European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1539

25.7.2025

DIRETTIVA TAL-KUNSILL (UE) 2025/1539

tat-18 ta’ Lulju 2025

li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tar-regoli tal-VAT relatati ma’ persuni taxxabbli li jiffaċilitaw il-bejgħ mill-bogħod ta’ merkanzija importata u mal-applikazzjoni tal-iskema speċjali għall-bejgħ mill-bogħod ta’ merkanzija importata minn territorji terzi jew minn pajjiżi terzi u arranġamenti speċjali għad-dikjarazzjoni u l-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)

Intwera li l-użu tal-iskema tal-punt uniku ta’ servizz għall-importazzjonijiet (IOSS, import one-stop shop) jiffaċilita u jiggarantixxi aktar konformità fil-qasam tal-VAT fir-rigward tal-importazzjonijiet u b’hekk jiżgura li ma jkun hemm l-ebda distorsjoni tal-kompetizzjoni għad-detriment tal-provvisti tal-Unjoni permezz ta’ ġbir tat-taxxa inqas effettiv fuq l-importazzjonijiet ta’ kunsinni ta’ valur baxx minn pajjiżi terzi lill-konsumaturi fl-Unjoni. Fl-isfond ta’ żieda esponenzjali fl-importazzjonijiet, huwa meħtieġ li jiġi inċentivat aktar l-użu tal-iskema IOSS. Għalhekk, sabiex jintlaħaq dak l-objettiv, bħala regola, fornituri jew fornituri preżunti li mhumiex irreġistrati fl-iskema IOSS, iżda li qed jagħmlu provvisti fl-ambitu tal-iskema tal-IOSS, jenħtieġ li jsiru responsabbli għall-VAT fuq l-importazzjonijiet u għall-VAT fuq il-bejgħ mill-bogħod ta’ merkanzija importata fl-Istati Membri tad-destinazzjoni finali tal-merkanzija, li tkun teħtieġ reġistrazzjoni f’kull wieħed minn dawk l-Istati Membri.

(2)

Sabiex jiġi protett id-dħul mit-taxxa tal-Istati Membri, fornituri jew fornituri preżunti li mhumiex stabbiliti fl-Unjoni u li ma jużawx l-iskema tal-IOSS jenħtieġ li jkunu obbligati jaħtru rappreżentant tat-taxxa li jassumi l-obbligi kollha tal-VAT relatati mal-kunsinni eliġibbli kollha tal-importazzjoni. Madankollu, jenħtieġ li dak l-obbligu ma japplikax jekk il-fornitur jew il-fornitur preżunt ikun stabbilit f’pajjiż elenkat fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/942 (3) jew f’pajjiż li miegħu l-Istat Membru tal-importazzjoni ikun ikkonkluda ftehim dwar l-assistenza reċiproka. Sabiex jissaħħaħ l-infurzar, l-obbligu li jintuża rappreżentant tat-taxxa huwa miżura xierqa u proporzjonata għall-fornituri jew għall-fornituri preżunti li mhumiex stabbiliti fl-Unjoni u li ma jagħmlux użu mill-iskema tal-IOSS.

(3)

Jenħtieġ li l-kundizzjonijiet biex jinħatar tali rappreżentant tat-taxxa għall-ħlas tal-VAT jiġu allinjati mal-kundizzjonijiet li jirregolaw l-obbligu fuq fornituri jew fornituri preżunti li mhumiex stabbiliti fl-Unjoni li jaħtru intermedjarju għall-użu tal-iskema tal-IOSS, sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-ġbir tal-VAT fuq il-bejgħ mill-bogħod eliġibbli ta’ merkanzija importata. Għaldaqstant, ċerti fornituri jew fornituri preżunti mhux stabbiliti fl-Unjoni jkunu obbligati jkollhom rappreżentant tat-taxxa kemm għall-VAT fuq l-importazzjoni kif ukoll għall-VAT fuq il-bejgħ mill-bogħod ta’ merkanzija importata f’kull Stat Membru fejn iseħħu tali provvisti. Madankollu, peress li l-Istat Membru tal-importazzjoni u l-Istat Membru tad-destinazzjoni finali tal-merkanzija fil-każ tal-bejgħ mill-bogħod tal-merkanzija importata ser ikun l-istess Stat Membru meta ma tintużax l-iskema tal-IOSS, jista’ ma jkunx hemm bżonn li jinħatru żewġ rappreżentanti tat-taxxa differenti f’dak l-Istat Membru partikolari.

