52009PC0406

Proposta għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi programm ta' dokumentazzjoni tal-qbid għat-tonn Thunnus thynnus u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1984/2003 /* KUMM/2009/0406 finali - CNS 2009/0116 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 3.8.2009

KUMM(2009) 406 finali

2009/0116 (CNS)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jistabbilixxi programm ta' dokumentazzjoni tal-qbid għat-tonn Thunnus thynnus u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1984/2003

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

Bħala parti mill-miżuri għar-regolazzjoni tal-istokkijiet tat-tonn, it-titjib tal-kwalità u l-kredibilità tad-dejta tal-istatistika u l-prevenzjoni, id-deterrenza u l-eliminazzjoni tas-sajd illegali, il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (l-ICCAT), fil-laqgħa annwali tagħha f'Marrakesh (il-Marokk), fl-24 ta' Novembru 2008, adottat ir-Rakkomandazzjoni Nru 08-12 li temenda r-Rakkomandazzjoni Nru 07-10 dwar programm ta' dokumentazzjoni dwar il-qbid tat-tonn. Din ir-Rakkomandazzjoni daħlet fis-seħħ fis-17 ta' Ġunju 2009.

Il-programm ta' dokumentazzjoni dwar il-qbid tat-tonn adottat mill-ICCAT jitratta prinċipalment l-impatt ta' sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat fiż-żona. Konsegwentement, jirrifletti l-bżonn għal kontroll aħjar u aktar strett fl-istadji kollha involuti fis-sajd għat-tonn u għall-adozzjoni ta' miżuri mmirati sabiex ikunu ta' appoġġ għall-implimentazzjoni tar-regoli ta' konservazzjoni u ġestjoni kif ukoll għar-riċerka xjentifika dwar it-tonn. Il-programm ta' dokumentazzjoni jirrikonoxxi l-istat tal-istokkijiet tat-tonn, l-impatt li fatturi tas-suq għandhom fuq is-sajd u jqis il-pjan ta' rkupru għat-tonn tal-Lvant tal-Atlantiku u tal-Mediterran (ir-Rakkomandazzjoni 08-05) li l-ICCAT adottat fl-2008, inkluż il-bżonn għal miżuri komplementari relatati mas-suq.

Madankollu, l-ambitu tar-Rakkomandazzjoni 08-12 tal-ICCAT huwa wiesa' ħafna u, sabiex ikun hemm kontroll effettiv tal-moviment tat-tonn, huwa vitali li jkun hemm traċċar strett tal-prodott mill-mument meta jinqabad, tul il-katina operattiva kollha, sal-mument finali tal-kummerċjalizzazzjoni. F'dan ir-rigward, il-verifika u l-kooperazzjoni bejn l–Istati Membri u l-Partijiet Kontraenti mal-ICCAT involuti fil-kummerċ tat-tonn jikkostitwixxu dispożizzjonijiet importanti ħafna tal-programm ta' dokumentazzjoni tal-ICCAT dwar il-qbid tat-tonn.

Il-programm statistku attwali tal-ICCAT dwar it-tonn, li jkopri biss l-importazzjoni u l-esportazzjoni, ma kienx iddiżinjat sabiex jipprovdi mekkaniżmu li joffri kontroll dirett fuq is-sajd tat-tonn. Sabiex ikun żgurat li d-dispożizzjonijiet tal-programm ta' dokumentazzjoni tal-ICCAT dwar il-qbid tat-tonn ikunu interpretati aktar faċilment u applikati b'mod uniformi, id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 1984/2003 li jintroduċu sistema għall-monitoraġġ statistiku tal-kummerċ tat-tonn, tal-pixxispad u t-tonn ta' għajnu kbira fil-Komunità għandhom jitħassru u jinbidlu minn dan ir-Regolament.

2009/0116 (CNS)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

ta' […]

li jistabbilixxi programm ta' dokumentazzjoni tal-qbid għat-tonn Thunnus thynnus u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1984/2003

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[2],

Billi:

1. Il-Komunità hija parti kontraenti tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-10 ta' Diċembru 1982 dwar il-Liġi tal-Baħar, approvata mid-Direttiva 98/392/KE[3], il-Ftehim ratifikat bid-Deċiżjoni 98/414/KE[4] dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dik il-Konvenzjoni rigward il-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-istokk tal-ħut transżonali u ta' ħut li jpassi ħafna u l-Ftehim li jippromwovi l-osservanza tal-miżuri internazzjonali ta' konservazzjoni u maniġġjar [ġestjoni] mill-bastimenti tas-sajd fl-ibħra internazzjonali aċċettata bid-Deċiżjoni 96/428/KE[5]. F'dak il-qasam ta' obligazzjonijiet internazzjonali, il-Komunità tipparteċipa fl-isforzi magħmula sabiex tkun żgurata ġestjoni sostenibbli tal-istokkijiet tal-ħut li jpassi ħafna.

2. Il-Komunità saret parti kontraenti mal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku skont id-Deċiżjoni 86/238/KEE[6]. Din il-Konvenzjoni tipprovdi għal qafas ta' kooperazzjoni reġjonali dwar il-konservazzjoni u l-ġestjoni tat-tonn u speċijiet li jixbħu t-tonn fl-Oċean Atlantiku u l-ibħra ta’ madwaru billi stabbiliet Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT), u għall-adozzjoni ta' rakkomandazzjonijiet fiż-żona tal-Konvenzjoni li jorbtu lill-partijiet kontraenti u partijiet mhux kontraenti li jikkooperaw (CPCs).

