Brussell, 8.6.2021

COM(2021) 295 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżitu tal-proġett pilota tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) fil-qasam tal-kummerċ elettroniku


Werrej

1.    Introduzzjoni    

2.    Informazzjoni ġenerali dwar l-IMI    

3.    Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proġett pilota - Id-dispożizzjonijiet legali appoġġati mill-IMI    

4.    Tħejjija u tnedija tal-proġett pilota    

5.    L-awtoritajiet kompetenti    

6.    L-użu tal-IMI matul il-proġett pilota    

7.    Feedback tal-Istati Membri    

8.    Protezzjoni tad-data    

9.    Funzjonalitajiet ta’ traduzzjoni    

10.    Konklużjoni    



1.Introduzzjoni

Dan ir-rapport ikopri l-eżitu tal-proġett pilota dwar l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) għall-appoġġ tal-kooperazzjoni amministrattiva skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (id-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku) 1 . Ir-rapport huwa bbażat fuq l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ir-Regolament tal-IMI) 2 . Skont dan l-Artikolu, il-Kummissjoni trid tressaq evalwazzjoni tal-eżitu tal-proġett pilota, inkluż kwistjonijiet ta’ protezzjoni tad-data u funzjonalitajiet ta’ traduzzjoni effettivi, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Għalhekk, l-għan ta’ dan ir-rapport huwa li jiġi vvalutat l-eżitu tal-proġett pilota dwar l-użu tal-IMI biex jiġi implimentat b’mod tekniku l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-Kummissjoni. Ir-rapport għandu l-għan li jagħmel din il-valutazzjoni parti mill-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni amministrattiva stabbilit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku. Dan ir-rapport ma jivvalutax il-funzjonament ġenerali tas-sistema ta’ kooperazzjoni amministrattiva kif stabbilit f’dak l-Artikolu, li kienet is-suġġett ta’ valutazzjoni speċifika fil-kuntest tar-Rapport ta’ Evalwazzjoni għad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku 3 . Bl-istess mod, dan ir-rapport ma huwiex relatat mal-mekkaniżmu speċifiku ta’ kooperazzjoni amministrattiva applikabbli għall-intermedjarji kif propost fil-kuntest tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali 4 , li - ladarba jiġi adottat - jenħtieġ li japplika speċifikament għall-infurzar ta’ dawn ir-regoli armonizzati dwar il-provvista ta’ servizzi intermedjarji fis-suq intern.

2.Informazzjoni ġenerali dwar l-IMI

L-IMI nħolqot mir-Regolament tal-IMI u ġiet żviluppata mill-Kummissjoni f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri (is-sistema tintuża wkoll mill-pajjiżi taż-ŻEE: in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein). Din hija għodda tal-IT li hija sikura, multilingwi u flessibbli. Hija wkoll faċli għall-utent u tikkonforma mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data. L-IMI hija wkoll l-għażla prestabbilita għal ħafna inizjattivi tas-suq intern li jirrikjedu sistema għall-kooperazzjoni amministrattiva. L-IMI tgħin lill-awtoritajiet iwettqu l-obbligi ta’ kooperazzjoni amministrattiva transfruntiera tagħhom f’ħafna oqsma ta’ politika tas-suq uniku, u bħalissa tappoġġa l-proċeduri ta’ kooperazzjoni amministrattiva fi 17-il oqsma ta’ politika differenti. Minn Jannar 2021, kien hemm aktar minn 12 000 awtorità pubblika rreġistrati fis-sistema li jikkooperaw ma’ xulxin. L-IMI tista’ tiġi adattata, bi ftit jew bl-ebda sforz ta’ żvilupp, biex tappoġġa oqsma ta’ politika oħra. Din irnexxielha timmodernizza l-kooperazzjoni amministrattiva transfruntiera u tiżgura li s-suq uniku jaħdem fil-prattika. Għalkemm l-utenti finali tas-sistema huma l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, il-benefiċjarji ta’ din il-kooperazzjoni mtejba huma n-negozji u ċ-ċittadini.

L-IMI tista’ tintuża bil-lingwi kollha tal-UE: il-kontenut standardizzat, il-mistoqsijiet, it-tweġibiet, il-messaġġi u l-kampijiet tal-formoli huma kollha tradotti minn qabel. Barra minn hekk, it-traduzzjoni awtomatizzata ssir disponibbli għall-informazzjoni pprovduta fil-kampijiet b’“test liberu” (fejn l-utenti jistgħu jdaħħlu test direttament minflok jagħżlu minn għadd stabbilit ta’ opzjonijiet). Is-sistema hija flessibbli u tista’ takkomoda kwalunkwe struttura amministrattiva nazzjonali: ċentralizzata, kompletament deċentralizzata, jew xi ħaġa bejniethom. L-iskambju ta’ informazzjoni permezz tal-IMI huwa kompletament sigur u jikkonforma mar-regoli kollha dwar il-protezzjoni tad-data. Barra minn hekk, l-utenti kollha jistgħu jibbenefikaw min-network eżistenti tal-koordinaturi nazzjonali tal-IMI għat-taħriġ u għall-appoġġ. L-użu tas-sistema ma jiġġenera l-ebda kost tal-IT għall-Istati Membri u għall-pajjiżi taż-ŻEE. Il-proġetti pilota kollha fl-IMI, inkluż il-proġett pilota għall-kummerċ elettroniku, huma soġġetti għal evalwazzjoni.

