European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/6008

9.10.2024

Rakkomandazzjonijiet lill-qrati nazzjonali dwar it-tressiq ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari

(C/2024/6008)

Wara d-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Settembru 2024, tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2019 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 li jemenda l-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (1), il-Qorti tal-Ġustizzja issa tikkondividi mal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea l-kompetenza sabiex tagħti deċiżjonijiet preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew dwar il-validità ta’ atti adottati mill-istituzzjonijiet, mill-korpi jew mill-organi tal-Unjoni.

Fid-dawl tal-portata wiesgħa ta’ din il-bidla, inħasset il-ħtieġa li jiġi aġġornat it-test tar-Rakkomandazzjonijiet lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari (2). Bħalma kien il-każ għall-verżjonijiet preċedenti tal-imsemmija rakkomandazzjonijiet, dan it-test ifakkar il-karatteristiċi essenzjali tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari u l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-qrati nazzjonali qabel jagħmlu rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li jagħti wkoll lil dawn tal-aħħar indikazzjonijiet prattiċi mhux biss dwar il-forma u l-kontenut tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari iżda wkoll dwar l-analiżi preliminari li ser ikunu suġġetti għaliha hekk kif jaslu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiġi ddeterminata liema qorti għandha l-kompetenza tittrattahom. Ladarba ssir din id-determinazzjoni, it-talba għal deċiżjoni preliminari tiġi ttrattata b’mod essenzjalment identiku, jew mill-Qorti tal-Ġustizzja, jew mill-Qorti Ġenerali. Ħlief għall-ipoteżi eċċezzjonali ta’ eżami mill-ġdid, id-deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti Ġenerali għandhom natura definittiva u għandhom l-istess portata bħal dawk mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja.


Werrej

 

Punti

Introduzzjoni

1–2

I.

Dispożizzjonijiet applikabbli għat-talbiet għal deċiżjoni preliminari kollha

3–39

 

L-awtur tat-talba għal deċiżjoni preliminari

3–7

 

Is-suġġett u l-portata tat-talba għal deċiżjoni preliminari

8–11

 

Il-mument opportun sabiex isir rinviju għal deċiżjoni preliminari

12–13

 

Il-forma u l-kontenut tat-talba għal deċiżjoni preliminari

14–20

 

Il-protezzjoni tad-data personali u l-anonimizzazzjoni tat-talba għal deċiżjoni preliminari

21–22

 

It-trażmissjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja tat-talba għal deċiżjoni preliminari u tal-proċess tal-proċedura nazzjonali

23–24

 

Id-determinazzjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tal-qorti kompetenti sabiex tagħti deċiżjoni dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari

25–29

 

Ir-relazzjoni bejn ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura nazzjonali

30–32

 

L-ispejjeż u l-għajnuna legali

33–34

 

L-iżvolġiment tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali u l-passi meħuda mill-qorti tar-rinviju wara d-deċiżjoni tagħhom

35–37

 

Il-possibbiltà, eċċezzjonali, ta’ eżami mill-ġdid mill-Qorti tal-Ġustizzja tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali

38–39

II.

Dispożizzjonijiet applikabbli għat-talbiet għal deċiżjoni preliminari li jeħtieġu ħeffa partikolari

40–48

 

Il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa u tal-proċedura b’urġenza

41–43

 

It-talba għall-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa jew tal-proċedura b’urġenza

44–46

 

Il-komunikazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali u l-qorti tar-rinviju kif ukoll il-partijiet fit-tilwima fil-kawża prinċipali

47–48

Anness - L-elementi essenzjali ta’ talba għal deċiżjoni preliminari

 

Introduzzjoni

1.

Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, previst fl-Artikolu 19(3)(b) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem it-“TUE”) u fl-Artikolu 267 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem it-“TFUE”), huwa mekkaniżmu fundamentali tad-dritt tal-Unjoni. L-għan tiegħu huwa li jiżgura interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi ta’ dan id-dritt fi ħdan l-Unjoni Ewropea, billi joffri lill-qrati tal-Istati Membri strument li jippermettilhom iressqu talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea b’domandi li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew il-validità ta’ atti adottati mill-istituzzjonijiet, mill-korpi jew mill-organi tal-Unjoni, u dan filwaqt li jiġi indikat li, għalkemm it-talbiet għal deċiżjoni preliminari kollha għandhom jiġu indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja, ir-risposta għad-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali ser tingħata, skont is-suġġett tat-talba, jew mill-Qorti tal-Ġustizzja jew mill-Qorti Ġenerali.

2.

Il-proċedura għal deċiżjoni preliminari hija bbażata fuq kollaborazzjoni mill-qrib bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali, minn naħa, u l-qrati tal-Istati Membri, min-naħa l-oħra. Sabiex tiġi żgurata l-effikaċja sħiħa ta’ din il-proċedura, inħasset il-ħtieġa li jitfakkru l-karatteristiċi essenzjali tagħha u li jsiru ċerti preċiżazzjonijiet li jispeċifikaw id-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, ifformulati b’termini essenzjalment identiċi, li jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-awtur, is-suġġett u l-portata tat-talba għal deċiżjoni preliminari, kif ukoll il-forma u l-kontenut ta’ tali talba. Dawn il-preċiżazzjonijiet, li japplikaw għat-talbiet għal deċiżjoni preliminari kollha (I), huma kkompletati permezz ta’ dispożizzjonijiet dwar talbiet għal deċiżjoni preliminari li jeħtieġu ħeffa partikolari (II) u permezz ta’ anness li jiġbor fil-qosor l-elementi kollha li għandu jkollha talba għal deċiżjoni preliminari.

I.   Dispożizzjonijiet applikabbli għat-talbiet għal deċiżjoni preliminari kollha

L-awtur tat-talba għal deċiżjoni preliminari

3.

Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali sabiex jagħtu deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni jew dwar il-validità tad-dritt tal-Unjoni tiddependi esklużivament mill-inizjattiva tal-qrati nazzjonali, irrispettivament minn jekk il-partijiet fil-kawża prinċipali jkunux esprimew jew le x-xewqa li jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari. Sa fejn hija l-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tressqet it-tilwima li ser ikollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li tkun għad trid tingħata, hija fil-fatt din il-qorti – u hija biss – li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari ta’ kull kawża, kemm il-ħtieġa ta’ talba għal deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha u kemm ir-rilevanza tad-domandi li tagħmel.

4.

Il-kwalità ta’ qorti hija interpretata bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni billi jittieħdu inkunsiderazzjoni numru ta’ fatturi bħal jekk l-organu li jkun għamel ir-rinviju jkunx stabbilit mil-liġi, jekk ikunx permanenti, jekk il-ġurisdizzjoni tiegħu tkunx ta’ natura obbligatorja, jekk il-proċeduri quddiemu jkunux kontradittorji, jekk il-korp japplikax dispożizzjonijiet legali, kif ukoll jekk ikunx indipendenti.

5.

F’dan id-dawl, il-qrati tal-Istati Membri jistgħu jressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari meta jqisu li deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti Ġenerali dwar kwistjoni marbuta mal-interpretazzjoni jew mal-validità tad-dritt tal-Unjoni tkun meħtieġa sabiex jagħtu d-deċiżjoni tagħhom (ara t-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE). Rinviju għal deċiżjoni preliminari jista’ jirriżulta partikolarment utli meta quddiem il-qorti nazzjonali titqajjem kwistjoni ta’ interpretazzjoni ġdida li tkun ta’ interess ġenerali għall-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni jew meta l-ġurisprudenza eżistenti ma tkunx tidher li tipprovdi l-kjarezza meħtieġa f’kuntest legali jew fattwali ġdid.

6.

Madankollu, meta kwistjoni titqajjem fil-kuntest ta’ kawża pendenti quddiem qorti li mid-deċiżjonijiet tagħha ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali, din il-qorti hija obbligata tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari (ara t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE), sakemm ma jkunx hemm diġà ġurisprudenza stabbilita fil-qasam inkwistjoni jew sakemm l-interpretazzjoni korretta tad-dispożizzjoni legali inkwistjoni ma tkun tagħti lok għal ebda dubju raġonevoli.

7.

Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, filwaqt li l-qrati nazzjonali għandhom is-setgħa li jiċħdu l-motivi ta’ invalidità mressqa quddiemhom fil-konfront ta’ att ta’ istituzzjoni, ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni, il-possibbiltà li tali att jiġi ddikjarat invalidu, għall-kuntrarju, tappartjeni esklużivament lill-qorti tal-Unjoni. Għaldaqstant, meta jkollha dubji dwar il-validità ta’ tali att, qorti ta’ Stat Membru għandha tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari filwaqt li tindika r-raġunijiet għaliex ikollha tali dubji. Sussegwentement, ikunu l-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali, skont is-suġġett tat-talba għal deċiżjoni preliminari, li jagħtu deċiżjoni dwar dan il-kwistjoni (ara, iktar ’il quddiem, il-punti 25 sa 29).

Is-suġġett u l-portata tat-talba għal deċiżjoni preliminari

8.

It-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tikkonċerna l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni, u mhux l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali nazzjonali jew punti ta’ fatt imqajma fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

9.

Il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali ma jistgħux jagħtu deċiżjoni dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari ħlief fil-każ li d-dritt tal-Unjoni jkun applikabbli għat-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għalhekk, huwa indispensabbli li l-qorti tar-rinviju tesponi l-punti rilevanti kollha, kemm ta’ fatt u kemm ta’ liġi, li fuq il-bażi tagħhom tqis li hemm dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu japplikaw fil-kawża ineżami.

10.

Fir-rigward tar-rinviji għal deċiżjoni preliminari li jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 51(1) tagħha, id-dispożizzjonijiet tal-Karta huma indirizzati lill-Istati Membri biss meta jkunu qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. Għalkemm il-każijiet partikolari ta’ tali implimentazzjoni jistgħu jkunu diversi, huwa xorta waħda meħtieġ li, mit-talba għal deċiżjoni preliminari, jirriżulta b’mod ċar u inekwivoku li fit-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali tapplika dispożizzjoni legali tal-Unjoni għajr il-Karta. Peress li l-qorti tal-Unjoni ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar talba għal deċiżjoni preliminari meta sitwazzjoni legali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet tal-Karta li eventwalment ikunu invokati mill-qorti tar-rinviju ma jistgħux jikkostitwixxu, waħedhom, bażi għal din il-ġurisdizzjoni.

11.

Fl-aħħar nett, għalkemm, sabiex jagħtu d-deċiżjoni tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali jieħdu neċessarjament inkunsiderazzjoni l-qafas legali u fattwali tat-tilwima fil-kawża prinċipali, kif ikun ġie ddefinit mill-qorti tar-rinviju fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali ma japplikawx huma stess id-dritt tal-Unjoni għal din it-tilwima. Meta jagħtu deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali jfittxu li jagħtu risposta utli għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, iżda hija l-qorti tar-rinviju li għandha tislet il-konsegwenzi konkreti minn din ir-risposta billi, jekk ikun meħtieġ, tastjeni milli tapplika r-regola nazzjonali li tkun tqieset li hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

Il-mument opportun sabiex isir rinviju għal deċiżjoni preliminari

12.

Qorti nazzjonali tista’ tressaq talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja hekk kif tikkonstata li hija neċessarja deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni sabiex tagħti s-sentenza tagħha. Hija dik il-qorti, fil-fatt, li tinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex tiddetermina f’liema stadju tal-proċedura nazzjonali jkun xieraq li tressaq din it-talba.

13.

