IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 15.10.2026
COM(2026) 551 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/1240 tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar il-ħolqien ta' network Ewropew bejn l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni
1.Introduzzjoni
1.1 Kuntest ta’ politika
In-network Ewropew ta’ uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni (in-“Network ta’ ILOs ”) huwa l-komunità ta’ uffiċjali għall-komunikazzjoni stazzjonati f’pajjiżi terzi mill-Istati Membri, mill-pajjiżi assoċjati ma’ Schengen, mill-aġenziji tal-UE għall-affarijiet interni () u mill-Kummissjoni Ewropea (“il-Membri tan-Network ta’ ILOs”) biex jaħdmu full-time jew part-time fuq kompiti relatati mal-immigrazzjoni. L-għan ġenerali tan-Network ta’ ILOs huwa li jiżgura l-aħjar kooperazzjoni u koordinazzjoni bejn l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni (“ILOs”) b’appoġġ għall-politika tal-UE fil-qasam tal-migrazzjoni.
In-Network ta’ ILOs, li ġie stabbilit fl-2004 bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 377/2004(), issaħħaħ bir-Regolament (UE) 2019/1240() dwar il-ħolqien ta’ network Ewropew bejn l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni (“ir-Regolament dwar in-Network ta’ ILOs”).
Ir-Regolament dwar in-Network ta’ ILOs għandu l-għan li jimmodernizza u jsaħħaħ in-Network ta’ ILOs biex ikun jista’ jaqdi rwol aktar effettiv fil-ġestjoni tal-migrazzjoni tal-UE, inkluż billi jrawwem approċċ ta’ Tim Ewropa fi ħdan in-Network. Huwa wessa’ d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “uffiċjal għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni”, u introduċa aspetti innovattivi oħra, bħal Bord ta’ Tmexxija ġdid tan-Network ta’ ILOs() u rwol aktar b’saħħtu għall-uffiċjali għall-komunikazzjoni skjerati mill-Kummissjoni u mill-aġenziji tal-UE għall-affarijiet interni. Saħħaħ ir-rwol li jaqdu l-ILOs fil-ġbir u fl-iskambju ta’ informazzjoni, inkluż billi stabbilixxa pjattaforma sikura bbażata fuq l-internet għall-iskambju ta’ informazzjoni u wessa’ l-ambitu tan-Network ta’ ILOs biex iħaddan l-ispettru sħiħ tal-kompiti relatati mal-ġestjoni tal-migrazzjoni.
Ir-Regolament dwar in-Network ta’ ILOs huwa parti essenzjali mill-approċċ komprensiv tal-UE għall-ġestjoni tal-migrazzjoni skont il-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil (“il-Patt”) li daħal fis-seħħ fit-12 ta’ Ġunju 2026(). In-Network ta’ ILOs għandu rwol ewlieni fl-integrazzjoni tal-migrazzjoni fis-sħubijiet internazzjonali, li huwa pedament tal-Patt. Tabilħaqq, l-ILOs, li jaħdmu fuq il-post u jikkooperaw ta’ kuljum mal-awtoritajiet lokali dwar l-ispettru sħiħ tal-kompiti relatati mal-ġestjoni tal-migrazzjoni huma ċentrali għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi dwar il-migrazzjoni.
L-Istrateġija għall-Ġestjoni tal-Ażil u l-Migrazzjoni, prevista skont il-Patt u adottata f’Jannar 2026, tfakkar li l-Kummissjoni tibbaża fuq l-appoġġ tan-Network ta’ ILOs bħala wieħed mis-sħab involuti fil-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti tul ir-rotot u fl-għoti tal-għajnuna lill-pajjiżi tul ir-rotot sabiex jippreparaw ruħhom(). Bħala tali, in-Network ta’ ILOs għandu rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tal-Alleanza Globali għall-Ġlieda Kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti () – b’mod partikolari l-approċċ ta’ rotta sħiħa propost fid-Dikjarazzjoni Konġunta tagħha ta’ Diċembru 2025 () – inkluż billi jtejjeb il-ġbir u l-kondiviżjoni ta’ data dwar l-għarfien tas-sitwazzjoni relatata mal-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti u mal-promozzjoni ta’ investigazzjonijiet konġunti tal-infurzar tal-liġi u ta’ kooperazzjoni operazzjonali mal-pajjiżi sħab.
In-Network ta’ ILOs jgħin ukoll fl-implimentazzjoni tal-firxa sħiħa tal-politika u tal-istrumenti legali tal-UE dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni, inkluż il-pjan ta’ azzjoni mġedded tal-UE kontra l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali (2021-2025)(), l-istrateġija tal-UE dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin (2021-2025)(), id-Direttiva dwar ir-Ritorn(), il-Kodiċi tal-UE dwar il-Viżi(), l-istrateġija tal-UE dwar il-viżi(), ir-Regolament dwar il-EUROSUR() u r-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta().
1.2 Objettivi u metodoloġija ta’ dan ir-rapport ()
Dan ir-rapport, ibbażat fuq l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, mill-pajjiżi assoċjati ma’ Schengen() u mill-aġenziji tal-UE għall-affarijiet interni rilevanti(), iqis kif ir-Regolament ġie implimentat sal-lum, jidentifika u janalizza l-progress li sar u x-xogħol li għadu pendenti, u jipproponi miżuri biex titkompla l-implimentazzjoni tiegħu u b’hekk jiżdied l-impatt operazzjonali tan-Network ta’ ILOs.
Dan ir-rapport jikkontribwixxi wkoll għall-aġenda tal-Kummissjoni dwar is-simplifikazzjoni u l-implimentazzjoni. Billi janalizza l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tar-Regolament dwar in-Network ta’ ILOs, qed jikkontribwixxi għall-istress test tar-Regolament biex jiżgura li jibqa’ rilevanti, proporzjonat u xieraq biex jilħaq l-objettivi tiegħu b’mod kosteffiċjenti.
2.Skjerament, rwoli u kompiti tal-ILOs
2.1 Kunsiderazzjonijiet strateġiċi u operazzjonali għall-iskjerament tal-ILOs
ILO huwa uffiċjal għall-komunikazzjoni maħtur u skjerat barra mill-pajjiż mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, mill-Kummissjoni jew minn aġenzija tal-UE, biex jindirizza kwistjonijiet relatati mal-immigrazzjoni, anke jekk it-tali kwistjonijiet ikunu biss parti mid-dmirijiet tiegħu.
F’konformità mar-Regolament dwar in-Network ta’ ILOs, l-ILOs jintalbu jikkoordinaw aħjar u jottimizzaw l-użu tan-network tagħhom sabiex iwieġbu b’mod aktar effettiv għall-prijoritajiet tal-UE, li jvarjaw mill-prevenzjoni u mill-ġlieda kontra l-migrazzjoni illegali u l-kriminalità transfruntiera relatata, l-iffaċilitar ta’ ritorni dinjitużi u effettivi, l-attivitajiet ta’riammissjoni u ta’ riintegrazzjoni, il-kontribut għall-ġestjoni integrata tal-fruntieri esterni tal-UE, għall-appoġġ tal-ġestjoni tal-immigrazzjoni legali, inkluż fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali, tar-risistemazzjoni u tal-miżuri ta’ integrazzjoni qabel it-tluq.
Meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jiskjeraw l-ILOs lil pajjiżi terzi, id-deċiżjonijiet tagħhom ikunu fil-biċċa l-kbira bbażati fuq valutazzjonijiet ta’ fatturi nazzjonali strateġiċi u fuq prijoritajiet operattivi. Tipikament, dawn il-valutazzjonijiet iqisu diversi fatturi, fosthom (i) il-migrazzjoni illegali li taffettwa lill-pajjiżi tagħhom, inklużi l-movimenti migratorji kemm kurrenti kif ukoll dawk mistennija; (ii) il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti u t-traffikar ta’ bnedmin f’pajjiżi ta’ oriġini jew ta’ tranżitu; (iii) il-frodi tal-identità u l-frodi tad-dokumenti; (iv) ir-riskji identifikati fl-ajruporti lokali; (v) il-ħtieġa li jiġu appoġġati l-investigazzjonijiet dwar il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti u t-traffikar ta’ bnedmin; (vi) il-kooperazzjoni dwar ir-ritorni; (vii) u l-kooperazzjoni fil-ġestjoni tal-fruntieri.
