Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

16 ta’ Lulju 2026 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Stat tad-dritt – Indipendenza tal-membri tal-ġudikatura – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li tiġi vverifikata l-osservanza tar-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità ta’ mħallef fil-kariga fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) – Kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti mitlub jistħarreġ l-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti – Irregolarità tal-kundizzjonijiet għall-ħatra ta’ membru ta’ tali kulleġġ ġudikanti – Konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn din l-irregolarità – Imparzjalità – Supremazija tad-dritt tal-Unjoni”

Fil-Kawżi magħquda C‑96/24, C‑103/24 u C‑112/24,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑11 ta’ Jannar 2024, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament fis‑6, fis‑7 u fil‑11 ta’ Frar 2024, fil-proċeduri

X. Y. (C‑96/24),

X. Y. (C‑103/24),

L. S. (C‑112/24)

fil-preżenza ta’:

Prokuratura Krajowa,

Rzecznik Dyscyplinarny Sądu Najwyższego,

Zastępca Rzecznika Dyscyplinarnego przy Sądzie Okręgowym w Piotrkowie Trybunalskim,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Jarukaitis (Relatur), President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tar-Raba’ Awla, M. Condinanzi, N. Jääskinen u R. Frendo, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u S. Żyrek, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Herrmann u P. J. O. Van Nuffel, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ proċedura li tikkonċerna lil X. Y., imħallef fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) (Kawża C‑96/24), quddiem l-Izba Odpowiedzialności Zawodowej (l-Awla ta’ Responsabbiltà Professjonali), awla li taqa’ taħt din il-qorti, wara talba tal-Uffiċċju tal-Prosekutur intiża li tinkiseb l-awtorizzazzjoni li jinbdew proċeduri kriminali kontra dan l-imħallef, kif ukoll fil-kuntest ta’ proċeduri dixxiplinari mibdija kontra X. Y. u L. S, imħallfin fis-Sąd Rejonowy w P. (il-Qorti Distrettwali ta’ P., il-Polonja) (Kawżi C‑103/24 u C‑112/24), quddiem l-Awla ta’ Responsabbiltà Professjonali.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Liġi dwar il-Qorti Suprema

3        L-Artikolu29 tal-ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema), tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal‑2018, pożizzjoni 5), kif emendata mill-ustawa o zmianie ustawy o Sądzie Najwyższym oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Qorti Suprema u Ċerti Liġijiet Oħra), tad‑9 ta’ Ġunju 2022 ((Dz. U. tal‑2022, pożizzjoni 1259) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Qorti Suprema”), jipprevedi:

“[…]

2.      Fl-ambitu tal-attivitajiet tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja)] jew tal-korpi tagħha, ma huwiex permess li tiġi kkontestata l-leġittimità tal-[qrati], korpi statali kostituzzjonali jew korpi għas-superviżjoni u għall-protezzjoni tal-liġi.

3.      Is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] jew organu ieħor tal-poter ma tistax tivverifika jew tevalwa l-legalità tal-ħatra ta’ mħallef jew tas-setgħa li jwettaq dmirijiet fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja li tirriżulta minn tali ħatra.

4.      Iċ-ċirkustanzi tal-ħatra ta’ mħallef tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] ma jistgħux jikkostitwixxu raġunijiet esklużivi biex tiġi kkontestata deċiżjoni meħuda bil-parteċipazzjoni ta’ dak l-imħallef jew biex tiġi kkontestata l-indipendenza u l-imparzjalità tiegħu.

5.      Il-konformità mar-rekwiżiti ta’ indipendenza u imparzjalità minn imħallef tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] jew imħallef issekondat tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] tista’ tiġi eżaminata, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi tal-ħatra tiegħu u l-imġiba tiegħu wara l-ħatra, fuq talba tal-parti fil-kawża msemmija fil-paragrafu 7, jekk fiċ-ċirkustanzi ta’ każ partikolari dan jista’ jwassal għal ksur tal-prinċipju ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità li jaffettwa l-eżitu tal-kawża, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi tal-parti fil-kawża u n-natura tal-kawża.

6.      Talba għal dikjarazzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 5 [(iktar ’il quddiem it-“test ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità”)] tista’ ssir kontra mħallef tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] jew imħallef issekondat lil dik il-qorti u assenjat għal kulleġġ ġudikanti adit:

1)      b’appell;

[…]

7.      Kull parti fil-kawża quddiem is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 6 għandha d-dritt li tagħmel tali talba.

[…]

9.      It-talba għandha tissodisfa r-rekwiżiti previsti għal att proċedurali u, barra minn hekk, għandha tkun tinkludi:

1)      talba għall-konstatazzjoni tal-osservanza, fil-każ partikolari, tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 5;

2)      iċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw it-talba, kif ukoll il-provi insostenn tagħhom.

10.      Talba li ma tkunx tosserva l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 29(9) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli mingħajr talba għar-regolarizzazzjoni tad-difetti formali. Talba mressqa barra mit-terminu jew li tkun inammissibbli għal xi raġuni oħra ukoll għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

[…]

15.      Is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] għandha tikkunsidra t-talba in camera f’kulleġġ ġudikanti ta’ ħames imħallfin magħżula bil-polza minn fost il-membri kollha tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], wara li tisma’ lill-imħallef li fil-konfront tiegħu tkun ġiet magħmula t-talba, sakemm seduta ma tkunx impossibbli jew diffiċli ħafna li tinżamm. L-imħallef jista’ jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub. L-imħallef ikkonċernat huwa eskluż mit-tlugħ bil-polza.

[…]

18.      Jekk tilqa’ t-talba, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) għandha tirrikuża lill-imħallef fil-kawża. Ir-rikuża ta’ mħallef f’kawża ma tistax tikkostitwixxi raġuni għar-rikuża ta’ dan l-imħallef f’kawżi oħra eżaminati bil-parteċipazzjoni tiegħu.

[…]

21.      Jista’ jiġi ppreżentat appell quddiem is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] mid-digriet mogħti wara l-eżami tat-talba, f’kulleġġ ġudikanti ta’ seba’ mħallfin magħżula bil-polza minn fost il-membri kollha tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)]. L-imħallef ikkonċernat u l-imħallef li pparteċipa fid-digriet ikkontestat għandhom jiġu esklużi mit-tlugħ bil-polza.

[…]

24.      F’materji li ma humiex irregolati mil-liġi, ir-regoli dwar inċidenti proċedurali li japplikaw għall-proċedura relatata mat-talba japplikaw mutatis mutandis għall-proċedura mibdija wara t-tressiq ta’ talba u għall-proċedura ta’ appell.

[…]”

 Il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji

4        L-Artikolu 128 tal-ustawa Prawo o ustroju sądów powszechnych (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji), tas‑27 ta’ Lulju 2001 (Dz. U. Nru 98, pożizzjoni 1070), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawżi prinċipali, jipprevedi:

“Id-dispożizzjonijiet tal-parti ġenerali tal-Kodiċi Kriminali u d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 344a u tal-Artikolu 396a, japplikaw, mutatis mutandis, għall-kawżi mhux irregolati minn dan il-kapitolu, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari li jirriżultaw min-natura tal-proċedura dixxiplinari.”

 Il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali

5        L-Artikoli 40 u 41 tal-ustawa – Kodeks postępowania karnego (il-Liġi li Tistabbilixxi l-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali), tas‑6 ta’ Ġunju 1997 (Dz. U. tal‑1997, Nru 89, pożizzjoni 555), kif emendata (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Proċedura Kriminali”), jipprevedu l-każijiet li fihom imħallef huwa, bis-saħħa tal-liġi, meqjus bħala mhux xieraq li jieħu konjizzjoni ta’ kawża (judex inhabilis, l-Artikolu 40 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali), kif ukoll il-każijiet li fihom tista’ ssir talba għar-rikuża tiegħu, b’mod partikolari meta tkun teżisti ċirkustanza li tista’ tqajjem dubju raġonevoli fir-rigward tal-imparzjalità tiegħu fil-kawża li biha jkun adit (judex suspectus, l-Artikolu 41 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali).

 Il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

 Il-Kawża C-96/24

6        L-Awla ta’ Responsabbiltà Professjonali tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ġiet adita bi proċedura intiża li tawtorizza l-ftuħ ta’ proċeduri kriminali kontra l-Imħallef X. Y., fil-kariga fi ħdan din il-qorti, li kien jimplika t-tneħħija tal-immunità tiegħu.

7        Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, l-Imħallef X. Y. ressaq talba bbażata fuq l-Artikolu 29(5) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, intiża li jiġi vverifikat jekk l-Imħallef A. K., li kienet sedenti bħala mħallef uniku fi ħdan l-Awla ta’ Responsabbiltà Professjonali, kinitx tissodisfa r-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità. Huwa sostna, b’mod partikolari, li din l-Imħallef kienet inħatret fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) fuq proposta tal-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura, il-Polonja) (iktar ’il quddiem il-“KRS”) fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu u enfasizza dikjarazzjoni tal-imsemmija mħallef, irrappurtata fil-media, li fiha hija għamlet distinzjoni bejn l-“eks” imħallfin u l-imħallfin il-“ġodda”, filwaqt li enfasizzat li tal-ewwel “[kienu] jaġixxu b’mod mhux xieraq u mhux dinjituż, [billi] jippreġudikaw id-dinjità tal-funzjoni ta’ mħallef”.

