SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
26 ta’ Settembru 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam fiskali – Direttiva 2011/16/UE – Skambju ta’ informazzjoni fuq talba – Ordni mogħtija lil avukat sabiex jikkomunika informazzjoni – Sigriet professjonali tal-avukat – Artikolu 7 u Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”
Fil-Kawża C‑432/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour administrative (il-Qorti Amministrattiva, il-Lussemburgu), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Lulju 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Lulju 2023, fil-proċedura
F SCS,
Ordre des avocats du barreau de Luxembourg
vs
Administration des contributions directes,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, F. Biltgen, N. Wahl, J. Passer (Relatur) u M. L Arastey Sahún, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għall-Ordre des avocats du barreau de Luxembourg, minn P. Mellina u A. Steichen, avukati, |
|
– |
għall-Gvern Lussemburgiż, minn A. Germeaux u T. Schell, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, J. Heitz u M. Hellmann, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Spanjol, minn L. Aguilera Ruiz, bħala aġent, |
|
– |
għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch u J. Schmoll, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn K. Pavlaki, S. Santoro u A. Sikora-Kalėda, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Ferrand u W. Roels, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑30 ta’ Mejju 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(1) u (4) u tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal‑15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE (ĠU 2011, L 64, p. 1 u rettifika fil-ĠU 2020, L 274, p. 58), kif ukoll tal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), u dwar il-validità tad-Direttiva 2011/16 fid-dawl tal-Artikolu 7 tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn F SCS, uffiċċju tal-avukati kkostitwit bħala société en commandite simple (soċjetà in akkomandita) fil-Lussemburgu, u l-Ordre des avocats du barreau de Luxembourg (il-Kamra tal-Avukati tal-Lussemburgu) (iktar ’il quddiem l-“OABL”) minn naħa u l’administration des contributions directes (l-Amministrazzjoni tal-Kontribuzzjonijiet Diretti, il-Lussemburgu) min-naħa l-oħra, dwar deċiżjoni li tagħti ordni indirizzata minn din tal-aħħar lil F sabiex hija tipprovdi informazzjoni u dokumenti, kif ukoll dwar multa imposta fuq F talli ma ħaditx azzjoni dwar din id-deċiżjoni li tagħti ordni. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Id‑Direttiva 2011/16
|
3 |
Id-Direttiva 2011/16 tistabbilixxi sistema ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri u tistabbilixxi r-regoli kif ukoll il-proċeduri li għandhom jiġu applikati waqt l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri għal finijiet tat-taxxa. |
|
4 |
L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi: “Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri li taħthom l-Istati Membri għandhom jikkooperaw flimkien bil-ħsieb tal-iskambju ta’ informazzjoni li hija prevedibbilment rilevanti għall-amministrazzjoni u l-infurzar tal-liġijiet domestiċi tal-Istati Membri li jikkonċernaw it-taxxi msemmijin fl-Artikolu 2.” |
|
5 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]” |
|
6 |
L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/16, li huwa l-ewwel dispożizzjoni tat-Taqsima I, intitolata “Skambju ta’ informazzjoni fuq talba”, tal-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, huwa fformulat kif ġej: “Fuq it-talba tal-awtorità rikjedenti, l-awtorità rikjesta għandha tikkomunika lill-awtorità rikjedenti kwalunkwe informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) li hija jkollha fil-pussess tagħha jew li tikseb b’riżultat ta’ indaġnijiet amministrattivi.” |
|
7 |
Skont l-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Indaġnijiet amministrattivi”: “1. L-awtorità rikjesta għandha tieħu ħsieb l-arranġamenti għat-twettiq ta’ kwalunkwe indaġni amministrattiva meħtieġa biex tinkiseb l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5. […] 3. Sabiex tinkiseb l-informazzjoni rikjesta jew biex titwettaq l-indaġni amministrattiva rikjesta, l-awtorità rikjesta għandha ssegwi l-istess proċeduri li ssegwi li kieku kienet ser taġixxi minn rajha jew fuq it-talba ta’ awtorità oħra fl-Istat Membru tagħha stess. […]” |
|
8 |
L-Artikolu 17, intitolat “Limiti”, li jinsab fil-Kapitolu IV, intitolat “Kondizzjonijiet li Jirregolaw il-Kooperazzjoni Amministrattiva”, tal-istess direttiva, jipprovdi: “1. Awtorità rikjesta fi Stat Membru wieħed għandha tipprovdi lill-awtorità rikjedenti fi Stat Membru ieħor l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5, bil-kondizzjoni li l-awtorità rikjedenti tkun eżawriet is-sorsi ta’ informazzjoni tas-soltu li setgħet użat fiċ-ċirkostanzi biex tikseb l-informazzjoni mitluba, mingħajr ma tieħu r-riskju li tikkomprometti l-kisba tal-għanijiet tagħha. 2. Din id-Direttiva m’għandha timponi l-ebda obbligu fuq Stat Membru rikjest biex iwettaq indaġnijiet jew biex jikkomunika informazzjoni, jekk dan ikun kontra l-leġiżlazzjoni tiegħu li jitwettaq tali indaġnijiet jew li jiġbor l-informazzjoni mitluba għall-finijiet tiegħu stess. […] 4. L-għoti ta’ informazzjoni jista’ jkun irrifjutat jekk dan iwassal għall-iżvelar ta’ sigriet kummerċjali, industrijali jew professjonali jew ta’ proċess kummerċjali, jew ta’ informazzjoni li l-iżvelar tagħha jmur kontra l-ordni pubbliku. […]” |
|
9 |
L-Artikolu 18, intitolat “Obbligi”, li jinsab fl-istess Kapitolu IV tad-Direttiva 2011/16, jipprevedi: “1. Jekk tintalab informazzjoni minn Stat Membru skont din id-Direttiva, l-Istat Membru rikjest għandu juża l-miżuri tiegħu bil-għan li tinġabar informazzjoni sabiex tinkiseb l-informazzjoni mitluba, anki jekk dak l-Istat Membru jista’ ma jkunx jeħtieġ tali informazzjoni għall-finijiet fiskali tiegħu stess. Dak l-obbligu huwa mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2, […] u 4 tal-Artikolu 17, li l-invokazzjoni tiegħu m’għandha bl-ebda mod tinftiehem li tippermetti Stat Membru rikjest jirrifjuta li jforni informazzjoni sempliċiment għax ma jkollu l-ebda interess domestiku f’tali informazzjoni. 2. Fl-ebda każ m’għandu l-Artikolu 17(2) u (4) jinftiehem li jippermetti awtorità rikjesta ta’ Stat Membru tirrifjuta li tforni informazzjoni sempliċiment għax din l-informazzjoni tinżamm minn bank, istituzzjoni finanzjarja oħra, persuna nominata jew li taġixxi fil-kapaċità ta’ aġent jew tà fiduċjarju jew għax tirreferi għall-interessi proprjetarji ta’ persuna. […]” |