L-Ungerija, in-Netherlands u l-Portugall indikaw li l-kompiti legali relatati mal-migrazzjoni huma wkoll fattur fid-deċiżjonijiet ta’ skjerament (pereż. l-appoġġ għall-mekkaniżmi rapidi legali għall-mobbiltà tal-forza tax-xogħol u l-indirizzar tal-frodi fil-proċeduri ta’ migrazzjoni mhux relatati mal-ażil).
Fil-Belġju, pajjiżi terzi ta’ prijorità huma kklassifikati abbażi ta’ analiżi strateġika ta’ sett ta’ kriterji li jkopru l-preżenza ta’ komunitajiet ta’ dijaspora, ir-relazzjonijiet kummerċjali, il-livelli ta’ attività kriminali u l-effettività tal-kanali ta’ kooperazzjoni uffiċjali eżistenti. Il-Belġju jikkunsidra l-iskjerament ta’ uffiċjali għall-komunikazzjoni, inklużi l-ILOs, fejn jivvaluta li l-kooperazzjoni mill-qrib f’pajjiżi terzi tkun neċessarja biex tikkomplementa l-mekkaniżmi formali. B’mod simili, fil-Ġermanja, id-deċiżjonijiet ta’ skjerament tal-ILOs huma bbażati fuq valutazzjonijiet strateġiċi u tattiċi, filwaqt li jitqiesu x-xejriet tal-migrazzjoni f’pajjiżi terzi, il-kompiti operazzjonali u l-interessi strateġiċi nazzjonali.
Il-ftehimiet bilaterali li jiffaċilitaw il-kollaborazzjoni u l-kooperazzjoni bejn il-Membri tan-Network ta’ ILOs mal-ILOs skjerati u l-pajjiżi ospitanti huma fattur ewlieni ieħor fid-deċiżjonijiet ta’ skjerament. Meta jkun hemm ftehimiet bħal dawn fis-seħħ, dawn jipprovdu pedament importanti għall-iskjerament effettiv tal-ILOs. Il-kundizzjonijiet tas-sigurtà u r-riżorsi disponibbli jinfluwenzaw ukoll id-deċiżjonijiet ta’ skjerament.
Fl-aħħar nett, il-Latvja, is-Slovenja u l-Iżvezja enfasizzaw l-importanza li jitqiesu l-interessi u l-prijoritajiet usa’ tal-UE meta jiġu skjerati l-ILOs. F’dan il-kuntest, bħalissa tmien pajjiżi() skjeraw uffiċjali ta’ kollegament Ewropew għar-ritorn (EURLOs)() b’appoġġ mill-Frontex sabiex joperaw f’pajjiżi terzi f’isem l-UE, u b’hekk ħadu approċċ ta’ Tim Ewropa fil-qasam tar-ritorni.
L-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar il-migrazzjoni Ewropej (EMLOs) jinsabu fil-qalba tan-networks tal-ILO. Dawn huma ILOs speċifiċi li l-Kummissjoni (DĠ HOME) () ilha tiskjera mill-2015 biex tikkoordina u tirrappreżenta l-interessi tal-UE fil-qasam tal-migrazzjoni. L-għan tal-iskjerament tal-EMLOs huwa li jiġi mmassimizzat l-impatt tal-azzjoni tal-UE fuq il-ġestjoni tal-migrazzjoni f’pajjiżi sħab u li jiġu involuti aktar il-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu ewlenin. Il-kompiti tagħhom jinkludu l-ġbir tal-informazzjoni dwar ix-xejriet tal-migrazzjoni, il-kontribut għall-għarfien u għat-tbassir tas-sitwazzjoni tal-UE, l-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-prijoritajiet ta’ politika tal-UE, u l-iffaċilitar u l-appoġġ tan-networks lokali u reġjonali tal-ILO. Bħalissa, l-EMLOs jinsabu skjerati fi sbatax-il pajjiż terz ta’ prijorità() identifikati mill-Kummissjoni.
Fir-rigward tal-iskjeramenti mill-aġenziji tal-UE, il-Frontex bħalissa għandha uffiċjali għall-komunikazzjoni tal-Frontex (FLOs) skjerati f’seba’ pajjiżi li jkopru total ta’ erbatax-il pajjiż sieħeb(). Il-Frontex jagħti prijorità lill-iskjerament ta’ uffiċjali għall-komunikazzjoni lil dawk il-pajjiżi sħab li, abbażi ta’ analiżi tar-riskju, jikkostitwixxu pajjiżi ta’ oriġini jew ta’ tranżitu għall-migrazzjoni illegali. Il-pajjiżi ta’ rilevanza fil-qasam tar-ritorni huma kkunsidrati wkoll(). Min-naħa tiegħu, il-Europol primarjament jibbaża fuq it-tlaqqigħ tal-uffiċjali għall-komunikazzjoni tal-Istati Membri u tas-sħab internazzjonali fil-kwartieri ġenerali tiegħu u bħalissa jiskjera biss uffiċjali għall-komunikazzjoni fl-Interpol u Washington. L-Aġenzija tal-EU għall-Ażil għadha ma skjerat l-ebda ILO.
2.2 Skjerament konġunt
Fid-dawl tal-objettiv ġenerali li jiġu żgurati l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni, ir-Regolament dwar in-Network ta’ ILOs tissottolinja l-importanza tal-iskjerament konġunt. B’mod speċifiku, tiddikjara li l-iskjerament konġunt għandu jiġi promoss biex jittejbu l-kooperazzjoni operazzjonali u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri u biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet fil-livell tal-UE, kif definiti mill-Bord ta’ Tmexxija. F’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament dwar in-Network ta’ ILOs, il-Membri tan-Network ta’ ILOs jistgħu jaqblu, fuq bażi bilaterali jew multilaterali, li l-ILOs skjerati minn Stat Membru wieħed f’pajjiż terz jew f’organizzazzjoni internazzjonali jistgħu wkoll jirrappreżentaw l-interessi tagħhom. F’każijiet bħal dawn, l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jirċievu appoġġ finanzjarju tal-UE.
Il-Membri tan-Network ta’ ILOs għadhom ma użawx din l-opportunità u jindikaw diversi ostakli biex jagħmlu dan. Skont xi Stati Membri, l-ILOs jiġu skjerati bl-aħjar mod f’konformità mal-prijoritajiet nazzjonali tal-migrazzjoni, filwaqt li jiffokaw fuq reġjuni ta’ importanza strateġika għalihom. Stati Membri oħra enfasizzaw is-sensittività tal-iskjerament konġunt, kif ukoll id-diffikultajiet legali jew il-prerekwiżiti proċedurali. Il-kapaċità limitata u r-restrizzjonijiet fuq ir-riżorsi jitqiesu wkoll bħala fatturi li jfixklu l-iskjerament konġunt.
2.3 Ambitu tal-mandat tal-ILOs
L-Artikolu 2 tar-Regolament dwar in-Network ta’ ILOs jipprevedi li l-uffiċjali għall-komunikazzjoni għandhom jitqiesu bħala ILOs anke jekk il-kwistjonijiet relatati mal-immigrazzjoni jikkostitwixxu “biss parti mid-dmirijiet tagħhom”. Għalhekk, in-Network ta’ ILOs huwa magħmul miż-żewġ uffiċjali għall-komunikazzjoni skjerati b’attenzjoni esklużiva fuq l-immigrazzjoni u fuq l-uffiċjali għall-komunikazzjoni li jittrattaw mal-immigrazzjoni bħala parti minn portafoll usa’ ta’ kompiti.