8        Konformement mal-proċedura prevista fl-Artikolu 29 tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, din it-talba kellha tiġi eżaminata minn kulleġġ ġudikanti speċjali ta’ ħames imħallfin magħżula bil-polza minn fost il-membri tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema). F’dan il-każ, dan il-kulleġġ ġudikanti jinkludi tliet imħallfin maħtura fuq proposta tal-KRS preċedenti u żewġ Imħallfin, Z. B. u A. S., maħtura fuq proposta tal-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu, skont proċedura identika għal dik li permezz tagħha nħatret l-Imħallef A. K.

9        L-imħallef X. Y. ressaq talbiet għal test ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità, ibbażati fuq l-Artikolu 29(5) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, dwar l-imħallfin Z. B. u A. S. Dawn it-talbiet ġew iddikjarati inammissibbli permezz ta’ żewġ digrieti tal-President tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), li jippresjedi wkoll l-Awla ta’ Responsabbiltà Professjonali, għar-raġuni li l-proċedura ta’ eżami tal-osservanza tar-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità ma tapplikax għall-imħallfin magħżula bil-polza sabiex ikunu sedenti fi ħdan il-kulleġġ ġudikanti inkarigat jiddeċiedi dwar dan it-tip ta’ talba.

10      Skont l-Artikolu 29(24) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema u l-Artikoli 40 et seq. tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, l-imħallef relatur tal-kulleġġ ġudikanti ta’ ħames imħallfin adit bit-talba msemmija fil-punt 7 ta’ din is-sentenza, li huwa stess kien inħatar fuq proposta tal-KRS preċedenti u li huwa l-qorti tar-rinviju, talab ir-rikuża tal-Imħallfin Z. B. u A. S., peress li qies li dawn setgħu ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità. Huwa enfasizza wkoll li din it-talba għal rikuża ma kellhiex tiġi eżaminata minn imħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) li l-ħatra tiegħu tkun seħħet fil-kuntest tal-proċedura l-ġdida ta’ ħatra tal-imħallfin li tinvolvi l-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu.

11      L-imsemmija talba għal rikuża ġiet iddikjarata inammissibbli permezz ta’ digriet tal‑14 ta’ Diċembru 2023 abbażi tal-Artikolu 29(4) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, kif ukoll tal-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 41 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali u b’analoġija mal-Artikolu 128 tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawżi prinċipali. Dan id-digriet ingħata minn imħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) maħtur f’din il-kariga fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ħatra abbażi ta’ riżoluzzjoni tal-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu.

12      Skont il-qorti tar-rinviju, il-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 29(5) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, li titressaq talba għall-verifika tal-indipendenza u tal-imparzjalità ta’ mħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ma tippermettix li jiġi rrimedjat il-ksur tar-rekwiżit ta’ qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, u dan iktar u iktar peress li din il-possibbiltà ġiet kunsiderevolment limitata mil-leġiżlatur Pollakk. Fil-fatt, l-Artikolu 29(4) ta’ din il-liġi jipprojbixxi li tiġi kkontestata l-indipendenza jew l-imparzjalità ta’ mħallef abbażi biss taċ-ċirkustanzi madwar il-ħatra tiegħu.

13      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-fatt li, fit-talba għal test ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità, jissemmew ċirkustanzi relatati mal-aġir tal-imħallef ikkonċernat wara l-ħatra tiegħu ma jistax iwassal għall-inammissibbiltà tat-talba. Madankollu, meta tali ċirkustanzi ma jippermettux li jiġi stabbilit nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità, din it-talba tkun tista’ tiġi miċħuda, inkluż meta l-imħallef ikkonċernat ikun inħatar fil-kuntest ta’ proċedura vvizzjata b’irregolaritajiet gravi.

14      Barra minn hekk, l-Artikolu 29(6) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kawżi li fihom tali talba tista’ titressaq u tintlaqa’.

15      Skont il-qorti tar-rinviju, il-leġiżlatur Pollakk ippreżuma, b’mod mhux iġġustifikat, li kull ħatra ta’ mħallef fuq proposta tal-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu tissodisfa awtomatikament ir-rekwiżit ta’ qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Għalhekk, din il-kostruzzjoni leġiżlattiva mhux biss tqajjem inkonsistenzi loġiċi, iżda hija bbażata wkoll fuq raġunament ċirkulari.

16      Din il-Qorti tqis li, minkejja l-kontradizzjoni apparenti tal-Artikolu 29(5) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema mad-dritt tal-Unjoni u mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), huwa neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar id-domandi magħmula. Fil-fatt, il-mekkaniżmu legali previst fl-Artikolu 29(5) et seq. tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema jikkostitwixxi soluzzjoni leġiżlattiva ibrida, li l-għan tagħha huwa li twettaq ir-regolarizzazzjoni de facto tal-imħallfin maħtura fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) b’mod irregolari fid-dawl tar-rekwiżit ta’ qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi.

17      Il-qorti tar-rinviju żżid li huwa neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tindika l-mod kif għandhom jiġu ttrattati, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, it-talbiet għal test ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità, b’mod partikolari minn imħallef ta’ Stat Membru assenjat lil kulleġġ ġudikanti, kompetenti sabiex jieħu konjizzjoni tagħhom, ikkostitwit b’mod irregolari, u li jkun eżawrixxa l-possibbiltajiet legali nazzjonali sabiex jikseb kompożizzjoni regolari.

18      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), bħala l-kulleġġ ġudikanti ta’ mħallef uniku, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) [TUE], moqri flimkien [mal-ewwel u mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47] tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li: għandu jiġi interpretat fis-sens li:

a)      fil-kuntest ta’ proċedura speċifika mibdija bit-talba ta’ parti kkonċernata intiża sabiex tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk Imħallef tas-Sąd Najwyższy [(il-Qorti Suprema)] – assenjat fil-kulleġġ ġudikanti adit b’talba għal awtorizzazzjoni ta’ proċeduri kriminali kontra Mħallef [ieħor] tal-Qorti Suprema – jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità, il-Qorti Suprema nazzjonali hija obbligata li teżamina ex officio l-kwistjoni dwar jekk il-kulleġġ ġudikanti li l-Imħallfin huma nnominati għalih billi jittellgħu bix-xorti fost il-membri kollha tal-Qorti Suprema u li huwa adit bl-imsemmija talba għal awtorizzazzjoni ta’ proċeduri kriminali kontra l-Imħallef huwiex qorti ‘stabbilita minn qabel bil-liġi’ f’sitwazzjoni fejn l-eżami tal-indipendenza u tal-imparzjalità ta’ Mħallef biss huwa previst mid-dritt nazzjonali?

b)      meta talba għall-eżami dwar jekk Imħallef tal-Qorti Suprema jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità u hija bbażata fuq l-allegazzjoni li dan l-Imħallef kien ġie maħtur għal din il-pożizzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ħatra vvizzjata b’irregolarità (ta’ natura fundamentali), il-kulleġġ ġudikanti [adit b’din it-talba u] kompost minn ħames Imħallfin li kienu ttellgħu bix-xorti fost il-membri kollha tal-Qorti Suprema ma jistax ikun kompost minn Imħallfin tal-Qorti Suprema li kienu ġew maħtura fil-kuntest ta’ din l-istess proċedura ta’ ħatra irregolari, peress li tali kulleġġ ġudikanti tal-Qorti Suprema ma jistax jiġi kklassifikat bħala qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi[?]

c)      meta, f’kawża li tirrigwarda l-eżami tal-indipendenza u tal-imparzjalità ta’ Mħallef tal-Qorti Suprema sedenti f’kulleġġ ġudikanti (adit b’talba għall-awtorizzazzjoni ta’ proċeduri kriminali kontra Mħallef ieħor tal-Qorti Suprema), kien intwera li, minħabba irregolarità (ta’ natura fundamentali) li tivvizzja l-ħatra tal-Imħallef [adit bit-talba għall-awtorizzazzjoni ta’ proċeduri kriminali], il-kulleġġ ġudikanti li fih dan l-Imħallef huwa sedenti ma jistax jiġi kklassifikat bħala qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, ma huwiex iktar neċessarju, għall-finijiet ta’ dan l-eżami tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-imsemmi Mħallef, li jiġi eżaminat, kif jeżiġi d-dritt nazzjonali, l-aġir ta’ dan l-Imħallef wara l-ħatra tiegħu u lanqas in-natura tal-kawża [adit biha] (jiġifieri l-awtorizzazzjoni ta’ proċeduri kriminali), b’tali mod li l-imsemmija talba għall-eżami tal-indipendenza u tal-imparzjalità ma tistax tiġi miċħuda unikament minħabba li min ressaq it-talba ma pproduċiex provi li jistabbilixxu li l-aġir ta’ dan l-Imħallef wara l-ħatra tiegħu jippreġudika l-indipendenza u l-imparzjalità tiegħu?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv [għall-punt (b)] tal-ewwel domanda:

2)      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) [TUE], moqri flimkien [mal-ewwel u mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47] tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li[:]

Mħallef sedenti fil-kulleġġ ġudikanti li jiddeċiedi dwar it-talba għall-eżami tal-indipendenza u tal-imparzjalità ta’ Mħallef (adit b’talba għal awtorizzazzjoni ta’ proċeduri kriminali kontra Mħallef [ieħor] tal-Qorti Suprema) jista’, l-ewwel nett, jitlob ir-rikuża ta’ Mħallef wieħed ieħor jew ta’ Mħallfin oħra tal-kulleġġ ġudikanti adit [b’din it-talba għal eżami] li ttella’ jew ittellgħu bix-xorti fost il-membri kollha tal-Qorti Suprema, li kien jew kienu ġew maħtura fil-pożizzjoni ta’ Mħallef tal-Qorti Suprema fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ħatra vvizzjata b’irregolarità (ta’ natura fundamentali), li jeskludi li l-qorti li huwa jew huma sedenti fiha tiġi kklassifikata bħala qorti indipendenti u imparzjali, stabblita bil-liġi, u, it-tieni nett, jitlob li din it-talba [għal eżami] ma tiġix eżaminata minn Imħallef li kien ġie maħtur fil-pożizzjoni ta’ Mħallef tal-Qorti Suprema wkoll fil-kuntest ta’ tali proċedura ta’ ħatra irregolari?

