Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fil-5 ta’ Ġunju 2025 (1)

Kawża C-18/24

NOVIS Insurance Company, NOVIS Versicherungsgesellschaft, NOVIS Compagnia di Assicurazioni, NOVIS Poisťovňa a.s.

vs

Česká národní banka

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka))

Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà ta’ stabbiliment – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Direttiva 2009/138/KE – Artikolu 155 – Ksur tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti minn impriża tal-assigurazzjoni stabbilita fi Stat Membru ieħor – Kompetenzi tal-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ospitanti






I.      Introduzzjoni

1.        Id-domandi preliminari f’din il-kawża jirrigwardaw id-delimitazzjoni tas-setgħat tal-awtoritajiet tal-Istati Membri li jissorveljaw l-eżerċizzju tal-attività tal-impriżi tal-assigurazzjoni u li jimponulhom sanzjonijiet fil-każ ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ f’dawn l-Istati Membri. Filwaqt li huwa minnu li d-Direttiva Solvenza II (2) tistabbilixxi l-prinċipju li s-superviżjoni tal-attività ta’ impriża tal-assigurazzjoni hija essenzjalment eżerċitata mill-awtoritajiet tal-Istat Membru li fih l-impriża tal-assigurazzjoni għandha l-uffiċċju prinċipali tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li tiddetermina l-limiti li fihom japplika l-prinċipju ta’ superviżjoni tal-Istat Membru ta’ oriġini u li jiġi ppreċiżat f’liema sitwazzjonijiet id-dritt tal-Unjoni jippermetti derogi minn dan il-prinċipju.

2.        B’mod iktar preċiż, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari f’din il-kawża jirrigwarda s-setgħa tal-awtorità superviżorja Ċeka li timponi sanzjonijiet amministrattivi fuq impriża tal-assigurazzjoni Slovakka għal ksur allegatament imwettaq fit-territorju tar-Repubblika Ċeka, fil-kuntest ta’ attivitajiet imwettqa permezz ta’ fergħa stabbilita f’dan l-aħħar Stat Membru. Il-ksur ikkonstatat mill-awtorità superviżorja Ċeka allegatament kien jikkonċerna n-nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament PRIIPs (3) kif ukoll tad-Direttiva IDD (4) minn din l-impriża tal-assigurazzjoni.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva Solvenza II

3.        L-Artikolu 155 tad-Direttiva Solvenza II jipprovdi:

“1.      Fejn l-awtoritajiet superviżorji ta’ Stat Membru ospitanti jistabbilixxu li impriża tal-assigurazzjoni b’fergħa jew li teżerċita negozju taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fit-territorju tiegħu ma tkunx qiegħda tikkonforma mad-dispożizzjonijiet legali applikabbli għaliha f’dak l-Istat Membru, għandhom jesiġu li l-impriża tal-assigurazzjoni kkonċernata tirrimedja tali irregolarità.

2.      Fejn l-impriża tal-assigurazzjoni kkonċernata tonqos li tieħu l-azzjoni neċessarja, l-awtoritajiet superviżorji tal-Istat Membru kkonċernat għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet superviżorji tal-Istat Membru ta’ domiċilju [oriġini] tagħha kif dovut.

L-awtoritajiet superviżorji tal-Istat Membru ta’ domiċilju tagħha għandhom, fl-opportunità l-iktar kmieni, jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiżguraw li l-impriża tal-assigurazzjoni kkonċernata tirrimedja dik is-sitwazzjoni irregolari.

L-awtoritajiet superviżorji tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-impriża għandhom jinformaw lill-awtoritajiet superviżorji tal-Istat Membru ospitanti bil-miżuri meħuda.

3.      Fejn, minkejja l-miżuri meħuda mill-Istat Membru tal-pajjiż tagħha jew peress li dawk il-miżuri rriżultaw li kienu inadegwati jew ma ttieħdux f’dak l-Istat, l-impriża tal-assigurazzjoni tippersisti fil-vjolazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali fis-seħħ fl-Istat Membru ospitanti, l-awtoritajiet superviżorji tal-Istat Membru ospitanti jistgħu, wara li jinformaw lill-awtoritajiet superviżorji tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-impriża, jieħdu miżuri adegwati sabiex jipprevjenu jew jippenalizzaw aktar irregolaritajiet, inkluż, sa fejn huwa strettament neċessarju, il-prevenzjoni ta’ dik l-impriża milli tkompli tikkonkludi kuntratti ġodda tal-assigurazzjoni fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti.

[…]

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fit-territorji tagħhom huwa possibbli li jiġu nnotifikati d-dokumenti ġuridiċi neċessarji għal dawn il-miżuri lil impriżi tal-assigurazzjoni.

4.      Il-paragrafi 1, 2 u 3 ma għandhomx jaffettwaw il-poter tal-Istati Membri kkonċernati sabiex jieħdu miżuri xierqa ta’ emerġenza biex jipprevjenu jew jippenalizzaw irregolaritajiet fit-territorji tagħhom. Dak il-poter għandu jinkludi l-possibbiltà li impriżi tal-assigurazzjoni jiġu pprevenuti milli jkomplu jikkonkludu kuntratti ġodda tal-assigurazzjoni fit-territorji tagħhom.

5.      Il-paragrafi 1, 2 u 3 ma għandhomx jaffettwaw il-poter tal-Istati Membri li jippenalizzaw ksur fit-territorji tagħhom.

6.      Fejn impriża tal-assigurazzjoni li tkun ikkommettiet ksur ikollha stabbiliment jew tipposjedi proprjetà fl-Istat Membru kkonċernat, l-awtoritajiet superviżorji ta’ dak l-Istat Membru jistgħu, skont il-liġi nazzjonali, japplikaw il-penalitajiet amministrattivi nazzjonali preskritti għal dak il-ksur permezz ta’ applikazzjoni kontra dak l-istabbiliment jew dik il-proprjetà.

[…]”.

2.      Ir-Regolament PRIIPs u d-Direttiva IDD

4.        L-Artikolu 6(1), l-Artikolu 8(3)(c)(ii), (iii) u (iv) kif ukoll l-Artikolu 8(3)(f) tar-Regolament PRIIPs jirregolaw ir-rekwiżiti dwar il-kontenut ta’ dokument li jkun fih informazzjoni ewlenija dwar prodotti aggregati ta’ investiment imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-investituri fil-livell tal-konsumatur.

5.        Min-naħa tagħha, d-Direttiva IDD tippreskrivi r-regoli dwar il-bidu u t-twettiq tal-attivitajiet ta’ distribuzzjoni tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni fl-Unjoni.

B.      Id-dritt Ċek

6.        L-Artikolu 110 taż-zákon č. 277/2009 Sb., o pojišťovnictví (il-Liġi Nru 277/2009 dwar l-Assigurazzjoni) jimplimenta l-Artikolu 155 tad-Direttiva Solvenza II fl-ordinament ġuridiku Ċek. Din id-dispożizzjoni tipprevedi:

“(1)      Jekk iċ-Česká národní banka [(il-Bank Nazzjonali Ċek)] jikkonstata li impriża tal-assigurazzjoni ta’ Stat Membru ieħor li teżerċita attività ta’ assigurazzjoni jew ta’ riassigurazzjoni fit-territorju tar-Repubblika Ċeka fuq il-bażi tad-dritt li jiġu stabbiliti fergħat jew fuq il-bażi tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fuq bażi temporanja ma tissodisfax l-obbligi li għalihom hija suġġetta dik l-attività fir-Repubblika Ċeka, ikun meħtieġ li tali impriża tal-assigurazzjoni tirrimedja n-nuqqasijiet ikkonstatati f’terminu ta’ żmien iddeterminat miċ-Česká národní banka [(il-Bank Nazzjonali Ċek)].

(2)      Għall-finijiet tal-istabbiliment jew tal-verifika tal-fatti msemmija fil-paragrafu 1 iċ-Česká národní banka [(il-Bank Nazzjonali Ċek)] jista’ jitlob lil din l-impriża tal-assigurazzjoni tipprovdi d-dokumenti, l-informazzjoni u l-kjarifiki neċessarji dwar l-attività tagħha fit-territorju tar-Repubblika Ċeka u l-impriża tal-assigurazzjoni hija obbligata tipprovdihom.

(3)      Jekk l-impriża tal-assigurazzjoni ta’ Stat Membru ieħor ma tirrimedjax in-nuqqasijiet imsemmija fil-paragrafu 1 fit-terminu stabbilit, iċ-Česká národní banka [(il-Bank Nazzjonali Ċek)] għandu jinforma b’dan lill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta’ oriġini.

(4)      Jekk il-miżuri korrettivi imposti mill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta’ oriġini ma jirrimedjawx in-nuqqasijiet identifikati fl-attività ta’ impriża tal-assigurazzjoni ta’ Stat Membru ieħor jew jekk ma tkun ġiet imposta ebda miżura korrettiva, iċ-Česká národní banka [(il-Bank Nazzjonali Ċek)] għandu jimponi multa fuq din l-impriża tal-assigurazzjoni jew jipprojbixxi l-konklużjoni ta’ kuntratti ġodda ta’ assigurazzjoni jew ta’ riassigurazzjoni fit-territorju tar-Repubblika Ċeka u fuq l-estensjoni tal-obbligi li jirriżultaw minn kuntratti diġà konklużi. Iċ-Česká národní banka [(il-Bank Nazzjonali Ċek)] għandu jinforma lill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta’ oriġini b’dik id-deċiżjoni. Iċ-Česká národní banka [(il-Bank Nazzjonali Ċek)] jista’ fl-istess waqt iressaq talba għal assistenza quddiem l-Awtorità Superviżorja Ewropea.

(5)      F’każijiet ta’ urġenza, iċ-Česká národní banka [(il-Bank Nazzjonali Ċek)] għandu jipproċedi konformement mal-paragrafu 4 mingħajr ma tiġi applikata l-proċedura msemmija fil-paragrafi 1 sa 3.”

7.        Id-Direttiva IDD, min-naħa tagħha, ġiet trasposta fl-ordinament ġuridiku Ċek permezz tad-dispożizzjonijiet taż-zákon č. 170/2018 Sb., o distribuci pojištění a Zajištění (il-Liġi Nru170/2018 dwar id-Distribuzzjoni tal-Assigurazzjoni u r-Riassigurazzjoni).

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-proċedura u d-domandi preliminari

8.        NOVIS hija kumpannija kummerċjali stabbilita fis-Slovakkja li teżerċita attivitajiet ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja. Din il-kumpannija għandha fergħa fit-territorju tar-Repubblika Ċeka.

9.        L-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ospitanti, iċ-Česká národní banka (il-Bank Nazzjonali Ċek), qieset li NOVIS kienet wettqet tliet ksur amministrattivi u, fuq il-bażi ta’ dan, imponiet fuq din il-kumpannija multa ta’ 1 000 000 koruna Ċeka (CZK”) (madwar EUR 40 000).

10.      L-ewwel ksur amministrattiv allegat kien jikkonsisti fi ksur tal-obbligi previsti fl-Artikolu 6(1), fl-Artikolu 8(3)(c)(ii), (iii) u (iv) kif ukoll fl-Artikolu 8(3)(f) tar-Regolament PRIIPs. B’mod partikolari, il-kumpannija allegatament ma żguratx li l-informazzjoni li tinsab fid-dokumenti tagħha bit-tagħrif ewlieni (l-hekk imsejħa KIDs – Key Information Documents) dwar il-prodotti, tkun preċiża, affidabbli, ċara, konsistenti mad-dokumentazzjoni kuntrattwali vinkolanti u li din ma tkunx qarrieqa. Hija allegatament lanqas ma żgurat li dawn id-dokumenti jinkludu l-informazzjoni kollha dwar il-kwalità u l-portata meħtieġa mid-dispożizzjonijiet direttament applikabbli tad-dritt tal-Unjoni.