Id-Direttiva 2018/822
|
10 |
Id-Direttiva 2011/16 ġiet emendata diversi drabi u, b’mod partikolari, bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2018/822 tal-25 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE dwar l-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta’ informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni fir-rigward ta’ arranġamenti transkonfinali rapportabbli (ĠU 2018, L 139, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2019, L 31, p. 108 u fil-ĠU 2020, L 279, p. 23) li introduċiet obbligu ta’ rappurtar dwar l-arranġamenti fiskali transkonfinali ta’ ppjanar tat-taxxa ta’ natura potenzjalment aggressiva mal-awtoritajiet kompetenti. |
|
11 |
L-Artikolu 8ab intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni u kondizzjonijiet għall-iskambju awtomatiku obbligatorju ta’ informazzjoni dwar arranġamenti transkonfinali rapportabbli” tad-Direttiva 2011/16, kif emendata bid-Direttiva 2018/822 jipprovdi fil-paragrafi 1 u 5 tiegħu: “1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jirrikjedi li intermedjarji jippreżentaw informazzjoni li jkollhom għarfien tagħha, jew tkun fil-pussess tagħhom jew taħt il-kontroll tagħhom dwar arranġamenti transkonfinali rapportabbli lill-awtoritajiet kompetenti fi żmien 30 jum […] […] 5. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jagħti lill-intermedjarji d-dritt ta’ rinunzja mill-preżentazzjoni tal-informazzjoni dwar arranġament transkonfinali rapportabbli fejn l-obbligu ta’ rappurtar jikser il-privileġġ professjonali legali skont il-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru. F’tali ċirkostanzi, kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jirrikjedi lill-intermedjarji jinnotifikaw, mingħajr dewmien, kwalunkwe intermedjarju ieħor jew, jekk ma jkun hemm ebda tali intermedjarju, lill-kontribwent rilevanti dwar l-obbligi tagħhom ta’ rappurtar taħt il-paragrafu 6. L-intermedjarji jistgħu jkunu intitolati għal rinunzja taħt l-ewwel subparagrafu biss sa fejn huma jkunu joperaw fil-limiti tal-liġijiet nazzjonali rilevanti li jiddefinixxu l-professjonijiet tagħhom.” |
Id‑dritt Lussemburgiż
Il‑Liġi tad‑29 ta’ Marzu 2013
|
12 |
L-Artikolu 6 tal-loi du 29 mars 2013 portant transposition de la directive 2011/16 et portant 1) modification de la loi générale des impôts, 2) abrogation de la loi modifiée du 15 mars 1979 concernant l’assistance administrative internationale en matière d’impôts directs (il-Liġi tad‑29 ta’ Marzu 2013 li tittrasponi d-Direttiva 2011/16 u li (1) temenda l-liġi ġenerali dwar it-taxxi, (2) tħassar il-liġi emendata tal‑15 ta’ Marzu 1979 dwar l-assistenza amministrattiva internazzjonali fil-qasam tat-taxxi diretti (Mémorial A 2013, p. 756, iktar ’il quddiem il-“Liġi tad‑29 ta’ Marzu 2013”), jipprovdi: “Fuq it-talba tal-awtorità rikjedenti, l-awtorità rikjesta Lussemburgiża għandha tikkomunikalha kwalunkwe informazzjoni prevedibbilment rilevanti għall-amministrazzjoni u għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni interna tal-Istat Membru rikjedenti dwar it-taxxi u d-dazji msemmija fl-Artikolu 1, li hija jkollha fil-pussess tagħha jew li hija tikseb permezz ta’ investigazzjonijiet amministrattivi.” |
|
13 |
L-Artikolu 7(1) u (3) tal-Liġi tad‑29 ta’ Marzu 2013 huwa fformulat kif ġej: “(1) L-awtorità rikjesta Lussemburgiża għandha tieħu ħsieb l-arranġamenti għat-twettiq ta’ kwalunkwe investigazzjoni amministrattiva meħtieġa biex tinkiseb l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6. […] (3) Sabiex tinkiseb l-informazzjoni mitluba jew sabiex titwettaq l-investigazzjoni amministrattiva mitluba, l-awtorità rikjesta Lussemburgiża għandha ssegwi l-istess proċeduri li ssegwi li kieku kienet ser taġixxi fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta’ awtorità Lussemburgiża oħra.” |
|
14 |
L-Artikolu 18(2) u (4) ta’ din il-liġi jipprevedi: “(2) L-awtorità rikjesta Lussemburgiża ma hijiex obbligata li twettaq investigazzjonijiet jew li tibgħat informazzjoni meta t-twettiq ta’ tali investigazzjonijiet jew il-ġbir tal-informazzjoni inkwistjoni għall-finijiet tagħha stess imur kontra l-leġiżlazzjoni tagħha. […] (4) L-għoti ta’ informazzjoni jista’ jkun irrifjutat jekk dan iwassal għall-iżvelar ta’ sigriet kummerċjali, industrijali jew professjonali jew ta’ proċess kummerċjali, jew ta’ informazzjoni li l-iżvelar tagħha jmur kontra l-ordni pubbliku.” |
Il‑Liġi tal‑25 ta’ Novembru 2014
|
15 |
Il-loi du 25 novembre 2014 prévoyant la procédure applicable à l’échange de renseignements sur demande en matière fiscale et modifiant la loi du 31 mars 2010 portant approbation des conventions fiscales et prévoyant la procédure y applicable en matière d’échange de renseignements sur demande (il-Liġi tal‑25 ta’ Novembru 2014 li Tipprevedi l-Proċedura għall-Iskambju ta’ Informazzjoni fuq Talba fil-Qasam tat-Taxxa u li Temenda l-Liġi tal‑31 ta’ Marzu 2010 li Tapprova l-Ftehimiet Fiskali u li Tipprevedi l-Proċedura Applikabbli fil-Qasam tal-Iskambju ta’ Informazzjoni fuq Talba (Mémorial A 2014, p. 4170), kif emendata bil-Liġi tal‑1 ta’ Marzu 2019 (Mémorial A 2019, Nru 112) (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑25 ta’ Novembru 2014”), ittrasponiet id-Direttiva 2011/16 fid-dritt Lussemburgiż f’dak li jirrigwarda l-aspetti proċedurali tagħha. |
|
16 |
L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi: “Din il-liġi hija applikabbli b’effett mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha għat-talbiet għall-iskambju ta’ informazzjoni li jsiru fil-qasam tat-taxxa u li jsiru mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru rikjedenti taħt: […] 4. Il-[Liġi tad‑29 ta’ Marzu 2013]; […]” |
|
17 |