Hemm bilanċ uniformi bejn l-Istati Membri li jagħżlu li jiskjeraw l-ILOs b’kompiti esklużivament relatati mal-immigrazzjoni u l-Istati Membri li jiskjeraw l-ILOs b’kompiti relatati mal-immigrazzjoni li jifformaw parti minn firxa usa’ ta’ responsabbiltajiet. Dawk l-Istati Membri li qed jiffaċċjaw movimenti migratorji ogħla kellhom it-tendenza li jagħtu prijorità lill-iskjerament ta’ ILOs b’kompiti esklużivament relatati mal-immigrazzjoni bl-għan li jappoġġaw il-kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni ma’ pajjiżi sħab ewlenin, b’mod partikolari biex titnaqqas il-migrazzjoni illegali u jiġu ffaċilitati r-ritorni. B’kuntrast ma’ dan, dawk l-Istati Membri li integraw il-kompiti relatati mal-immigrazzjoni f’mandati usa’ indikaw il-flessibbiltà operazzjonali li dan jipprovdi, kif ukoll għal restrizzjonijiet ta’ riżorsi, inklużi kunsiderazzjonijiet baġitarji. Finalment, xi Membri tan-Network ta’ ILOs irrapportaw li jużaw taħlita ta’ mandati esklużivi u usa’ skont il-ħtiġijiet strateġiċi u l-kuntest operazzjonali ta’ kull skjerament.
2.4 Kompiti u responsabbiltajiet
L-ILOs iwettqu l-kompiti tagħhom fil-qafas tar-responsabbiltajiet definiti mill-awtoritajiet li jiskjeraw. Ir-Regolament dwar in-Network ta’ ILOs huwa speċifikament mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-awtoritajiet li jiskjeraw għad-definizzjoni tal-ambitu u tal-assenjazzjoni tal-kompiti u tal-linji ta’ rappurtar tal-ILOs rispettivi tagħhom.
L-Artikolu 3 tar-Regolament dwar in-Network ta’ ILOs jiddeskrivi firxa wiesgħa ta’ kompiti, inkluż sett sħiħ ta’ kompiti relatati mal-migrazzjoni. Madankollu, skont kważi l-Membri kollha tan-Network ta’ ILOs, ir-responsabbiltajiet tal-ILOs huma, fil-qalba tagħhom, dwar il-ġbir, l-iskambju u l-analiżi ta’ informazzjoni dwar ix-xejriet tal-migrazzjoni, b’mod partikolari dwar il-migrazzjoni illegali u l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin tal-migranti, sabiex jiġu informati l-proċessi strateġiċi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-kwartieri ġenerali tagħhom. L-iffaċilitar tal-operazzjonijiet ta’ ritorn bl-assistenza tal-proċessi loġistiċi u legali neċessarji biex jiġu appoġġati r-ripatrijazzjonijiet jifforma wkoll parti mill-kompiti tal-ILOs skont il-biċċa l-kbira tal-Membri tan-Network ta’ ILOs.
Madwar nofs il-Membri kollha tan-Network ta’ ILOs iddikjaraw li l-kompiti tal-ILOs kienu jinkludu l-appoġġ ta’ investigazzjonijiet dwar il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti jew it-traffikar ta’ bnedmin u l-appoġġ ta’ kompiti ta’ migrazzjoni legali, inklużi l-proċeduri ta’ migrazzjoni legali, il-ġbir ta’ informazzjoni dwar ir-rotot ta’ migrazzjoni legali u l-proċess ta’ applikazzjoni għal viża.
It-taħriġ, kemm bħala bini tal-kapaċitajiet għall-awtoritajiet ospitanti kif ukoll għall-persunal konsulari, huwa wkoll kompitu li spiss jitwettaq mill-ILOs. Filwaqt li tal-ewwel jiffoka l-aktar fuq il-kompiti ta’ ġestjoni tal-fruntieri, inklużi l-frodi tad-dokumenti, ir-regoli ta’ Schengen u l-valutazzjonijiet tal-passiġġieri, dawn tal-aħħar jipprovdu appoġġ għall-ipproċessar tal-viżi bil-ħsieb li tiġi evitata l-frodi tal-viża permezz tal-kooperazzjoni lokali ta’ Schengen (LSC)(). Il-kompiti tal-uffiċjali għall-komunikazzjoni tal-ajruporti, bħall-assistenza fil-verifika tad-dokumenti u fil-valutazzjonijiet tal-passiġġieri, ġew iċċitati minn numru żgħir ta’ Membri tan-Network ta’ ILOs.
Bħalissa, l-ebda Membru tan-Network ta’ ILOs ma rrapporta li l-ILOs tagħhom huma involuti f’attivitajiet relatati mal-protezzjoni/mar-risistemazzjoni.
Finalment, l-Istati Membri rrapportaw li l-ILOs spiss ikollhom rwol sinifikanti fit-trawwim tal-kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-pajjiż ospitanti, u b’hekk itejbu r-relazzjonijiet bilaterali bil-ħsieb li l-isfidi tal-migrazzjoni jiġu ġestiti b’mod kollaborattiv.
Il-biċċa l-kbira tal-Membri tan-Network ta’ ILOs iddikjaraw li jinvestu b’mod sinifikanti fl-istabbiliment ta’ oqfsa ta’ taħriġ robusti għall-ILOs tagħhom, filwaqt li jipprovdu taħriġ inizjali u/jew kontinwu mfassal biex l-ILOs jiġu mgħammra bil-ħiliet u bl-għarfien meħtieġa biex iwettqu l-kompiti tagħhom b’mod effettiv. Madankollu, madwar terz tal-Membri tan-Network ta’ ILOs indikaw li ma għandhom l-ebda taħriġ inizjali jew kontinwu standardizzat għall-ILOs.
2.5 Aċċess għas-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fuq skala kbira
Sabiex l-ILOs ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom, il-Membri tan-Network ta’ ILOs (bl-eċċezzjoni tal-ILOs tal-Kummissjoni) jistgħu jagħtu aċċess lill-ILOs għas-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE dwar l-affarijiet interni fuq skala kbira, inklużi l-bażi tad-data Ewropea għat-Tqabbil ta’ Data Dattiloskopika (Eurodac), is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS), is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS), is-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES), u s-Sistema ta’ Dokumenti Foloz u Awtentiċi Online (FADO), skont l-istrumenti legali speċifiċi tal-Unjoni li jirregolaw dawk is-sistemi().
Il-Membri tan-Network ta’ ILOs irrapportaw livelli differenti tal-aċċess għal dawn is-sistemi ta’ informazzjoni u tal-użu tagħhom. Madwar nofs l-ILOs tal-Istati Membri, kif ukoll l-Uffiċjali għall-Komunikazzjoni tal-Europol, jistgħu jaċċessaw dwar mill-anqas sistema waħda ta’ informazzjoni tal-UE dwar l-affarijiet interni fuq skala kbira u jagħmlu tfittxijiet direttament fuqha. L-aktar sistemi ċċitati ta’ spiss kienu s-SIS u l-VIS, għalkemm anke l-Eurodac u l-FADO ssemmew. Diversi Stati Membri() irrapportaw li l-ILOs tagħhom ma setgħux jagħmlu tfittxijiet direttament fuq is-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE dwar l-affarijiet interni fuq skala kbira, għalkemm setgħu jitolbu informazzjoni b’mod ċentrali permezz tal-awtorità awtorizzata.
Il-livelli differenti ta’ aċċess għas-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE dwar l-affarijiet interni fuq skala kbira jirriflettu l-firxa wiesgħa ta’ profili tal-ILOs, minn uffiċjali tal-infurzar tal-liġi li huma l-aktar li x’aktarx ikollhom aċċess minħabba l-kompiti tagħhom ta’ infurzar tal-liġi, għal persunal minn ministeri tal-migrazzjoni jew tal-affarijiet barranin li huma anqas probabbli li jkollhom aċċess peress li l-kompiti tagħhom ma jinvolvux l-infurzar tal-liġi. Il-kunsiderazzjonijiet tekniċi u tas-sigurtà ssemmew ukoll bħala raġuni għar-restrizzjoni tal-aċċess tal-ILOs. Madankollu, lil hinn minn dawn il-kunsiderazzjonijiet, ġie żvelat li l-aċċess operazzjonali tal-Membri tan-Network ta’ ILOs għas-sistemi ta’ informazzjoni fuq skala kbira tal-UE huwa frammentat.