3.Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proġett pilota - Id-dispożizzjonijiet legali appoġġati mill-IMI

Bħala dispożizzjoni ġenerali, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-IMI, il-Kummissjoni tista’ twettaq proġetti pilota biex tivvaluta l-effettività tal-IMI fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fl-atti tal-UE mhux elenkati fl-anness ta’ dak ir-Regolament.

Id-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku hija l-qafas legali għall-provvista tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni fis-suq intern. L-iskop tad-Direttiva huwa li jitneħħew l-ostakli għall-provvista transfruntiera ta’ dawk is-servizzi fl-UE u li tingħata ċertezza legali lin-negozji u liċ-ċittadini. Id-Direttiva tistabbilixxi regoli armonizzati dwar kwistjonijiet bħal: (i) ir-rekwiżiti ta’ trasparenza u ta’ informazzjoni għall-fornituri tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni; (ii) il-komunikazzjonijiet kummerċjali; (iii) il-kuntratti elettroniċi; u (iv) il-limitazzjonijiet tar-responsabbiltà għall-fornituri intermedjarji tas-servizzi. Din ittejjeb ukoll il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri u tagħmel l-awtoregolamentazzjoni aktar faċli.

Fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva, l-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti meta jitqiesu r-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni bejn il-fruntieri. Dan il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni jeżisti flimkien ma’ għodod oħra applikabbli għal rekwiżiti u miżuri nazzjonali dwar is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni (li spiss jinvolvu atturi differenti fl-Istati Membri), bħat-TRIS (is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar ir-Regolamenti Tekniċi) jew is-CPC (in-network ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur), li t-tnejn li huma ġew adottati u/jew żviluppati wara l-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku.

L-Artikolu 3(4), (5) u (6) tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku huwa soġġett għall-proġett pilota. Dawn id-dispożizzjonijiet jirregolaw il-proċedura li taħtha Stat Membru jista’ jieħu miżuri restrittivi kontra servizz partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni li ma jkunx stabbilit fit-territorju tiegħu. L-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri restrittivi hija soġġetta għal rekwiżiti sostantivi u proċedurali. Ir-rekwiżiti sostantivi huma stabbiliti fl-Artikolu 3(4)(a) tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku. Fir-rigward tal-kundizzjonijiet proċedurali, li huma stabbiliti fl-Artikolu 3(4)(b) tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku, qabel ma jittieħdu l-miżuri inkwistjoni u mingħajr preġudizzju għall-proċeduri tal-qorti, inkluż il-proċeduri u l-atti preliminari mwettqa fil-qafas ta’ investigazzjoni kriminali, l-Istat Membru irid jitlob lill-Istat Membru ta’ stabbiliment biex jieħu miżuri kontra servizz partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni. Jekk il-miżuri meħuda ma jkunux adegwati jew jekk l-Istat Membru ta’ stabbiliment ma jkunx ħa miżuri, l-Istat Membru, li jkollu l-ħsieb li jadotta miżuri restrittivi, irid jinnotifika kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istat Membru ta’ stabbiliment bl-intenzjoni tiegħu li jieħu dawn il-miżuri. L-Artikolu 3(5) jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-proċedura ta’ urġenza. It-talbiet għall-miżuri u n-notifiki previsti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku bħalissa huma implimentati fl-IMI: is-sistema tappoġġa l-kooperazzjoni amministrattiva permezz ta’ mezzi tekniċi ta’ modulu tat-talbiet u tan-notifiki. Il-modulu tan-notifiki jkopri wkoll in-notifika ta’ miżuri fl-ambitu tal-proċedura ta’ urġenza.

It-tnedija ta’ proġett pilota fil-qasam tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku kienet ġiet miftiehma qabel l-adozzjoni tar-Regolament tal-IMI. Għal din ir-raġuni, il-proġett pilota ma tnediex permezz tal-adozzjoni ta’ att ta’ implimentazzjoni, kif normalment ikun meħtieġ mill-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-IMI. Minflok, b’mod eċċezzjonali, il-proġett pilota jissemma’ direttament fl-Artikolu 29(1) tar-regolament, li skontu l-Kummissjoni tista’ tniedi proġett pilota biex tivvaluta jekk is-sistema tal-IMI tkunx għodda effiċjenti, kosteffettiva u faċli għall-utent biex jiġi implimentat l-Artikolu 3(4), (5) u (6) tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku.