3. Ir-Rakkomandazzjonijiet ICCAT 1992-01, 1993-03, 1996-10, 1997-04, 1998-12, 03-19 u 06-15 u r-riżoluzzjonijiet 1993-02, 1994-04 u 1994-05 dwar il-programm ta' dokument statistiku għat-tonn ġew implimentati bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1984/2003 tat-8 ta’ April 2003 li jintroduċi sistema għall-monitoraġġ ta’ statistika tal-kummerċ fit-tonn aħmar, pixxispad u tonn alalunga [dwar it-tonn, il-pixxispad u t-tonn ta' għajnu kbira] fil-Komunità[7].

4. Bħala parti mill-miżuri għar-regolazzjoni tal-istokkijiet tat-tonn, it-titjib tal-kwalità u l-kredibilità tad-dejta tal-istatistika u l-prevenzjoni, id-deterrenza u l-eliminazzjoni tas-sajd illegali, l-ICCAT, fil-laqgħa annwali tagħha f'Marrakesh (il-Marokk), fl-24 ta' Novembru 2008, adottat ir-Rakkomandazzjoni 08/12 li temenda r-Rakkomandazzjoni 07-10 dwar programm ta' dokumentazzjoni tal-ICCAT dwar il-qbid tat-tonn . Peress li din ir-Rakkomandazzjoni se tidħol fis-seħħ fis-17 ta' Ġunju 2009, jeħtieġ li tkun implimentata mill-Komunità.

5. Sabiex ikun żgurat li d-dispożizzjonijiet ta' programm ta' dokumentazzjoni tal-ICCAT dwar il-qbid tat-tonn ikunu faċli biex jinqraw u applikati b'mod uniformi, id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 1984/2003 rigward dokument ta' statistika tat-tonn tal-ICCAT u ċertifikati ta’ riesportazzjoni għandhom jitħassru.

6. Ir-Regolament (KE) Nru 1984/2003 għandu, għalhekk, ikun emendat kif xieraq,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1 Suġġett u ambitu

Dan ir-Regolament jistabbilixxi programm ta' dokumentazzjoni dwar il-qbid tat-tonn tal-Komunità sabiex jappoġġa l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni adottati mill-Kummissjoni Internazzjoni għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT).

Artikolu 2 Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) "Tonn": tfisser ħut tal-ispeċi Thunnus thynnus li qiegħed fil-kodiċijiet elenkati fl-Anness I;

(b) "Kummerċ domestiku" tfisser

(i) il-kummerċ ta' tonn maqbud fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT minn bastiment jew nassa tal-qbid tal-Komunità, li jinħatt fit-territorju tal-Istat Membru li l-bastiment itajjar il-bandiera tiegħu jew fejn in-nassa hija stabbilita, u

(ii) il-kummerċ ta' tonn imrobbi li ġej minn tonn maqbud fiż-żona ta' Konvenzjoni tal-ICCAT minn bastiment tal-qbid tal-Komunità li jtajjar l-istess bandiera tal-Istat Membru fejn huwa stabbilit il-farm, fejn it-tonn imbagħad jiġi fornut lil kwalunkwe entità f'dak l-Istat Membru, u

(iii) il-kummerċ bejn l-Istati Membri ta' tonn maqbud fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT minn bastimenti tal-qbid tal-Komunità li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru jew minn nassa stabbilita fi Stat Membru.

(c) "Esportazzjoni": tfisser kull moviment lejn pajjiż terz ta' tonn maqbud fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT minn bastiment tal-qbid jew nassa tal-Komunità, inkluż mit-territorju tal-Komunità, minn pajjiżi terzi jew minn żoni tas-sajd;

(d) "Importazzjoni": tfisser l-introduzzjoni fit-territorju tal-Komunità, inkluż għal finijiet ta' żamma f'gaġeġ, tismin, ħsad jew trażbord, tat-tonn maqbud fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT minn bastiment tal-qbid jew nassa ta' pajjiż terz;

(e) "Esportazzjoni mill-ġdid": tfisser kull moviment mit-territorju tal-Komunità tat-tonn li kien impurtat qabel fit-territorju tal-Komunità.

(f) "Żona tal-Konvenzjoni": tfisser iż-żona identifikata mill-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku approvata bid-Deċiżjoni 86/238/KEE;

(g) "Stat Membru tal-bandiera" tfisser l-Istat Membru li l-bastiment tal-qbid qed itajjar il-bandiera tiegħu;

(h) "Stat Membru tan-Nassa" tfisser l-Istat Membru fejn in-nassa hija stabbilita;

(i) "Stat Membru tal-Farm" tfisser l-Istat Membru fejn il-farm huwa stabbilit;

(j) "CPCs" tfisser il-partijiet kontraenti, il-Partijiet mhux kontraenti, l-entitajiet u l-entitajiet tas-sajd li jikkooperaw.