L-Artikolu 2(1) u (2) tal-Liġi tal‑25 ta’ Novembru 2014 jipprevedi: “L-amministrazzjonijiet tat-taxxa huma awtorizzati jitolbu kull tip ta’ informazzjoni li tkun mitluba għall-applikazzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni kif previst mill-konvenzjonijiet u liġijiet mingħand id-detentur ta’ din l-informazzjoni. (2) Id-detentur tal-informazzjoni huwa obbligat jipprovdi l-informazzjoni mitluba, kollha kemm hi, b’mod preċiż, mingħajr tibdil, u dan fi żmien xahar min-notifika tad-deċiżjoni li tordna l-għoti tal-informazzjoni mitluba. Dan l-obbligu jinkludi t-trażmissjoni mingħajr tibdil tal-fajls li fuqhom tkun ibbażata l-informazzjoni.” |
|
18 |
L-Artikolu 3(3) u (5) ta’ din il-liġi huwa fformulat kif ġej: “(3) Jekk l-amministrazzjoni fiskali kompetenti ma jkollhiex l-informazzjoni mitluba, id-direttur tal-amministrazzjoni fiskali kompetenti jew id-delegat tiegħu għandu jinnotifika b’ittra rreġistrata indirizzata lid-detentur tal-informazzjoni d-deċiżjoni tiegħu li tordna li tingħata l-informazzjoni mitluba. […] (5) Minbarra l-proċedura ta’ għoti ta’ ordni prevista fil-paragrafu 3, l-amministrazzjoni fiskali kompetenti għandha l-istess setgħat investigattivi bħal dawk implimentati fil-kuntest tal-proċeduri ta’ tassazzjoni intiżi għall-iffissar jew għall-kontroll ta’ imposti, dazji u taxxi, bil-garanziji kollha previsti fiha.” |
L‑AO
|
19 |
L-Artikolu 171 tal-loi générale des impôts du 22 mai 1931 (il-Liġi Ġenerali tat-Taxxi tat‑22 ta’ Mejju 1931), imsejħa “Abgabenordnung” (Mémorial A 1931, Nru 900), kif emendata (iktar ’il quddiem l-“AO”), jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu: “[Il-persuna taxxabbli] għandha, fuq talba, tippreżenta n-noti, il-kotba u r-reġistri kummerċjali kif ukoll id-dokumenti rilevanti għall-istabbiliment tat-taxxa (Artikolu 207), għal konsultazzjoni u kontroll.” |
|
20 |
L-Artikolu 175(1) u (2) tal-AO jipprevedi: “(1) Kull persuna li ma hijiex persuna taxxabbli, bl-eċċezzjoni tal-persuni indikati bħala qraba […], għandha wkoll tipprovdi lill-awtorità ta’ kontroll fiskali informazzjoni dwar fatti rilevanti għall-eżerċizzju tal-kontroll fiskali jew fil-kuntest ta’ proċedura ta’ investigazzjoni fiskali għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ krediti fiskali. […] (2) L-informazzjoni għandha tintalab u tiġi pprovduta bil-miktub, sakemm dan ikun prattikabbli u ma jkunux meħtieġa derogi għal raġunijiet speċjali; l-Uffiċċju tal-Kontroll Fiskali jista’ madankollu jordna li l-persuna li għandha tipprovdi l-informazzjoni tidher personalment.” |
|
21 |
L-Artikolu 177 tal-AO huwa fformulat kif ġej: “(1) Jistgħu […] jirrifjutaw l-aċċess:
[…]
(2) Din id-dispożizzjoni ma tapplikax għall-persuni msemmija fil-punti 3 u 4, sa fejn dawn huma fatti li huma jkunu saru jafu bihom fil-kuntest ta’ pariri legali jew ta’ rappreżentazzjonijiet fil-qasam fiskali, ħlief fil-każ ta’ mistoqsijiet li tweġiba affermattiva jew negattiva tagħhom tesponi lin-nominaturi tagħhom għal riskju ta’ prosekuzzjoni.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
22 |
Peress li ġiet adita b’talba għal informazzjoni bbażata fuq id-Direttiva 2011/16 mill-awtoritajiet fiskali Spanjoli, l-Amministrazzjoni tal-Kontribuzzjonijiet Diretti indirizzat lil F, fit‑28 ta’ Ġunju 2022, deċiżjoni li tagħti ordni sabiex hija tipprovdi d-dokumenti u l-informazzjoni kollha disponibbli dwar is-servizzi pprovduti minnha lil K, kumpannija rregolata mid-dritt Spanjol, fil-kuntest tal-akkwist ta’ impriża u ta’ sehem maġġoritarju f’kumpannija, fejn it-tnejn li huma huma rregolati mid-dritt Spanjol. |
|
23 |
Din id-deċiżjoni kienet ifformulata fil-kliem li ġejja: “[…] Għall-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2016 sal‑31 ta’ Diċembru 2019 nitolbuk tissottometti l-informazzjoni u d-dokumenti li ġejjin sa mhux iktar tard mit‑3 ta’ Awwissu 2022:
Nixtieq niġbidlek l-attenzjoni għall-fatt li, konformement mal-Artikolu 2[(2)] tal-[Liġi tal‑25 ta’ Novembru 2014] […], id-detentur tal-informazzjoni huwa obbligat jipprovdi l-informazzjoni mitluba kif ukoll id-dokumenti li fuqhom din l-informazzjoni tkun ibbażata kollha kemm hi, b’mod preċiż u mingħajr tibdil. […]” |
|
24 |
Permezz ta’ posta elettronika tat‑8 ta’ Lulju 2022, F irrispondiet li kienet aġixxiet bħala avukat konsulent tal-grupp li għalih K tappartjeni u li kien impossibbli għaliha, minħabba dan il-fatt u minħabba s-sigriet professjonali impost fuqha, li tikkomunika informazzjoni dwar il-klijent tagħha. |
|
25 |
Permezz ta’ posta elettronika tal‑11 ta’ Lulju 2022, l-Amministrazzjoni tal-Kontribuzzjonijiet Diretti, filwaqt li rreferiet għall-Artikolu 2(1) u (2) tal-Liġi tal‑25 ta’ Novembru 2014, stiednet lil F sabiex tikkonforma ruħha mad-deċiżjoni li tagħti ordni tat‑28 ta’ Ġunju 2022. |
|
26 |
Permezz ta’ ittra tat‑8 ta’ Awwissu 2022, F wieġbet li ma kellhiex informazzjoni li ma hijiex koperta mis-sigriet professjonali stabbilit fl-Artikolu 177(1) tal-AO, filwaqt li ppreċiżat li l-mandat tagħha fil-kuntest tal-fajl deskritt f’din id-deċiżjoni li tagħti ordni ma kienx ta’ natura fiskali, iżda kien jikkonċerna biss id-dritt tal-kumpanniji. |
|
27 |
Permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Awwissu 2022, l-imsemmija amministrazzjoni mill-ġdid ordnat lil F, taħt piena ta’ multa, sabiex tipprovdi l-informazzjoni u d-dokumenti mitluba, filwaqt li fakkret li l-komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni kollha kemm hi, b’mod preċiż u mingħajr tibdil, kienet obbligatorja skont l-Artikolu 2(2) tal-Liġi tal‑25 ta’ Novembru 2014. |
|
28 |
Permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Settembru 2022, l-istess amministrazzjoni imponiet fuq F multa fiskali talli ma tatx segwitu għad-deċiżjoni li tagħti ordni tad‑19 ta’ Awwissu 2022. |
|
29 |
Fit‑18 ta’ Ottubru 2022, F ippreżentat, quddiem it-Tribunal administratif (il-Qorti Amministrattiva, il-Lussemburgu), rikors għal riforma tad-deċiżjoni tas‑16 ta’ Settembru 2022, kif ukoll, fil‑25 ta’ Novembru 2022, rikors għall-annullament tad-deċiżjoni li tagħti ordni tad‑19 ta’ Awwissu 2022 (iktar ’il quddiem l-“ordni kontenzjuża”). L-OABL talbet li tintervjeni insostenn ta’ F fil-kuntest ta’ dan it-tieni rikors. |
|
30 |
Permezz ta’ sentenza tat‑23 ta’ Frar 2023, din il-qorti ċaħdet ir-rikors għal annullament u, għaldaqstant, ir-rikors għal intervent ippreżentat mill-OABL bħala inammissibbli ratione temporis. |
|
31 |
F u l-OABL appellaw minn din is-sentenza quddiem il-Cour administrative (il-Qorti Amministrattiva, il-Lussemburgu), li hija l-qorti tar-rinviju. |
|
32 |