Dan ir-rapport huwa bbażat fuq: (i) l-informazzjoni statistika miksuba mill-IMI; (ii) il-feedback mill-membri tal-grupp ta’ esperti responsabbli mill-qasam tal-kummerċ elettroniku; u (iii) it-tweġibiet għal żewġ stħarriġiet f’forma ta’ kwestjonarju dwar l-użu tas-sistema indirizzati lill-Istati Membri mill-Kummissjoni fl-2017 u fl-2019.

4.Tħejjija u tnedija tal-proġett pilota

Il-proġett pilota dwar l-użu tal-IMI għall-kooperazzjoni amministrattiva dwar il-kummerċ elettroniku tnieda fl-aħħar ta’ Novembru 2013.

Il-formoli strutturati tal-IMI għall-kontenut tal-iskambji fis-sistema (jiġifieri l-kampijiet għall-informazzjoni li għandha tiddaħħal mill-mittenti u mir-riċevituri tat-talbiet u n-notifiki) tħejjew mill-Kummissjoni. Tfasslu żewġ formoli għall-iskambju ta’ informazzjoni: formola tat-talbiet għal miżuri li għandhom jittieħdu mill-Istat Membru ta’ stabbiliment, u formola oħra għan-notifika ta’ miżuri (inkluż fil-każ ta’ urġenza) mill-Istat Membru ta’ destinazzjoni.

L-Istati Membri ġew ikkonsultati dwar il-formoli proposti mill-Kummissjoni. Abbażi tal-feedback li wasal, il-formoli ġew iffinalizzati, tradotti fil-lingwi uffiċjali kollha u implimentati fil-moduli korrispondenti tal-IMI.

Qabel ma nediet il-proġett pilota, il-Kummissjoni organizzat sessjoni ta’ taħriġ għall-esperti involuti fil-modulu tal-kummerċ elettroniku fl-Istati Membri fl-14 ta’ Ottubru 2013. Il-helpdesk tal-IMI tal-Kummissjoni ilu minn dak iż-żmien jagħti appoġġ tekniku u assistenza teknika lill-utenti. Il-Kummissjoni aġġornat ukoll b’mod regolari lill-Istati Membri dwar is-sitwazzjoni attwali tal-proġett pilota.

5.L-awtoritajiet kompetenti

Fil-qasam tal-kummerċ elettroniku, bħalissa hemm 80 awtorità kompetenti rreġistrati fl-IMI b’aċċess għall-modulu tat-talbiet, inkluż il-koordinaturi nazzjonali tal-IMI 5 f’diversi pajjiżi. B’mod ġenerali, l-Istati Membri jirreġistraw bejn awtorità kompetenti waħda u 4 awtoritajiet kompetenti f’dan il-qasam. Madankollu, xi pajjiżi jirreġistraw aktar. Pereżempju, il-Kroazja rreġistrat 5 awtoritajiet kompetenti għat-talbiet, filwaqt li Ċipru rreġistra 11.

Għall-modulu tan-notifiki, l-Istati Membri rreġistraw 68 awtorità kompetenti, inkluż 17-il koordinatur nazzjonali tal-IMI. Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi rreġistraw bejn awtorità kompetenti waħda u 4 awtoritajiet kompetenti, iżda l-Ġermanja rreġistrat 7 awtoritajiet u Ċipru rreġistra 11.

Diversi awtoritajiet kompetenti huma rreġistrati għaż-żewġ moduli (tat-talbiet u tan-notifiki). Dan ifisser li b’kollox hemm 85 awtorità kompetenti differenti rreġistrati għal dan il-qasam ta’ politika, inkluż 27 koordinatur nazzjonali tal-IMI.

6.L-użu tal-IMI matul il-proġett pilota

Id-data statistika estratta mis-sistema turi li l-użu tal-IMI matul il-proġett pilota kien pjuttost limitat, li jfisser li ġie rreġistrat volum baxx ta’ skambji.

Bejn l-2013 u l-2019, l-għadd totali ta’ skambji mill-Istati Membri kien ta’ 255, li minnhom 149 kienu talbiet u 106 kienu notifiki. L-anness tar-rapport attwali jinkludi statistika dettaljata dwar l-għadd ta’ skambji mibgħuta sa tmiem l-2019.

Matul il-proġett pilota, 72 % tat-talbiet tressqu mir-Renju Unit, filwaqt li Spanja ressqet 19 % tat-talbiet. Kien hemm ukoll tliet Stati Membri oħra – il-Belġju, il-Ġermanja u l-Irlanda – li kienu mittenti relattivament attivi. Kull wieħed minn dawn il-pajjiżi bagħat 3 % tat-talbiet (jiġifieri total ikkombinat ta’ 9 % tat-talbiet intbagħtu minn dawn it-tliet pajjiżi). It-tliet Stati Membri li rċevew l-aktar talbiet kienu Ċipru (33 % tat-talbiet kollha), il-Ġermanja (17 %) u n-Netherlands (17 %).