(4)

Meta ma tintużax l-iskema tal-IOSS, il-VAT fuq l-importazzjoni fuq il-kunsinni eliġibbli tinġabar direttament mill-Istat Membru tad-destinazzjoni finali tal-merkanzija, li huwa l-Istat Membru fejn isseħħ l-importazzjoni. B’kuntrast ma’ dan, f’każijiet fejn tintuża l-iskema tal-IOSS, l-importazzjoni tkun eżentata mill-VAT fuq l-importazzjoni, u l-VAT fuq il-bejgħ mill-bogħod ta’ merkanzija importata tinġabar mill-fornitur jew mill-fornitur preżunt u titħallas lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni tagħhom, li jittrasferixxi l-VAT lill-Istati Membri rilevanti tal-konsum. Għalhekk, jenħtieġ li dik is-sitwazzjoni titqies meta jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-ħatra ta’ rappreżentant tat-taxxa meta ma tintużax l-iskema tal-IOSS. Meta jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-ħatra ta’ intermedjarju meta tintuża l-iskema tal-IOSS, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu garanziji li jkunu adegwati u proporzjonati għar-riskji assoċjati mal-persuni u mat-tranżazzjonijiet intermedjati.

(5)

Ir-rappreżentanti doganali indiretti għandhom rwol konsiderevoli fil-proċeduri għall-importazzjoni ta’ kunsinni. Għalkemm, primarjament, il-kompitu tagħhom jinkludi r-regoli doganali, dawn jista’ jkollhom rwol attiv sabiex jiżguraw li tinġabar il-VAT fuq l-importazzjoni. Bħalissa, dak huwa possibbli meta r-rappreżentant doganali indirett jinħatar bħala l-persuna responsabbli li tħallas il-VAT fuq l-importazzjoni. Madankollu, skont il-miżuri li jinċentivaw l-użu tal-iskema tal-IOSS introdotta minn din id-Direttiva, ir-rappreżentant doganali indirett jista’ jinżamm responsabbli li jħallas il-VAT fuq l-importazzjoni meta r-rappreżentant doganali indirett ikun qed jaġixxi bħala rappreżentant tat-taxxa tal-persuna responsabbli li tħallas il-VAT fuq l-importazzjoni. Minħabba l-fatt li r-rappreżentant tat-taxxa indirett għandu l-għażla, iżda mhuwiex obbligat, li jaġixxi bħala rappreżentant tat-taxxa, huwa xieraq li l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu rappreżentanti doganali indiretti li ma jaġixxux bħala rappreżentant tat-taxxa responsabbli għall-VAT b’mod konġunt u in solidum fuq l-importazzjoni, sabiex jiġi żgurat il-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu persuni oħra, pereżempju persuni responsabbli li jħallsu d-dejn doganali f’każ ta’ irregolaritajiet doganali, responsabbli b’mod konġunt u in solidum għall-VAT fuq l-importazzjoni.

(6)