11.      It-tieni u t-tielet ksur amministrattiv allegatament kienu jikkonsistu fi ksur tal-obbligi previsti mil-Liġi Nru 170/2018, li tittrasponi d-Direttiva IDD fl-ordinament ġuridiku Ċek. B’mod iktar speċifiku, it-tieni ksur amministrattiv kien jikkonsisti fil-ksur, minn NOVIS, tal-obbligi li għandha impriża tal-assigurazzjoni li tintroduċi, li żżomm u li tapplika regoli ta’ kontroll tal-attivitajiet għall-intermedjarji indipendenti li jaġixxu f’isimha, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-istħarriġ tal-osservanza tar-regoli tad-dritt. It-tielet ksur amministrattiv kien jikkonsisti fi ksur, minn din l-impriża tal-assigurazzjoni, tal-obbligu tagħha li tiżgura li l-klijent jingħata gwida qabel ma jikkonkludi kuntratti ta’ assigurazzjoni fuq il-kapital.

12.      Matul il-proċedura mmexxija mill-awtorità superviżorja Ċeka, NOVIS ikkontestat il-ġurisdizzjoni ta’ din l-awtorità li tmexxi proċedura amministrattiva ta’ natura kriminali. Din il-kumpannija sostniet li l-awtorità ma kinitx osservat l-Artikolu 110 tal-Liġi Nru 277/2009, li tittrasponi l-Artikolu 155 tad-Direttiva Solvenza II fl-ordinament ġuridiku Ċek. Din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni u t-traspożizzjoni nazzjonali tagħha jeżiġu li l-awtorità superviżorja Ċeka tinforma lill-awtorità tal-Istat Membru ospitanti ta’ NOVIS b’allegat ksur tar-regoli minn din il-kumpannija u, sussegwentement, tistenna l-intervent possibbli ta’ din l-awtorità. Għaldaqstant l-awtorità superviżorja Ċeka ma kinitx awtorizzata twettaq hija stess il-proċedura ta’ sanzjoni kontra kumpannija bl-uffiċċju prinċipali tagħha fi Stat Membru ieħor.

13.      Min-naħa tagħha, l-awtorità superviżorja Ċeka kienet tal-fehma li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirrigwardaw l-istħarriġ imwettaq bil-għan li jiġi kkonstatat ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva IDD u tar-Regolament PRIIPs jikkostitwixxu regolamentazzjoni separata minn dik li kienet tinsab fid-Direttiva Solvenza II. Din l-awtorità sostniet ukoll li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirrigwardaw dan l-istħarriġ igawdu minn supremazija fuq id-dispożizzjonijiet li jittrasponu din l-aħħar direttiva.

14.      Id-deċiżjoni tal-awtorità superviżorja Ċeka ġiet ikkontestata minn NOVIS quddiem il-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka). Fir-rikors tagħha, il-kumpannija eċċepiet in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-awtorità superviżorja Ċeka. F’dan ir-rigward, dik il-qorti qablet mal-pożizzjoni esposta mill-awtorità superviżorja Ċeka fid-deċiżjoni kkontestata u ċaħdet ir-rikors.

15.      NOVIS appellat din id-deċiżjoni quddiem in-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka), li hija l-qorti tar-rinviju. Din il-qorti ntalbet teżamina l-ilment ta’ din il-kumpannija fformulat fl-appell ta’ kassazzjoni, li skontu l-Artikolu 110 tal-Liġi Nru 277/2009, li jittrasponi l-Artikolu 155 tad-Direttiva Solvenza II fid-dritt Ċek, għandu japplika għall-attivitajiet kollha ta’ superviżjoni li jikkonċernaw is-settur tal-assigurazzjoni. NOVIS issostni li effettivament hija ġiet issanzjonata għal ksur tad-dispożizzjonijiet relatati mad-Direttiva IDD u mar-Regolament PRIIPs, minkejja li dawn huma dispożizzjonijiet li jirregolaw is-settur tal-assigurazzjoni.

16.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li n-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 155 tad-Direttiva [Solvenza II] għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll il-każijiet fejn l-awtorità ta’ superviżjoni tal-Istat ospitanti teżerċita kontroll fuq l-osservanza, minn impriża tal-assigurazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, tal-obbligi previsti mir-Regolament [PRIIPs] jew mid-Direttiva [IDD]?

2)      F’każ ta’ risposta fl-affermattiv, l-Artikolu 155 tad-Direttiva [Solvenza II] jimplika setgħat superjuri tal-awtorità ta’ superviżjoni tal-Istat ta’ oriġini kif ukoll l-obbligu tal-awtorità ta’ superviżjoni tal-Istat ospitanti li teżawrixxi fl-ewwel lok il-proċeduri ta’ notifika u ta’ teħid ta’ miżuri sabiex tirrimedja l-irregolaritajiet previsti fil-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-artikolu tad-Direttiva, anke fil-każ ta’ penalitajiet amministrattivi imposti skont il-paragrafi 5 u 6 ta’ dan l-artikolu tad-Direttiva?”

17.      It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Jannar 2024. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Ċek, Taljan u Slovakk kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvern Ċek kif ukoll il-Kummissjoni kienu rrappreżentati waqt is-seduta tas-6 ta’ Marzu 2025.

IV.    Analiżi

A.      Fuq l-ewwel domanda preliminari

18.      L-ewwel domanda hija intiża sabiex jiġi ċċarat jekk l-Artikolu 155 tad-Direttiva Solvenza II japplikax ukoll f’sitwazzjoni fejn l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ospitanti twettaq superviżjoni tal-osservanza, minn impriża tal-assigurazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, tal-obbligi previsti mir-Regolament PRIIPs jew mid-Direttiva IDD.

19.      B’mod ġenerali, l-Artikolu 155 tad-Direttiva Solvenza II jikkonċerna l-kompetenzi u s-setgħat relatati mal-eżerċizzju tas-superviżjoni tal-impriżi tal-assigurazzjoni mill-awtoritajiet tal-Istat Membru li fih l-impriża tal-assigurazzjoni kkonċernata għandha l-uffiċċju prinċipali tagħha kif ukoll mill-awtoritajiet tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu din l-impriża ta’ assigurazzjoni teżerċita attivitajiet ta’ assigurazzjoni taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew il-libertà ta’ stabbiliment. Din id-dispożizzjoni tiddefinixxi l-proċedura li, bħala prinċipju, għandha tiġi segwita mill-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti meta l-impriża tal-assigurazzjoni tikser ir-regoli applikabbli fit-territorju ta’ dawn l-awtoritajiet. Qabel ma jieħdu azzjoni kontra l-impriża ta’ assigurazzjoni kkonċernata, dawn l-awtoritajiet għandhom jikkuntattjaw lill-awtoritajiet tal-Istat Membru li fih għandu l-uffiċċju prinċipali tiegħu l-assiguratur ikkonċernat.

20.      Għandu jiġi osservat li s-soluzzjoni għall-problema ta’ interpretazzjoni msemmija fl-ewwel domanda preliminari tista’ tiġi mistħarrġa permezz ta’ żewġ approċċi. L-ewwel approċċ jikkonsisti fl-analiżi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jimponi obbligu speċifiku fuq l-individwi, bħar-Regolament PRIIPs jew id-Direttiva IDD, sabiex jiġi ddeterminat jekk dan id-dritt tal-Unjoni jirregolax ukoll it-tqassim tal-kompetenzi u tas-setgħat tal-awtoritajiet tal-Istati Membri fil-kuntest tas-superviżjoni tal-osservanza ta’ dan l-obbligu. Huwa biss jekk jirriżulta li att legali speċifiku ma jsolvix din il-problema li jkun meħtieġ li s-soluzzjoni tinstab f’atti legali oħra.

21.      Min-naħa tiegħu, it-tieni approċċ, bħala punt tat-tluq, jikkonsisti fl-analiżi ta’ dispożizzjoni bħall-Artikolu 155 tad-Direttiva Solvenza II, li tikkonċerna l-kompetenzi u s-setgħat superviżorji tal-awtoritajiet tal-Istati Membri u li tidher li tistabbilixxi prinċipju ta’ natura ġenerali. Fl-interpretazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni, għandu jiġi ddeterminat jekk din għandhiex effettivament tali natura u jekk il-portata tagħha tkoprix ukoll is-superviżjoni tal-osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ atti legali oħra. Ulterjorment, għandu jiġi eżaminat ukoll jekk dawn l-atti legali l-oħra jbiddlux is-soluzzjoni ta’ natura ġenerali li tirriżulta minn din il-leġiżlazzjoni.

22.      Fid-dawl tad-dubji tal-qorti tar-rinviju, f’dawn il-konklużjonijiet ser napplika dan it-tieni approċċ. Fil-fatt, huwa proprju dan l-approċċ lejn il-kwistjoni li hija ċentrali għal din il-kawża, li huwa adottat minn dik il-qorti fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari. Fl-istess ħin, dik il-qorti hija tal-fehma li l-Artikolu 155 tad-Direttiva Solvenza II jista’ jiġi interpretat b’żewġ modi.

23.      L-ewwel interpretazzjoni tippreżupponi li r-riżerva li tinsab fl-Artikolu 155 tad-Direttiva Solvenza II, li skontha din id-dispożizzjoni tirreferi għad-“dispożizzjonijiet [...] fis-seħħ fl-Istat Membru ospitanti”, tfisser li din id-dispożizzjoni tirrigwarda esklużivament is-superviżjoni tal-osservanza tal-obbligi li din id-direttiva timponi fuq l-impriżi tal-assigurazzjoni. It-tieni interpretazzjoni tistrieħ, min-naħa tagħha, fuq il-konvinzjoni li l-Artikolu 155 tad-Direttiva Solvenza II japplika għall-istħarriġ tal-osservanza tal-obbligi kollha imposti fuq l-impriżi tal-assigurazzjoni fuq il-bażi tad-dritt tal-Unjoni.

24.      Minn naħa, il-formulazzjoni tal-Artikolu 155 tad-Direttiva Solvenza II tidher li timmilita favur din it-tieni interpretazzjoni. Din id-dispożizzjoni tuża formulazzjoni wiesgħa li skontha hija tiddefinixxi d-drittijiet u l-obbligi tal-awtoritajiet superviżorji f’sitwazzjoni fejn impriża tal-assigurazzjoni li għandha l-uffiċċju prinċipali tagħha fi Stat Membru ma tosservax ir-regoli fis-seħħ fl-Istat Membru li fih l-impriża tal-assigurazzjoni għandha fergħa jew teżerċita l-attivitajiet tagħha taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. F’din id-dispożizzjoni ma nsib ebda riżerva li tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għall-każijiet ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Sovenza II jew ta’ dispożizzjonijiet li jittrasponu din id-direttiva fl-ordinament ġuridiku ta’ tali Stat Membru.