Fil-modulu tan-notifiki, kienet l-Italja li nnotifikat l-aktar (58 % tan-notifiki mibgħuta), segwita mir-Renju Unit b’35 % tan-notifiki mibgħuta. Il-Belġju nnotifika miżuri f’4 % tal-każijiet irreġistrati fis-sistema, filwaqt li l-Irlanda bagħtet 2 % tan-notifiki.

L-istatistika turi li xi Stati Membri għadhom ma pparteċipaw fl-ebda skambju permezz tal-IMI. Hemm ukoll pajjiżi li ma kinux involuti fin-notifiki tal-kummerċ elettroniku mibgħuta permezz tal-IMI.

Fir-rigward tal-istatus tal-każijiet fil-modulu tat-talbiet, 74 % tat-talbiet mibgħuta sal-31 ta’ Diċembru 2019 (110) twieġbu u ngħalqu formalment. Barra minn hekk, 9 % tat-talbiet ġew miċħuda, u 8 % ġew irtirati.

Fil-modulu tan-notifiki, l-iskambji kollha ngħalqu formalment. Fir-rigward tal-miżuri notifikati, it-tul ta’ żmien tal-miżuri kien permanenti f’94 % tal-każijiet u temporanju f’4 % tal-każijiet.

Iċ-ċifri mill-2020 ma juru l-ebda żieda sinifikanti fl-użu tas-sistema. Fl-2020, intbagħtu 16-il talba għal miżuri u 18-il notifika ġdida permezz tal-IMI. Il-Ġermanja bagħtet 6 talbiet għal miżuri, ir-Renju Unit beda 5 talbiet għal miżuri, l-Italja għamlet dan tliet darbiet, filwaqt li n-Netherlands talbet għal miżuri darbtejn. L-Istati Membri li rċevew dawn it-talbiet huma varji: l-Irlanda, l-Italja, Ċipru u l-Lussemburgu rċevew 2 talbiet kull wieħed, filwaqt li Franza, l-Awstrija, il-Portugall, il-Ġermanja, in-Netherlands, ir-Renju Unit, il-Lussemburgu u l-Belġju rċevew talba kull wieħed. L-Italja baqgħet l-aktar mittent attiv tan-notifiki billi bagħtet 15 mit-18-il notifika, filwaqt li n-Netherlands bagħtet 2 notifiki u notifika waħda ntbagħtet mir-Renju Unit. Sal-bidu tal-2021, ingħalaq l-istatus ta’ 5 talbiet, filwaqt li 5 talbiet ġew aċċettati, 5 talbiet ġew irtirati u talba waħda kienet qed tistenna li tiġi aċċettata. Fir-rigward tal-istatus tan-notifiki, 12 ingħalqu, 2 baqgħu miftuħa għall-kummenti u 4 notifiki ġew fl-istatus ta’ “data personali inattiva moħbija”

7.Feedback tal-Istati Membri

Minn meta beda l-proġett pilota fl-2013, il-Kummissjoni wettqet żewġ stħarriġiet tal-utenti dwar l-użu tal-IMI, wieħed fl-2017 u wieħed fl-2019. L-għan ta’ dawn l-istħarriġiet kien li jiġi żgurat li l-feedback tal-Istati Membri jkun jista’ jitqies fl-evalwazzjoni tal-proġett pilota. Fiż-żewġ każijiet, l-Istati Membri ntalbu jressqu rispons uniku għall-istħarriġ li jiġbor fil-qosor il-feedback tal-awtoritajiet tagħhom irreġistrati għall-moduli tal-kummerċ elettroniku fl-IMI.

Fl-2017, 18-il Stat Membru wieġbu għall-istħarriġ, u 12 minn dawn it-18-il rispondent qalu li kienu użaw l-IMI biex jiskambjaw informazzjoni fil-qasam tal-kummerċ elettroniku. Mit-tweġibiet, 55 % evalwaw l-esperjenza ġenerali bl-iskambju ta’ informazzjoni permezz tas-sistema bħala pożittiva jew pjuttost pożittiva. Madankollu, 38 % tat-tweġibiet iddikjaraw li mill-2014 użaw ukoll mezzi ta’ komunikazzjoni għajr l-IMI: (i) biex jitolbu lill-Istat Membru ta’ stabbiliment jieħu miżuri dwar l-attività ta’ fornitur tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni; jew (ii) meta dawn innotifikaw miżura dwar l-attività ta’ fornitur tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni.

Skont l-istħarriġ, 11 % tar-rispondenti esperjenzaw diffikultajiet biex jiddeċiedu jekk jenħtieġx li tintbagħat notifika: (i) fl-IMI abbażi tal-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku; (ii) bl-użu tal-arranġamenti għan-notifiki stabbiliti fir-Regolament dwar Kooperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumaturi 6 ; jew (iii) bl-użu tal-arranġamenti għan-notifiki stabbiliti fid-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku 7 .

