32000D0541



Official Journal L 230 , 12/09/2000 P. 0016 - 0019


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tas-6 ta' Settembru 2000

dwar il-kriterji għall-istima ta' pjani nazzjonali skond l-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/13/KE

(notifikata taħt dokument numru K(2000) 2473)

(2000/541/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 1999/13/KE tal-11 ta' Marzu dwar il-limitazzjoni ta' emissjonijiet ta' komposti organiċi volatili minħabba l-użu ta' solventi organiċi f'ċerti attivitajiet u installazzjonijiet [1], u b'mod partikolari l-Artikolu 6(5) tiegħu.

Billi:

(1) L-Istati Membri jistgħu jiddefinixxu u jimplimentaw pjani nazzjonali għat-tnaqqis ta' emissjonijiet minn ċerti attivitajiet u installazzjonijiet koperti mid-Direttiva.

(2) Il-kriterji għall-pjani nazzjonali huma importanti biex jiġi żgurat li l-pjani nazzjonali jirriżultaw fi tnaqqis ta' emissjonijiet ekwivalenti għal dak ottenibbli bl-applikazzjoni tal-valuri tal-limitu ta' l-emissjoni.

(3) Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi, fuq il-bażi ta' dawn il-kriterji, jekk pjani nazzjonali mressqa minn Stat Membru għandhomx jitqiesu bħala biżżejjed jew mhux biżżejjed.

(4) Il-Kummissjoni għandha tavża lill-Kumitat Konsultattiv stabbilit skond Artikolu 13 tad-Direttiva dwar il-kriterji,

TIDDEĊIEDI:

Artikolu Uniku

Biex jiġu stmati l-pjani nazzjonali skond Artikolu 6 tad-Direttiva 1999/13/KE, għandhom jgħoddu l-kriterji stabbiliti fl-Anness li jinsab ma’ din id-Deċiżjoni.

Magħmula fi Brussel, fis-6 ta' Settembru 2000.

Għall-Kummissjoni

Margot Wallström

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 85, tad-29.3.1999, p. 1.

--------------------------------------------------

ANNESS

Kriterji għall-istima ta' pjani nazzjoniali skond Artikolu 6 tad-Direttiva 1999/13/KE

A. KRITERJI LI JURU LI L-ISTAT MEMBRU GĦANDU TAGĦRIF DETTALJAT DWAR L-EMISSJONIJIET PREŻENTI

1. Il-pjan nazzjonali għandu juri li l-Istat Membru għandu tagħrif iddettaljat dwar l-emissjonijiet preżenti.

Xhieda minima aċċettabbli

L-Istat Membru għandu jressaq prospett bil-miktub li: jidentifika l-attività jew l-attivitajiet li għalihom jgħodd il-pjan; jikklassifika skond sistema dokumentata; jidentifika l-għadd ta' installazzjonijiet effettwati mill-pjan; jikkwantifika t-total ta' l-emissjonijiet mill-installazzjonijiet effettwati mill-pjan; jidentifika s-sors ta' xi fatturi ta' l-emissjoni u statistiċi ta' l-attività wżati fl-istima ta' l-emissjonijiet; u jiddeskrivi l-metodi wżati biex jinħarġu dawn il-fatturi ta' l-emissjoni, per eżempju l-metodi wżati biex jiqies il-kejl.

B. IL-KRITERJI GĦALL-ĠUSTIFIKAZZJONI TA' L-ESEKUZZJONI TAL-PJAN NAZZJONALI

2. Il-pjan nazzjonali għandu jiġġustifika l-każ biex tiġi adottata modalità differenti għad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 5(2) u (3) u Anness II.

Xhieda minima aċċettabbli

L-Istat Membru għandu jressaq prospett bil-miktub li jispjega l-benefiċċji ta' l-użu ta' pjan nazzjonali kontradistint mill-użu tad-dispożizzjonijiet ta' Artikolu 5(2) u (3) u Anness II.