KAPITOLU IIDOKUMENT TAL-QBID TAT-TONN

Artikolu 3 Dispożizzjonijiet ġenerali

1. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu dokument komplet tal-qbid tat-tonn (minn issa 'l quddiem – "dokument tal-qbid") għal kull tonn li jinħatt fil-portijiet tagħhom, mogħtija lil, u maħsuda mill-farms tagħhom.

2. Kull kunsinna ta' tonn kummerċjalizzata domestikament, impurtata fi jew esportata jew riesportata mit-territorju tal-Komunità għandha tkun akkumpanjata minn dokument validu tal-qbid, bl-eċċezzjoni ta' każijiet fejn japplika l-Artikolu 4, il-paragrafu 3 u, kif applikabbli, minn dikjarazzjoni ta' trasferiment tal-ICCAT jew ċertifikat validu ta' riesportazzjoni tat-tonn (magħruf hawn bħala "ċertifikat ta' riesportazzjoni").

Għandu jkun ipprojbit kull ħatt, trasferiment, kunsinna, ħsad, kummerċ domestiku, importazzjoni, esportazzjoni jew riesportazzjoni ta' tonn mingħajr dokument tal-qbid jew ċertifikat ta' riesportazzjoni komplet u validu.

3. L-Istati Membri ma għandhomx iqiegħdu t-tonn:

(a) ġewwa farm li mhux awtorizzat mill-Istat Membru jew partijiet kontraenti, Partijiet mhux kontraenti, entitajiet u entitajiet tas-sajd li jikkooperaw (CPCs) jew li mhux elenkati fir-reġistru tal-ICCAT tal-faċilitajiet awtorizzati għat-trobbija biex joperaw fit-trobbija tat-tonn maqbud fiż-żona ta' Konvenzjoni tal-ICCAT,

(b) minn snin, Stati Membri jew CPCs differenti fl-istess gaġeġ sakemm ma jkunx hemm miżuri effettivi sabiex ikun determinat l-Istat Membru jew CPC tal-oriġini u s-sena tal-qbid.

4. L-Istati Membri għandhom jipprovdu formoli tad-dokument tal-qbid biss lill-bastimenti tal-qbid u lin-nases tagħhom li huma awtorizzati jistadu għat-tonn fiż-żona tal-Konvenzjoni, inkluż bħala qbid sekondarju. Formoli bħal dawn ma għandhomx ikunu trasferibbli.

5. Kull formola tad-dokument tal-qbid għandha jkollha numru ta' identifikazzjoni uniku għad-dokument. In-numri tad-dokumenti għandhom ikunu speċifiċi għall-bandiera jew nassa tal-Istat Membru u mogħtija lil kull bastiment tal-qbid jew nassa.

6. Kopji tad-dokument tal-qbid għandhom isegwu kull parti tal-ġarr maqsum jew prodott ipproċessat, bl-użu ta' numru uniku tad-dokument tal-qbid oriġinali sabiex ikunu jistgħu jiġu intraċċati.

7. Il-kummerċ domestiku, l-esportazzjoni, l-importazzjoni u r-riesportazzjoni ta' partijiet tal-ħut minbarra l-laħam (jiġifieri l-irjus, l-għajnejn, l-isperma jew bajd tal-ħut, l-imsaren u d-dnieb) għandhom ikunu eżenti mill-ħtiġijiet ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 4 Validazzjoni

1. Il-kaptani tal-bastimenti tal-qbid, l-operaturi tan-nases, l-operaturi tal-farms, il-bejjiegħa, l-esportaturi, jew ir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom, għandhom jimlew dokument tal-qbid billi jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa fit-taqsimiet xierqa u jitolbu l-validazzjoni tagħha skont il-paragrafu 2 kull darba li jħottu, jittrasferixxu, irabbu, jittrażbordaw, jikkumerċjalizzaw domestikament jew jesportaw it-tonn.

2. Id-dokument tal-qbid għandu jkun validat minn awtorità kompetenti tal-Istat Membru li tiegħu hija l-bandiera, in-nassa jew li fih hemm il-farm jew l-Istat Membru fejn huwa stabbilit il-bejjiegħ jew l-esportatur. L-Istati Membri għandhom jivvalidaw id-dokument tal-qbid għat-tonn kollu biss fejn:

(a) bastiment tal-qbid itajjar il-bandiera tal-Istat Membru jew nassa jew farm huwa stabbilit fl-Istat Membru li rabba t-tonn, jew meta l-bastiment tal-qbid qed jopera taħt ftehim ta' kiri minn awtorità kompetenti jew istituzzjoni tal-Istat Membru li qed jikru jew CPC,

(b) l-informazzjoni kollha misjuba fid-dokument tal-qbid ġiet stabbilita bħala waħda preċiża bħala riżultat tal-verifika tal-kunsinna,

(c) l-ammonti totali biex jiġu validati huma ġewwa l-kwoti jew il-limiti ta' qbid tagħhom ta' kull sena ta' ġestjoni, inklużi, fejn xieraq, kwoti individwali mogħtija lill-bastimenti tal-qbid jew lin-nases, u

(d) it-tonn huwa konformi mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-miżuri ta' konservazzoni u ġestjoni tal-ICCAT.

