|
19.7.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 190/119 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/1235
tat-12 ta’ Lulju 2022
li tikkonċerna t-tiġdid tal-Ftehim dwar il-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 186, flimkien mal-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a)(v), tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew,
Billi:
|
(1) |
Permezz tad-Deċiżjoni 2005/781/KE (1), il-Kunsill approva l-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil (2) (“il-Ftehim”). |
|
(2) |
F’konformità mal-Artikolu XII tal-Ftehim, il-Ftehim daħal fis-seħħ fid-data meta ż-żewġ Partijiet kienu nnotifikaw lil xulxin bil-miktub li kienu tlestew il-proċeduri interni rispettivi tagħhom meħtieġa biex il-Ftehim jidħol fis-seħħ, jiġifieri s-7 ta’ Awwissu 2007. Il-Ftehim kien validu għal perjodu inizjali ta’ ħames snin u jista’ jiġġedded bi ftehim bejn il-Partijiet wara evalwazzjoni li ssir fis-sena ta’ qabel l-aħħar sena ta’ kull perjodu suċċessiv ta’ tiġdid tal-Ftehim. |
|
(3) |
Il-Kunsill approva t-tiġdid tal-Ftehim għal perjodu addizzjonali ta’ ħames snin darbtejn, permezz tad-Deċiżjonijiet 2012/646/UE (3) u (UE) 2018/343 (4). |
|
(4) |
L-iskambju ta’ ittri bejn il-Partijiet, bid-dati tal-11 ta’ Mejju 2021 u l-24 ta’ Mejju 2021 ikkonferma l-interess tagħhom li jġeddu l-Ftehim għal ħames snin oħra. |
|
(5) |
Jenħtieġ li t-tiġdid tal-Ftehim jiġi approvat f’isem l-Unjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
It-tiġdid tal-Ftehim dwar il-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil, għal perjodu addizzjonali ta’ ħames snin, huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill għandu jinnomina l-persuna jew persuni bis-setgħa li jinnotifikaw lill-Gvern tar-Repubblika Federattiva tal-Brażil, f’isem l-Unjoni, li l-Unjoni lestiet il-proċeduri interni tagħha meħtieġa għat-tiġdid tal-Ftehim f’konformità mal-Artikolu XII(2) tal-Ftehim.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2022.
Għall-Kunsill
Il-President
Z. STANJURA
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/781/KE tas-6 ta’ Ġunju 2005 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil (ĠU L 295, 11.11.2005, p. 37).
(2) ĠU L 295, 11.11.2005, p. 38.
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/646/UE tal-10 ta’ Ottubru 2012 li tikkonċerna t-tiġdid tal-Ftehim dwar il-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil (ĠU L 287, 18.10.2012, p. 4).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/343 tal-5 ta’ Marzu 2018 li tikkonċerna t-tiġdid tal-Ftehim dwar il-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil (ĠU L 67, 9.3.2018, p. 1).