Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

9 ta’ Lulju 2026 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Kontroll tal-perikoli marbuta mal-inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi perikolużi – Direttiva 2012/18/UE – Artikolu 2 – Kamp ta’ applikazzjoni – Punt 12 tal-Artikolu 3 – Kunċett ta’ ‘preżenza ta’ sustanzi perikolużi’ – Sorveljanza kontinwa ta’ sustanzi effettivament preżenti ġewwa stabbiliment – Preżenza antiċipata jew raġonevolment prevedibbli – Determinazzjoni b’riferiment għall-kwantitajiet massimi ta’ sustanzi indikati fl-awtorizzazzjoni ta’ operat”

Fil-Kawża C‑224/24,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (Il‑Kunsill tal‑Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Marzu 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Marzu 2024, fil-proċedura

Società Eredi Raimondo Bufarini Srl – Servizi Ambientali

vs

Ministero dell’Interno,

Ministero della Transizione Ecologica,

Comitato tecnico regionale delle Marche,

Coordinamento per l’uniforme applicazione sul territorio nazionale di cui all’art. 11 del D.Lgs. 105/2015

fil-preżenza ta’:

Regione Marche,

FP,

IL‑QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla),

komposta minn I. Jarukaitis (Relatur), President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tar-Raba’ Awla, M. Condinanzi, N. Jääskinen u R. Frendo, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Società Eredi Raimondo Bufarini Srl – Servizi Ambientali, minn L. Filippucci, avvocato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Di Masi, J. Jokubauskaitė u D. Milanowska, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑23 ta’ Ottubru 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpetazzjoni tal-punt 12 tal-Artikolu 3 u tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2012/18/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar il-kontroll ta’ perikli ta’ inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi perikolużi, li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE (ĠU 2012, L 197, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2017, L 191, p. 13 u fil-ĠU L 2024/90725).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Società Eredi Raimondo Bufarini Srl – Servizi Ambientali, kumpannija rregolata mid-dritt Taljan, u l-Ministero dell’Interno (Ministeru għall-Intern), il-Ministero della Transizione Ecologica (Ministeru għat-Tranżizzjoni Ekoloġika), il-Comitato tecnico regionale delle Marche (il-Kumitat Tekniku Reġjonali tal-Marche, l-Italja) (iktar ’il quddiem il-“Kumitat Tekniku”) u l-Coordinamento per l’uniforme applicazione sul territorio nazionale di cui all’art. 11 del D. Lgs 105/2015 (Servizz ta’ koordinazzjoni għall-applikazzjoni uniformi fit-territorju nazzjonali previst fl-Artikolu 11 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 105/2015) dwar id-deċiżjoni, meħuda mill-Kumitat Tekniku, li tintima lil din il-kumpannija li tippreżenta dokumenti dwar il-kontroll tal-perikoli marbuta mal-inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi perikolużi.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 It-Trattat FUE

3        L-Artikolu 191 TFUE jipprevedi:

“1.      Il-politika ta’ l-Unjoni dwar l-ambjent għandha tikkontribwixxi sabiex jinkisbu l-għanijiet li ġejjin:

–        salvagwardja, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità ta’ l-ambjent;

–        ħarsien tas-saħħa tal-bniedem;

–        użu għaqli u razzjonali tar-riżorsi naturali;

–        promozzjoni ta' miżuri fil-livell internazzjonali sabiex jitrattaw problemi ambjentali reġjonali jew globali, u b’mod partikolari li jiġġieldu l-bidla fil-klima.

2.      Il-politika ta’ l-Unjoni dwar l-ambjent għandha jkollha l-mira ta’ protezzjoni ta’ livell għoli li tieħu kont tad-diversità tas-sitwazzjonijiet fid-diversi reġjuni ta’ l-Unjoni. Għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni u fuq il-prinċipji li azzjoni preventiva għandha tittieħed, li l-ħsara lill-ambjent għandha, bħala prijorità tissewwa f’ras il-għajn u li min iniġġeż għandu jħallas.

[...]”

4        Skont l-Artikolu 192(1) TFUE:

“Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea], li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja wara li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [Ewropew] u lill-Kumitat [Ewropew] tar-Reġjuni, għandhom jiddeċiedu liema azzjoni għandha tittieħed mill-Unjoni sabiex twettaq l-objettivi msemmija fl-Artikolu 191.”

 Id-Direttiva 2008/98/KE

5        L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU 2008, L 312, p. 3), intitolat “Ħruġ ta’ permessi”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jesiġu li kwalunkwe stabbiliment jew intrapriża li jkollhom l-intenzjoni li jwettqu trattament ta’ l-iskart jiksbu permess mill-awtorità kompetenti.

Tali permessi għandhom jispeċifikaw ta’ l-inqas dan li ġej:

a)      it-tipi u l-kwantitajiet ta’ skart li jista’ jiġi ttrattat;

b)      għal kull tip ta’ operazzjoni permessa, ir-rekwiżiti tekniċi u kwalunkwe rekwiżit ieħor rilevanti għas-sit ikkonċernat;

ċ)      il-miżuri ta’ prekawzjoni u sigurtà li jridu jittieħdu;

d)      il-metodu li għandu jintuża għal kull tip ta’ operazzjoni;

e)      dawk l-operazzjonijiet ta’ monitoraġġ u ta’ kontroll skond il-ħtieġa;

[...]”

 Id-Direttiva 2010/75/UE

6        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU 2010, L 334, p. 17, rettifika fil-ĠU 2012, L 158, p. 25), intitolat “Obbligu ta’ pussess ta’ permess” jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li ebda installazzjoni jew impjant ta’ kombustjoni, impjant tal-inċinerazzjoni tal-iskart jew impjant tal-koinċinerazzjoni tal-iskart ma jitħaddem mingħajr permess.

[...]”

7        Il-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, intitolat “Dispożizzjonijiet għall-attivitajiet elenkati fl-Anness I”, jinkludi l-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Applikazzjonijiet għal permessi”, li jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li applikazzjoni għal permess tkun tinkludi deskrizzjoni ta’ dan li ġej:

a)      l-installazzjoni u l-attivitajiet tagħha;

b)      il-materja prima u dik awżiljari, sustanzi oħra u l-enerġija użata fi jew ġenerata mill-installazzjoni;

[...]”

8        Il-parti 5 tal-Anness I tal-istess direttiva tinkludi l-immaniġġar tal-iskart fost l-attivitajiet imsemmija minn din tal-aħħar.

 Id-Direttiva 2012/18

9        Skont il-premessi 2, 4, 6, 12, 20 u 16 tad-Direttiva 2012/18:

“(2)      L-inċidenti kbar ħafna drabi jkollhom konsegwenzi serji [...]. Barra minn hekk, limpatt jista’ jestendi lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. Dan jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li tittieħed azzjoni ta’ prekawzjoni xierqa li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni fl-Unjoni kollha għaċ-ċittadini, il-komunitajiet u l-ambjent. Għalhekk, jeħtieġ li jkun żgurat li l-livelli għolja ta’ protezzjoni eżistenti jinżammu almenu l-istess jew jogħlew.

(3)      [...]. Filwaqt li, b’mod ġenerali, id-dispożizzjonijiet eżistenti huma xierqa għall-iskop, diversi bidliet huma meħtieġa sabiex ikomplu jsaħħu l-livell ta’ protezzjoni, partikolarment fir-rigward tal-prevenzjoni ta’ inċidenti kbar. [...]

(4)      Għaldaqstant huwa xieraq li d-Direttiva 96/82/KE [tal-Kunsill tad‑9 ta’ Diċembru 1996 dwar il-kontroll ta’ perikoli ta’ aċċidenti kbar fl-użu ta’ sustanzi perikolużi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 410),] tiġi ssostitwita sabiex jiġi żgurat li l-livell ta’ protezzjoni eżistenti jinżamm u jitjieb aktar, billi d-dispożizzjonijiet isiru aktar effettivi u effiċjenti u, fejn ikun possibbli, billi jitnaqqsu piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa billi jiġu ssemplifikati, bil-kundizzjoni li s-sikurezza u lprotezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem ma jiġux kompromessi. Fl-istess waqt, id-dispożizzjonijiet ġodda għandhom ikunu ċari, koerenti u faċli biex tifhimhom ħalli jgħinu biex jitjiebu l-implimentazzjoni u l-infurzar, filwaqt li l-livell ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent għandu għall-anqas jibqa’ l-istess jew jiżdied. [...]