Madankollu, sa fejn din it-talba ser isservi ta’ bażi għall-proċedura li tiżvolġi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jew quddiem il-Qorti Ġenerali u sa fejn dawn tal-aħħar għandu jkollhom l-elementi kollha li jippermettulhom kemm li jivverifikaw il-ġurisdizzjoni tagħhom sabiex jirrispondu għad-domandi magħmula u kemm li jagħtu, fl-affermattiv, risposta utli għal dawn id-domandi, huwa meħtieġ li d-deċiżjoni li jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari tittieħed fi stadju tal-proċedura li fih il-qorti tar-rinviju tkun f’pożizzjoni li tiddefinixxi, bi preċiżjoni suffiċjenti, il-kuntest legali u fattwali tat-tilwima fil-kawża prinċipali, kif ukoll il-kwistjonijiet legali mqajma minnha. Fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jista’ jkun il-każ ukoll li r-rinviju jsir wara li jinstemgħu l-partijiet.

Il-forma u l-kontenut tat-talba għal deċiżjoni preliminari

14.

It-talba għal deċiżjoni preliminari tista’ ssir f’kull forma li hija ammessa mid-dritt nazzjonali, iżda wieħed għandu jżomm f’moħħu li din it-talba sservi ta’ bażi għall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali u li tiġi nnotifikata lill-partijiet interessati kollha msemmija fl-Artikolu 23 tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“Istatut”) u, b’mod partikolari, lill-Istati Membri kollha, bl-iskop li dawn jippreżentaw l-osservazzjonijiet li jista’ jkollhom. Għalhekk, il-bżonn korrispondenti li t-talba għal deċiżjoni preliminari tiġi tradotta fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni jirrikjedi, min-naħa tal-qorti tar-rinviju, redazzjoni sempliċi, ċara u preċiża, mingħajr elementi superfluwi. Kif turi l-esperjenza, ħafna drabi madwar għaxar faċċati jkunu biżżejjed sabiex jiġu esposti, b’mod adegwat, il-kuntest legali u fattwali ta’ talba għal deċiżjoni preliminari kif ukoll ir-raġunijiet li jkunu wasslu sabiex isir rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

15.

Il-kontenut ta’ kull talba għal deċiżjoni preliminari huwa stabbilit b’mod identiku fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u fl-Artikolu 199 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u huwa miġbur fil-qosor fl-Anness ta’ dan id-dokument. Minbarra t-test stess tad-domandi preliminari magħmula, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi:

—

espożizzjoni fil-qosor tas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali kif ukoll tal-fatti rilevanti, kif ikunu ġew ikkonstatati mill-qorti tar-rinviju jew, minn tal-inqas, espożizzjoni tal-informazzjoni fattwali li fuqha jkunu bbażati d-domandi preliminari;

—

il-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu japplikaw għall-kawża ineżami u, jekk ikun il-każ, il-ġurisprudenza nazzjonali rilevanti, kif ukoll

—

espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll il-konnessjoni li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

Fl-assenza ta’ wieħed jew iktar mill-elementi preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali jaf ikollhom, abbażi rispettivament tal-Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 225 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, jiddikjaraw li ma jkollhomx ġurisdizzjoni sabiex jagħtu deċiżjoni dwar id-domandi preliminari magħmula jew ikollhom jiċħdu t-talba għal deċiżjoni preliminari bħala inammissibbli, permezz ta’ digriet motivat.

16.

Fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju għandha tipprovdi r-referenzi preċiżi għad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli għall-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali kif ukoll għad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom tkun qiegħda tintalab jew li l-validità tagħhom tkun qiegħda tiġi kkontestata. Sa fejn ikun possibbli, dawn ir-referenzi għandhom jinkludu kemm l-indikazzjoni tat-titolu preċiż u tad-data tal-adozzjoni tal-atti li jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet ikkonċernati kif ukoll ir-referenzi tal-pubblikazzjoni ta’ dawn l-atti. Meta tagħmel riferiment għall-ġurisprudenza, il-qorti tar-rinviju hija barra minn hekk mistiedna tindika n-numru ECLI (“European Case Law Identifier”) tad-deċiżjoni kkonċernata.

17.

Jekk tqis li huwa meħtieġ sabiex tinftiehem il-kawża, il-qorti tar-rinviju tista’ ssemmi, fil-qosor, l-argumenti prinċipali tal-partijiet fit-tilwima fil-kawża prinċipali. Għandu jitfakkar, f’dan il-kuntest, li hija biss it-talba għal deċiżjoni preliminari li tiġi tradotta, u li l-eventwali annessi ma’ din it-talba ma jiġux tradotti.

18.

Il-qorti tar-rinviju tista’ tindika wkoll, fil-qosor, il-fehma tagħha dwar ir-risposta li għandha tingħata lid-domandi preliminari. Tali indikazzjoni tkun utli, b’mod partikolari fil-kuntest tal-proċeduri mħaffa jew, jekk ikun il-każ, tal-proċeduri b’urġenza.

19.

Fl-aħħar nett, id-domandi magħmula għandhom jiġu ppreżentati f’parti distinta u identifikata b’mod ċar tad-deċiżjoni tar-rinviju, idealment fil-parti tal-bidu jew tal-aħħar tagħha. Dawn id-domandi għandhom ikunu jistgħu jinftiehmu waħedhom, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jsir riferiment għall-espożizzjoni tar-raġunijiet tat-talba.

20.

Sabiex jiġi ffaċilitat il-qari tagħha, huwa essenzjali li t-talba għal deċiżjoni preliminari tintbagħat lill-Qorti tal-Ġustizzja f’forma ttajpjata u li l-paġni u l-paragrafi tad-deċiżjoni tar-rinviju jkunu nnumerati. It-talbiet għal deċiżjoni preliminari miktuba bl-idejn ma jiġux ittrattati.

Il-protezzjoni tad-data personali u l-anonimizzazzjoni tat-talba għal deċiżjoni preliminari

21.

