271)

Il-GTĊ argumenta li “super tnaqqis fir-riċerka u l-iżvilupp” mhuwiex speċifiku peress li din hija politika tat-taxxa universali bl-għan li tħeġġeġ lill-intrapriżi jżidu l-investiment tagħhom f’attivitajiet ta’ R&Ż. Skont il-GTĊ, hemm kriterji u kundizzjonijiet oġġettivi għall-applikazzjoni tal-programm u l-programm japplika awtomatikament meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet korrispondenti.

(272)

Il-Kummissjoni ma qablitx mal-qari tal-GTĊ tal-liġijiet u tal-miżuri ta’ implimentazzjoni, li juru li l-programm huwa limitat għal ċerti setturi u intrapriżi appoġġati mill-GTĊ fuq il-bażi ta’ kriterji li ma jidhrux oġġettivi jew newtrali, bħal li jikkonformaw mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-“Oqsma Ewlenin ta’ Teknoloġija Avvanzata u Ġdida appoġġati mill-Istat”. Dan is-sussidju huwa speċifiku skont it-tifsira tal-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament bażiku, peress li japplika biss għal intrapriżi li joperaw f’ċerti oqsma ta’ teknoloġija avvanzata, bħall-industrija tal-LWTP. Barra minn hekk, l-Artikolu 30 tal-Liġi dwar l-EIT jipprevedi li l-ispejjeż tar-R&Ż imġarrba mill-intrapriżi fil-qasam tal-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda, prodotti ġodda u tekniki ġodda jistgħu jitnaqqsu addizzjonalment fil-mument tal-kalkolu tal-introjtu taxxabbli, l-Artikolu 95 tar-Regoli ta’ Implimentazzjoni għal-Liġi dwar l-EIT jispjega fiex jikkonsisti t-tnaqqis, filwaqt li l-Artikolu 4 tal-Avviż dwar it-Titjib tat-Tnaqqis tal-Ispejjeż tal-Iżvilupp tar-R&Ż jelenka l-industriji li għalihom it-tnaqqis qabel it-taxxa mhuwiex applikabbli (b’ċertu grad ta’ diskrezzjoni, peress li l-lista tispiċċa bil-kliem “… u kwalunkwe industrija oħra stipulata mill-Ministeru tal-Finanzi u l-Amministrazzjoni Statali tat-Tassazzjoni”).

(e)   Kalkolu tal-ammont tas-sussidju

(273)

L-ammont ta’ sussidju kumpensabbli ġie kkalkolat f’termini tal-benefiċċju mogħti lir-riċevituri matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Dan il-benefiċċju ġie kkalkulat bħala d-differenza bejn it-taxxa totali pagabbli skont ir-rata normali tat-taxxa u t-taxxa totali pagabbli wara t-tnaqqis addizzjonali ta’ 100 % tal-ispejjeż reali fuq ir-R&Ż.

(f)   Konklużjoni

(274)

Ir-rata ta’ sussidju stabbilita fir-rigward ta’ din l-iskema matul il-perjodu ta’ investigazzjoni għall-Grupp Guanhao kienet tammonta għal 0,22 %.

3.10.3.   Eżenzjoni mid-dividendi bejn intrapriżi residenti kwalifikati

(275)

Il-Liġi dwar l-EIT toffri preferenzi tat-taxxa fuq l-introjtu lill-Intrapriżi involuti f’industriji jew proġetti li l-iżvilupp tagħhom huwa appoġġat u mħeġġeġ speċifikament mill-Istat u, b’mod partikolari, eżenzjonijiet mit-taxxa għall-introjtu minn investiment ta’ ekwità, bħal dividendi u bonusijiet, bejn intrapriżi residenti eliġibbli.

(a)   Bażi legali

(276)

Il-bażi legali għall-programm hija l-Artikolu 26(2) tal-Liġi dwar l-EIT, flimkien mal-Artikolu 83 tar-Regoli ta’ Implimentazzjoni għal-Liġi tar-RPĊ dwar it-Taxxa fuq l-Introjtu tal-Intrapriżi.

(277)

L-Artikolu 25 tal-EIT, li huwa chapeau għall-Kapitolu IV “Politiki ta’ Taxxa Preferenzjali”, jistabbilixxi li “L-Istat se joffri preferenzi tat-taxxa fuq l-introjtu lil Intrapriżi involuti f’industriji jew proġetti li l-iżvilupp tagħhom huwa appoġġjat u mħeġġeġ b’mod speċjali mill-Istat”. Barra minn hekk, l-Artikolu 26(2) jispeċifika li l-eżenzjoni mit-taxxa hija applikabbli għal introjtu minn investimenti ta’ ekwità bejn “intrapriżi residenti eliġibbli”, li jidher li jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għal ċerti intrapriżi residenti biss.

(b)   Sejbiet tal-investigazzjoni

(278)

Il-Kummissjoni sabet li kumpanija waħda fil-grupp eżaminat irċeviet eżenzjoni mit-taxxa fuq l-introjtu mid-dividendi bejn intrapriżi residenti kwalifikati.

(c)   Benefiċċju

(279)

Il-Kummissjoni qieset li din l-iskema hija sussidju skont l-Artikolu 3(1)(a)(ii) u l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku, minħabba li hemm kontribuzzjoni finanzjarja fil-forma ta’ dħul mitluf mill-GTĊ li tagħti benefiċċju lill-kumpaniji kkonċernati. Il-benefiċċju għar-riċevituri huwa ugwali għall-iffrankar tat-taxxa.

(280)

Il-GTĊ sostna li dan il-programm kellu l-għan li jevita t-tassazzjoni doppja u, għalhekk, ma tax lill-intrapriżi benefiċċji addizzjonali tat-taxxa billi jirrinunzjaw jew ma jiġbrux id-dħul li kien dovut mod ieħor.

(281)

Għalkemm il-Kummissjoni qablet li l-eliminazzjoni tat-taxxa doppja hija prattika tat-taxxa rikonoxxuta fuq livell internazzjonali, din ma tapplikax bl-istess mod fil-pajjiżi kollha. Il-GTĊ naqas milli juri kif it-tnaqqis inkwistjoni jevita t-taxxa doppja b’mod speċifiku (jiġifieri billi juri li d-dividendi soġġetti għall-eżenzjoni huma ntaxxati xi mkien ieħor u r-regola tkopri biss sitwazzjonijiet ta’ impożizzjoni doppja). Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(d)   Speċifiċità

(282)

Dan is-sussidju huwa speċifiku skont it-tifsira tal-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament bażiku, minħabba li l-leġiżlazzjoni nnifisha tillimita l-applikazzjoni ta’ din l-eżenzjoni biss għal intrapriżi residenti kwalifikati li għandhom l-appoġġ ewlieni tal-Istat u li l-iżvilupp tagħhom huwa mħeġġeġ mill-Istat. Għalhekk, il-leġiżlazzjoni li skontha topera l-awtorità tal-għoti tillimita b’mod espliċitu l-aċċess għal sussidju għal ċerti kumpaniji u setturi.

(e)   Kalkolu tal-ammont tas-sussidju

(283)

Il-Kummissjoni kkalkolat l-ammont ta’ sussidju billi applikat ir-rata normali tat-taxxa għall-introjtu mid-dividendi li tnaqqas mill-introjtu taxxabbli.

(f)   Konklużjoni

(284)

Ir-rata ta’ sussidju stabbilita fir-rigward ta’ din l-iskema matul il-perjodu ta’ investigazzjoni għall-Grupp Guanhao kienet tammonta għal 2,04 %.

3.10.4.   Tnaqqis fit-taxxa tal-VAT għal intrapriżi tal-manifattura avvanzata.

(285)

Skont din l-iskema, mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2027, l-hekk imsejħa intrapriżi tal-manifattura avvanzati huma permessi jitolbu tnaqqis addizzjonali ta’ 5 % fuq il-VAT tal-input deduċibbli tal-perjodu attwali tagħhom kontra l-VAT pagabbli tagħhom (Politika ta’ Tnaqqis Addizzjonali).

(a)   Bażi legali

(286)

Il-bażi legali għall-programm hija t-Tħabbira dwar il-Politika ta’ Tnaqqis Addizzjonali tal-VAT għall-Intrapriżi tal-Manifattura Avvanzata MOF/STA Tħabbira [2023] Nru 43.

(b)   Sejbiet tal-investigazzjoni

(287)

Il-Kummissjoni sabet li l-kumpaniji eżaminati tal-Grupp Guanhao rċevew tnaqqis tal-VAT taħt din l-iskema.

(c)   Benefiċċju

(288)

Il-Kummissjoni qieset li din l-iskema hija sussidju skont l-Artikolu 3(1)(a)(ii) u l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku, minħabba li hemm kontribuzzjoni finanzjarja fil-forma ta’ dħul mitluf mill-GTĊ li tagħti benefiċċju lill-kumpaniji kkonċernati. Il-benefiċċju għar-riċevituri huwa ugwali għall-iffrankar tat-taxxa.

(d)   Speċifiċità

(289)

Dan is-sussidju huwa speċifiku fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament bażiku peress li l-leġiżlazzjoni nnifisha tillimita l-applikazzjoni ta’ dan it-tnaqqis biss għall-hekk imsejħa “intrapriżi avvanzati tal-manifattura” li fil-fatt huma intrapriżi tat-teknoloġija avvanzata u ġdida, rikonoxxuti abbażi tal-Avviż tal-Ministeru tax-Xjenza u t-Teknoloġija, il-Ministeru tal-Finanzi, u l-Amministrazzjoni tat-Tassazzjoni tal-Istat dwar ir-Reviżjoni u l-Ħruġ tal-Miżuri Amministrattivi għar-Rikonoxximent ta’ Intrapriżi tat-Teknoloġija Avvanzata u Ġdida (Guokefahuo [2016] Nru 32).

(290)

Barra minn hekk, skont it-Tħabbira [2023] Nru 43. “Listi speċifiċi ta’ intrapriżi avvanzati tal-manifattura [huma] ddeterminati mid-dipartimenti tal-industrija u tat-teknoloġija tal-informazzjoni ta’ kull provinċja, reġjun awtonomu, muniċipalità direttament taħt il-Gvern Ċentrali, u belt elenkata separatament, flimkien mad-dipartimenti tax-xjenza u t-teknoloġija, il-finanzi u t-taxxa fl-istess livell.”

(291)

Għalhekk, il-leġiżlazzjoni li skontha topera l-awtorità tal-għoti tillimita b’mod espliċitu l-aċċess għal sussidju għal ċerti kumpaniji u setturi.

(e)   Kalkolu tal-ammont tas-sussidju

(292)

Il-Kummissjoni kkalkulat l-ammont tas-sussidju bħala l-ammont riċevut mill-kumpanija fil-perjodu ta’ investigazzjoni fil-forma ta’ dikjarazzjoni addizzjonali tal-VAT tal-input skont dan it-tnaqqis.

(f)   Konklużjoni

(293)

Ir-rata ta’ sussidju stabbilita fir-rigward ta’ din l-iskema matul il-perjodu ta’ investigazzjoni għall-Grupp Guanhao kienet tammonta għal 0,37 %.