[...]

(6)      Inċidenti kbar jista’ jkollhom konsegwenzi lil hinn mill-fruntieri, u l-kost ekoloġiku u ekonomiku ta’ inċident jiġġarrab mhux biss mill-istabbiliment affettwat, iżda wkoll mill-Istati Membri kkonċernati. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti u applikati miżuri ta’ sigurtà u ta’ tnaqqis ta’ riskji sabiex jiġu evitati l-inċidenti eventwali, jitnaqqas ir-riskju ta’ inċidenti u jittaffew il-konsegwenzi eventwali, sabiex ikun jista’ jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni fl-Unjoni kollha.

[...]

(12)      L-operaturi jrid ikollhom obbligu ġenerali li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jevitaw inċidenti kbar, itaffu l-konsegwenzi tagħhom u jieħdu miżuri ta’ rkupru. Fejn il-kwantità ta’ sustanzi perikolużi preżenti fi stabbilimenti tkun ogħla minn ċerti kwantitajiet, l-operatur għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti b'informazzjoni suffiċjenti biex din tkun tista’ tidentifika l-istabbiliment, is-sustanzi perikolużi preżenti u l-perikli potenzjali L-operatur irid ifassal ukoll u, f’każ li huwa meħtieġ mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, jibgħat lill-awtorità kompetenti politika ta’ prevenzjoni għal inċidenti kbar (MAPP) li tistabbilixxi l-metodu ġenerali u l-miżuri tal-operatur, inklużi sistemi tal-ġestjoni tas-sikurezza xierqa, biex jikkontrolla l-perikli ta’ inċidenti kbar. Meta l-operaturi jidentifikaw u jevalwaw il-perikli ta’ inċidenti kbar, għandhom jiġu kkunsidrati wkoll is-sustanzi perikolużi li jistgħu jkunu ġġenerati matul inċident gravi fi ħdan stabbiliment.

[...]

(15)      Sabiex jiġi ppruvat li dak kollu li huwa meħtieġ twettaq sabiex jiġu evitati inċidenti kbar, u biex jipprepara pjanijiet ta’ emerġenza u miżuri ta’ reazzjoni, l-operatur irid, fil-każ tal-istabbilimenti fejn is-sustanzi perikolużi jkunu preżenti fi kwantitajiet sinifikanti, jipprovdi lill-awtorità kompetenti bl-informazzjoni fil-forma ta’ rapport dwar is-sikurezza. Dak ir-rapport dwar is-sikurezza għandu jkun fih id-dettalji dwar l-istabbiliment, is-sustanzi perikolużi preżenti, l-istallazzjoni jew il-faċilitajiet tal-ħażna, xenarji ta’ inċidenti kbar possibbli u analiżi tar-riskji, miżuri ta’ prevenzjoni u intervent kif ukoll dwar issistemi ta’ ġestjoni disponibbli, sabiex jiġi evitat u jitnaqqas ir-riskju ta’ inċidenti kbar u sabiex ikunu jistgħu jittieħdu l-passi meħtieġa biex jiġu limitati l-konsegwenzi ta’ dawn. [...]

(16)      Sabiex wieħed jipprepara għall-emerġenzi, fil-każ ta’ stabbilimenti fejn ikun hemm preżenti sustanzi perikolużi fi kwantitajiet sinifikanti, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti pjanijiet interni u esterni ta’ emerġenza u li jiġu stabbiliti proċeduri biex jiġi żgurat li dawk il-pjanijiet jiġu ppruvati u riveduti kif meħtieġ u implimentati f’każ ta’ inċident kbir jew fil-probabbiltà ta’ dan. Il-persunal ta’ stabbiliment għandu jiġi kkonsultat dwar il-pjan intern ta’ emerġenza u l-pubbliku kkonċernat għandu jkollu l-opportunità jesprimu l-opinjoni tiegħu dwar il-pjan estern ta’ emerġenza. [...]”

10      L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2012/18, intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli għall-prevenzjoni ta’ inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi perikolużi, u għal-limitazzjoni tal-konsegwenzi tagħhom għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, bil-ħsieb li jiġu żgurati livelli għoljin ta’ protezzjoni fl-Unjoni kollha b’mod konsistenti u effettiv.”

11      L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-istabbilimenti kif definit fl-Artikolu 3(1).”

12      L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jinkludi, fil-punti 1 sa 3, 5 u 8 sa 12, id-definizzjonijiet li ġejjin:

13      “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)      ‘stabbiliment’ tfisser il-post sħiħ taħt il-kontroll ta’ operatur fejn is-sustanzi perikolużi jkunu preżenti fi stallazzjoni waħda jew aktar, inklużi infrastrutturi jew attivitajiet komuni jew relatati; l-istabbilimenti huma stabbilimenti tal-livelli aktar baxxi jew ta’ livelli ogħla;

2)      ‘stabbiliment tal-livelli aktar baxxi’ tfisser stabbiliment fejn is-sustanzi perikolużi jkunu preżenti fi kwantitajiet li jkunu ugwali għal jew ogħla mill-kwantitajiet elenkati fil-kolonna 2 tal-Parti 1 jew fil-Kolonna 2 tal-Parti 2 tal-Anness I, iżda inqas mill-kwantitajiet elenkati fil-kolonna 3 tal-Parti 1 jew fil-Kolonna 3 tal-Parti 2 tal-Anness I, meta applikabli bl-użu tar-regola ta’ addizzjoni stabbilita fin-nota 4 għall-Anness I;

3)      ‘stabbiliment tal-livelli ogħla’ tfisser stabbiliment fejn is-sustanzi perikolużi jkunu preżenti fi kwantitajiet li jkunu ugwali għal jew ogħla mill-kwantitajiet elenkati fil-kolonna 3 tal-Parti 1 jew tal-Parti 2 [...];

[...]

5)      ‘stabbiliment ġdid’ tfisser

[...]

b)      sit ta’ operazzjoni li jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, jew stabbiliment tal-livelli aktar baxxi li jsir stabbiliment tal-livelli ogħla fuq jew viċi versa, fl‑1 ta’ Ġunju 2015 jew wara minħabba modifiki lill-istallazzjonijiet tiegħu jew attivitajiet li jirriżultaw f'bidla fl-inventarju tiegħu ta’ sustanzi perikolużi;

[...]

8)      ‘stallazzjoni’ tfisser unità teknika fi stabbiliment u kemm jekk fil-livell ta’ jew taħt l-art li fiha s-sustanzi perikolużi jiġu mmanifatturati, użati, immaniġġati jew maħżuna; [...]

9)      ‘operatur’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li topera jew tikkontrolla stabbiliment jew stallazzjoni jew, fejn previst bil-liġi nazzjonali, li lilha jkun ġie ddelegat is-setgħa deċiżiva ekonomika jew tat-teħid tad-deċiżjonijiet fuq il-funzjonament tekniku tal-istabbiliment jew l-istallazzjoni;

10)      ‘sustanza perikoluża’ tfisser sustanza jew taħlita koperta fil-Parti 1 jew elenkata fil-Parti 2 tal-Anness 1 inkluż fil-forma ta’ materja prima, prodott, prodott sekondarju, residwu jew prodott intermedju;

11)      ‘taħlita’ tfisser taħlita jew soluzzjoni komposta minn żewġ sustanzi jew aktar;

12)      ‘preżenza ta’ sustanzi perikolużi’ tfisser il-preżenza effettiva jew antiċipata ta’ sustanzi perikolużi fl-istabbiliment, jew ta’ sustanzi perikolużi li jkun raġonevoli li jiġi previst li jistgħu jiġu ġġenerati matul telf ta’ kontroll fil-proċessi, inklużi l-attivitajiet ta’ ħżin, fi kwalunkwe stallazzjoni fi ħdan stabbiliment, fi kwantitajiet li jkunu ugwali għal jew ogħla mill-kwantitajiet kwalifikattivi stabbiliti fil-Parti 1 jew il-Parti 2 tal-Anness I.”