3. Il-validazzjoni taħt il-paragrafu 2(a) ma għandhiex tkun meħtieġa jekk it-tonn kollu disponibbli għall-bejgħ ikun itteggjat, kif riferit fl-Artikolu 5, mill-Istat Membru tal-bandiera jew in-nassa li stadu għat-tonn.

4. Fejn il-kwantitajiet tat-tonn li nqabad u nħatt huwa inqas minn tunnellata jew tliet ħutiet, il-ġurnal ta' abbord jew in-nota ta' bejgħ jistgħu jintużaw bħala dokument tal-qbid temporanju, sakemm issir il-validazzjoni tad-dokument tal-qbid fi żmien sebat ijiem u qabel il-kummerċ domestiku jew l-esportazzjoni.

5. Dokument ta' qbid validu għandu jinkludi, kif xieraq, l-informazzjoni stipulata fl-Anness II.

6. Mudell ta' dokument tal-qbid jinsab fl-Anness III. F'każijiet fejn taqsima mill-mudell tad-dokument tal-qbid ma tipprovdix biżżejjed spazju biex jimtela l-moviment tal-intraċċar tat-tonn mill-qbid għall-kummerċ, it-taqsima tal-informazzjoni meħtieġa tista' tiġi mwessa' kif meħtieġ u mehmuża bħala anness. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha tivvalida l-anness kemm jista' jkun malajr, iżda mhux wara l-moviment li jkun imiss tat-tonn.

Artikolu 5 Itteggjar

1. L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-bastimenti tal-qbid jew in-nases tagħhom jitteggjaw kull tonn, preferibbilment fil-ħin li jinqatlu, iżda mhux aktar tard minn meta jinħattu. It-tags (termini elettroniċi) għandu jkollhom numri uniċi speċifiċi tal-Istat Membru u jkunu reżistenti għat-tbagħbis. Għandu jkun hemm rabta bejn in-numru tat-tag u d-dokument tal-qbid.

2. Sinteżi tal-implimentazzjoni tal-programm l-itteggjar għandu jkun ippreżentat lill-Kummissjoni mill-Istati Membri konċernati.

3. L-użu ta' tags għandu jkun awtorizzat biss meta l-ammonti totali tal-qbid ma jkunux qabżu l-kwoti jew il-limiti tal-qbid tagħhom ta' kull sena ta' ġestjoni, inklużi, fejn xieraq, kwoti individwali mogħtija lill-bastimenti jew lin-nases.

KAPITOLU III ĊERTIFIKAT TA' RIESPORTAZZJONI TAT-TONN

Artikolu 6 Dispożizzjonijiet ġenerali

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull kunsinna ta' tonn li tiġi riesportata mit-territorju tagħhom tkun akkumpanjata minn ċertifikat ta' riesportazzjoni validat.

F'każijiet fejn tonn imrobbi huwa importat ħaj, iċ-ċertifikat ta' riesportazzjoni ma japplikax.

2. L-operatur responsabbli mir-riesportazzjoni għandu jimla ċ-ċertifikat ta' riesportazzjoni billi jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa fit-taqsimiet ix-xierqa u jitlob il-validazzjoni tagħha sabiex il-kunsinna tat-tonn tkun riesportata. Iċ-ċertifikat ta' riesportazzjoni komplet għandu jkun akkumpanjat minn kopja tad-dokument(i) ta' qbid validat(i) relatati mat-tonn li kien ġie importat qabel.

Artikolu 7 Validazzjoni tar-riesportazzjoni

1. Iċ-ċertifikat ta' riesportazzjoni għandu jkun validat mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru.

2. L-awtortità kompetenti għandha tivvalida ċ-ċertifikat ta' riesportazzjoni għall-prodotti tat-tonn kollha meta:

(a) jkun stabbilit li l-informazzjoni kollha misjuba fiċ-ċertifikat ta' riesportazzjoni tkun preċiża,

(b) id-dokument(i) tal-qbid validat(i) ppreżentat(i) b'appoġġ għaċ-ċertifikat ta' riesportazzjoni ġew aċċettati għall-importazzjoni tal-prodotti dikjarati fuq iċ-ċertifikat ta' riesportazzjoni.

(c) il-prodotti li jkunu se jiġu riesportati jkunu kompletament jew parzjalment mill-istess prodotti li jidhru fuq id-dokument(i) tal-qbid validat(i), u

(d) kopja tad-dokument(i) tal-qbid tkun/ikunu mehmuż(a) maċ-ċertifikat ta' riesportazzjoni.

3. Iċ-ċertifikat ta' riesportazzjoni għandu jinkludi l-informazzjoni stipulata fl-Anness III

KAPITOLU IV KOMUNIKAZZJONI U VERIFIKA

Artikolu 8 Komunikazzjoni u konservazzjoni tad-dokumenti validati

1. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw kopja tad-dokumenti tal-qbid jew taċ-ċertifikati ta' riesportazzjoni kollha validati, bl-eċċezzjoni tal-każijiet fejn japplika l-Artikolu 4(3), kemm jista' jkun malajr, u f'kull każ fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol wara d-data ta' validazzjoni, jew mingħajr dewmien fejn it-tul ta' żmien mistenni tat-trasport ma għandux ikun ta' aktar minn ħamest ijiem ta' xogħol, lil dawn li ġejjin:

(a) il-Kummissjoni,

(b) l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew CPC fejn it-tonn se jkun kummerċjalizzat domestikament, jew imrobbi jew importat, u

(c) is-Segretarjat tal-ICCAT.