25.      Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma għandhiex tkun limitata għall-formulazzjoni letterali tagħha. Għandu jiġi eżaminat ukoll il-kuntest li fih tidħol ir-regolamentazzjoni inkwistjoni kif ukoll l-għanijiet imfittxija mill-att legali li minnu tagħmel parti din il-leġiżlazzjoni (5). Dan huwa iktar u iktar minnu fir-rigward tar-regoli li jiddelimitaw id-drittijiet u l-obbligi marbuta mas-superviżjoni tat-twettiq ta’ ċerti obbligi mill-individwi. Huwa diffiċli li dawn ir-regolamentazzjonijiet jiġu ddissoċjati mid-dispożizzjonijiet tal-att legali li fih huma rregolati dawn l-obbligi. L-interpretazzjoni ta’ tali regolamentazzjoni lanqas ma għandha tinjora l-kuntest normattiv usa’ li fih topera d-dispożizzjoni inkwistjoni.

26.      Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari, għandha għalhekk issir analiżi kuntestwali u teleoloġika tal-Artikolu 155 tad-Direttiva Solvenza II. Qabel ma nipproċedi għal din l-analiżi, ser nesponi madankollu s-suppożizzjonijiet li fuqhom hija bbażata din id-direttiva.

1.      Id-Direttiva Solvenza II

27.      Mill-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva Solvenza II jirriżulta li din id-direttiva tistabbilixxi, b’mod partikolari, ir-regoli dwar l-aċċess għall-attivitajiet tal-assigurazzjoni diretta u tar-riassigurazzjoni fl-Unjoni u dwar l-eżerċizzju tagħhom. Id-Direttiva għandha tapplika għall-impriżi tal-assigurazzjoni diretta għall-ħajja u mhux għall-ħajja li huma stabbiliti fit-territorju ta’ Stat Membru jew li għandhom l-intenzjoni li jistabbilixxu ruħhom hemmhekk (l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva).

28.      Id-Direttiva Solvenza II tuża l-kunċetti ta’ “Stat Membru ta’ oriġini” u ta’ “Stat Membru ospitanti”. B’mod ġenerali, dan l-ewwel kunċett jiddeskrivi l-Istat fejn jinsab l-uffiċċju prinċipali tal-impriża tal-assigurazzjoni (il-punt 8 tal-Artikolu 13). It-tieni kunċett jindika, bħala prinċipju, “l-Istat Membru għajr mill-Istat Membru ta’ domiċilju [oriġini] fejn impriża tal-assigurazzjoni [...] għandha fergħa jew tipprovdi s-servizzi” (punt 9 tal-Artikolu 13).

29.      Id-Direttiva Solvenza II tipprovdi li l-aċċess għall-attività ta’ assigurazzjoni diretta huwa suġġett għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni minn qabel (Artikolu 14(1)). L-impriża tal-assigurazzjoni tista’ titlob din l-awtorizzazzjoni mingħand l-awtoritajiet superviżorji tal-Istat Membru tal-pajjiż tagħha (Artikolu 14(2)). Huwa importanti li wieħed jinnota li l-awtorizzazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet superviżorji tal-Istat Membru li fih għandha l-uffiċċju prinċipali tagħha l-impriża tal-assigurazzjoni tippermettilha twettaq l-attivitajiet tagħha fl-Unjoni kollha (Artikolu 15(1)). Il-kunċett innifsu ta’ “awtorità superviżorja” jfisser l-awtorità jew awtoritajiet nazzjonali mogħtija s-setgħa mil-liġi jew minn regolamenti biex iwettqu superviżjoni tal-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni (il-punt 10 tal-Artikolu 13).

30.      Id-direttivi li ppreċedew id-Direttiva Solvenza II kienu jistrieħu wkoll fuq mudell li jipprevedi li l-kisba ta’ awtorizzazzjoni fi Stat Membru wieħed tippermetti l-provvista ta’ attivitajiet ta’ assigurazzjoni fi Stati oħra. Żvilupp għal din l-ipoteżi kien il-prinċipju li s-superviżjoni tal-attività mwettqa minn tali impriża tal-assigurazzjoni kienet, bħala prinċipju, eżerċitata mill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ oriġini tagħha, inkluż sa fejn dawn huma attivitajiet imwettqa mill-impriża tal-assigurazzjoni fi Stati oħra fil-kuntest ta’ fergħa jew taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (6).

31.      Id-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju huma intiżi, essenzjalment, biex jiġu ddeterminati l-limiti li fihom japplika l-prinċipju ta’ superviżjoni mill-Istat Membru ta’ oriġini fil-kuntest tad-Direttiva Solvenza II (l-ewwel domanda) u sabiex jiġi ppreċiżat f’liema sitwazzjonijiet id-dritt tal-Unjoni jidderoga minn dan il-prinċipju u mill-proċeduri relatati miegħu (it-tieni domanda).

32.      Il-Kapitolu III (“Awtoritajiet superviżorji u regoli ġenerali”) tat-Titolu I tad-Direttiva, fl-Artikoli 27 sa 39 tagħha, jittratta s-superviżjoni tal-impriżi tal-assigurazzjoni. Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-għan ewlieni tas-superviżjoni koperta minn dawn ir-regoli hija “l-ħarsien tat-titolari ta’ poloz u l-benefiċjarji” (Artikolu 27). Is-superviżjoni għandha tinkludi l-verifika fuq bażi kontinwa tal-ħidma xierqa tan-negozju tal-assigurazzjoni u tal-konformità tal-impriżi tal-assigurazzjoni mad-dispożizzjonijiet dwar is-superviżjoni (it-tieni sentenza tal-Artikolu 29(1) tad-Direttiva Solvenza II).

33.      L-Artikolu 34 tad-Direttiva Solvenza II, intitolat “Setgħat superviżorji ġenerali” jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jkollhom is-setgħa li jieħdu miżuri preventivi u korrettivi biex jiżguraw li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jkunu konformi “mal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom ikunu konformi magħhom f’kull Stat Membru”.

34.      L-Artikolu 155 tad-Direttiva Solvenza II, li għalih jirreferu d-domandi preliminari, jirreferi għas-superviżjoni tal-attivitajiet tal-impriżi tal-assigurazzjoni li għandhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom fi Stat Membru ieħor. Din id-dispożizzjoni tinsab fit-Taqsima 3 (“Kompetenzi tal-awtoritajiet superviżorji tal-Istat Membru ospitanti”) tal-Kapitolu VIII (“Id-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi”) tat-Titolu I (“Regoli ġenerali dwar il-bidu u l-eżerċizzju ta’ attivitajiet tal-assigurazzjoni diretta u r-riassigurazzjoni”) tad-Direttiva Solvenza II.

35.      Skont din id-dispożizzjoni, fejn l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ospitanti tistabbilixxi li impriża tal-assigurazzjoni li jkollha fergħa jew li teżerċita negozju fil-qasam tal-provvista ta’ servizzi fit-territorju tagħha “ma tkunx qiegħda tikkonforma mad-dispożizzjonijiet legali applikabbli għaliha f’dak l-Istat Membru”, hija għandha titlob lil din l-impriża tirrimedja din l-irregolarità (Artikolu 155(1)).

36.      Fejn l-impriża tal-assigurazzjoni tonqos milli tieħu l-azzjoni neċessarja, l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru kkonċernat għandha tinforma lill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta’ oriġini ta’ din l-impriża. Dawn l-awtoritajiet tal-aħħar għandhom, malajr kemm jista’ jkun, jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-“irregolaritajiet” jiġu rrettifikati. Huma għandhom jinformaw lill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ospitanti b’dawn il-miżuri (Artikolu 155(2)).

37.      Fejn jirriżulta li l-miżuri meħuda ma jkunux adegwati jew ma jkunux ittieħdu u l-impriża tal-assigurazzjoni tkompli tikser id-“dispożizzjonijiet legali fis-seħħ fl-Istat Membru ospitanti”, l-awtorità ta’ dak l-Istat Membru tista’, wara li tinforma lill-awtorità tal-Istat Membru ta’ oriġini, tadotta l-miżuri adegwati biex tipprevjeni jew tissanzjona “irregolaritajiet” ulterjuri (Artikolu 155(3)).

38.      Il-paragrafi sussegwenti tal-Artikolu 155 tad-Direttiva Solvenza II jipprovdu li fl-Artikolu 155 tagħha “il-paragrafi 1, 2 u 3 ma għandhomx jaffettwaw” is-setgħa tal-Istati Membri li jieħdu miżuri xierqa ta’ emerġenza sabiex jipprevjenu jew jippenalizzaw irregolaritajiet fit-territorji tagħhom (Artikolu 155(4)) u s-setgħa tal-Istati Membri li jissanzjonaw “ksur” imwettaq fit-territorji tagħhom (Artikolu 155(5)).

39.      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 155(6) tad-Direttiva Solvenza II jipprevedi li l-awtoritajiet superviżorji tal-Istat Membru li fih l-impriża tal-assigurazzjoni jkollha stabbiliment jew tippossjedi proprjetà, jistgħu, konformement mad-dritt nazzjonali, jipproċedu bl-eżekuzzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi għal tali ksur kontra dan l-istabbiliment jew din il-proprjetà.

40.      L-ewwel domanda tistaqsi jekk id-“dispożizzjonijiet legali applikabbli [fl]-Istat Membru [ospitanti]” imsemmija fl-Artikolu 155 tad-Direttiva Solvenza II jikkonċernawx biss id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva jew ukoll regolamentazzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni. Sabiex nagħti risposta għal din id-domanda, issa ser niddiskuti l-Artikolu 155 tad-Direttiva Solvenza II fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-direttiva li magħhom hija marbuta din id-dispożizzjoni.

2.      L-Artikolu 155 tad-Direttiva Solvenza II u s-superviżjoni finanzjarja

41.      Dispożizzjoni ġenerali dwar is-superviżjoni tal-attività tal-assigurazzjoni li tinsab fil-Kapitolu III (intitolat “Dispożizzjonijiet speċifiċi għall-assigurazzjoni tal-ħajja”) tat-Titolu I hija akkumpanjata minn dispożizzjoni iktar speċifika li tuża l-kunċett ta’ “superviżjoni finanzjarja”. Mill-Artikolu 30(2) ta’ din id-direttiva jirriżulta li “superviżjoni finanzjarja” tinkludi l-verifika, għall-attivitajiet kollha tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, tal-istat ta’ solvenza tagħha, l-istabbiliment tar-riżorsi tekniċi, l-assi tagħha u fondi proprji eliġibbli, konformement mar-regoli stabbiliti jew il-prassi segwita fl-Istat Membru ta’ oriġini bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet adottati fil-livell tal-Unjoni (7).

42.      L-Artikolu 30(1) tad-Direttiva Solvenza II jipprevedi li “[i]s-superviżjoni finanzjarja ta’ impriżi tal-assigurazzjoni [...], inkluża dik tal-kummerċ li jeżerċitaw permezz ta’ fergħat jew taħt il-libertà li tipprovdi s-servizzi, għandha tkun ir-responsabbiltà unika tal-Istat Membru ta’ domiċilju [stabbiliment]”. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 30(3) tad-Direttiva Solvenza II jipprovdi li, jekk l-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri minbarra l-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom ikollhom raġuni jikkunsidraw li l-attivitajiet ta’ impriża tal-assigurazzjoni jistgħu jaffettwaw is-solidità finanzjarja tagħha, huma għandhom jinformaw b’dan lill-awtoritajiet superviżorji tal-Istat Membru ta’ oriġini ta’ din l-impriża.