14      L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2012/18, intitolat “Obbligi ġenerali tal-operatur”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operatur ikun obbligat li jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġu evitati inċidenti kbar u biex jiġu limitati l-konsegwenzi tagħhom għassaħħa tal-bniedem u l-ambjent.”

15      L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, intitolat “Notifika”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-operatur jibgħat notifika lill-awtorità kompetenti li jkollha l-informazzjoni li ġejja:

[...]

d)      informazzjoni suffiċjenti biex jiġu identifikati s-sustanzi perikolużi u l-kategorija tas-sustanzi involuti jew x’aktarx li jkunu preżenti;

e)      il-kwantità u l-forma fiżika tas-sustanzi perikolużi jew tas-sustanzi konċernati;

[...]

2.      In-notifika jew l-aġġornament tagħha għandha tinbagħat lill-awtorità jew awtoritajiet kompetenti f'dawn il-perjodi ta’ żmien li ġejjin:

a)      għal stabbilimenti ġodda, perjodu ta’ żmien raġonevoli qabel il-bidu tal-kostruzzjoni jew l-operat, jew qabel il-modifiki li jwasslu għal bidla tal-inventarju tas-sustanzi perikolużi;

[...]

4.      L-operatur għandu jinforma lill-awtorità kompetenti minn qabel dwar il-każijiet li ġejjin:

a)      kwalunkwe żieda jew tnaqqis sinifikanti fil-kwantità jew bidla sinifikanti fin-natura jew fil-forma fiżika tas-sustanza perikoluża preżenti, kif indikat fin-notifika pprovduta mill-operatur skont il-paragrafu 1, jew kwanlunkwe bidla sinifikanti fil-proċessi li jużaw dik is-sustanza;

b)      modifika ta’ stabbiliment jew stallazzjoni li jista’ jkollha konsegwenzi sinifikanti f’termini ta’ perikli ta’ inċidenti kbar;

[...]”

16      L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Politika ta’ prevenzjoni ta’ inċidenti kbar”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jeħtieġu lill-operatur biex ifassal dokument bil-miktub li jistabbilixxi l-politika ta’ prevenzjoni ta’ inċidenti kbar (MAPP) u li jiżgura li din tiġi implimentata kif xieraq. L-MAPP għandha tkun imfassla biex tassigura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. Din għandha tkun proporzjonata għall-perikli ta’ inċidenti kbar; [...]

2.      L-MAPP għandha titfassal u, meta meħtieġ mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, tintbagħat lill-awtorità kompetenti fil-perjodi ta’ żmien li ġejjin:

a)      għal stabbilimenti ġodda, perjodu ta’ żmien raġonevoli qabel il-bidu tal-kostruzzjoni jew l-operat, jew qabel il-modifiki li jwasslu għal bidla tal-inventarju tas-sustanzi perikolużi;

[...]”

17      L-Artikolu 10 tal-istess direttiva, intitolat “Rapport dwar is-sikurezza”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-Istati Membri għandhom jeżiġu mill-operatur ta’ “stabbiliment tal-livelli ogħla” li jippreżenta rapport dwar is-sigurtà sabiex juri, b’mod partikolari, l-implimentazzjoni ta’ politika ta’ prevenzjoni ta’ inċidenti kbar, l-identifikazzjoni tal-perikoli marbuta ma’ dawn tal-aħħar u x-xenarji possibbli ta’ tali inċidenti, it-teħid tal-miżuri neċessarji sabiex dawn jiġu evitati u li jiġu limitati l-konsegwenzi tagħhom, kif ukoll is-sigurtà u l-affidabbiltà tat-tfassil, tal-kostruzzjoni, tal-operat u tal-manutenzjoni tal-installazzjonijiet ikkonċernati. Skont il-paragrafi 3 u 5 ta’ dan l-Artikolu 10, minn naħa, l-istabbilimenti l-ġodda għandhom jibagħtu r-rapport dwar is-sigurtà lill-awtorità kompetenti f’terminu raġonevoli qabel il-bidu tal-kostruzzjoni jew tal-operat, jew qabel il-modifiki li jwasslu għal bidla fl-inventarju tas-sustanzi perikolużi u, min-naħa l-oħra, l-operatur għandu jeżamina mill-ġdid perjodikament u, jekk ikun il-każ, jaġġorna dan ir-rapport. Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 10(6), l-awtorità kompetenti għandha tikkomunika lill-operatur il-konklużjonijiet tagħha dwar l-imsemmi rapport u, jekk ikun il-każ, tipprojbixxi t-tqegħid fis-servizz jew it-tkomplija tal-operat tal-istabbiliment ikkunsidrat.

18      Skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2012/18, intitolat “Modifika ta’ stallazzjoni, stabbiliment jew faċilità tal-ħażna”:

“F’każ ta’ modifika ta’ stallazzjoni, stabbiliment, faċilità tal-ħażna, jew proċess jew fin-natura jew forma fiżika jew il-kwantità ta’ sustanzi perikolużi li jista’ jkollhom konsegwenzi sinifikanti fuq perikli ta’ inċidenti kbar, jew x'aktarx jirriżultaw fi riklassifikazzjoni ta’ stabbiliment tal-livelli aktar baxxi fi stabbiliment tal-livelli ogħla jew viċi versa, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operatur janalizza u fejn ikun meħtieġ jaġġorna n-notifika, l-MAPP, is-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza u r-rapport ta’ sikurezza u jinforma lill-awtorità kompetenti dwar id-dettalji ta’ dawk l-aġġornamenti qabel ma sseħħ dik il-modifika.”

19      L-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, intitolat “Pjanijiet ta’ emerġenza”, jipprovdi, fil-paragrafu 1(a) u (b) tiegħu, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw, għall-“istabbilimenti ta’ livelli ogħla” kollha, li l-operatur ifassal pjan intern ta’ emerġenza fir-rigward tal-miżuri li għandhom jittieħdu ġewwa l-istabbiliment u jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa lill-awtorità kompetenti sabiex tkun tista’ tistabbilixxi l-pjanijiet esterni ta’ emerġenza, kif ukoll fil-paragrafu 2(a) tagħha, li l-operaturi tal-istabbilimenti l-ġodda josservaw dawn l-obbligi f’terminu raġonevoli qabel il-bidu tal-operat, jew qabel il-modifiki li jwasslu għal bidla fl-inventarju tas-sustanzi perikolużi.

20      L-Anness I tal-imsemmija direttiva, intitolat “Sustanzi perikolużi”, jipprevedi:

“Sustanzi perikolużi koperti mill-kategoriji ta’ periklu elenkati fil-Kolonna 1 tal-Parti 1 ta’ dan l-Anness huma soġġetti għall-kwantitajiet kwalifikattivi ffissati fil-Kolonni 2 u 3 tal-Parti 1.

Meta sustanza perkoluża tkun koperta mill-Parti 1 ta’ dan l-Anness u tkun ukoll elenkata fil-Parti 2, il-kwantitajiet kwalifikattivi ffissati fil-Kolonni 2 u 3 tal-Parti 2 japplikaw.

[...]”

21      In-noti 3 u 5 dwar l-Anness I tal-istess direttiva huma fformulati kif ġej:

“3.      [...]

Il-kwantitajiet li jridu jiġu kkunsidrati għall-applikazzjoni tal-Artikoli rilevanti huma l-kwantitajiet massimi li jkunu preżenti jew li jistgħu jkunu preżenti fi kwalunkwe ħin partikolari. [...]

[...]

5.      Fil-każ ta’ sustanzi perikolużi li mhumiex koperti mir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU 2008, L 353, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2011, L 16, p. 1, fil-ĠU 2016, L 349, p. 1 u fil-ĠU 2019, L 117, p. 8)], inkluż skart, u li madankollu jkunu preżenti, jew li jistgħu jkunu preżenti, fi stabbiliment u li jkollhom, jew jistgħu jkollhom, fil-kundizzjonijiet li jinsabu fl-istabbiliment proprjetajiet ekwivalenti f’termini ta’ potenzjal tagħhom ta’ inċidenti kbar, dawn is-sustanzi huma provviżorjament assenjati lejn l-eqreb kategorija jew is-sustanza perikoluża msemmija li taqa’ fl-ambitu ta’ din id-direttiva.”