3)      Jekk it-talba msemmija fit-tieni domanda tiġi miċħuda (permezz ta’ digriet ta’ qorti nazzjonali), l-Imħallef li kien ressaq din it-talba jista’ jirrifjuta li jieħu azzjoni fil-kawża li tirrigwarda l-eżami tal-indipendenza u tal-imparzjalità ta’ Mħallef tal-Qorti Suprema, jew huwa wkoll obbligat li jipparteċipa fl-għoti tas-sentenza, fejn iħalli lill-parti tiddeċiedi jekk hija eventwalment tikkontestax din is-sentenza minħabba li l-Imħallef li ressaq din it-talba jikser id-dritt tagħha li l-kawża tinstema’ minn qorti li tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) [TUE] u [l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47] tal-[Karta]?

4)      In-natura irregolari tal-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti kollu – [adit bi] l-eżami tal-indipendenza u tal-imparzjalità ta’ Mħallef – hija affettwata, fir-rigward tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) [TUE] u tal-[ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47] tal-[Karta], biċ-ċirkustanza li, fost il-ħames Imħallfin tal-kulleġġ ġudikanti [adit b’talba għall-eżami tal-indipendenza u tal-imparzjalità], żewġ Imħallfin biss kienu ġew maħtura fil-pożizzjoni ta’ Mħallef tal-Qorti Suprema fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ħatra vvizzjata b’irregolarità (ta’ natura fundamentali), fi kliem ieħor, huwa madankollu possibbli, f’każ bħal dan, li titkompla l-proċedura u li tingħata sentenza peress li l-ħatra, għall-pożizzjoni ta’ Mħallef tal-Qorti Suprema, tal-maġġoranza tal-membri tal-kulleġġ ġudikanti indikat ma hijiex ivvizzjata b’irregolarità?”

 Il-Kawża C-103/24

19      Wara l-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari kontra l-Imħallef X. Y., sedenti fi ħdan is-Sąd Rejonowy w P. (it-Tribunal Distrettwali ta’ P.), quddiem l-Awla tar-Responsabbiltà Professjonali tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), l-Imħallfin K. B. u C. W., kif ukoll M. M., imħallef onorarju, inħatru sabiex jikkostitwixxu l-kulleġġ ġudikanti inkarigat minn din il-proċedura.

20      Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, l-Imħallef X. Y., li kien is-suġġett tal-proċedura dixxiplinari, ressaq talba, ibbażata fuq l-Artikolu 29(5) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, intiża li jiġi vverifikat jekk l-Imħallef K. B., membru ta’ dan il-kulleġġ ġudikanti dixxiplinari, kienx jissodisfa r-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatt li kien inħatar fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) fuq proposta tal-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu. L-Imħallef X. Y. talab ukoll ir-rikuża tal-Imħallef K. B. fil-kuntest ta’ din il-kawża dixxiplinari.

21      Sabiex tiddeċiedi dwar din it-talba, ġie kkostitwit, permezz ta’ tlugħ bil-polza, kulleġġ ġudikanti speċjali ta’ ħames imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema). Dan jinkludi tliet Imħallfin maħtura fuq proposta tal-KRS preċedenti u żewġ Imħallfin, C. W. u B. Z., maħtura fuq proposta tal-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu, skont proċeduri identiċi għal dik li permezz tagħha nħatar l-Imħallef K. B.

22      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, kuntrarjament għaż-żewġ kawżi l-oħra li huma s-suġġett ta’ din is-sentenza, l-imħallef relatur fi ħdan dan il-kulleġġ ġudikanti, li huwa stess kien inħatar fuq proposta tal-KRS preċedenti u li huwa l-qorti tar-rinviju, iddeċieda li ma jressaqx talba għar-rikuża tal-imħallfin maħtura fuq proposta tal-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu, f’dan il-każ l-Imħallfin C. W. u B. Z., peress li talbiet simili kienu ġew miċħuda mingħajr eżami tal-mertu, b’tali mod li, fil-fehma tiegħu, kull talba ġdida f’dan is-sens kienet tkun inutli.

23      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), bħala l-kulleġġ ġudikanti ta’ mħallef uniku, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) [TUE], moqri flimkien [mal-ewwel u mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47] tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li:

a)      fil-kuntest ta’ proċedura speċifika mibdija bit-talba ta’ parti intiża sabiex tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk Imħallef tas-Sąd Najwyższy [(il-Qorti Suprema)] –assenjat fil-kulleġġ ġudikanti adit b’kawża dixxiplinari li tikkonċerna Mħallef ta’ qorti ordinarja – jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità, il-Qorti Suprema nazzjonali hija obbligata li teżamina ex officio l-kwistjoni dwar jekk il-kulleġġ ġudikanti li l-Imħallfin huma nnominati għalih billi jittellgħu bix-xorti fost il-membri kollha tal-Qorti Suprema huwiex ukoll qorti ‘stabbilita minn qabel bil-liġi’[?]

b)      meta talba għall-eżami dwar jekk Imħallef tal-Qorti Suprema jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità hija bbażata fuq l-allegazzjoni li dan l-Imħallef kien ġie maħtur fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ħatra vvizzjata b’irregolarità (ta’ natura fundamentali), il-kulleġġ ġudikanti [adit b’din it-talba u] kompost minn ħames Imħallfin li kienu ttellgħu bix-xorti fost il-membri kollha tal-Qorti Suprema ma jistax ikun kompost minn Imħallfin tal-Qorti Suprema li kienu ġew maħtura fil-kuntest ta’ din l-istess proċedura ta’ ħatra irregolari, peress li tali kulleġġ ġudikanti tal-Qorti Suprema ma jistax jiġi kklassifikat bħala qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi[?]

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv [għall-punt (b)] tal-ewwel domanda:

2)      In-natura irregolari tal-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti kollu – [adit bi] l-eżami tal-indipendenza u tal-imparzjalità ta’ Mħallef tal-Qorti Suprema – hija affettwata, fir-rigward tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) [TUE] u tal-Artikolu 47 tal-[Karta], biċ-ċirkustanza li, fost il-ħames Imħallfin tal-kulleġġ ġudikanti, żewġ Imħallfin biss kienu ġew maħtura fil-pożizzjoni ta’ Mħallef tal-Qorti Suprema fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ħatra vvizzjata b’irregolarità (ta’ natura fundamentali), fi kliem ieħor, huwa madankollu possibbli, f’każ bħal dan, li titkompla l-proċedura u li tingħata sentenza peress li l-ħatra, għall-pożizzjoni ta’ Mħallef tal-Qorti Suprema, tal-maġġoranza tal-membri tal-kulleġġ ġudikanti indikat ma hijiex ivvizzjata b’irregolarit[ajiet]?

Fil-każ ta’ risposta għat-tieni domanda fis-sens li, meta jkun jew ikunu sedenti f’kulleġġ ġudikanti kompost minn ħames Imħallfin, hekk kif dan huwa previst mid-dritt nazzjonali, żewġ Imħallfin maħtura jew Imħallef wieħed maħtur irregolament bħala Mħallef jew Imħallfin fil-Qorti Suprema, tali qorti ma hijiex qorti fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) [TUE] u tal-Artikolu 47 tal-[Karta], sa fejn l-irregolaritajiet li jivvizzjaw il-proċedura ta’ ħatra jkunu ta’ natura fundamentali:

3)      Sabiex lill-partijiet jiġi ggarantit id-dritt li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli minn qorti fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) [TUE] u tal-Artikolu 47 tal-[Karta], l-Imħallef Relatur li jikkomponi l-kulleġġ ġudikanti bħala Mħallef uniku li l-proċedura ta’ ħatra tiegħu ma hijiex ivvizzjata b’irregolaritajiet jista’ jeżamina talba għall-eżami tal-indipendenza u tal-imparzjalità ta’ Mħallef tal-Qorti Suprema (assenjat f’kawża dixxiplinari li tikkonċerna Mħallef ta’ qorti ordinarja), bħallikieku [din kienet] talba għal rikuża ta’ Mħallef tal-Qorti Suprema bbażata fuq prinċipji ġenerali?”

 Il-Kawża C-112/24

24      Wara l-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari kontra l-Imħallef L. S., sedenti fi ħdan is-Sąd Rejonowy w P. (it-Tribunal Distrettwali ta’ P.), quddiem l-Awla tar-Responsabbiltà Professjonali tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), l-Imħallef K. B. inħatar sabiex jikkostitwixxi l-kulleġġ ġudikanti inkarigat minn din il-proċedura.

25      Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, l-imħallef li kien is-suġġett tal-proċedura dixxiplinari ressaq talba, ibbażata fuq l-Artikolu 29(5) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, intiża li jiġi vverifikat jekk l-Imħallef K. B., membru ta’ dan il-kulleġġ ġudikanti dixxiplinari, kienx jissodisfa r-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità, peress li dan l-imħallef kien inħatar fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) fuq proposta tal-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu.