43.      Mill-perspettiva tal-interpretazzjoni sistematika, tqum il-kwistjoni dwar ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 30(1) u l-Artikolu 30(3) tad-Direttiva Solvenza II, li tiddefinixxi l-aġir tal-awtoritajiet superviżorji tal-Istat Membru ta’ oriġini u tal-Istat Membru ospitanti meta jikkonstataw irregolaritajiet li jaqgħu taħt is-“superviżjoni finanzjarja”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (“responsabbiltà unika tal-Istat Membru ta’ domiċilju [oriġini]”), minn naħa, u tal-Artikolu 155 ta’ din id-direttiva, li jirrigwarda l-proċedura li għandha tiġi segwita meta jiġi kkonstatat li impriża tal-assigurazzjoni tikser ir-regoli fis-seħħ fl-Istat Membru ospitanti, min-naħa l-oħra.

44.      Peress li l-Artikolu 30(1) u l-Artikolu 30(3) tad-Direttiva Solvenza II jiddefinixxu l-obbligi u s-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji tal-Istat Membru ta’ oriġini u tal-Istat Membru ospitanti fil-każ ta’ eżerċizzju transkonfinali tal-attività ta’ assigurazzjoni, l-Artikolu 155 ta’ din id-direttiva – li wkoll jittratta din il-kwistjoni – għandu japplika għal sitwazzjonijiet speċifiċi oħra. Li kieku kien mod ieħor, fi ħdan att legali wieħed ikun hemm dispożizzjonijiet li jirregolaw l-istess kwistjoni b’mod differenti.

45.      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi indikazzjonijiet ulterjuri li jikkontribwixxu sabiex tingħata risposta għall-kwistjoni dwar ir-relazzjoni bejn il-portata tal-Artikolu 30 tad-Direttiva Solvenza II u dik tal-Artikolu 155 tagħha. Fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (8) il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità tindirizza dispożizzjonijiet analogi tad-direttiva li ppreċediet id-Direttiva Solvenza II.

46.      L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 92/49/KEE (9) kien jipprevedi li s-superviżjoni finanzjarja, inklużi l-attivitajiet imwettqa mill-impriża tal-assigurazzjoni permezz tal-fergħat tagħha jew permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, taqa’ taħt ir-responsabbiltà esklużiva tal-Istat Membru ta’ oriġini. Din il-formulazzjoni (“taqa’ taħt ir-responsabbiltà esklużiva tal-Istat Membru ta’ oriġini”), tinsab ukoll fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva Solvenza II. Konformement mal-kumplament tat-tabella ta’ korrelazzjoni li tinsab f’din l-aħħar direttiva, l-Artikolu 30 tagħha jikkorrispondi għall-Artikolu 9 tad-Direttiva 92/49.

47.      Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 40 tad-Direttiva 92/49 essenzjalment jikkorrispondi għall-Artikolu 155 tad-Direttiva Solvenza II. Konformement mat-tabella ta’ korrelazzjoni li tinsab f’din l-aħħar direttiva, l-Artikolu 155 tagħha effettivament jikkorrispondi għall-Artikolu 40 tad-Direttiva 92/49.

48.      L-Artikolu 40(3) sa (5) ta’ din l-ewwel direttiva fil-fatt jipprevedi soluzzjoni analoga għal dik li fil-preżent tinsab fl-Artikolu 155(1) sa (3) ta’ din it-tieni direttiva. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 40(7) tad-Direttiva 92/49 jikkorrispondi għall-formulazzjoni tal-Artikolu 155(5) tad-Direttiva Solvenza II. Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jipprevedu, permezz ta’ formulazzjoni simili, li leġiżlazzjoni li tobbliga lill-Istat Membru ospitanti jinforma lill-Istat Membru ta’ oriġini dwar in-nuqqas ta’ osservanza, mill-impriża tal-assigurazzjoni, tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-ewwel Stat (jiġifieri, l-Artikolu 155(1), (2) u (3) fil-każ tad-Direttiva Solvenza II kif ukoll l-Artikolu 40(3) sa (5) fil-każ tad-Direttiva 92/49) ma taffettwax is-setgħa tal-Istati Membri li jissanzjonaw lill-impriżi tal-assigurazzjoni għall-ksur tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fit-territorji tagħhom.

49.      Fil-kawża li tat lok għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (10) il-Kummissjoni lmentat li r-Repubblika Taljana, fost l-oħrajn, kisret l-Artikolu 9 tad-Direttiva 92/49 sa fejn dan l-Istat Membru kien jeżerċita kontroll fuq il-modalitajiet ta’ kalkolu tal-primjums ta’ assigurazzjoni minn impriżi tal-assigurazzjoni stabbiliti fi Stati oħra u li joperaw fl-Italja u impona sanzjonijiet fuq tali impriżi.

50.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet dan il-motiv fis-sentenza tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-Artikolu 9 tad-Direttiva 92/49 jistabbilixxi l-prinċipju li s-superviżjoni finanzjarja hija eżerċitata mill-Istat Membru li fih l-impriża tal-assigurazzjoni għandha l-uffiċċju prinċipali tagħha (11). Fl-istess waqt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat, f’din is-sentenza, li l-Istat Membru ta’ oriġini għandu kompetenza esklużiva sabiex jeżerċita tali superviżjoni.

51.      Sussegwentement, fir-rigward tal-miżuri li minħabba fihom, skont il-Kummissjoni, ir-Repubblika Taljana kienet responsabbli għal ksur tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li l-Artikolu 9 tad-Direttiva 92/49 jiddefinixxi “b’mod partikolari” x’inhi s-superviżjoni finanzjarja. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li s-“superviżjoni finanzjarja” ma tkoprix is-superviżjoni tal-aġir kummerċjali tal-impriżi tal-assigurazzjoni (12).

52.      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet, obiter dictum, li, fir-rigward tal-Artikolu 40 tad-Direttiva 92/49, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-Kummissjoni ma sostnietx li r-Repubblika Taljana marret kontra l-obbligi stabbiliti fl-imsemmija paragrafi 3 sa 5 ta’ dan l-artikolu (13). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-Artikolu 40(7) tad-Direttiva 92/49 jikkonferma s-setgħa tal-Istat Membru li jissanzjona l-ksur imwettaq fit-territorju tiegħu (14).

53.      Madankollu, huwa diffiċli li minn din l-aħħar konstatazzjoni jinsiltu konklużjonijiet definittivi għal din il-kawża. Kif irrikonoxxiet il-Qorti tal-Ġustizzja stess, il-Kummissjoni ma allegatx li r-Repubblika Taljana kisret l-Artikolu 40 tad-Direttiva 92/49. Madankollu, din l-aħħar affermazzjoni tista’ tagħti x’tifhem li s-superviżjoni tal-metodu ta’ kalkolu tal-primjums ma kinitx superviżjoni finanzjarja fis-sens tal-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva u li l-irregolaritajiet imwettqa mill-impriża tal-assigurazzjoni f’dan ir-rigward kellhom jiġu ssanzjonati mill-Istat Membru ospitanti fuq il-bażi tal-Artikolu 40(7) tal-istess direttiva.

54.      Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-“ksur” inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (15) ma kienx jikkonċerna l-ksur, fit-territorju Taljan, tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/49 minn impriża tal-assigurazzjoni bl-uffiċċju prinċipali tagħha fi Stat Membru ieħor. Fil-fatt, din id-direttiva ma wettqitx armonizzazzjoni fil-qasam tal-ammont tal-primjums tal-assigurazzjoni (16). Fi kliem ieħor, jekk wieħed jifhem is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li, skont l-Artikolu 40(7) tad-Direttiva 92/49 ir-Repubblika Taljana kellha d-dritt tissanzjona l-ksur ta’ dispożizzjoni nazzjonali li kienet tirrigwarda l-metodu ta’ kalkolu tal-primjums tal-assigurazzjoni, allura dan kien każ ta’ ksur ta’ dispożizzjoni dwar kwistjoni mhux irregolata minn din id-direttiva.

55.      Interpretata b’dan il-mod, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (17) tista’ tagħti indikazzjoni prezzjuża dwar ir-relazzjoni li teżisti bejn l-Artikolu 30 (“superviżjoni finanzjarja”) u l-Artikolu 155 tad-Direttiva Solvenza II. Din l-interpretazzjoni tista’ tkun utli wkoll għad-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din it-tieni dispożizzjoni. Fil-fatt, din tista’ twassal għall-konklużjoni li, b’differenza mis-“superviżjoni finanzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 30 tad-Direttiva Solvenza II, fil-każ tal-Artikolu 155 ta’ din id-direttiva, dan ma jkunx jikkonċerna biss il-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva iżda wkoll regoli oħra fis-seħħ fl-Istat Membru ospitanti dwar l-aġir kummerċjali tal-impriżi tal-assigurazzjoni li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva kkonċernata.

56.      Madankollu, id-domandi preliminari f’din il-kawża sa issa ma għandhomx portata daqstant wiesgħa. Fil-fatt, dawn ma jikkonċernawx l-eżerċizzju ta’ superviżjoni tal-osservanza ta’ kwalunkwe regoli fis-seħħ fl-Istat Membru ospitanti. Dawn id-domandi jikkonċernaw is-superviżjoni tal-konformità mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri r-Regolament PRIIPs u d-Direttiva IDD, u s-setgħa li jiġi ssanzjonat il-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti. Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk il-konklużjonijiet li jistgħu jinsiltu mis-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (18), humiex ikkorroborati mill-analiżi tar-relazzjoni bejn l-Artikolu 155 tad-Direttiva Solvenza II, u r-Regolament PRIIPs u d-Direttiva IDD.

3.      Ir-Regolament PRIIPs

57.      Ir-Regolament PRIIPs jistabbilixxi regoli uniformi dwar il-format u l-kontenut tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija li għandu jitfassal mill-manifatturi tal-PRIIP u dwar l-għoti tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija lill-investituri fil-livell tal-konsumatur (Artikolu 1). Dan ir-regolament għandu japplika għall-manifatturi tal-PRIIPs u l-persuni li jagħtu pariri dwar il-PRIIPs jew ibigħuhom (Artikolu 2(1)).

58.      Barra minn hekk ir-Regolament PRIIPs jiddefinixxi l-kunċett ta’ “awtoritajiet kompetenti” fis-sens li jfisser l-awtoritajiet nazzjonali maħtura minn Stat Membru biex iħarsu l-osservanza tar-rekwiżiti li dan ir-regolament jimponi fuq il-manifatturi tal-PRIIP u l-persuni li jagħtu pariri dwar il-PRIIP, jew li jbigħuh (il-punt 8 tal-Artikolu 4).

59.      L-Artikoli 22 et seq. tar-Regolament PRIIPs jirregolaw il-kwistjoni tas-sanzjonijiet amministrattivi u l-miżuri l-oħra applikabbli fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament. Madankollu, fir-Regolament ma hemmx dispożizzjoni li tirregola direttament il-kwistjoni tad-delimitazzjoni tal-kompetenzi u tas-setgħat tal-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ oriġini u tal-Istat Membru ospitanti sabiex tiġi mħarsa l-osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.

60.      Huwa minnu li r-Regolament PRIIPs jinkludi dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-obbligi u s-setgħat tal-Istati Membri fir-rigward tal-monitoraġġ tas-suq tal-prodotti tal-assigurazzjoni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Dan huwa l-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, li huwa intitolat “Monitoraġġ tas-suq u setgħat ta’ intervent tal-prodott” u jinkludi l-Artikoli 15 sa 18.