3.11.   Skemi Oħra

(294)

Il-Memorandum dwar is-suffiċjenza tal-evidenza elenka skemi oħra li għalihom kien hemm biżżejjed evidenza fl-ilment li kellha t-tendenza li turi l-eżistenza ta’ sussidji kumpensabbli disponibbli għall-produtturi esportaturi tal-LWTP. Din il-lista ta’ tali programmi tinkludi, iżda mhijiex limitata għal:

—

Forniment tal-elettriku mill-gvern għal remunerazzjoni inqas minn adegwata

—

Forniment mill-gvern ta’ polpa tal-injam għal remunerazzjoni inqas minn adegwata

—

Dħul mitluf fil-forma ta’ deprezzament aċċellerat ta’ strumenti u tagħmir użati minn intrapriżi ta’ Teknoloġija Avvanzata għall-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ Teknoloġija Avvanzata

—

Dħul mitluf fil-forma ta’ rifużjonijiet tat-taxxa fuq l-esportazzjon

—

Dħul mitluf fil-forma ta’ eżenzjoni mill-VAT u mit-tariffa fuq oġġetti kapitali importati

—

Infużjonijiet ta’ ekwità

(295)

Fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi dwar il-kumpens ta’ dawn il-programmi. Dan huwa mingħajr preġudizzju biex il-Kummissjoni teżamina dawk il-miżuri fl-okkażjoni ta’ rieżamijiet futuri, inklużi rieżamijiet skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku.

3.12.   Konklużjoni dwar is-sussidjar

(296)

Il-Kummissjoni kkalkolat l-ammont ta’ sussidji kumpensabbli għall-Grupp Guanhao eżaminat individwalment f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku billi eżaminat kull sussidju jew programm ta’ sussidju, u żiedet dawn iċ-ċifri flimkien biex tikkalkula ammont totali ta’ sussidjar għall-grupp għall-perjodu ta’ investigazzjoni. Sabiex tikkalkula s-sussidjar globali, il-Kummissjoni l-ewwel ikkalkulat il-perċentwal ta’ sussidjar: l-ammont tas-sussidju bħala perċentwal tal-fatturat tal-kumpanija jew tal-fatturat mill-esportazzjoni tal-kumpanija. Dan il-perċentwal imbagħad intuża biex jiġi kkalkulat l-ammont ta’ sussidju allokat għall-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Dan l-ammont ta’ sussidju aktar tard ġie espress bħala perċentwal tal-valur tal-Kost, Assigurazzjoni u Nol (“CIF”, Costs, Insurance and Freight) tal-istess esportazzjoni.

(297)

Minħabba l-livell baxx ħafna ta’ kooperazzjoni tal-produtturi esportaturi (6 % tal-esportazzjonijiet Ċiniżi totali tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni) u l-kooperazzjoni insuffiċjenti tal-GTĊ, il-marġni tas-sussidju residwu ġie kkalkolat abbażi tal-fatti disponibbli skont l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku kif ġej:

(a)

Il-Kummissjoni identifikat skemi ta’ sussidju użati mill-akbar produttur esportatur (li ma kkooperax) u l-kumpaniji relatati tiegħu abbażi tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji awditjati u l-bilanċi ta’ prova tagħhom ippreżentati bħala rispons preliminari wara l-bidu qabel il-waqfien tal-kooperazzjoni (ara l-premessa (19) u n-nota 6 f’qiegħ il-paġna). Dawn l-iskemi kienu: dispożizzjonijiet ta’ LUR u l-elettriku għal remunerazzjoni inqas minn adegwata, self, finanzjament preferenzjali ieħor, garanziji u assigurazzjoni tal-esportazzjoni, għotjiet u benefiċċji tat-taxxa fuq l-introjtu.

(b)

Il-Kummissjoni applikat l-ogħla marġnijiet individwali għal kull waħda mill-iskemi ta’ sussidju kif identifikati taħt (a) misjuba għall-produtturi esportaturi kollha li kkooperaw inklużi fil-kampjun fis-sitt każijiet antisussidji l-aktar reċenti kontra ċ-Ċina. Dawk il-każijiet kienu: AS641 (Tajers tat-trakkijiet), AS656 (Materjali tal-fibra tal-ħġieġ), AS675 (Folja tal-aluminju għall-konvertitur), AS677 (Kejbils fibrottiċi), AS689 (Vetturi elettriċi tal-batterija) u AS704 (Tagħmir ta’ aċċess mobbli) (116).

(298)

Billi l-kampjunar f’dan il-każ ġie abbandunat minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-kumpaniji inizjalment inklużi fil-kampjun u l-livell għoli ħafna ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni, ma seta’ jiġi kkalkolat l-ebda dazju medju għall-kumpaniji mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw.

(299)

Fuq din il-bażi, l-ammonti ta’ sussidju kumpensabbli bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Kumpanija

Marġni kumpensatorju provviżorju

Guandong Guanhao High-Tech Co.

28,82  %

L-importazzjonijiet l-oħra kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

70,55 %

4.   DANNU

4.1.   Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

(300)

Matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, il-prodott simili kien manifatturat minn ħames produtturi fl-Unjoni (117). Dawn jikkostitwixxu l-“industrija tal-Unjoni” fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku.

(301)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni kienet stabbilita għal 275 469 tunnellata. Il-Kummissjoni stabbiliet iċ-ċifra abbażi tal-informazzjoni kollha disponibbli dwar l-industrija tal-Unjoni, jiġifieri t-tweġiba għall-kwestjonarju pprovduta mill-ETPA, kontroverifikata mat-tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarji mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(302)

Kif indikat fil-premessa (10), għall-kampjun intgħażlu tliet produtturi tal-Unjoni li kienu jirrappreżentaw aktar minn 80 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-prodott simili.

4.2.   Konsum tal-Unjoni

(303)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-konsum tal-Unjoni fuq il-bażi ta’: (a) id-data tat-tweġiba għall-kwestjonarju tal-ETPA dwar il-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni tal-prodott simili, kontroverifikata mal-volum tal-bejgħ irrapportat mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun fit-tweġibiet ivverifikati tagħhom għall-kwestjonarju; u (b) l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat kif irreġistrati mill-Eurostat.

(304)

Il-konsum tal-Unjoni żviluppa kif ġej:

Tabella 1

Konsum tal-Unjoni

 

2022

2023

2024

PI

Konsum totali tal-Unjoni (tunnellati)

202 716

180 635

189 440

183 413

Indiċi

100

89

93

90

Sors:

Eurostat, kwestjonarju makro vverifikat

(305)

Fil-perjodu kkunsidrat, il-konsum tal-Unjoni naqas b’10 %. Jenħtieġ li din l-evoluzzjoni titqies fil-kuntest tad-domanda eċċezzjonalment qawwija rreġistrata fl-2022, li ssegwi l-irkupru mit-tfixkil ikkawżat mill-pandemija tal-COVID-19. Fil-perjodu ta’ investigazzjoni, il-konsum tal-Unjoni kien f’livell simili bħal fl-2018 (118). Fl-Unjoni, id-diġitalizzazzjoni tnaqqas l-applikazzjoni ewlenija tal-LWTP (jiġifieri l-użi fil-punt tal-bejgħ).

4.3.   Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

4.3.1.   Il-volum u s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

(306)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-volum tal-importazzjonijiet abbażi tal-istatistika tal-Eurostat. Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi ġie stabbilit billi tqabblu l-volumi tal-importazzjonijiet mal-konsum tas-suq tal-Unjoni.

(307)

L-importazzjonijiet fl-Unjoni mill-pajjiż ikkonċernat żviluppaw kif ġej:

Tabella 2

Volum tal-importazzjonijiet u sehem mis-suq

 

2022

2023

2024

PI

Volum tal-importazzjonijiet mir-RPĊ (tunnellati)

2 865

7 742

12 573

14 983

Indiċi

100

270

439

523

Sehem mis-suq (%)

1,4

4,3

6,6

8,2

Indiċi

100

303

470

578

Sors:

Eurostat

(308)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-volum tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ żdied bi 423 % u s-sehem mis-suq tagħhom żdied minn 1,4 % fl-2022 għal 8,2 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni, li jirrappreżenta żieda ta’ kważi 7 punti perċentwali.

4.3.2.   Prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat u twaqqigħ tal-prezz

(309)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-prezzijiet tal-importazzjonijiet abbażi tal-istatistika tal-Eurostat.

(310)

Il-prezz medju tal-importazzjonijiet fl-Unjoni mill-pajjiż ikkonċernat żviluppa kif ġej:

Tabella 3

Prezz tal-importazzjoni

 

2022

2023

2024

PI

RPĊ (EUR/tunnellata)

2 244

1 966

1 736

1 500

Indiċi

100

88

77

67

Sors:

Eurostat

(311)

Skont l-ilment, għall-2023 u l-2024, l-Eurostat jista’ ma jirriflettix b’mod preċiż il-prezzijiet reali tat-tranżazzjonijiet minħabba li ma jkoprix skontijiet differiti u aġġustamenti retrospettivi oħra tal-prezzijiet mogħtija wara l-importazzjoni. Għaldaqstant, jistgħu jinħolqu diskrepanzi fil-prezzijiet medji ta’ kull xahar kif ukoll żidiet mhux spjegati fil-volumi u fil-prezzijiet medji tal-importazzjoni ta’ kull xahar. Il-Kummissjoni qieset li tali fluttwazzjonijiet fil-prezzijiet medji ta’ kull xahar ma affettwawx it-tqabbil u li l-Eurostat baqa’ l-aħjar informazzjoni disponibbli għall-fini ta’ analiżi tal-prezzijiet.

(312)

Fil-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-prezz medju tal-importazzjonijiet Ċiniżi naqas bi 33 %, u laħaq livell ta’ EUR 1 500/tunnellata fil-perjodu ta’ investigazzjoni, jiġifieri EUR 724/tunnellata inqas mill-2022.

(313)

Il-Kummissjoni ddeterminat it-twaqqigħ tal-prezz matul il-perjodu ta’ investigazzjoni billi qabblet:

—

il-prezzijiet medji ponderati tal-bejgħ għal kull tip ta’ prodott tal-importazzjonijiet mill-produttur esportatur Ċiniż li kkoopera lill-ewwel klijent indipendenti fis-suq tal-Unjoni, stabbiliti fuq bażi ta’ Kost, Assigurazzjoni, Nol (CIF), b’aġġustamenti xierqa għad-dazji doganali u għall-kostijiet ta’ wara l-importazzjoni; u

—

l-prezzijiet medji ponderati korrispondenti tal-bejgħ għal kull tip ta’ prodott tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun mitluba lil klijenti mhux relatati fis-suq tal-Unjoni, aġġustati għal livell ta’ kif joħorġu mill-fabbrika.

(314)

It-tqabbil tal-prezzijiet sar fuq bażi ta’ tip b’tip għat-tranżazzjonijiet fl-istess livell ta’ kummerċ, b’aġġustament dovut meta kien meħtieġ, u wara tnaqqis tar-ribassi u tal-iskontijiet. Ir-riżultat tat-tqabbil kien espress bħala persentaġġ tal-fatturat teoretiku tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, ġie stabbilit marġni medju ponderat ta’ twaqqigħ tal-prezz ta’ 10.4 % għall-importazzjonijiet Ċiniżi sussidjati fis-suq tal-Unjoni. Instab li madwar 100 % tal-volumi tal-importazzjoni kienu qed iroħħsu l-prezz.

(315)

Irrispettivament mill-eżistenza ta’ twaqqigħ sinifikanti tal-prezz, il-Kummissjoni stabbiliet ukoll li l-importazzjonijiet Ċiniżi rażżnu b’mod sinifikanti l-prezzijiet ta’ parti mill-industrija tal-Unjoni, li kellha tbigħ bi prezzijiet aktar baxxi mill-kostijiet matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

4.4.   Is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

4.4.1.   Rimarki ġenerali

(316)

L-eżami tal-impatt tal-importazzjonijiet sussidjati fuq l-industrija tal-Unjoni kien jinkludi evalwazzjoni tal-indikaturi ekonomiċi kollha li kellhom effett fuq l-istat tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat.

(317)

Kif imsemmi fit-taqsima 1.4.1, il-kampjunar intuża għall-valutazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni.

