|
12.8.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 289/1 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1334
tas-27 ta’ Mejju 2021
li jemenda r-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-allużjonijiet għall-ismijiet ġuridiċi ta’ xorb spirituż jew Indikazzjonijiet Ġeografiċi għal xorb spirituż fid-deskrizzjoni, fil-preżentazzjoni u fit-tikkettar ta’ xorb spirituż ieħor
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ xorb spirituż, l-użu tal-ismijiet ta’ xorb spirituż fil-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ oġġetti tal-ikel oħra, il-protezzjoni ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi ta’ xorb spirituż, l-użu ta’ alkoħol etiliku u distillati ta’ oriġini agrikola f’xorb alkoħoliku, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 50(3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 12(4) tar-Regolament (UE) 2019/787 jistabbilixxi regoli dwar kif jidhru l-allużjonijiet għall-isem ġuridiku ta’ kategoriji ta’ xorb spirituż jew ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi ta’ xorb spirituż fil-preżentazzjoni u fit-tikkettar ta’ xorb alkoħoliku. |
|
(2) |
L-Artikolu 12(4) tar-Regolament (UE) 2019/787 ma jirrikjedix li l-isem tax-xarba alkoħolika li tirriżulta jidher fl-istess kamp viżiv tal-allużjoni. Fejn l-isem tax-xarba alkoħolika jidher f’kamp viżiv differenti mill-allużjoni, il-konsumaturi jistgħu madankollu jaslu biex jemmnu li l-allużjoni hija parti mill-isem tax-xarba alkoħolika, partikolarment fil-każijiet fejn ix-xarba alkoħolika li tirriżulta tkun xarba spirituża. |
|
(3) |
Barra minn hekk, f’ċerti każijiet, din l-allużjoni tista’ tapprofitta bla bżonn mir-reputazzjoni ta’ kategoriji ta’ xorb spirituż jew ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi, li, meta kkombinati ma’ oġġetti tal-ikel oħra li mhumiex meħtieġa jew permessi fil-produzzjoni tagħhom, jitilfu n-natura tagħhom u ma jkunux jistgħu jibqgħu jiġu ttikkettati bħala tali. Għaldaqstant, il-wiri ta’ dawk l-ismijiet b’mod prominenti fil-preżentazzjoni u fit-tikkettar tax-xarba spirituża li tagħmel allużjoni għalihom, jista’ jirriżulta effettivament f’miżapproprjazzjoni tar-reputazzjoni tagħhom. |
|
(4) |
L-Artikolu 7(1), il-punt (a) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jirrikjedi li l-informazzjoni dwar l-ikel m’għandhiex tiżgwida, partikolarment fin-natura u l-identità tal-ikel. L-Artikolu 9 ta’ dak ir-Regolament jipprevedi li l-informazzjoni obbligatorja dwar l-ikel, inkluż l-isem tal-oġġett tal-ikel, għandha tiġi pprovduta u l-Artikolu 13 ta’ dak ir-Regolament jirrikjedi li l-informazzjoni obbligatorja tiġi mmarkata f’post li jidher b’tali mod li tkun tidher faċilment, tinqara sew u, fejn adegwat, ma titħassarx. |
|
(5) |
F’konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2019/787, ir-rekwiżiti tal-preżentazzjoni u t-tikkettar stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 japplikaw għax-xorb alkoħoliku li jirriżulta mill-kombinazzjoni ta’ xorb spirituż ma’ oġġetti tal-ikel oħra. Sabiex jiġi żgurat li dawk ir-rekwiżiti jiġu ssodisfati bl-aħjar mod, partikolarment għax-xorb spirituż li jagħmel allużjoni għal xorb spirituż ieħor, huwa xieraq li jkun rikjest li l-isem ġuridiku tax-xorb spirituż li jirriżulta, jidher fl-istess kamp viżiv tal-allużjoni ta’ xorb spirituż. Jenħtieġ li dan isir kull darba li l-allużjoni tiġi indikata fid-deskrizzjoni, fil-preżentazzjoni jew fit-tikkettar ta’ xarba spirituża. Dan jevita prattiki li jiżgwidaw u jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu infurmati kif xieraq rigward in-natura attwali tax-xarba spirituża li tirriżulta mill-kombinazzjoni ta’ xorb spirituż ma’ oġġetti tal-ikel oħra. |
|
(6) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/787 jiġi emendat kif xieraq. |
|
(7) |
Jenħtieġ li jiġi previst perjodu tranżitorju għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar it-tikkettar stabbiliti f’dan ir-Regolament biex jippermetti lix-xorb spirituż ittikkettat qabel il-31 ta’ Diċembru 2022 f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jibqa’ jitqiegħed fis-suq mingħajr il-ħtieġa li jiġi ttikkettat mill-ġdid. |
|
(8) |
F’konformità mal-Artikolu 51(3) tar-Regolament (UE) 2019/787 u sabiex jiġi evitat kwalunkwe tip ta’ vojt regolatorju, jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika retroattivament mill-25 ta’ Mejju 2021, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2019/787, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“4. L-allużjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3:
|
(a) |
ma għandhomx ikunu fuq l-istess linja bħall-isem tax-xarba alkoħolika; u |
|
(b) |
għandhom jidhru b’tipa ta’ daqs li ma jkunx akbar minn nofs id-daqs tat-tipa użata għall-isem tax-xarba alkoħolika u, fejn jintużaw termini komposti, b’tipa ta’ daqs li ma jkunx akbar minn nofs id-daqs tat-tipa użata għal tali termini komposti, f’konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 11(3); u |
|
(c) |
fil-każ ta’ allużjonijiet fid-deskrizzjoni, fil-preżentazzjoni u fit-tikkettar ta’ xorb spirituż, dawn jiġu akkumpanjati dejjem bl-isem ġuridiku tax-xarba spirituża, li għandu jidher fl-istess kamp viżiv tal-allużjoni.”. |
Artikolu 2
Ix-xorb spirituż li ma jissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 12(4), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2019/787 kif emendat b’dan ir-Regolament, iżda li jissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 u li ġie ttikkettat qabel il-31 ta’ Diċembru 2022 jista’ jibqa’ jitqiegħed fis-suq sakemm jispiċċaw l-istokkijiet.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-25 ta’ Mejju 2021.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Mejju 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 130, 17.5.2019, p. 1.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18).
(3) Ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (ĠU L 39, 13.2.2008, p. 16).