 Id-dritt Taljan

22      Id-Direttiva 2012/18 ġiet trasposta fid-dritt Taljan permezz tad-decreto legislativo n. 105 – Attuazione della direttiva 2012/18/UE relativa al controllo del pericolo di incidenti rilevanti connessi con sostanze pericolose (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 105 li jimplimenta d-Direttiva 2012/18/UE dwar il-kontroll ta’ perikli ta’ inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi u taħlitiet perikolużi), tas‑26 ta’ Ġunju 2015 (GURI Nru 161, tal‑14 ta’ Lulju 2015, suppliment ordinarju Nru 38, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 105/2015”). Dan id-digriet leġiżlattiv jindika li ma japplikax għall-istabbilimenti li fihom is-sustanzi perikolużi ma jaqbżux il-livelli iktar baxxi li huwa jistabbilixxi. Min-naħa l-oħra, meta l-preżenza ta’ sustanzi perikolużi tkun bejn il-livelli iktar baxxi u l-livelli ogħla, japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi digriet leġiżlattiv dwar l-“istabbilimenti ta’ livelli iktar baxxi”. Barra minn hekk, l-istess digriet leġiżlattiv japplika fl-intier tiegħu għall-“istabbilimenti tal-livelli ogħla”.

23      L-Artikolu 3(n) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 105/2015 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “preżenza ta’ sustanzi perikolużi” f’termini identiċi għal dawk użati fil-punt 12 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/18.

24      L-Artikolu 13 ta’ dan id-digriet leġiżlattiv, li jirriproduċi, essenzjalment, it-termini tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2012/18, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu, obbligu għall-operatur ta’ stabbiliment li jibgħat, skont il-modalitajiet previsti fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu 13, notifika, stabbilita konformement mal-formola li tinsab fl-Anness 5 tal-imsemmi digriet leġiżlattiv, li tinkludi l-informazzjoni elenkata fil-paragrafu 2 tal-imsemmi Artikolu 13.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

25      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali topera fi Falconara Marittima (l-Italja) impjant ta’ trattament ta’ skart likwidu, perikoluż u mhux perikoluż, skont permess ambjentali integrat, maħruġ fil‑5 ta’ Settembru 2012 mill-provinċja ta’ Ancona (l-Italja), li jippermettilha taħżen sa 800 tunnellata ta’ skart perikoluż kif ukoll li tittratta sa 200 tunnellata skart ta’ dan it-tip kuljum.

26      Fit‑18 ta’ Frar 2020, grupp ta’ ħidma stabbilit fi ħdan il-Kumitat Tekniku, li jaġixxi bħala awtorità kompetenti, fis-sens tad-Direttiva 2012/18, ikkonkluda li l-istabbiliment tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma setax jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Taljana dwar il-kontroll tal-perikoli marbuta ma’ inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi perikolużi u b’mod partikolari minn dak tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 105/2015.

27      Konsegwentement, il-Kumitat Tekniku, permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Mejju 2020, intima lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sabiex tippreżenta n-notifika prevista fl-Artikolu 13 ta’ dan id-Digriet Leġiżlattiv, kif ukoll ir-rapport dwar is-sigurtà msemmi wkoll mill-imsemmi digriet leġiżlattiv.

28      Wara proċedura ġdida ta’ spezzjoni, il-Kumitat Tekniku, permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Novembru 2020, tenna din l-intimazzjoni u indika li, fin-nuqqas ta’ dan, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kellha tillimita fiżikament l-użu ta’ parti mit-tankijiet li kienu jinsabu fl-istabbiliment tagħha, b’mod li ma jinqabżux il-limiti previsti mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 105/2015.

29      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkontestat din l-aħħar deċiżjoni quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per le Marche (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Marche, l-Italja), li ċaħdet ir-rikors tagħha permezz ta’ sentenza tat‑23 ta’ Ġunju 2021.

30      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellat din is-sentenza quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), li huwa l-qorti tar-rinviju, billi sostniet li l-leġiżlazzjoni Taljana kkonċernata kienet tmur kontra d-dritt tal-Unjoni dwar il-kontroll ta’ perikoli marbuta ma’ inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi perikolużi u billi talbet, għalhekk, lil din il-qorti tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-punt 12 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/18.

31      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Jannar 2022, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel l-ewwel talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura fil-kawża prinċipali. Permezz ta’ din it-talba, il-qorti tar-rinviju għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja tliet domandi preliminari, li l-ewwel tnejn minnhom kienu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 267 TFUE fir-rigward, minn naħa, tad-dritt għal qorti nazzjonali tal-aħħar istanza li tastjeni milli tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda preliminari meta hija tqis li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni kkonċernata ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli u, min-naħa l-oħra, il-konformità ma’ dan l-Artikolu 267 ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li tiġi stabbilita r-responsabbiltà ċivili u dixxiplinari ta’ tali qorti nazzjonali minħabba ċ-ċaħda, minnha, ta’ talba, ifformulata minn waħda mill-partijiet fil-kawża pendenti quddiemha, li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari. It-tielet domanda preliminari, magħmula fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tirrispondi fl-affermattiv għall-ewwel żewġ domandi, kienet tirrigwarda l-konformità mal-punt 12 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/18 ta’ prattika intiża li tistabbilixxi l-kwantitajiet ta’ sustanzi perikolużi preżenti ġewwa impjant ta’ trattament tal-iskart.

32      Permezz ta’ digriet tal‑15 ta’ Diċembru 2022, Società Eredi Raimondo Bufarini (C‑144/22, EU:C:2022:1013), il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet għall-ewwel domanda, essenzjalment, li l-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux ikunu suġġetti għal rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt intern tista’ tastjeni milli tagħmel quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja domanda ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u ssolviha taħt ir-responsabbiltà tagħha stess meta l-interpretazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni tkun tant ovvja li ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli. L-eżistenza ta’ tali possibbiltà għandha tiġi evalwata abbażi tal-karatteristiċi proprji tad-dritt tal-Unjoni, tad-diffikultajiet partikolari li tagħti lok għalihom l-interpretazzjoni ta’ dan tal-aħħar u tar-riskju ta’ diverġenzi fil-ġurisprudenza fi ħdan l-Unjoni.

33      Hija ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li tali qorti nazzjonali ma hijiex obbligata li tipprova b’mod iddettaljat li l-qrati l-oħra tal-aħħar istanza tal-Istati Membri u l-Qorti tal-Ġustizzja kienu jagħtu l-istess interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kkonċernati, iżda għandha tkun kisbet, wara evalwazzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi msemmija iktar ’il fuq, il-konvinzjoni li l-istess konklużjoni tkun evidenti għal dawn il-qrati nazzjonali l-oħra u għall-Qorti tal-Ġustizzja.

34      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’dan id-digriet, li t-tieni domanda, imsemmija fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, kienet inammissibbli, peress li ma kellha ebda rabta mas-suġġett tal-kawża prinċipali u li, fid-dawl tar-risposta għall-ewwel domanda magħmula, ma kienx neċessarju li tingħata risposta għat-tielet domanda.

35      Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet, fil-kuntest tal-istess kawża prinċipali, li tagħmel mill-ġdid lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2012/18. Hija tqis, fil-fatt, li għad hemm dubju raġonevoli dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

36      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni, f’dan ir-rigward, quddiem il-qorti tar-rinviju, li, skont id-dritt tal-Unjoni dwar il-kontroll tal-perikoli marbuta ma’ inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi perikolużi, l-operatur ta’ impjant ta’ trattament tal-iskart għandu jkun jista’ jipprova li l-preżenza ta’ tali sustanzi ġewwa l-istabbiliment tiegħu qatt ma tilħaq il-livelli iktar baxxi, fis-sens tad-Direttiva 2012/18, permezz ta’ sistema ta’ ġestjoni li tippermetti li jiġu ssorveljati b’mod kontinwu s-sustanzi preżenti f’dan l-impjant. Għalhekk, il-leġiżlazzjoni Taljana li ma taċċettax tali soluzzjoni tmur kontra din id-direttiva.