L-istħarriġ wera li 77 % tal-Istati Membri qablu jew pjuttost qablu li l-proġett pilota kien wera li l-IMI hija għodda xierqa għall-appoġġ tal-kooperazzjoni amministrattiva fl-ambitu tal-Artikolu 3(4), (5) u (6) tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku 8 . 83 % kienu tal-opinjoni li l-proġett pilota tal-IMI fil-qasam tal-kummerċ elettroniku jenħtieġ li jitkompla, iżda b’xi titjib bħal żieda fl-appoġġ għall-utenti.

Il-Kummissjoni nediet it-tieni stħarriġ online tagħha fl-2019, li għalih wieġbu 25 Stat Membru u n-Norveġja.

Skont it-tweġibiet għal dan it-tieni stħarriġ, 16-il pajjiż (61 %) użaw l-IMI għall-iskambju tal-informazzjoni meħtieġa fl-ambitu tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku. Dawk li ma kinux użaw is-sistema għal dan il-għan indikaw li r-raġuni possibbli għal dan kienet li l-awtoritajiet sempliċement ma kellhom l-ebda ħtieġa li jużaw l-IMI f’dan il-qasam.

Mir-rispondenti għat-tieni stħarriġ, 57 % (15-il pajjiż) qalu li kienu rċevew talbiet mill-IMI biex jieħdu miżuri kontra l-fornituri tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, u 11 minn dawn il-15-il pajjiż evalwaw l-esperjenza ġenerali bl-iskambju ta’ informazzjoni bħala pożittiva jew pjuttost pożittiva. Mill-pajjiżi li wieġbu għat-tieni stħarriġ, 8 irċevew notifiki permezz tal-IMI dwar miżuri meħuda f’pajjiżhom rigward l-attività ta’ fornitur tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, u 50 % minn dawn it-8 (jiġifieri 4 pajjiżi) sabu l-esperjenza ġenerali bl-IMI pożittiva jew pjuttost pożittiva. Mir-rispondenti għat-tieni stħarriġ, 53 % (14-il pajjiż) qablu jew qablu ferm li s-sistema tal-IMI offriet soluzzjoni sigura għall-iskambju ta’ informazzjoni ma’ pajjiżi oħra.

Fit-tieni stħarriġ, 6 pajjiżi (23 % tar-rispondenti) qalu li dawn esperjenzaw diffikultajiet biex jiddeċiedu jekk jenħtieġx li tintbagħat notifika: (i) fl-IMI; (ii) bl-użu tal-arranġamenti għan-notifiki stabbiliti fir-Regolament dwar Kooperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumaturi; jew (iii) bl-użu tal-arranġamenti għan-notifiki stabbiliti fid-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku.

Kien hemm 18-il pajjiż (66 % ta’ dawk li wieġbu għat-tieni stħarriġ) li qablu jew pjuttost qablu mad-dikjarazzjoni li l-proġett pilota kien wera li l-IMI hija għodda xierqa għall-appoġġ tal-kooperazzjoni amministrattiva fl-ambitu tal-Artikoli 3(4), (5) u (6) tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku. 14 mill-pajjiżi li wieġbu għat-tieni stħarriġ kienu tal-opinjoni li l-proġett pilota tal-IMI fil-qasam tal-kummerċ elettroniku jenħtieġ li jitkompla b’żieda fl-appoġġ għall-utenti u fit-titjib.

Fit-8 ta’ Ottubru 2019, bħala parti mil-laqgħa tal-Grupp ta’ Esperti dwar il-Kummerċ Elettroniku, il-Kummissjoni staqsiet lill-Istati Membri dwar l-esperjenza prattika tagħhom bl-IMI. Il-Kummissjoni staqsiet lill-Istati Membri: (i) jekk dawn rawx xi limiti fil-kooperazzjoni abbażi tal-artikoli speċifiċi tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku; (ii) jekk dawn kellhomx suġġerimenti biex jittejjeb il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni stabbilit fid-Direttiva; u (iii) x’kienu l-ideat tagħhom għal dispożizzjonijiet ta’ kooperazzjoni possibbli bħala parti minn inizjattiva legali ġdida potenzjali.

Il-kontributi tal-Istati Membri għad-diskussjonijiet fil-laqgħa enfasizzaw il-punti li ġejjin.

-L-użu tal-IMI fil-qasam tal-politika tal-kummerċ elettroniku s’issa kien limitat.

-Il-fatt li xi Stati Membri qatt ma użaw is-sistema jista’ jkun dovut għan-nuqqas ta’ għarfien tagħhom dwarha. Madankollu, xi Stati Membri indikaw il-fatt li ma kien hemm l-ebda miżura biex dawn jiġu nnotifikati dwarha, u lanqas ma kien meħtieġ li jintalbu miżuri.

-Jeħtieġ li jiġi ċċarat meta għandhom jintużaw il-mekkaniżmi differenti ta’ kooperazzjoni (IMI/CPC/TRIS).