Sabiex tiġi żgurata l-aħjar protezzjoni possibbli tad-data personali fil-kuntest tat-trattament tal-kawża mill-Qorti tal-Ġustizzja jew mill-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tan-notifika tat-talba għal deċiżjoni preliminari lill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut u fil-kuntest tad-diffużjoni ulterjuri, fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza, il-qorti tar-rinviju, li hija biss ikollha għarfien sħiħ tal-proċess tal-proċedura nazzjonali, hija mistiedna tanonimizza l-kawża billi tissostitwixxi, pereżempju permezz ta’ ittri, l-isem tal-persuni fiżiċi msemmija fit-talba u billi toskura l-elementi li jistgħu jippermettu l-identifikazzjoni ta’ dawn il-persuni. Fil-fatt, minħabba l-użu ġeneralizzat ta’ teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u, b’mod partikolari, tal-użu ta’ muturi ta’ riċerka, l-applikazzjoni tal-anonimat wara n-notifika tat-talba għal deċiżjoni preliminari lill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut u wara l-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-avviż dwar il-kawża kkonċernata ma jkollha ebda effett utli.

22.

Meta jkollha għad-dispożizzjoni tagħha verżjoni bl-ismijiet tat-talba għal deċiżjoni preliminari, li tinkludi l-ismijiet u d-dettalji sħaħ tal-partijiet fit-tilwima fil-kawża prinċipali, u verżjoni anonimizzata ta’ din it-talba, il-qorti tar-rinviju hija mistiedna tittrażmetti ż-żewġ verżjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġi ffaċilitat it-trattament tal-kawża mill-Qorti tal-Ġustizzja jew mill-Qorti Ġenerali.

It-trażmissjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja tat-talba għal deċiżjoni preliminari u tal-proċess tal-proċedura nazzjonali

23.

It-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi ddatata u ffirmata, u mbagħad għandha tintbagħat lir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod elettroniku jew bil-posta (Greffe de la Cour de justice, Rue du Fort Niedergrünewald, L-2925 Luxembourg). Għal raġunijiet marbuta, b’mod partikolari, mal-ħtieġa li jiġu żgurati trattament malajr tal-kawża u komunikazzjoni bl-aħjar mod mal-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrakkomanda l-użu, minn din tal-aħħar, tal-applikazzjoni e-Curia. Il-modalitajiet ta’ aċċess għal din l-applikazzjoni, li tippermetti l-preżentata u n-notifika tal-atti proċedurali b’mod elettroniku, kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ użu ta’ din l-applikazzjoni, jistgħu jiġu kkonsultati fis-sit internet tal-istituzzjoni: CURIA – Proċedura – Il-Qorti tal-Ġustizzja (europa.eu) . Sabiex jiġu ffaċilitati t-trattament tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti Ġenerali u, b’mod partikolari, it-traduzzjoni tagħhom fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, il-qrati nazzjonali huma mistiedna jibagħtu, minbarra l-verżjoni oriġinali tat-talba għal deċiżjoni preliminari permezz ta’ e-Curia, verżjoni ta’ din it-talba f’format li jippermetti l-editjar tagħha fl-indirizz segwenti: editable-versions@curia.europa.eu (3).

24.

It-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tasal fir-Reġistru flimkien mad-dokumenti kollha li jkunu rilevanti u utli għat-trattament tal-kawża mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti Ġenerali u, b’mod partikolari, mad-dettalji preċiżi tal-partijiet fit-tilwima fil-kawża prinċipali u tar-rappreżentanti tagħhom, jekk ikun hemm, kif ukoll mal-proċess tal-kawża prinċipali jew ma’ kopja tiegħu. Dan il-proċess (jew il-kopja tiegħu) – li jista’ jintbagħat b’mod elettroniku jew bil-posta – ser jinżamm fir-Reġistru matul it-tul kollu tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali fejn, sakemm il-qorti tar-rinviju ma tindikax mod ieħor, ikun jista’ jiġi kkonsultat mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut.

Id-determinazzjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tal-qorti kompetenti sabiex tagħti deċiżjoni dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari

25.

Minkejja li, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u ta’ ħeffa, it-talbiet għal deċiżjoni preliminari kollha għandhom jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-risposta għad-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju ma hijiex ser tingħata neċessarjament mill-Qorti tal-Ġustizzja stess. Din ir-risposta ser tingħata jew mill-Qorti tal-Ġustizzja jew mill-Qorti Ġenerali, skont is-suġġett tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

26.

B’hekk, kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 50b tal-Istatut, il-Qorti Ġenerali fil-fatt għandha kompetenza sabiex tisma’ t-talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa skont l-Artikolu 267 TFUE, li jkunu jikkonċernaw esklużivament wieħed jew iktar mill-oqsma speċifiċi segwenti:

—

is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud;

—

id-dazji tas-sisa;

—

il-Kodiċi Doganali;

—

il-klassifikazzjoni tariffarja tal-oġġetti skont in-Nomenklatura Magħquda;

—

il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri f’każ li jiġu miċħuda milli jitilgħu abbord jew ta’ dewmien jew kanċellazzjoni ta’ servizzi tat-trasport;

—

is-sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra.

Madankollu, it-tieni paragrafu tal-istess artikolu jippreċiża li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha żżomm il-kompetenza biex tieħu konjizzjoni tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari li jqajmu kwistjonijiet awtonomi ta’ interpretazzjoni tad-dritt primarju, tad-dritt internazzjonali pubbliku, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni jew tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Għal din ir-raġuni, kull talba għal deċiżjoni preliminari mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ser tkun għalhekk is-suġġett ta’ analiżi preliminari, skont il-modalitajiet deskritti iktar ’il quddiem, previsti fl-Artikolu 93a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

27.

Fil-każ li, wara analiżi tat-talba għal deċiżjoni preliminari, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, assistit mill-Viċi President u mill-Avukat Ġenerali Ewlieni, iqis li din it-talba tikkonċerna esklużivament wieħed jew iktar mill-oqsma speċifiċi msemmija fil-punt preċedenti, huwa jinforma b’dan lir-Reġistru, li min-naħa tiegħu jibgħat mill-ewwel it-talba lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali. It-talba tiġi rreġistrata formalment minn dan tal-aħħar u l-proċedura titkompla quddiem il-Qorti Ġenerali, konformement mad-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura, li essenzjalment huma identiċi għad-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

28.

