|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/2018 |
16.11.2026 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/2018
tal-10 ta’ Settembru 2026
li jistabbilixxi regoli marbuta mal-proċedura għall-għoti ta’ arranġament speċjali ta’ inċentivi għal żvilupp sostenibbli u governanza tajba (SĠP+) skont ir-Regolament (UE) 2026/1395 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ skema ġeneralizzata ta’ preferenzi tariffarji u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 978/2012
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2026/1395 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2026 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 (1) (“ir-Regolament SĠP”), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(7) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 10 tar-Regolament SĠP jistabbilixxu r-rekwiżiti għall-għoti tal-preferenzi tariffarji skont l-arranġament speċjali ta’ inċentivi għal żvilupp sostenibbli u governanza tajba (SĠP+). Sabiex tiżgura t-trasparenza u t-tbassir tal-proċess, il-Kummissjoni ngħatat il-poter mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill biex tadotta atti delegati biex tistabbilixxi regoli marbuta mal-proċedura għall-għoti tal-istatus ta’ pajjiż benefiċjarju tas-SĠP+, b’mod partikolari fir-rigward tal-iskadenzi u l-preżentazzjoni u l-ipproċessar tat-talbiet. |
|
(2) |
Huwa xieraq li l-Kummissjoni żżomm lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill infurmati kif xieraq dwar passi proċedurali importanti tal-implimentazzjoni tar-Regolament SĠP, bħall-għoti tal-SĠP +, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Sottomissjoni tat-talba
1. Il-pajjiż li qed jagħmel it-talba għandu jippreżenta t-talba tiegħu bil-miktub skont l-Artikolu 10(1) u (2) tar-Regolament SĠP. Il-pajjiż li qed jagħmel it-talba għandu jistqarr b’mod espliċitu li t-talba tiegħu biex jibbenefika minn arranġament speċjali ta’ inċentivi għal żvilupp sostenibbli u governanza tajba (SĠP+) previst fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament SĠP.
2. It-talba għandha tkun akkumpanjata mid-dokumentazzjoni li ġejja:
|
(a) |
tagħrif komprensiv li jikkonċerna r-rattifika tal-konvenzjonijiet elenkati fl-Anness VI tar-Regolament dwar is-SĠP (il-“konvenzjonijiet rilevanti”), inklużi kopja tad-depożitu tal-istrumenti ta’ rattifika lill-organizzazzjoni internazzjonali rilevanti, ir-riżervi li għamel il-pajjiż li qed jagħmel it-talba u l-oġġezzjonijiet magħmula minn partijiet oħra għall-konvenzjoni għal dawn ir-riżervi; |
|
(b) |
l-impenn obbligatorju, li għandu jsir permezz tal-firma tal-awtorità kompetenti tal-pajjiż li qed jagħmel it-talba tal-formola fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, li jinkludi:
|
|
(c) |
pjan ta’ azzjoni kif definit fl-Artikolu 2(10) tar-Regolament SĠP u f’konformità mal-Artikolu 9(1), il-punt (d) u l-Artikolu 9(3) tar-Regolament SĠP. |
3. Biex jiġi faċilitat il-proċess ta’ rieżami, it-talbiet kollha u d-dokumentazzjoni ta’ akkumpanjament għandha tiġi ppreżentata bl-Ingliż. Jekk il-lingwa oriġinali tal-kopja tad-dokumenti skont il-punt 2(a) hija differenti mill-Ingliż, il-kopja għandha tkun akkumpanjata minn traduzzjoni għall-Ingliż.
4. It-talba, flimkien mad-dokumenti ta’ akkumpanjament, għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni f’format elettroniku.
5. Biex jiġi ffaċilitat l-iskambju u l-verifika tat-tagħrif, il-pajjiż, fit-talba tiegħu għandu jipprovdi lill-Kummissjoni l-kuntatti tal-persuna kompetenti responsabbli mit-talba.
6. It-talba għandha titqies bħala li tressqet fl-ewwel jum tax-xogħol wara li l-Kummissjoni tkun ħarġet konferma tar-riċevuta tagħha.
Artikolu 2
Eżaminazzjoni tat-talba
1. Il-Kummissjoni għandha teżamina jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament dwar is-SĠP ġewx sodisfati. Waqt l-eżaminazzjoni tat-talba, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-aktar konklużjonijiet reċenti disponibbli tal-korpi ta’ monitoraġġ tal-konvenzjonijiet rilevanti u informazzjoni rilevanti minn sorsi oħra, inkluż is-soċjetà ċivili, kif inhu xieraq. Hija tista’ titlob lill-pajjiż li qed jagħmel it-talba kwalunkwe mistoqsija li hija tqis rilevanti u tista’ tivverifika t-tagħrif li jaslilha mal-pajjiż li qed jagħmel it-talba jew ma’ kwalunkwe sors ieħor rilevanti.
2. F’każ ta’ nuqqas ta’ provvediment tat-tagħrif meħtieġ kif jitlob l-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar l-SĠP jew kif mitlub mill-Kummissjoni, dan jista’ jwassal għal deċiżjoni biex tiġi rifjutata t-talba.
3. Il-Kummissjoni għandha tikkonkludi l-eżaminazzjoni tat-talba u tiddeċiedi jekk tagħtix pajjiż li qed jagħmel talba, l-arranġament SĠP + fi żmien sitt xhur mid-data ta’ meta qieset li rċeviet it-talba.
4. F’każ li l-Kummissjoni tiddeċiedi li ma tagħtix lil pajjiż li qed jagħmel it-talba l-arranġament SĠP +, hija tista’, kif xieraq, tinforma lill-pajjiż li qed jagħmel it-talba dwar il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament SĠP li huma ssodisfati, jekk ikun hemm, u dwar l-elementi pendenti li għandhom jiġu indirizzati. Meta l-pajjiż li qed jagħmel it-talba jippreżenta talba ġdida fi żmien sentejn mill-konklużjoni tal-eżami, il-Kummissjoni tista’ tqis il-valutazzjoni preċedenti tagħha.