37      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “preżenza ta’ sustanzi perikolużi”, li jinsab fil-punt 12 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/18, hija determinanti għas-soluzzjoni tat-tilwima li għandha quddiemha, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-possibbiltà li tali preżenza tiġi evalwata permezz tas-sistema invokata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

38      Barra minn hekk, din il-qorti tqis li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2012/18 hija wkoll rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk l-awtorità kompetenti Taljana kinitx obbligata tawtorizza lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tikkomunika l-informazzjoni li tippermetti li tiġi identifikata l-preżenza ta’ sustanzi perikolużi skont modalitajiet differenti minn dawk previsti mil-leġiżlazzjoni Taljana u, konsegwentement, jekk l-intimazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex legali jew le. Skont din il-qorti, dan l-Artikolu 7 jħalli lill-Istati Membri l-libertà li jagħżlu l-metodu l-iktar xieraq li permezz tiegħu l-operatur għandu jikkomunika din l-informazzjoni. Billi teżiġi, b’mod ġenerali, li l-“effettività tas-sistema” tiġi żgurata, din id-direttiva ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jagħżlu metodu wieħed u uniku ta’ komunikazzjoni tal-imsemmija informazzjoni. Madankollu, il-kunċett ta’ “notifika”, użat fl-imsemmi Artikolu 7, jissuġġerixxi li l-imsemmija direttiva ma timponix modalità konkreta għal tali komunikazzjoni. Barra minn hekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Istati Membri jistgħux jimponu modalità unika ta’ notifika, għandhom jiġu bbilanċjati, minn naħa, il-prinċipji ta’ kompetizzjoni libera u ta’ libertà ta’ stabbiliment u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li jiġu protetti l-ambjent u s-sigurtà.

39      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-definizzjoni ta’ ‘preżenza ta’ sustanzi perikolużi’ li tinsab fil-punt 12 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-[Direttiva 2012/18] tipprekludi prassi li biha t-tbassir tal-kwantitajiet ta’ sustanzi perikolużi preżenti f’impjant ta’ ttrattament tal-iskart isir permezz ta’ proċedura operattiva implimentata mill-operatur (u possibbilment tingħata l-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 23 tad-[Direttiva 2008/98] jew fl-Artikolu 4 tad-[Direttiva 2010/75]), li, billi jikklassifika skart bħala taħlita fis-sens tal-punt 11 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/18/UE, jipprevedi monitoraġġ kostanti tal-kwantità ta’ sustanzi perikolużi preżenti fl-impjant u jiżgura li l-limiti minimi u massimi stabbiliti rispettivament fil-kolonni 2 u 3 tal-Anness 1 tad-Direttiva 2012/18/UE ma jinqabżux?

2)      L-Artikolu 7 tad-[Direttiva 2012/18], li jipprevedi li l-operatur għandu l-obbligu li jibgħat ‘notifika lill-awtorità kompetenti’ li jkun fiha l-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 7(1) tal-istess direttiva, interpretat fid-dawl tal-prinċipji tal-kompetizzjoni u tal-libertà tal-istabbiliment, jipprekludi regola bħal dik stabbilita fl-Artikolu 13(1), (2) u (5) tad-[Digriet Leġiżlattiv Nru 105/2015] li jipprevedi li l-komunikazzjoni tal-informazzjoni għandha ssir esklużivament permezz ta’ ‘komunikazzjoni, imfassla skont il-formola li tinsab fl-Anness 5’ (paragrafu 1), ‘iffirmata skont il-forom ta’ awtoċertifikazzjoni konformement mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ’ (paragrafu 2), ‘mibgħuta mill-operatur lid-destinatarji msemmija fil-paragrafu 1 fil-forma elettronika bl-użu tasservizzi u tal-istrumenti ta’ trażmissjoni distanti li jinsabu għad-dispożizzjoni permezz tal-inventarju tal-istabbilimenti li jistgħu jikkawżaw inċidenti fis-sens tal-Artikolu 5(3)’ jew ‘esklużivament permezz ta’ posta elettronika ċċertifikata b’firma diġitali’ (paragrafu 5), li teskludi, f’dak li jirrigwarda din it-tilwima, metodu ta’ komunikazzjoni mwettaq permezz ta’ “proċedura operattiva implimentata mill-operatur” li tipprevedi l-monitoraġġ kostanti tal-kwantità ta’ sustanzi perikolużi preżenti fl-impjant u jiżgura li l-limiti minimi u massimi stabbiliti rispettivament fil-kolonni 2 u 3 tal-Anness 1 tad-[Direttiva 2012/18] ma jinqabżux?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

40      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 12 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/18 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi prattika, possibbilment adottata fl-awtorizzazzjoni għall-immaniġġar tal-iskart maħruġa mill-awtorità amministrattiva kompetenti, li tipprovdi li, sabiex tiġi evalwata l-“preżenza ta’ sustanzi perikolużi” fi stabbiliment, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u sabiex jiġi pprovat li l-kwantitajiet tagħhom fl-ebda mument ma jilħqu l-kwantitajiet indikati fil-Parti 1 jew fil-Parti 2 tal-Anness I ta’ din id-direttiva, ma huwiex awtorizzat li wieħed jibbaża ruħu biss fuq sistema ta’ mmaniġġar implimentata mill-operatur ta’ dan l-istabbiliment u li tiżgura s-sorveljanza kontinwa ta’ tali sustanzi effettivament preżenti ġewwa fih.

41      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2012/18 jipprovdi li din tapplika għall-istabbilimenti kif iddefiniti fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva. Hekk kif jirriżulta mill-qari flimkien tal-punti 1 sa 3 u 10 ta’ dan l-Artikolu 3, il-kunċett ta’ “stabbiliment” jindika s-sit kollu li jinsab taħt il-kontroll ta’ operatur fejn sustanzi perikolużi li jaqgħu taħt il-parti 1 jew li jinsabu fil-parti 2 tal-Anness I tal-imsemmija direttiva jinsabu f’installazzjoni waħda jew iktar fi kwantitajiet daqs jew iktar mill-kwantitajiet indikati f’dan l-Anness I.

42      Minn dan isegwi li l-kwantitajiet ta’ sustanzi perikolużi preżenti fi stabbiliment jiddeterminaw jekk dan jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2012/18. Fil-fatt, ma jaqgħux l-istabbilimenti li fihom dawn is-sustanzi huma preżenti fi kwantitajiet inqas mil-livelli indikati fil-kolonna 2 tal-Anness I ta’ din id-direttiva, parti 1 jew parti 2. Barra minn hekk, skont dawn il-kwantitajiet, l-istabbilimenti huma kklassifikati bħala “stabbilimenti ta’ livelli iktar baxxi” jew “stabbilimenti ta’ livelli ogħla”, fis-sens, rispettivament, tal-punt 2 tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva u tal-punt 3 ta’ dan l-Artikolu 3. Din il-klassifikazzjoni tikkundizzjona l-portata tal-obbligi imposti, skont l-istess direttiva, fuq l-Istat Membru u fuq l-operatur ikkonċernati.

43      Il-punt 12 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/18, li l-interpretazzjoni tiegħu hija mitluba mill-qorti tar-rinviju, jiddefinixxi l-kunċett ta’ “‘preżenza ta’ sustanzi perikolużi’ bħala l-preżenza effettiva jew antiċipata ta’ tali sustanzi fl-istabbiliment, jew ta’ sustanzi perikolużi li jkun raġonevoli li jiġi previst li dawn jistgħu jiġu prodotti f’każ ta’ telf ta’ kontroll tal-proċessi f’installazzjoni ġewwa l-istabbiliment, fi kwantitajiet ugwali jew superjuri għall-“kwantitajiet livelli” stabbiliti fil-parti 1 jew fil-parti 2 tal-Anness I ta’ din id-direttiva.

44      Din id-dispożizzjoni tipprevedi għalhekk tliet sitwazzjonijiet li fihom għandu jitqies li sustanzi perikolużi huma “preżenti” fi stabbiliment, jiġifieri meta tiġi kkonstatata l-preżenza effettiva ta’ tali sustanzi f’ċerti kwantitajiet, meta din il-preżenza tkun antiċipata jew meta tkun raġonevolment prevedibbli fil-każ ta’ telf ta’ kontroll tal-proċessi.