3.Funzjonament tan-networks ta’ ILOs
3.1 Il-Parteċipazzjoni fin-networks lokali u reġjonali ta’ ILOs
L-Artikolu 5 tar-Regolament dwar in-Network ta’ ILOs jirrikjedi li l-ILOs skjerati fl-istess pajjiżi jew reġjuni jiffurmaw networks fil-livell lokali jew reġjonali. Barra minn hekk, dan jirrikjedi li tali networks lokali u reġjonali jiltaqgħu regolarment u kull meta jkun neċessarju u jservu bħala fora għall-kooperazzjoni, għall-koordinazzjoni u għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni. Minbarra r-rekwiżiti tar-Regolament, il-koordinazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni kontinwi bejn l-ILOs u d-delegazzjonijiet tal-UE u l-missjonijiet tal-PSDK fuq il-post (b’mod partikolari meta dawn il-missjonijiet ikollhom mandat ta’ immigrazzjoni) huma kritiċi għall-ġestjoni effettiva tal-migrazzjoni tal-UE.
F’termini tal-parteċipazzjoni tagħhom fin-networks lokali ta’ ILOs, il-Membri tan-Network ta’ ILOs wrew livelli differenti ta’ impenn. Il-maġġoranza l-kbira rrapportaw li jipparteċipaw b’mod attiv, u indikaw li jattendu laqgħat u jiskambjaw informazzjoni b’mod regolari. Numru żgħir ta’ Membri tan-Network ta’ ILOs kellhom jew involviment limitat jew l-ebda involviment man-networks lokali ta’ ILOs, spiss minħabba restrizzjonijiet relatati mal-volum ta’ xogħol, mar-responsabbiltajiet wesgħin tal-ILOs jew, f’każ wieħed, man-nuqqas ta’ networks disponibbli għall-uffiċjali tagħhom biex jinvolvu ruħhom magħhom fil-pajjiżi ospitanti.
L-Uffiċjali għall-Komunikazzjoni tal-Europol ibbażati f’Washington ipparteċipaw b’mod attiv f’laqgħat ta’ koordinazzjoni lokali tal-ILOs, inkluż dwar il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti u t-traffikar ta’ bnedmin. L-Uffiċjali għall-Komunikazzjoni tal-Frontex ipparteċipaw ukoll b’mod attiv fin-networks lokali kull fejn ġew skjerati.
Madwar nofs il-Membri tan-Network ta’ ILOs iddikjaraw li huma jinvolvu ruħhom b’mod attiv f’networks reġjonali tal-ILOs li jiffokaw fuq l-iskambju ta’ informazzjoni, il-koordinazzjoni u l-parteċipazzjoni f’fora reġjonali, bħall-Proċessi ta’ Khartoum u ta’ Rabat u f’konferenzi reġjonali bħall-konferenza tal-ILOs fi ħdan il-Komunità tal-Intelligence tal-Frontex fl-Afrika (AFIC). Oħrajn ipparteċipaw fuq bażi okkażjonali minħabba nuqqas ta’ strutturi ta’ networks reġjonali f’xi oqsma, il-volum ta’ xogħol, il-limitazzjonijiet baġitarji jew l-interess limitat.
Il-Membri tan-Network ta’ ILOs ma rrapportawx li iffaċċjaw diffikultajiet kbar fil-kisba jew fl-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-ILOs. Madankollu, xi Membri tan-Network ta’ ILOs enfasizzaw il-ħtieġa ta’ aktar ċarezza fil-livell tal-UE dwar l-iskambju ta’ data personali bejn l-ILOs jew li kienu ffaċċjaw diffikultajiet legali relatati mal-protezzjoni ta’ data personali. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 10 fih dispożizzjonijiet li jippermettu lill-ILOs jipproċessaw data personali, għal ċerti kompiti speċifiċi().
B’riżultat ta’ dan, iżda wkoll minħabba n-nuqqas ta’ għodda ta’ skambju ta’ informazzjoni faċli għall-utent għall-ILOs, l-ILOs spiss daru għal mekkaniżmi ta’ komunikazzjoni anqas formali, bħal applikazzjonijiet tal-messaġġi fuq il-mowbajl, minħabba d-disponibbiltà tagħhom fil-postijiet tal-istazzjonar tagħhom.
3.2 Rwol ta’ faċilitatur fin-networks lokali
Ir-rwol tal-faċilitatur tan-network huwa kruċjali kemm sabiex jiġu stabbiliti networks lokali u reġjonali kif ukoll sabiex dawk in-networks jiffunzjonaw b’mod effettiv. Il-faċilitatur tan-network jaġixxi bħala l-mutur ta’ kuljum wara l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni tal-ILOs, kemm fil-livell lokali kif ukoll f’dak reġjonali, u jaqdi rwol ewlieni fil-massimizzazzjoni tal-impatt operazzjonali tal-ILOs.
Kif stabbilit fir-Regolament dwar in-Network ta’ ILOs, l-ILOs skjerati mill-Kummissjoni (jiġifieri l-EMLOs), bil-mandat Ewropew inerenti tagħhom, jiġu awtomatikament assenjati ir-responsabbiltà għall-iffaċilitar u għall-appoġġ tan-networks. L-EMLOs spiss ġew identifikati mill-Membri tan-Network ta’ ILOs bħala strumentali fit-trawwim ta’ koordinazzjoni aktar b’saħħitha u dinamika aktar proattiva u koeżiva tan-network. F’ħafna delegazzjonijiet tal-UE, l-EMLOs saru riżorsi ewlenin fil-qasam tal-migrazzjoni, filwaqt li jaġixxu bħala pont importanti bejn id-delegazzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali. Madankollu, l-impatt tal-EMLOs kien limitat minħabba diffikultajiet dejjem akbar fil-mili tal-postijiet vakanti għall-EMLOs. Din il-kwistjoni tirriżulta mill-fatt li l-Istati Membri sekondanti jġorru l-piż finanzjarju għall-iskjerament tal-EMLOs. B’riżultat ta’ dan, bħalissa diversi pajjiżi sħab ta’ prijorità ma għandhomx EMLO skjerat lilhom(), bil-maġġoranza tal-pożizzjonijiet tal-EMLOs li qed jimtlew mill-Ġermanja.
F’pajjiżi fejn il-Kummissjoni ma tiskjerax ILOs, l-ILOs skjerati mill-aġenziji tal-UE għall-affarijiet interni jridu jiffaċilitaw u jappoġġaw in-networks lokali u reġjonali. L-Uffiċjali għall-Komunikazzjoni tal-Frontex ħadu u/jew qegħdin ikomplu jieħdu rwol ewlieni fil-Marokk, fis-Senegal, fil-Moldova u fit-Turkija. L-Uffiċjali għall-Komunikazzjoni tal-Europol ibbażati f’Washington ħadu rwoli ewlenin f’fora bħall-Assoċjazzjoni tal-Uffiċjali għall-Komunikazzjoni u l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Infurzar tal-Liġi. Il-kontribut pożittiv tal-uffiċjali għall-komunikazzjoni mill-aġenziji tal-UE għall-affarijiet interni fl-iffaċilitar tan-networks lokali u reġjonali ġie rrikonoxxut ukoll b’mod wiesa’ fost il-Membri tan-Network ta’ ILOs, minkejja li n-numru tagħhom huwa żgħir.
F’pajjiżi fejn la l-Kummissjoni u lanqas l-aġenziji tal-UE ma jiskjeraw ILOs, in-networks lokali u reġjonali għandhom jiġu ffaċilitati minn ILO ta’ Stat Membru wara ftehim mill-membri tan-network lokali jew reġjonali. Xi Stati Membri intervjenew biex jieħdu rwol ewlieni fl-iffaċilitar tan-networks lokali ta’ ILOs, inklużi l-Ungerija, l-Italja, in-Netherlands, in-Norveġja, Spanja u l-Iżvizzera. Madankollu, dawn għadhom ftit fin-numru. Il-Membri tan-Network ta’ ILOs li ddikjaraw li ma kinux ħadu rwol ewlieni fin-networks lokali jew reġjonali semmew il-volum ta’ xogħol bħala l-akbar raġuni għal dan, u spjegaw li t-teħid ta’ rwol ewlieni jista’ potenzjalment ifixkel id-dmirijiet l-oħra tal-ILOs minħabba r-responsabbiltajiet operazzjonali usa’ jew il-volum ta’ xogħol ġenerali tagħhom.