Skont il-miżuri li jinċentivaw l-użu tal-iskema tal-IOSS introdotta minn din id-Direttiva, il-fornitur jew il-fornitur preżunt huwa sistematikament responsabbli għall-VAT fuq l-importazzjoni. Konsegwentement, meta l-fornitur, il-fornitur preżunt, u, fejn applikabbli, ir-rappreżentant tat-taxxa maħtur minnhom jew il-persuna li tista’ tinżamm responsabbli b’mod konġunt u in solidum għall-VAT fuq l-importazzjoni ma tikkonformax mal-obbligi tal-VAT li jikkonċernaw ċerta merkanzija importata, il-merkanzija inkwestjoni ma tiġix rilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera. Sabiex jiġi evitat li jkun il-klijent li jiffaċċa l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ konformità tal-persuni responsabbli għall-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jippermettu li l-klijent, bil-qbil tal-klijent, iħallas il-VAT fuq l-importazzjoni dovuta mill-fornitur jew mill-fornitur preżunt, meta l-fornitur jew il-fornitur preżunt jonqos milli jissodisfa l-obbligi ta’ reġistrazzjoni u ta’ ħlas, u fejn il-fornitur jew il-fornitur preżunt ma jkunx magħruf mill-persuna li tippreżenta d-dikjarazzjoni doganali fil-mument tal-importazzjoni. Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jistabbilixxu l-kundizzjonijiet u l-proċeduri xierqa biex tiġi applikata dik il-possibbiltà, sabiex jiġi evitat li l-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni mill-klijent idgħajjef l-effettività tal-miżuri biex jinċentivaw l-użu tal-iskema tal-IOSS introdotta b’din id-Direttiva. Jenħtieġ li dak il-ħlas ikun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-klijent jitlob lura l-VAT fuq l-importazzjoni mingħand il-fornitur jew il-fornitur preżunt skont il-liġi ċivili rilevanti. Peress li dik il-possibbiltà hija maħsuba biex tegħleb id-diffikultajiet li jirriżultaw mit-tranżizzjoni mir-responsabbiltà tal-klijent għar-responsabbiltà tal-fornitur jew il-fornitur preżunt fuq il-kunsinni tal-importazzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta jekk iż-żamma ta’ dawk ir-regoli wara t-tlestija tar-riforma doganali hijiex ġustifikata.

(7)

F’konformità mal-arranġamenti speċjali kif stabbiliti fit-Titolu XII, il-Kapitolu 7, tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (4), il-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni relatata ma’ bejgħ mill-bogħod eliġibbli ta’ merkanzija importata tkun il-klijent. Dan imur kontra l-għan li r-responsabbiltà tiġi ttrasferita mill-klijent għall-fornitur jew għall-fornitur preżunt, u li dawn isiru sistematikament responsabbli għall-VAT fuq l-importazzjoni relatata ma’ dik il-merkanzija. Anki f’dawk il-każijiet fejn il-klijent iħallas il-VAT fuq l-importazzjoni, il-fornitur jew il-fornitur preżunt jibqa’ responsabbli fil-prinċipju. Għalhekk, jenħtieġ li l-arranġamenti speċjali ma jibqgħux jiġu applikati u jenħtieġ li jitħassru.

(8)

F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni (5), l-Istati Membri impenjaw ruħhom li, f’każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom tkun akkumpanjata minn dokument wieħed jew iktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ dokumenti ta’ dak it-tip hija ġustifikata.

(9)

Minħabba li l-objettiv ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li tavvanza l-kunċett ta’ reġistrazzjoni unika tal-VAT fl-Unjoni, jista’ jintlaħaq biss fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

(10)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2006/112/KE tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2006/112/KE b’effett mill-1 ta’ Lulju 2028

Id-Direttiva 2006/112/KE hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 201 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 201

1.   Mal-importazzjoni, il-VAT għandha titħallas mill-persuna jew mill-persuni nominati jew rikonoxxuti bħala responsabbli mill-Istat Membru tal-importazzjoni.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-fornitur jew, fejn applikabbli, il-fornitur preżunt f’konformità mal-Artikolu 14a(1), li jagħmel bejgħ mill-bogħod ta’ merkanzija importata minn territorji terzi jew pajjiżi terzi li jkun eliġibbli għall-iskema speċjali stabbilita fit-Titolu XII, il-Kapitolu 6, it-Taqsima 4, għandu jkun il-persuna responsabbli li tħallas il-VAT fuq l-importazzjoni.

3.   Meta l-fornitur jew il-fornitur preżunt imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu ma jkunx stabbilit fil-Komunità iżda f’pajjiż terz li miegħu la l-Unjoni u lanqas l-Istat Membru tal-importazzjoni ma jkunu kkonkludew ftehim dwar l-assistenza reċiproka b’kamp ta’ applikazzjoni simili għad-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE (*1) u r-Regolament (UE) Nru 904/2010, dak il-fornitur jew il-fornitur preżunt għandu jaħtar rappreżentant tat-taxxa fl-Istat Membru tal-importazzjoni bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni.