61.      L-Artikolu 15(2) tar-Regolament PRIIPs jiddikjara li “[l]-awtoritajiet kompetenti għandhom jimmonitorjaw is-suq għal prodotti ta’ investiment ibbażati fuq l-assigurazzjoni li huma kumerċjalizzati, imqassma jew mibjugħa fl-Istat Membru tagħhom jew minnu” (19). Mill-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li “[a]wtorità kompetenti tista’ tipprojbixxi jew tirrestrinġi s-segwenti fl-Istat Membru tagħha jew minnu [fir-rigward ta’ prodotti ta’ investiment ibbażati fuq l-assigurazzjoni u t-tip ta’ attività finanzjarja jew prattika ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni]”.

62.      Madankollu, dan il-monitoraġġ ma jidhirx li jikkonċerna l-konformità mal-obbligi speċifikament irregolati mir-Regolament PRIIPs jew mid-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 17(2)(b) ta’ dan ir-regolament, l-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1) jistgħu jittieħdu fil-każ fejn l-awtorità tiżgura li r-rekwiżiti regolatorji eżistenti fid-dritt tal-Unjoni li japplikaw għall-prodott ta’ investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni, l-attività jew il-prattiki ma jindirizzawx b’mod suffiċjenti r-riskji identifikati mill-awtoritajiet kompetenti. Għalhekk, dan huwa monitoraġġ tas-suq tal-prodotti tal-assigurazzjoni u interventi possibbli meħtieġa minħabba n-nuqqasijiet fir-regolamentazzjoni tal-Unjoni identifikati mill-awtorità superviżorja.

63.      Ir-risposta għad-domanda dwar kif għandha tiġi stabbilita d-delimitazzjoni tal-kompetenzi u tas-setgħat tal-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ oriġini u tal-Istat Membru ospitanti fir-rigward tas-superviżjoni tal-konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament PRIIPs għandha għalhekk tinstab barra minn dan ir-regolament.

64.      Xejn fir-Regolament PRIIPs innifsu ma jipprekludi li d-delimitazzjoni ta’ dawn il-kompetenzi u setgħat tista’ tiġi deċiża mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Solvenza II. Barra minn hekk, l-Artikolu 3(2) tar-Regolament PRIIPs jiddikjara li fil-każ fejn il-manifatturi tal-PRIIP suġġetti għal dan ir-regolament ikunu wkoll suġġetti għad-Direttiva Solvenza II, kemm dan ir-regolament kif ukoll din id-direttiva għandhom japplikaw għalihom. Għaldaqstant, ir-Regolament jippreżupponi l-applikazzjoni simultanja ta’ dawn iż-żewġ atti legali għal kategorija speċifika ta’ entitajiet li jelaboraw u joħolqu prodotti ta’ assigurazzjoni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Dawn huma wkoll impriżi tal-assigurazzjoni (20) koperti mid-Direttiva Solvenza II.

4.      Id-Direttiva IDD

65.      Id-Direttiva IDD tippreskrivi r-regoli dwar il-bidu u t-twettiq tal-attivitajiet ta’ distribuzzjoni tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni fl-Unjoni (21). Id-Direttiva timponi obbligi kemm fuq l-intermedjarji tal-assigurazzjoni kif ukoll fuq l-impriżi tal-assigurazzjoni (22). Barra minn hekk, id-domandi preliminari tal-qorti tar-rinviju huma bbażati fuq il-premessa li NOVIS, inkwantu impriża tal-assigurazzjoni, wettqet ksur tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva fid-dritt Ċek (23).

66.      B’differenza mir-Regolament PRIIPs, fid-Direttiva IDD insibu dispożizzjonijiet li jispeċifikaw il-proċedura li għandha tiġi segwita fil-każ ta’ ksur imwettaq minn intermedjarju tal-assigurazzjoni fil-kuntest ta’ attivitajiet imwettqa fi Stat Membru ieħor taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew il-libertà ta’ stabbiliment. Id-dispożizzjonijiet huma l-Artikoli 4 sa 9 ta’ din id-direttiva. Dawn huma mfassla b’mod simili għall-Artikolu 155 tad-Direttiva Solvenza II.

67.      Fil-fatt, id-Direttiva IDD tippreżumi li l-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti li jikkonstataw ksur għandhom l-ewwel jinformaw lill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ oriġini (24). Jekk, minkejja l-miżuri meħuda mill-Istat Membru ta’ orġini jew minħabba l-inadegwatezza ta’ tali miżuri jew minħabba n-nuqqas tagħhom, l-intermedjarju tal-assigurazzjoni jkompli jaġixxi b’mod li jkun ta’ detriment ċar għall-interessi tal-konsumaturi tal-Istat Membru ospitanti jew għall-funzjonament tajjeb tas-suq tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tista’ tieħu l-miżuri xierqa bil-għan li tipprevjeni irregolaritajiet ulterjuri (25).

68.      Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva IDD dwar it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istat Membru ta’ oriġini u l-Istat Membru ospitanti jikkonċernaw ksur imwettaq minn intermedjarji tal-assigurazzjoni, tar-riassigurazzjoni jew tal-assigurazzjoni anċillari. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet ma jinkludux l-impriżi tal-assigurazzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.

69.      Id-Direttiva IDD għalhekk timponi fuq l-impriżi tal-assigurazzjoni obbligi analogi għal dawk li hija timponi fuq l-intermedjarji tal-assigurazzjoni (26). Min-naħa l-oħra, din id-direttiva ma tirregolax it-tqassim tal-kompetenzi u tas-setgħat tal-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ oriġini u tal-Istat Membru ospitanti f’dak li jirrigwarda s-superviżjoni tal-attivitajiet tal-impriżi tal-assigurazzjoni.

70.      F’dan il-kuntest, madankollu, għandu jiġi osservat li d-Direttiva IDD (fir-rigward tal-intermedjarji tal-assigurazzjoni) u d-Direttiva Solvenza II (fir-rigward tal-impriżi tal-assigurazzjoni) jirregolaw b’mod analogu l-kwistjoni tas-setgħa tal-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ oriġini u tal-Istat Membru ospitanti li jwettqu superviżjoni tal-attivitajiet rispettivi tal-intermedjarji tal-assigurazzjoni u tal-impriżi tal-assigurazzjoni.

71.      Għaldaqstant, jista’ jiġi sostnut li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jiġu applikati soluzzjonijiet analogi fi kwistjonijiet ta’ superviżjoni tal-konformità mal-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva IDD fir-rigward tal-intermedjarji – fuq il-bażi ta’ din id-direttiva, kif ukoll fir-rigward tal-impriżi tal-assigurazzjoni – fuq il-bażi tad-Direttiva Solvenza II. Tali soluzzjoni tkun tippermetti lill-Istati Membri jagħżlu lill-istess awtoritajiet għas-superviżjoni tal-konformità mal-obbligi previsti mid-Direttiva IDD mill-entitajiet kollha li fuqhom din id-direttiva timponi tali obbligi. Dan ikun ifisser li l-Artikolu 155 tad-Direttiva Solvenza II japplika għas-superviżjoni eżerċitata mill-awtoritajiet tal-Istati Membri anki sa fejn jikkonċerna s-superviżjoni tal-konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva IDD.

72.      Jifdal li jitqiegħdu f’konfront il-konklużjonijiet misluta mill-interpretazzjoni sistematika tal-Artikolu 155 tad-Direttiva Solvenza II ma’ dawk li jirriżultaw mill-interpretazzjoni teleoloġika ta’ din id-dispożizzjoni.

5.      Interpretazzjoni teleoloġika

73.      L-Artikolu 155 tad-Direttiva Solvenza II jaqa’ taħt il-kapitolu ta’ din id-direttiva li, konformement mat-titolu tiegħu, jirrigwarda d-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Fl-istess waqt dan ma jirrigwardax biss is-sempliċi aċċess għas-suq tal-Istati Membri li ma humiex l-Istat Membru ta’ oriġini, iżda wkoll il-provvista ta’ attività ta’ kuljum fit-territorju ta’ dawn l-aħħar Stati.

74.      Barra minn hekk, mill-premessa 11 tad-Direttiva Solvenza II jirriżulta li din tikkostitwixxi strument essenzjali għat-twettiq tas-suq intern u li, konsegwentement, l-impriżi tal-assigurazzjoni awtorizzati fl-Istat Membru ta’ oriġini għandhom ikunu awtorizzati jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fl-Unjoni kollha billi jistabbilixxu fergħat jew jipprovdu servizzi. Din il-premessa tiċċara ulterjorment li “[j]eħtieġ għalhekk li titwettaq l-armonizzazzjoni li hemm bżonn u li hija suffiċjenti biex jintlaħaq ir-rikonoxximent reċiproku tal-awtorizazzjonijiet u s-sistemi ta’ su[p]erviżjoni, u għaldaqstant awtorizzazzjoni unika li hija valida fil-Komunità kollha u li tippermetti li s-superviżjoni ssir mill-Istat Membru tal-oriġini”.

75.      Fl-istess ħin, l-għan ewlieni tar-regolamentazzjoni u tas-superviżjoni mwettqa mill-Istat Membru ta’ oriġini huwa deskritt fil-premessa 16. Din hija protezzjoni adegwata għad-detenturi ta’ poloz u għall-benefiċjarji. Sabiex tiġi żgurata protezzjoni adegwata għal dawn il-gruppi ta’ entitajiet hija meħtieġa superviżjoni mhux biss fl-istadju ta’ kisba ta’ aċċess tal-impriża tal-assigurazzjoni għas-suq ta’ Stat Membru ieħor, iżda wkoll superviżjoni fuq l-attivitajiet ta’ kuljum ta’ din l-impriża u li jiġi żgurat li din tkun konformi mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istati Membri individwali.

76.      Minn dan jirriżulta li interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 155 tad-Direttiva Solvenza II ukoll timmilita favur interpretazzjoni fis-sens li din id-dispożizzjoni tapplika f’sitwazzjoni fejn l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ospitanti twettaq superviżjoni tal-osservanza, minn impriża tal-assigurazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, tal-obbligi relatati mal-prattiki kummerċjali ta’ tali impriżi tal-assigurazzjoni li huma previsti minn atti oħra tad-dritt tal-Unjoni, sakemm dawn l-istess atti ma jipprevedux soluzzjoni differenti f’dan ir-rigward.

6.      Konklużjoni fir-rigward tal-ewwel domanda

77.      Fid-dawl tal-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 155 tad-Direttiva Solvenza II (27), sostnuta mill-konklużjonijiet misluta mill-interpretazzjoni sistematika (28) u teleoloġika (29) tagħha, jiena tal-fehma li l-ewwel domanda għandha tingħata risposta fl-affermattiv. Għalhekk nipproponi li r-risposta għal din id-domanda tkun li l-Artikolu 155 tad-Direttiva Solvenza II għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika wkoll f’sitwazzjoni fejn l-awtorità superviżorja ta’ Stat Membru ospitanti twettaq superviżjoni tal-osservanza, minn impriża tal-assigurazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, tal-obbligi previsti mir-Regolament PRIIPs jew mid-Direttiva IDD.

B.      Fuq is-suġġett tat-tieni domanda preliminari

78.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 155 tad-Direttiva Solvenza II għandux jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet superviżorji tal-Istat Membru ospitanti huma obbligati jeżawrixxu fl-ewwel lok il-proċeduri ta’ notifika u ta’ teħid ta’ miżuri bil-għan li jirrimedjaw l-irregolaritajiet previsti fil-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-artikolu tad-Direttiva, anki fil-każ ta’ penalitajiet amministrattivi imposti skont il-paragrafi 5 u 6 ta’ dan l-artikolu tad-Direttiva għal ksur tal-obbligi previsti mir-Regolament PRIIPs jew mid-Direttiva IDD fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

79.      Il-qorti tar-rinviju fformulat it-tieni domanda preliminari fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv għall-ewwel domanda, jiġifieri fis-sens li l-Artikolu 155 tad-Direttiva Solvenza II japplika wkoll f’sitwazzjoni fejn l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ospitanti twettaq superviżjoni tal-osservanza, minn impriża tal-assigurazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, tal-obbligi previsti mir-Regolament PRIIPs jew mid-Direttiva IDD. Mill-analiżi tiegħi tal-ewwel domanda jirriżulta li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun fl-affermattiv. Għaldaqstant ser neżamina wkoll it-tieni domanda.