(318)

Sabiex tiddetermina d-dannu, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn l-indikaturi tad-dannu makroekonomiċi u dawk mikroekonomiċi. Il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi makroekonomiċi abbażi tad-data li tinsab fit-tweġiba għall-kwestjonarju makro sottomessa f’isem l-industrija tal-Unjoni. Din id-data kienet relatata mal-produtturi kollha tal-Unjoni. Il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi mikroekonomiċi abbażi tad-data inkluża fit-tweġibiet għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Dik id-data kienet relatata mal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Iż-żewġ settijiet ta’ data nstabu li jirrappreżentaw is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni.

(319)

L-indikaturi makroekonomiċi huma: il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, il-volum tal-bejgħ, is-sehem mis-suq, it-tkabbir, l-impjiegi, il-produttività, id-daqs tal-marġni tas-sussidju u l-irkupru minn prattiki inġusti tal-passat.

(320)

L-indikaturi mikroekonomiċi huma: il-prezzijiet unitarji medji, il-kost unitarju, il-kostijiet lavorattivi, l-inventarji, il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti u l-kapaċità li jiġi ġġenerat il-kapital.

4.4.2.   Indikaturi makroekonomiċi

4.4.2.1.   Produzzjoni, kapaċità tal-produzzjoni u użu tal-kapaċità

(321)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità żviluppaw matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni kif ġej:

Tabella 4

Produzzjoni, kapaċità tal-produzzjoni u użu tal-kapaċità

 

2022

2023

2024

PI

Volum tal-produzzjoni (tunnellati)

345 446

278 863

294 774

275 469

Indiċi

100

81

85

80

Kapaċità tal-produzzjoni (tunnellati)

396 656

358 047

355 151

347 956

Indiċi

100

90

90

88

Użu tal-kapaċità (%)

87

78

83

79

Indiċi

100

89

95

91

Sors:

kwestjonarju makro vverifikat

(322)

Fil-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-volum tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni naqas b’20 % għal 275 469 tunnellata fil-perjodu ta’ investigazzjoni. It-tnaqqis fil-produzzjoni kellu impatt negattiv fuq l-użu tal-kapaċità, li naqas b’9 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(323)

Il-kapaċità ta’ produzzjoni naqset bi 12 %. Dan huwa parzjalment dovut għall-fatt li l-produttur tal-Unjoni Fjord Paper waqqaf l-operazzjonijiet sa tmiem l-2024.

(324)

Il-Kummissjoni nnotat li t-Tabella 4 tippreżenta biss “kapaċità ddedikata” lil-LWTP. Sal-punt li l-industrija tal-Unjoni tkun kapaċi tipproduċi tipi oħra ta’ karta fuq l-istess magni, il-“kapaċità teoretika” tkun kważi d-doppju tal-“kapaċità ddedikata” bis-suppożizzjoni li l-magni kollha li jistgħu jipproduċu l-LWTP jipproduċu l-LWTP b’kapaċità sħiħa.

4.4.2.2.   Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq

(325)

Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 5

Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq

 

2022

2023

2024

PI

Volum tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni (tunnellati)

188 472

150 033

155 842

149 254

Indiċi

100

80

83

79

Sehem mis-suq (%)

93

83,1

82,3

81,4

Indiċi

100

89

88

88

Sors:

kwestjonarju makro vverifikat, tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun

(326)

Fil-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-volumi tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni tal-prodott li qed jiġi investigat naqsu b’21 %. Dan it-tnaqqis kien ferm aktar qawwi mit-tnaqqis ta’ 10 % fil-konsum tal-Unjoni (ara t-Tabella 1), li rriżulta f’telf ta’ 12 % tas-sehem mis-suq għall-produtturi tal-Unjoni. F’xi każijiet, il-produtturi tal-Unjoni ssagrifikaw il-volumi biex jimmassimizzaw il-profitt.

4.4.2.3.   Tkabbir

(327)

Fil-perjodu kkunsidrat, il-konsum tal-prodott ikkonċernat naqas b’10 % iżda l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx iżżomm il-pożizzjoni tagħha. Fl-istess perjodu, is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni naqas bi 12 %, filwaqt li s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mir-RPĊ tal-prodott ikkonċernat żdied b’478 %.

4.4.2.4.   L-impjiegi u l-produttività

(328)

L-impjiegi u l-produttività żviluppaw kif ġej tul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 6

L-impjiegi u l-produttività

 

2022

2023

2024

PI

Numru ta’ impjegati

868

862

877

818

Indiċi

100

99

101

94

Produttività (tunnellati/FTE)

398

324

336

337

Indiċi

100

81

84

85

Sors:

kwestjonarju makro vverifikat

(329)

Fil-perjodu kkunsidrat, l-impjiegi fl-Unjoni naqsu b’6 % għal 818 ekwivalent ta’ ingaġġ full-time. Dan huwa parzjalment dovut għall-fatt li l-produttur tal-Unjoni Fjord Paper waqqaf l-operazzjonijiet sa tmiem l-2024. In-natura kontinwa tal-proċess ta’ produzzjoni tal-LWTP tagħmilha diffiċli għall-produtturi biex inaqqsu b’mod sinifikanti l-persunal. Madankollu, saru r-ristrutturar (inkluż it-tnaqqis tal-forza tax-xogħol u tal-ħin tax-xogħol) u l-għeluq temporanju (119).

(330)

Il-produttività naqset bi 15 %, tnaqqis xprunat l-aktar mit-tnaqqis sinifikanti fil-produzzjoni tal-Unjoni (-20 %) fl-istess perjodu (ara t-Tabella 4).

4.4.2.5.   Id-daqs tal-marġni ta’ sussidju u l-irkupru minn prattiki inġusti tal-passat

(331)

Il-marġnijiet ta’ sussidju stabbiliti kienu ferm ogħla mil-livell de minimis. L-impatt tal-kobor tas-sussidjar fuq l-industrija tal-Unjoni kien sostanzjali minħabba l-volum u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat.

(332)

L-importazzjonijiet kontinwi bi prezz inġust mir-Repubblika tal-Korea żammew lill-industrija tal-Unjoni milli tirkupra minn prattiki ta’ dumping tal-passat li jirriżultaw minn pajjiżi oħra għajr il-pajjiż ikkonċernat. Madankollu, il-miżuri fis-seħħ kellhom impatt pożittiv fuq l-industrija tal-Unjoni, kif innotat b’mod partikolari fit-Taqsima 4.6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1330.

4.4.3.   Indikaturi mikroekonomiċi

4.4.3.1.   Prezzijiet u fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet

(333)

Il-prezzijiet medji ponderati tal-bejgħ ta’ unità tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 7

Prezzijiet tal-bejgħ u kost tal-produzzjoni fl-Unjoni

 

2022

2023

2024

PI

Prezz medju tal-bejgħ mill-fabbrika ta’ unità fl-Unjoni (EUR/tunnellata)

2 142

2 133

1 905

1 736

Indiċi

100

100

89

81

Kost ta’ unità tal-produzzjoni (EUR/tunnellata)

1 880

1 952

1 779

1 742

Indiċi

100

104

95

93

Sors:

tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun

(334)

Il-produzzjoni tal-karta termali ħafifa hija intensiva fl-enerġija. Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-prezzijiet tal-fatturi ewlenin tal-produzzjoni żdiedu b’mod sostanzjali, b’mod partikolari l-polpa (minħabba disponibbiltà skarsa) u l-enerġija (bħala riżultat tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna). Fit-tieni parti tal-perjodu kkunsidrat, il-prezzijiet tal-inputs ewlenin ġew normalizzati, għalkemm baqgħu f’livelli ogħla minn qabel. Dan ikkontribwixxa għal kost unitarju tal-produzzjoni li kien ogħla milli fil-passat (120). Ta’ min jinnota wkoll li t-taħlita tal-prodott varjat maż-żmien, peress li l-gradi li fihom il-BPA ġew abbandunati u s-sustanzi kimiċi alternattivi huma aktar għaljin.

(335)

Fil-perjodu ta’ investigazzjoni, il-kost unitarju tal-produzzjoni kien ogħla mill-prezzijiet medji tal-bejgħ ta’ unità tal-industrija tal-Unjoni lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni. Dan wera li l-industrija tal-Unjoni kienet soġġetta għal soppressjoni sinifikanti tal-prezzijiet, peress li ma setgħetx iżżid il-prezzijiet tal-bejgħ tagħha biex tirkupra l-kostijiet tagħha.

(336)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-kost medju tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni kien anqas (– 7 %) mill-prezzijiet medji tal-bejgħ ta’ unità tal-industrija tal-Unjoni lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni (– 1 %). L-industrija tal-Unjoni kellha tistabbilixxi l-prezzijiet tagħha f’livell baxx b’mod mhux sostenibbli sabiex ma titlifx wisq sehem mis-suq f’kuntest ta’ żieda fl-importazzjonijiet miċ-Ċina (+ 478 %, skont it-Tabella 2) bi prezzijiet ferm taħt il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni (ara t-Tabella 3). Madankollu, l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx tqabbel bis-sħiħ dawk il-prezzijiet mingħajr ma ġġarrab aktar telf. Din il-pressjoni fuq il-prezzijiet ipprekludiet lill-industrija tal-Unjoni milli żżid il-prezzijiet f’konformità mal-kostijiet li qed jiżdiedu.

4.4.3.2.   Kostijiet lavorattivi

(337)

Il-kostijiet lavorattivi medji tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 8

Kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat

 

2022

2023

2024

PI

Kost lavorattiv medju għal kull impjegat (EUR)

79 188

82 459

82 087

92 211

Indiċi

100

104

104

116

Sors:

tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun

(338)

Matul il-perjodu kkunsidrat, il-kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat żdiedu b’16 %, f’konformità maż-żidiet annwali fil-kostijiet lavorattivi fil-Ġermanja u fil-Finlandja (121). Fl-istess ħin, l-impjieg tal-industrija tal-Unjoni naqas, xi drabi permezz ta’ għeluq temporanju u tnaqqis fil-ħin tax-xogħol (b’kostijiet imnaqqsa għall-produttur tal-Unjoni), iżda xi drabi permezz ta’ kollokament tal-aktar persunal għali bi skambju mal-kostijiet tat-tkeċċija.

4.4.3.3.   Inventarji

(339)

Livelli tal-istokk tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 9

Inventarji

 

2022

2023

2024

PI

Stokks tal-għeluq (tunnellati)

19 650

14 324

18 847

19 335

Indiċi

100

73

96

98

Stokk tal-għeluq bħala perċentwal tal-produzzjoni

6,5

5,7

7,1

7,8

Indiċi

100

87

109

120

Sors:

tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun

(340)

Matul il-perjodu kkunsidrat, il-livell tal-istokk tal-għeluq varja. Fil-perjodu ta’ investigazzjoni, dan kien 2 % inqas milli fl-2022. L-istokk tal-għeluq bħala perċentwal tal-produzzjoni żdied b’20 % matul il-perjodu kkunsidrat, b’mod partikolari bħala riżultat ta’ livelli ta’ produzzjoni aktar baxxi.

(341)

L-istabbiltà relattiva tal-livelli tal-istokk kienet riżultat tal-proċess kontinwu tal-produzzjoni tal-karta u l-fatt li l-produzzjoni kienet tipikament fuq ordni. Il-livelli tal-ħażniet jistgħu jvarjaw għal diversi raġunijiet, kemm jekk wara jew qabel il-perjodi ta’ manutenzjoni jew minħabba l-ottimizzazzjoni tal-iskedi tal-produzzjoni bil-ħsieb li jiġu limitati l-bidliet kontinwi f’linja tal-produzzjoni. Il-livelli tal-istokkijiet per se mhumiex meqjusa bħala l-aktar indikatur ta’ dannu sinifikanti għal dan it-tip ta’ industrija.