26      Konformement mal-proċedura prevista fl-Artikolu 29(15) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, ġie kkostitwit, permezz ta’ tlugħ bil-polza, kulleġġ ġudikanti speċjali ta’ ħames imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) sabiex jiddeċiedi dwar din it-talba. Dan il-kulleġġ ġudikanti jinkludi erba’ mħallfin maħtura fuq proposta tal-KRS preċedenti, filwaqt li l-ħames wieħed, l-Imħallef X. Y., kien inħatar fil-kariga tiegħu fuq proposta tal-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu, f’ċirkustanzi identiċi għal dawk li fihom kien inħatar l-Imħallef K. B.

27      Wieħed mill-membri tal-imsemmi kulleġġ ġudikanti, maħtur fuq proposta tal-KRS preċedenti, ressaq talba għar-rikuża tal-Imħallef X. Y., skont l-Artikolu 29(5) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, moqri flimkien mal-Artikoli 40 et seq. tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, għar-raġuni li l-parteċipazzjoni tal-Imħallef X. Y. kienet tikkomprometti l-imparzjalità tal-kulleġġ ġudikanti inkwistjoni.

28      Din it-talba għal rikuża ġiet iddikjarata inammissibbli permezz ta’ digriet tad‑29 ta’ Novembru 2023, mogħti minn imħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), li kien ukoll inħatar fuq proposta tal-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu.

29      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), bħala l-kulleġġ ġudikanti ta’ mħallef uniku, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) [TUE], moqri flimkien [mal-ewwel u mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47] tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li:

a)      fil-kuntest ta’ proċedura speċifika mibdija bit-talba ta’ parti intiża sabiex tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk Imħallef tas-Sąd Najwyższy [(il-Qorti Suprema)] –assenjat fil-kulleġġ ġudikanti adit b’kawża dixxiplinari li tikkonċerna Mħallef ta’ qorti ordinarja – jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità, il-Qorti Suprema nazzjonali hija obbligata li teżamina ex officio l-kwistjoni dwar jekk il-kulleġġ ġudikanti li l-Imħallfin huma nnominati għalih billi jittellgħu bix-xorti fost il-membri kollha tal-Qorti Suprema huwiex ukoll qorti ‘stabbilita minn qabel bil-liġi’[?]

b)      meta talba għall-eżami dwar jekk Imħallef tal-Qorti Suprema jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità hija bbażata fuq l-allegazzjoni li dan l-Imħallef kien ġie maħtur fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ħatra vvizzjata b’irregolarità (ta’ natura fundamentali), il-kulleġġ ġudikanti [adit b’din it-talba u] kompost minn ħames Imħallfin li kienu ttellgħu bix-xorti fost il-membri kollha tal-Qorti Suprema ma jistax ikun kompost minn Imħallfin tal-Qorti Suprema li kienu ġew maħtura fil-kuntest ta’ din l-istess proċedura ta’ ħatra irregolari, peress li tali kulleġġ ġudikanti tal-Qorti Suprema ma jistax jiġi kklassifikat bħala qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi[?]

c)      meta, f’kawża li tirrigwarda l-eżami tal-indipendenza u tal-imparzjalità ta’ Mħallef tal-Qorti Suprema sedenti f’kulleġġ ġudikanti (adit b’kawża dixxiplinari li tikkonċerna Mħallef ta’ qorti ordinarja), kien intwera li, minħabba irregolarità (ta’ natura fundamentali) li tivvizzja l-ħatra tal-Imħallef [adit bil-kawża dixxiplinari], il-kulleġġ ġudikanti li fih dan l-Imħallef huwa sedenti ma jistax jiġi kklassifikat bħala qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, ma huwiex iktar neċessarju, għall-finijiet ta’ dan l-eżami tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-imsemmi Mħallef, li jiġi eżaminat, kif jeżiġi d-dritt nazzjonali, l-aġir ta’ dan l-Imħallef wara l-ħatra tiegħu u lanqas in-natura tal-kawża dixxiplinari [adit biha], b’mod li l-assenza ta’ indikazzjoni, fl-imsemmija talba għall-eżami tal-indipendenza u tal-imparzjalità, taċ-ċirkustanzi dwar [l-aġir] ta’ dan l-Imħallef wara l-ħatra tiegħu għall-pożizzjoni ta’ Mħallef tal-Qorti Suprema ma tippermettix li din it-talba tiġi miċħuda bħala inammissibbli abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali [Artikolu 29(10) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema]?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv [għall-punt (b)] tal-ewwel domanda:

2)      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) [TUE], moqri flimkien [mal-ewwel u mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47] tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li[:]

Mħallef sedenti fil-kulleġġ ġudikanti li jiddeċiedi dwar it-talba għall-eżami tal-indipendenza u tal-imparzjalità ta’ Mħallef tal-Qorti Suprema (adit b’kawża dixxiplinari li tikkonċerna Mħallef ta’ qorti ordinarja) jista’, l-ewwel nett, jitlob ir-rikuża ta’ Mħallef wieħed ieħor jew ta’ Mħallfin oħra tal-kulleġġ ġudikanti adit [b’din it-talba għal eżami] li ttella’ jew ittellgħu bix-xorti fost il-membri kollha tal-Qorti Suprema, li kien jew kienu ġew maħtura fil-pożizzjoni ta’ Mħallef tal-Qorti Suprema fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ħatra vvizzjata b’irregolarità (ta’ natura fundamentali), li jeskludi li l-qorti li huwa jew huma sedenti fiha tiġi kklassifikata bħala qorti indipendenti u imparzjali, stabblita bil-liġi, u, it-tieni nett, jitlob li din it-talba [għal eżami] ma tiġix eżaminata minn Imħallef li kien ġie maħtur fil-pożizzjoni ta’ Mħallef tal-Qorti Suprema wkoll fil-kuntest ta’ tali proċedura ta’ ħatra irregolari?

3)      Jekk it-talba msemmija fit-tieni domanda tiġi miċħuda (permezz ta’ digriet ta’ qorti nazzjonali), l-Imħallef li kien ressaq din it-talba jista’ jirrifjuta li jieħu azzjoni fil-kawża li tirrigwarda l-eżami tal-indipendenza u tal-imparzjalità ta’ Mħallef tal-Qorti Suprema, jew huwa wkoll obbligat li jipparteċipa fl-għoti tas-sentenza, fejn iħalli lill-parti tiddeċiedi jekk hija eventwalment tikkontestax din is-sentenza minħabba li l-Imħallef li ressaq din it-talba jikser id-dritt tagħha li l-kawża tinstema’ minn qorti li tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) [TUE] u fl-Artikolu 47 tal-[Karta]?

4)      In-natura irregolari tal-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti – [adit bi] l-eżami tal-indipendenza u tal-imparzjalità ta’ Mħallef tal-Qorti Suprema – hija affettwata, fir-rigward tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) [TUE] u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-[Karta], biċ-ċirkustanza li, fost il-ħames Imħallfin tal-kulleġġ ġudikanti [adit b’talba għall-eżami tal-indipendenza u tal-imparzjalità], Imħallef wieħed biss kien ġie maħtur fil-pożizzjoni ta’ Mħallef tal-Qorti Suprema fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ħatra vvizzjata b’irregolarità (ta’ natura fundamentali), fi kliem ieħor, huwa madankollu possibbli, f’każ bħal dan, li titkompla l-proċedura u li tingħata sentenza peress li l-ħatra, għall-pożizzjoni ta’ Mħallef tal-Qorti Suprema, tal-maġġoranza tal-membri tal-kulleġġ ġudikanti indikat ma hijiex ivvizzjata b’irregolarità?”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

30      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑26 ta’ Marzu 2024, il-Kawżi C‑96/24, C‑103/24 u C‑112/24 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

31      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-Qorti tal-Ġustizzja stess li għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom hija adita mill-qorti nazzjonali, sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha stess jew l-ammissibbiltà tat-talba mressqa quddiemha (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, Prokurator Generalny (Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑508/19, EU:C:2022:201, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      F’dan id-dawl, għandu, fl-ewwel lok, jitfakkar li, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tinterpreta d-dritt tal-Unjoni fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 77 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33      F’dan il-każ, id-domandi magħmula f’kull waħda mit-tliet kawżi magħquda jippreżentaw, fil-formulazzjoni tagħhom, ċerti diverġenzi fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba. Fil-fatt, ċerti domandi jirrigwardaw l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta, filwaqt li oħrajn jirrigwardaw it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta. Għalhekk, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni għandu jiġi ċċarat.

34      Fir-rigward tal-azzjoni tal-Istati Membri, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) tagħha, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tal-Karta huma indirizzati lill-Istati Membri meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, fejn din id-dispożizzjoni tikkonferma l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea huma intiżi li japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn dawn is-sitwazzjonijiet (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 78, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35      F’dan il-każ, fir-rigward tal-Artikolu 47 tal-Karta, il-qorti tar-rinviju ma pprovdiet ebda indikazzjoni li l-kawżi prinċipali jikkonċernaw l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni li tiġi implimentata fil-livell nazzjonali.

36      Għaldaqstant, konformement mal-Artikolu 51(1) tal-Karta, l-Artikolu 47 tagħha ma huwiex, bħala tali, applikabbli għal dawn il-kawżi.