Permezz ta’ sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, din il-qorti ddeċidiet li r-rikors għal annullament ippreżentat minn F kontra l-ordni kontenzjuża u r-rikors għal intervent ippreżentat mill-OABL kienu ammissibbli, u ddeċidiet li taqta’ l-kawża. |
|
33 |
Fir-rigward tal-mertu, il-qorti tar-rinviju tirrileva li r-rikorrenti u l-intervenjenti quddiemha jifformulaw l-argumenti tagħhom dwar l-illegalità tal-ordni kontenzjuża madwar l-Artikolu 17(2) u (4) tad-Direttiva 2011/16 u tal-Artikolu 18(2) u (4) tal-Liġi tad‑29 ta’ Marzu 2013, li tiżgura t-traspożizzjoni tagħha fid-dritt Lussemburgiż, u li huma jinvokaw, f’dan il-kuntest, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Orde van Vlaamse Balies et (C‑694/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza Orde van Vlaamse Balies et”, EU:C:2022:963), kif ukoll dispożizzjonijiet tal-Karta, b’mod partikolari l-Artikolu 7 tagħha. |
|
34 |
F’dan ir-rigward, din il-qorti tqis li, sabiex tagħti deċiżjoni dwar din l-argumentazzjoni u ssolvi l-kawża li tressqet quddiemha, huma neċessarji diversi kjarifiki min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja intiżi sabiex jippermettulha tevalwa l-konformità tal-ordni kontenzjuża mad-dritt tal-Unjoni, u dan, indipendentement mill-punt dwar jekk, fil-każ ineżami, F tistax, jekk ikun il-każ, tiġi eżentata wkoll mill-obbligu li tipprovdi l-informazzjoni u d-dokumenti mitluba jew uħud minnhom skont l-Artikolu 177 tal-AO sa fejn il-pariri mogħtija minnha ma kinux “fil-qasam fiskali” fis-sens tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu. |
|
35 |
Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tirrileva, qabelxejn, li, fis-sentenza Orde van Vlaamse Balies et, Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-obbligu stabbilit mill-Artikolu 8ab tad-Direttiva 2011/16, kif emendata bid-Direttiva 2018/822, fir-rigward tal-avukat li jikkonċepixxi, jikkummerċjalizza jew jorganizza arranġament transkonfinali li jiżvela lil terz l-identità tiegħu, l-evalwazzjoni tiegħu fir-rigward tal-kontenut tal-arranġament transkonfinali u l-fatt li huwa kien ġie kkonsultat, kif ukoll l-iżvelar lill-amministrazzjoni fiskali ta’ din l-informazzjoni, jinvolvu ndħil fid-dritt għall-osservanza tal-komunikazzjonijiet bejn l-avukat u l-klijent tiegħu, iggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta. Issa, fil-każ ineżami, l-ordni kontenzjuża timponi fuq F l-obbligu li tipprovdi lill-Amministrazzjoni tal-Kontribuzzjonijiet Diretti d-dokumentazzjoni kollha dwar ir-relazzjonijiet tagħha mal-klijent tagħha relatati mal-istabbiliment ta’ ċerti strutturi korporattivi ta’ investiment. Għaldaqstant, jidher loġiku li minn dan jiġi dedott li din l-ordni twassal ukoll għal indħil f’dan id-dritt. Madankollu, fid-dawl tad-differenza bejn is-sistemi ta’ skambju ta’ informazzjoni u l-atti korrispondenti, rispettivament inkwistjoni fis-sentenza Orde van Vlaamse Balies et u fil-kawża li tressqet quddiemha, il-qorti tar-rinviju tqis li konferma ta’ din l-analiżi hija neċessarja. |
|
36 |
Sussegwentement, din il-qorti tosserva li, fil-każ li l-protezzjoni tal-Artikolu 7 tal-Karta tapplika u li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ ndħil, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, fil-punt 34 tas-sentenza Orde van Vlaamse Balies et, li d-drittijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu 7 ma jidhrux li huma prerogattivi assoluti, iżda li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà u li, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 52(1) tal-Karta, din tammetti limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet, sakemm, b’mod partikolari, dawn il-limitazzjonijiet ikunu previsti mil-liġi. Madankollu, hija tirrileva li, lil hinn mill-Artikolu 17(4) tagħha, fil-qasam tal-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba, id-Direttiva 2011/16 ma fiha ebda dispożizzjoni li tipprevedi sistema partikolari li tinkludi limitazzjonijiet speċifiċi għall-obbligu ta’ avukat li jipprovdi informazzjoni bħala terz detentur ta’ tali informazzjoni. Konsegwentement, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet li jipprevedu tali sistema partikolari, tqum il-kwistjoni tal-konformità tad-Direttiva 2011/16 mal-Artikolu 7 mal-Artikolu 52(1) tal-Karta. |
|
37 |
Il-Qorti tar-rinviju tqis, barra minn hekk, li, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkonkludi li d-Direttiva 2011/16 hija konformi mal-Karta mill-perspettiva invokata fil-punt preċedenti, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-portata tad-dmir ta’ kollaborazzjoni li għandhom l-avukati fil-kuntest tal-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba rregolat minn din id-direttiva, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-effett tas-sigriet professjonali li għalih huma suġġetti, tistax tiġi ddeterminata mid-dispożizzjonijiet tad-dritt ta’ kull Stat Membru, konformement mar-riferiment magħmul mill-Artikolu 18(1) tal-imsemmija direttiva. Hija tippreċiża li, fil-każ ineżami, l-Artikolu 177 tal-AO għandu jiġi applikat bħala dispożizzjoni nazzjonali li tirregola dan id-dmir ta’ kollaborazzjoni tal-avukati bħala terzi. |
|
38 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva wkoll li, fil-punt 39 tas-sentenza Orde van Vlaamse Balies et, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-kontenut essenzjali tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukat u l-klijent tiegħu, hija biss it-tneħħija limitata ta’ din il-kunfidenzjalità li hija ammissibbli. Fil-każ ineżami, l-ordni kontenzjuża timponi fuq F l-obbligu li tipprovdi d-dokumentazzjoni kollha dwar ir-relazzjonijiet tagħha mal-klijent relatati mal-istabbiliment ta’ ċerti strutturi korporattivi ta’ investiment. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi eskluż li din l-ordni tirrigwarda l-kontenut essenzjali tad-dritt għall-osservanza tal-komunikazzjonijiet bejn avukat u l-klijent tiegħu. Peress li l-imsemmija ordni hija madankollu konformi mal-Artikolu 177 tal-AO, tqum ukoll il-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija dispożizzjoni nazzjonali kif ukoll din l-ordni humiex konformi mal-Artikolu 7 tal-Karta. |
|
39 |
Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, tali konklużjoni madankollu ma twassalx awtomatikament għall-annullament totali tal-imsemmija ordni peress li din tikkostitwixxi deċiżjoni diviżibbli skont l-informazzjoni mitluba. Il-qorti Lussemburgiża tista’ għalhekk tħalli l-obbligu fuq l-avukat li jipprovdi l-informazzjoni li ma tkunx meqjusa li taffettwa l-kontenut essenzjali tad-dritt għar-rispett tal-komunikazzjonijiet tiegħu mal-klijent tiegħu. |
|
40 |
Konsegwentement, l-eżami tal-qorti tar-rinviju ma għandux ikun limitat għall-konstatazzjoni ta’ interferenza eventwali fil-kontenut essenzjali tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukat u l-klijent tiegħu, iżda għandu jitkompla permezz tal-verifika dwar jekk kunsiderazzjonijiet oħra stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Orde van Vlaamse Balieset, b’mod partikolari fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, humiex, skont il-każ, tali li jiddefinixxu l-informazzjoni li tista’ tkun validament meħtieġa minn avukat fil-kuntest ta’ skambju ta’ informazzjoni fuq talba bbażata fuq id-Direttiva 2011/16. |
|
41 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Cour administrative (il-Qorti Amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
42 |
Il-Gvern Awstrijak esprima dubji dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja billi sostna, essenzjalment, li peress li d-Direttiva 2011/16 ma tindikax il-kundizzjonijiet li fihom investigazzjonijiet jew komunikazzjonijiet jistgħu jsiru legalment u, b’mod partikolari, taħt liema kundizzjonijiet individwu jista’ jirrifjuta li jipprovdi informazzjoni billi jinvoka sigriet professjonali, tali kwistjonijiet jiddependu esklużivament mid-dritt nazzjonali, b’tali mod li t-tilwima fil-kawża prinċipali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u lanqas, għaldaqstant, f’dak tad-dritt tal-Unjoni. |
|
43 |
Għandu jitfakkar li d-Direttiva 2011/16 torganizza l-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba bejn l-Istati Membri u, f’dan il-kuntest, tipprovdi, fl-Artikolu 18(1) tagħha, li l-Istat Membru rikjest għandu jimplimenta l-miżuri tiegħu ta’ ġbir ta’ informazzjoni sabiex jikseb l-informazzjoni mitluba mill-Istat Membru rikjedenti. Għaldaqstant, meta l-Istat Membru rikjest, wara talba għal skambju ta’ informazzjoni magħmula skont it-Taqsima I tal-Kapitolu II tad-Direttiva 2011/16, iwettaq investigazzjoni skont il-proċeduri nazzjonali tiegħu u jindirizza lid-detentur ta’ informazzjoni ordni sabiex jikkomunika din l-informazzjoni, huwa jimplementa din id-direttiva u, għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni. |
|
44 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-adozzjoni, minn Stat Membru, ta’ leġiżlazzjoni li tispeċifika l-modalitajiet tal-proċedura ta’ skambju ta’ informazzjoni fuq talba stabbilita mid-Direttiva 2011/16, b’mod partikolari billi tipprevedi l-possibbiltà, għall-awtorità kompetenti, li tieħu deċiżjoni li tobbliga lil persuna li jkollha informazzjoni tipprovdilha din tal-aħħar tikkostitwixxi tali implimentazzjoni, li tinvolvi, kif jirriżulta mill-Artikolu 51(1) tal-Karta, l-applikabbiltà ta’ din tal-aħħar (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal azzjoni ġudizzjarja kontra talba għal informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni), C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punti 45 u 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
45 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex teżamina jekk u sa fejn id-dispożizzjonijiet tal-Karta jipprekludu l-applikazzjoni, minn Stat Membru, ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-kuntest u għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ talba għal skambju ta’ informazzjoni skont it-Taqsima I tal-Kapitolu II tad-Direttiva 2011/16. |
Fuq l‑ewwel żewġ domandi preliminari
|
46 |
Permezz tal-ewwel żewġ domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li parir legali ta’ avukat fil-qasam tad-dritt tal-kumpanniji jaqa’ fil-kamp tal-protezzjoni msaħħa tal-komunikazzjonijiet bejn avukat u l-klijent tiegħu, iggarantit minn dan l-artikolu, b’tali mod li deċiżjoni li tordna lil avukat jipprovdi lill-amministrazzjoni tal-Istat Membru rikjest, għall-finijiet ta’ skambju ta’ informazzjoni fuq talba prevista mid-Direttiva 2011/16, id-dokumentazzjoni u l-informazzjoni kollha dwar ir-relazzjonijiet tiegħu mal-klijent tiegħu relatati ma’ tali parir legali tikkostitwixxi ndħil fid-dritt għar-rispett tal-komunikazzjonijiet bejn avukat u l-klijent tiegħu, iggarantit mill-imsemmi artikolu. |
|
47 |
Għandu jitfakkar li l-Artikolu 7 tal-Karta, li jagħti lil kull persuna d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-komunikazzjonijiet tagħha, jikkorrispondi għall-Artikolu 8(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) (sentenza Orde van de Vlaamse Balies et, punt 25). |
|
48 |
Konformement mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, li huwa intiż li jiżgura l-koerenza neċessarja bejn id-drittijiet inklużi fiha u d-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-KEDB mingħajr ma tiġi ppreġudikata l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha għalhekk tieħu inkunsiderazzjoni, fl-interpretazzjoni tad-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 7 tal-Karta, id-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-Artikolu 8(1) tal-KEDB, kif interpretati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, bħala livell minimu ta’ protezzjoni (sentenza Orde van Vlaamse Balies et punt 26). |
|
49 |
Hekk kif diġà rrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li l-Artikolu 8(1) tal-KEDB jipproteġi l-kunfidenzjalità ta’ kull korrispondenza bejn individwi u jagħti protezzjoni msaħħa lill-iskambji bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom. Bħal din id-dispożizzjoni, li l-protezzjoni tagħha ma tkoprix biss l-attività ta’ difiża iżda wkoll il-konsulenza legali, l-Artikolu 7 tal-Karta jiggarantixxi neċessarjament is-sigriet ta’ din il-konsulenza legali, u dan kemm fir-rigward tal-kontenut tagħha kif ukoll fir-rigward tal-eżistenza tagħha. Fil-fatt, il-persuni li jikkonsultaw avukat jistgħu raġonevolment jistennew li l-komunikazzjonijiet tagħhom jibqgħu privati u kunfidenzjali. Għaldaqstant, ħlief f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, dawn il-persuni għandhom ikunu jistgħu leġittimament ikollhom fiduċja fil-fatt li l-avukat tagħhom ma jiżvela lil ħadd, mingħajr il-kunsens tagħhom, li huma jikkonsultawh (sentenza Orde van Vlaamse Balies et, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