4.4.3.4.   Profittabilità, fluss tal-flus, investimenti, redditu fuq l-investimenti u kapaċità li jiġi ġġenerat kapital

(342)

Il-profittabilità, il-fluss ta’ flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 10

Profitabbiltà, fluss ta’ flus, investimenti u redditu fuq l-investimenti

 

2022

2023

2024

PI

Profittabbiltà tal-bejgħ fl-Unjoni lil klijenti mhux relatati

15,2

11,9

9,5

1,9

Indiċi

100

78

62

13

Likwidità (000 EUR)

127 969

76 648

50 842

17 670

Indiċi

100

60

40

14

Investimenti (EUR 000)

9 582

10 540

10 228

10 090

Indiċi

100

110

107

105

Redditu fuq l-investimenti (%)

102

38

35

–1

Indiċi

100

37

34

–1

Sors:

tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun

(343)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-profittabbiltà tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun billi esprimiet il-profitt nett qabel it-taxxa tal-bejgħ tal-prodott simili lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni bħala persentaġġ tal-fatturat ta’ dak il-bejgħ.

(344)

Fl-2024, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni kienet diġà milquta miż-żieda fl-importazzjonijiet Ċiniżi bi prezzijiet baxxi. Kif spjegat fit-Taqsima 4.4.3.1, il-pressjoni fuq il-prezzijiet minn importazzjonijiet inġusti fis-suq tal-Unjoni pprevjeniet lill-industrija tal-Unjoni milli żżid il-prezzijiet biex tirrifletti ż-żieda fil-kostijiet. Għaldaqstant, l-industrija tal-Unjoni kienet imġiegħla tistabbilixxi l-prezzijiet tagħha f’livell baxx b’mod mhux sostenibbli biex iżżomm volum ta’ bejgħ suffiċjenti.

(345)

Is-sitwazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni marret għall-agħar b’mod sinifikanti fil-perjodu ta’ investigazzjoni, hekk kif il-profittabbiltà niżlet għal 1,9 %. Għalkemm l-industrija tal-Unjoni ma saritx tagħmel it-telf, il-profittabbiltà tagħha kienet ferm taħt il-profitt fil-mira ta’ 11,5 %, kif stabbilit fl-investigazzjoni anti-dumping dwar prodott simili ħafna li joriġina mir-Repubblika tal-Korea (122).

(346)

Il-likwidità netta hija l-abbiltà tal-produtturi tal-Unjoni li jiffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom huma stess. Ix-xejra fil-fluss tal-flus nett segwiet mill-qrib dik tal-profittabbiltà, l-aktar tnaqqis qawwi fil-fluss tal-flus li seħħ fil-perjodu ta’ investigazzjoni.

(347)

Il-produzzjoni ta’ karta termali ħafifa hija industrija intensiva fl-assi. L-investimenti kienu relattivament stabbli matul il-perjodu anki jekk il-valuri jistgħu jvarjaw bħala riżultat tal-iskedi ta’ manutenzjoni u sostituzzjoni diverġenti jew li jikkoinċidu tal-produtturi differenti. Il-biċċa l-kbira tal-investimenti kellhom l-għan li jżommu l-kapaċitajiet eżistenti u jissostitwixxu l-assi tal-produzzjoni meħtieġa.

(348)

Ir-redditu fuq l-investimenti huwa l-profitt f’perċentwal tal-valur kontabilistiku nett tal-investimenti. B’mod konsistenti mal-profittabbiltà, dan naqas matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(349)

Il-kapaċità li jiġi ġġenerat il-kapital ġiet milquta b’mod negattiv mit-tnaqqis fil-profittabbiltà u fil-fluss tal-flus.

4.4.3.5.   Konklużjoni dwar id-dannu

(350)

Matul il-perjodu kkunsidrat, il-biċċa l-kbira tal-indikaturi tad-dannu ddeterjoraw. B’mod partikolari, il-produzzjoni, il-volum tal-bejgħ, is-sehem mis-suq, il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus u l-użu tal-kapaċità kollha naqsu meta mqabbla mal-livell tagħhom fl-2022.

(351)

Il-bejgħ fis-suq tal-Unjoni naqas b’21 %, filwaqt li l-konsum tal-Unjoni naqas b’10 % biss, li rriżulta f’telf sinifikanti tas-sehem mis-suq għall-industrija tal-Unjoni. Matul l-istess perjodu, l-importazzjonijiet mir-RPĊ żdiedu sostanzjalment kemm fil-volum kif ukoll fis-sehem mis-suq. Il-profittabbiltà u l-fluss tal-flus ukoll iddeterjoraw b’mod sinifikanti, filwaqt li l-użu tal-kapaċità naqas hekk kif il-volumi tal-produzzjoni naqsu.

(352)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament bażiku.

5.   KAWŻALITÀ

(353)

F’konformità mal-Artikolu 8(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-importazzjonijiet sussidjati mill-pajjiż ikkonċernat ikkawżawx dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni. F’konformità mal-Artikolu 8(6) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk fatturi magħrufin oħra setgħux fl-istess ħin ikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni. Il-Kummissjoni żgurat li kwalunkwe dannu possibbli kkawżat minn fatturi oħrajn għajr l-importazzjonijiet sussidjati mill-pajjiż ikkonċernat ma kienx attribwit għall-importazzjonijiet sussidjati. Il-Kummissjoni eżaminat l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, l-importazzjonijiet mhux sussidjati mir-RPĊ u l-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Ma kien magħruf li jeżisti l-ebda fattur ieħor li seta’ jikkawża d-dannu lill-industrija tal-Unjoni.

5.1.   L-effetti tal-importazzjonijiet sussidjati

(354)

Kif stabbilit fit-Taqsima 4.5.1, il-volumi tal-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ żdiedu b’mod sinifikanti matul il-perjodu kkunsidrat. Il-kundizzjonijiet preferenzjali fir-RPĊ taw spinta lill-kapaċità tal-produtturi esportaturi li jżidu l-esportazzjonijiet tagħhom lejn l-UE b’ħames darbiet matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Filwaqt li s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni naqas bi 11,6 punti perċentwali f’dak il-perjodu, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi żdied b’6,8 punti perċentwali. Barra minn hekk, il-prezzijiet ta’ dawn l-importazzjonijiet miċ-Ċina waqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni b’medja ta’ 10,4 % u rażżnu b’mod sinifikanti l-prezzijiet tal-Unjoni. Għalhekk, dawn l-importazzjonijiet kellhom impatt sinifikanti kemm fuq il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni, kif ukoll fuq il-prezzijiet u l-profittabbiltà tagħha, li bilkemm laħqu 1,9 %. Il-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità u l-fluss tal-flus iddeterjoraw ukoll matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(355)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-importazzjonijiet sussidjati kellhom impatt negattiv materjali fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

5.2.   Effetti ta’ fatturi oħrajn

(356)

Il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk fatturi magħrufa oħra, individwalment jew kollettivament, setgħux inaqqsu r-rabta kawżali stabbilita bejn l-importazzjonijiet issussidjati fis-sens li tali rabta ma tibqax ġenwina u sostanzjali.

5.2.1.   Importazzjonijiet minn pajjiżi oħrajn

(357)

Il-Kummissjoni stabbiliet l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn fuq il-bażi tad-data tal-Eurostat.

(358)

Minbarra r-RPĊ, il-prodott li qed jiġi investigat ġie importat fl-Unjoni minn diversi pajjiżi oħra li kollettivament ammontaw għal 10,5 % tas-sehem mis-suq fil-perjodu ta’ investigazzjoni:

Tabella 11

Importazzjonijiet minn pajjiżi oħrajn

Pajjiż

 

2022

2023

2024

PI

Ir-Repubblika tal-Korea

Volum (f’tunnellati)

5 694

15 769

16 646

15 731

 

Indiċi

100

277

292

276

 

Sehem mis-suq (%)

2,8

8,7

8,8

8,6

 

Prezz medju (EUR/tunnellata)

1 850

1 770

1 816

1 716

 

Indiċi

100

96

98

93

L-Istati Uniti

Volum (f’tunnellati)

1 804

2 039

2 463

2 511

 

Indiċi

100

113

137

139

 

Sehem mis-suq

0,9

1,1

1,3

1,4

 

Prezz medju (EUR/tunnellata)

3 546

4 564

4 707

4 490

 

Indiċi

100

129

133

127

Pajjiżi terzi oħra

Volum (f’tunnellati)

3 882

5 052

1 916

934

 

Indiċi

100

130

49

24

 

Sehem mis-suq (%)

1,9

2,8

1

0,5

 

Prezz medju (EUR/tunnellata)

3 790

2 382

3 737

4 664

 

Indiċi

100

63

99

123

Total tal-pajjiżi terzi kollha għajr ir-RPĊ

Volum (f’tunnellati)

11 379

22 860

21 025

19 176

 

Indiċi

100

201

185

169

 

Sehem mis-suq (%)

5,6

12,7

11,1

10,5

 

Prezz medju (EUR/tunnellata)

2 781

2 155

2 330

2 223

 

Indiċi

100

77

84

80

Sors:

Eurostat (tunnellati u EUR/tunnellata)

(359)

L-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra żdiedu b’69 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Fil-perjodu ta’ investigazzjoni, laħqu sehem mis-suq ta’ 10,5 %.

(360)

Minbarra ċ-Ċina, iż-żewġ pajjiżi esportaturi ewlenin lejn l-Unjoni kienu r-Repubblika tal-Korea u l-Istati Uniti. Sa issa, is-sors ewlieni tal-importazzjoni kien ir-Repubblika tal-Korea, li baqgħet sors dannuż ta’ importazzjonijiet fid-dawl tas-sejbiet ta’ dumping u twaqqigħ tal-prezz kontinwi mill-importazzjonijiet Koreani milħuqa fir-rieżami ta’ skadenza R768 (123) fl-2023.

(361)

L-importazzjonijiet minn oriġini għajr il-Korea waslu fl-Unjoni bi prezzijiet ogħla mill-prezzijiet tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni.

(362)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li, minbarra l-importazzjonijiet Koreani, l-importazzjonijiet minn pajjiżi oħra ma kellhom l-ebda effett materjali fuq id-dannu mġarrab mill-produtturi tal-Unjoni. Fir-rigward tal-importazzjonijiet Koreani, b’volumi simili ta’ importazzjonijiet fil-perjodu ta’ investigazzjoni bħall-importazzjonijiet miċ-Ċina bi prezzijiet ogħla ħafna mill-prezzijiet Ċiniżi iżda taħt il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, instab li dawn ikkontribwew għad-dannu stabbilit tal-industrija tal-Unjoni, iżda ma naqqsux ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta’ dumping u d-dannu sussegwenti mġarrab mill-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni.

5.2.2.   Evoluzzjoni tal-konsum tal-Unjoni

(363)

Il-konsum tal-Unjoni naqas b’mod sinifikanti, b’10 %, matul il-perjodu kkunsidrat. Madankollu, l-industrija tal-Unjoni ma kinitx titlef aktar minn 39 000 tunnellata ta’ bejgħ li jirrappreżentaw sehem mis-suq ta’ 10,6 % fis-suq tal-Unjoni jew kienet tiġi mġiegħla tissagrifika l-profittabbiltà fuq il-bejgħ li jifdal tagħha, li kieku l-importazzjonijiet Ċiniżi bi prezz baxx ma żdiedux. Barra minn hekk, it-tnaqqis fil-konsum meta mqabbel mal-2022 kien milqut ħafna mid-domanda eċċezzjonali għall-prodott taħt investigazzjoni fl-2022. Ta’ min jinnota li, bħala medja, storikament il-konsum tal-Unjoni ma naqasx. Fil-perjodu ta’ investigazzjoni, il-konsum tal-Unjoni kien f’livell simili bħal fl-2018 (124).