Fil-każ li, għall-kuntrarju, l-analiżi preliminari tat-talba għal deċiżjoni preliminari twassal lill-President, lill-Viċi President u lill-Avukat Ġenerali Ewlieni jqisu li, għalkemm tkun tikkonċerna wieħed jew iktar mill-oqsma speċifiċi, it-talba tkun tikkonċerna wkoll oqsma oħra jew tqajjem kwistjonijiet awtonomi ta’ interpretazzjoni tad-dritt primarju, tad-dritt internazzjonali pubbliku, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni jew tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, din it-talba titressaq immedjatament quddiem il-laqgħa ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja, li fiha jipparteċipaw l-Imħallfin u l-Avukati Ġenerali kollha tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex issir analiżi iktar iddettaljata. Fil-każ li din l-analiżi twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja tqis li t-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna esklużivament wieħed jew iktar mill-oqsma speċifiċi msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 50b tal-Istatut, din it-talba tintbagħat immedjatament mir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali u l-proċedura mbagħad titkompla quddiem din tal-aħħar konformement mad-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura tagħha. Fil-każ kuntrarju, il-proċedura titkompla quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, konformement mad-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Naturalment, il-qorti tar-rinviju tiġi informata immedjatament dwar l-eżitu ta’ din l-analiżi mir-Reġistru tal-qorti kkonċernata, li mbagħad isir l-interlokutur esklużiv tal-qorti tar-rinviju.

29.

Meta l-Qorti Ġenerali tikkonstata li ma jkollhiex kompetenza sabiex tieħu konoxxenza ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, hija tirreferi din it-talba lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ digriet skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 tal-Istatut. Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(3) TFUE, il-Qorti Ġenerali tista’ wkoll, f’kull stadju tal-proċedura, tiddeċiedi li tirreferi talba lill-Qorti tal-Ġustizzja meta tqis li din it-talba tkun teħtieġ deċiżjoni ta’ prinċipju li tista’ tikkomprometti l-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni. Il-qorti nazzjonali tiġi informata immedjatament bir-riferiment.

Ir-relazzjoni bejn ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura nazzjonali

30.

Għalkemm il-qorti nazzjonali xorta tibqa’ kompetenti sabiex tadotta miżuri kawtelatorji, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rinviju għad-determinazzjoni tal-validità, it-tressiq ta’ talba għal deċiżjoni preliminari jimplika madankollu s-sospensjoni tal-proċeduri nazzjonali sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali jagħtu d-deċiżjoni tagħhom.

31.

Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali, bħala prinċipju, jibqgħu aditi b’talba għal deċiżjoni preliminari sakemm din ma tiġix irtirata mill-qorti tar-rinviju, wieħed għandu jżomm f’moħħu li r-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari huwa li jikkontribwixxu għall-amministrazzjoni effettiva tal-ġustizzja fl-Istati Membri u mhux li jifformulaw opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi. Peress li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari hija bbażata fuq il-premessa li effettivament ikun hemm tilwima pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, din tal-aħħar għandha tinforma lill-Qorti tal-Ġustizzja jew lill-Qorti Ġenerali dwar kull kwistjoni proċedurali li jista’ jkollha impatt fuq kif l-istess qorti nazzjonali tkun tista’ tkompli tieħu konjizzjoni tal-kawża u, b’mod partikolari, dwar kull rinunzja għall-atti, dwar kull ftehim bonarju dwar it-tilwima fil-kawża prinċipali kif ukoll dwar kwalunkwe kwistjoni oħra li twassal għall-estinzjoni tal-istanza. Il-qorti tar-rinviju għandha tinforma wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja jew lill-Qorti Ġenerali fil-każ li tiġi adottata deċiżjoni fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-rinviju u dwar il-konsegwenzi ta’ din id-deċiżjoni fuq it-talba għal deċiżjoni preliminari. Fl-interess tal-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari u, b’mod partikolari, sabiex jiġi evitat li l-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali jiddedikaw il-ħin u r-riżorsi tagħhom għal kawża li tista’ tiġi rtirata jew li tista’ titlef l-iskop tagħha, huwa meħtieġ li tali informazzjoni tiġi kkomunikata lill-Qorti tal-Ġustizzja jew lill-Qorti Ġenerali fl-iqsar żmien possibbli.

32.

Barra minn hekk, tinġibed l-attenzjoni tal-qrati nazzjonali għall-fatt li l-irtirar ta’ talba għal deċiżjoni preliminari jista’ jkollu impatt fuq il-ġestjoni ta’ kawżi simili mill-qorti tar-rinviju. Meta l-eżitu ta’ diversi kawżi pendenti quddiem din tal-aħħar jiddependi mir-risposta li jkunu ser jagħtu l-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, ikun opportun li din tal-aħħar tgħaqqad dawn il-kawżi qabel tibgħat it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali jkunu jistgħu jirrispondu għad-domandi magħmula minkejja l-eventwali rtirar ta’ waħda jew iktar minn dawn il-kawżi.

L-ispejjeż u l-għajnuna legali

33.

Il-proċedura għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali hija bla ħlas u dawn tal-aħħar ma jiddeċidux dwar l-ispejjeż tal-partijiet fit-tilwima pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju. Hija din tal-aħħar li għandha tiddeċiedi f’dan ir-rigward.

34.

Fil-każ li parti fit-tilwima fil-kawża prinċipali ma jkollhiex riżorsi suffiċjenti, il-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali jistgħu jagħtu lil din tal-aħħar għajnuna legali sabiex tkopri l-ispejjeż, b’mod partikolari dawk ta’ rappreżentanza, li hija jkollha ssostni. Madankollu, din l-għajnuna tista’ tingħata biss fil-każ li l-parti inkwistjoni ma tkunx qed tibbenefika diġà minn għajnuna fuq livell nazzjonali jew sa fejn din l-għajnuna ma tkoprix – jew tkopri biss parzjalment – l-ispejjeż sostnuti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali. Fi kwalunkwe każ, din il-parti hija mistiedna tibgħat lill-Qorti tal-Ġustizzja jew lill-Qorti Ġenerali l-informazzjoni u d-dokumenti ta’ sostenn kollha li fuq il-bażi tagħhom tkun tista’ tiġi evalwata s-sitwazzjoni ekonomika reali tagħha.

