|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/2818 |
21.5.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tal-15 ta’ Mejju 2025
li taħtar erba' membri tal-Bord tat-Tmexxija tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini
(C/2025/2818)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 li jistabbilixxi proċeduri tal-Unjoni għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 65(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-lista ta' kandidati ppreżentata lill-Kunsill mill-Kummissjoni Ewropea fil-5 ta' Frar 2025,
Wara li kkunsidra l-fehmiet espressi mill-Parlament Ewropew b'ittra datata l-20 ta' April 2025,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 65(4) tar-Regolament (KE) Nru 726/2004, il-mandat tal-membri tal-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (“Bord Amministrattiv”) attwalment fil-kariga ser jiskadi fl-14 ta' Ġunju 2025. Il-membri tal-Bord Amministrattiv li l-mandat tagħhom jibda fil-15 ta' Ġunju 2025 għandhom jinħatru f'konformità mal-proċedura għan-nomina u l-ħatra stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 726/2004. |
|
(2) |
L-Artikolu 65(1), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (KE) Nru 726/2004 jirrikjedi li l-Bord Amministrattiv jinkludi wkoll żewġ rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet tal-pazjenti, rappreżentant ta' organizzazzjonijiet tat-tobba u rappreżentant ta' organizzazzjonijiet tal-veterinarji. Dawk il-membri għandhom jinħatru mill-Kunsill f'konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew abbażi ta' lista mfassla mill-Kummissjoni li b'mod sensibbli tinkludi aktar ismijiet minn kemm hemm karigi li għandhom jimtlew. Il-mandat tagħhom għandu jkun ta' tliet snin u jista' jiġġedded. |
|
(3) |
Il-Kummissjoni fasslet lista ta' kandidati u ppreżentata lill-Kunsill fil-5 ta' Frar 2025. Wara sejħa għal espressjonijiet ta’ interess, il-kandidati inklużi f’dik il-lista ntgħażlu abbażi tal-kwalifiki speċjalizzati tagħhom, il-firxa wiesgħa ta' għarfien espert rilevanti tagħhom kif ukoll l-għarfien espert rilevanti tagħhom fit-tmexxija, u l-esperjenza tagħhom fil-qasam tal-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem jew veterinarju. |
|
(4) |
Il-lista ppreżentata mill-Kummissjoni ġiet eżaminata bil-ħsieb li jinħatru l-erba' membri tal-Bord Amministrattiv li jirrappreżentaw is-soċjetà ċivili abbażi tad-dokumentazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni u fid-dawl tal-fehmiet espressi mill-Parlament Ewropew. Il-ħatra ta' dawk il-membri permezz ta' din id-Deċiżjoni tiggarantixxi li fi ħdan il-Bord Amministrattiv ikunu disponibbli l-ogħla livelli ta' kwalifiki speċjalizzati, firxa wiesgħa ta' għarfien espert rilevanti u l-aktar firxa ġeografika wiesgħa possibbli fl-Unjoni, kif ukoll għarfien espert rilevanti fit-tmexxija u l-esperjenza fil-qasam tal-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem jew veterinarju, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Dawn il-persuni li ġejjin huma b'dan maħtura bħala membri tal-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini għal perjodu ta' tliet snin mill-15 ta' Ġunju 2025:
|
ORGANIZZAZZJONIJIET TAL-PAZJENTI |
ORGANIZZAZZJONIJIET TAT-TOBBA |
ORGANIZZAZZJONIJIET TAL-VETERINARJI |
|
Is-Sur Marko KORENJAK Is-Sa Virginie HIVERT |
Is-Sur Denis LACOMBE |
Is-Sur Christophe BUHOT |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Mejju 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
M. BARANOWSKI
(1) ĠU L 136, 30.4.2004, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/726/oj.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/2818/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)