50 |
Il-protezzjoni speċifika li l-Artikolu 7 tal-Karta u l-Artikolu 8(1) tal-KEDB jagħtu lis-sigriet professjonali tal-avukati, li jimplika fuq kollox obbligi li jaqgħu fuq l-avukati, hija ġġustifikata mill-fatt li l-avukati għandhom funzjoni fundamentali f’soċjetà demokratika, jiġifieri d-difiża tal-individwi. Din il-funzjoni fundamentali timplika, minn naħa, ir-rekwiżit, li l-importanza tiegħu hija rrikonoxxuta fl-Istati Membri kollha, li kull parti fil-kawża għandu jkollha l-possibbiltà li tikkonsulta bil-libertà kollha lill-avukat tagħha, li l-professjoni stess tiegħu tinkludi, fl-essenza tagħha, il-kompitu li jagħti, b’mod indipendenti, pariri legali lil dawk kollha li jeħtiġuhom u, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit korrelattiv ta’ lealtà min-naħa tal-avukat fil-konfront tal-klijent tiegħu (sentenza Orde van Vlaamse Balies et, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
51 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li parir legali ta’ avukat jibbenefika, ikun xi jkun il-qasam tad-dritt li huwa jirrigwarda, mill-protezzjoni msaħħa ggarantita mill-Artikolu 7 tal-Karta għall-komunikazzjonijiet bejn avukat u l-klijent tiegħu. Minn dan jirriżulta li deċiżjoni li tagħti ordni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi ndħil fid-dritt għar-rispett tal-komunikazzjonijiet bejn avukat u l-klijent tiegħu ggarantit f’dan l-artikolu. |
|
52 |
Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel żewġ domandi għandha tkun li l-Artikolu 7 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li parir legali ta’ avukat fil-qasam tad-dritt tal-kumpanniji jaqa’ fil-kamp tal-protezzjoni msaħħa tal-komunikazzjonijiet bejn avukat u l-klijent tiegħu, iggarantita minn dan l-artikolu, b’tali mod li deċiżjoni li tordna lil avukat jipprovdi lill-amministrazzjoni tal-Istat Membru rikjest, għall-finijiet ta’ skambju ta’ informazzjoni fuq talba previst mid-Direttiva 2011/16, id-dokumentazzjoni u l-informazzjoni kollha dwar ir-relazzjonijiet tiegħu mal-klijent tiegħu relatati ma’ tali parir legali tikkostitwixxi ndħil fid-dritt għar-rispett tal-komunikazzjonijiet bejn avukat u l-klijent tiegħu, iggarantit mill-imsemmi artikolu. |
Fuq it‑tielet u r‑raba’ domanda preliminari
|
53 |
Permezz tat-tielet u r-raba’ domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2011/16 hijiex invalida fid-dawl tal-Artikolu 7 u tal-Artikolu 52(1) tal-Karta sa fejn, lil hinn mill-Artikolu 17(4), din id-direttiva ma tinkludi ebda dispożizzjoni li, minn naħa, tippermetti espressament indħil fil-komunikazzjonijiet bejn avukat u l-klijent tiegħu fil-kuntest tas-sistema tal-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba u, min-naħa l-oħra, tiddefinixxi hija stess il-portata tal-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt iggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta, filwaqt li tipprevedi, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 18(1) tal-imsemmija direttiva, li d-dritt tal-Istati Membri huwa mitlub jiddetermina sa fejn is-sigriet professjonali tal-avukat jista’ jostakola talba għal informazzjoni magħmula mill-Istat Membru rikjest. |
|
54 |
F’dan ir-rigward, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta, b’mod partikolari, li l-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-osservanza, mid-Direttiva 2011/16, tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, b’mod partikolari sa fejn din id-dispożizzjoni tipprevedi li kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minnha għandha tkun prevista mil-liġi. |
|
55 |
Id-Direttiva 2011/16 tikkonċerna l-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni. L-Artikolu 1(1) tagħha jipprovdi għalhekk li hija “tistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri li taħthom l-Istati Membri għandhom jikkooperaw flimkien bil-ħsieb tal-iskambju ta’ informazzjoni li hija prevedibbilment rilevanti għall-amministrazzjoni u l-infurzar tal-liġijiet domestiċi tal-Istati Membri li jikkonċernaw it-taxxi msemmijin fl-Artikolu 2.” |
|
56 |
Fil-kuntest tal-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba, previst fit-Taqsima I tal-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, li huwa inkwistjoni fil-każ ineżami, l-imsemmija direttiva torganizza r-relazzjonijiet bejn l-Istat Membru rikjedenti u l-Istat Membru rikjest kif ukoll l-obbligi reċiproċi tagħhom. L-Artikolu 6(1) u (3) tal-istess direttiva jipprovdi għalhekk li l-awtorità rikjesta għandha twettaq kull investigazzjoni amministrattiva meħtieġa sabiex tinkiseb l-informazzjoni mitluba u li, f’dan il-kuntest, din l-awtorità għandha ssegwi l-istess proċeduri daqslikieku kienet qed taġixxi fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta’ awtorità oħra tal-Istat Membru tagħha stess. Fil-Kapitolu IV tad-Direttiva 2011/16, dwar il-kundizzjonijiet li jirregolaw il-kooperazzjoni amministrattiva, l-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-Istat Membru rikjest għandu jimplimenta l-miżuri tiegħu ta’ ġbir ta’ informazzjoni sabiex jikseb l-informazzjoni mitluba. |
|
57 |
Min-naħa l-oħra, id-Direttiva 2011/16 ma tiddetermina, abbażi tal-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba u b’differenza minn tipi oħra ta’ skambji ta’ informazzjoni li hija torganizza, bħall-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta’ informazzjoni previst fit-Taqsima II tal-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, kif emendata bid-Direttiva 2018/822, ebda obbligu ta’ dikjarazzjoni impost fuq il-persuni jew operaturi li jkunu fil-pussess ta’ informazzjoni. |
|
58 |
Fir-rigward tal-Artikolu 17(4) tad-Direttiva 2011/16, għalkemm jikkonċerna r-relazzjonijiet bejn l-Istat Membru rikjest u l-Istat Membru rikjedenti u jipprevedi d-dritt tal-ewwel li jirrifjuta li jittrażmetti lit-tieni ċerta informazzjoni, dan ma jiddeterminax x’għandu jsir fil-kuntest ta’ proċeduri nazzjonali ta’ ġbir ta’ informazzjoni. Bl-istess mod, l-Artikolu 17(2) ta’ din id-direttiva jipprovdi li din ma għandhiex timponi fuq l-Istat Membru rikjest l-obbligu li jwettaq investigazzjonijiet jew li jibgħat informazzjoni meta dawn l-investigazzjonijiet jew il-ġbir ta’ din l-informazzjoni, jekk jitwettqu għall-finijiet proprji ta’ dan l-Istat Membru, imorru kontra l-leġiżlazzjoni tiegħu. Madankollu, huwa ma jiddeterminax ir-rekwiżiti li għandhom jiġu osservati fil-kuntest tal-proċeduri nazzjonali ta’ ġbir ta’ informazzjoni. |