L-iżvolġiment tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali u l-passi meħuda mill-qorti tar-rinviju wara d-deċiżjoni tagħhom

35.

Matul il-proċedura kollha, ir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja jew ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali jżommu kuntatt mal-qorti tar-rinviju u jibgħatulha kopja tal-atti proċedurali kollha kif ukoll, jekk ikun il-każ, talbiet għal preċiżazzjonijiet jew kjarifiki li jitqiesu li huma neċessarji sabiex tingħata risposta utli għad-domandi magħmula minn din il-qorti.

36.

Fi tmiem il-proċedura, li bħala prinċipju tinkludi fażi bil-miktub u fażi orali, il-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali jagħtu deċiżjoni permezz ta’ sentenza dwar id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju. Madankollu, f’ċerti sitwazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali jistgħu jkunu meħtieġa jagħtu deċiżjoni dwar dawn id-domandi mingħajr fażi orali, jew anki mingħajr ma jitolbu l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut. Dan ikun il-każ, b’mod partikolari, meta d-domanda preliminari magħmula tkun identika għal domanda li dwarha l-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali jkunu diġà taw deċiżjoni, meta r-risposta għal tali domanda tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għad-domanda preliminari ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli. F’każijiet bħal dawn, il-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali, abbażi, rispettivament, tal-Artikolu 99 jew tal-Artikolu 226 tar-Regoli tal-Proċedura tagħhom, jagħtu deċiżjoni malajr dwar id-domanda magħmula permezz ta’ digriet motivat li għandu l-istess portata u l-istess saħħa vinkolanti bħal sentenza

37.

Wara li tingħata s-sentenza jew wara li jiġi ffirmat id-digriet li jagħlaq l-istanza, ir-Reġistru tal-qorti kkonċernata jibgħat id-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza lill-qorti tar-rinviju. B’differenza mis-sentenzi u mid-digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sentenzi u d-digrieti tal-Qorti Ġenerali jidħlu fis-seħħ fil-kundizzjonijiet previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 62b tal-Istatut. Il-qorti tar-rinviju hija mitluba tinforma, skont il-każ, lill-Qorti tal-Ġustizzja jew lill-Qorti Ġenerali, dwar il-konsegwenzi misluta minn din id-deċiżjoni fil-kawża prinċipali. Il-qorti tar-rinviju hija mistiedna tibgħat id-deċiżjoni finali tagħha, flimkien ma’ indikazzjoni espliċita tan-numru tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali, fl-indirizz segwenti: Follow-up-DDP@curia.europa.eu.

Il-possibbiltà, eċċezzjonali, ta’ eżami mill-ġdid mill-Qorti tal-Ġustizzja tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali

38.

Kif jirriżulta mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 256(3) TFUE, id-deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti Ġenerali dwar domandi preliminari jistgħu, eċċezzjonalment, ikunu s-suġġett ta’ eżami mill-ġdid mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kundizzjonijiet u fil-limiti previsti fl-Istatut, fil-każ ta’ riskju serju ta’ preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 62 tal-Istatut jispeċifika li, f’dan il-każ, il-proposta għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali għandha ssir mill-Avukat Ġenerali Ewlieni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’terminu ta’ xahar mill-għoti ta’ din id-deċiżjoni u li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti deċiżjoni dwar din il-proposta u, għaldaqstant, f’terminu ta’ xahar mill-proposta tal-Avukat Ġenerali Ewlieni għandha tiddeċiedi jekk ikunx hemm lok jew le li jsir eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. B’hekk, minn qari flimkien ta’ dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 62b tal-Istatut jirriżulta li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali jkollha natura definittiva biss mal-iskadenza tat-termini msemmija iktar ’il fuq jew, fil-każ li effettivament tinfetaħ il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid, fi tmiem din il-proċedura, li l-modalitajiet tagħha huma deskritti fl-Artikoli 194 u 195 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

39.

Madankollu, sa fejn il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid għandha tkun ta’ natura eċċezzjonali, huwa meħtieġ li l-qorti tar-rinviju tiġi informata mill-iktar fis possibbli dwar jekk tkunx saret (jew le) proposta ta’ eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. L-Artikolu 193a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprevedi għalhekk l-informazzjoni immedjata tal-qorti tar-rinviju fil-każ li ma ssirx proposta ta’ eżami mill-ġdid, li jagħti lid-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali natura definittiva. Fil-każ kuntrarju, il-qorti tar-rinviju jkollha tistenna sabiex tkun taf id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-proposta tal-Avukat Ġenerali Ewlieni u, fil-każ li tintlaqa’ din il-proposta, l-eżitu tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid, sabiex tkun taf jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tkunx ikkonfermat id-deċiżjoni mill-Qorti Ġenerali jew jekk tkunx qieset li din id-deċiżjoni tippreġudika l-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni, f’liema każ ir-risposta mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi li kienu s-suġġett ta’ eżami mill-ġdid tieħu post dik mogħtija mill-Qorti Ġenerali.

II.   Dispożizzjonijiet applikabbli għat-talbiet għal deċiżjoni preliminari li jeħtieġu ħeffa partikolari

40.

Fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 23a tal-Istatut kif ukoll fl-Artikoli 105 sa 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u fl-Artikolu 237 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, rinviju għal deċiżjoni preliminari jista’, f’ċerti ċirkustanzi, jiġi suġġett għal proċedura mħaffa jew għal proċedura b’urġenza. L-implimentazzjoni ta’ dawn il-proċeduri tiġi deċiża, skont il-każ, mill-Qorti tal-Ġustizzja jew mill-Qorti Ġenerali wara li titressaq, mill-qorti tar-rinviju, talba distinta, debitament motivata, li tistabbilixxi ċ-ċirkustanzi, ta’ dritt jew ta’ fatt, li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ din il-proċedura (jew ta’ dawn il-proċeduri) jew, f’każijiet eċċezzjonali, ex officio, meta n-natura jew iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża jidhru li jeħtieġu dan.

Il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa u tal-proċedura b’urġenza

41.