Ċ. KRITERJI BIEX JURU LI L-PJAN NAZZJONALI HUWA KOMPATIBBLI MAL-LEĠISLAZZJONI, IL-POLITIKA, U L-OBBLIGAZZJONIJIET INTERNAZZJONALI TA' L-EU FIS-SEĦĦ

3. Il-pjan nazzjonali għandu jikkonferma l-kompatibbiltà mad-Direttivi, mal-politika ppubblikata ta' l-EU, mat-trattati bilaterali u mat-trattati u l-ftehim internazzjonali.

Xhieda minima aċċettabbli

L-Istat Membru għandu jibgħat prospett bil-miktub sostnut bix-xhieda li hu jkun qies il-kompatibbiltà tal-pjan nazzjonali mal-leġislazzjoni l-oħra kollha relevanti.

D. KRITERJI AKTAR DETTALJATI LI GĦANDHOM JITQIESU META L-PJAN NAZZJONALI JKUN LAĦAQ IL-KRITERJI TA' A, B & Ċ

Ix-xhieda minima aċċettabbli suġġerita tinsab dettaljata wara l-kriterji kollha mill-4 sas-26.

Il-kriterji għall-prova tal-konformità mal-ħtiġiet speċifiċi ta' l-Artikolu 6 tad-Direttiva 1999/13/KE

4. Il-pjan nazzjonali għandu jgħodd għall-installazzjonijiet eżistenti biss (Artikolu 6(1)).

5. Il-pjan nazzjonali m'għandux jgħodd għal attivitajiet mill-4 sal-11 ta' l-Anness II(A) (Artikolu 6(1)).

6. Il-pjan nazzjonali m'għandux jeskludi mill-ambitu tad-Direttiva 1999/13/KE kwalunkwe attività elenkata fl-Anness 1 (Artikolu 6(1)).

7. Il-pjan nazzjonali m'għandux jeżenta installazzjoni eżistenti mid-disposizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 96/61/KE (Artikolu 6(1)).

8. Il-pjan nazzjonali għandu jinkludi lista tal-miżuri meħuda jew li għandhom jittieħdu biex jiġi żgurat li l-għan speċifikat fl-Artikolu 6(1) sa jintlaħaq (Artikolu 6(2)).

9. Il-pjan nazzjonali għandu jkun fih dettalji dwar il-mekkaniżmu tal-monitoraġġ tal-pjan propost (Artikolu 6(2)).

10. Il-pjan nazzjonali għandu jistabbilixxi miri obbligatorji interim li magħhom ikun jista’ jitkejjel il-progress lejn il-mira speċifikata fl-Artikolu 6(1) (Artikolu 6(2)).

11. Il-pjan nazzjonali għandu jidentifika l-attivita jew l-attivitajiet li għalihom il-pjan jirreferi (Artikolu 6(2)).

12. Il-pjan nazzjonali għandu jispeċifika t-tnaqqis fl-emissjonijiet li għandu jinkiseb minn dawk l-attivitajiet li jikkorrispondu għal dak li kien kieku jinkiseb bl-applikazzjoni tal-valuri tal-limitu ta' l-emissjoni u/jew il-valuri ta' l-emissjoni maħruba taħt l-Artikolu 5(2) u (3) u l-Anness II (Artikolu 6(2)).

13. Il-pjan nazzjonali għandu jelenka l-għadd ta' installazzjonijiet effettwati mill-pjan u t-total ta' l-emissjonijiet tagħhom u t-total ta' l-emissjoni ta' kull waħda mill-attivitajiet (Artikolu 6(2)).

14. Il-pjan nazzjonali għandu jidentifika l-varjetà ta' strumenti li permezz tagħhom il-ħtiġiet jinkisbu, ix-xhieda li dawn l-istrumenti jkunu jistgħu jiġu inforzati u d-dettalji tal-mezzi li bihom il-konformità mal-pjan sa tintwera (Artikolu 6(2)).