37      Madankollu, peress li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jobbliga lill-Istati Membri kollha jistabbilixxu r-rimedji neċessarji sabiex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, fis-sens b’mod partikolari tal-Artikolu 47 tal-Karta, dan l-aħħar artikolu għandu jittieħed debitament inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (sentenzi tat‑3 ta’ Lulju 2025, Lita u Jeszek, C‑646/23 u C‑661/23, EU:C:2025:519, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑4 ta’ Settembru 2025, AW “T”, C‑225/22, EU:C:2025:649, punt 34).

38      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-rimedji meħtieġa sabiex jiżguraw lill-partijiet fil-kawża r-rispett tad-dritt tagħhom għal protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, huma l-Istati Membri li għandhom jipprevedu sistema ta’ rimedji u ta’ proċeduri li jiżguraw stħarriġ ġudizzjarju effettiv fl-imsemmija oqsma (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, din id-dispożizzjoni tagħmel riferiment għall-“oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”, indipendentement mis-sitwazzjoni li fiha l-Istati Membri jimplimentaw dan id-dritt (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE huwa intiż, b’mod partikolari, li japplika fir-rigward ta’ kull istanza nazzjonali li tista’ tiddeċiedi, bħala qorti, dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li għalhekk jaqgħu taħt l-oqsma koperti minn dan id-dritt (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41      Issa, dan huwa l-każ tal-qorti tar-rinviju, li tista’, fil-fatt, tintalab tiddeċiedi dwar kwistjonijiet marbuta mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u taqa’, bħala “qorti”, fis-sens ta’ dan id-dritt, taħt is-sistema Pollakka tar-rimedji ġudizzjarji fl-“oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, b’tali mod li din il-qorti għandha tissodisfa r-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42      Għaldaqstant, f’dawn il-kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq il-punt (c) tal-ewwel domanda fil-Kawżi C-96/24 u C-112/24

43      Permezz tal-punt (c) tal-ewwel domanda fil-Kawżi C‑96/24 u C‑112/24, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċirkustanzi tal-ħatra ta’ mħallef jistgħux, fihom innifishom, iwasslu għal ksur tad-dritt għal qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

44      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri, b’mod partikolari, l-istabbiliment, il-kompożizzjoni, il-kompetenzi u l-funzjonament tal-qrati nazzjonali, taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ dawn l-Istati, huma xorta għandhom l-obbligu, fl-eżerċizzju ta’ din il-ġurisdizzjoni, josservaw l-obbligi li jirriżultaw, għalihom, mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mill-Artikolu 19 TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann‑Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑24 ta’ Marzu 2026, Rzecznik Praw Obywatelskich (Rikuża ta’ mħallef ordinarju), C‑521/21, EU:C:2026:242, punt 28).

45      F’dan ir-rigward, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li għalih jirreferi t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li ġie stabbilit, b’mod partikolari, fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB, li għalih jikkorrispondi t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Kif tfakkar fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, din l-aħħar dispożizzjoni għandha, għaldaqstant, tittieħed debitament inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dan it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann‑Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑24 ta’ Marzu 2026, Rzecznik Praw Obywatelskich (Rikuża ta’ mħallef ordinarju), C‑521/21, EU:C:2026:242, punt 42).

46      Il-garanziji ta’ aċċess għal qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, b’mod partikolari dawk li jiddeterminaw il-kunċett kif ukoll il-kompożizzjoni tagħha, jirrappreżentaw il-pedament tad-dritt għal smigħ xieraq. Il-verifika tal-punt dwar jekk, permezz tal-kompożizzjoni tagħha, istanza tikkostitwixxix tali qorti, meta jkun hemm dubju serju dwar dan il-punt, hija neċessarja għall-fiduċja li l-qrati ta’ soċjetà demokratika għandhom jispiraw fil-partijiet fil-kawża (sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2026, Rzecznik Praw Obywatelskich (Rikuża ta’ mħallef ordinarju), C‑521/21, EU:C:2026:242, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità hekk meħtieġa taħt id-dritt tal-Unjoni jitolbu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-istanza kkonċernata, tal-ħatra, tat-tul tal-funzjonijiet kif ukoll tar-raġunijiet għal astensjoni, għal rikuża u għat-tneħħija tal-membri tagħha, li jippermettu li jitneħħa kull dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-impermeabbiltà ta’ din l-istanza fil-konfront ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi quddiemha (sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra),C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 109, kif ukoll tal‑24 ta’ Marzu 2026, Rzecznik Praw Obywatelskich (Rikuża ta’ mħallef ordinarju), C‑521/21, EU:C:2026:242, punt 70).

48      Il-Qorti tal-Ġustizzja, billi rreferiet għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, iddeċidiet li, għalkemm id-dritt għal “qorti stabbilita minn qabel bil-liġi” jikkostitwixxi dritt awtonomu, dan tal-aħħar xorta waħda għandu rabtiet mill-qrib ħafna mal-garanziji ta’ “indipendenza” u ta’ “imparzjalità”. B’mod partikolari, konformement mal-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri li huwa karatteristika tal-funzjonament ta’ Stat tad-dritt, l-indipendenza tal-qrati għandha b’mod partikolari tiġi żgurata fil-konfront tal-poter leġiżlattiv u ta’ dak eżekuttiv (sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2026, Rzecznik Praw Obywatelskich (Rikuża ta’ mħallef ordinarju), C‑521/21, EU:C:2026:242, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      F’dan ir-rigward, ir-rekwiżit ta’ “qorti stabbilita minn qabel bil-liġi”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, huwa intiż li jevita li l-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja titħalla għad-diskrezzjoni tal-poter eżekuttiv u li jiżgura li dan il-qasam ikun irregolat minn liġi adottata mill-poter leġiżlattiv b’mod konformi mar-regoli li jirregolaw l-eżerċizzju tal-kompetenza tiegħu. Din l-espressjoni tirrifletti, b’mod partikolari, il-valur tal-osservanza tal-Istat tad-dritt u tirrigwarda mhux biss il-bażi legali tal-eżistenza stess tal-qorti, iżda wkoll il-kompożizzjoni tas-sede f’kull kawża kif ukoll kull dispożizzjoni oħra tad-dritt intern li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom jirrendi irregolari l-parteċipazzjoni ta’ mħallef wieħed jew iktar fl-eżami tal-kawża, inklużi, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-membri tal-qorti inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 2020, Réexamen Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni (C‑542/18 RX II u C‑543/18 RX II, EU:C:2020:232, punt 73 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata; tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra),C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 129; u tal‑24 ta’ Marzu 2026, Rzecznik Praw Obywatelskich (Rikuża ta’ mħallef ordinarju), C‑521/21, EU:C:2026:242, punt 73).

50      Għalhekk huwa neċessarju li l-kundizzjonijiet sostantivi u l-modalitajiet proċedurali li jirregolaw l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tal-ħatra tal-imħallfin ikunu tali li ma jkunux jistgħu joħolqu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dubji leġittimi dwar l-impermeabbiltà tal-imħallfin ikkonċernati fil-konfront ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tagħhom fir-rigward tal-interessi quddiemhom, ladarba jinħatru l-partijiet ikkonċernati. Għal dan il-għan huwa importanti, b’mod partikolari, li dawn il-kundizzjonijiet u dawn il-modalitajiet jitfasslu b’mod li jissodisfaw ir-rekwiżiti mfakkar fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza (sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2026, Rzecznik Praw Obywatelskich (Rikuża ta’ mħallef ordinarju), C‑521/21, EU:C:2026:242, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl tal-konsegwenzi fundamentali li l-imsemmi proċess jinvolvi għall-funzjonament tajjeb u għall-leġittimità tal-poter ġudizzjarju fi Stat demokratiku rregolat mill-Istat tad-dritt, tali proċess jikkostitwixxi neċessarjament element inerenti għall-kunċett ta’ “qorti stabbilita minn qabel bil-liġi”, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li l-indipendenza ta’ qorti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, titkejjel, b’mod partikolari, bil-mod li bih il-membri tagħha jkunu nħatru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2026, Rzecznik Praw Obywatelskich (Rikuża ta’ mħallef ordinarju), C‑521/21, EU:C:2026:242, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Madankollu, mhux kwalunkwe żball li jista’ jseħħ matul il-proċedura ta’ ħatra ta’ mħallef huwa ta’ natura li joħloq dubju dwar l-indipendenza u dwar l-imparzjalità ta’ dan l-imħallef u, għaldaqstant, dwar il-kwalità ta’ “qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, ta’ kulleġġ ġudikanti li fih dan l-imħallef ikun sedenti (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2026, Rzecznik Praw Obywatelskich (Rikuża ta’ mħallef ordinarju), C‑521/21, EU:C:2026:242, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      Skont ġurisprudenza stabbilita irregolarità mwettqa waqt il-ħatra tal-imħallfin fi ħdan is-sistema ġudizzjarja kkonċernata twassal għal ksur tar-rekwiżit li qorti tkun stabbilita bil-liġi, b’mod partikolari meta din l-irregolarità tkun ta’ natura u ta’ gravità tali li hija toħloq riskju reali li fergħat oħra tal-poter, b’mod partikolari l-eżekuttiv, ikunu jistgħu jeżerċitaw setgħa diskrezzjonali indebita li tipperikola l-integrità tar-riżultat li jwassal għalih il-proċess ta’ ħatra u li b’hekk toħloq dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-indipendenza u dwar l-imparzjalità tal-imħallef jew tal-imħallfin ikkonċernati, fatt li jkun il-każ meta jkun hemm inkwistjoni regoli fundamentali li jifformaw parti integrali mill-istabbiliment u mill-funzjonament ta’ din is-sistema ġudizzjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 2020, Réexamen Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni, C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232, punt 75, kif ukoll tal‑24 ta’ Marzu 2026, Rzecznik Praw Obywatelskich (Rikuża ta’ mħallef ordinarju), C‑521/21, EU:C:2026:242, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Konstatazzjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur tar-rekwiżit ta’ “qorti stabbilita minn qabel bil-liġi” u dwar il-konsegwenzi ta’ tali ksur hija suġġetta għal evalwazzjoni globali ta’ ċertu numru ta’ elementi, li, meqjusa flimkien, jikkontribwixxu sabiex joħolqu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dubji leġittimi fir-rigward tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-imħallfin (sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2026, Rzecznik Praw Obywatelskich (Rikuża ta’ mħallef ordinarju), C‑521/21, EU:C:2026:242, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      B’applikazzjoni tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 29 sa 31 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fil-punt 77 tas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Krajowa Rada Sądownictwa (Żamma fil-kariga ta’ mħallef) (C‑718/21, EU:C:2023:1015), fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kwalità ta’ “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, tal-Izba Kontroli Nadzwyczajnej i Spraw Publicznych (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi, il-Polonja) tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) li, meqjusa flimkien, l-elementi kemm sistemiċi kif ukoll ċirkustanzjali li kkaratterizzaw il-ħatra, fi ħdan dan il-korp, ta’ diversi mħallfin għandhom bħala konsegwenza li dan ma għandux il-kwalità ta’ “qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2025, AW “T”, C‑225/22, EU:C:2025:649, punti 49 u 50).