Skont l-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 237 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, meta n-natura tal-kawża teżiġi li tiġi ttrattata f’qasir żmien, rinviju għal deċiżjoni preliminari jista’ għalhekk jiġi suġġett għal proċedura mħaffa li tidderoga mid-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-Regoli. Peress li din il-proċedura timponi ċerti restrizzjonijiet importanti fuq dawk kollha involuti fil-proċedura u, b’mod partikolari, fuq l-Istati Membri kollha li jkunu mistiedna jippreżentaw osservazzjonijiet, bil-miktub jew orali, f’termini ħafna iqsar mit-termini normali, l-applikazzjoni tagħha għandha tintalab biss meta ċirkustanzi partikolari jistabbilixxu sitwazzjoni ta’ urġenza li tiġġustifika li l-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali jagħtu deċiżjoni malajr dwar id-domandi magħmula. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, meta jkun hemm riskji kbar u imminenti għas-saħħa pubblika jew għall-ambjent li deċiżjoni malajr mill-Qorti tal-Ġustizzja jew mill-Qorti Ġenerali tista’ tikkontribwixxi sabiex jiġu evitati, jew meta ċirkustanzi partikolari jeħtieġu li jitneħħew, f’termini qosra ħafna, inċertezzi li jkun hemm dwar kwistjonijiet fundamentali ta’ dritt kostituzzjonali nazzjonali jew tad-dritt tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, skont ġurisprudenza stabbilita, in-numru kbir ta’ persuni jew ta’ sitwazzjonijiet legali li potenzjalment ikunu kkonċernati mid-deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju jkollha tagħti wara li tkun ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ interessi ekonomiċi sostanzjali jew anki l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tagħti deċiżjoni malajr ma jikkostitwixxux, bħala tali, ċirkustanzi eċċezzjonali li jistgħu jiġġustifikaw l-użu ta’ proċedura mħaffa.

42.

Din il-konstatazzjoni tapplika iktar u iktar fir-rigward tal-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, din il-proċedura, li tapplika biss għall-Qorti tal-Ġustizzja u fl-oqsma li jaqgħu taħt it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-TFUE, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, timponi restrizzjonijiet saħansitra iktar onerużi fuq dawk kollha involuti fil-proċedura peress li tillimita n-numru tal-partijiet awtorizzati jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u peress li tippermetti, f’każijiet ta’ urġenza estrema, li tiġi eskluża kompletament il-fażi bil-miktub tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, l-applikazzjoni ta’ din il-proċedura għandha tintalab biss f’ċirkustanzi fejn ikun assolutament meħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni b’ħeffa kbira ħafna dwar id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

43.

Mingħajr ma huwa possibbli li tali ċirkustanzi jiġu elenkati hawnhekk b’mod eżawrjenti, b’mod partikolari minħabba n-natura varja u evoluttiva tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, qorti nazzjonali tista’, bħala eżempju, tikkunsidra li tressaq talba għal proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari fil-każ, imsemmi fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, ta’ persuna taħt arrest jew imċaħħda mil-libertà tagħha, meta r-risposta għad-domanda magħmula tkun determinanti għall-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni legali ta’ din il-persuna, jew fil-każ ta’ tilwima li tikkonċerna l-awtorità parentali jew il-kustodja ta’ wild minuri b’mod partikolari meta l-eżitu tat-tilwima fil-kawża prinċipali jiddependi mir-risposta għad-domanda preliminari u meta l-użu tal-proċedura ordinarja jkun jista’ jikkawża ħsara serja, jekk mhux ukoll irreparabbli, għar-relazzjoni bejn minuri u (wieħed mill-)ġenituri tiegħu jew għall-iżvilupp tiegħu kif ukoll għall-integrazzjoni tiegħu fl-ambjent tal-familja u soċjali tiegħu. Għall-kuntrarju, sempliċi interessi ekonomiċi, irrispettivament minn kemm ikunu sostanzjali u leġittimi, l-inċertezza legali li tolqot is-sitwazzjoni tal-partijiet fil-kawża prinċipali jew ta’ partijiet oħra f’kawżi simili, in-numru kbir ta’ persuni jew ta’ sitwazzjonijiet legali potenzjalment ikkonċernati mid-deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju jkollha tagħti wara li tkun ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jew anki n-numru kbir ta’ kawżi li jistgħu jkunu kkonċernati mid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jikkostitwixxux, bħala tali, ċirkustanzi li jistgħu jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

It-talba għall-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa jew tal-proċedura b’urġenza

44.

Sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali jkunu jistgħu jiddeċiedu malajr jekk għandhiex tiġi implimentata l-proċedura mħaffa jew il-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, it-talba għandha tesponi bi preċiżjoni ċ-ċirkustanzi ta’ liġi u ta’ fatt li jistabbilixxu l-urġenza u, b’mod partikolari, ir-riskji involuti jekk ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi ttrattat bil-proċedura normali. Sa fejn ikun possibbli, il-qorti tar-rinviju għandha tindika wkoll, fil-qosor, il-fehma tagħha dwar ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula. Fil-fatt, tali indikazzjoni tiffaċilita t-teħid ta’ pożizzjoni mill-partijiet fit-tilwima fil-kawża prinċipali u mill-partijiet interessati l-oħra li jipparteċipaw fil-proċedura u, għaldaqstant, tikkontribwixxi għall-ħeffa tal-proċedura.

45.

It-talba għall-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa jew tal-proċedura b’urġenza għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi ppreżentata f’forma mhux ambigwa li tippermetti lir-Reġistru jikkonstata immedjatament li l-proċess jeħtieġ trattament speċifiku. Għal dan il-għan, il-qorti tar-rinviju hija mistiedna tispeċifika liema waħda miż-żewġ proċeduri tkun meħtieġa fil-kawża ineżami u hija mistiedna tindika, fuq talba tagħha, l-artikolu rilevanti tar-Regoli tal-Proċedura kkonċernati (l-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jew l-Artikolu 237 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, dwar il-proċedura mħaffa, jew l-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, dwar il-proċedura b’urġenza). Din l-indikazzjoni għandha ssir f’post li jista’ jiġi identifikat b’mod ċar fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha jew f’ittra separata mill-qorti tar-rinviju.