3.3 Kontribut tal-ILOs għall-bini ta’ stampa tas-sitwazzjoni Ewropea
Għall-finijiet ta’ rispons aktar effettiv għall-prijoritajiet tal-UE, ir-Regolament dwar in-Network ta’ ILOs jenfasizza li “hemm il-ħtieġa li l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni jiżguraw li l-komprensjoni u l-għarfien tagħhom jikkontribwixxu bis-sħiħ biex titfassal stampa komprensiva tas-sitwazzjoni tal-pajjiżi terzi” ().
L-EMLOs jagħmlu kontributi f’fora differenti, inkluż fil-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni operazzjonali tad-dimensjoni esterna tal-migrazzjoni (MOCADEM) tal-Kunsill u għall-Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Kriżijiet tal-Migrazzjoni. L-EMLOs huma mistennija wkoll jipproduċu rapporti ta’ kull xahar u ad hoc li jikkontribwixxu, fost l-oħrajn, għar-rapporti dwar l-Għarfien u l-Analiżi Integrati tas-Sitwazzjoni (ISAAC) u għal-laqgħat dwar Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Kriżijiet tal-Migrazzjoni u li jiġu ppubblikati fuq is-sit tal-Arranġamenti Integrati tal-UE għal Rispons Politiku f’Sitwazzjonijiet ta’ Kriżi (IPCR).
Flimkien mar-rapportar tal-ILOs tal-Istati Membri lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tagħhom, l-Artikolu 9 tar-Regolament dwar in-Network ta’ ILOs jitlob il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni madwar l-UE permezz ta’ pjattaforma sigura ta’ skambju tal-informazzjoni bbażata fuq il-web. Għall-fini ta’ dan, il-Kummissjoni użat il-pjattaforma eżistenti tas-Sistema ta’ Skambju ta’ Informazzjoni tan-Network Ewropew dwar il-Migrazzjoni (EMN-IES) biex isservi bħala l-għodda ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni tan-Network ta’ ILOs, inkluż għal skopijiet amministrattivi relatati man-Network ta’ ILOs().
Sal-lum, huma ftit li xejn il-Membri tan-Network ta’ ILOs li rreġistraw mal-pjattaforma tal-EMN-IES, b’saħansitra anqas li użawha għall-finijiet ta’ skambju ta’ informazzjoni. Il-Membri kollha tan-Network ta’ ILOs kkonfermaw li għamlu użu limitat ħafna mill-pjattaforma, jekk użawha affattu. L-isfidi u l-ostakli ċċitati għall-użu baxx tal-pjattaforma tal-EMN-IES kienu jinkludu esperjenza batuta tal-utenti, nuqqas ta’ standardizzazzjoni fil-kondiviżjoni tal-informazzjoni, awtorizzazzjoni minn qabel meħtieġa mill-awtoritajiet ċentrali qabel ma tittella’ l-informazzjoni, u nuqqas ta’ għarfien u ta’ informazzjoni rilevanti fuq il-pjattaforma. Finalment, minkejja d-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar in-Network ta’ ILOs, xi Membri tan-Network ta’ ILOs indikaw ukoll impedimenti legali li waqqfuhom milli jużaw il-pjattaforma tal-EMN-IES b’mod effettiv.
Numru żgħir biss ta’ ILOs stazzjonati mill-Membri tan-Network ta’ ILOs huma konnessi mal-Applikazzjoni ta’ Network għall-Iskambju Sikur ta’ Informazzjoni (SIENA), minkejja l-fatt li l-programm ta’ ħidma biennali tan-Network ta’ ILOs jitlob li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jistabbilixxu proġett pilota biex jiġu konnessi l-ILOs skjerati f’pajjiżi terzi. Il-Europol tilqa’ l-konnettività mtejba tal-ILOs mas-SIENA, filwaqt li tenfasizza li r-rapportar attiv tal-ILOs lill-Europol itejjeb il-fluss ta’ informazzjoni dwar il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti u reati relatati, li min-naħa l-oħra jikkontribwixxi għal stampa aktar akkurata tal-intelligence f’ħin reali u jappoġġa approċċ aktar immexxi mid-data u upstream għat-tkissir tan-networks kriminali. Ir-Regolament Europol, kif emendat fl-aħħar bir-Regolament (UE) 2025/2611 (), jirrikjedi li l-Istati Membri jgħaqqdu lill-ILOs tagħhom mas-SIENA sabiex jissottomettu informazzjoni rilevanti lill-Europol direttament jew permezz tal-awtoritajiet nazzjonali. ()
B’mod speċifiku fil-każ tal-EURLOs, il-Frontex enfasizzat li filwaqt li l-Applikazzjoni tal-Ġestjoni tal-Migrazzjoni Irregolari (IRMA) ippermettiet li l-informazzjoni relatata mar-ritorni tiġi kondiviża, l-EURLOs ma kellhomx aċċess għal sistemi li jippermettu li jiġu skambjati tipi oħra ta’ informazzjoni operazzjonali, inkluża informazzjoni għall-bini tal-għarfien tas-sitwazzjoni. Pereżempju, la l-EURLOs u lanqas l-FLOs ma għandhom aċċess għas-Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR).
Il-Membri tan-Network ta’ ILOs talbu ripetutament li jiġu stabbiliti oqfsa ta’ komunikazzjoni strutturati u l-għodod korrispondenti biex l-iskambji tad-data siguri jsiru aktar effettivi, bħala mod kif tittejjeb l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar in-Network ta’ ILOs.
3.4 Kontribut tan-Network ta’ ILOs għall-ġestjoni tal-migrazzjoni
Il-Membri tan-Network ta’ ILOs irrikonoxxew b’mod mifrux il-kontribut pożittiv tan-Network ta’ ILOs għall-ġestjoni tal-migrazzjoni. B’mod partikolari, huma enfasizzaw ir-rwol importanti tan-Network ta’ ILOs fil-ġbir u fil-kondiviżjoni ta’ informazzjoni operazzjonali u strateġika vitali, inkluż dwar ix-xejriet fuq rotot ta’ migrazzjoni differenti, il-metodi operattivi tal-faċilitaturi ta’ dħul klandestin ta’ migranti u t-theddid emerġenti. Barra minn hekk, huma enfasizzaw li l-għoti ta’ informazzjoni f’waqtha, affidabbli u azzjonabbli mill-ILOs minn fuq il-post kien kritiku għall-għarfien tas-sitwazzjoni, għall-analiżi tar-riskju u għat-teħid ta’ deċiżjonijiet informati.
Minn perspettiva operazzjonali, ir-rwol tal-ILOs fil-qasam tar-ritorni huwa apprezzat ħafna wkoll. L-ILOs, u b’mod partikolari l-EURLOs, jippromwovu d-djalogu u l-kooperazzjoni, inkluż permezz ta’ programmi ta’ bini tal-kapaċitajiet u billi jappoġġaw l-isforzi biex jiġu identifikati dawk li jirritornaw lura pajjiżhom. Dawn jiffaċilitaw ukoll l-operazzjonijiet ta’ ritorn u jassistu fil-monitoraġġ tas-sħab lokali tar-riintegrazzjoni tal-Programm tal-UE għar-Riintegrazzjoni (EURP).
L-ILOs huma wkoll ċentrali għall-isforzi mill-Membri tan-Network ta’ ILOs biex jiġġieldu l-facilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti. Il-kontributi mill-ILOs ivarjaw mill-identifikazzjoni tar-rotot ta’ dħul klandestin ta’ migranti u tax-xejriet emerġenti għad-detezzjoni ta’ dokumenti frodulenti u tax-xejriet tal-ivvjaġġar suspettużi. Kontributi oħrajn jinkludu l-għoti ta’ pariri lil-linji tal-ajru fl-ajruporti u l-kooperazzjoni fuq il-post ma’ investigazzjonijiet u ma’ operazzjonijiet biex jiġu żarmati gruppi tal-kriminalità organizzata involuti fil-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti u fit-traffikar ta’ bnedmin. Barra minn hekk, l-ILOs huma rikonoxxuti għall-kontribut siewi tagħhom biex jappoġġaw lill-awtoritajiet lokali ta’ kooperazzjoni u konsulari ta’ Schengen fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal viża, b’mod partikolari fl-assistenza għad-detezzjoni ta’ dokumenti frodulenti.