2. Il-kopji tad-dokumenti tal-qbid jew taċ-ċertifikat ta' riesportazzjoni validati msemmija fil-paragrafu 1, għandhom jintbagħtu b'mezzi elettroniċi, kemm jista' jkun malajr.

3. L-Istati Membri għandhom iżommu kopji tad-dokumenti ta' qbid u taċ-ċertifikati ta' riesportazzjoni validati maħruġa jew irċevuti għal mill-inqas sentejn.

Artikolu 9 Verifika

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jidentifikaw kull kunsinna tat-tonn li tinħatt, tkun kummerċjalizzata domestikament, jew tkun importata fit-territorju jew esportata jew riesportata mit-territorju. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jitolbu u jeżaminaw id-dokument(i) tal-qbid validat(i) u d-dokumentazzjoni relatata ta' kull kunsinna tat-tonn. L-eżami għandu jinkludi l-konsultazzjoni mad-database dwar il-validazzjoni miżmuma mis-Segretarjat tal-ICCAT.

2. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu wkoll jeżaminaw il-kontenut tal-kunsinna sabiex jivverifikaw l-informazzjoni li tinsab fuq id-dokument tal-qbid u f'dokumenti relatati u, fejn meħtieġ, jistgħu jagħmlu l-verifiki mal-operaturi konċernati.

3. Jekk, bħala riżultat tal-eżamijiet jew verifiki magħmula skont il-paragrafi 1 u 2, joħroġ xi dubju dwar l-informazzjoni li tinsab fid-dokument tal-qbid, l-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti li vvalidaw id-dokument(i) tal-qbid jew iċ-ċertifikat(i) ta' riesportazzjoni biex jitneħħew dubji bħal dawn.

4. Jekk Stat Membru jidentifika kunsinna mingħajr dokument tal-qbid, għandu jinnotifika lill-Istat Membru li bagħat il-kunsinna b'din is-sejba, jew lis-CPC li qed jesporta u, fejn ikun magħruf, lill-Istat Membru tal-bandiera jew lis-CPC tal-bandiera.

5. Sakemm isiru l-eżamijiet jew il-verifiki skont il-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri ma jistgħux joħorġu l-prodotti għall-kummerċ domestiku, l-importazzjoni jew l-esportazzjoni, lanqas, fil-każ ta' tonn ħaj destinat għall-farms, jaċċettaw id-dikjarazzjoni tat-trasferiment.

6. Fejn Stat Membru, b'riżultat ta' eżamijiet jew verifiki skont il-paragrafu 1 u b'kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta' validazzjoni konċernati, jiddeterminaw li d-dokument tal-qbid jew iċ-ċertifikat ta' riesportazzjoni huwa invalidu, għandhom ikunu pprojbiti l-kummerċ domestiku, l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew ir-riesportazzjoni tat-tonn konċernat.

KAPITOLU VTRAŻMISSJONI TAD-DEJTA

Artikolu 10 Informazzjoni dwar il-validazzjoni u l-punti ta' kuntatt

1. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-awtoritajiet tagħhom li huma responsabbli għall-validazzjoni u l-verifika tad-dokumenti tal-qbid jew taċ-ċertifikati ta' riesportazzjoni tagħhom, b'mod partikolari l-isem u l-indirizz sħiħ u, fejn xieraq, l-isem u t-titlu tal-uffiċjali li jivvalidaw li ingħataw il-poter individwalment, kampjun tal-forma tad-dokument, kampjun tal-marka jew is-siġill, u, kif xieraq, kampjuni tat-tags.

2. In-notifika għandha tindika d-data li fiha jkun daħal fis-seħħ dan id-dritt. Dettalji aġġornati dwar l-awtoritajiet ta' validazzjoni għandhom ikunu komunikati lill-Kummissjoni fil-pront.

3. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-punti ta' kuntatt li għandhom ikunu notifikati meta jkun hemm mistoqsijiet relatati mad-dokumenti tal-qbid jew maċ-ċertifikati ta' riesportazzjoni, b'mod partikolari, isimhom.

4. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi fil-pront din l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT.

Artikolu 11 Rapport annwali tal-programm

1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b'mezzi elettroniċi rapport tal-programm, kull sena sal-15 ta' Settembru, li jkopri l-perjodu mill-1 ta' Lulju tas-sena ta' qabel sat-30 ta' Ġunju tas-sena kurrenti, inkluża l-informazzjoni stipulata fl-Anness V.

2. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi r-rapport annwali tal-programm tal-Komunità u tikkomunikah lis-Segretarjat tal-ICCAT kull sena sal-1 ta' Ottubru.

KAPITOLU VII DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 12 Emendi għall-Annessi

L-Annessi jistgħu jiġu emendati mill-Kummissjoni skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13.

L-emendi għandhom jikkonċernaw il-miżuri ta' konservazzjoni adottati mill-ICCAT li fiha l-Komunità hija parti kontraenti.