56      Bl-istess mod, fil-punti 35 u 37 tas-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2024, Prezes Urzędu Ochrony Konkurencji i Konsumentów (C‑326/23, EU:C:2024:940), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li n-nuqqasijiet li affettwaw il-proċess ta’ ħatra tal-imħallef uniku li jifforma l-korp tar-rinviju u li nħatar fl-Awla Ċivili tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), huma identiċi għal dawk li affettwaw il-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin tal-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi, u huma suffiċjenti, fihom innifishom, sabiex joħloq dubji leġittimi u serji, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-indipendenza u dar l-imparzjalità ta’ dan l-imħallef, b’tali mod li dan tal-aħħar ma jikkostitwixxix “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

57      Għaldaqstant, ċerti nuqqasijiet fil-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin jistgħu, fihom innifishom, jindikaw li l-imħallfin inkwistjoni ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità. F’tali każijiet, ma jistax jiġi meħtieġ minn parti fil-proċedura, li tqajjem il-kwistjoni tal-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti, li hija tipproduċi elementi addizzjonali sabiex tikkorrobora l-ksur allegat tagħhom.

58      Fir-rigward tat-talba għal test ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità ta’ mħallef li jagħmel parti minn kulleġġ ġudikanti, intiża li jiġi ddeterminat jekk dan il-kulleġġ ġudikanti jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, il-parti li tressaq tali talba għandha għalhekk tkun tista’ tillimita ruħha tinvoka argumenti bbażati biss fuq iċ-ċirkustanzi tal-ħatra ta’ dan l-imħallef u li juru li twettqet, f’din l-okkażjoni, irregolarità ta’ natura u ta’ gravità tali li hija toħloq, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dubji dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tiegħu fir-rigward tal-poter eżekuttiv jew leġiżlattiv, mingħajr ma jkun neċessarju li tinvoka elementi oħra.

59      Għalhekk, il-kulleġġ ġudikanti fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) mitlub jeżamina, abbażi tal-Artikolu 29 tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, il-kwistjoni tal-indipendenza u tal-imparzjalità ta’ mħallef ta’ dik il-qorti għandu huwa stess jissodisfa r-rekwiżiti ta’ qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tad-dispożizzjonijiet magħquda tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta.

60      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-punt (c) tal-ewwel domanda fil-Kawżi C‑96/24 u C‑112/24 għandha tkun li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 19(1)TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċirkustanzi tal-ħatra ta’ mħallef jistgħu, fihom innifishom, iwasslu għal ksur tad-dritt għal qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jekk dawn iċ-ċirkustanzi jkunu jinvolvu irregolarità ta’ natura u ta’ gravità tali li tqajjem dubju leġittimu f’moħħ il-partijiet fil-kawża fir-rigward tal-indipendenza u tal-imparzjalità ta’ dan l-imħallef.

 Fuq il-punt (b) tal-ewwel domanda fil-Kawżi C-96/24, C-103/24 u C-112/24

61      Permezz tal-punt (b) tal-ewwel domanda f’dawn it-tliet kawżi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-verifika tal-osservanza tar-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità fir-rigward ta’ mħallef fil-kariga fi ħdan qorti u, bl-istess mod, tar-rispett tad-dritt għal qorti stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, tiġi fdata lil kulleġġ ġudikanti ta’ dik il-qorti li jinkludi mħallef wieħed jew iktar li, minħabba l-kundizzjonijiet tal-ħatra tagħhom, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni identika għal dik tal-imħallef li jkun is-suġġett ta’ din il-verifika.

62      F’dan ir-rigward, kif imfakkar fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jirreferi għalih it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri, li ġie stabbilit, b’mod partikolari, fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB, li għalih jikkorrispondi it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

63      Barra minn hekk, sa fejn il-Karta tistabbilixxi drittijiet li jikkorrispondu għal dawk iggarantiti mill-KEDB, l-Artikolu 52(3) tal-Karta huwa intiż li jiżgura l-koerenza neċessarja bejn id-drittijiet inklużi fiha u d-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-KEDB, mingħajr ma dan jippreġudika l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni. Skont l-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jikkorrispondi għall-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, għaldaqstant, tiżgura li l-interpretazzjoni li hija tagħti f’din il-kawża tkun tiżgura livell ta’ protezzjoni li ma jkunx inqas minn dak iggarantit mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

64      Madankollu, għandu jitfakkar li kull Stat Membru għandu, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jiżgura li l-istanzi li huma mitluba, bħala “qorti”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, jiddeċiedu dwar kwistjonijiet marbuta mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt u li għalhekk jaqgħu taħt is-sistema ta’ rimedji tiegħu fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fosthom dak tal-indipendenza (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann‑Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

65      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rekwiżit ta’ indipendenza tal-qrati, li huwa inerenti għall-funzjoni ta’ ġudikatura, jagħmel parti mill-kontenut essenzjali tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, li huma ta’ importanza kardinali inkwantu garanziji tal-protezzjoni tad-drittijiet kollha li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni u tal-ħarsien tal-valuri komuni għall-Istati Membri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, b’mod partikolari l-valur tal-Istat tad-dritt (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann‑Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      Skont ġurisprudenza stabbilita, dan ir-rekwiżit ta’ indipendenza fih żewġ aspetti. L-ewwel aspett, ta’ natura esterna, jeħtieġ li l-qorti kkonċernata teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’awtonomija sħiħa, mingħajr ma tkun suġġetta għal ebda rabta ġerarkika jew suġġetta għal xi ħadd u mingħajr ma tirċievi ordnijiet jew istruzzjonijiet minn kwalunkwe sors, b’tali mod li b’hekk hija tkun protetta kontra l-interventi jew il-pressjonijiet esterni li jistgħu jippreġudikaw l-indipendenza tal-ġudizzju tal-membri tagħha u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom (sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 121, kif ukoll tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann‑Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 50).

67      It-tieni aspett, ta’ natura interna, jorbot mal-kunċett ta’ “imparzjalità” u jirrigwarda d-distanza ugwali għal dak li jikkonċerna l-partijiet fit-tilwima u l-interessi rispettivi tagħhom fir-rigward tas-suġġett tat-tilwima. Dan l-aħħar aspett jirrikjedi l-osservanza tal-oġġettività u l-assenza ta’ kull interess fis-soluzzjoni tat-tilwima minbarra l-applikazzjoni stretta tal-istat tad-dritt (sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 122, kif ukoll tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann‑Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 51).

68      Dawn il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità jeħtieġu l-eżistenza ta’ regoli dwar, b’mod partikolari, il-kompożizzjoni tal-istanza kkonċernata, li jippermettu li jiġi eskluż kull dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-impermeabbiltà ta’ din l-istanza fir-rigward ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 123, kif ukoll tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann‑Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 52).

69      Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-prinċipju ta’ imparzjalità, dan il-prinċipju jeżiġi li l-imħallfin ma jkollhom l-ebda interess personali, parzjalità jew preġudizzju fit-tilwim li huma jkollhom quddiemhom u li huma jittrattaw lill-partijiet kollha b’mod ugwali u ekwu.

70      Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li l-imparzjalità normalment tindika l-assenza ta’ preġudizzju jew ta’ parzjalità, li tista’ tiġi vverifikata b’diversi modi. Skont dik il-Qorti, l-eżistenza tal-imparzjalità għandha tiġi evalwata abbażi ta’ approċċ suġġettiv li jikkonsisti fit-teħid inkunsiderazzjoni tal-konvinzjoni personali u tal-aġir ta’ mħallef partikolari sabiex jiġi vverifikat jekk huwa weriex xi preġudizzju jew parzjalità fil-kawża mressqa quddiemha, iżda wkoll abbażi ta’ approċċ oġġettiv, li jikkonsisti fl-evalwazzjoni ta’ jekk il-qorti stess u, fost aspetti oħra, il-kompożizzjoni tagħha kinux joffru garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż kull dubju leġittimu dwar l-imparzjalità tagħha (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 15 ta’ Ottubru 2009, Micallef vs Malta, CE:ECHR:2020:1015JUD 006123312, punt 93).