B’mod ġenerali, il-Membri tan-Network ta’ ILOs qiesu l-ILOs bħala “pont kruċjali mal-awtoritajiet tal-pajjiżi sħab” li jgħinu biex jinbnew kooperazzjoni kritika ta’ kuljum mal-kontropartijiet fil-pajjiżi ospitanti kif ukoll relazzjonijiet ibbażati fuq il-fiduċja li jirfdu l-kooperazzjoni effettiva u jippermettu s-soluzzjoni rapida u prammatika tal-problemi. Madankollu, il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fi ħdan in-networks ta’ ILOs xi drabi jkunu inkonsistenti u jiddependu ħafna fuq l-impenn personali u fuq it-tmexxija tal-faċilitaturi tan-networks.
4.Implimentazzjoni tal-mandat tal-Bord ta’ Tmexxija
4.1 Stabbiliment u funzjonament tal-Bord ta’ Tmexxija
L-Artikolu 7 tar-Regolament dwar in-Network ta’ ILOs jistabbilixxi l-Bord ta’ Tmexxija tan-Network ta’ ILOs li huwa ppresedut mill-Kummissjoni. Bejn Ġunju 2019, meta ġie adottat ir-Regolament dwar in-Network ta’ ILOs, u Diċembru 2025, issejħu tnax-il laqgħa tal-Bord ta’ Tmexxija, kemm wiċċ imb wiċċ kif ukoll online. Fl-4 ta’ Ottubru 2019, il-Bord ta’ Tmexxija adotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu kif meħtieġ mill-Artikolu 8 tar-Regolament dwar in-Network ta’ ILOs.
Minbarra li jwettaq il-kompiti amministrattivi tiegħu bħala l-korp ta’ tmexxija tan-Network ta’ ILOs, il-Bord ta’ Tmexxija, li jinkorpora l-approċċ ta’ Tim Ewropa għall-komunità ta’ ILOs skjerati, huwa mistenni jipprovdi d-direzzjoni strateġika għall-implimentazzjoni tar-Regolament dwar in-Network ta’ ILOs u b’hekk approċċ ta’ Tim Ewropa fuq il-post.
L-attivitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Bord ta’ Tmexxija, bħall-identifikazzjoni ta’ distakki fl-iskjerament, il-valutazzjoni tal-potenzjal għal skjeramenti addizzjonali tal-ILO u l-qbil dwar azzjonijiet ad hoc min-networks lokali u reġjonali ta’ ILOs, ilkoll jirrikjedu li l-Bord ta’ Tmexxija jipprovdi impetu strateġiku. Madankollu, il-Bord ta’ Tmexxija sa issa ddependa kważi għalkollox fuq id-direzzjoni tal-Kummissjoni, filwaqt li Membri oħra tan-Network ta’ ILOs għadhom ma għamlux użu reali mill-potenzjal sħiħ tal-Bord ta’ Tmexxija, pereżempju biex jidentifikaw pajjiżi terzi ta’ prijorità għall-iskjerament konġunt jew biex jipproponu proġetti tal-ILO jew laqgħat operazzjonali f’waqthom.
L-Artikolu 7 tar-Regolament dwar in-Network ta’ ILOs jistieden ukoll lill-President tal-Bord ta’ Tmexxija biex jiżgura li l-attivitajiet kollettivi miftiehma jkunu konsistenti u koordinati mal-istrumenti u mal-istrutturi rilevanti tal-UE u li dawn jirriflettu l-prijoritajiet tal-UE fil-qasam tal-migrazzjoni. Filwaqt li l-attivitajiet inklużi fil-programm ta’ ħidma biennali huma allinjati mal-prijoritajiet tal-UE, sa issa kien hemm koordinazzjoni limitata mal-gruppi ta’ ħidma rilevanti tal-Kunsill.
4.2 Implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma biennali
L-Artikolu 8 tar-Regolament dwar in-Network ta’ ILOs jagħti kompiti lill-Bord ta’ Tmexxija bl-istabbiliment tal-prijoritajiet u bl-attivitajiet ta’ ppjanar fi programm ta’ ħidma biennali. Il-programm ta’ ħidma biennali għan-network Ewropew tal-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni 2021-2022 ġie adottat fis-7 ta’ Diċembru 2020 u stabbilixxa tliet prijoritajiet: (i) il-prevenzjoni tal-immigrazzjoni illegali u l-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti; (ii) l-appoġġ għall-politika dwar ir-ritorn tal-UE u; (iii) l-appoġġ għall-promozzjoni ta’ rotot legali lejn l-UE. Taħt kull waħda mit-tliet prijoritajiet, ġew identifikati serje ta’ attivitajiet(), li għandhom jiġu implimentati b’appoġġ finanzjarju mill-Fond għas-Sigurtà Interna - Fruntieri u Viża (2014-2020)().
Abbażi ta’ dan, il-Membri tan-Network ta’ ILOs jistgħu jipproponu li jieħdu t-tmexxija fl-implimentazzjoni ta’ proġett. Mill-adozzjoni tar-Regolament dwar in-Network ta’ ILOs, b’kollox għaxar proġetti ngħataw appoġġ li jammonta għal madwar EUR 8,5 miljun biex jiġu indirizzati t-tliet prijoritajiet stabbiliti fil-programm ta’ ħidma biennali. Erba’ Stati Membri biss – Franza, il-Ġermanja, il-Polonja u Spanja() – ħadu t-tmexxija fl-implimentazzjoni ta’ proġett. Il-Membri tan-Network ta’ ILOs semmew diversi raġunijiet għaliex ma sfruttawx il-fondi disponibbli, inklużi riżorsi umani insuffiċjenti, speċjalment fil-ġestjoni tal-proġetti, limiti massimi baxxi fuq il-finanzjament, aċċess għal flussi oħra ta’ finanzjament tal-UE, u ħidma operazzjonali li ħadet prijorità fuq il-proġetti.
Il-programm ta’ ħidma biennali, kif adottat u sussegwentement emendat, għadu jitqies validu. Għalhekk, il-Bord ta’ Tmexxija mexxa l-programm ta’ ħidma biennali għas-snin sussegwenti. Għalhekk, il-programm ta’ ħidma għan-network Ewropew tal-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni 2021-2022 kien fis-seħħ meta ġie adottat dan ir-rapport.
4.3 Bini tal-kapaċitajiet tan-Network ta’ ILOs
L-Artikolu 8 jiddikjara li l-Bord ta’ Tmexxija jrid jappoġġa u jibni l-kapaċitajiet operattivi tal-ILOs, inkluż billi jiżviluppa kurrikuli bażiċi komuni supplimentari u mhux obbligatorji, taħriġ ta’ qabel l-iskjerament u linji gwida dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali fl-attivitajiet tagħhom b’attenzjoni partikolari għall-persuni vulnerabbli.
Għalkemm il-biċċa l-kbira tal-Membri tan-Network ta’ ILOs appoġġaw l-idea li jiġi żviluppat u offrut kurrikulu komuni ta’ taħriġ tal-ILOs għal kwistjonijiet tal-UE, din għadha ma ngħatatx segwitu fil-prattika. Diversi Stati Membri enfasizzaw li kurrikulu komuni jiżgura bażi ta’ għarfien unifikata, itejjeb il-fehim tal-prijoritajiet tal-UE, jgħin fl-allinjament tal-objettivi, isaħħaħ il-proċeduri stabbiliti għall-komunikazzjoni u għall-iskambju ta’ informazzjoni, tal-fehmiet u tal-aħjar prattiki, u b’hekk jagħmel lill-ILOs aktar effettivi permezz tal-approċċ ta’ Tim Ewropa kif previst mir-Regolament dwar in-Network ta’ ILOs. Il-maġġoranza tal-Membri tan-Network ta’ ILOs kienu tal-fehma li kurrikulu komuni jikseb konsistenza akbar fil-mod kif jiġu applikati d-dritt u l-politiki tal-UE, billi jiżgura li r-regoli jiġu interpretati u applikati b’mod aktar uniformi, billi jipprevjeni approċċi diverġenti u billi jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-Membri tan-Network ta’ ILOs.
