|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/260 |
11.2.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/260
tal-10 ta’ Frar 2025
li jagħmel importazzjonijiet ta’ alumina fuża li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġetti għar-reġistrazzjoni
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,
Wara li informat lill-Istati Membri,
Billi:
|
(1) |
Fil-21 ta’ Novembru 2024, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) ħabbret, permezz ta’ notifika ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2), il-bidu ta’ proċediment anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ alumina fuża li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (‘Ir-RPĊ’). |
|
(2) |
Dan il-bidu segwa lment imressaq fid-9 ta’ Ottubru 2024 minn Imerys S.A. f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-alumina fuża. |
1. PRODOTT SOĠĠETT GĦAR-REĠISTRAZZJONI
|
(3) |
Il-prodott soġġett għar-reġistrazzjoni (“il-prodott ikkonċernat”) huwa korundun artifiċjali, kemm jekk definit kimikament kif ukoll jekk le, magħruf ukoll bħala alumina fuża, attwalment ikklassifikat taħt il-kodiċijiet NM 2818 10 11 , 2818 10 19 , ex 2818 10 91 , u 2818 10 99 (kodiċijiet TARIC 2818 10 91 20, 2818 10 91 90) u li joriġina mir-RPĊ. Il-kodiċijiet SA, NM u TARIC huma pprovduti għall-fini ta’ informazzjoni biss u mingħajr preġudizzju għal bidla sussegwenti fil-klassifikazzjoni tariffarja. |
|
(4) |
Madankollu, il-kurindun artifiċjali li bħalissa huwa kklassifikat taħt il-kodiċi TARIC 2818 10 91 30 (jiġifieri l-kurindun sinterizzat bi struttura mikrokristallina li tikkonsisti minn ossidu tal-aluminju (CAS RN 1344-28-1) u aluminat tal-manjeżju (CAS RN 12068-51-8) b’kontenut skont il-piż (ikkalkulat bħala ossidi) ta’ 92 % jew aktar, iżda mhux aktar minn 94 % ta’ ossidu tal-aluminju, u 7 % (± 1 %) ta’ ossidu tal-manjeżju) mhuwiex parti mill-prodott li qed jiġi investigat. It-taħlitiet mekkaniċi tal-kurindun artifiċjali u ta’ sustanzi oħra, li bħalissa huma kklassifikati taħt l-intestatura 3824 , ukoll mhumiex parti mill-prodott li qed jiġi investigat. |
2. REĠISTRAZZJONI
|
(5) |
Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat jistgħu jsiru soġġetti għal reġistrazzjoni bl-għan li jiġi żgurat li, jekk l-investigazzjoni tirriżulta f’sejbiet li jwasslu għall-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping, dawk id-dazji jistgħu, jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet meħtieġa, jiġu imposti retroattivament fuq l-importazzjonijiet irreġistrati skont id-dispożizzjonijiet legali applikabbli. |
|
(6) |
Il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħmel l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat soġġetti għal reġistrazzjoni fuq inizjattiva tagħha stess skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku. Il-kundizzjonijiet għall-ġbir retroattiv tad-dazji se jiġu vvalutati fir-regolament li jimponi dazji definittivi, jekk ikun hemm. |
|
(7) |
Kull obbligazzjoni fil-futur tiġi mis-sejbiet tal-investigazzjoni anti-dumping. |
|
(8) |
L-allegazzjonijiet fl-ilment li jitlob il-bidu ta’ investigazzjoni anti-dumping jistmaw marġnijiet tad-dumping ta’ bejn 97 % u 215 % u livell medju ta’ eliminazzjoni tad-dannu ta’ bejn 100 % u 200 % għall-prodott ikkonċernat għall-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2023 sat-30 ta’ Settembru 2024. L-ammont ta’ obbligazzjoni futura possibbli normalment jiġi stabbilit fl-aktar livell baxx ta’ dawk iż-żewġ livelli f’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku. |
|
(9) |
Jekk, matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni ssib evidenza ta’ distorsjonijiet fil-materja prima skont l-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku, l-ammont ta’ obbligazzjoni futura possibbli jiġi stabbilit fil-livell tal-marġni tad-dumping kif previst fl-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku jekk jiġi konkluż li dazju aktar baxx mill-marġni tad-dumping ma jkunx biżżejjed biex jitneħħa d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. |
|
(10) |
F’dan l-istadju, il-Kummissjoni mhijiex f’pożizzjoni li tagħti stima tal-ammont ta’ obbligazzjoni futura possibbli. Għalhekk, l-ammonti msemmija fl-ilment huma biss għal skopijiet ta’ informazzjoni u ma jistgħux joħolqu aspettattivi dwar il-livell attwali ta’ obbligazzjoni li se jiġi stabbilit bħala riżultat tal-investigazzjoni. |
3. IPPROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI
|
(11) |
Kwalunkwe data personali miġbura fil-kuntest ta’ din ir-reġistrazzjoni se tiġi ttrattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. L-awtoritajiet doganali huma b’dan ordnati, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036, biex jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ alumina fuża, li bħalissa hija kklassifikata taħt il-kodiċijiet NM 2818 10 11 , 2818 10 19 , ex 2818 10 91 , u 2818 10 99 (kodiċi TARIC 2818 10 91 20, 2818 10 91 90) u li toriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.
2. L-importazzjonijiet tal-kurindun artifiċjali li bħalissa huwa kklassifikat taħt il-kodiċi TARIC 2818 10 91 30 (jiġifieri l-kurindun sinterizzat bi struttura mikrokristallina li tikkonsisti minn ossidu tal-aluminju (CAS RN 1344-28-1) u aluminat tal-manjeżju (CAS RN 12068-51-8) b’kontenut skont il-piż (ikkalkulat bħala ossidi) ta’ 92 % jew aktar, iżda mhux aktar minn 94 % ta’ ossidu tal-aluminju, u 7 % (± 1 %) ta’ ossidu tal-manjeżju) mhuwiex parti mill-prodott li qed jiġi investigat. L-importazzjonijiet ta’ taħlitiet mekkaniċi ta’ korundun artifiċjali u sustanzi oħra, li bħalissa huma kklassifikati taħt l-intestatura 3824 , lanqas mhuma soġġetti għar-reġistrazzjoni.
3. Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Frar 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.
(2) ĠU C, C/2024/7049, 21.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/7049/oj.
(3) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/260/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)