71      Fil-kuntest tal-evalwazzjoni oġġettiva tal-imparzjalità, għandu jiġi mistoqsi jekk, irrispettivament mill-aġir personali tal-imħallfin, ċerti fatti li jistgħu jiġu vverifikati jiġġustifikawx li tiġi ssuspettata l-imparzjalità ta’ dawn tal-aħħar. F’dan ir-rigward, anki l-apparenzi jistgħu jkunu ta’ importanza. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ raġunijiet għal dubji dwar jekk dawn ir-rekwiżiti ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità oġġettiva kinux issodisfatti f’kawża partikolari, il-perspettiva ta’ parti għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, iżda ma għandhiex rwol deċiżiv. L-element determinanti huwa jekk it-tħassib inkwistjoni jistax jitqies li huwa oġġettivament iġġustifikat (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 15 ta’ Ottubru 2009, Micallef vs Malta, CE:ECHR:2009:1015JUD001705606, punti 96 u 98; kif ukoll is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2024, Vivacom Bulgaria, C‑369/23, EU:C:2024:1043, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet ukoll, essenzjalment, li l-parteċipazzjoni ta’ mħallfin f’deċiżjoni dwar ir-rikuża ta’ wieħed mill-kollegi tagħhom, membru tal-istess kulleġġ ġudikanti, tista’ tkun il-bażi tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB jekk huma stess ikunu s-suġġett ta’ tali talba għal rikuża (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 22 ta’ Settembru 1994, Debled vs Il‑Belġju, CE:ECHR:1994:0922JUD002681891, punt 37).

73      Għalhekk, il-membri ta’ kulleġġ ġudikanti mitlub jiddeċiedi dwar jekk il-parteċipazzjoni ta’ mħallef f’istanza partikolari hijiex ta’ natura li tikser ir-rekwiżit ta’ qorti stabbilita minn qabel bil-liġi ma jistgħux, huma stess, ikunu jinstabu f’sitwazzjoni identika għal dik ta’ dan l-imħallef. Fil-fatt, l-identiċità taċ-ċirkustanzi tal-ħatra tagħhom stess bħala mħallfin ma’ dawk ta’ dan tal-aħħar tista’ tqajjem fi ħdan il-partijiet fil-kawża dubji leġittimi dwar in-newtralità ta’ dan il-kulleġġ fir-rigward tal-interessi quddiemu. Minn dan jirriżulta li l-membri tal-imsemmi kulleġġ ma jistgħux jeżaminaw il-kwistjoni tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-imsemmi mħallef meta huma jkunu jinsabu f’sitwazzjonijiet identiċi.

74      F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dispożizzjonijiet dwar il-proċedura ta’ stħarriġ tal-osservanza tar-rekwiżiti ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità ta’ mħallef fil-kariga fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) daħlu fis-seħħ, wara emenda tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, matul is-sena 2022, sabiex jiġi ggarantit id-dritt tal-partijiet fil-kawża għal qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta. Din il-proċedura tippermetti lill-partijiet fi proċedura quddiem is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) jitolbu test tal-indipendenza u tal-imparzjalità ta’ mħallef ta’ dik il-qorti inkarigat li jiddeċiedi fil-kawża li tikkonċernahom, intiż li jiġi ddeterminat jekk imħallef maħtur sabiex jiddeċiedi fil-kawża li tikkonċernahom kienx jissodisfa r-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità, fejn l-eżami ta’ din it-talba huwa fdat lil kulleġġ ġudikanti speċifiku kompost minn ħames imħallfin imtellgħin bil-polza fost l-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), bl-esklużjoni tal-imħallef ikkonċernat mill-imsemmija talba.

75      Issa, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, il-kulleġġ ġudikanti fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) mitlub jeżamina, abbażi tal-Artikolu 29 tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, il-kwistjoni tal-indipendenza u tal-imparzjalità ta’ mħallef ta’ dik il-qorti għandu huwa stess jissodisfa r-rekwiżiti ta’ qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tad-dispożizzjonijiet magħquda tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta.

76      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi b’mod iktar partikolari jekk imħallef maħtur fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), fuq proposta tal-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu, jistax jifforma parti mill-kulleġġ ġudikanti ta’ ħames imħallfin mitlub jiddeċiedi dwar talba għal test ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità ta’ mħallef mressqa skont l-Artikolu 29 tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, meta l-kundizzjonijiet għall-ħatra tiegħu stess ikunu identiċi għal dawk tal-imħallef li huwa s-suġġett ta’ din it-talba.

77      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li, fi ħdan il-kulleġġi ġudikanti tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) inkarigati jeżaminaw it-talbiet għal test ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità fit-tliet kawżi prinċipali, mill-inqas imħallef wieħed kien inħatar, b’mod partikolari, fuq proposta tal-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu.

78      Għalhekk, hekk kif ġie indikat fil-punt 73 ta’ din is-sentenza, meta mħallef fil-kariga fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ikun inħatar f’ċirkustanzi identiċi għal dawk tal-ħatra tal-imħallef li huwa s-suġġett ta’ talba għal test ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità u li fuqhom hija bbażata preċiżament din it-talba, ma jistax jiġi aċċettat li dan l-ewwel imħallef jista’ jifforma parti mill-kulleġġ ġudikanti ta’ dik il-qorti inkarigat li jiddeċiedi dwar din it-talba.

79      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-punt (b) tal-ewwel domanda fil-Kawżi C‑96/24, C‑103/24 u C‑112/24 għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-verifika tal-osservanza tar-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità fir-rigward ta’ mħallef fil-kariga fi ħdan qorti u, bl-istess mod, tar-rispett tad-dritt għal qorti stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, tiġi fdata lil kulleġġ ġudikanti ta’ dik il-qorti li jinkludi mħallef wieħed jew iktar li, minħabba l-kundizzjonijiet tal-ħatra tagħhom, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni identika għal dik tal-imħallef li jkun is-suġġett ta’ din il-verifika.

 Fuq il-punt (a) tal-ewwel domanda u t-tieni domanda fil-Kawżi C-96/24, C-103/24 u C-112/24, it-tielet domanda fil-Kawża C-103/24 kif ukoll ir-raba’ domandi fil-Kawżi C-96/24 u C-112/24

80      Permezz ta’ dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, jimponix fuq is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) l-obbligu li teżamina ex officio jekk il-kulleġġ ġudikanti, imsejjaħ jiddeċiedi dwar talba għal test ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità fir-rigward ta’ mħallef ta’ dik il-qorti, jissodisfax ir-rekwiżit ta’ qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Hija tistaqsi wkoll jekk, minn naħa, membru ta’ dan il-kulleġġ ġudikanti, li jkollu dubji fir-rigward tal-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità minn membru ieħor tiegħu, għandux jitlob ir-rikuża ta’ dan tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, jekk l-evalwazzjoni ta’ din it-talba tistax titwettaq minn kulleġġ ġudikanti li minoranza biss tal-membri tiegħu tkun inħatret wara proċedura vvizzjata b’irregolaritajiet.

81      Għandu jiġi rrilevat li, permezz tal-imsemmija domandi, il-qorti tar-rinviju tfittex, essenzjalment, li tiddetermina l-miżuri li jistgħu jiggarantixxu li t-talbiet għal test ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità fir-rigward ta’ mħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) jiġu eżaminati minn kulleġġ ġudikanti ta’ dik il-qorti li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta.

82      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-punt (a) tal-ewwel domanda u t-tieni domanda fil-Kawżi C‑96/24, C‑103/24 u C‑112/24, it-tielet domanda fil-Kawża C‑103/24 kif ukoll ir-raba’ domanda fil-Kawżi C‑96/24 u C‑112/24 għandhom jiġu fformulati mill-ġdid fis-sens li, permezz tagħhom, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li l-kulleġġ ġudikanti ta’ qorti, mitlub jieħu konjizzjoni ta’ talba intiża li tiġi vverifikata l-osservanza tar-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità ta’ membru ta’ dik il-qorti, jikser huwa stess id-dritt għal qorti stabbilita minn qabel bil-liġi minħabba l-preżenza fi ħdanu ta’ mħallef li ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti, il-qorti inkwistjoni hija meħtieġa tiżgura li tali mħallef ma jipparteċipax fl-eżami ta’ din it-talba u għandha, jekk ikun il-każ, teskludi l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali li jiddeterminaw il-kompożizzjoni ta’ dan il-kulleġġ ġudikanti sabiex l-imsemmija talba tkun tista’ tiġi eżaminata minn istanza konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

83      Preliminarjament, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-dritt fundamentali għal qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, jimplika li kull qorti nazzjonali msejħa sabiex tapplika d-dritt tal-Unjoni għandha l-obbligu li tivverifika jekk, bil-kompożizzjoni tagħha, hija tikkostitwixxix tali qorti meta jidher dubju serju dwar dan il-punt, liema verifika hija neċessarja għall-fiduċja li l-qrati għandhom jispiraw fil-parti f’kawża f’soċjetà demokratika, jew inkella li tali qorti nazzjonali għandha, f’ċerti ċirkustanzi, tkun tista’ tivverifika jekk irregolarità li tivvizzja l-proċedura ta’ ħatra ta’ mħallef setgħetx twassal għal ksur ta’ dan id-dritt fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 2020, Réexamen Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni, C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232, punt 57, kif ukoll tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 276).

