IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 9.7.2020
COM(2020) 303 final
2020/0138(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2408 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (“id-Direttiva tal-VAT”), il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru japplika miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew sabiex jipprevjeni ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa.
Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fis-17 ta’ April 2020, il-Latvja talbet awtorizzazzjoni biex sal-31 ta’ Diċembru 2024, tkompli tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva tal-VAT, li tippermetti lil-Latvja teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li jkollhom fatturat annwali ta’ mhux aktar minn EUR 40 000.
F’konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, permezz ta’ ittra datata d-19 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tal-Latvja. Permezz ta’ ittra datata l-20 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni nnotifikat lil-Latvja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tikkunsidra t-talba.
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Il-Kapitolu 1 tat-Titolu XII tad-Direttiva tal-VAT jagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri biex japplikaw skemi speċjali għall-impriżi ż-żgħar, inkluża l-possibbiltà li jeżentaw lill-persuni taxxabbli b’inqas minn ċertu fatturat annwali. Din l-eżenzjoni timplika li persuna taxxabbli ma għandhiex għalfejn timponi l-VAT fuq il-provvisti tagħha, u b’konsegwenza ta’ dan, ma tistax tnaqqas il-VAT minn fuq l-inputs tagħha.
Skont l-Artikolu 287(10) tad-Direttiva tal-VAT, il-Latvja tista’ teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li jkollhom fatturat annwali ta’ mhux iktar mill-ekwivalenti ta’ EUR 17 200 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha. Bis-saħħa tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2010/584/UE, il-Latvja ġiet awtorizzata li tapplika livell limitu ogħla u għalhekk li teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx il-EUR 50 000. Din il-miżura ġiet estiża permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/796/UE sal-31 ta’ Diċembru 2017. Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2408, il-Latvja kienet awtorizzata testendi l-miżura sal-31 ta’ Diċembru 2020 u fl-istess ħin, tnaqqas il-livell limitu tal-eżenzjoni minn EUR 50 000 għal EUR 40 000.
Skont l-awtoritajiet Latvjani, il-miżura tiffaċilita l-ġbir tal-VAT, li tippermetti lil-Latvja biex tissimplifika l-proċeduri amministrattivi għall-impriżi ż-żgħar u b’hekk tnaqqas il-piż amministrattiv fuqhom. Barra minn hekk, il-miżura tnaqqas ukoll l-ammont ta’ xogħol għall-awtoritajiet tat-taxxa.
L-awtoritajiet Latvjani jispjegaw ukoll li fl-aħħar snin osservaw tnaqqis fl-għadd ta’ kontribwenti tal-VAT irreġistrati, parzjalment minħabba t-tneħħija aktar malajr tal-kontribwenti tal-VAT mir-reġistru tal-VAT bħala riżultat tal-miżuri adottati għall-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT, filwaqt li d-dħul mill-VAT kompla jiżdied u l-kost imġarrab mill-amministrazzjoni tat-taxxa Latvjana biex tiġbor Euro wieħed naqas. Dawk ir-riżultati, flimkien mal-fatt li l-pajjiżi ġirien tal-Latvja għandhom livelli limiti simili għall-applikazzjoni tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar (il-livell limitu fl-Estonja huwa stabbilit għal EUR 40 000 filwaqt li l-livell limitu fil-Litwanja hu EUR 45 000), huma tal-parir li jinżamm il-livell limitu fil-livell attwali. Skont l-istimi tal-awtoritajiet Latvjani, iktar tnaqqis tal-livell limitu mhux se jkollu impatt fiskali pożittiv kbir jew iżid l-għadd ta’ persuni rreġistrati għall-finijiet tal-VAT, peress li kif turi d-data reali għall-2018, l-impatt fit-termini fiskali u fit-termini tal-għadd ta’ impriżi kien inqas milli previst. Għall-kuntrarju, jekk jiżdied għal pereżempju EUR 50 000, ikollu impatt fiskali negattiv.
Il-miżura għandha karattru fakultattiv. Għalhekk, in-negozji ż-żgħar li l-fatturat tagħhom ma jaqbiżx il-livell limitu xorta se jkollhom il-possibbiltà li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li japplikaw l-arranġamenti normali tal-VAT.
Normalment, id-derogi jingħataw għal perjodu ta’ żmien limitat biex ikun jista’ jiġi vvalutat jekk il-miżura ta’ deroga tibqax adegwata u effettiva. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva tal-VAT dwar l-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar għadhom kemm ġew rieżaminati. Id-direttiva l-ġdida li tistabbilixxi regoli tal-VAT aktar sempliċi għall-impriżi ż-żgħar tirrikjedi li l-Istati Membri jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità mar-regoli l-ġodda, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2024. L-Istati Membri se jkollhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet nazzjonali mill-1 ta’ Jannar 2025.