Kriterji biex tintwera l-kompatibbiltà ma’ disposizzjonijiet relevanti oħra tad-Direttiva 1999/13/KE

15. Il-pjan nazzjonali għandu jidentifika l-miżuri meħtieġa li ġew jew li għandhom jiġu adottati biex jiġi żgurat li l-installazzjonijiet effettwati mill-pjan jikkonformaw ma’ l-Artikolu 5 (ħlief, meta l-pjan jippermetti, il-paragrafi 2 u/jew 3), l-Artikoli 8 u 9 u xi ħtiġiet tal-pjan mhux aktar tard mill-31 ta' Ottubru 2007 (Artikolu 4(1)).

16. Il-pjan nazzjonali għandu jidentifika l-miżuri meħtieġa li ġew jew li għandhom jiġu adottati biex jiġi żgurat li l-installazzjonijiet effettwati mill-pjan ikunu ġew irreġistrati jew awtorizzati sa mhux aktar tard mill-31 ta' Ottubru 2007 (Artikolu 4(2)).

17. Il-pjan nazzjonali għandu jidentifika l-miżuri meħtieġa li ġew jew li għandhom jiġu adottati biex jiġi żgurat li l-installazzjonijiet effettwati mill-pjan jilħqu l-ħtiġiet għall-monitoraġġ imniżżla fl-Artikolu 8.

18. Il-pjan nazzjonali għandu jidentifika l-miżuri meħtieġa li ġew jew li għandhom jiġu adottati biex jiġi żgurat li l-installazzjonijiet effettwati mill-pjan jagħtu xhieda tal-konformità mal-valuri tal-limitu ta' l-emissjoni u/jew tal-valuri ta' l-emissjoni maħruba stabbiliti mill-pjan nazzjonali skond l-Artikolu 9.

19. Il-pjan nazzjonali għandu jidentifika l-miżuri meħtieġa li ġew jew li għandhom jiġu adottati biex jiġi żgurat li l-installazzjonijiet effettwati mill-pjan ikunu jikkonformaw ma’ l-Artikolu 10 jekk jinstab li l-ħtiġiet tad-Direttiva jew tal-pjan ikunu nkisru.

20. Il-pjan nazzjonali għandu jiddeskrivi kif ir-rapporti mibgħuta mill-Istat Membru lill-Kummissjoni skond Artikolu 11 għandhom jinkludu tagħrif rappreżentattiv biżżejjed biex jagħtu prova li l-ħtiġiet ta' l-Artikolu 6 jkunu tħarsu (Artikolu 11(2)).

21. Il-pjan nazzjonali għandu jiddeskrivi l-miżuri meħtieġa li jkunu ġew jew li għandhom jiġu adottati biex jiġi żgurat aċċess pubbliku għat-tagħrif relatat ma’ l-installazzjonijiet effettwati mill-pjan skond l-Artikolu 12.

Kriterji biex jiġi żgurat li l-pjan għandu jirriżulta fi tnaqqis ekwivalenti ta' emissjonijiet annwali

22. Il-pjan nazzjonali għandu jikkwantifika l-emissjonijiet preżenti annwali mill-installazzjonijiet effettwati mill-pjan.

23. Il-pjan nazzjonali għandu jikkwantifika t-tnaqqis fl-emissjonijiet annwali mill-installazzjonijiet effettwati mill-pjan li kien kieku jinkiseb bl-applikazzjoni tal-valuri tal-limitu ta' l-emissjoni ta' skart ta' gassijiet u/jew tal-valuri ta' l-emissjoni maħruba taħt l-Artikolu 5(2) u (3) u l-Anness II.

24. Il-pjan nazzjonali għandu jikkwantifika t-tnaqqis fl-emissjonijiet annwali mill-installazzjonijiet effettwati mill-pjan li sa jinkiseb bl-implimentazzjoni tiegħu.

25. Il-pjan nazzjonali għandu juri li t-tnaqqis taħt il-kriterju 24 għandu jkun kbir talanqas daqs it-tnaqqis taħt il-kriterju 23.

Kriterji għall-validazzjoni tal-mezzi li bihom il-konformità mal-pjan sa tintwera skond il-kriterju 14 u l-Artikolu 6(2)

26. Il-pjan nazzjonali għandu juri li l-mezzi li bihom tinwera l-konformità mal-pjan ikunu sodi biżżejjed biex jippermettu lill-parti terza tivverfika l-konformità.