80.      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li t-tieni domanda hija bbażata fuq il-premessa li s-sanzjonijiet imposti fuq NOVIS u kkontestati fil-kawża prinċipali huma “penalitajiet”, fis-sens tal-Artikolu 155(5) u (6) tad-Direttiva Solvenza II.

81.      B’dan premess, it-tieni domanda preliminari għandha tiġi eżaminata qabel kollox mill-perspettiva tal-Artikolu 155(5) tad-Direttiva Solvenza II. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tirrigwarda s-setgħa tal-Istat Membru ospitanti li jimponi sanzjonijiet għal ksur li jseħħ fit-territorju tiegħu. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 155(6) ta’ din id-direttiva jidher li jikkonferma l-prinċipju msemmi fil-paragrafu 5 u li jenfasizza l-possibbiltà li s-sanzjonijiet imposti jiġu infurzati fuq il-patrimonju tal-impriża tal-assigurazzjoni li tinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

82.      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li NOVIS ġiet issanzjonata għal ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament PRIIPs u tad-Direttiva IDD (30). Għalhekk, sabiex tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari, ser nanalizza, fl-ewwel lok, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament u ta’ din id-direttiva, li jirrigwardaw l-impożizzjoni ta’ penalitajiet u ta’ sanzjonijiet amministrattivi għal ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dawk l-atti legali. Sussegwentement ser nanalizza dawk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Solvenza II li jirrigwardaw direttament it-tieni domanda.

1.      Penalitajiet u sanzjonijiet amministrattivi għal ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament PRIIPs u tad-Direttiva IDD

83.      Il-kwistjoni tas-sanzjonijiet amministrattivi u ta’ miżuri oħra applikabbli fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament PRIIPs hija rregolata mill-Artikolu 22 tiegħu.

84.      Mill-Artikolu 22(1) tar-Regolament PRIIPs jirriżulta li, “[m]ingħajr preġudizzju għas-setgħat superviżorji tal-awtoritajiet kompetenti”, dan ir-regolament jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu s-sanzjonijiet u l-miżuri amministrattivi applikabbli fil-każ ta’ ksur ta’ dan ir-regolament u li jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni tagħhom. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 23 tar-Regolament jipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom li jimponu sanzjoni konformement ma’ dan ir-regolament u mad-dritt nazzjonali: direttament, b’kooperazzjoni ma’ awtoritajiet oħra, fil-portata ta’ responsabbiltà tagħhom, jew billi jiddelegaw is-setgħat lil dawn l-awtoritajiet jew billi jirreferu l-kwistjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti.

85.      NOVIS ġiet issanzjonata direttament mill-awtorità superviżorja Ċeka b’mod partikolari għal ksur tal-obbligi previsti fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament PRIIPs u fl-Artikolu 8(3) tiegħu (31). L-Artikolu 24(1) tar-Regolament jipprovdi li dan l-artikolu għandu japplika, fost oħrajn, għal ksur tal-Artikolu 6 tar-Regolament PRIIPs u tal-Artikolu 8(3) tiegħu.

86.      Mill-Artikolu 24(2) tar-Regolament PRIIPs jirriżulta wkoll li “[l]-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom is-setgħa li jimponu, f’konformità mal-liġi nazzjonali, mill-inqas is-sanzjonijiet u l-miżuri amministrattivi [elenkati f’din id-dispożizzjoni]”. Fost dawn il-miżuri hemm “ordni li tissospendi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ PRIIP” (Artikolu 24(2)(b)) kif ukoll “multi amministrattivi” (Artikolu 24(2)(e)).

87.      Il-premessa 24 tar-Regolament PRIIPs tippreċiża t-tifsira tal-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament sa fejn dan jikkonċerna l-miżuri imposti mill-awtoritajiet kompetenti. Din il-premessa tipprevedi li r-Regolament ma jintroduċix passaport li jippermetti l-bejgħ jew il-kummerċjalizzazzjoni transkonfinali tal-PRIIPs lill-investituri fil-livell tal-konsumatur jew jibdel l-arranġamenti ta’ passaport eżistenti. Skont din il-premessa dan ir-regolament lanqas ma jbiddel it-tqassim ta’ responsabbiltajiet bejn l-awtoritajiet kompetenti eżistenti taħt l-arranġamenti ta’ passaporti eżistenti. Issa, “[l]-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn jiġi kkummerċjalizzat il-PRIIP għandha tkun responsabbli għas-superviżjoni tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ dik il-PRIIP. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn jiġi kkummerċjalizzat il-prodott għandu dejjem ikollha d-dritt li tissospendi l-kummerċjalizzazzjoni tal-PRIIP fit-territorju tiegħu f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament” (32). Ma hemm ebda raġuni biex wieħed jassumi li huwa differenti fil-każ tal-“multi amministrattivi” li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri “għandu jkollhom is-setgħat li jimponu” skont l-Artikolu 24(2) ta’ dan ir-regolament. Fir-rigward tal-ksur imwettaq fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, l-awtorità kompetenti maħtura minn dak l-Istat għandha wkoll tkun tista’ timponi sanzjonijiet amministrattivi direttament.

88.      Għalhekk, ir-Regolament PRIIPs jippreżupponi li, għalkemm il-kwistjoni tat-tqassim tal-kompetenzi u tas-setgħat ta’ superviżjoni mill-awtoritajiet tal-Istati Membri bħala tali ma hijiex direttament irregolata minn dan ir-regolament (33), l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-prodott tal-assigurazzjoni kkonċernat huwa disponibbli għandu jkollu l-opportunità li jirreaġixxi għall-ksur imwettaq f’dan it-territorju. Tali reazzjoni tal-Istat Membru tidher li sseħħ, mill-perspettiva ta’ dan ir-regolament u fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet li jinsabu fil-premessa 24 tiegħu, “mingħajr preġudizzju għas-setgħat superviżorji tal-awtoritajiet kompetenti”.

89.      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li NOVIS ġiet issanzjonata wkoll għal ksur tad-Direttiva IDD (34). Din id-direttiva tipprevedi, fir-rigward tas-sanzjoni għal ksur, soluzzjonijiet analogi għal dawk li jinsabu fir-Regolament PRIIPs.

90.      Fil-fatt, mill-Artikolu 31(1) tad-Direttiva IDD jirriżulta li “[m]ingħajr preġudizzju għas-setgħat superviżorji tal-awtoritajiet kompetenti u d-dritt tal-Istati Membri li jipprevedu u jimponu sanzjonijiet kriminali, l-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom ikunu jistgħu jimponu sanzjonijiet amministrattivi u miżuri oħra applikabbli għall-ksur kollu tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw din id-Direttiva, u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li jiġu implimentati”. Skont l-Artikolu 31(3) tad-Direttiva IDD, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom ta’ investigazzjoni u ta’ impożizzjoni ta’ sanzjonijiet, konformement mal-oqfsa legali nazzjonali, b’wieħed mill-modi li ġejjin: direttament, f’kollaborazzjoni ma’ awtoritajiet oħra jew billi jiġu aditi l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma tipprekludix li sanzjonijiet għal ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva jiġu imposti direttament mill-Istat Membru ospitanti.

91.      Mill-analiżi tal-Artikolu 22 tar-Regolament PRIIPs u tal-Artikolu 31 tad-Direttiva IDD jirriżulta li dawn iż-żewġ testi jassumu li, “[m]ingħajr preġudizzju għas-setgħat superviżorji tal-awtoritajiet kompetenti”, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jipprevedu sanzjonijiet u miżuri amministrattivi applikabbli fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-atti legali u li jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jiżguraw l-applikazzjoni tagħhom.

92.      Fid-dawl tar-risposta li nipproponi li għandha tingħata għall-ewwel domanda preliminari, it-tqassim tal-kompetenzi u tas-setgħat superviżorji fost l-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti u tal-Istat Membru ta’ oriġini għandu jiġi deċiż mid-Direttiva Solvenza II. Jifdal li jiġi eżaminat jekk, anki mill-perspettiva ta’ din l-aħħar direttiva, l-obbligu u s-setgħa ta’ sanzjonar tal-ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament PRIIPs u tad-Direttiva IDD jistgħux essenzjalment jitwettqu billi jiġu esklużi l-proċeduri rregolati fl-Artikolu 155(1) u (3) tad-Direttiva Solvenza II u, fl-istess waqt “[m]ingħajr preġudizzju għas-setgħat superviżorji tal-awtoritajiet kompetenti”, imsemmija f’din id-direttiva.

2.      Miżuri meħuda mill-Istat Membru ospitanti u d-Direttiva Solvenza II

93.      Din il-parti tal-kunsiderazzjonijiet għandha tiġi introdotta permezz tal-osservazzjoni li ġejja: fl-Artikolu 155 tad-Direttiva Solvenza II hemm żewġ dispożizzjonijiet li jipprevedu li “[i]l-paragrafi 1, 2 u 3 ma għandhomx jaffettwaw il-poter” tal-Istati Membri deskritti f’dawn id-dispożizzjonijiet. Dawn jinsabu fl-Artikolu 155(4) u (5) ta’ din id-direttiva.

94.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-opportunità li tinterpreta dawn id-dispożizzjonijiet. Madankollu, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-direttiva li ppreċediet id-Direttiva Solvenza II tipprovdi gwida siewja għall-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

95.      Id-domanda preliminari fil-kawża li tat lok għas-sentenza Onix Asigurări (35) kienet intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 40(6) tad-Direttiva 92/49 kienx jipprekludi li l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ospitanti, bil-għan li tipproteġi l-interessi tal-persuni assigurati u tal-persuni li jistgħu jibbenefikaw mill-koperturi ta’ assigurazzjoni sottoskritti, tagħti, f’każijiet ta’ urġenza, ordni ta’ waqfien mill-konklużjoni ta’ kuntratti ġodda ta’ assigurazzjoni fit-territorju tagħha fir-rigward ta’ impriża tal-assigurazzjoni bl-uffiċċju prinċipali tagħha fi Stat Membru ieħor. Il-bażi għall-għoti ta’ tali ordni kienet in-nuqqas ta’ osservanza, mill-bidu jew le, ta’ kundizzjoni ta’ awtorizzazzjoni prevista għall-għoti tal-approvazzjoni neċessarja għall-eżerċizzju tal-attività ta’ assigurazzjoni, bħall-kundizzjoni marbuta mar-reputazzjoni ta’ persuna li għandha rabta mal-impriża tal-assigurazzjoni minn perspettiva ta’ organizzazzjoni u ta’ kapital (36).

96.      L-Artikolu 40(6) tad-Direttiva 92/49 ippreveda soluzzjoni simili għal dik li fil-preżent tinsab fl-Artikolu 155(4) tad-Direttiva Solvenza II. Skont din l-ewwel dispożizzjoni “[i]l-paragrafi 3, 4 u 5 m’għandhomx jaffettwaw il-poter ta’ emerġenza ta’ l-Istati Membri kkonċernati biex jieħdu miżuri approprjati sabiex jipprevienu irregolaritajiet fit-territorji tagħhom. Dan għandu jinkludi l-possibbiltà li intrapriżi ta’ assigurazzjoni jiġu pprevenuti milli jkomplu jikkonkludu kuntratti ġodda ta’ assigurazzjoni fir-territorji tagħhom.”