Għalhekk, jixraq li l-Latvja tiġi awtorizzata tapplika l-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2024.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-miżura ta’ deroga hija konformi mal-filosofija tad-direttiva l-ġdida li temenda l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva tal-VAT dwar skema speċjali għall-impriżi ż-żgħar, li rriżultat mill-pjan ta’ azzjoni tal-VAT, u għandha l-għan li toħloq skema moderna u simplifikata għal dawk in-negozji. B’mod partikolari, għandha l-għan li tnaqqas il-kostijiet tal-konformità mal-VAT u d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fil-livell domestiku u fil-livell tal-UE, tnaqqas l-impatt negattiv tal-effett tal-livell limitu u tiffaċilita kemm il-konformità tan-negozju kif ukoll il-monitoraġġ mill-amministrazzjonijiet tat-taxxa.
Barra minn hekk, il-livell limitu ta’ EUR 40 000 huwa konsistenti mad-Direttiva l-ġdida, sa fejn jippermetti lill-Istati Membri jistabbilixxu l-livell limitu tal-fatturat annwali meħtieġ għal eżenzjoni mill-VAT f’livell mhux ogħla minn EUR 85 000 (jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali).
Stati Membri oħra ngħataw derogi simili li jeżentaw mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom huwa inqas minn ċertu livell limitu, kif previst fl-Artikoli 285 u 287 tad-Direttiva tal-VAT. Malta ngħatat livell limitu ta’ EUR 20 000; in-Netherlands ingħataw livell limitu ta’ EUR 25 000; l-Italja ngħatat livell limitu ta’ EUR 30 000; il-Lussemburgu ngħata livell limitu ta’ EUR 35 000; il-Polonja u l-Estonja ngħataw livell limitu ta’ EUR 40 000; il-Kroazja u l-Litwanja ngħataw livell limitu ta’ EUR 45 000; l-Ungerija ngħatat livell limitu ta’ EUR 48 000; is-Slovenja ngħatat livell limitu ta’ EUR 50 000; u r-Rumanija ngħatat livell limitu ta’ EUR 88 500.
Kif issemma diġà, id-derogi mid-Direttiva tal-VAT jenħtieġ li jkunu dejjem limitati fiż-żmien biex l-effetti tagħhom ikunu jistgħu jiġu vvalutati. L-inklużjoni ta’ data ta’ skadenza tal-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2024, kif mitlub mil-Latvja, hija allinjata mar-rekwiżiti tad-Direttiva l-ġdida dwar regoli tal-VAT aktar sempliċi għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju. Dik id-direttiva tipprevedi l-1 ta’ Jannar 2025 bħala d-data li fiha l-Istati Membri se jkollhom japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali, li huma obbligati jadottaw sabiex jikkonformaw magħha.
Għalhekk, il-miżura proposta hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Fil-programmi ta’ ħidma annwali tagħha, il-Kummissjoni ilha tenfasizza b’mod konsistenti l-ħtieġa li jkun hemm regoli aktar sempliċi għall-impriżi ż-żgħar. F’dan ir-rigward, il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2020 jirreferi għal “Strateġija ddedikata għall-SMEs li se tagħmilha aktar faċli biex in-negozji ż-żgħar u l-medji joperaw, jikbru u jespandu”. Il-miżura ta’ deroga tikkonforma ma’ tali objettivi, f’dak li għandu x’jaqsam mar-regoli fiskali. Hija notevolment konsistenti mal-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2017, li rrefera speċifikament għall-VAT, u indika li l-piż amministrattiv tal-konformità tal-VAT għan-negozji ż-żgħar huwa għoli u li l-innovazzjonijiet tekniċi joħolqu sfidi ġodda għall-ġbir effettiv tat-taxxa, u enfasizza l-ħtieġa li l-VAT tiġi ssimplifikata għall-kumpaniji ż-żgħar.
Bl-istess mod, il-miżura hija konsistenti mal-istrateġija tas-suq uniku tal-2015, li permezz tagħha l-Kummissjoni ħadmet biex tgħin lin-negozji ż-żgħar u ta’ daqs medju jikbru, fost l-oħrajn billi jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi li ma jħalluhomx jisfruttaw għalkollox is-suq uniku. Issegwi wkoll il-filosofija tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2013 dwar il-“Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020: Tkebbis mill-ġdid tal-ispirtu tal-intraprendenza fl-Ewropa”, li tenfasizza l-ħtieġa li tiġi ssimplifikata l-leġiżlazzjoni tat-taxxa għan-negozji ż-żgħar.