(364)

Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tnaqqis fil-konsum matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni ma nstabx li naqqas ir-rabta ġenwina u sostanzjali bejn id-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni u l-importazzjonijiet Ċiniżi sussidjati bi prezz baxx.

5.2.3.   Prestazzjoni tal-esportazzjonijiet tal-industrija tal-Unjoni

(365)

Il-Kummissjoni vvalutat il-volum tal-esportazzjoni abbażi tal-informazzjoni sottomessa mill-ilmentaturi. Il-prezzijiet tal-esportazzjoni ġew determinati abbażi tat-tweġibiet għall-kwestjonarju tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(366)

Il-volum u l-prezzijiet tal-esportazzjonijiet tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw matul il-perjodu kkunsidrat kif ġej:

Tabella 12

Prestazzjoni tal-esportazzjonijiet tal-industrija tal-Unjoni

 

2022

2023

2024

PI

Volum tal-esportazzjonijiet (tunnellati)

149 564

128 693

129 813

118 418

Indiċi

100

86

87

79

Prezz medju (EUR/tunnellata)

2 272

1 948

1 791

1 582

Indiċi

100

86

79

70

Sors:

tweġiba verifikata għall-kwestjonarju makro (tunnellati), tweġibiet verifikati għall-kwestjonarju tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun (EUR/tunnellata)

(367)

Fil-perjodu taħt kunsiderazzjoni, f’konformità mal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fl-Unjoni, il-volumi tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni naqsu b’21 %. Il-bejgħ għall-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni kien importanti peress li kien jammonta għal 44 % tal-bejgħ totali tal-industrija tal-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni.

(368)

Filwaqt li l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni fl-Unjoni naqsu b’19 %, il-prezzijiet fis-swieq tal-esportazzjoni naqsu saħansitra aktar, bi 30 %. Tabilħaqq, anki fis-swieq tal-esportazzjoni, l-industrija tal-Unjoni kienet ikkonfrontata bi pressjoni fuq il-prezzijiet ikkawżata minn kompetizzjoni ħarxa minn atturi oħra. F’dan ir-rigward, l-investigazzjoni wriet li d-destinazzjonijiet tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni nbidlu matul il-perjodu kkunsidrat u li l-bejgħ għall-esportazzjoni b’mod ġenerali jikkonċerna taħlita ta’ prodotti (irħas) differenti mill-prodotti mibjugħa fl-Unjoni.

(369)

Madankollu, fid-dawl tal-volumi sinifikanti tagħhom, il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni kienet mezz biex jissaħħaħ l-użu tal-kapaċità. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-prestazzjoni tal-esportazzjoni tagħha setgħet ikkontribwiet għad-dannu iżda li t-tnaqqis fil-bejgħ tal-esportazzjoni ma setax inaqqas ir-rabta kawżali bejn id-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni u l-influss ta’ importazzjonijiet Ċiniżi sussidjati bi prezz baxx.

5.3.   Konklużjoni dwar il-kawżalità

(370)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni stabbiliet rabta kawżali bejn id-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni u l-importazzjonijiet sussidjati miċ-Ċina, li ma kienx attenwat mill-fatturi msemmija hawn fuq, la meta kkunsidrati individwalment u lanqas kollettivament. Fatturi oħra, b’mod partikolari l-importazzjonijiet Koreani u tnaqqis fil-bejgħ tal-esportazzjoni kellhom effett negattiv fuq il-prestazzjoni ġenerali tal-industrija tal-Unjoni u għalhekk setgħu kkontribwew għad-dannu, iżda dawn il-fatturi, la individwalment u lanqas kollettivament, ma naqqsux r-rabta ġenwina u sostanzjali stabbilita bejn id-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni fl-Unjoni u l-importazzjonijiet Ċiniżi sussidjati.

6.   INTERESS TAL-UNJONI

(371)

Il-Kummissjoni eżaminat jekk, minkejja d-determinazzjoni ta’ sussidju dannuż, l-impożizzjoni ta’ miżuri tmurx kontra l-interess tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 31 tar-Regolament bażiku. Id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni kienet ibbażata fuq apprezzament tad-diversi interessi kollha involuti, inklużi dawk tal-industrija, tal-importaturi u tal-utenti tal-Unjoni mhux relatati.

6.1.   Interess tal-industrija tal-Unjoni

(372)

Il-produtturi tal-Unjoni huma kollha membri tal-ETPA. Huma appoġġaw l-ilment u kkooperaw fl-investigazzjoni.

(373)

L-impożizzjoni tal-miżuri tista’ tissalvagwardja l-impjiegi, tippromwovi investimenti akbar u ttejjeb il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni għal livelli meqjusa normali għal din l-industrija intensiva fil-kapital. Fin-nuqqas ta’ miżuri, il-vijabbiltà futura tal-industrija tal-Unjoni tista’ tiġi kompromessa.

(374)

L-impożizzjoni tal-miżuri tgħin biex jerġa’ jkun hemm kundizzjonijiet ekwi fl-Unjoni u tibgħat sinjal li l-kummerċ ħieles irid iseħħ f’kundizzjonijiet kompetittivi u ġusti.

(375)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-impożizzjoni tal-miżuri hija fl-interess tal-industrija tal-Unjoni.

6.2.   L-interess tal-importaturi mhux relatati

(376)

L-ebda importatur ma ppreżenta ruħu u lanqas ma kkoopera fl-investigazzjoni.

(377)

Fid-dawl tas-sehem mis-suq tas-sorsi differenti tal-provvista, il-probabbiltà li l-importaturi jiddependu fuq diversi sorsi tal-provvista u l-livell tal-miżuri, jitqies li l-impożizzjoni tad-dazji mhux se jkollha effett negattiv fuq l-importaturi sal-punt li tisboq l-effetti pożittivi tal-miżuri fuq l-industrija tal-Unjoni.

6.3.   Interess tal-utenti

(378)

L-ebda utent ma ppreżenta ruħu jew ikkoopera fl-investigazzjoni.

(379)

Fid-dawl tas-sehem mis-suq tas-sorsi differenti ta’ provvista, il-probabbiltà li l-utenti jiddependu fuq diversi sorsi ta’ provvista u l-livell tal-miżuri, jitqies li l-impożizzjoni tad-dazji mhux se jkollha effett negattiv fuq l-utenti sal-punt li tisboq l-effetti pożittivi tal-miżuri fuq l-industrija tal-Unjoni.

6.4.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(380)

Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx hemm raġunijiet konvinċenti tal-interess tal-Unjoni kontra l-impożizzjoni ta’ miżuri kumpensatorji fuq l-importazzjonijiet ta’ karta termali ħafifa li toriġina mir-RPĊ.

7.   MIŻURI KUMPENSATORJI PROVVIŻORJI

(381)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa fir-rigward tas-sussidjar, id-dannu, il-kawżalità u l-interess tal-Unjoni, jenħtieġ li jiġu imposti dazji kumpensatorji provviżorji biex jitneħħa d-dannu materjali kkawżat lill-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet sussidjati tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ.

7.1.   Livell tal-miżuri kumpensatorji provviżorji

(382)

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku jiddikjara li l-ammont tad-dazju kumpensatorju jenħtieġ li ma jaqbiżx l-ammont ta’ sussidji kumpensabbli stabbiliti.

(383)

Imbagħad, ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(1) jiddikjara li “Fejn il-Kummissjoni, abbażi tal-informazzjoni sottomessa, tkun tista’ tikkonkludi b’mod ċar li mhuwiex fl-interess tal-Unjoni li tiddetermina l-ammont ta’ miżuri f’konformità mat-tielet subparagrafu, l-ammont tad-dazju kumpensatorju għandu jkun inqas jekk tali dazju inferjuri jkun adegwat biex jitneħħa d-dannu għall-industrija tal-Unjoni.”

(384)

Ma ġiet sottomessa l-ebda informazzjoni bħal din lill-Kummissjoni u, għalhekk, il-livell tal-miżuri kumpensatorji se jiġi stabbilit b’referenza għat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 15(1).

(385)

Minħabba li, f’dan il-każ, il-miżuri provviżorji ser ikunu bbażati fuq l-ammont ta’ sussidji kumpensabbli stabbiliti, il-marġini tad-dannu ma ġiex stabbilit.

(386)

Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, ir-rati tad-dazju kompensatorju provviżorju, espressi skont il-prezz CIF fuq il-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju doganali mhux imħallas, huma kif ġej:

Kumpanija (125)

Dazju kompensatorju provviżorju

Guandong Guanhao High-Tech Co.

28,8 %

L-importazzjonijiet l-oħra kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

70,5 %

(125)  L-eżami individwali kkunsidra l-Grupp Guanhao. Madankollu, fi Grupp kien hemm produttur wieħed biss tal-LWTP. Għalhekk, il-miżuri għandhom jiġu imposti fuq kumpanija individwali anki jekk il-marġni ta’ sussidju jinkludi wkoll ċerti sussidji riċevuti minn kumpaniji relatati fil-grupp (kumpaniji omm, fornituri relatati, negozjanti, kumpaniji ta’ finanzjament, eċċ.).

(387)

Billi l-kampjunar f’dan il-każ ġie abbandunat minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-kumpaniji inizjalment inklużi fil-kampjun u l-livell għoli ħafna ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni, ma seta’ jiġi kkalkolat l-ebda dazju medju għall-kumpaniji mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw (ara l-premessa (298) hawn fuq).

(388)

Ir-rata tad-dazju kumpensatorju tal-kumpaniji individwali speċifikata f’dan ir-regolament ġiet stabbilita fuq il-bażi tas-sejbiet ta’ din l-investigazzjoni. Għaldaqstant, dawn jirriflettu l-qagħda ta’ dawn il-kumpaniji li nstabet matul din l-investigazzjoni. Din ir-rata tad-dazju hija applikabbli esklużivament għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat u li huwa magħmul mill-entità legali msemmija. L-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat prodott minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija b’mod speċifiku fil-parti operazzjonali ta’ dan ir-Regolament, inklużi l-entitajiet relatati ma’ dawk speċifikament imsemmija, jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli “għall-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina”.

(389)

Kumpanija tista’ titlob l-applikazzjoni ta’ dawn ir-rati ta’ dazju individwali jekk sussegwentement tibdel l-isem tal-entità tagħha. It-talba trid tkun indirizzata lill-Kummissjoni. It-talba jrid ikun fiha l-informazzjoni rilevanti kollha li turi li l-bidla ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha. Jekk il-bidla fl-isem tal-kumpanija ma taffettwax id-dritt tagħha li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha, jiġi ppubblikat regolament dwar il-bidla fl-isem f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

8.   REĠISTRAZZJONI

(390)

Kif imsemmi fit-Taqsima 1.2, il-Kummissjoni għamlet l-importazzjonijiet tal-LWTP soġġetti għar-reġistrazzjoni. Ir-reġistrazzjoni saret bil-ħsieb li possibbilment jinġabru d-dazji b’mod retroattiv skont l-Artikolu 16(4) tar-Regolament bażiku.

(391)

Fid-dawl tas-sejbiet fl-istadju proviżorju, jenħtieġ li r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet ma titkompliex.

(392)

F’dan l-istadju tal-proċediment ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni dwar il-possibbiltà ta’ applikazzjoni retroattiva tal-miżuri kumpensatorji.