Artikolu 13 Proċedura ta' kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tiġi mgħejuna mill-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 30 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

3. Il-perjodu taż-żmien previst fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun stabbilit għal xahar.

Artikolu 14 Emendi għar-Regolament (KE) Nru 1984/2003

1. Ir-Regolament (KE) Nru 1984/2003 huwa emendat kif ġej:

(a) fit-titolu, il-kliem "tonn aħmar" għandu jitħassar;

(b) fl-Artikolu 1(a), il-kliem "tonn aħmar" ( Thunnus thynnus )" għandu jitħassar;

(c) fl-Artikolu 2, il-kliem "tonn aħmar" għandu jitħassar;

(d) fl-Artikolu 3, għandu jitħassar il-punt (a);

(e) fl-Artikolu 4(1) l-ewwel inċiż għandu jitħassar;

(f) fl-Artikolu 4(2)(b)(iii), il-kliem "tonn aħmar" għandu jitħassar;

(g) fl-Artikolu 5(1) l-ewwel inċiż għandu jitħassar;

(h) fl-Artikolu 6(1), għandu jitħassar il-punt (a), it-tieni paragrafu;

(i) fl-Artikolu 8(a), il-kliem "tonn aħmar" għandu jitħassar;

(j) fl-Artikolu 9(2), għandu jitħassar punt (a).

(k) l-Annessi I, IVa, IX u XV għandhom jitħassru.

2. Ir-referenzi għad-dispożizzjonijiet imħassra tar-Regolament (KEE) Nru 1984/2003 għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 15 Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara l-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, […]

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS I

PRODOTTI LI JIRREFERI GĦALIHOM L-ARTIKOLU 2(a) Deskrizzjoni tal-oġġetti | Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda[8] |

Tonn ħaj (Thunnus thynnus) | 0301 94 00 |

Tonn (Thunnus thynnus), frisk jew imkessaħ minbarra l-fletti u laħam ieħor | 0302 35 10 |

Tonn (Thunnus thynnus), frisk jew imkessaħ minbara l-fletti u laħam ieħor barra dawk destinati għall-manifattura industrijali ta' ħut ippreparat u ppreservat. | 0302 35 90 |

Tonn (Thunnus thynnus), iffriżat, minbarra l-fletti u laħam ieħor destinati għall-manifattura industrijali ta' ħut ippreparat u ppreservat. | 0303 45 11 |

Tonn (Thunnus thynnus), iffriżat, li tneħħewlu l-garġi u hu mnaddaf minbarra l-fletti u laħam ieħor destinati għall-manifattura industrijali ta' ħut ippreparat u ppreservat. | 0303 45 13 |

Tonn (Thunnus thynnus), iffriżat, minbarra meta jkun sħiħ jew mingħajr garġi u mnaddaf minbarra l-fletti u laħam ieħor destinati għall-manifattura industrijali ta' ħut ippreparat u ppreservat. | 0303 45 19 |

Tonn (Thunnus thynnus), iffriżat, minbarra l-fletti u laħam ieħor barra dawk destinati għall-manifattura industrijali ta' ħut ippreparat u ppreservat. | 0303 45 90 |

Fletti tat-tonn (Thunnus thynnus) frisk jew imkessaħ | ex 0304 19 39 |

Laħam ieħor minbarra fletti tat-tonn (Thunnus thynnus) frisk jew imkessaħ | ex 0304 19 39 |

Fletti u laħam ieħor tat-tonn (Thunnus thynnus) iffriżat | ex 0304 29 45 |

Laħam ieħor tat-tonn (Thunnus thynnus) | ex 0304 99 99 |

Dqiq, tħin u pellets tat-tonn (Thunnus thynnus) | ex 0305 10 00 |

Fwied u sperma jew bajd tat-tonn (Thunnus thynnus), imnixxfin, affumikati, immelħa jew fis-salmura | ex 0305 20 00 |

Fletti tat-tonn (Thunnus thynnus), imnixxfin, immelħa jew fis-salmura jew affumikati | ex 0305 30 90 |

Tonn affumikat (Thunnus thynnus) inklużi l-fletti | ex 0305 49 80 |

Tonn imnixxef (Thunnus thynnus) immellaħ jew mhux immellaħ iżda mhux affumikat | ex 0305 59 80 |

Tonn (Thunnus thynnus) immellaħ iżda mhux imnixxef jew affumikat u fis-salmura | ex 0305 69 80 |

Tonn (thunnus thynnus) sħiħ jew imqatta' f'biċċiet iżda mhux ikkapuljat, ippreparat jew ippreservat fiż-żejt veġetali | ex 1604 14 11 |

Tonn (thunnus thynnus) sħiħ jew imqatta' f'biċċiet iżda mhux ikkapuljat, ippreparat jew ippreservat iżda mhux fiż-żejt veġetali u mhux dawk il-fletti magħrufa bħala qatgħat (loins) | ex 1604 14 16 |

Tonn (thunnus thynnus) sħiħ jew imqatta' f'biċċiet iżda mhux ikkapuljat, ippreparat u ppreservat iżda mhux fiż-żejt veġetali u mhux dawk il-fletti magħrufa bħala qatgħat | ex 1604 14 18 |