Fl-aħħar nett, il-miżura tikkonforma mal-politiki tal-UE dwar l-impriżi żgħar u medji kif stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-2016 favur in-Negozji l-ġodda u fil-Komunikazzjoni tal-2008 “‘Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir’ - ‘Att dwar in-Negozji ż-Żgħar’ għall-Ewropa”, li stiednu lill-Istati Membri biex iqisu l-karatteristiċi speċjali tal-SMEs meta jfasslu l-leġiżlazzjoni u jissimplifikaw l-ambjent regolatorju eżistenti.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Meta titqies id-dispożizzjoni tad-Direttiva tal-VAT li fuqha hija bbażata l-proposta, il-proposta hija fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.
•Proporzjonalità
Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru fuq talba tiegħu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.
Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hi proporzjonata mal-għan li għandu jintlaħaq, jiġifieri s-simplifikazzjoni tal-ġbir tat-taxxi għall-persuni taxxabbli żgħar u għall-amministrazzjoni tat-taxxa.
•Għażla tal-istrument
L-istrument propost huwa Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.
Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, huwa possibbli li tingħata deroga mir-regoli komuni tal-VAT biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni. Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill hija l-aktar strument xieraq minħabba li tista’ tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Ma saret l-ebda konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. Il-proposta attwali hija bbażata fuq talba li saret mil-Latvja u tikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru partikolari.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Ma kienx hemm bżonn ta’ għarfien espert estern.
•Valutazzjoni tal-impatt
Il-proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tawtorizza lil-Latvja biex tkompli teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx l-EUR 40 000. Il-persuni li d-dħul taxxabbli tagħhom ma jaqbiżx il-livell limitu mhux se jkollhom jirreġistraw għall-finijiet tal-VAT, u għaldaqstant il-piż amministrattiv fuqhom se jitnaqqas b’riżultat tal-miżura, billi mhux se jkollhom għalfejn iżommu rekords tal-VAT jew jippreżentaw dikjarazzjoni tal-VAT. Sussegwentement, il-miżura se jkollha impatt pożittiv potenzjali fuq l-amministrazzjoni tat-taxxa peress li se tnaqqas il-piż amministrattiv tagħha.
Skont l-awtoritajiet Latvjani, it-tnaqqis tal-livell limitu tar-reġistrazzjoni tal-VAT minn EUR 50 000 għal EUR 40 000 ġie previst li jiġġenera EUR 5,9 miljun aktar tad-dħul mill-VAT għall-baġit tal-Istat u joħloq 3 426 persuna ġdida addizzjonali li jirreġistraw għall-finijiet tal-VAT kull sena. Sabiex jiġi ddeterminat l-impatt fiskali attwali, tqiesu l-persuni rreġistrati għall-finijiet tal-VAT li l-valur totali tat-tranżazzjonijiet tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-VAT għall-2018 kien bejn EUR 40 000 u EUR 50 000 u li ma kinux irreġistrati għall-finijiet tal-VAT fl-2017. L-impatt fiskali huwa preżunt li hu l-ammont totali tal-VAT ddikjarat mill-persuni rreġistrati għall-finijiet tal-VAT, li fl-2018 kien EUR 2,8 miljun. L-għadd ta’ dan it-tip ta’ kontribwent tal-VAT irreġistrat huwa 2 636, li jista’ jitqies li huwa ż-żieda fl-għadd ta’ kontribwenti tal-VAT li nħolqot b’din il-miżura. Id-Data mid-dikjarazzjonijiet tal-VAT għall-2019 turi li l-persuni rreġistrati għall-finijiet tal-VAT b’valur totali ta’ tranżazzjonijiet iddikjarati fid-dikjarazzjonijiet tal-VAT bejn EUR 40 000 u EUR 50 000, iġġeneraw EUR 10,7 miljun ta’ dħul għall-baġit tal-Istat, meta mqabbla mal-EUR 5,8 miljun iġġenerati fl-2018. Għalhekk, l-awtoritajiet Latvjani jikkonkludu li l-impatt fiskali fuq il-baġit tal-Istat minn din il-miżura huwa pożittiv, għalkemm kemxejn inqas minn dak li kien previst qabel.
Fl-opinjoni tal-awtoritajiet Latvjani, li jitnaqqas iżjed il-livell limitu mhux se jkollu impatt fiskali pożittiv kbir u lanqas ma jżid l-għadd ta’ persuni rreġistrati għall-finijiet tal-VAT, peress li kif turi d-data reali għall-2018, l-impatt fit-termini fiskali u fit-termini tal-għadd ta’ impriżi kien inqas milli previst. Għall-kuntrarju, jekk jiżdied għal pereżempju EUR 50 000, ikollu impatt fiskali negattiv.
