Brussell, 22.4.2015

COM(2015) 172 final

2015/0089(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea,
fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet
(EaSI)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Sabiex jiġu żgurati s-sigurtà u l-omoġeneità ġuridika meħtieġa tas-Suq Intern, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandu jintegra l-leġiżlazzjoni kollha rilevanti tal-UE fil-Ftehim taż-ŻEE mill-aktar fis possibbli wara l-adozzjoni tiegħu.

L-Artikolu 78 tal-Ftehim ŻEE jipprovdi li l-Partijiet Kontraenti għandhom isaħħu u jwessgħu l-kooperazzjoni fil-qafas tal-attivitajiet tal-Unjoni fl-oqsma', fost affarijiet oħrajn, tal-politika soċjali.

2.RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

L-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (anness mal-proposta ta ' Deċiżjoni tal-Kunsill) għandu l-għan li jemenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet sabiex jestendi l-kooperazzjoni soċjali bejn il-Partijiet Kontraenti.

Ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar Programm Ewropew għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali ("EaSI") u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress għall-Impjiegi u l-Inklużjoni Soċjali 1 , kien diġà inkorporat fil-Ftehim ŻEE permezz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 151/2014 tas-27 ta' Ġunju 2014 2 , sabiex jippermetti lill-pajjiżi taż-ŻEE/EFTA jipparteċipaw f'assi magħżula tal-programm EaSI.

In-Norveġja, li bħalissa qed tipparteċipa biss f’waħda mit-tliet assi tal-programm EaSI, fl-assi tal-EURES, ipproponiet li testendi din il-parteċipazzjoni biex mill-1 ta’ Jannar 2015 tkopri wkoll l-assi Progress tal-Programm. Għalhekk, il-Protokoll 31 għall-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat.

3.ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

L-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ŻEE jipprevedi li, fuq proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill jistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni dwar Deċiżjonijiet bħal dawn.

Il-Kummissjoni tissottometti l-Abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għall-adozzjoni mill-Kunsill bħala l-pożizzjoni tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tittama li tkun fil-qagħda li tippreżentah fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mill-aktar fis possibbli.

2015/0089 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea,
fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet

(EaSI)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 46(d), 149, 153(2)(a), it-tielet paragrafu tal-Artikolu 175 u l-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta' Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 3 , u b'mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta li saret mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 4 (“il-Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1994.

(2)Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista' jiddeċiedi li jemenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, fost l-oħrajn.

(3)Il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE fih dispożizzjonijiet u arranġamenti li jikkonċernaw il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi barra mill-erba' libertajiet.

(4)Ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 ġie inkluż fil-Ftehim ŻEE permezz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 151/2014 tas-27 ta’ Ġunju 2014 6 .

(5)Il-parteċipazzjoni limitata tan-Norveġja fil-Programm għandha tiġi estiża għall-assi Progress.

(6)Il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE għandu għalhekk jiġi emendat sabiex ikun possibbli li dik il-kooperazzjoni estiża sseħħ mill-1 ta’ Jannar 2015,

(7)Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandha għalhekk tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' Deċiżjoni li jinsab mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta għall-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet, tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 238.
(2) ĠU L ...
(3) ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.
(4) ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.
(5) Regolament (UE) Nru 1296/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali ("EaSI") u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 238.).
(6) ĠU L ...