|
59 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, għall-finijiet tal-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba previst mid-Direttiva 2011/16, il-leġiżlatur tal-Unjoni ddetermina biss l-obbligi li l-Istati Membri għandhom fil-konfront ta’ xulxin, filwaqt li awtorizzahom ma jiħdux azzjoni fir-rigward ta’ talba għal informazzjoni jekk it-twettiq tal-investigazzjonijiet mitluba jew il-ġbir tal-informazzjoni inkwistjoni jkunu kuntrarji għal-leġiżlazzjoni tagħhom. Għaldaqstant, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħalla b’mod partikolari f’idejn l-Istati Membri l-kompitu li jiżguraw li l-proċeduri nazzjonali tagħhom, implimentati għall-ġbir ta’ informazzjoni għall-finijiet ta’ dan l-iskambju, josservaw il-Karta, u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tagħha. |
|
60 |
Minn dan isegwi li l-fatt li s-sistema tal-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba prevista fit-Taqsima I tal-Kapitolu II tad-Direttiva 2011/16 ma tinkludix dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukat u l-klijent tiegħu, fil-kuntest tal-ġbir ta’ informazzjoni li jaqa’ fuq l-Istat Membru rikjest, ma jimplikax li din id-direttiva tikser l-Artikolu 7 u l-Artikolu 52(1) tal-Karta. Fil-fatt, mill-imsemmija direttiva jirriżulta li, b’mod koerenti mal-Artikolu 51(1) tal-Karta, huwa kull Stat Membru li għandu jiggarantixxi, fil-kuntest tal-proċeduri nazzjonali implimentati għall-finijiet ta’ dan il-ġbir, il-protezzjoni msaħħa tal-komunikazzjonijiet bejn avukat u l-klijent tiegħu, iggarantita mill-Artikolu 7 ta’ din il-Karta. Għaldaqstant, kull Stat Membru għandu, b’mod partikolari, jiżgura li kull limitazzjoni possibbli tal-eżerċizzju tad-drittijiet iggarantiti minn dan l-Artikolu 7, li jirriżultaw minn dawn il-proċeduri nazzjonali, tkun “prevista mil-liġi”, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. |
|
61 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda għandha tkun li l-eżami tal-aspetti li huma s-suġġett ta’ dawn id-domandi ma żvela ebda element tali li jaffettwa l-validità tad-Direttiva 2011/16 fid-dawl tal-Artikolu 7 u tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. |
Fuq il‑ħames u s‑sitt domanda preliminari
|
62 |
Hekk kif jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-ordni kontenzjuża tobbliga lil F tipproduċi d-dokumentazzjoni kollha dwar ir-relazzjonijiet tagħha mal-klijent tagħha relatati mal-istabbiliment ta’ ċerti strutturi korporattivi ta’ investiment, deskrizzjoni ddettaljata tat-tranżazzjonijiet li kienu għalhekk is-suġġett tal-pariri tagħha, spjegazzjoni tal-involviment tagħha f’dawn il-proċessi u l-identifikazzjoni tal-interlokuturi tagħha. Din l-ordni, li tikkostitwixxi r-repetizzjoni ta’ ordni preċedenti li għandha l-istess suġġett, ġiet deċiża mill-amministrazzjoni fiskali wara li F kienet opponiet it-trażmissjoni ta’ informazzjoni u dokumenti hekk mitluba preċedentement, billi sostniet li tali komunikazzjoni kienet tikser is-sigriet professjonali tal-avukati li bih hija marbuta F u li, fil-każ ineżami, il-pariri legali kkonċernati ma kinux, barra minn hekk, ta’ natura fiskali. Fl-ordni kontenzjuża, l-amministrazzjoni fiskali indikat b’mod partikolari lil F li hija kellha, taħt piena ta’ multa, tittrażmetti b’mod komplet, preċiż u mingħajr tibdil, l-informazzjoni mitluba preċedentement mingħajr ma tista’ tinvoka s-sigriet professjonali. Fl-aħħar nett, peress li F għadha ma osservatx l-imsemmija ordni, l-amministrazzjoni fiskali imponitilha l-multa kif imħabbra. |
|
63 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li, fid-dawl tal-portata tal-informazzjoni mitluba, li tirrigwarda, essenzjalment, il-kontenut tal-fajl kollu ta’ F, u għalhekk b’mod partikolari d-dettalji dwar il-kontenut tal-komunikazzjonijiet kollha bejn F u l-klijent tagħha, tqum il-kwistjoni, qabel kollox, dwar jekk tali ordni, li barra minn hekk hija konformi mad-dritt nazzjonali, u b’mod partikolari mal-Artikolu 177 tal-AO, tippreġudikax il-kontenut essenzjali tad-dritt għar-rispett tal-komunikazzjonijiet bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom li jibbenefikaw mill-protezzjoni msaħħa skont l-Artikolu 7 tal-Karta. |
|
64 |
Għal dak li jirrigwarda l-portata tal-informazzjoni mitluba u tal-istat tad-dritt nazzjonali li abbażi tiegħu ġiet adottata l-ordni kkontestata u l-multa sussegwenti imposta fuq F, il-qorti tar-rinviju, fl-istess ħin, enfasizzat li l-Artikolu 177 tal-AO għandu bħala konsegwenza li, meta jkun destinatarju ta’ tali ordni, avukat jista’ fil-prinċipju jirrifjuta li jipprovdi kwalunkwe informazzjoni, iżda meta jaġixxi bħala konsulent jew rappreżentant esklużivament fil-qasam fiskali, huwa għandu jipprovdi kull informazzjoni mitluba, ħlief meta l-komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni tirriskja li tesponi lill-klijent tiegħu għal proċeduri kriminali. |
|
65 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tal-ħames u tas-sitt domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7 u l-Artikolu 52(1) tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu ordni bħal dik deskritta fil-punt 52 tas-sentenza preżenti bbażata fuq leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-parir u r-rappreżentanza minn avukat fil-qasam fiskali ma jibbenefikawx, ħlief fil-każ ta’ riskju ta’ proċeduri kriminali għall-klijent, mill-protezzjoni msaħħa tal-komunikazzjonijiet bejn avukat u l-klijent tiegħu, iggarantita mill-Artikolu 7 tal-Karta. |
|
66 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabelxejn, li din il-protezzjoni msaħħa tal-komunikazzjonijiet bejn avukat u l-klijent tiegħu hija applikabbli, kif jirriżulta mill-punt 51 tas-sentenza preżenti, indipendentement mill-qasam tad-dritt li fih il-parir jew ir-rappreżentanza jingħataw lill-klijent. |
|
67 |