Il-miżura ta’ deroga se tkun fakultattiva għall-persuni taxxabbli. Il-persuni taxxabbli se jkunu jistgħu jagħżlu l-arranġamenti regolari tal-VAT f’konformità mal-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE.
•Drittijiet fundamentali
Il-proposta ma għandhiex konsegwenzi għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta mhux se jkollha impatt negattiv fuq il-baġit tal-UE peress li l-Latvja se twettaq kalkolu tal-kumpens f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE EURATOM) 1553/89.
2020/0138 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2408 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 395(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Skont il-punt (10) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Latvja tista’ teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (“VAT”) lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx l-ekwivalenti ta’ EUR 17 200 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha.
(2)Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2010/584/UE, il-Latvja kienet awtorizzata tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE (“il-miżura ta’ deroga”) biex teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma kienx aktar minn EUR 50 000 sal-31 ta’ Diċembru 2013. Il-miżura ta’ deroga ġiet estiża permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/796/UE sal-31 ta’ Diċembru 2017.
(3)Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2408, il-Latvja kienet awtorizzata testendi ulterjorment il-miżura sal-31 ta’ Diċembru 2020, kif ukoll tnaqqas il-livell limitu tal-eżenzjoni minn EUR 50 000 għal EUR 40 000.
(4)Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fis-17 ta’ April 2020, il-Latvja talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika l-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2024, li hija d-data sa meta l-Istati Membri jeħtieġ jittrasponu d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285, li tistabbilixxi regoli tal-VAT aktar sempliċi għall-impriżi ż-żgħar. Dik id-Direttiva tistabbilixxi wkoll il-livell limitu massimu li jippermetti lill-Istati Membri jeżentaw lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom fi Stat Membru ma jaqbiżx il-EUR 85 000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali.
(5)Permezz ta’ ittra datata d-19 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, bit-talba li għamlet il-Latvja. Permezz ta’ ittra datata l-20 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni nnotifikat lil-Latvja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.
(6)Il-miżura ta’ deroga hija konformi mad-Direttiva (UE) 2020/285 li għandha l-għan li tnaqqas il-kostijiet tal-konformità tal-VAT tal-impriżi ż-żgħar u tnaqqas ukoll id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-Unjoni, u li tnaqqas l-impatt negattiv tat-tranżizzjoni mill-eżenzjoni għat-tassazzjoni (l-hekk imsejjaħ effett tal-livell limitu). Tfittex ukoll li tiffaċilita l-konformità tan-negozju tal-impriżi ż-żgħar u l-monitoraġġ għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa. Il-livell limitu ta’ EUR 40 000 huwa konsistenti mal-Artikolu 284 tad-Direttiva 2006/112/KE, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2020/285.
(7)Il-miżura ta’ deroga se tibqa’ fakultattiva għall-persuni taxxabbli. Il-persuni taxxabbli xorta jkunu jistgħu jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT f’konformità mal-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE.
(8)Skont l-informazzjoni pprovduta mil-Latvja, il-miżura ta’ deroga se jkollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont globali tad-dħul mill-VAT tal-Latvja li jinġabar fl-istadju tal-konsum finali.
(9)Il-miżura ta’ deroga mhix se taffettwa b’mod negattiv lir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-VAT minħabba li l-Latvja se twettaq kalkolu tal-kumpens f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, EURATOM) Nru 1553/89.
(10)Minħabba l-impatt potenzjalment pożittiv tal-miżura ta’ deroga bit-tnaqqis tal-piż amministrattiv u tal-kostijiet tal-konformità għall-impriżi ż-żgħar u għall-awtoritajiet tat-taxxa, u minħabba n-nuqqas ta’ ebda impatt kbir fuq id-dħul totali mill-VAT iġġenerat, jenħtieġ li l-Latvja tiġi awtorizzata tkompli tapplika l-miżura ta’ deroga.
(11)Jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni biex tiġi applikata l-miżura ta’ deroga, tkun limitata fiż-żmien. Jenħtieġ li l-limitu ta’ żmien ikun biżżejjed biex tkun tista’ ssir evalwazzjoni tal-effettività u tal-adegwatezza tal-livell limitu. Barra minn hekk, f’konformità mad-Direttiva (UE) 2020/285, sal-31 ta’ Diċembru 2024, l-Istati Membri jeħtieġ jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw mal-Artikolu 1 ta’ dik id-Direttiva, u japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2025. Għalhekk, jixraq li l-Latvja tiġi awtorizzata tapplika l-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2024.
(12)Għalhekk, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2408 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2408, it-tieni paragrafu huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2024.”.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Latvja.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President