84      Għandu jitfakkar ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-preżenza, fi ħdan kulleġġ ġudikanti, ta’ mħallef wieħed biss li ma huwiex indipendenti, imparzjali jew stabbilit minn qabel bil-liġi hija biżżejjed sabiex iċċaħħad lil dak il-kulleġġ ġudikanti mill-kwalità tiegħu ta’ qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 2020, Réexamen Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni, C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232, punt 69 sa 75, kif ukoll tal‑4 ta’ Settembru 2025, AW “T”, C‑225/22, EU:C:2025:649, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85      Dan premess, għandu jiġi enfasizzat li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi l-preeminenza ta’ dan id-dritt fuq id-dritt tal-Istati Membri. Dan il-prinċipju għalhekk jobbliga lill-istanzi kollha tal-Istati Membri jagħtu effett sħiħ lir-regoli differenti tal-Unjoni, filwaqt li d-dritt tal-Istati Membri ma jistax jaffettwa l-effett irrikonoxxut lil dawn ir-regoli fit-territorju tal-imsemmija Stati (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, YP et (Tneħħija ta’ immunità u sospensjoni ta’ mħallef), C‑615/20 u C‑671/20, EU:C:2023:562, punt 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

86      Għalhekk l-imsemmi prinċipju jimponi, b’mod partikolari, lil kull qorti nazzjonali responsabbli sabiex tapplika, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ tar-rekwiżiti ta’ dan id-dritt fit-tilwima li hija tkun adita biha billi jekk ikun hemm bżonn ma tapplikax, fuq awtorità tagħha stess, kull leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li tkun tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkollha effett dirett, mingħajr ma hija jkollha titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel ta’ din il-leġiżlazzjoni jew ta’ din il-prattika nazzjonali permezz ta’ leġiżlazzjoni jew permezz ta’ kwalunkwe proċedura kostituzzjonali oħra. L-osservanza ta’ dan l-obbligu hija b’mod partikolari neċessarja sabiex tiġi żgurata l-ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati u tikkostitwixxi espressjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, YP et (Tneħħija ta’ immunità u sospensjoni ta’ mħallef), C‑615/20 u C‑671/20, EU:C:2023:562, punt 62 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

87      Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jimponi fuq l-Istati Membri obbligu ta’ riżultat ċar u preċiż u li ma huwa akkumpanjat minn ebda kundizzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-indipendenza u l-imparzjalità tal-qrati mitluba jinterpretaw u japplikaw id-dritt tal-Unjoni u tar-rekwiżit li dawn jiġu stabbiliti minn qabel bil-liġi, jibbenefika minn tali effett dirett li jimplika li ma għandhiex tiġi applikata kull dispożizzjoni nazzjonali, ġurisprudenza jew prattika nazzjonali kuntrarja għal dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, YP et (Tneħħija ta’ immunità u sospensjoni ta’ mħallef), C‑615/20 u C‑671/20, EU:C:2023:562, punt 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

88      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li, anki fl-assenza ta’ miżuri leġiżlattivi nazzjonali li jkunu temmew nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jieħdu l-miżuri kollha sabiex jiffaċilitaw it-twettiq tal-effett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni konformement mat-tagħlim li jinsab fis-sentenza li tikkonstata dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Barra minn hekk, l-imsemmija qrati huma meħtieġa, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE, iħassru l-konsegwenzi illegali ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Marzu 2022, Grossmania, C‑177/20, EU:C:2022:175, punti 38 u 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑13 ta’ Lulju 2023, YP et (Tneħħija ta’ immunità u sospensjoni ta’ mħallef), C‑615/20 u C‑671/20, EU:C:2023:562, punt 64).

89      Sabiex tissodisfa l-obbligi mfakkra fil-punti 65 sa 68 ta’ din is-sentenza, qorti nazzjonali għandha, sa fejn ikun possibbli, tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti b’mod konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni. Madankollu, għalkemm tali interpretazzjoni ma tippermettix li jiġi evitat ksur tad-dritt tal-partijiet fil-kawża għal qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi, din il-qorti hija meħtieġa, sabiex tiggarantixxi s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, twarrab l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, b’mod partikolari meta dawn iwasslu sabiex kawża tiġi eżaminata minn qrati li jistgħu jkunu, jew li jistgħu jkunu jidhru, nieqsa mill-imparzjalità meħtieġa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punti 159 u 161, kif ukoll tat‑13 ta’ Lulju 2023, YP et (Tneħħija ta’ immunità u sospensjoni ta’ mħallef), C‑615/20 u C‑671/20, EU:C:2023:562, punt 65).

90      Madankollu, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE ma jimponix fuq l-Istati Membri mudell uniku sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva u lanqas sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-fiduċja fis-sistema ġudizzjarja mitlufa mill-pubbliku minħabba irregolaritajiet sistemiċi fil-ħatra għall-pożizzjonijiet ta’ mħallef (sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2026, Rzecznik Praw Obywatelskich (Rikuża ta’ mħallef ordinarju), C‑521/21, EU:C:2026:242, punt 64).

91      Għaldaqstant, huwa l-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru kkonċernat li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali li jippermettu li jiġi żgurat li talba intiża li tiġi vverifikata l-osservanza tar-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità ta’ membru ta’ qorti tiġi eżaminati minn kulleġġ ġudikanti li josserva r-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt fundamentali għal rimedju effettiv u għal aċċess għal qorti imparzjali.

92      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-punt (a) tal-ewwel domanda u għat-tieni domanda fil-Kawżi C‑96/24, C‑103/24 u C‑112/24, għat-tielet domanda fil-Kawża C‑103/24 kif ukoll għar-raba’ domandi fil-Kawżi C‑96/24 u C‑112/24 għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li l-kulleġġ ġudikanti ta’ qorti, mitlub jieħu konjizzjoni ta’ talba intiża li tiġi vverifikata l-osservanza tar-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità ta’ membru ta’ dik il-qorti, jikser huwa stess id-dritt għal qorti stabbilita minn qabel bil-liġi minħabba l-preżenza fi ħdanu ta’ mħallef li ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti, il-qorti inkwistjoni hija meħtieġa tiżgura li tali mħallef ma jipparteċipax fl-eżami ta’ din it-talba u għandha, jekk ikun il-każ, teskludi l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali li jiddeterminaw il-kompożizzjoni ta’ dan il-kulleġġ ġudikanti sabiex l-imsemmija talba tkun tista’ tiġi eżaminata minn istanza konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, għandhom jiġu esklużi mill-kulleġġ ġudikanti responsabbli għat-twettiq ta’ dan l-eżami l-imħallfin li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-imparzjalità meħtieġa. Huwa l-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru kkonċernat li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali li jippermettu li jiġi żgurat li tali talba tinstema’ minn kulleġġ ġudikanti li josserva r-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt fundamentali għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq.

 Fuq it-tielet domanda fil-Kawżi C-96/24 u C-112/24

93      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-punt (a) tal-ewwel domanda u għat-tieni domanda fil-Kawżi C‑96/24, C‑103/24 u C‑112/24, għat-tielet domanda fil-Kawża C‑103/24 kif ukoll għar-raba’ domandi fil-Kawżi C‑96/24 u C‑112/24, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda fil-Kawżi C‑96/24 u C‑112/24.

 Fuq l-ispejjeż

94      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

iċ-ċirkustanzi tal-ħatra ta’ mħallef jistgħu, fihom innifishom, iwasslu għal ksur tad-dritt għal qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jekk dawn iċ-ċirkustanzi jkunu jinvolvu irregolarità ta’ natura u ta’ gravità tali li tqajjem dubju leġittimu f’moħħ il-partijiet fil-kawża fir-rigward tal-indipendenza u tal-imparzjalità ta’ dan l-imħallef.

2)      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi li l-verifika tal-osservanza tar-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità fir-rigward ta’ mħallef fil-kariga fi ħdan qorti u, bl-istess mod, tar-rispett tad-dritt għal qorti stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, tiġi fdata lil kulleġġ ġudikanti ta’ dik il-qorti li jinkludi mħallef wieħed jew iktar li, minħabba l-kundizzjonijiet tal-ħatra tagħhom, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni identika għal dik tal-imħallef li jkun is-suġġett ta’ din il-verifika.

3)      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

fil-każ li l-kulleġġ ġudikanti ta’ qorti, mitlub jieħu konjizzjoni ta’ talba intiża li tiġi vverifikata l-osservanza tar-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità ta’ membru ta’ dik il-qorti, jikser huwa stess id-dritt għal qorti stabbilita minn qabel bil-liġi minħabba l-preżenza fi ħdanu ta’ mħallef li ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti, il-qorti inkwistjoni hija meħtieġa tiżgura li tali mħallef ma jipparteċipax fl-eżami ta’ din it-talba u għandha, jekk ikun il-każ, teskludi l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali li jiddeterminaw il-kompożizzjoni ta’ dan il-kulleġġ ġudikanti sabiex l-imsemmija talba tkun tista’ tiġi eżaminata minn istanza konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, għandhom jiġu esklużi mill-kulleġġ ġudikanti responsabbli għat-twettiq ta’ dan l-eżami l-imħallfin li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-imparzjalità meħtieġa. Huwa l-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru kkonċernat li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali li jippermettu li jiġi żgurat li tali talba tinstema’ minn kulleġġ ġudikanti li josserva r-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt fundamentali għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.