-L-Istati Membri laqgħu u appoġġaw ferm l-espansjoni tal-IMI għan-network CPC mill-2020. Dawn stennew li din l-espansjoni tgħin biex tiġi ċċarata d-differenza bejn l-iskambji fil-modulu tal-kummerċ elettroniku tal-IMI u tipi simili ta’ kooperazzjoni fin-network CPC.

-Ħafna sabu s-sistema utli u faċli biex tintuża. Madankollu, dawn qalu li mhux dejjem jista’ jkun ċar għall-utenti min ikunu l-kuntatti tal-IMI fi Stati Membri oħra jew min ikunu l-koordinaturi nazzjonali tal-IMI (dawn il-koordinaturi nazzjonali tal-IMI jistgħu jagħtu appoġġ għall-kwistjonijiet speċifiċi mqajma fil-qasam tal-kummerċ elettroniku).

-Xi Stati Membri ħasbu li l-użu tal-IMI jista’ jkun ta’ piż, speċjalment għall-awtoritajiet lokali peress li dawn ma jafux is-sistema. Madankollu, dawn l-Istati Membri ħasbu li l-funzjonament tajjeb ta’ kwalunkwe għodda jista’ jiġi żgurat permezz ta’ ġestjoni xierqa, eż. minn “awtorità ċentrali” responsabbli għall-modulu speċifiku tal-kummerċ elettroniku.

-Xi Stati Membri qalu li l-użu effettiv u b’suċċess tal-IMI huwa kwistjoni ta’ organizzazzjoni u ġestjoni interni.

8.Protezzjoni tad-data

L-ipproċessar tad-data personali fl-IMI huwa f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/679 (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, il-GDPR) 9 u r-Regolament (UE) 2018/1725 (ir-Regolament Intern dwar il-Protezzjoni tad-Data, l-IDPR) 10 . L-ipproċessar sigur tad-data personali huwa żgurat mill-Artikolu 14 tar-Regolament tal-IMI, li jistabbilixxi skadenzi ċari għall-ipproċessar tad-data personali fis-sistema. Għalhekk, l-iskambju ta’ informazzjoni permezz tal-IMI jiggarantixxi l-protezzjoni tad-data personali u huwa konformi mal-GDPR, peress li r-Regolament tal-IMI nnifsu jiggarantixxi l-konformità meħtieġa.

Il-Kapitolu III tar-Regolament tal-IMI jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ewlenin għall-ipproċessar ta’ data personali u għas-sigurtà fl-IMI. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, l-atturi tal-IMI (l-awtoritajiet kompetenti, il-koordinaturi tal-IMI, il-Kummissjoni u l-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni) iridu jiskambjaw u jipproċessaw data personali biss għall-finijiet stabbiliti fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-atti tal-Unjoni li jittrattaw l-oqsma ta’ politika appoġġati mis-sistema. Id-data sottomessa lill-IMI mis-suġġetti tad-data trid tintuża biss għall-finijiet li għalihom ġiet sottomessa d-data.

Barra minn hekk, id-data personali pproċessata fl-IMI trid tiġi mblukkata (xorta tibqa’ fis-sistema iżda wieħed ma jkunx jista’ jaraha) fis-sistema malli din ma tkunx aktar meħtieġa għall-iskop li għalih tkun inġabret, skont l-ispeċifiċitajiet ta’ kull tip ta’ kooperazzjoni amministrattiva. Bħala regola ġenerali, id-data personali pproċessata fl-IMI trid tiġi mblukkata mhux aktar tard minn 6 xhur wara l-għeluq formali tal-proċedura ta’ kooperazzjoni amministrattiva. Is-sistema awtomatikament tneħħi d-data personali mit-talbiet u min-notifiki. Dan ifisser li d-data mblukkata titħassar awtomatikament fl-IMI 3 snin wara l-għeluq formali tal-proċedura ta’ kooperazzjoni amministrattiva.

Barra minn hekk, f’konformità mal-GDPR, l-atturi tal-IMI huma responsabbli għat-teħid tal-miżuri proċedurali u organizzattivi kollha meħtieġa biex tiġi żgurata s-sigurtà tad-data personali pproċessata minnhom fl-IMI.

Matul il-proġett pilota, it-tneħħija bikrija tad-data ma ntalbet għall-ebda skambju fil-qasam tal-kummerċ elettroniku. Il-Kummissjoni ma ġietx ikkuntattjata biex tagħti aċċess għal data mblukkata (skont ir-Regolament tal-IMI), jew biex tikkoreġi data personali maħżuna fl-IMI.

L-istqarrija ta’ privatezza għas-sistema hija ppubblikata fuq il-paġna ewlenija tal-IMI 11 .

9.Funzjonalitajiet ta’ traduzzjoni

L-IMI hija għodda multilingwi. Din tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni billi tuża formoli, settijiet ta’ kampijiet, mistoqsijiet, tweġibiet u messaġġi tradotti minn qabel. L-iskambji kollha fis-sistema jistgħu jiġu kkomplementati b’informazzjoni f’test liberu, li għaliha s-sistema toffri traduzzjoni awtomatika.