Tonn (thunnus thynnus) minbarra tonn sħiħ jew imqatta' f'biċċiet imma mhux ikkapuljat, ippreparat u ppreservat | ex 1604 20 70 |

ANNESS II

DEJTA LI GĦANDHA TKUN INKLUŻA FID-DOKUMENT TAL-QBID

1. Numru tad-dokument tal-qbid tat-tonn tal-ICCAT

2. Informazzjoni dwar il-qbid

Deskrizzjoni tal-bastiment jew tan-nassa

Isem tal-bastiment tal-qbid jew tan-nassa

Stat tal-bandiera jew tan-nassa

Numru ta' reġistrazzjoni tal-ICCAT tal-bastimenti jew tan-nases (jekk hu applikabbli)

Deskrizzjoni tal-qbid

Data, żona tal-qbid u rkaptu wżat

Għadd ta' ħut, piż totali u piż medju

Numru tat-tag (jekk hu applikabbli)

Numru ta' reġistrazzjoni tal-ICCAT ta' operazzjonijiet ta' sajd bi sħab (jekk hu applikabbli)

Validazzjoni tal-Gvern

Isem tal-awtorità u l-firmatarju, it-titlu, l-indirizz, il-firma, is-siġill u d-data

3. Informazzjoni dwar il-kummerċ għall-ħut ħaj

Deskrizzjoni tal- prodott

Piż ħaj totali, l-ammont ta' ħut, iż-żona tal-qbid

Informazzjoni dwar l- esportatur /il-bejjiegħ

Punt tal-esportazzjoni jew tat-tluq (jekk lil hinn mill-kosta, speċifika ż-żona ta' sajd fejn inqabad it-tonn)

Isem tal-kumpanija tal-esportazzjoni, l-indirizz, il-firma u d-data

Farm (isem u Numru ICCAT) u Stat tad-destinazzjoni

Deskrizzjoni tal-mezz ta' trasport (id-dokumenti rilevant għandhom ikunu mehmuża)

Informazzjoni dwar l-importatur/ix-xerrej

Punt ta' importazzjoni jew destinazzjoni

Isem tal-kumpanija tal-importazzjoni, l-indirizz, il-firma u d-data tal-firma

Validazzjoni tal-Gvern

Isem tal-awtorità u l-firmatarju, it-titlu, l-indirizz, il-firma, is-siġill u d-data

4. Informazzjoni dwar it-trasferiment

Deskrizzjoni tal-bastiment tal-irmonk

Numru tad-dikjarazzjoni tat-trasferiment tal-ICCAT

Isem u l-bandiera tal-bastiment

Numru ta' reġistrazzjoni tal-ICCAT u numru tal-gaġġa tal-irmonk (jekk hu applikabbli)

Għadd ta' ħut li miet matul it-trasferiment, il-piż totali

5. Informazzjoni dwar it-trażbord

Deskrizzjoni tal-bastiment tal-ġarr

Isem

Stat tal-bandiera

Numru ta' Reġistrazzjoni tal-ICCAT

Data

Port (l-isem u l-pajjiż jew il-pożizzjoni)

Deskrizzjoni tal-prodott

(F/FR; RD/GG/DR/FL/OT)

Piż totali (NET)

Validazzjoni tal-Gvern

Isem tal-awtorità u l-firmatarju, it-titlu, l-indirizz, il-firma, is-siġill u d-data

6. Informazzjoni dwar it-trobbija

Deskrizzjoni tal-faċilità tat-trobbija

Isem, l-Istat Membru tal-farm

Numru FFB tal-ICCAT u s-sit tal-farm

Parteċipazzjoni fil-programm nazzjonali ta' kampjunar (iva jew le)

Deskrizzjoni tal-gaġġa

Data meta l-ħut tqiegħed fil-gaġġa, in-numru tal-gaġġa

Deskrizzjoni tal-ħut

Stima tal-għadd tal-ħut, il-piż totali u l-piż medju

Informazzjoni dwar l-osservatur

Isem, it-titlu, il-firma

Validazzjoni tal-Gvern

Isem tal-awtorità u l-firmatarju, it-titlu, l-indirizz, il-firma, is-siġill u d-data

7. Informazzjoni dwar il-ħsad mill-farms

Deskrizzjoni tal-ħsad

Data tal-ħsad

Għadd ta' ħut, il-piż totali u l-piż medju

Numri tat-tags (jekk hu applikabbli)

Stima tal-kompożizzjoni tad-daqsijiet (<8 kg, 8-30 kg, >30 kg)

Validazzjoni tal-Gvern

Isem tal-awtorità u l-firmatarju, it-titlu, l-indirizz, il-firma, is-siġill u d-data

8. Informazzjoni dwar il-kummerċ

Deskrizzjoni tal-prodott

(F/FR; RD/GG/DR/FL/OT (fejn jiġu reġistrati tipi differenti ta' prodotti f'din it-taqsima, il-piż għandu jkun reġistrat għal kull tip ta' prodott)

Piż totali (NET)

Informazzjoni dwar l-esportatur/il-bejjiegħ

Punt tal-esportazzjoni jew tat-tluq

Isem tal-kumpanija tal-esportazzjoni, l-indirizz, il-firma u d-data

Stat tad-destinazzjoni

Deskrizzjoni tal-mezz ta' trasport (id-dokumenti rilevant għandhom ikunu mehmuża)