45      Issa, peress li t-termini “preżenza effettiva”, “preżenza antiċipata” u “sustanzi perikolużi li jkun raġonevoli li jiġi previst li jistgħu jiġu ġġenerati matul telf ta’ kontroll fil-proċessi” ma humiex iddefiniti mid-Direttiva 2012/18 u peress li din ma tirreferix għad-dritt tal-Istati Membri biex isir dan, hemm lok, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, li jiġu stabbiliti t-tifsira u l-portata ta’ dawn it-termini konformement mas-sens abitwali tagħhom fil-lingwaġġ kurrenti, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Ottubru 2011, Brüstle, C‑34/10, EU:C:2011:669, punti 25 u 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑12 ta’ Frar 2026, Stichting Koskea, C‑490/24, EU:C:2026:89, punt 24).

46      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, f’dak li jirrigwarda, qabelxejn, is-sens abitwali ta’ dawn it-termini, l-ewwel, li l-“preżenza effettiva” ta’ sustanza perikoluża timplika l-eżistenza effettiva jew ipprovata tagħha, it-tieni, li l-“preżenza antiċipata” ta’ tali sustanza tista’ tinftiehem bħala li tirreferi għal sustanza li huwa previst jew ippjanat li tinxtara jew li tiġi prodotta, u it-tielet, li l-preżenza ta’ sustanza perikoluża li fir-rigward tagħha huwa “raġonevoli li [t]iġi previst[a]” l-produzzjoni fil-każ ta’ telf ta’ kontroll tal-proċessi hija intiża għas-seħħ ta’ avveniment li jista’ raġonevolment jiġi previst f’ċirkustanzi partikolari.

47      Minn dan isegwi li l-punt 12 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/18 ikopri kemm is-sustanzi perikolużi effettivament preżenti, f’ċerti kwantitajiet, fi stabbiliment, kif ukoll dawk li l-preżenza tagħhom fih hija prevista jew raġonevolment prevedibbli f’ċerti ċirkustanzi. Għalhekk, l-assenza reali ta’ tali sustanzi fi stabbiliment f’mument partikolari ma hijiex biżżejjed waħedha sabiex dan tal-aħħar jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2012/18 skont l-Artikoli 2 u 3 tagħha, peress li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-preżenza antiċipata jew raġonevolment prevedibbli tagħhom.

48      Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li din l-interpretazzjoni letterali tal-punt 12 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/18 hija kkorroborata mill-kuntest li fih din id-dispożizzjoni tagħmel parti.

49      B’mod partikolari, l-imsemmija dispożizzjoni tirreferi, sabiex jiġu ddeterminati l-kwantitajiet ta’ sustanzi perikolużi preżenti fi stabbiliment, għall-“kwantitajiet livelli” stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 2012/18. Issa, konformement man-nota 3 relatata ma’ dan l-Anness I, il-kwantitajiet li għandhom jiġu kkunsidrati għall-applikazzjoni tal-artikoli kkonċernati minn din id-direttiva huma l-kwantitajiet massimi li jkunu preżenti jew li jistgħu jkunu preżenti fi stabbiliment fi kwalunkwe mument. In-nota 5 dwar l-imsemmi Anness I issemmi wkoll, fir-rigward tal-assenjazzjoni tagħhom għal kategorija partikolari ta’ sustanzi perikolużi, sustanzi preżenti jew li jistgħu jkunu preżenti fi stabbiliment.

50      Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-premessa 12 tad-Direttiva 2012/18, l-operaturi għandhom l-obbligu ġenerali li jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jipprevjenu l-inċidenti kbar, sabiex itaffu l-konsegwenzi tagħhom u sabiex jieħdu miżuri ta’ rkupru, billi jieħdu inkunsiderazzjoni wkoll sustanzi perikolużi li jistgħu jiġu prodotti matul inċident gravi fl-istabbiliment. Konformement mal-Artikolu 5(1) kif ukoll mal-Artikoli 7 u 8 ta’ din id-direttiva, moqrija fid-dawl ta’ din il-premessa 12, l-operaturi huma obbligati, għal dawn il-finijiet, b’mod partikolari, li jikkomunikaw lill-awtorità kompetenti l-informazzjoni neċessarja sabiex tkun tista’ tidentifika s-sustanzi perikolużi preżenti jew li jistgħu jkunu preżenti, inklużi l-kategorija tagħhom, il-kwantità tagħhom u l-forma fiżika tagħhom, li jinformaw lil din l-awtorità minn qabel fil-każ ta’ bidliet sinjifikattivi li jaffettwaw l-elementi msemmija fl-imsemmija dispożizzjonijiet kif ukoll li jfasslu u, jekk ikun il-każ, li jindirizzaw lil din l-awtorità dokument li jiddefinixxi l-politika tagħhom ta’ prevenzjoni ta’ inċidenti kbar.

51      Barra minn hekk, skont l-Artikoli 10 u 12 tad-Direttiva 2012/18, moqrija fid-dawl tal-premessi 15 u 16 tagħha, sabiex jintwera li dak li kien neċessarju kien sar fil-qasam tal-prevenzjoni tal-inċidenti kbar, l-“istabbilimenti ta’ livelli ogħla” għandhom jippreparaw rapporti dwar is-sigurtà u l-pjanijiet ta’ emerġenza li jinkludu, b’mod partikolari, preċiżazzjonijiet dwar ix-xenarji possibbli ta’ tali inċidenti, l-analiżi tar-riskji u l-miżuri ta’ prevenzjoni.

52      Mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 49 u 50 ta’ din is-sentenza jirriżulta wkoll li, f’ċerti każijiet, b’mod partikolari fil-każ ta’ stabbilimenti ġodda, id-dokumenti li jirreferu għalihom għandhom jiġu ppreparati u, jekk ikun il-każ, ipprovduti lill-awtorità kompetenti qabel il-bidu tal-kostruzzjoni jew tal-operat ta’ tali stabbilimenti. Minbarra dan, din l-awtorità għandha teżamina r-rapport dwar is-sigurtà minn qabel u tista’, jekk ikun il-każ, wara tali eżami, tipprojbixxi t-tqegħid fis-servizz jew it-tkomplija tal-operat tal-istabbiliment ikkonċernat.

53      Barra minn hekk, l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2012/18 jipprevedi li, fil-każ ta’ bidliet relatati, b’mod partikolari, mal-istabbilimenti, mal-installazzjonijiet jew mas-sustanzi perikolużi, li jista’ jkollhom konsegwenzi sinjifikattivi fuq il-livell tal-perikoli marbuta mal-inċidenti kbar, jew li jista’ jkollhom bħala konsegwenza li “stabbiliment ta’ livelli iktar baxxi” isir “stabbiliment ta’ livelli ogħla”, jew viċi versa, l-operaturi għandhom, qabel ma jwettqu tali bidliet, jeżaminaw mill-ġdid u, jekk ikun il-każ, jaġġornaw in-notifika, il-politika ta’ prevenzjoni ta’ inċidenti kbar, is-sistema ta’ ġestjoni tas-sigurtà u r-rapport dwar is-sigurtà, kif ukoll jipprovdu lill-imsemmija awtorità l-preċiżazzjonijiet meħtieġa kollha.

54      Mill-kontenut tal-obbligi msemmija fil-punti 49 sa 52 ta’ din is-sentenza jirriżulta li dawn huma ta’ natura preventiva. Għalhekk, l-osservanza ta’ dawn l-obbligi teħtieġ, sabiex jinżamm l-effett utli tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati tad-Direttiva 2012/18 u sabiex jiġi żgurat it-twettiq tal-għanijiet imfittxija minnha, li l-imsemmija obbligi jiġu implimentati suffiċjentement minn qabel sabiex tiġi ggarantita evalwazzjoni minn qabel tar-riskji ta’ inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi perikolużi.

55      Tali natura preventiva teskludi għalhekk interpretazzjoni tal-punt 12 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/18 li tgħid li s-sempliċi assenza effettiva, fi stabbiliment, tal-kwantitajiet ikkonċernati ta’ sustanzi perikolużi f’mument partikolari teħles lill-operatur ta’ dan l-istabbiliment mill-obbligi msemmija iktar ’il fuq. Fil-fatt, il-mekkaniżmu ta’ kontroll tal-inċidenti kbar stabbilit minn din id-direttiva huwa maħsub b’tali mod li l-varjazzjonijiet fil-kwantitajiet ta’ dawn is-sustanzi, preżenti jew li jistgħu jkunu preżenti fi stabbiliment, jittieħdu inkunsiderazzjoni, billi jitqiesu, hekk kif jirriżulta mill-punt 48 ta’ din is-sentenza, bħala punt ta’ referenza l-kwantitajiet massimi tal-imsemmija sustanzi.