L-Artikolu 8 jitlob ukoll li l-kapaċitajiet tan-Network ta’ ILOs jinbnew permezz tal-organizzazzjoni ta’ seminars konġunti li jkopru l-ispettru sħiħ tal-kompiti ta’ ġestjoni tal-migrazzjoni. Mill-adozzjoni tar-Regolament dwar in-Network ta’ ILOs, sar avveniment reġjonali wieħed tal-ILOs taħt il-kappa tan-Network ta’ ILOs, jiġifieri laqgħa reġjonali tan-Network Ewropew ta’ Uffiċjali għall-Komunikazzjoni dwar l-Immigrazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti u l-implimentazzjoni tas-Sħubija Operazzjonali kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin mal-Balkani tal-Punent, li saret f’Tirana, l-Albanija, fit-28-29 ta’ Marzu 2023. Avveniment reġjonali ieħor apprezzat ferm tal-ILO – għalkemm mhux organizzat formalment taħt il-kappa tan-Network ta’ ILOs – huwa l-laqgħa annwali tal-ILOs tal-Komunità tal-Intelligence tal-Frontex fl-Afrika (AFIC).
Il-Membri tan-Network ta’ ILOs enfasizzaw l-importanza tal-laqgħat tal-ILOs. In-Network ta’ ILOs huwa l-ewwel u qabel kollox komunità ta’ prattikanti. Hemm interess qawwi li jsiru laqgħat wiċċ imb wiċċ, mhux biss fil-livell lokali, iżda wkoll fil-livell reġjonali, biex tkun tista’ tiltaqa’ l-komunità usa’, li tinkludi l-uffiċjali għall-komunikazzjoni minn pajjiżi tal-istess fehma.
5.Konklużjonijiet u passi li jmiss
5.1 Konklużjonijiet
Sar progress biex jintlaħqu l-objettivi li jissaħħu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-ILOs u li jiġi żgurat li l-ILOs jikkontribwixxu aħjar għall-funzjonament tan-network Ewropew ta’ uffiċjali għall-komunikazzjoni.
In-networks lokali ta’ ILOs huma ġeneralment attivi, il-parteċipazzjoni fihom hija stabbilita sew, u huma rikonoxxuti għall-valur miżjud tagħhom, b’mod partikolari f’termini ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni. L-Istati Membri jkomplu jiskjeraw l-ILOs biex jaħdmu primarjament fuq il-migrazzjoni illegali u fuq il-kompiti relatati mar-ritorni, għalkemm qed jintalbu wkoll dejjem aktar jittrattaw il-kompiti relatati mal-migrazzjoni legali. F’diversi ġuriżdizzjonijiet, l-ILOs kienu involuti mill-qrib fil-kooperazzjoni lokali ta’ Schengen u għenu lill-konsulati b’pariri dwar il-profili tar-riskju u bid-detezzjoni ta’ applikazzjonijiet frodulenti għal viża. Ir-rwol tal-ILOs mill-Kummissjoni u mill-aġenziji tal-UE għall-affarijiet interni, kif ukoll tal-EURLOs sekondati mill-Istati Membri, fit-trawwim ta’ dinamika pożittiva fin-networks lokali u reġjonali huwa rikonoxxut b’mod mifrux mill-Membri tan-Network ta’ ILOs. B’riżultat ta’ dan, hemm appoġġ wiesa’ fost il-Membri tan-Network ta’ ILOs għall-iskjerament ta’ ILOs addizzjonali bħal dawn biex jissaħħu d-dinamika tal-kooperazzjoni fil-pajjiżi ospitanti u l-approċċ ta’ Tim Ewropa fi ħdan in-Network ta’ ILOs. Il-Bord ta’ Tmexxija tan-Network ta’ ILOs ġie rrikonoxxut għall-valur miżjud tiegħu bħala korp ta’ tmexxija, jiġifieri permezz tal-programm ta’ ħidma biennali tiegħu u l-azzjonijiet immexxija mill-prijoritajiet tiegħu.
Madankollu, l-ilħuq tal-potenzjal sħiħ tan-Network ta’ ILOs, inkluż li jkun jista’ jikkontribwixxi b’mod komprensiv għal approċċ ta’ rotta sħiħa, għadu jippreżenta diversi sfidi.
Filwaqt li l-iskjerament tal-ILOs mill-Europol, mill-Frontex u mill-Kummissjoni, kif ukoll tal-EURLOs mill-Istati Membri, kien qed jgħin biex jitrawwem approċċ ta’ Tim Ewropa fi ħdan in-Network ta’ ILOs, fil-biċċa l-kbira l-Istati Membri għadhom qegħdin jiddeċiedu u jivvalutaw jekk jiskjerawx l-ILOs abbażi tal-interessi strateġiċi u operazzjonali nazzjonali, jiġifieri mhux b’approċċ ta’ Tim Ewropa f’moħħhom. Barra minn hekk, l-inkonsistenzi f’termini tal-aċċess tal-Membri tan-Network ta’ ILOs għas-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fuq skala kbira jiżvelaw frammentazzjoni ulterjuri.
F’livell operazzjonali, l-interazzjonijiet bejn l-ILOs kienu fil-biċċa l-kbira limitati għal laqgħat wiċċ imb wiċċ u għal skambji permezz ta’ applikazzjonijiet tal-messaġġi fin-nuqqas ta’ mekkaniżmi jew ta’ għodod faċli għall-utent għall-iskambju ta’ informazzjoni fi ħdan il-komunitajiet lokali, reġjonali u usa’ tal-ILOs. Il-koordinazzjoni bejn in-networks lokali ta’ ILOs u l-kooperazzjoni lokali ta’ Schengen spiss irriżultat minn ILOs individwali li ħadu inizjattiva aktar milli minn kultura ta’ involviment strutturat bejn il-faċilitatur lokali tan-network ta’ ILOs u l-korrispondent għall-kooperazzjoni lokali ta’ Schengen fid-delegazzjoni tal-UE.
F’każijiet fejn l-ebda ILO ma jiġi skjerat mill-Kummissjoni jew mill-aġenziji tal-UE għall-affarijiet interni, l-attivitajiet tan-network lokali u reġjonali spiss dehru li huma dipendenti fuq it-tmexxija individwali tal-ILOs tal-Istati Membri. B’riżultat ta’ dan, kważi l-Membri kollha tan-Network ta’ ILOs jikkunsidraw li ż-żieda fin-numru ta’ EMLOs u ta’ FLOs skjerati f’pajjiżi terzi ġġib benefiċċji konsiderevoli minħabba r-rwol ewlieni li jaqdu fl-iffaċilitar tan-networks lokali u reġjonali ta’ ILOs. Il-Membri tan-Network ta’ ILOs enfasizzaw ukoll li l-iskjerament tal-ILOs mill-Kummissjoni u mill-aġenziji tal-UE għall-affarijiet interni jista’ jtejjeb l-effettività u l-kooperazzjoni operazzjonali permezz ta’ koordinazzjoni msaħħa().
Lil hinn mill-iskambji ta’ kuljum bejn l-ILOs fil-livell lokali, fil-biċċa l-kbira l-informazzjoni ġiet skambjata permezz ta’ kanali nazzjonali fin-nuqqas ta’ sistema strutturata xierqa biex isir dan. Problemi tekniċi u tad-disinn fil-pjattaforma għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni tal-EMN-IES, iżda wkoll il-limitazzjonijiet maħluqa mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, ma ppermettewx li l-informazzjoni tiġi skambjata b’mod usa’. Barra minn hekk, in-numru limitat ħafna ta’ ILOs konnessi mas-SIENA xekklu l-iskambji mal-Europol, filwaqt li n-nuqqas ta’ kanal xieraq u ta’ qafas legali għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar l-għarfien tas-sitwazzjoni mal-Frontex xekkel il-kapaċità tal-ILOs li jikkondividu d-data mal-Frontex u b’hekk jgħinu lill-UE tibni stampa tas-sitwazzjoni prefruntiera. Billi rarament iseħħu avvenimenti reġjonali tal-ILOs, ġew prevenuti flussi usa’ ta’ informazzjoni, u dan jillimita l-kapaċità tan-Network ta’ ILOs li jgħin fil-bini ta’ stampa komprensiva tas-sitwazzjoni dwar il-pajjiżi terzi.