Artikolu 3
Il-fajl kostitwit
1. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi fajl kostitwit. Fajl kostitwit għandu jinkludi d-dokumenti ppreżentati mill-pajjiż li qed jagħmel it-talba u t-tagħrif rilevanti li nkiseb mill-Kummissjoni.
2. Il-kontenut ta’ fajl kostitwit għandu jkun konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ kunfidenzjalità f’konformità mal-Artikolu 47 tar-Regolament SPĠ.
3. Il-pajjiż li qed jagħmel it-talba għandu dritt għall-aċċess tal-fajl kostitwit. Fuq talba bil-miktub, huwa jista’ jispezjona t-tagħrif kollu li jinsab fil-fajl kostitwit ħlief dokumenti interni mħejjija mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew l-awtoritajiet tal-Istati Membri.
Artikolu 4
Divulgazzjoni
1. Il-Kummissjoni għandu tiddivulga lill-pajjiż li qed jagħmel it-talba d-dettalji sottostanti tal-fatti u tal-kunsiderazzjonijiet essenzjali, li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża d-deċiżjonijiet li tieħu.
2. Id-divulgazzjoni għandha ssir bil-miktub, b’kunsiderazzjoni xierqa għall-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali f’konformità mal-Artikolu 47 tar-Regolament SĠP. Din għandha tinkludi s-sejbiet tal-Kummissjoni u għandha tirrifletti l-intenzjoni provviżorja jekk jingħatax l-arranġament SĠP + lill-pajjiż li qed jagħmel it-talba.
3. Id-divulgazzjoni għandha ssir malajr kemm jista’ jkun u, normalment, mhux aktar tard minn 45 jum qabel deċiżjoni definittiva mill-Kummissjoni dwar kwalunkwe proposta għal azzjoni finali. Fejn il-Kummissjoni ma tkunx fil-pożizzjoni li tiżvela xi fatti jew kunsiderazzjonijiet f’dak il-ħin, dawn għandhom jiġu żvelati kemm jista’ jkun malajr wara.
4. Id-divulgazzjoni ma għandha tippreġudika l-ebda deċiżjoni sussegwenti. Meta deċiżjoni sussegwenti tkun ibbażata fuq kwalunkwe fatt u kunsiderazzjoni differenti, dawn għandhom jiġu żvelati malajr kemm jista’ jkun.
5. Il-preżentazzjonijiet li jsiru wara d-divulgazzjoni għandhom jittieħdu inkonsiderazzjoni biss jekk ikunu waslu f’perjodu li f’kull każ, għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni, li għandu jkun mill-inqas 14-il jum, filwaqt li titqies l-urġenza tal-kwistjoni.
Artikolu 5
Is-smigħ ġenerali
1. Pajjiż li qed jagħmel talba għandu dritt li jinstema’ mill-Kummissjoni.
2. Il-pajjiż li qed jagħmel it-talba għandu jippreżenta ittra bil-miktub li fiha jispeċifika r-raġunijiet għalfejn għandu jinstema’ oralment. Talba bħal din għandha tasal għand il-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn xahar wara d-data tal-konferma tar-riċevuta tat-talba.
Artikolu 6
L-Involviment tal-Uffiċjal tas-Seduta fil-Proċedimenti tal-Kummerċ
1. Abbażi ta’ raġunijiet proċedurali, pajjiż li qed jagħmel talba jista’ jitlob ukoll l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta fil-Proċedimenti tal-Kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta fil-Proċedimenti tal-Kummerċ għandu jeżamina mill-ġdid it-talbiet għall-aċċess għall-fajl kostitwit, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u t-talbiet għal smigħ minn pajjiż li qed jagħmel talba.
2. Jekk il-pajjiż li qed jagħmel talba għandu seduta orali mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-Proċedimenti tal-Kummerċ, is-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni għandu jieħu sehem fih.
Artikolu 7
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Settembru 2026.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L, 2026/1395, 22.6.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2026/1395/oj.
ANNESS
IMPENJI OBBLIGATORJI
Aħna, il-Gvern ta’ ..., irrappreżentat minn ..., fil-kapaċità tagħna bħala ..., nesprimu l-impenn tagħna li nżommu r-ratifika tal-konvenzjonijiet elenkati fl-Anness VI tar-Regolament (UE) 2026/1395 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2026 dwar l-applikazzjoni ta’ skema ġeneralizzata ta’ preferenzi tariffarji u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 (1) (“ir-Regolament SĠP”) u li nsegwu u niżguraw l-implimentazzjoni effettiva tagħhom.
Naċċettaw mingħajr riżerva r-rekwiżiti ta’ rappurtar imposti minn kull konvenzjoni u monitoraġġ regolari u rieżami tar-rekord ta’ implimentazzjoni b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet elenkati fl-Anness VI tar-Regolament SĠP.
Nesprimu l-impenn tagħna biex jipparteċipa fi proċedura ta’ monitoraġġ u jikkoopera magħha msemmija fl-Artikolu 13 tar-Regolament SĠP.
Naċċettaw bi sħiħ li l-irtirar ta’ kwalunwke wieħed minn dawn l-impenji obbligatorji jista’ jirriżulta fit-tneħħija tal-arranġament SĠP + skont l-Artikolu 10(5) tar-Regolament SĠP.
Post u data
Firma/Firem
(1) ĠU L, 2026/1395, 22.6.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2026/1395/oj.
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2026/2018/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)