56      Fl-aħħar nett, tali interpretazzjoni letterali u kuntestwali tal-punt 12 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/18 tippermetti wkoll li tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-għanijiet ta’ din id-direttiva, li hija intiża, konformement mal-Artikolu 1 tagħha, moqri fid-dawl tal-premessi 2 sa 4 u 6 tagħha, sabiex issaħħaħ, b’mod koerenti u effikaċi fl-Unjoni kollha, il-livell ta’ protezzjoni relatat mal-prevenzjoni tal-inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi perikolużi u mal-limitazzjoni tal-konsegwenzi tagħhom għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent, li jippreżupponi l-istabbiliment u l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ sigurtà u ta’ tnaqqis tar-riskji. Barra minn hekk, din il-premessa 2 issemmi l-ħtieġa li jittieħdu “azzjoni[jiet] ta’ prekawzjoni xierqa”.

57      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li d-Direttiva 2012/75 ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 192(1) TFUE, dwar l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Unjoni fil-qasam tal-ambjent bil-għan li jitwettqu l-għanijiet previsti fl-Artikolu 191 TFUE. Dan l-aħħar artikolu jipprovdi, fl-ewwel u fit-tieni inċiż tal-paragrafu 1 tiegħu, li l-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent għandha tikkontribwixxi sabiex jinkisbu l-għanijiet ta’ salvagwardja, ta’ ħarsien u ta’ titjib tal-kwalità tal-ambjent kif ukoll ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-persuni. Skont il-paragrafu 2 tal-imsemmi Artikolu 191, il-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent għandha timmira lejn livell għoli ta’ protezzjoni u għandha tkun ibbażata, b’mod partikolari, fuq il-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ azzjoni preventiva, Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent kif ukoll il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem huma żewġ komponenti marbuta mill-qrib ma’ din il-politika, li taħtha taqa’ d-Direttiva 2012/18. Ir-regoli stabbiliti minnha huma għalhekk il-konkretizzazzjoni tal-obbligi tal-Unjoni fil-qasam ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem, li jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-Artikolu 191(1) u (2) TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2024, Ilva  et, C‑626/22, EU:C:2024:542, punti 67, 68 u 70).

58      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikazzjoni korretta tal-prinċipju ta’ prekawzjoni tippreżumi, fl-ewwel lok, l-identifikazzjoni tal-konsegwenzi potenzjalment negattivi għall-ambjent tas-sustanzi perikolużi kkonċernati u, fit-tieni lok, evalwazzjoni komprensiva tar-riskju għall-ambjent ibbażata fuq id-data xjentifika disponibbli l-iktar affidabbli u fuq ir-riżultati l-iktar reċenti tar-riċerka internazzjonali. Meta jirriżulta impossibbli li tiġi ddeterminata b’ċertezza l-eżistenza jew il-portata tar-riskju allegat minħabba n-natura insuffiċjenti, mhux konklużiva jew mhux preċiża tar-riżultati tal-istudji magħmula, iżda li l-probabbiltà ta’ dannu effettiv għall-ambjent jippersisti fl-ipoteżi fejn ir-riskju jimmaterjalizza ruħu, il-prinċipju ta’ prekawzjoni jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi, sakemm dawn ma jkunux diskriminatorji u jkunu oġġettivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Verlezza  et, C‑487/17 sa C‑489/17, EU:C:2019:270, punti 57 u 58 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

59      Għalhekk, fid-dawl tan-neċessità li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni u l-osservanza tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, il-kunċett ta’ “preżenza ta’ sustanzi perikolużi”, fis-sens tal-punt 12 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/18, ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2020, Sappi AustriaProduktion u Wasserverband “RegionGratkorn-Gratwein”, C‑629/19, EU:C:2020:824, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

60      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li, anki jekk sistema ta’ sorveljanza kontinwa tas-sustanzi perikolużi effettivament preżenti f’mument partikolari ġewwa stabbiliment tista’ tipprovdi indizji validi fir-rigward tal-“preżenza effettiva” ta’ tali sustanzi f’dan l-istabbiliment, din is-sistema ma tippermettix, waħedha, li tiġi ddeterminata l-“preżenza ta’ sustanzi perikolużi” fl-imsemmi stabbiliment, fis-sens tal-punt 12 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/18.

61      Barra minn hekk, fir-rigward taċ-ċirkustanzi li jikkostitwixxu indizji ta’ “preżenza antiċipata” ta’ sustanzi perikolużi fi stabbiliment jew ta’ preżenza “raġonevolment prevedibbli” ta’ tali sustanzi fil-każ ta’ telf ta’ kontroll tal-proċessi, fis-sens ta’ dan il-punt 12 tal-Artikolu 3, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-punti 45, 46, 53 u 54 ta’ din is-sentenza, dawn il-kunċetti jirrigwardaw is-sustanzi perikolużi li jistgħu jkunu preżenti f’dan l-istabbiliment, jiġifieri dawk li l-preżenza tagħhom hija prevista jew raġonevolment prevedibbli u li għandha tiġi evalwata minn qabel billi jitqiesu bħala punt ta’ referenza l-kwantitajiet massimi ta’ dawn is-sustanzi.

62      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tan-neċessità li dawn il-kwantitajiet massimi jiġu antiċipati b’mod raġonevoli, fost iċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-punt preċedenti hemm il-kapaċitajiet massimi tal-istabbiliment ikkonċernat sabiex jaħżen jew jittratta sustanzi perikolużi fid-dawl tal-awtorizzazzjoni ta’ operat li l-operatur ta’ dan tal-aħħar ikollu. Fil-fatt, tali awtorizzazzjoni, evalwata, jekk ikun il-każ, flimkien ma’ elementi rilevanti oħra, tippermetti, bħala prinċipju, li jiġu evalwati b’mod oġġettiv il-kwantitajiet massimi ta’ sustanzi perikolużi preżenti jew li jistgħu jkunu preżenti f’dan l-istabbiliment.

63      Din il-konstatazzjoni tapplika b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-awtorizzazzjonijiet previsti, rispettivament, fl-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/98 u fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2010/75, li għalihom jirreferu kemm il-qorti tar-rinviju kif ukoll ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, filwaqt li huwa nnotat, barra minn hekk, li dawn id-direttivi ġew adottati, bħal fil-każ tad-Direttiva 2012/18, sabiex tiġi implimentata l-politika tal-ambjent tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, l-ewwel, mill-kliem stess tal-paragrafu 1(a) ta’ dan l-Artikolu 23 jirriżulta li l-awtorizzazzjonijiet li jikkonċernaw l-immaniġġar ta’ skart jiddeterminaw tal-inqas it-tipi u l-kwantitajiet ta’ skart li jistgħu jiġu ttrattati.

64      It-tieni, konformement mal-Artikoli 4 u 12 tad-Direttiva 2010/75, moqrija fid-dawl tal-parti 5 tal-Anness I tagħha, installazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, li jinkludu dawk li jwettqu l-immaniġġar ta’ skart, ma jistgħux jitħaddmu mingħajr awtorizzazzjoni. Issa, il-ħruġ ta’ tali awtorizzazzjoni jimplika d-determinazzjoni, b’mod partikolari, tal-materji primi u awżiljarji u tas-sustanzi l-oħra użati fi jew prodotti mill-installazzjoni kkonċernata. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-evalwazzjoni minn qabel tal-effetti tal-attività ta’ tali impjant kemm fuq l-ambjent kif ukoll fuq is-saħħa tal-bniedem għandha tkun parti integrali mill-proċeduri ta’ ħruġ u ta’ eżami mill-ġdid ta’ din l-awtorizzazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2024, Ilva  et, C‑626/22, EU:C:2024:542, punt 105).