F’livell istituzzjonali, il-progress kien limitat u, f’xi każijiet, ma sar l-ebda progress dwar f’uħud mill-kompiti tal-Bord ta’ Tmexxija – kif deskritt fir-Regolament dwar in-Network ta’ ILOs – li jikkontribwixxu għat-trawwim ta’ approċċ ta’ Tim Ewropa. Dawn jinkludu l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti reġjonali tal-ILOs u l-iżvilupp ta’ kurrikulu ewlieni komuni għall-ILOs. Nuqqas ta’ involviment mill-Membri tan-Network ta’ ILOs u nuqqas ta’ rabtiet ma’ fora oħra tal-UE żammew lill-Bord ta’ Tmexxija milli jimmassimizza l-potenzjal tiegħu bħala entità strateġika, u b’hekk naqas milli jġib approċċ ta’ Tim Ewropa reali għan-Network ta’ ILOs u li jimplimenta b’mod effettiv approċċ ta’ rotta sħiħa għall-ġestjoni tal-migrazzjoni tal-UE.
Fejn ġie osservat approċċ ta’ Tim Ewropa fi ħdan in-Network ta’ ILOs, dan kien fil-biċċa l-kbira xprunat mill-ILOs skjerati mill-Kummissjoni u mill-aġenziji tal-UE għall-affarijiet interni fi ħdan in-networks lokali ta’ ILOs, jew mill-Kummissjoni nnifisha fil-kapaċità tagħha bħala President tal-Bord ta’ Tmexxija tan-Network ta’ ILOs. Approċċ ta’ Tim Ewropa aktar b’saħħtu u involviment aktar b’saħħtu mill-Bord ta’ Tmexxija huma ċentrali biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tar-Regolament dwar in-Network ta’ ILOs fil-prattika u biex in-Network ta’ ILOs jingħata s-setgħa li jsir għodda ewlenija għall-implimentazzjoni tal-Alleanza Globali għall-Ġlieda Kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti.
5.2 Il-passi li jmiss
Ix-xenarju tal-politika dwar il-migrazzjoni evolva b’mod konsiderevoli mill-adozzjoni tar-Regolament dwar in-Network ta’ ILOs fl-2019. Il-migrazzjoni hija prijorità politika għall-UE marbuta, fost oqsma oħra, kemm mas-sigurtà interna kif ukoll mal-kompetittività ekonomika. Hemm sinjali b’saħħithom li jitolbu li l-ILOs jaqdu rwol aktar b’saħħtu fl-appoġġ tal-ġestjoni tal-migrazzjoni tal-UE, biex id-diplomazija tal-migrazzjoni tkun aktar koordinata u assertiva, u biex fil-prattika jintlaħaq il-potenzjal sħiħ tal-approċċ Tim Ewropa sabiex jiġu implimentati l-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil u l-approċċ komprensiv tiegħu għall-ġestjoni tal-migrazzjoni fi sħubija ma’ pajjiżi terzi. F’dan ir-rigward, l-inizjattivi ewlenin jinkludu l-Alleanza Globali għall-Ġlieda Kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti bi rwol aktar b’saħħtu għall-Europol; ir-Riżerva ta’ Talenti tal-UE u l-Uffiċċju ta’ Aċċess Legali għat-trawwim tal-mobbiltà tat-talenti u għat-tisħiħ tar-ritorni u tar-riammissjonijiet; l-Istrateġija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Ażil u l-Migrazzjoni; u l-Istrateġija tal-UE dwar il-Viżi.
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-passi li ġejjin huma neċessarji biex tiġi avvanzata l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar in-Network ta’ ILOs f’dan ix-xenarju ta’ politika li dejjem jevolvi, bl-objettiv li jiżdied l-impatt operazzjonali kemm tan-Network ta’ ILOs – b’appoġġ għall-ġestjoni tal-migrazzjoni tal-UE – kif ukoll tal-Alleanza Globali għall-Ġlieda Kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti:
Approċċ ta’ rotta sħiħa
1.it-twessigħ tal-kopertura tal-ILOs skjerati mill-Kummissjoni u mill-aġenziji tal-UE għall-affarijiet interni għall-pajjiżi ewlenin tul ir-rotot ta’ migrazzjoni, inkluż billi jintuża l-Bord ta’ Tmexxija tan-Network ta’ ILOs biex jiġu identifikati d-diskrepanzi fl-iskjerament, billi jitħeġġeġ u jiġi appoġġat finanzjarjament l-iskjerament konġunt, u billi jiżdied il-finanzjament għall-iskjeramenti tal-EMLOs;
2.it-titjib tal-involviment tal-ILOs fl-ispettru sħiħ tal-kompiti relatati mal-migrazzjoni kif deskritt fir-Regolament dwar in-Network ta’ ILOs, inklużi l-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti u t-traffikar ta’ bnedmin, l-appoġġ tar-ritorni, tar-riammisjoni u tar-riintegrazzjoni, u l-iffaċilitar tal-proċeduri ta’ migrazzjoni legali (eż. permezz tal-kooperazzjoni lokali ta’ Schengen) u l-aċċess effettiv għall-protezzjoni internazzjonali;
3.l-iffaċilitar tal-laqgħat operazzjonali tal-ILOs iffokati fuq ir-rotot ta’ migrazzjoni u fuq il-pajjiżi terzi ta’ prijorità biex tingħata spinta lill-kondiviżjoni ta’ informazzjoni, biex jittejjeb il-fehim tad-dinamika migratorja u tal-metodi operattivi tan-networks ta’ faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti, u biex jiġu żviluppati kontromiżuri mfassla apposta;
Kondiviżjoni ta’ informazzjoni u bini tal-għarfien
4.it-tħeġġiġ u l-appoġġ lill-Istati Membri biex jgħaqqdu l-ILOs mas-SIENA biex itejbu l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni u b’hekk jappoġġaw l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2025/2611;
5.il-promozzjoni tal-koordinazzjoni u tal-kondiviżjoni ta’ informazzjoni kontinwi bejn l-uffiċjali għall-komunikazzjoni, id-delegazzjonijiet tal-UE u l-missjonijiet tal-PSDK fuq il-post (b’mod partikolari meta dawn il-missjonijiet ikollhom mandat ta’ immigrazzjoni);
6.ħidma biex il-komunità tal-ILOs tiġi pprovduta b’għodod għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni faċli għall-utent biex jittejbu l-kooperazzjoni operazzjonali u l-iskambju tad-data;
7.it-tħeġġiġ lill-ILOs sabiex jikkontribwixxu għal attività ta’ twissija bikrija għal skopijiet migratorji bħala parti mill-proġett ta’ Għarfien tas-Sitwazzjoni, Twissija Bikrija u Tbassir (SAEWF) () biex jappoġġaw l-ippjanar tal-ġestjoni tal-migrazzjoni u tal-azzjonijiet operazzjonali tal-UE u tal-Istati Membri;
8.l-iżvilupp ta’ kurrikulu bażiku komuni għall-ILOs f’kooperazzjoni mal-Bord ta’ Tmexxija tan-Network ta’ ILOs, sabiex jiġi standardizzat l-għarfien dwar ir-Regolament dwar in-Network ta’ ILOs, l-oqsma ta’ politika ewlenin tal-UE dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni u d-diplomazija tal-migrazzjoni tal-UE fil-komunità tan-Network ta’ ILOs;
Bord ta’ Tmexxija tan-Network ta’ ILOs
9.it-titjib tal-koordinazzjoni bejn il-President tal-Bord ta’ Tmexxija u l-Presidenza tal-Kunsill biex tallinja l-inizjattivi tan-Network ta’ ILOs mal-gruppi ta’ ħidma rilevanti tal-Kunsill (eż. il-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Aspetti Esterni tal-Ażil u l-Migrazzjoni (EMWP,) il-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni operazzjonali tad-dimensjoni esterna tal-migrazzjoni (MOCADEM), eċċ.);
10.it-tħeġġiġ, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament, lill-Istati Membri li jkollhom il-Presidenza tal-Kunsill biex jaqdu rwol attiv fil-Bord ta’ Tmexxija tan-Network ta’ ILOs, f’koordinazzjoni mill-qrib u taħt il-presidenza tal-Kummissjoni;
11.l-abbozzar ta’ programm ta’ ħidma biennali ġdid tan-Network ta’ ILOs li jinkorpora l-passi ta’ hawn fuq li jmiss biex jiggwida l-prijoritajiet operazzjonali futuri.