9.   DIVULGAZZJONI

(393)

Il-partijiet interessati ġew infurmati bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li tiġi rakkomandata l-impożizzjoni ta’ dazju kumpensatorju provviżorju fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jipprovdu kummenti dwar il-preċiżjoni tal-kalkoli speċifikament żvelati lilhom.

(394)

Ma wasal l-ebda kumment dwar l-akkuratezza tal-kalkoli.

10.   DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

(395)

Fl-interessi ta’ amministrazzjoni tajba, il-Kummissjoni se tistieden lill-partijiet interessati jippreżentaw kummenti bil-miktub u/jew jitolbu seduta mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Smigħ fil-proċeduri kummerċjali fi żmien skadenza fissa.

(396)

Is-sejbiet li jikkonċernaw l-impożizzjoni ta’ dazji proviżorji huma proviżorji u jistgħu jiġu emendati fl-istadju definittiv tal-investigazzjoni,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju kumpensatorju provviżorju huwa impost fuq l-importazzjonijiet ta’ karta termali ħafifa, definita bħala karta termali li għandha piż bażi ta’ 65 g/m2 jew inqas, li tinbiegħ fuq rombli b’wisa’ ta’ 20 cm jew aktar, li jiżnu 50 kg jew aktar (inkluża l-karta) u b’dijametru ta’ 40 cm jew aktar (“rombli jumbo”); b’kisja fuq naħa waħda jew fuq iż-żewġ naħat jew mingħajr kisja; b’saff fiżiku jew kimiku termosensittiv (jiġifieri, saff li jiżvela immaġni meta tiġi applikata s-sħana) fuq naħa waħda jew fuq iż-żewġ naħat; u bil-kisja ta’ fuq jew mingħajrha, li bħalissa hija kklassifikata taħt il-kodiċijiet NM ex 4809 90 00 , ex 4811 90 00 , ex 4816 90 00 u ex 4823 90 85 (il-kodiċijiet TARIC 4809 90 00 10, 4811 90 00 10, 4816 90 00 10 u 4823 90 85 20), u li toriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

2.   Id-dazju kumpensatorju provviżorju applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u mmanifatturat mill-kumpaniji elenkati hawn taħt għandu jkun kif ġej:

Kumpanija

Dazju kumpensatorju (%)

Kodiċi addizzjonali TARIC

Guandong Guanhao High-Tech Co.

28,8

88FO

L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

70,5

8999

3.   L-applikazzjoni tar-rati individwali tad-dazju kumpensatorju speċifikati għall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 għandha tkun bil-kundizzjoni li tiġi ppreżentata fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li fuqha għandha tidher dikjarazzjoni datata u ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ tali fattura, identifikat b’ismu u l-funzjoni, abbozzata kif ġej: “Jien, is-sottoskritt, niċċertifika li l-(volum f’tunnellati) tal-(prodott ikkonċernat) mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura ġie mmanifatturat minn Guandong Guanhao High-Tech Co, kodiċi addizzjonali TARIC 88FO, fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina]. Niddikjara li l-informazzjoni pprovduta f’din il-fattura hija kompluta u korretta.” Sakemm tiġi ppreżentata fattura bħal din, għandu japplika d-dazju applikabbli għall-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

4.   Ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni tal-prodott imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun soġġett għall-għoti ta’ depożitu ta’ garanzija ekwivalenti għall-ammont tad-dazju provviżorju.

5.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti fis-seħħ rigward id-dazji doganali.

Artikolu 2

1.   Il-partijiet interessati għandhom jippreżentaw il-kummenti tagħhom bil-miktub dwar dan ir-Regolament lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum kalendarju mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

2.   Il-partijiet interessati li jixtiequ jitolbu seduta ta’ smigħ mal-Kummissjoni għandhom jagħmlu dan fi żmien 5 ijiem kalendarji mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

3.   Il-partijiet interessati li jixtiequ jitolbu seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali huma mistiedna jagħmlu dan fi żmien 5 ijiem kalendarji mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jeżamina t-talbiet li jiġu ppreżentati barra dan il-limitu ta’ żmien u jista’ jiddeċiedi jekk jaċċettax tali talbiet jekk ikun xieraq.

Artikolu 3

1.   L-awtoritajiet doganali huma b’dan ordnati li ma jkomplux jirreġistraw l-importazzjonijiet stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/313.

2.   Id-data miġbura fir-rigward ta’ prodotti li jkunu ddaħħlu fl-UE għall-konsum mhux aktar minn 90 jum qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament għandha tinżamm sad-dħul fis-seħħ ta’ miżuri definittivi possibbli, jew sakemm jintemm dan il-proċediment.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Awwissu 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1037/oj.

(2)  Notifika tal-bidu ta’ proċediment antisussidji dwar importazzjonijiet ta’ ċerta karta termali ħafifa li toriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (C/2025/5911, 7.11.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/5911/oj).

(3)  F’dan ir-Regolament, it-terminu “GTĊ” jintuża f’sens wiesa’, u jinkludi l-Ministeri, id-Dipartimenti, l-Aġenziji u l-Amministrazzjonijiet kollha fil-livell ċentrali, reġjonali jew lokali.

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/313 tas-6 ta’ Frar 2026 li jagħmel importazzjonijiet ta’ karta termali ħafifa li toriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU L, C/2026/313, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/313/oj).

(5)  L-email ta’ Henan Xianhe Special App Co., Ltd., li tħabbar nuqqas ta’ kooperazzjoni hija disponibbli fil-fajl taħt in-numru ta’ ssejvjar t25.012076.

(6)  L-email ta’ Gold East Paper Co., Ltd li tħabbar nuqqas ta’ kooperazzjoni hija disponibbli fil-fajl taħt in-numru ta’ ssejvjar t26.000023.

(7)  In-nota dwar il-falliment tal-kampjun hija disponibbli fil-fajl taħt in-numru ta’ ssejvjar t26.000206.

(8)  Il-Kostituzzjoni tar-RPĊ, adottata fl-4 ta’ Diċembru 1982, kif emendata; disponibbli fuq: http://en.moj.gov.cn/2021-06/22/c_634901.htm.

(9)  Ara pereżempju l-Artikoli 1 u 206 tal-Kodiċi Ċivili tar-RPĊ, li skonthom: “Din il-Liġi hija fformulata […] għall-finijiet tal-protezzjoni tad-drittijiet u l-interessi legali tal-persuni ċivili li qed jiżviluppaw is-soċjaliżmu b’karatteristiċi Ċiniżi, u t-tmexxija ‘l quddiem tal-valuri soċjalisti ewlenin” u “[l-]Istat isostni u jtejjeb is-sistemi ekonomiċi soċjalisti fundamentali, bħas-sistema ta’ sjieda li taħtha diversi forom ta’ sjieda jiżviluppaw b’mod konġunt mas-sjieda pubblika bħala l-pedament, is-sistema ta’ distribuzzjoni li taħtha jeżistu flimkien diversi forom ta’ distribuzzjoni mad-distribuzzjoni skont ix-xogħol bħala l-pedament, kif ukoll is-sistema tal-ekonomija tas-suq soċjalista. L-Istat jikkonsolida u jiżviluppa s-settur pubbliku tal-ekonomija, u jinkoraġġixxi, jappoġġa u jiggwida l-iżvilupp tas-settur mhux pubbliku tal-ekonomija. L-Istat jimplimenta ekonomija tas-suq soċjalista […]”; disponibbli fuq: https://www.trans-lex.org/601705/_/civil-code-of-the-peoples-republic-of-china-/. Bl-istess mod, skont l-Artikolu 1 tal-Liġi tal-Kumpaniji tar-RPĊ: “Il-Liġi tal-Kumpaniji tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina […] ġiet ippromulgata sabiex tistandardizza l-organizzazzjoni u l-attivitajiet tal-kumpaniji, tipproteġi d-drittijiet u l-interessi legali tal-kumpaniji, tal-azzjonisti u tal-kredituri, tissalvagwardja l-ordni soċjali u ekonomiku u tippromwovi l-iżvilupp tal-ekonomija tas-suq soċjalista”; disponibbli fuq: http://mg.mofcom.gov.cn/article/policy/201910/20191002905610.shtml..

(10)  Ara l-Artikolu 1 tal-Kostituzzjoni: “Is-sistema soċjalista hija s-sistema fundamentali tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. It-tmexxija mill-Partit Komunista Ċiniż hija l-karatteristika definittiva tas-soċjaliżmu b’karatteristiċi Ċiniżi. Kwalunkwe organizzazzjoni jew individwu huma pprojbiti milli jagħmlu ħsara lis-sistema soċjalista.”

(11)  Ara l-Programm Ġenerali tal-Kostituzzjoni tas-CCP, li skontu: “It-tmexxija tal-Partit Komunista Ċiniż hija l-aktar attribut essenzjali tas-soċjaliżmu b’karatteristiċi Ċiniżi, u l-akbar saħħa ta’ din is-sistema. Il-Partit huwa l-ogħla forza għat-tmexxija politika. Il-Partit jeżerċita tmexxija ġenerali fuq l-oqsma kollha ta’ sforz f’kull parti tal-pajjiż”; disponibbli fuq: https://english.news.cn/20221026/d7fff914d44f4100b6e586372d4060a4/c.html (accessed on 3 June 2024).

(12)  Dwar il-kompożizzjoni tal-Kungress Nazzjonali tal-Poplu u r-relazzjoni tiegħu mal-Partit Komunista Ċiniż, ara pereżempju fuq: https://npcobserver.com/about-npc/.

(13)  Ara hawn: https://www.gov.cn/.

(14)  Ara l-Artikolu 12 tal-Liġi dwar l-Imħallfin tar-RPĊ li jipprevedi li l-imħallfin iridu “[j]araw li tiġi osservata [...] il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, it-tmexxija tal-Partit Komunista taċ-Ċina, u s-sistema soċjalista”; disponibbli fuq: www.npc.gov.cn/englishnpc/c23934/202012/9c82d5dbefbc4ffa98f3dd815af62dfb.shtml#:~:text=Article%201%3A%20This%20Law%20is,in%20accordance%20with%20the%20law.

(15)  Ara l-Artikolu 30 tal-Kostituzzjoni tas-CCP: “Għandha tiġi ffurmata organizzazzjoni tal-Partit fil-livell primarju fi kwalunkwe impriża, […], organu tal-gvern, […] u kwalunkwe livell primarju [organizzazzjoni fejn jaħdmu n-nies] ieħor fejn hemm tliet membri sħaħ tal-Partit jew iktar”.

(16)  Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar Distorsjonijiet Sinifikanti fl-Ekonomija tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-finijiet tal-Investigazzjonijiet għad-Difiża tal-Kummerċ, l-20 ta’ Diċembru 2017, SWD (2017) 483 final/2 (ir-“Rapport dwar iċ-Ċina tal-2017”) — il-Kapitolu 4, p. 41–42, 83. Ara wkoll id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni aġġornat dwar Distorsjonijiet Sinifikanti fl-Ekonomija tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-finijiet tal-Investigazzjonijiet għad-Difiża tal-Kummerċ, 10 ta’ April 2024, SWD (2024) 91 final (ir-“Rapport dwar iċ-Ċina”) – il-Kapitolu 4, pp. 57-59, 99.

(17)  L-Artikoli ta’ assoċjazzjoni tal-ICBC, il-Kapitolu 6, l-Artikoli 52-53; disponibbli fuq: http://v.icbc.com.cn/userfiles/Resources/ICBCLTD/download/2017/gszc_en.pdf. (iċċekkjat l-aħħar fit-23.06.2026).

(18)   Ibid., l-Artikolu 52.

(19)   Ibid., l-Artikolu 53 (3).

(20)   Ibid., l-Artikolu 144.