97.      Meta interpretat l-Artikolu 40(6) tad-Direttiva 92/49, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li din id-dispożizzjoni ma tistax tinftiehem fis-sens li tkopri biss il-miżuri relatati mal-irregolaritajiet diġà “mwettqa” fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, din għandha tiġi interpretata fis-sens li tippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri intiżi sabiex ma jitfaċċawx irregolaritajiet futuri (37). Fi kliem ieħor, din hija s-setgħa tal-Istat Membru ospitanti li jadotta miżuri fir-rigward tal-impriża tal-assigurazzjoni fil-każ li jseħħu irregolaritajiet jew fil-każ tar-riskju li dawn iseħħu (38).

98.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ukoll li l-Artikolu 40 tad-Direttiva 92/49 jistabbilixxi “żewġ proċeduri distinti” li permezz tagħhom l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti jistgħu jadottaw, f’każ ta’ “irregolaritajiet” jew ta’ riskju li dawn iseħħu, miżuri fil-konfront tal-impriża tal-assigurazzjoni li għandha l-uffiċċju prinċipali tagħha fi Stat Membru ieħor.

99.      L-ewwel proċedura hija rregolata fl-Artikolu 40(4) u (5) ta’ din id-direttiva. Dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/49 jikkorrispondu għall-Artikolu 155(2) u (3) tad-Direttiva Solvenza II.

100. It-tieni proċedura hija, min-naħa tagħha, irregolata mill-Artikolu 40(6) tad-Direttiva 92/49. Fi kliem il-Qorti tal-Ġustizzja: “[Din id-dispożizzjoni] ma [t]ipprovdix, b’deroga mill-proċedura ordinarja prevista f’dan l-Artikolu 40(4) u (5), għall-obbligu, tal-Istat Membru tal-għoti tas-servizzi kkonċernat, la li jinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini b’dawn l-irregolaritajiet, u lanqas li jikkomunika lil dawn tal-aħħar l-intenzjoni tiegħu li jadotta miżuri adegwati” (39).

101. Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni ikbar bejn dawn iż-żewġ proċeduri rregolati, rispettivament, mill-Artikolu 40(4) u (5) tad-Direttiva 92/49 u mill-Artikolu 40(6) tagħha.

102. L-ewwel nett, il-proċedura tal-Artikolu 40(6) tad-Direttiva 92/49 tista’ tapplika esklużivament f’każ ta’ urġenza fejn tkun meħtieġa l-adozzjoni immedjata ta’ miżuri xierqa (40).

103. It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li tadotta l-pożizzjoni li l-Istat Membru ospitanti ma jistax, permezz tal-miżuri meħuda fil-kuntest tal-proċedura tal-Artikolu 40(6) tad-Direttiva 92/49, jagħmel użu ħażin mis-setgħat eżerċitati mill-Istat Membru fejn l-impriża tal-assigurazzjoni kkonċernata għandha l-uffiċċju prinċipali tagħha skont il-prinċipju ta’ superviżjoni mill-Istat Membru ta’ oriġini (41). Il-miżuri adottati minn dak l-Istat Membru għandhom mhux biss ikunu ġġustifikati mill-urġenza, iżda wkoll “jistgħu jkunu biss konservatorji”, b’tali mod li l-Istat Membru ospitanti, meta japplika dawn il-miżuri, ma jaqax taħt l-isfera ta’ superviżjoni rriżervata għall-Istat Membru ta’ oriġini. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li: “[Dawn il-miżuri japplikaw] biss fil-pendenzi ta’ deċiżjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini li tislet il-konsegwenzi [...] [mill-]elementi fattwali rrilevati mill-Istat Membru tal-għoti tas-servizzi” (42).

104. Inżid ngħid li s-sentenza Onix Asigurări (43) kienet tirrigwarda s-setgħa tal-Istat Membru ta’ oriġini li jagħti awtorizzazzjoni u li jivverifika jekk il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni kinux issodisfatti. Il-fatt li din hija sfera rriżervata għall-Istat Membru ta’ oriġini huwa ddeterminat mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 92/49, li għandu kontenut normattiv simili għal dak tal-Artikolu 14 tad-Direttiva Solvenza II.

105. Kif diġà ntqal (44), l-ekwivalenti tal-Artikolu 40(6) tad-Direttiva 92/49 hija l-Artikolu 155(4) tad-Direttiva Solvenza II. Mis-sentenza Onix Asigurări (45) il-gwida li tirriżulta fir-rigward tal-Artikolu 40(6) tad-Direttiva 92/49 tista’ għalhekk tintuża sabiex tingħata interpretazzjoni għall-Artikolu 155(4) tad-Direttiva Solvenza II. Dan ifisser li l-Istat Membru ospitanti jista’ jadotta miżuri fuq il-bażi ta’ din l-aħħar dispożizzjoni billi jeskludi l-Artikolu 155(1), (2) u (3) ta’ din id-dispożizzjoni, sa fejn, l-ewwel nett, dan ikun iġġustifikat minħabba raġunijiet ta’ urġenza u, it-tieni nett, dawn il-miżuri, min-natura tagħhom, ma jidħlux fl-isfera rriżervata għall-Istat Membru ta’ oriġini.

106. Madankollu, id-domandi preliminari f’din il-kawża ma jirrigwardawx l-Artikolu 155(4) tad-Direttiva Solvenza II. Barra minn hekk, xejn ma jindika li l-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li l-awtorità superviżorja Ċeka adottat miżuri fil-konfront ta’ NOVIS billi invokat ħtieġa ta’ urġenza biex timplimentahom fir-rigward ta’ din l-impriża.

107. Min-naħa tagħha, it-tieni domanda preliminari tirreferi espliċitament, fost oħrajn, għall-Artikolu 155(5) tad-Direttiva Solvenza II. Madankollu għandu jiġi osservat li kemm l-Artikolu 155(4) tad-Direttiva kif ukoll l-Artikolu 155(5) tagħha jipprevedu deroga mill-proċedura prevista fis-subparagrafi 1 sa 3 ta’ dan l-artikolu (46). Għalhekk, jekk l-interpretazzjoni tal-Artikolu 40(6) tad-Direttiva 92/49 mis-sentenza Onix Asigurări (47) hija rilevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 155(4) tad-Direttiva Solvenza II, indirettament, din tkun rilevanti wkoll għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 155(5) ta’ din l-aħħar direttiva.

108. Minn dan tirriżulta l-konklużjoni li ġejja: l-Artikolu 155(4) tad-Direttiva Solvenza II jirrigwarda sitwazzjonijiet li fihom huma neċessarji miżuri urġenti bil-għan tal-prevenzjoni tal-effetti mhux mixtieqa li jirriżultaw minn “irregolaritajiet” imwettqa mill-impriża tal-assigurazzjoni. F’dan il-każ, l-Istat Membru ospitanti ma għandux ikun marbut josserva l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 155(1) sa (3) ta’ din id-direttiva. Madankollu, l-Istat Membru għandu jiżgura li l-miżuri li huwa jadotta ma jippreġudikawx il-prinċipju ta’ superviżjoni tal-Istat Membru ta’ oriġini u li dawn il-miżuri għandhom jiġu strettament iddefiniti.

109. Konformement ma’ dan ir-raġunament: l-Artikolu 155(5) tad-Direttiva Solvenza II jeżenta lill-Istati Membri wkoll mill-obbligu li josservaw il-proċedura msemmija fl-Artikolu 155(1) sa (3) ta’ dik id-direttiva. Fl-istess ħin, il-miżuri adottati mill-Istat Membru ospitanti bis-saħħa tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 155(5) ta’ dik id-direttiva ma jistgħux jippreġudikaw il-prinċipju ta’ superviżjoni mill-Istat Membru ta’ oriġini.

110. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 155(5) tad-Direttiva għandu jikkonċerna s-setgħat tal-Istat Membru ospitanti li min-natura tagħhom huma differenti minn dawk imsemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu. Li kieku dan ma kienx il-każ, l-applikazzjoni simultanja taż-żewġ dispożizzjonijiet fil-kuntest tad-Direttiva Solvenza II ma tkunx tagħmel sens.

111. L-Artikolu 155(4) tad-Direttiva Solvenza II jikkonċerna, l-istess bħall-Artikolu 155(1) ta’ din id-direttiva, ir-reazzjoni għall-“irregolaritajiet” jew għar-riskju li dawn l-irregolaritajiet iseħħu. Il-fatt li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jirrigwardaw l-istess tipi ta’ sitwazzjonijiet (“irregolaritajiet”) jispjega r-raġunijiet għalfejn, fis-sentenza Onix Asigurări (48), il-Qorti tal-Ġustizzja tat importanza tant importanti biex tiżgura li l-eżerċizzju mill-Istat Membru ospitanti tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 155(4) tad-Direttiva Solvenza II ma kienx jimplika ndħil fil-qasam tas-superviżjoni rriżervat għall-Istat Membru ta’ oriġini (49). Fil-fatt, f’dan il-qasam, l-awtoritajiet tal-Istati Membri huma obbligati jsegwu l-proċedura prevista fl-Artikolu 155(1) sa (3) tad-Direttiva.

112. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 155(5) tad-Direttiva Solvenza II huwa intiż li jissanzjona l-“ksur” imwettaq fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti. Jidhirli li dan ma huwiex stat ta’ funzjonament irregolari għal żmien twil tal-impriża ta’ assigurazzjoni jew ta’ riskju li dan l-istat ta’ funzjonament iseħħ u li jista’ jiġi rrimedjat biss permezz ta’ intervent “fis-sors” fl-Istat Membru ta’ oriġini tal-impriża ta’ assigurazzjoni kkonċernata. Fil-fatt, tali stat ikun jikkostitwixxi “irregolarità”, fis-sens tal-Artikolu 155 ta’ din id-direttiva. L-Artikolu 155(5) tad-Direttiva Solvenza II, pjuttost jirrigwarda ksur imwettaq b’rabta mal-osservanza tal-obbligi li għandha l-impriża tal-assigurazzjoni fir-relazzjonijiet tagħha mad-detenturi ta’ poloz u mal-benefiċjarji preżenti fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat. L-impożizzjoni ta’ tali sanzjonijiet ma tqegħidx inkwistjoni l-kompetenza essenzjali tal-Istat Membru ta’ oriġini għas-superviżjoni tal-impriża ta’ assigurazzjoni li għandha l-uffiċċju prinċipali tagħha f’dan l-Istat.

113. Tali interpretazzjoni tista’ tiġi kkonfermata wkoll permezz tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (50) msemmija iktar ’il fuq. Bħala tfakkira, dik il-kawża kienet tirrigwarda l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet fuq impriża tal-assigurazzjoni minħabba li l-kalkolu tal-primjums tal-assigurazzjoni li ġew applikati għal kuntratti ma’ detenturi ta’ polza fl-Istat Membru ospitanti ma kienx konformi mad-dritt tal-Istat Membru ospitanti. Kif diġà ntqal (51), din is-sentenza tista’ tagħti x’tifhem li l-Artikolu 155(5) tad-Direttiva Solvenza II jikkonferma s-setgħa tal-Istat Membru ospitanti li jissanzjona ksur imwettaq fit-territorju tiegħu tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-prattiki kummerċjali tal-impriżi tal-assigurazzjoni.