65      Konsegwentement, qorti nazzjonali adita b’tilwima dwar l-applikabbiltà, għall-istabbiliment ikkonċernat, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta d-Direttiva 2012/18, u, b’mod partikolari, dwar l-evalwazzjoni tal-“preżenza ta’ sustanzi perikolużi” ġewwa dan l-istabbiliment, għandha tivverifika jekk sustanzi perikolużi li jaqgħu taħt l-Anness I ta’ din id-direttiva humiex realment preżenti fih fi kwantitajiet ugwali jew ogħla minn dawk imsemmija f’dan l-Anness I jew jekk tali preżenza hijiex antiċipata jew raġonevolment prevedibbli. Din il-verifika għandha ssir billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni, filwaqt li tiġi żgurata l-osservanza tal-għan imfittex mill-imsemmija direttiva u s-salvagwardja tal-effikaċja tagħha.

66      Barra minn hekk, ċerti ċirkustanzi jistgħu jikkostitwixxu indizji validi ta’ “preżenza ta’ sustanzi perikolużi”, fis-sens tal-punt 12 tal-Artikolu 3 tal-istess direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2020, Sappi AustriaProduktion u Wasserverband “RegionGratkornGratwein”, C‑629/19, EU:C:2020:824, punt 45). Fost tali ċirkustanzi hemm il-kwantitajiet massimi ta’ sustanzi li stabbiliment jista’ jaħżen jew jittratta konformement ma’ awtorizzazzjoni ta’ operat, speċjalment meta din tkun inħarġet b’applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni li timplimenta d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fil-punti 62 u 63 ta’ din is-sentenza.

67      Fid-dawl ta’ dawn ir-raġunijiet kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt 12 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/18 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix prattika, possibbilment adottata fl-awtorizzazzjoni ta’ mmaniġġar tal-iskart maħruġa mill-awtorità amministrattiva kompetenti, li tipprovdi li, sabiex tiġi evalwata l-“preżenza ta’ sustanzi perikolużi” fi stabbiliment, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u sabiex jiġi pprovat li l-kwantitajiet tagħhom fl-ebda mument ma jilħqu l-kwantitajiet indikati fil-parti 1 jew fil-parti 2 tal-Anness I ta’ din id-direttiva, ma huwiex awtorizzat li tittieħed bħala bażi unikament sistema ta’ ġestjoni implimentata mill-operatur ta dan l-istabbiliment u li tiżgura s-sorveljanza kontinwa ta’ tali sustanzi effettivament preżenti ġewwa fih.

 Fuq it-tieni domanda

68      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2012/18 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi li notifika tal-informazzjoni kkonċernata lill-awtorità kompetenti, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 7, issir esklużivament permezz ta’ formola stabbilita minn din il-leġiżlazzjoni u li ssegwi l-modalitajiet previsti minnha, li jeskludi l-possibbiltà li ssir tali notifika permezz ta’ sistema ta’ ġestjoni implimentata mill-operatur ta’ stabbiliment u li tiżgura s-sorveljanza kontinwa tas-sustanzi perikolużi effettivament preżenti fih.

69      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li din id-domanda hija manifestament inammissibbli, sa fejn hija nieqsa minn rabta mal-kawża prinċipali.

70      Għandha titfakkar, f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li hija biss il-qorti nazzjonali li hija adita bit-tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex hija tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, li jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Għaldaqstant, peress li d-domanda magħmula tirrigwarda l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, hija marbuta li tagħti deċiżjoni, ħlief jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għall-imsemmija domanda (sentenzi tat‑13 ta’ Lulju 2000, Idéal tourisme, C‑36/99, EU:C:2000:405, punt 20, u tal‑20 ta’ Marzu 2025, Arce, C‑365/23, EU:C:2025:192, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

71      F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, ċertament, li d-Digriet Leġiżlattiv Nru 105/2015, applikabbli għall-kawża prinċipali, ittraspona fid-dritt Taljan l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2012/18, li jirrigwarda n-neċessità għall-Istati Membri li jeżiġu mill-operatur li jibgħat lill-awtorità kompetenti notifika li tinkludi l-informazzjoni dwar, b’mod partikolari, l-istabbiliment ikkonċernat u s-sustanzi perikolużi li jinsabu ġewwa fih.

72      Madankollu, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tikkontesta l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Tekniku, li jaġixxi bħala awtorità kompetenti, billi ssostni li l-impjant ta’ trattament ta’ skart likwidu li hija topera ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-digriet leġiżlattiv. L-illegalità ta’ din id-deċiżjoni tirriżulta mill-interpretazzjoni żbaljata, minn din l-awtorità, tal-kunċett ta’ “preżenza ta’ sustanzi perikolużi”, kif iddefinit minn dispożizzjoni nazzjonali li tittrasponi fid-dritt Taljan il-punt 12 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/18. Fil-fatt, skont din ir-rikorrenti, l-imsemmija awtorità qieset b’mod żbaljat li sistema ta’ ġestjoni, bħal dik li hija implimentat, ma kinitx tippermetti li tiġi pprovata, waħedha, l-assenza ta’ tali sustanzi f’dan l-impjant.

73      Għalhekk, minn ebda element tal-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta li l-kawża prinċipali tirrigwarda l-modalitajiet ta’ komunikazzjoni tal-informazzjoni meħtieġa skont dispożizzjonijiet nazzjonali li ttrasponew l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2012/18 u, b’mod partikolari, fuq il-fatt li dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu modalità unika għal tali komunikazzjoni. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta kemm mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, hija tinvoka s-sistema ta’ ġestjoni li hija stabbilixxiet mhux bħala modalità ta’ notifika tal-informazzjoni elenkata mill-imsemmija dispożizzjonijiet, iżda bħala mezz sabiex tiġi pprovata l-assenza, fl-istabbiliment tagħha, ta’ sustanzi perikolużi f’kwantitajiet meħtieġa sabiex id-Digriet Leġiżlattiv Nru 105/2015 japplika. Issa, dan l-Artikolu 7 ma jirregolax il-mezzi ta’ prova tal-preżenza ta’ sustanzi perikolużi fi stabbiliment, iżda huwa intiż li jikkonkretizza l-obbligu għall-operaturi tal-“istabbilimenti ta’ livelli iktar baxxi” jew “livelli ogħla”, fis-sens ta’ din id-direttiva, li jipprovdu din l-informazzjoni lill-awtorità kompetenti.

74      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ssemmi l-ħtieġa, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Istati Membri jistgħux jimponu modalità unika ta’ notifika skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2012/18, li jiġu bbilanċjati, minn naħa, il-prinċipji ta’ kompetizzjoni libera u ta’ libertà ta’ stabbiliment u, min-naħa l-oħra, in-neċessità li jiġu protetti l-ambjent u s-sigurtà. Madankollu, hija bl-ebda mod ma tispjega kif tali bbilanċjar huwa rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima li hija adita biha.

75      Minn dan isegwi li l-fatt li tingħata risposta għat-tieni domanda f’dawn iċ-ċirkustanzi jfisser b’mod ċar li tingħata opinjoni konsultattiva fuq kwistjoni ipotetika, bi ksur tal-missjoni mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita bl-Artikolu 267 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Stichting RookpreventieJeugd et, C‑160/20, EU:C:2022:101, punt 84).

76      Konsegwentement, it-tieni domanda hija inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

77      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir‑Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-punt 12 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/18/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar il-kontroll ta’ perikli ta’ inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi perikolużi, li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix prattika, possibbilment adottata fl-awtorizzazzjoni ta’ mmaniġġar tal-iskart maħruġa mill-awtorità amministrattiva kompetenti, li tipprovdi li, sabiex tiġi evalwata l-“preżenza ta’ sustanzi perikolużi” fi stabbiliment, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u sabiex jiġi pprovat li l-kwantitajiet tagħhom fl-ebda mument ma jilħqu l-kwantitajiet indikati fil-parti 1 jew fil-parti 2 tal-Anness I tad-Direttiva 2012/18, ma huwiex awtorizzat li tittieħed bħala bażi unikament sistema ta’ ġestjoni implimentata mill-operatur ta dan l-istabbiliment u li tiżgura s-sorveljanza kontinwa ta’ tali sustanzi effettivament preżenti ġewwa fih.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.