Fil-qasam tal-kummerċ elettroniku, it-test liberu fil-formoli tradotti minn qabel jintuża l-aktar biex tingħata informazzjoni dwar id-deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri jew dwar it-test tal-proporzjonalità.

Il-funzjonalità integrata għat-traduzzjoni ta’ test liberu tjiebet b’mod sinifikanti mit-tnedija tal-proġett pilota, wara l-iżvilupp tas-servizz mt@EC li qabel kien konness mas-servizz attwali ta’ traduzzjoni elettronika 12 .

It-Traduzzjoni Elettronika ġiet introdotta fl-IMI fl-2014. Din ilha minn dak iż-żmien ittejjeb kontinwament il-kwalità tar-riżultati tat-traduzzjoni u l-ħin tar-rispons tas-servizz. It-traduzzjoni awtomatika tiġi offruta għall-pari kollha possibbli tal-lingwi uffiċjali tal-UE.

Fl-IMI, ġie introdott għad ta’ titjib fis-sistema biex jiġi ffaċilitat l-użu tal-mekkaniżmu integrat ta’ traduzzjoni awtomatika:

-it-traduzzjonijiet ta’ test liberu issa jintwerew fil-kuntest tagħhom (jiġifieri t-test oriġinali jintwera fuq l-iskrin);

-it-test liberu kollu li jkun fi skambju ta’ informazzjoni jista’ jiġi tradott għal-lingwa ppreferuta tal-utent tal-IMI permezz ta’ klikk/azzjoni waħda;

-il-ħżin temporanju tat-traduzzjonijiet jiżgura u jippermetti rispons fil-pront għat-talbiet għal traduzzjoni.

Aktar titjib huwa ppjanat għall-futur, bħall-inklużjoni tal-outputs tat-traduzzjoni awtomatika fir-rapporti (distinti viżwalment minn kontenut tradott minn qabel), jew it-traduzzjoni awtomatika tal-hemżiet. Madankollu, dan it-titjib u dawn il-funzjonalitajiet mhux se jkunu speċifiċi għall-modulu tal-kummerċ elettroniku tas-sistema, iżda se jkunu karatteristiċi ġeneriċi fis-sistema kollha.

10.Konklużjoni

Mill-2013, l-IMI kienet is-sistema teknika li tappoġġa l-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni stabbilit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku. Din ippermettiet lill-awtoritajiet kompetenti minn Stati Membri differenti: (i) jikkomunikaw direttament, malajr u faċilment permezz ta’ pjattaforma online sigura; u (ii) jegħlbu l-ostakli lingwistiċi billi jqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħhom settijiet tradotti minn qabel ta’ mistoqsijiet u tweġibiet standard 13 .

Abbażi tal-informazzjoni mogħtija f’dan ir-rapport, il-Kummissjoni tista’ tislet il-konklużjonijiet li ġejjin.

-S’issa l-IMI kienet għodda sigura u multilingwi għal: (i) it-trattament u l-ħżin ta’ talbiet u notifiki fost l-awtoritajiet nazzjonali involuti fil-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni amministrattiva previst fl-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku; u (ii) it-traċċar tal-interazzjonijiet fost l-awtoritajiet f’dan il-kuntest.

-Fil-qafas regolatorju attwali, il-proġett pilota tal-IMI għad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku jenħtieġ li jkompli.

-Jenħtieġ li jiġi implimentat titjib tekniku biex ikun aktar faċli għall-utent li juża l-proċeduri għat-talbiet u għan-notifiki ta’ miżuri, f’konformità mas-sistema ta’ kooperazzjoni ġenerali stabbilita fid-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku u filwaqt li titqies l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni ta’ dik id-Direttiva 14 .

-Il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkoopera mal-Istati Membri biex twettaq attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-proġett pilota u żżid l-appoġġ mogħti lill-utenti tal-IMI.

L-implimentazzjoni tat-titjib tekniku li ġej jenħtieġ li tiġi analizzata u investigata abbażi tal-karatteristiċi ġeneriċi tas-sistema:

-ristrutturar tal-informazzjoni dwar l-interfaċċa;

-tfakkiriet għal tweġibiet pendenti għal talbiet (mhux aċċettati u/jew mhux imwieġba);

-indikazzjonijiet aħjar ta’ meta r-rispondent ikun mistenni li jwieġeb;

-faċilità ta’ tiftix imtejba għat-talbiet;

-funzjonalità għall-ikkopjar ta’ data dwar talba fin-notifiki;

-konnessjoni potenzjali ma’ skambji oħra fl-IMI.