114. Fl-aħħar nett, il-fatt li l-kompetenzi għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet b’rabta mal-ksur tal-obbligi marbuta mal-eżerċizzju tal-attività ta’ assigurazzjoni, fejn dawn l-obbligi jikkonċernaw lid-detenturi ta’ poloz u l-benefiċjarji li jinsabu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, jitħallew f’idejn l-awtoritajiet superviżorji ta’ dan l-Istat Membru jidher li huwa l-iktar soluzzjoni xierqa u effettiva għal protezzjoni effettiva u malajr kemm jista’ jkun ta’ dawn l-entitajiet.

3.      Konklużjoni fir-rigward tat-tieni domanda

115. Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament PRIIPs u tad-Direttiva IDD, minn naħa, u tad-Direttiva Solvenza II, min-naħa l-oħra, għalhekk jikkomplementaw lil xulxin sa fejn dawn jikkonċernaw l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet għal ksur imwettaq minn impriża tal-assigurazzjoni fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti.

116. Fil-fatt, minn naħa, ir-Regolament PRIIPs u d-Direttiva IID jipprevedu li, “mingħajr preġudizzju għas-setgħat superviżorji tal-awtoritajiet kompetenti”, l-Istati Membri huma obbligati jipprevedu s-sanzjonijiet u l-miżuri amministrattivi applikabbli fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-atti legali u li jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jiżguraw li dawn jiġu applikati (52).

117. Min-naħa l-oħra, it-tqassim tal-kompetenzi u tas-setgħat bejn l-awtoritajiet superviżorji tal-Istat Membru ta’ oriġini u l-Istat Membru ospitanti huwa rregolat mid-Direttiva Solvenza II (53). F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom, bħala prinċipju, isegwu l-proċedura prevista fl-Artikolu 155(1) sa (3) ta’ din id-direttiva. Madankollu, l-Artikolu 155(5) tad-Direttiva jipprevedi li, b’deroga minn dik il-proċedura, l-Istati Membri ospitanti jistgħu jeżerċitaw is-setgħa tagħhom li jissanzjonaw ksur imwettaq fit-territorju tagħhom.

118. Fid-dawl tal-konklużjonijiet konkordanti li waslet għalihom l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament PRIIPs u tad-Direttiva IDD, minn naħa, u tad-Direttiva Solvenza II, min-naħa l-oħra, nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda tkun li l-Artikolu 155 ta’ din l-aħħar direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet superviżorji tal-Istat Membru ospitanti ma humiex obbligati jeżawrixxu bi prijorità l-proċeduri ta’ notifika u ta’ teħid ta’ miżuri bil-għan li jirrimedjaw l-irregolaritajiet previsti fil-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-artikolu tad-Direttiva fil-każ ta’ sanzjonijiet amministrattivi imposti skont il-paragrafi 5 u 6 ta’ dan l-artikolu tad-Direttiva minħabba ksur tal-obbligi previsti mir-Regolament PRIIPs jew mid-Direttiva IDD fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

V.      Konklużjonijiet

119. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula min-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema):

1)      L-Artikolu 155 tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvenza II)

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

japplika wkoll f’sitwazzjoni fejn l-awtorità superviżorja ta’ Stat Membru ospitanti twettaq superviżjoni tal-osservanza, minn impriża tal-assigurazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, tal-obbligi previsti mir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Novembru 2014 dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta’ investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs) jew mid-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Jannar 2016 dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni.

2)      L-Artikolu 155 tad-Direttiva Solvenza II

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-awtoritajiet superviżorji tal-Istat Membru ospitanti ma humiex obbligati jeżawrixxu bi prijorità l-proċeduri ta’ notifika u ta’ teħid ta’ miżuri bil-għan li jirrimedjaw l-irregolaritajiet previsti fil-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-artikolu tad-Direttiva fil-każ ta’ sanzjonijiet amministrattivi imposti skont il-paragrafi 5 u 6 ta’ dan l-artikolu tad-Direttiva minħabba ksur tal-obbligi previsti mir-Regolament PRIIPs jew mid-Direttiva 2016/97 fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.


1      Lingwa oriġinali: il‑Pollakk.


2      Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvenza II) (ĠU 2009, L 335, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2014, L 219, p. 66, fil-ĠU 2016, L 262, p. 34, fil-ĠU 2019, L 316, p. 107 u fil-ĠU 2022, L 108, p. 69; iktar ’il quddiem id-“Direttiva Solvenza II).


3      Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Novembru 2014 dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta’ investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs) (ĠU 2014, L 352, p. 1, rettifika fil-ĠU 2014, L 358, p. 50; iktar ’il quddiem ir-“Regolament PRIIPs”).


4      Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Jannar 2016 dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni (ĠU 2016, L 26, p. 19; iktar ’il quddiem, id-“Direttiva IDD”).


5      Ara s-sentenza tas‑27 ta’ April 2017, Onix Asigurări (C‑559/15, EU:C:2017:316, punt 39).


6      Ara Purves, R., “Europe: the architecture and content of EU insurance regulation”, fi: Burling, J. Lazarus, K. (edituri), Research Handbook on International Insurance Law and Regulation, Edward Elgar, Cheltenham – Northampton 2023, p. 684.


7      Din id-dispożizzjoni ġiet emendata bis-saħħa tad-Direttiva (UE) 2025/2 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Novembru 2024 li temenda d-Direttiva 2009/138/KE f’dak li għandu x’jaqsam mal-proporzjonalità, il-kwalità tas-superviżjoni, ir-rappurtar, il-miżuri ta’ garanzija fit-tul, l-għodod makroprudenzjali, ir-riskji tas-sostenibbiltà u s-superviżjoni tal-gruppi u s-superviżjoni transfruntiera, u li temenda d-Direttivi 2002/87/KE u 2013/34/UE (ĠU L, 2025/2). Attwalment, din id-dispożizzjoni tispeċifika li s-superviżjoni finanzjarja tinkludi wkoll il-verifika tas-sistema ta’ tmexxija tal-impriża tal-assigurazzjoni. Madankollu, din l-emenda ma tbiddilx is-sustanza ta’ din il-leġiżlazzjoni. Lanqas ma hija applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali.


8      Sentenza tat‑28 ta’ April 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑518/06, EU:C:2009:270).


9      Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE tat‑18 ta’ Ġunju 1992 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni tal-ħajja u temenda d-Direttivi 73/239/KEE u 88/357/KEE (it-tielet Direttiva dwar assigurazzjoni mhux tal-ħajja)) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 346).


10      Sentenza tat‑28 ta’ April 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑518/06, EU:C:2009:270).


11      Ara s-sentenza tat‑28 ta’ April 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑518/06, EU:C:2009:270, punt 116).


12      Ara s-sentenza tat‑28 ta’ April 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑518/06, EU:C:2009:270, punt 116).


13      Ara s-sentenza tat‑28 ta’ April 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑518/06, EU:C:2009:270, punt 120).


14      Ara s-sentenza tat‑28 ta’ April 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑518/06, EU:C:2009:270, punt 116).


15      Sentenza tat‑28 ta’ April 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑518/06, EU:C:2009:270).


16      Ara s-sentenza tat‑28 ta’ April 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑518/06, EU:C:2009:270, punti 105 u 106).


17      Sentenza tat‑28 ta’ April 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑518/06, EU:C:2009:270).


18      Sentenza tat‑28 ta’ April 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑518/06, EU:C:2009:270).


19      Il-korsiv huwa tiegħi.


20      Ara l-premessa 12 tar-Regolament PRIIPs, li tispeċifika li l-manifatturi tal-PRIIPs huma, fost l-oħrajn, impriżi tal-assigurazzjoni.


21      Artikolu 1(1) tad-Direttiva IDD.


22      Ara, pereżempju, l-Artikolu 18 tad-Direttiva IDD, li jispeċifika liema informazzjoni għandha tingħata lill-klijent qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni mill-intermedjarju tal-assigurazzjoni u mill-impriża tal-assigurazzjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 20 tad-Direttiva jimponi fuq id-“distributuri tal-assigurazzjoni” l-obbligu li jipprovdu lill-klijent informazzjoni dwar il-prodott ta’ assigurazzjoni li tkun adattata għall-ħtiġijiet u għall-bżonnijiet tiegħu. Il-kunċett ta’ “distributur tal-assigurazzjoni” jinkludi, konformement mal-punt 8 tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva kull intermedjarju tal-assigurazzjoni, kull intermedjarju tal-assigurazzjoni anċillari u kull impriża tal-assigurazzjoni.


23      Ara l-punti 10 u 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


24      Dawn is-soluzzjonijiet huma diskussi, fost oħrajn, minn Audigier I., “Insurance Distribution Directive and Cross-Border Activities by Insurance Intermediaries in the EU”, fi: P. Marano, K. Noussia (edituri), Insurance Distribution Directive. A Legal Analysis, Springer, Cham, 2020, p. 19 sa 22.


25      Artikolu 5(2) tad-Direttiva IDD u l-Artikolu 8(3) ta’ din id-direttiva.


26      Ara l-punt 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


27      Ara l-punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


28      Ara l-punti 55 u 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


29      Ara l-punt 76 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


30      Ara l-punti 10 u 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


31      Ara l-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


32      Il-korsiv huwa tiegħi.


33      Skont l-analiżi tiegħi tal-ewwel domanda, din il-kwistjoni hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Solvenza II sa fejn tali superviżjoni tikkonċerna l-impriżi tal-assigurazzjoni.. Ara l-punti 63 u 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


34      Ara l-punt 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


35      Sentenza tas‑27 ta’ April 2017, Onix Asigurări (C‑559/15, EU:C:2017:316).


36      Sentenza tas‑27 ta’ April 2017, Onix Asigurări (C‑559/15, EU:C:2017:316, punt 36).


37      Sentenza tas‑27 ta’ April 2017, Onix Asigurări (C‑559/15, EU:C:2017:316, punti 39 u 40).


38      Sentenza tas‑27 ta’ April 2017, Onix Asigurări (C‑559/15, EU:C:2017:316, punt 45).


39      Sentenza tas‑27 ta’ April 2017, Onix Asigurări (C‑559/15, EU:C:2017:316, punt 47).


40      Sentenza tas‑27 ta’ April 2017, Onix Asigurări (C‑559/15, EU:C:2017:316, punti 47 u 48).


41      Sentenza tas‑27 ta’ April 2017, Onix Asigurări (C‑559/15, EU:C:2017:316, punti 49, 52 u 53).


42      Sentenza tas‑27 ta’ April 2017, Onix Asigurări (C‑559/15, EU:C:2017:316, punt 52).


43      Sentenza tas‑27 ta’ April 2017, Onix Asigurări (C‑559/15, EU:C:2017:316, punt 49).


44      Ara l-punt 96 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


45      Sentenza tas‑27 ta’ April 2017, Onix Asigurări (C‑559/15, EU:C:2017).


46      Ara l-punt 93 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


47      Sentenza tas‑27 ta’ April 2017, Onix Asigurări (C‑559/15, EU:C:2017:316).


48      Sentenza tas‑27 ta’ April 2017, Onix Asigurări (C‑559/15, EU:C:2017:316).


49      Ara l-punt 103 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


50      Sentenza tat‑28 ta’ April 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑518/06, EU:C:2009:270).


51      Ara l-punt 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


52      Ara l-punt 91 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


53      Ara l-punt 77 ta’ dawn il-konklużjonijiet.