(21)  L-Artikoli ta’ assoċjazzjoni tal-ABC; disponibbli fuq: https://www.abchina.com/en/investor-relations/corporate-announcements/announcements/201811/W020181126632885896610.pdf. (iċċekkjat l-aħħar fit-23.06.2026).

(22)   https://www.ndrc.gov.cn/xxgk/zcfb/fzggwl/202312/P020231229700886191069.pdf - ara l-paġina 52.

(23)  Ara fuq: https://www.gov.cn/zhengce/content/2015-05/19/content_9784.htm ; Traduzzjoni bl-Ingliż hija disponibbli fuq: https://cset.georgetown.edu/wp-content/uploads/t0432_made_in_china_2025_EN.pdf.

(24)  ISDP, ‘Made in China 2025’, Ġunju 2018, https://isdp.eu/publication/made-china-2025/.

(25)  Ara: https://www.gov.cn/xinwen/2021-03/13/content_5592681.htm. Traduzzjoni bl-Ingliż hija disponibbli fuq: https://cset.georgetown.edu/wp-content/uploads/t0284_14th_Five_Year_Plan_EN.pdf.

(26)  Ara l-Art. LXV, It-Taqsima 1 tal-Pjan.

(27)  Ara l-Art. LXV, It-Taqsima 3 tal-Pjan.

(28)  Ara l-Art. VIII, it-Taqsima 3 tal-Pjan.

(29)  L-aħħar edizzjoni tal-2022 - disponibbli fuq: https://english.shanghai.gov.cn/cmsres/70/70c4357399aa4e49b339a0cd152ddc44/54223085d64d7.

(30)  Ara l-paġna 4.

(31)  Ara p. 13, punt 200.

(32)  Ara p. 16, punt 253.

(33)  Ara p. 5, punt 69.

(34)  Ara p. 18, punt 277.

(35)   https://www.ndrc.gov.cn/fggz/fzzlgh/dffzgh/202104/P020210428644397719082.pdf.

(36)   https://sthjt.hubei.gov.cn/fbjd/zc/zcwj/sthjt/ehh/202204/t20220419_4088112.shtml?utm.

(37)   http://gxt.jiangsu.gov.cn/art/2021/8/25/art_83673_10000511.html.

(38)  Il-NFRA ssostitwiet il-Kummissjoni Regolatorja Bankarja u tal-Assigurazzjoni taċ-Ċina (“CBIRC”) fl-2023.

(39)  Panel Report, China – Broiler Products (Artikolu 21.5 – US), paras. 7.229-7.231. WT/DS427.

(40)  Ara http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/1239/oj, il-premessa (139) fil-ĠU L 325, 5.12.2013, p. 88 (Il-każ tal-pannelli solari) u http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/1690/oj, il-premessa (48) fil-ĠU L, 283, 12.11.2018, p. 7 (Il-każ tat-tajers).

(41)  Bħal, iżda mhux limitati għal: ftehimiet ta’ self, applikazzjonijiet għal self, valutazzjoni interna tal-bank fuq l-applikazzjoni għal self, dokumenti ta’ approvazzjoni ta’ self.

(42)  Il-Liġi tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar l-Assi tal-Intrapriżi tal-Istat, id-Digriet Nru 5 tal-President tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, it-28 ta’ Ottubru 2008, l-Artikolu 11 u 12.

(43)  Il-Liġi tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar ir-Regolamentazzjoni u s-Superviżjoni tal-Industrija Bankarja, l-Ordni Nru 58 tal-President tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-31 ta’ Ottubru 2006.

(44)  Ara pereżempju r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1866 tat-3 ta’ Lulju 2024 li jimponi dazju kumpensatorju provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ vetturi elettriċi ġodda bil-batterija ddisinjati għat-trasport ta’ persuni li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L, 2024/1866, 4.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1866/oj) (il-“każ tal-BEV”).

(45)  WT/DS379/AB/R (US – Dazji Anti-dumping u Kumpensatorji fuq Ċerti Prodotti miċ-Ċina), ir-Rapport tal-Korp tal-Appell tal-11 ta’ Marzu 2011, DS 379, il-paragrafu 318. Ara wkoll WT/DS436/AB/R (US — Carbon Steel (India)), ir-Rapport tal-Korp tal-Appell tat-8 ta’ Diċembru 2014, il-paragrafi 4.9 - 4.10, 4.17 - 4.20 u WT/DS437/AB/R (US – Countervailing Duty Measures on Certain Products from China), ir-Rapport tal-Korp tal-Appell tat-18 ta’ Diċembru 2014, il-punt 4.92.

(46)  WT/DS379/AB/R (US – Dazji Anti-Dumping u Kumpensatorji fuq Ċerti Prodotti miċ-Ċina), ir-Rapport tal-Korp tal-Appell tal-11 ta’ Marzu 2011, DS 379, il-paragrafu 318. Ara wkoll WT/DS436/AB/R (US — Carbon Steel (India)), ir-Rapport tal-Korp tal-Appell tat-8 ta’ Diċembru 2014, il-paragrafi 4.9 - 4.10, 4.17 - 4.20 u WT/DS437/AB/R (United States – Countervailing Duty Measures on Certain Products from China) ir-Rapport tal-Korp tal-Appell tat-18 ta’ Diċembru 2014, il-paragrafu 4.92.

(47)  WT/DS379/AB/R (L-Istati Uniti — Dazji Kompensatorji u Anti-dumping fuq Ċerti Prodotti miċ-Ċina), Rapport tal-Korp tal-Appell tal-11 ta’ Marzu 2011, DS 379, il-paragrafu 297.

(48)  WT/DS379/AB/R (L-Istati Uniti — Dazji Kompensatorji u Anti-dumping fuq Ċerti Prodotti miċ-Ċina), Rapport tal-Korp tal-Appell tal-11 ta’ Marzu 2011, DS 379, il-paragrafu 349.

(49)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1690 tad-9 ta’ Novembru 2018 li jimponi dazji kumpensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti tajers pnewmatiċi, ġodda jew b’wiċċ ġdid, tal-lastiku, tat-tip użat għall-karozzi tal-linja jew għat-trakkijiet u b’indiċi tat-tagħbija li jaqbeż il-121, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1579 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor definittivament id-dazju proviżorji impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti tajers pnewmatiċi, ġodda jew b’wiċċ ġdid, tal-lastiku, tat-tip użat għall-karozzi tal-linja jew għat-trakkijiet, b’indiċi tat-tagħbija li jaqbeż il-121, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/163 (ĠU L 283, 12.11.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/1690/oj), premessi (210) u (211).

(50)  Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni aġġornat dwar Distorsjonijiet Sinifikanti fl-Ekonomija tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-finijiet tal-Investigazzjonijiet għad-Difiża tal-Kummerċ, l-10 ta’ April 2024, SWD (2024) 91 final (ir- “Rapport dwar iċ-Ċina”) — il-Kapitolu 6.3 tas-Settur Bankarju, pp. 137–144.

(51)  Ara wkoll M. Chorzempa, M. u Véron, N., Will China’s impending overhaul of its financial regulatory system make a difference?, PIIE, Marzu 2023, p. 2; disponibbli fuq: https://www.piie.com/sites/default/files/2023-03/pb23-1.pdf.

(52)   Ibidem nota f’qiegħ il-paġna 56.

(53)  Id-digriet tal-Kunsill tal-Istat tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (Nru 283).

(54)   Ara pereżempju fuq: https://www.statista.com/statistics/434566/leading-banks-in-china-assets/.

(55)  Ara l-ICBC, ir-Rapport Annwali 2021; disponibbli fuq file.finance.sina.com.cn/211.154.219.97:9494/MRGG/CNSESH_STOCK/2022/2022-3/2022-03-31/7943541.PDF.

(56)  Ara l-ABC, ir-Rapport Annwali 2021; disponibbli fuq:

https://www.abchina.com/en/investor-relations/performance-reports/annual- reports/202204/P020220427580795705015.pdf.

(57)   https://www.reuters.com/article/us-china-banks-party-idUSKBN1JN0XN.

(58)  Skont il-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tas-CBIRC għal Kwistjonijiet ta’ Liċenzjar Amministrattiv għal Banek Kummerċjali ffinanzjati miċ-Ċina (Ordni tas-CBIRC [2017] Nru 1), il-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tas-CBIRC għal Kwistjonijiet ta’ Liċenzjar Amministrattiv relatati ma’ Banek b’Finanzjament Barrani (Ordni tas-CBIRC [2015] Nru 4) u l-Miżuri Amministrattivi għall-Kwalifiki tad-Diretturi u l-Uffiċjali Anzjani tal-Istituzzjonijiet Finanzjarji fis-Settur Bankarju (CBIRC [2013] Nru 3). Wara li s-CBIRC ġie sostitwit mill-NFRA, il-Miżuri ta’ implimentazzjoni ma ġewx emendati.

(59)  L-Artikolu 13 tal-Avviż dwar ir-Regolamenti ta’ Superviżjoni li jikkonċernaw l-imġiba ta’ azzjonisti kbar ta’ banek u istituzzjonijiet tal-assigurazzjoni (CBIRC, [2021] Nru 43).

(60)  Ara l-Avviż tas-CBIRC dwar il-metodu ta’ evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-banek kummerċjali, maħruġ fil-15 ta’ Diċembru 2020. http://jrs.mof.gov.cn/gongzuotongzhi/202101/t20210104_3638904.htm.

(61)  Ara pereżempju l-każijiet HRF, Tyres u E-bikes.

(62)  Ara r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/969 tat-8 ta’ Ġunju 2017 li jimponi dazji kumpensatorji definittivi fuq importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/649 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 146, 9.6.2017, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/969/oj) (“il-każ HRF”), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1690 (“il-każ Tyres”), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2287 tas-17 ta’ Diċembru 2021 li jimponi dazji kumpensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ fojl tal-aluminju għall-modifikazzjoni li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 458, 22.12.2021, p. 344, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/2287/oj) (“il-każ ACF”), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/776 tat-12 ta’ Ġunju 2020 li jimponi dazji kumpensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu (ĠU L 189, 15.6.2020, p. 33, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/776/oj) (“il-każ GFF”), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/72 tat-18 ta’ Jannar 2022 li jimponi dazji kumpensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ kejbils fibrottiċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 12, 19.1.2022, p. 34, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/72/oj) (“il-każ OFC”), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1866 (“il-każ BEV”), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/796 tal-24 ta’ April 2025 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ tagħmir għall-aċċess mobbli li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/45 li jimponi dazju kumpensatorju provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ vetturi elettriċi ġodda bil-batterija ddisinjati għat-trasport ta’ persuni li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L, 2025/796, 25.4.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/796/oj) (“il-każ MAE”).

(63)   http://www.pbc.gov.cn/zhengcehuobisi/125207/125213/125440/3876551/de24575c/index2.html.

(64)   Ara r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/969 (“il-każ HRF”), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1690 (“il-każ Tyres”), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2287 (“il-każ ACF”) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/776 (“il-każ GFF”), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/72 (“il-każ OFC”), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1866 (“il-każ BEV”), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/796 (“il-każ MAE”).

(65)   WT/DS/296 (DS296 L-Istati Uniti – Investigazzjoni dwar id-dazju kumpensatorju fuq Memorja Dinamika b’Aċċess Każwali (DRAMS) mill-Korea) Rapport tal-Korp tal-Appell tal-21 ta’ Frar 2005, il-paragrafu. 116.

(66)  Ir-rapport tal-Korp tal-Appell, DS 296, il-paragrafu 116.

(67)  Rapport tal-Korp tal-Appell, DS 296, il-para. 115.