Fir-rigward tal-aħħar punt ta’ azzjoni ta’ hawn fuq, l-IMI ilha minn Jannar tal-2020 implimentata bħala l-għodda l-ġdida tal-IT għan-network CPC. Is-sistema ilha mill-implimentazzjoni tagħha tappoġġa wkoll l-obbligu ta’ notifika fl-ambitu tad-Direttiva dwar is-Servizzi. Dawn l-oqsma appoġġati mis-sistema jindikaw li hemm sinerġiji li jenħtieġ li jiġu esplorati u sfruttati matul it-tieni fażi tal-proġett pilota. Is-sinerġiji mas-CPC jistgħu bla dubju jġibu aktar ċarezza dwar liema proċedura għandha tintuża fil-qasam tal-kummerċ elettroniku.

L-appoġġ għall-utenti tal-IMI involuti fil-proġett pilota jista’ jiżdied permezz ta’:

-segwitu strutturat għall-iskambji;

-rapportar statistiku regolari dwar it-talbiet u n-notifiki;

-taħriġ u gwida għall-utenti.

Oqsma ta’ tħassib

Iż-żieda fl-għadd limitat ta’ skambji tista’ tkun ta’ sfida.

Kwistjonijiet miftuħa

Is-sinerġiji mas-CPC iridu jiġu żviluppati aktar; huwa meħtieġ aktar appoġġ għall-utenti.

Avvanzi pożittivi

L-IMI tkompli tgħin biex ittejjeb l-operazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku billi tipprovdi pjattaforma online sigura għall-iskambji u għan-notifiki amministrattivi. Il-kooperazzjoni kontinwa tal-Istati Membri – kif ukoll l-appoġġ legali u tekniku u l-irfinar – huma essenzjali biex jiġi żgurat li l-IMI tkompli tiffunzjona kif suppost għal dan il-qasam.

B’dan ir-rapport, il-Kummissjoni tikkonforma mar-rekwiżit ta’ rapportar fl-ambitu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) 1024/2012.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.

(1)

Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (ĠU L 178, 17.7.2000, pp. 1-16).

(2)

  Ir-Regolament (UE) 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/49/KE (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 1).

(3)

Ara SWD(2020) 348 final, Parti 2, Anness 5 tar-Rapport ta’ Evalwazzjoni ġenerali tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku u l-Anness 8 b’kunsiderazzjoni speċifika għall-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni transfruntiera.

(4)

 Ara l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Suq Intern għas-Servizzi Diġitali (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE COM/2020/825 final 

(5)

 Fis-sistema tal-IMI, kull Stat Membru għandu koordinatur nazzjonali wieħed tal-IMI, li r-responsabbiltajiet tiegħu huma stabbiliti fl-Artikolu 6 tar-Regolament tal-IMI. Il-koordinaturi nazzjonali tal-IMI huma l-punti ta’ kuntatt ewlenin għall-atturi tal-IMI fl-Istat Membru tagħhom. Ir-rwol tagħhom huwa li jiżguraw li l-IMI topera mingħajr xkiel billi, fost affarijiet oħra: (i) jirreġistraw l-awtoritajiet xierqa; (ii) jiġġestixxu l-aċċess għal moduli differenti; (iii) jappoġġaw lill-utenti; u (iv) jiżguraw il-funzjonament effiċjenti tal-IMI.

(6)

 Ir-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 345, 27.12.2017, pp. 1-26).

(7)

Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 241, 17.9.2015, pp. 1-15).

(8)

Dawn in-numri ma jirreferux għall-evalwazzjoni tar-regoli sottostanti iżda pjuttost għall-aspetti tekniċi tas-sistema tal-IMI.

(9)

Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU L 119, 4.5.2016, pp. 1-88).

(10)

 Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, pp. 39–98).

(11)

  https://ec.europa.eu/internal_market/imi-net/_docs/data_protection/privacy_statement_mt.pdf

(12)

 It-Traduzzjoni Elettronika hija element kostitwenti tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE). L-għan ewlieni tagħha huwa li tgħin lill-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej u nazzjonali jiskambjaw informazzjoni minkejja l-ostakli lingwistiċi fl-UE. Permezz tagħha, l-amministrazzjonijiet pubbliċi, iċ-ċittadini u n-negozji fl-UE se jkunu jistgħu jużaw is-servizzi diġitali bil-lingwa li jagħżlu. https://ec.europa.eu/cefdigital/wiki/display/CEFDIGITAL/eTranslation .

(13)

 Ta’ min jinnota li l-karatteristiċi bażiċi tal-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni huma stabbiliti fid-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku, li ma humiex is-suġġett ta’ dan ir-rapport. Ara wkoll in-nota f’qiegħ il-paġna 3 hawn fuq.

(14)

F’dan ir-rigward, ir-rapport ta’ evalwazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku wera l-ħtieġa li jiġu ċċarati ċerti aspetti tas-sistema ta’ notifika. Għalhekk, l-aġġustamenti tekniċi futuri għall-IMI jenħtieġ li jippermettu l-kjarifiki meħtieġa fir-rigward tal-funzjonament ta’ din is-sistema ta’ notifika.