B’dan premess, għandu jitfakkar li d-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 7 tal-Karta ma jidhrux li huma prerogattivi assoluti, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 52(1) tal-Karta, din taċċetta limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet, sakemm dawn il-limitazzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, jirrispettaw il-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikunu neċessarji u effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni Ewropea jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Belgian Association of Tax Lawyers et., C‑623/22, EU:C:2024:639, punt 134 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
68 |
Fil-każ ineżami, l-Artikolu 177(2) tal-AO jipprojbixxi lill-avukat, is-suġġett ta’ talba għal komunikazzjoni ta’ informazzjoni lill-amministrazzjoni, milli jirrifjuta l-aċċess għal dak li ġie fdat lilu fl-eżerċizzju tal-professjoni tiegħu sa fejn dawn huma fatti li huwa kien jaf bihom waqt il-parir legali jew ir-rappreżentanza li huwa pprovda fil-qasam fiskali u ħlief fil-każ ta’ domandi li r-risposta għalihom tesponi lin-nominatur tiegħu għar-riskju ta’ proċeduri kriminali. Għaldaqstant, tali projbizzjoni għandha l-konsegwenza li xejn mill-kontenut tal-iskambji bejn avukat u l-klijent tiegħu fil-qasam fiskali, kemm jekk ikunu saru b’konsultazzjoni jew fil-kuntest ta’ rappreżentanza legali, minbarra l-kontenut li jesponi lil dan il-klijent għal riskju ta’ proċeduri kriminali, ma jista’ jinżamm sigriet fir-rigward tal-amministrazzjoni. |
|
69 |
Min-naħa tagħha, u f’konformità ma’ dak li jipprevedi b’hekk l-Artikolu 177 tal‑AO, l-ordni kkontestata, billi rrepetiet ir-rekwiżit, taħt piena ta’ multa, li tiġi prodotta fit-totalità tagħha, b’mod preċiż u mingħajr tibdil l-informazzjoni msemmija fil-punt 62 tas-sentenza preżenti, wara li F kienet indikat li kienet tqis li s-sigriet professjonali li kienet suġġett għalih kien jipprekludi tali produzzjoni, għandu, huwa wkoll, bħala konsegwenza, li xejn mill-kontenut tal-iskambji li saru bejn F u l-klijent tagħha relatati mat-twaqqif tal-istrutturi korporattivi ta’ investiment ikkonċernati ma jista’ jinżamm sigriet fil-konfront tal-amministrazzjoni awtriċi ta’ din l-ordni. |
|
70 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 7 tal-Karta jiggarantixxi s-sigriet tal-parir legali mill-avukat, fir-rigward tal-eżistenza tiegħu u tal-kontenut tiegħu. Għaldaqstant, il-persuni li jikkonsultaw avukat jistgħu raġonevolment jistennew li l-komunikazzjonijiet tagħhom jibqgħu privati u kunfidenzjali u, ħlief f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, ikollhom fiduċja fil-fatt li l-avukat tagħhom ma jiżvela lil ħadd, mingħajr il-kunsens tagħhom, li huma jikkonsultawh. |
|
71 |
Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, li ma jistax jitqies li l-obbligu ta’ komunikazzjoni, previst fl-Artikolu 8ab(5) tad-Direttiva 2011/16 kif emendata bid-Direttiva 2018/822, jippreġudika l-kontenut essenzjali tad-dritt għar-rispett tal-komunikazzjonijiet bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom, stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta. Madankollu, hija waslet għal din il-konklużjoni wara li rrilevat li dan l-obbligu kien iwassal biss b’mod limitat għat-tneħħija, fir-rigward ta’ intermedjarju terz u tal-amministrazzjoni fiskali, tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn l-avukat intermedjarju u l-klijent tiegħu u, b’mod partikolari, li din id-dispożizzjoni ma kinitx tipprevedi l-obbligu, u lanqas l-awtorizzazzjoni, għall-avukat intermedjarju li jaqsam, mingħajr il-kunsens tal-klijent tiegħu, informazzjoni dwar il-kontenut ta’ dawn il-komunikazzjonijiet (sentenza Orde van de Vlaamse Balies et, punti 39 u 40). |
|
72 |
Issa, fil-każ ineżami, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tagħha, l-Artikolu 177 tal-AO, billi jevita kważi kompletament il-protezzjoni msaħħa li minnha s-sigriet professjonali tal-avukat għandu jibbenefika, skont l-Artikolu 7 tal-Karta, il-kontenut tal-pariri legali tal-avukati pprovduti fil-qasam fiskali, jiġifieri t-totalità ta’ qasam tad-dritt li fih l-avukati jistgħu jagħtu pariri lill-klijenti tagħhom, iwassal sabiex iċaħħad din il-protezzjoni mis-sustanza tagħha anki f’dan il-qasam tad-dritt. Min-naħa tagħha, l-ordni kontenzjuża, sa fejn tidher li titlaq mill-preżunzjoni li n-nuqqas ta’ infurzabbiltà tas-sigriet professjonali tal-avukat li jirriżulta mill-Artikolu 177 tal-AO jawtorizza lill-amministrazzjoni fiskali teżiġi l-fajl kollu ta’ F, jiġifieri b’mod partikolari d-dettalji dwar il-kontenut tal-komunikazzjonijiet kollha bejn F u l-klijent tagħha, minkejja li l-pariri legali mogħtija minn F relatati mal-implementazzjoni ta’ ċerti strutturi korporattivi ta’ investiment ma kinux, skont il-kliem tagħha, relatata mal-qasam fiskali, twessa’ iktar il-portata tal-ksur tas-sustanza tad-dritt protett mill-Artikolu 7 tal-Karta. |
|
73 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 177 tal-AO, l-istess bħall-applikazzjoni tagħha li f’dan il-każ saret permezz tal-ordni kontenzjuża, mhux talli ma jillimitawx ruħhom għal sitwazzjonijiet eċċezzjonali, talli, minħabba l-portata stess tat-tneħħija mis-sigriet professjonali tal-avukat li huma jawtorizzaw fir-rigward tal-komunikazzjonijiet bejn dan tal-aħħar u l-klijent tiegħu, jippreġudikaw il-kontenut essenzjali tad-dritt iggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta. |
|
74 |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li ordni bħalma hija l-ordni kontenzjuża bbażata fuq leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 177(2) tal-AO tippreġudika l-kontenut essenzjali tad-dritt għar-rispett tal-komunikazzjonijiet bejn l-avukat u l-klijent tiegħu, u għaldaqstant huwa ndħil li ma jistax jiġi ġġustifikat. |
|
75 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għall-ħames u għas-sitt domanda għandha tkun li l-Artikolu 7 u l-Artikolu 52(1) tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu ordni bħal dik deskritta fil-punt 52 tas-sentenza preżenti bbażata fuq leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-parir legali u r-rappreżentanza minn avukat fil-qasam fiskali ma jibbenefikawx, ħlief fil-każ ta’ riskju ta’ proċeduri kriminali għall-klijent, mill-protezzjoni msaħħa tal-komunikazzjonijiet bejn avukat u l-klijent tiegħu, iggarantita mill-Artikolu 7 tal-Karta. |
Fuq l‑ispejjeż
|
76 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.