Validazzjoni tal-Gvern

Isem tal-awtorità u l-firmatarju, it-titlu, l-indirizz, il-firma, is-siġill u d-data

Informazzjoni dwar l-importatur/ix-xerrej

Punt ta' importazzjoni jew destinazzjoni

Isem tal-kumpanija tal-importazzjoni, l-indirizz, il-firma u d-data tal-firma

ANNESS III

[pic]

[pic]

ANNESS IV

DEJTA LI GĦANDHA TKUN INKLUŻA FIĊ-ĊERTIFIKAT TA' RIESPORTAZZJONI TAT-TONN TAL-ICCAT

1. Numru tad-dokument taċ-ċertifikat ta' riesportazzjoni

2. Taqsima dwar ir-riesportazzjoni

Stat Membru li qed jirriesporta

Punt tar-riesportazzjoni*

3. Deskrizzjoni tat-tonn importat

Tip tal-prodott F/FR RD/GG/DR/FL/OT

Piż Nett (kg)

Numru/i tad-dokument tal-qbid u d-data/i tal-importazzjoni

Bandiera/Bnadar tal-bastiment(i) tas-sajd jew l-Istat tal-istabbiliment tan-nassa, fejn hu xieraq

4. Deskrizzjoni tat-tonn li se jkun riesportat

Tip tal-prodott F/FR RD/GG/DR/FL/OT

Piż Nett (kg)

Numru/i tad-dokument tal-qbid korrispondenti minn taqsima 3

5. Dikjarazzjoni ta' min se jirriesporta*

Isem

Indirizz

Firma

Data

6. Validazzjoni mill-awtoritajiet

Isem u indirizz tal-awtorità

Isem u pożizzjoni tal-uffiċjal

Firma

Data

Siġill tal-Gvern

7. Taqsima dwar l-importazzjoni

Dikjarazzjoni mill-importatur fl-Istat Membru jew CPC tal-importazzjoni tal-kunsinna tat-tonn

Isem u indirizz tal-importatur

Isem u firma tar-rappreżentant tal-importatur u d-data

Punt tal-importazzjoni Belt u CPC

Nota – Kopji tad-dokument(i) tal-qbid u d-dokument(i) tat-Trasport għandhom ikunu mehmuża

[pic]

ANNESS V

RAPPORT DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM TAD-DOKUMENTAZZJONI TAL-ICCAT DWAR IL-QBID TAT-TONN

Stat Membru li jirrapporta:

Perjodu ta’ referenza L-1 ta' Lulju [2XXX] sat-30 ta' Ġunju [2XXX]

1. L-informazzjoni meħuda mid-dokumenti ta' qbid

– l-għadd ta' dokumenti tal-qbid validati,

– l-għadd ta' dokumenti tal-qbid validati riċevuti,

– l-ammont totali ta' tonn ikkumerċjalizzat domestikament, b'analiżi tal-istatistika skont iż-żona tas-sajd u l-irkaptu tas-sajd

– l-ammont totali ta' tonn importat, esportat, trasferit lejn il-farms, riesportat b'analiżi statistika tas-CPC dwar l-oriġini, ir-riesportazzjoni jew id-destinazzjoni, iż-żoni tas-sajd u l-irkaptu tas-sajd,

– l-għadd ta' verifiki ta' dokumenti tal-qbid mitluba minn Stati Membri oħra jew CPCs u sinteżi tar-riżultati,

– l-għadd ta' verifiki ta' dokumenti tal-qbid mitluba minn Stati Membri oħra jew CPCs u sinteżi tar-riżultati,

– l-ammont totali tal-kunsinni ta' tonn suġġetti għal deċiżjoni ta' projbizzjoni b'analiżi tal-statistika skont il-prodotti, in-natura tal-operazzjoni (kummerċ domestiku, importazzjoni, esportazzjoni, riesportazzjoni, trasferiment lejn il-farms), raġunijiet għal projbizzjoni u l-Istati Membri, is-CPCs u/jew il-Partijiet mhux Kontraenti tal-oriġini jew tad-destinazzjoni.

2. Informazzjoni dwar il-kunsinni skont l-Artikolu 9(1)

– l-għadd ta' kunsinni,

– l-ammont total ta' tonn b'analiżi tal-istatistika skont il-prodott, in-natura tal-operazzjoni (kummerċ domestiku, importazzjoni, esportazzjoni, riesportazzjoni, trasferiment lejn il-farms), l-Istati Membri, is-CPCs jew pajjiżi oħra msemmija fl-Artikolu 9(1).

[1] ĠU C [...], [...], p. [...].

[2] ĠU C [...], [...], p. [...].

[3] ĠU L 179, 23.6.1998, p. 1.

[4] ĠU L 189, 3.7.1998, p. 14.

[5] ĠU L 177, 16.7.1996, p. 24.

[6] ĠU L 162, 18.6.1986, p. 33.

[7] ĠU L 295, 13.11.2003, p. 1.

[8] L-Anness 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1-675) kif emendata l-aħħar mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2009 tat-23 ta' April 2009 li jemenda l-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat- tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa tad-Dwana (ĠU L 104, 24.4.2009, p. 3)