4.   Meta l-importazzjoni ta’ merkanzija tkun eżentata f’konformità mal-Artikolu 143(1), il-punt (ca), il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu ma għandux japplika.

(*1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE tas-16 ta’ Marzu 2010 dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet relatati ma’ taxxi, dazji u miżuri oħra (ĠU L 84, 31.3.2010, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2010/24/oj).”;"

(2)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 201a

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 201(2) u (3) u fejn il-persuni responsabbli għall-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni jonqsu milli jissodisfaw l-obbligi tat-taxxa tagħhom taħt dawk il-paragrafi, l-Istati Membri jistgħu jippermettu, skont il-kundizzjonijiet u l-proċeduri li għandhom jiġu stabbiliti minnhom, li l-konsumatur iħallas il-VAT fuq l-importazzjoni, li hija dovuta minn dawk il-persuni.”

;

(3)

fl-Artikolu 204, il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Barra minn hekk, fejn it-tranżazzjoni taxxabbli tiġi effettwata minn persuna taxxabbli li mhix stabbilita fl-Istat Membru li fih il-VAT hi dovuta u fejn ma jeżisti l-ebda strument legali mal-pajjiż li fih dik il-persuna taxxabbli hija stabbilita jew għandha s-sede tagħha, li għandha x’taqsam mal-għajnuna reċiproka simili fl-ambitu bħal dik prevista fid-Direttiva 2010/24/UE u r-Regolament (UE) Nru 904/2010, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri biex jipprevedu li l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT tkun rappreżentant tat-taxxa maħtur mill-persuna taxxabbli li mhix stabbilita.”

;

(b)

jiddaħħal is-subparagrafu li ġej:

“B’deroga mill-ewwel u t-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, fejn persuna taxxabbli tkun meħtieġa taħtar rappreżentant tat-taxxa f’konformità mal-Artikolu 201(3), dik il-persuna taxxabbli għandha taħtar rappreżentant tat-taxxa bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT fuq il-bejgħ mill-bogħod ta’ merkanzija importata minn territorji terzi jew pajjiżi terzi li jkun eliġibbli għall-iskema speċjali stabbilita fit-Titolu XII, il-Kapitolu 6, tat-Taqsima 4.”

;

(4)

fl-Artikolu 205, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“Barra minn hekk, fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 201(2) u (3), l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li persuna li mhix il-klijent u l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT għandhom ikunu responsabbli b’mod konġunt u in solidum għall-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni.”

;

(5)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 205a

Sal-31 ta’ Marzu 2032, il-Kummissjoni għandha, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, tippreżenta lill-Kunsill rapport ta’ evalwazzjoni dwar il-funzjonament tal-Artikolu 201(2), (3) u (4), tal-Artikolu 201a, tal-Artikolu 204(1), ir-raba’ subparagrafu, u tal-Artikolu 205, it-tieni paragrafu inkluż l-impatt tagħhom fuq il-funzjonament tas-suq intern, u tivvaluta l-ħtieġa li jinżammu l-Artikolu 201a u l-Artikolu 205, it-tieni paragrafu, u jekk jitqies meħtieġ, tagħmel proposta leġiżlattiva xierqa.”

;

(6)

jitħassar it-Titolu XII, il-Kapitolu 7.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sat-30 ta’ Ġunju 2028, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.

Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-1 ta’ Lulju 2028.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif issir dik ir-referenza għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BJERRE


(1)  Opinjoni tat-8 ta’ Lulju 2025 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)   ĠU C, C/2024/1579, 5.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1579/oj.

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/942 tal-10 ta’ Ġunju 2021 li tistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE fir-rigward tal-istabbiliment tal-lista ta’ pajjiżi terzi li magħhom l-Unjoni kkonkludiet ftehim dwar l-assistenza reċiproka b’kamp ta’ applikazzjoni simili għad-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 (ĠU L 205, 11.6.2021, p. 80, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2021/942/oj).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/112/oj).

(5)   ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2025/1539/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)