(68)  Ir-rapport tal-Korp tal-Appell, DS 296, il-paragrafu 114 li jaqbel mar-Rapport tal-Bord, DS 194, il-paragrafu 8.31. dwar dik il-kwistjoni.

(69)  Ir-Rapport tal-Korp tal-Appell, DS 296, il-paragrafu 115.

(70)  Ara l-każijiet iċċitati qabel fin-nota 80 f’qiegħ il-paġna.

(71)  Dokument ta’ Ħidma tal-FMI “Resolving China Corporate Debt Problem”, ta’ Wojciech Maliszewski, Serkan Arslanalp, John Caparusso, José Garrido, Si Guo, Joong Shik Kang, W. Raphael Lam, T. Daniel Law, Wei Liao, Nadia Rendak, Philippe Wingender, Jiangyan, Ottubru 2016, WP/16/203.

(72)  Livingston, M. Poon, W.P.H. u Zhou, L. (2017). Are Chinese Credit Ratings Relevant? A Study of the Chinese Bond Market and Credit Rating Industry, fil-: Journal of Banking & Finance, p. 24.

(73)  Tagħrif dwar is-suq tal-bonds taċ-Ċina 2021, https://assets.bbhub.io/professional/sites/10/China-bond-market-booklet.pdf,.

(74)  Tagħrif dwar is-suq tal-bonds taċ-Ċina tal-2021, in-Nota 59 f’qiegħ il-paġna, p. 31.

(75)  Price, A.H., Brightbill T.C., DeFrancesco R.E., Claeys, S.J., Teslik, A. u Neelakantan, U. (2017). China’s broken promises: why it is not a market-economy, Wiley Rein LLP, p. 68.

(76)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2287, il-premessi (210) sa (214) (“il-każ tal-Fojl tal-aluminju”), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/969, il-premessi (159) sa (161), (“il-każ HRF”), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1690, il-premessi (239) sa (241) (“il-każ Tyres”), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/776, il-premessi (279) sa (284) (“il-każ GFF”), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/72, il-premessi (274) sa (279) (“il-każ OFC”) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1866, il-premessi (474) sa (478) (“il-każ BEV”) .

(77)  Ara r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/72, in-nota 71 f’qiegħ il-paġna.

(78)  Disponibbli fuq https://ch.allianzgi.com/-/media/allianzgi/globalagi/china-microsite/9-things-to-know/9-things-to-know-about-chinas- bond-markets.pdf.

(79)  Ara l-Istħarriġ Ekonomiku tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD, Organisation for Economic Co-operation and Development): Iċ-Ċina, Marzu 2022, p. 34-35; disponibbli fuq: https://www.oecd-ilibrary.org/docserver/b0e499cf-en.pdf.

(80)  Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar Distorsjonijiet Sinifikanti fl-Ekonomija tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-finijiet tal-Investigazzjonijiet għad-Difiża tal-Kummerċ, 10 ta’ April 2024, SWD (2024) 91 final (ir-“Rapport dwar iċ-Ċina”) – Kapitolu 6, pp. 156-160.

(81)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2287, il-premessa (237) (“Il-każ tal-fojl tal-aluminju”), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/969, il-premessi (152) sa (244) (“il-każ tal-HRF”), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1690, il-premessa (236) (“il-każ tat-Tajers”), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/776, il-premessa (300) (“il-każ tal-GFF”), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/72, il-premessa (294) (“il-każ tal-OFC”), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1866, il-premessa (490) (“il-każ tal-BEV”) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/796 , il-premessa (190), (“il-każ tal-MAE”).

(82)  Fil-każ ta’ self b’imgħax fiss. Għal self b’rata tal-imgħax varjabbli, ittieħdet ir-rata normattiva tal-imgħax tal-PBOC matul il-PI.

(83)   https://www.bde.es/f/webbde/SES/Secciones/Publicaciones/PublicacionesSeriadas/DocumentosTrabajo/08/Fic/dt0821e.pdf.

(84)   https://www.bankofcanada.ca/wp-content/uploads/2018/06/SDP-2018-6.pdf.

(85)  Ara l-premessa (346) tal-każ tal-GFF u l-premessa (530) tal-każ tal-BEV (ir-Regolament provviżorju).

(86)  Ara pereżempju: https://en.wikipedia.org/wiki/Line_of_credit, https://users.ssc.wisc.edu/~jchoi266/Choi_Jason_JMP.pdf, https://pages.stern.nyu.edu/~sternfin/vacharya/public_html/pdfs/working-papers/ARFE_ContingentCredit_AJS.pdfARFE_ContingentCredit_AJS.pdf (nyu.edu), https://www.business.hsbc.uk/-/media/library/business-uk/pdfs/156-business-banking-price-list.pdf.

(87)  Ara l-eżempju tal-Bank of China: Linja ta’ Kreditu https://www.bankofchina.com/en/cbservice/cb2/cb22/200806/t20080630_1324055.html (bankofchina.com).

(88)   https://www.metrobankonline.co.uk/business/borrowing/products/business-overdrafts/ ikkonsultat fl-24.02.2025.

(89)  Ara l-premessa (413) sa (419) tal-każ tal-GFF.

(90)  Ara l-premessa (413) sa (419) tal-każ tal-GFF.

(91)  Studju tal-OECD dwar il-politiki u l-programmi Ċiniżi dwar il-kreditu għall-esportazzjoni, paġna 7, il-paragrafu 32, disponibbli fuq https://www.oecd.org/ officialdocuments/publicdisplaydocumentpdf/?cote=TAD/ECG(2015)3&doclanguage=en, aċċessat l-aħħar fit-18 ta’ Awwissu 2021.

(92)  Ara s-sit web Sinosure, Profil tal-kumpanija, Appoġġ lil “Made in China”, https://www.sinosure.com.cn/en/Resbonsiblity/smic/index. shtml, aċċessat l-aħħar fis-17 ta’ Awwissu 2021.

(93)  Ara l-każ Tyres, iċċitat fin-nota f’qiegħ il-paġna 5, il-premessa 429.

(94)   https://www.sinosure.com.cn/en/Sinosure/Profile/index.shtml, aċċessat l-aħħar fit-18 ta’ Awwissu 2021.

(95)   http://www.mMAEom.gov.cn/aarticle/b/g/200411/20041100300040.html, aċċessat l-aħħar fit-12 ta’ Awwissu 2021.

(96)  Rapport Annwali ta’ Sinosure 2023, p. 3.

www.sinosure.com.cn/images/xwzx/ndbd/2024/07/09/961D4764432B71CF10660C000F29D9F9.pdf.

(97)  Ir-Rapport Annwali tal-2024 ta’ Sinosure pprovdut mill-GTĊ bħala l-esibit C-32 ma jinkludix rapport finanzjarju.

(98)  98/C 394/04 (ĠU C 394, 17.12.1998, p. 6).

(99)  G/SCM/W/Rev.2*.

(100)  Rapport IV tal-Bord tal-Injam Artab, il-paragrafi 7.23-7.24.

(101)  Ir-rapport tal-Bord tad-WTO, l-Istati Uniti - Preliminary Determinations With Respect To Certain Softwood Lumber From Canada, WT/DS236/R, il-paragrafi 5.4 et seq., (adottat fl-1 ta’ Novembru 2002).

(102)  Ara l-Liġi dwar l-Amministrazzjoni tal-Artijiet tar-RPĊ tal-25 ta’ Ġunju 1986, kif emendata, disponibbli fuq: https://www.fao.org/faolex/results/details/en/c/LEX-FAOC003560.

(103)  Ara r-Regolament dwar l-Implimentazzjoni tal-Liġi dwar l-Amministrazzjoni tal-Artijiet tar-RPĊ tas-27 ta’ Diċembru 1998, kif emendat, disponibbli fuq: https://www.fao.org/faolex/results/details/en/c/LEX-FAOC170451.

(104)  Ara https://law.pkulaw.com/chinalaw/d8db5e659bc282b9bdfb.html.

(105)  See https://law.pkulaw.com/chinalaw/66cde758ad66f43bbdfb.html.

(106)  Ara https://law.pkulaw.com/chinalaw/6ef282863f024c04bdfb.html.

(107)  Ara https://law.pkulaw.com/chinalaw/58891db210496a5fbdfb.html?keyword=%E5%9B%BD%E6%9C%89%E5%BB%BA%E8%AE%BE%E7%94%A8%E5%9C%B0%E4%BD%BF%E7%94%A8%E6%9D%83.

(108)  Ara https://www.gov.cn/zwgk/2006-09/05/content_378186.htm.

(109)  Ara l-premessi (295) sa (299) tal-każ HRF, il-premessi (488) sa (490) tal-każ Tyres, il-premessi (500) sa (502) tal-każ GFF, il-premessi (541) sa (543) tal-każ OFC, il-premessi (540) sa (548) tal-każ ACF, il-premessi (681) sa (683) tal-każ BEV.

(110)  Ara l-każ Tyres, il-każ GFF, il-każ OFC, u l-każ ACF.

(111)  Ikkonfermata mill-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-444/11 Gold East Paper u Gold Huacheng Paper versus Council, Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Settembru 2014 ECLI:EU:T:2014:773.

(112)  Ara l-każijiet GFF, OCS, tal-pannelli solari, OFC u BEV.

(113)   https://lvr.land.moi.gov.tw.

(114)  Ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq l-Introjtu tal-Intrapriżi tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (Riveduta fl-2019) - Ordni tal-Kunsill tal-Istat tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina Nru. 714.

(115)   http://kj.quanzhou.gov.cn/wsbs/xgxz/201703/t20170322_431820.htm.

(116)  Ara r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1690 (“Il-każ Tyres”), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2287 (“il-każ ACF”), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/776 (“il-każ tal-GFF”), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/72 (“il-każ OFC”), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2754 tad-29 ta’ Ottubru 2024 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ vetturi elettriċi ġodda bil-batterija ddisinjati għat-trasport ta’ persuni li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L, 2024/2754, 29.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2754/oj) (“il-każ BEV”) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/796 (“il-każ MAE”).

(117)  Kien hemm sitt produtturi sa tmiem l-2024, meta wieħed waqqaf l-operazzjonijiet minħabba proċedimenti ta’ insolvenza.

(118)  It-Tabella 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1330 tad-29 ta’ Ġunju 2023 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerta karta termali ħafifa li toriġina mir-Repubblika tal-Korea wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 166, 30.6.2023, p.76, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/1330/oj), liema ambitu tal-prodott huwa kemxejn idjaq minn dak f’din l-investigazzjoni.

(119)   https://www.euwid-paper.com/news/companies/mitsubishi-hitec-paper-to-cut-jobs-at-bielefeld-site-090425/.

(120)  Fid-dawl tat-tabella 8 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1330, fil-perjodu 2018–2021 il-kost unitarju tal-produzzjoni ta’ prodott simili qatt ma kien aktar minn EUR 1 557/tunnellata.

(121)   https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/SEPDF/cache/3784.pdf.

(122)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2005 tas-16 ta’ Novembru 2016 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerta karta termali ħafifa li toriġina mir-Repubblika tal-Korea (ĠU L 310, 17.11.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/2005/oj, premessa (140).

(123)  Ara r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1330.

(124)  It-Tabella 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1330.

(125)  L-eżami individwali kkunsidra l-Grupp Guanhao. Madankollu, fi Grupp kien hemm produttur wieħed biss tal-LWTP. Għalhekk, il-miżuri għandhom jiġu imposti fuq kumpanija individwali anki jekk il-marġni ta’ sussidju jinkludi wkoll ċerti sussidji riċevuti minn kumpaniji relatati fil-grupp (kumpaniji omm, fornituri relatati, negozjanti, kumpaniji ta’ finanzjament, eċċ.).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/1914/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)