46.

Fir-rigward tad-deċiżjoni tar-rinviju stess, in-natura konċiża tagħha hija iktar u iktar importanti f’sitwazzjoni ta’ urġenza peress li tikkontribwixxi għall-ħeffa tal-proċedura.

Il-komunikazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali u l-qorti tar-rinviju kif ukoll il-partijiet fit-tilwima fil-kawża prinċipali

47.

Il-qorti li tressaq talba għall-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa jew tal-proċedura b’urġenza hija mistiedna tibgħat din it-talba kif ukoll id-deċiżjoni tar-rinviju stess – flimkien mat-test ta’ din tal-aħħar f’format li jippermetti l-editjar tagħha – permezz tal-applikazzjoni e-Curia jew permezz ta’ ittra elettronika (DDP-GreffeCour@curia.europa.eu).

48.

Sabiex jiġu ffaċilitati l-komunikazzjonijiet ulterjuri tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti Ġenerali kemm mal-qorti tar-rinviju u kemm mal-partijiet fit-tilwima fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju hija mistiedna wkoll tindika l-indirizz tal-posta elettronika tagħha, li l-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali jkunu jistgħu jużaw, kif ukoll l-indirizzi tal-posta elettronika tar-rappreżentanti tal-partijiet fit-tilwima fil-kawża prinċipali.

(1)   ĠU L, 2024/2019, 12.8.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2019/oj.

(2)   ĠU C 380, 8.11.2019, p. 1.

(3)  Verżjoni li tkun tista’ tkun is-suġġett ta’ editjar hija verżjoni mfassla f’software għall-ipproċessar ta’ test bħalma huma Microsoft Word, OpenOffice Writer, Google Docs jew Pages. B’differenza minn software bbażat fuq immaġni, bħalma huwa PDF, dan il-format li jista’ jkun is-suġġett ta’ editjar jippermetti l-isfruttament dirett tat-test sabiex jintuża fil-proċess tat-trattament tal-kawża, b’mod partikolari fl-istadju tat-traduzzjoni.


ANNESS

L-elementi essenzjali ta’ talba għal deċiżjoni preliminari

Dan l-anness ifakkar, fil-qosor, l-elementi prinċipali li għandu jkollha talba għal deċiżjoni preliminari. Dawn l-elementi huma segwiti mill-indikazzjoni tal-punti f’dawn ir-rakkomandazzjonijiet fejn l-imsemmija elementi huma deskritti b’mod iktar iddettaljat.

Kemm jekk tintbagħat b’mod elettroniku u kemm jekk tintbagħat bil-posta, kull talba għal deċiżjoni preliminari għandha tindika:

1)

l-identità tal-qorti li tkun qiegħda tagħmel ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari u, jekk ikun il-każ, tal-awla jew tal-kulleġġ ġudikanti kompetenti (ara, f’dan ir-rigward, il-punti 3 sa 7);

2)

l-identità preċiża tal-partijiet fit-tilwima fil-kawża prinċipali u, jekk ikun il-każ, tal-persuni li jkunu qegħdin jirrappreżentawhom quddiem il-qorti tar-rinviju (fir-rigward tal-partijiet fit-tilwima fil-kawża prinċipali ara, madankollu, il-punti 21 u 22 ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet, dwar il-protezzjoni tad-data personali);

3)

is-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali u l-fatti rilevanti (ara l-punt 15);

4)

id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali u tad-dritt tal-Unjoni (ara l-punti 15 u 16);

5)

ir-raġunijiet li jkunu wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubju dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni (ara l-punti 8 sa 11 u 15 sa 18);

6)

id-domandi preliminari (ara l-punt 19) u, jekk ikun il-każ,

7)

l-eventwali ħtieġa ta’ trattament speċifiku tat-talba marbut, pereżempju, mal-ħeffa partikolari li biha l-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali għandhom jittrattaw it-talba (ara l-punti 40 et seq.).

Mill-aspett formali, it-talbiet għal deċiżjoni preliminari għandhom jiġu ttajpjati, għandu jkollhom data, għandhom jiġu ffirmati, u għandhom jaslu fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja, idealment b’mod elettroniku, flimkien mad-dokumenti utli u rilevanti kollha għat-trattament tal-kawża (ara, f’dan ir-rigward, il-punti 20 sa 24 ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet u, fir-rigward tat-talbiet li jeħtieġu ħeffa partikolari, il-punti 44 sa 48).

Metodi ta’ trażmissjoni rrakkomandati mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti Ġenerali

Sabiex tiġi ggarantita l-aħjar komunikazzjoni possibbli mal-qrati li jressqu talba għal deċiżjoni preliminari quddiemhom, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali jirrakkomandaw l-użu tal-metodi ta’ trażmissjoni segwenti:

1)

Preżentata tat-talba għal deċiżjoni preliminari (jew tad-dokumenti rilevanti l-oħra marbuta ma’ din it-talba):

—

L-oriġinal iffirmat tat-talba għal deċiżjoni preliminari (jew tad-dokumenti l-oħra marbuta ma’ din it-talba): trażmissjoni permezz tal-applikazzjoni e-Curia. Il-modalitajiet ta’ aċċess għal din l-applikazzjoni, mingħajr ħlas u sikura, kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ użu tagħha, huma disponibbli fuq l-indirizz segwenti: https://curia.europa.eu/jcms/jcms/P_78957/mt/

—

Verżjoni li tippermetti l-editjar tat-talba għal deċiżjoni preliminari (jew tad-dokumenti l-oħra marbuta magħha): editable-versions@curia.europa.eu

2)

Trażmissjoni tad-deċiżjoni finali tal-qorti tar-rinviju (anonimizzata, meta jkun meħtieġ, b’mod partikolari għall-finijiet ta’ tqegħid fuq l-internet), wara d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti Ġenerali fuq it-talba għal deċiżjoni preliminari: Follow-up-DDP@curia.europa.eu


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6008/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)