|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2094 |
16.10.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/2094
tal-10 ta’ Ottubru 2025
li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati mar-Renju tan-Norveġja għal ftehim dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni diretta
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 115, flimkien mal-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
L-Istati Membri jibbenefikaw minn qafas solidu u integrat sew ta' kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni diretta stabbilit fid-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE (1). Dak il-qafas għandu l-għan li jiżgura l-konformità fiskali fl-Unjoni filwaqt li jgħin lill-awtoritajiet tat-taxxa jipprevjenu u jindirizzaw il-frodi, l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa. |
|
(2) |
Ir-Renju tan-Norveġja (“in-Norveġja”) huwa sieħeb kummerċjali ewlieni tal-Unjoni u parti kontraenti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2). Huwa fl-interess tal-Istati Membri li jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni tal-qafas ta' kooperazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni bejn l-Unjoni u n-Norveġja, li bħalissa huwa limitat għall-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud |
|
(3) |
Għal dak il-għan , jenħtieġ li jinfetħu negozjati bil-ħsieb li jiġi konkluż ftehim dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni diretta man-Norveġja, li jwessa' l-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskambju awtomatiku reċiproku ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri u n-Norveġja, billi jkopri l-iskambju ta' informazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 8(1) u l-Artikoli 8a u 8ab tad-Direttiva 2011/16/UE. |
|
(4) |
Jenħtieġ ukoll li n-negozjati jkollhom ukoll l-għan li jwessgħu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-għajnuna għall-irkupru tat-taxxa bejn l-Istati Membri u n-Norveġja, billi jkopru talbiet relatati mat-taxxi kollha minbarra dawk diġà koperti mill-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (3), f'konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE (4), |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-Kummissjoni hija b'dan awtorizzata, tiftaħ negozjati għal ftehim dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni diretta mar-Renju tan-Norveġja.
2. In-negozjati għandhom isiru abbażi tad-direttivi għan-negozjar tal-Kunsill li jinsabu fl-addendum ta' din id-Deċiżjoni. Dawk id-direttivi ta' negozjar għandhom jiġu riveduti u żviluppati aktar kif xieraq skont kif jevolvu n-negozjati.
Artikolu 2
1. In-negozjati għandhom isiru f'konsultazzjoni mal-Grupp ta' Ħidma dwar Kwistjonijiet ta' Taxxa, li huwa b'dan maħtur bħala l-kumitat speċjali previst fl-Artikolu 218(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
2. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lura regolarment lill-kumitat speċjali msemmi fil-paragrafu 1 dwar il-passi li jkunu ttieħdu skont din id-Deċiżjoni u għandha tikkonsultah regolarment.
3. Kull meta tintalab tagħmel dan mill-Kunsill, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lura lill-Kunsill dwar it-tmexxija u l-eżitu tan-negozjati, anke bil-miktub.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fil-Lussemburgu, l-10 ta’ Ottubru 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
S. LOSE
(1) Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE (ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/16/oj).
(2) ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/1994/1/oj.
(3) ĠU L 195, 1.8.2018, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2018/1089/oj.
(4) Id-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE tas-16 ta' Marzu 2010 dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta' talbiet relatati ma' taxxi, dazji u miżuri oħra (ĠU L 84, 31.3.2010, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2010/24/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2094/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)