European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1225

8.6.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2026/1225

tat-8 ta’ Ġunju 2026

li jimplimenta r-Regolament (UE) 2023/1529 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u lil gruppi armati u entitajiet fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Baħar l-Aħmar kif ukoll l-azzjonijiet tal-Iran li jdgħajfu l-libertà’ tan-navigazzjoni fil-Lvant Nofsani

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/1529 tal-20 ta' Lulju 2023 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u lil gruppi armati u entitajiet fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Baħar l-Aħmar kif ukoll l-azzjonijiet tal-Iran li jdgħajfu l-libertà tan-navigazzjoni fil-Lvant Nofsani (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-20 ta' Lulju 2023, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2023/1529.

(2)

Fit-22 ta' Mejju 2026, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2026/1157 (2) li temenda d-Deċiżjoni(PESK) 2023/1532 li tippermetti l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u miżuri tal-iffriżar tal-assi kontra persuni responsabbli għal, li jappoġġaw, li jimplimentaw jew li jibbenefikaw minn, l-azzjonijiet jew il-politiki tal-Iran li jdgħajfu l-libertà tan-navigazzjoni fil-Lvant Nofsani.

(3)

Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, jenħtieġ li żewġ persuni u entità waħda jiġu inklużi fil-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għall-miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2023/1529.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2023/1529 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness III tar-Regolament (UE) 2023/1529 huwa emendat f'konformità mal-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-8 ta’ Ġunju 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

A. VAFEADES


(1)   ĠU L 186, 25.7.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1529/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2026/1157 tat-22 ta' Mejju 2026 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2023/1532 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u lil gruppi armati u entitajiet fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u l-Baħar l-Aħmar (ĠU L, 2026/1157, 26.5.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1157/oj).


ANNESS

L-Anness III tar-Regolament (UE) 2023/1529 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-entrati li ġejjin jiżdiedu taħt l-intestatura “A. Persuni fiżiċi”:

 

Ismijiet (Trażlitterazzjoni bl-alfabett Latin)

Ismijiet

Informazzjoni għall-identifikazzjoni

Raġunijiet għall-elenkar

Data tal-elenkar

“25.

Mohammad AKBARZADEH

محمد اکبرزاده

(ortografija Farsi)

Pożizzjoni(jiet): Viċi Kmandant għall-Affarijiet Politiċi tal- Islamic Revolutionary Guard Corps Navy (il-Flotta Navali tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika, IRGCN”)

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Mohammad Akbarzadeh huwa l-Viċi Kmandant għall-Affarijiet Politiċi tal-Flotta Navali tal-Islamic Revolutionary Guard Corps Navy (il-Flotta Navali tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika, “IRGCN”)) elenkata mill-UE u jaġixxi bħala l-kelliem għall-IRGCN.

L-IRGCN timplimenta l-politiki tal-Iran li jdgħajfu l-libertà tan-navigazzjoni fl-Istrett ta' Hormuz billi tinforza sistema ta' pedaġġ fl-Istrett ta' Hormuz u billi thedded, tagħti fastidju u tattakka diversi bastimenti kummerċjali fl-Istrett ta' Hormuz. Fid-dikjarazzjonijiet tiegħu, Akbarzadeh jiddikjara li l-Iran għandu kontroll sħiħ fuq l-Istrett ta' Hormuz u jhedded li juża missili jew droni kontra bastimenti li jgħaddu mill-Istrett ta' Hormuz.

Mohammad Akbarzadeh għalhekk jappoġġa u jimplimenta l-azzjonijiet u l-politiki tal-Iran li jdgħajfu l-libertà tan-navigazzjoni fil-Lvant Nofsani.

8.6.2026

26.

Hamid HOSSEINI

حمید حسینی

(ortografija Farsi)

Pożizzjoni(jiet): Kelliem għall-Unjoni tal-Esportaturi taż-Żejt, il-Gass u l-Prodotti Petrokimiċi tal-Iran.

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Hamid Hosseini huwa l-kelliem għall-Unjoni tal-Esportaturi taż-Żejt, il-Gass u l-Prodotti Petrokimiċi tal-Iran u membru tal-Kamra tal-Kummerċ tal-Iran.

L-Unjoni tal-Esportaturi taż-Żejt, il-Gass u l-Prodotti Petrokimiċi tal-Iran hija assoċjazzjoni tal-industrija li l-membri tagħha huma kumpaniji involuti fil-produzzjoni u l-esportazzjoni ta' prodotti petroliferi, tal-gass u prodotti petrokimiċi. Il-Gvern Iranjan u l- Islamic Revolutionary Guards Corps huma involuti ferm fl-esportazzjonijiet taż-żejt tal-Iran.

L-Iran implimenta politika li tirrikjedi li l-bastimenti li jgħaddu mill-Istrett ta' Hormuz jippreżentaw informazzjoni, jgħaddu minn valutazzjoni, u jħallsu tariffi ta' tranżitu lill-awtoritajiet Iranjani. Fil-kapaċità tiegħu bħala kelliem għall-Unjoni tal-Esportaturi taż-Żejt, il-Gass u l-Prodotti Petrokimiċi tal-Iran, Hosseini jispjega u jippromwovi din il-politika permezz ta' dikjarazzjonijiet fi strumenti tal-media internazzjonali u Iranjani.

Hamid Hosseini għalhekk jappoġġa u jimplimenta l-azzjonijiet u l-politiki tal-Iran li jdgħajfu l-libertà tan-navigazzjoni fil-Lvant Nofsani."

8.6.2026”;

(2)

l-entrata li ġejja tiżdied taħt l-intestatura “B. Persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi”:

 

Ismijiet (Trażlitterazzjoni bl-alfabett Latin)

Ismijiet

Informazzjoni għall-identifikazzjoni

Raġunijiet għall-elenkar

Data tal-elenkar

“27.

Kmand Provinċjali ta' Hormozgan tal-Flotta Navali tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGCN)

 

Post tar-reġistrazzjoni: Iran

Il-Kmand Provinċjali ta' Hormozgan tal-Flotta Navali tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGCN) huwa subdiviżjoni tal-IRGCN li din tal-aħħar hija elenkata mill-UE. L-IRGCN ħadet il-kontroll tal-Istrett ta' Hormuz u implimentat sistema ta' pedaġġ fl-Istrett fejn il-bastimenti huma meħtieġa jipprovdu dokumentazzjoni ta' identifikazzjoni kif ukoll informazzjoni dwar il-merkanzija u d-destinazzjoni lil intermedjarji li mbagħad jgħaddu l-informazzjoni lill-Kmand Provinċjali ta' Hormozgan. Abbażi ta' din l-informazzjoni, il-Kmand Provinċjali ta' Hormozgan jiskrinja l-bastimenti u jiddetermina liema huma dawk li jitħallew jgħaddu mill-Istrett, xi drabi soġġett għall-ħlas ta’ pedaġġ.

Għalhekk, il-Kmand Provinċjali ta' Hormozgan tal-IRGCN jimplimenta l-azzjonijiet jew il-politiki tal-Iran li jdgħajfu l-libertà tan-navigazzjoni fil-Lvant Nofsani.

8.6.2026”


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/1225/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)