Xhieda minima aċċettabbli għall-kriterji minn 4 sa 26

Hemm erba’ oqsma prinċipali fejn għandha tiġi pprovduta xhieda, abbrevjata kif ġej:

(i) L-Istati Membri għandhom iressqu lista ta' l-installazzjonijiet innominati li għandhom ikunu koperti mill-pjan nazzjonali, imqassma għall-anqas skond il-livell ta' l-attività (kif speċifikat fl-Anness II(A) u preferibbilment sal-livell 2 tal-Corinair/EMEP SNAP.

(ii) L-Istati Membri għandhom iressqu dettalji ta' kif il-pjan nazzjonali għandu jiġi implimentat mill-awtorità kompetenti tagħhom, inklużi:

- l-identifikazzjoni ta' l-awtorità kompetenti,

- kif l-iskali taż-żmien għandhom jiġu ssettjati u mmonitorjati mill-awtorità kompetenti,

- kif l-awtoritajiet kompetenti għandhom iżommu r-rekords ta' kull installazzjoni li sa tkun koperta mill-pjan nazzjonali,

- kif fil-livell ta' installazzjoni dawn ir-rekords sa jkun fihom dettalji dwar l-attivitajiet koperti; il-miżuri li ttieħdu; is-sigħat li matulhom jitħaddem l-apparat; il-valuri tal-limitu ta' l-emissjoni u/jew il-valuri ta' l-emissjoni maħruba u/jew il-miri interim obbligatorji li għandhom jintlaħqu; il-mezzi tal-monitoraġġ/xhieda tal-konformità mal-limiti tal-valuri ta' l-emissjoni u l-valuri ta' emissjoni maħruba,

- il-metodi tal-monitoraġġ, ir-rapportaġġ u t-turija tal-konformità mal-pjan. L-Istat Membru għandu jutilizza jew l-approċċ ta' bilanċ tal-massa, skond l-Anness III, inkella l-proċeduri ta' qies għall-konċentrazzjonijiet ta' massa u r-rati tal-kurrenti tal-volum, skond standards internazzjonali jew Ewropej rikonoxxuti. Jekk Stat Membru jipproponi mezzi alternattivi ta' turija, il-pjan nazzjonali għandu jipprovdi xhieda ta' diffikultà komparabbli.

(iii) L-Istat Membru għandu jressaq inventarju ta' l-emissjonijiet għall-installazzjonijiet kollha effettwati mill-pjan nazzjonali. L-Istat Membru għandu jipprovdi xhieda fil-forma ta' tagħrif rappreżentattiv u modalitajiet dokumentati li jkunu jippermettu l-verifika indipendenti ta' l-emissjonijiet irrapportati. Dan l-inventarju għandu jkun addattat biex juri l-ekwivalenza mad-Direttiva u l-Istat Membru għandu jipprovdi kalkolazzjonijiet rappreżentattivi tar-riduzzjonijiet fl-emissjonijiet annwali rapportati taħt il-kriterji 23 u 24 biex ikunu jippermettu l-verifika indipendenti tal-modalitajiet tal-kalkolazzjoni.

(iv) L-Istati Membri għandhom jiddeskrivu kif il-pjan nazzjonali, il-miri tiegħu, u l-progress ta' l-installazzjonijiet individwali lejn dawn il-miri jitqiegħdu għad-disposizzjoni tal-pubbliku. Jista’ jkun hemm każi fejn ċertu tagħrif jista’ jitqies bħala kunfidenzjali u għalhekk jinżamm l-aċċess pubbliku għalih. L-eżempji jinkludu:

- l-identitajiet ta' installazzjonijiet ta' natura militari,

- dettalji li jirrigwardaw xi installazzjonijiet fejn l-indikaturi tal-volum tal-produzzjoni jistgħu jkunu kummerċjalment sensittivi, bħal inputs ta' solventi, is-sigħat ta' kemm idum l-operat u r-rati tal-volum tal-kurrent.

--------------------------------------------------